SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikolu 4(1) – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inkompatibbiltà ta’ żewġ pensjonijiet jew iktar ta’ invalidità professjonali totali miksuba taħt l-istess skema statutorja ta’ sigurtà soċjali – Kompatibbiltà ta’ tali pensjonijiet meta jaqgħu taħt skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali distinti – Konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ statistika – Determinazzjoni tal-gruppi milquta li għandhom jitqabblu – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑625/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 26 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 26 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

KM

vs

Istituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal KM, minn I. Armenteros Rodríguez, abogado,

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn P. García Perea u A. R. Trillo García, letrados,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KM u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrikonoxxi l-kompatibbiltà ta’ żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali rrikonoxxuti lil KM taħt l-istess skema statutorja tas-sigurtà soċjali abbażi ta’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ korrimenti differenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/7:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

4

L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li hija għandha tapplika għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ “invalidità”.

5

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom;

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), jipprovdi, b’mod partikolari, li din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet intiżi li jimplimentaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali.

7

L-Artikolu 2(1)(f) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, għall-finijiet tal-istess direttiva, “skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali” huma skemi li ma humiex irregolati mid-Direttiva 79/7 li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, identifikati bħala grupp fil-kuntest ta’ impriża jew ta’ grupp ta’ impriżi, ta’ qasam ta’ attività ekonomika jew ta’ settur professjonali jew interprofessjonali, b’benefiċċji intiżi li jikkomplementaw jew li jissostitwixxu l-benefiċċji tal-iskemi statutorji ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk is-sħubija f’dawn l-iskemi tkun obbligatorja jew fakultattiva.

Id-dritt Spanjol

8

L-Artikolu 9(1) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni kkonsolidata approvata mir-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 8/2015), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291) (iktar ’il quddiem il-“LGSS”), jipprovdi:

“Is-sistema tas-sigurtà soċjali hija kkostitwita mill-iskemi segwenti:

(a)

l-iskema ġenerali, li taqa’ taħt it-Titolu II ta’ din il-liġi;

(b)

l-iskemi speċjali msemmija fl-artikolu li ġej.”

9

L-Artikolu 10 tal-LGSS jipprovdi:

“1.   Għandhom jiġu stabbiliti skemi speċjali għall-attivitajiet professjonali li, minħabba n-natura tagħhom, il-kundizzjonijiet partikolari f’termini ta’ żmien u ta’ post li fihom jiġu eżerċitati, jew it-tip ta’ proċessi ta’ produzzjoni, jeħtieġu l-istabbiliment ta’ tali skemi sabiex tiġi żgurata applikazzjoni adegwata tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

2.   Għandhom jitqiesu li huma skemi speċjali dawk li jkopru l-gruppi segwenti:

(a)

il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

[…]”

10

L-Artikolu 163 tal-LGSS, intitolat “Inkompatibbiltà ta’ pensjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-pensjonijiet [tal-i]skema ġenerali [tas-sigurtà soċjali] huma inkompatibbli bejniethom meta jirċevihom l-istess benefiċjarju, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni legali jew regolatorja espressament kuntrarja. Fil-każ ta’ inkompatibbiltà, il-benefiċjarju li jista’ jkollu dritt għal żewġ pensjonijiet jew iktar għandu jagħżel waħda minnhom.”

11

Skont is-26 dispożizzjoni tranżitorja tal-LGSS, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali:

“1. L-invalidità professjonali, tkun xi tkun il-kawża determinanti, għandha tiġi kklassifikata skont l-iskala li ġejja:

(a)

invalidità professjonali parzjali għall-professjoni abitwali;

(b)

invalidità professjonali totali għall-professjoni abitwali;

(c)

invalidità professjonali ġenerali għal kull tip ta’ xogħol;

(d)

inkapaċità li tirrikjedi l-assistenza ta’ terz.

2. Fil-każ ta’ inċident, kemm jekk ikun ikkaġunat mix-xogħol jew le, il-professjoni abitwali tfisser il-professjoni normalment eżerċitata mill-ħaddiem fil-mument tal-inċident. Fil-każ ta’ mard, kemm jekk ikun ikkaġunat mix-xogħol jew le, professjoni abitwali tfisser il-professjoni li għaliha l-ħaddiem kien jiddedika l-attività prinċipali tiegħu matul il-perijodu li jippreċedi l-bidu tal-invalidità ddeterminata mil-leġiżlazzjoni.

[…]

4. Invalidità professjonali totali għall-professjoni abitwali tfisser l-inkapaċità li tipprekludi lill-ħaddiem milli jeżerċita l-kompiti kollha ta’ din il-professjoni abitwali jew il-kompiti essenzjali tagħha, bil-kundizzjoni li huwa jista’ jiddedika ruħu għal professjoni oħra differenti.

[…]”

12

L-Artikolu 34 tad-Decreto 2530/1970 por el que se regula el régimen especial de la Seguridad Social de los trabajadores por cuenta propia o autónomos (id-Digriet Nru 2530/1970 li Jirregola l-Iskema Speċjali tas-Sigurtà Soċjali għal Persuni li Jaħdmu għal Rashom), tal‑20 ta’ Awwissu 1970 (BOE Nru 221, tal‑15 ta’ Settembru 1970, p. 15148), jipprovdi:

“Il-pensjonijiet li din l-iskema speċjali tagħti lill-benefiċjarji tagħha huma inkompatibbli bejniethom, sakemm ma jkunx previst espressament mod ieħor. Kull persuna li tista’ tibbenefika minn żewġ pensjonijiet jew iktar għandha tagħżel waħda minnhom.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 1999, l-INSS irrikonoxxa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, affiljata mal-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali (iktar ’il quddiem ir-“RGSS”), bħala li kienet f’sitwazzjoni ta’ invalidità professjonali totali għall-professjoni abitwali tagħha bħala assistenta amministrattiva wara marda mhux ikkaġunata mix-xogħol marbuta ma’ puplesija iskemika ċerebrali, u taha pensjoni taħt ir-RGSS, ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għall-perijodu minn Mejju 1989 sa April 1994.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2018, l-INSS irrikonoxxa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li fil-frattemp kienet bdiet taħdem bħala assistenta ta’ kura matul il-jum, bħala li kienet f’sitwazzjoni ta’ invalidità professjonali totali anki fir-rigward tal-professjoni abitwali l-ġdida tagħha minħabba inċident mhux ikkaġunat mix-xogħol li kien wassal sabiex kisret femur, u taha l-pensjoni korrispondenti konformement mar-RGSS, ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għall-perijodu minn Frar 2015 sa Jannar 2017. Madankollu, l-INSS qies li, skont l-Artikolu 163 tal-LGSS, din il-pensjoni kienet inkompatibbli ma’ dik mogħtija preċedentement, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet intitolata biss għal waħda minnhom.

15

Fit‑23 ta’ Jannar 2019, l-INSS ċaħad l-ilment li r-rikorrenti kienet ressqet kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

16

Fit‑12 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għar-rikonoxximent tal-kompatibbiltà tal-pensjoni ta’ invalidità marbuta mal-professjoni tagħha bħala assistenta ta’ kura ma’ dik marbuta mal-professjoni preċedenti tagħha bħala assistenta amministrattiva, sabiex tkun tista’ takkumula dawn iż-żewġ pensjonijiet. Għal dan il-għan, hija sostniet, essenzjalment, li l-Artikolu 163 tal-LGSS, li abbażi tiegħu l-INSS iddikjara l-inkompatibbiltà taż-żewġ pensjonijiet, huwa inapplikabbli għaliex joħloq diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess u għalhekk imur kontra d-dritt tal-Unjoni.

17

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, qabelxejn, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali stabbilixxiet li kienet ikkontribwixxiet biżżejjed sabiex tibbenefika miż-żewġ pensjonijiet inkwistjoni.

18

Dik il-qorti tesponi, sussegwentement, li s-sistema Spanjola ta’ sigurtà soċjali hija komposta minn diversi skemi, li l-iktar importanti minnhom huma r-RGSS, li tkopri l-ħaddiema impjegati b’mod ġenerali, u l-iskema speċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (iktar ’il quddiem ir-“RETA”), li tkopri l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom b’mod ġenerali, fejn dawn iż-żewġ skemi joffru b’mod partikolari benefiċċji ta’ invalidità professjonali totali lill-benefiċjarji li ma jkunux għadhom jistgħu jaħdmu għal raġunijiet ta’ saħħa.

19

Skont l-istess qorti, għalkemm l-Artikolu 163 tal-LGSS jostakola l-kumulu ta’ żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali rrikonoxxuti skont ir-RGSS, mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) madankollu jirriżulta li din id-dispożizzjoni, interpretata a contrario, tippermetti li jiġi ammess tali kumulu meta dawn il-pensjonijiet jirriżultaw minn skemi differenti, jiġifieri, bħala regola ġenerali, ir-RGSS u r-RETA, inkluż abbażi tal-istess korrimenti. Ir-raġuni għal din l-interpretazzjoni hija li kull waħda minn dawn l-iskemi għandha għan speċifiku, jiġifieri, għar-RGSS, l-għan li tiġi kkumpensata l-impossibbiltà li tiġi eżerċitata attività bħala persuna impjegata, u, għar-RETA, l-għan li tiġi kkumpensata l-impossibbiltà li tiġi eżerċitata attività bħala persuna li taħdem għal rasha.

20

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ tali regola twassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li hija pprojbita mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54, sa fejn, anki jekk ma tagħmel ebda distinzjoni abbażi tas-sess u tkun, għalhekk, apparentement newtrali f’dan ir-rigward, din ir-regola tista’ madankollu toħloq effetti iktar qawwija fuq in-nisa. Skont l-istatistika pprovduta mill-INSS dwar id-data ta’ riferiment tal‑31 ta’ Jannar 2020, filwaqt li t-tqassim tal-affiljati tar-RGSS bejn l-irġiel u n-nisa huwa pjuttost ibbilanċjat, dawn tal-aħħar jirrappreżentaw biss 36.15 % tal-affiljati mar-RETA. Dan il-proporzjon żgħir jirrifletti d-diffikultà ikbar għan-nisa li jwettqu attività professjonali taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu, diffikultà li tirriżulta mill-fatt li s-soċjetà tradizzjonalment tathom ir-rwol ta’ nisa tad-dar.

21

Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, peress li l-kumulu tal-benefiċċji huwa possibbli biss għall-benefiċċji miksuba fil-kuntest ta’ skemi differenti u peress li l-proporzjon ta’ rġiel affiljati mar-RETA huwa nettament ogħla minn dak tan-nisa, dan il-kumulu jkun iktar faċli għall-irġiel milli għan-nisa.

22

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-argumenti mressqa mill-INSS sabiex jiġġustifika l-inkompatibbiltà taż-żewġ pensjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex konvinċenti. B’hekk hija għandha dubju dwar il-fondatezza tal-argument li jista’ jkun hemm biss pensjoni waħda ta’ invalidità professjonali totali intiża li tikkumpensa t-telf ta’ dħul dovut għall-impossibbiltà li wieħed ikun jista’ jkompli jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu peress li f’mument partikolari tista’ teżisti biss professjoni abitwali waħda. Fil-fatt, dan l-istess argument għandu jwassal sabiex jipprojbixxi l-kumulu ta’ żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali miksuba taħt skemi distinti.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 26 de Barcelona (il-Qorti Industrijali Nru 26 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:

“(1)

Hija kuntrarja għal-leġiżlazzjoni Ewropea li tinsab fl-Artikolu 4 [tad-Direttiva 79/7], u fl-Artikolu 5 [tad-Direttiva 2006/54], inkwantu tista’ twassal għal diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess jew il-ġeneru, id-dispożizzjoni Spanjola dwar il-kompatibbiltà tal-benefiċċji, li tinsab fl-Artikolu 163.1 [tal-LGSS], interpretata mill-ġurisprudenza, li tipprekludi l-kompatibbiltà ta’ żewġ benefiċċji tal-invalidità permanenti totali rrikonoxxuti fl-istess skema, filwaqt li tirrikonoxxi l-kompatibbiltà tagħhom fil-każ li jkunu rrikonoxxuti fi skemi differenti, minkejja li fi kwalunkwe każ huma dovuti abbażi ta’ kontribuzzjonijiet separati, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rappreżentazzjoni tas-sessi tal-iskemi distinti tas-Sigurtà Soċjali Spanjola?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni Spanjola tista’ tkun kuntrarja għal dik Ewropea msemmija iktar ’il fuq fil-każ li ż-żewġ benefiċċji kienu jirriżultaw minn ferimenti differenti?”

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi mistoqsijiet lill-INSS u lill-Gvern Spanjol, li wieġbu permezz ta’ ittri ppreżentati rispettivament fit‑3 u fis‑7 ta’ Diċembru 2021.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Sabiex tiġi ppreċiżata, preliminarjament, il-portata tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tas-sigurtà soċjali mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54 fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-possibbiltà, prevista f’din il-leġiżlazzjoni kif interpretata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li jiġu akkumulati żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali f’sitwazzjoni fejn il-ħaddiem affiljat ikun issodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn il-pensjonijiet abbażi ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni fi skemi differenti.

26

F’dan id-dawl, fir-rigward tal-applikabbiltà tad-direttivi msemmija mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tixtieq takkumula jingħataw skont is-sistema ta’ sigurtà soċjali prevista fil-LGSS u għandhom l-għan li jipproteġu lill-affiljati kontra t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-inkapaċità li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom.

27

Tali pensjonijiet jaqgħu taħt id-Direttiva 79/7 peress li jagħmlu parti minn skema statutorja ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) tagħha, jiġifieri l-invalidità, u peress li huma direttament u effettivament marbuta mal-protezzjoni kontra dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 35).

28

Għall-kuntrarju, kif enfasizzaw l-INSS, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea, id-Direttiva 2006/54 ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(f) tagħha, jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-iskemi statutorji rregolati mid-Direttiva 79/7 (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 34).

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-ħaddiema affiljati mas-sigurtà soċjali milli jibbenefikaw kumulattivament minn żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali meta dawn ikunu jaqgħu taħt l-istess skema ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li tippermetti tali kumulu meta dawn il-pensjonijiet jaqgħu taħt skemi distinti ta’ sigurtà soċjali.

30

Għandu jitfakkar li, għalkemm huwa paċifiku li d-dritt tal-Unjoni josserva l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 25).

31

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li Stat Membru jeskludi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-possibbiltà li persuna tibbenefika fl-istess ħin minn żewġ pensjonijiet jew iktar ta’ invalidità professjonali totali, u lanqas li tali kumulu jkun permess taħt ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, tali leġiżlazzjoni għandha tosserva d-Direttiva 79/7, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, li jipprovdi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kemm direttament kif ukoll indirettament, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-benefiċċji.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif osservat il-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa affiljati mad-diversi skemi Spanjoli ta’ sigurtà soċjali li jkunu ssodisfaw, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ mill-inqas żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali, b’tali mod li din il-leġiżlazzjoni ma tinvolvix diskriminazzjoni diretta.

33

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali tinvolvix diskriminazzjoni indiretta, dan il-kunċett għandu jinftiehem, fil-kuntest tad-Direttiva 79/7, fis-sens li sitwazzjoni fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jkunu jidhru newtrali jqiegħdu partikolarment lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata indirettament fuq is-sess, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 37).

34

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tinvolvi diskriminazzjoni indiretta. Kif ġie espost fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, dik il-qorti tirrileva li, għalkemm, skont l-istatistika li hija għandha, l-affiljati mar-RGSS jinqasmu b’mod pjuttost ibbilanċjat bejn iż-żewġ sessi, in-nisa jirrappreżentaw biss madwar 36 % tal-affiljati mar-RETA, f’sitwazzjoni fejn dawn iż-żewġ skemi jiġbru l-maġġoranza kbira tal-ħaddiema affiljati mas-sigurtà soċjali Spanjola. Għalhekk, l-irġiel jinsabu f’pożizzjoni aħjar min-nisa sabiex jiksbu d-dritt għal diversi pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali fi skemi distinti u sabiex ikunu jistgħu jakkumulaw dawn il-pensjonijiet.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi, fost il-ħaddiema li kisbu d-dritt għal diversi pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali, differenza fit-trattament skont kriterju apparentement newtrali li jwassal sabiex dawn il-ħaddiema jkunu awtorizzati biss li jakkumulaw tali pensjonijiet meta dawn jaqgħu taħt skemi distinti ta’ sigurtà soċjali.

36

Issa, jidher li tali differenza fit-trattament tiffavorixxi lill-ħaddiema li jistgħu jakkumulaw żewġ pensjonijiet jew iktar li jaqgħu taħt skemi distinti ta’ sigurtà soċjali f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont globali ta’ dawn il-pensjonijiet, u li, bil-kontra, tista’ twassal għal żvantaġġ għad-detriment tal-ħaddiema li, peress li jkunu kisbu tali pensjonijiet taħt l-istess skema ta’ sigurtà soċjali, ma jistgħux jakkumulawhom.

37

L-INSS u l-Gvern Spanjol jenfasizzaw li l-pensjonijiet li jaqgħu taħt kull skema ta’ sigurtà soċjali huma differenti, b’mod partikolari, minħabba l-metodi ta’ kontribuzzjoni u ta’ kalkolu tagħhom kif ukoll minħabba l-għanijiet tagħhom u jiddikjaraw, barra minn hekk, li dawn l-elementi juru li l-ħaddiema li jistgħu jakkumulaw żewġ pensjonijiet jew iktar ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema li ma għandhomx din il-possibbiltà. Madankollu, l-elementi msemmija iktar ’il fuq ma jidhrux li jpoġġu f’dubju l-konstatazzjoni li l-possibbiltà li jiġu akkumulati żewġ pensjonijiet jew iktar tippermetti, bħala prinċipju, lill-ħaddiema kkonċernati jibbenefikaw minn benefiċċju globali ta’ ammont ogħla minn dak tal-pensjoni unika li altrimenti kienu jkunu intitolati għaliha u lanqas ma juru, barra minn hekk, l-assenza ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tagħhom, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-pensjonijiet tar-RGSS u tar-RETA huma t-tnejn intiżi sabiex jikkumpensaw it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-inkapaċità totali tal-ħaddiem li jeżerċita, bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, il-professjonali abitwali tiegħu, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

38

Fit-tieni lok, sabiex jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura li tqiegħed fi żvantaġġ partikolarment lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li tali leġiżlazzjoni taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 25).

39

Dan jista’ jkun il-każ jekk jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-konsegwenza li ċċaħħad proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ ħaddiema nisa, meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, mill-possibbiltà li jakkumulaw żewġ pensjonijiet jew iktar ta’ invalidità professjonali totali.

40

Fil-każ li, bħal f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali jkollha statistika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha toriġina d-differenza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li l-aħjar metodu ta’ paragun jikkonsisti fil-paragun bejn il-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mill-allegata differenza fit-trattament fi ħdan il-ħaddiema nisa li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-istess proporzjonijiet fi ħdan il-ħaddiema rġiel li jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 26).

41

F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa sa fejn l-istatistika prodotta quddiemha hija affidabbli u jekk din l-istatistika tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew okkażjonali u jekk hijiex suffiċjentement sinjifikattiva (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 27).

42

Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet u l-partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet ma jaqblux dwar liema tip ta’ data għandha tintuża sabiex jiġu ddeterminati, skont il-metodoloġija msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-proporzjonijiet ta’ persuni affettwati mid-differenza fit-trattament. Dawn il-partijiet ma jaqblux b’mod partikolari dwar jekk id-data użata mill-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, dwar ir-rati rispettivi ta’ affiljazzjoni tal-ħaddiema rġiel u nisa mar-RGSS u mar-RETA tippermettix li jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet ta’ persuni affettwati, filwaqt li l-INSS u l-Gvern Spanjol jenfasizzaw, b’mod partikolari, l-assenza ta’ korrelazzjoni diretta bejn l-affiljazzjoni ma’ skema partikolari u l-għoti tad-dritt għal pensjoni.

43

Fir-rigward tar-rilevanza tad-data pprovduta mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tapplikax għall-ħaddiema kollha affiljati mad-diversi skemi Spanjoli ta’ sigurtà soċjali iżda biss għal dawk li, bħala prinċipju, issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ mill-inqas żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali, kif essenzjalment irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha.

44

Fil-fatt, huma biss il-ħaddiema li jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija li jistgħu jiġu rrifjutati jew irrikonoxxuti l-benefiċċju tal-kumulu ta’ żewġ pensjonijiet jew iktar ta’ invalidità professjonali totali, skont jekk dawn jaqgħux taħt l-istess skema jew taħt skemi distinti ta’ sigurtà soċjali.

45

B’hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvix diskriminazzjoni indiretta, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema li ma jistgħux jakkumulaw żewġ pensjonijiet jew iktar għas-sempliċi raġuni li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kull waħda minn dawn il-pensjonijiet, li madankollu jidhru neċessarjament fost il-ħaddiema kkonċernati mill-istatistika użata mill-qorti tar-rinviju dwar ir-rati ta’ affiljazzjoni mad-diversi skemi ta’ sigurtà soċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 30).

46

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tinvolvi diskriminazzjoni indiretta kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, jeħtieġ, qabel kollox, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-ħaddiema kollha li, bħala prinċipju, kisbu d-dritt għal iktar minn pensjoni waħda ta’ invalidità professjonali totali. Sussegwentement, għandhom jiġu stabbiliti, fost il-grupp ta’ ħaddiema hekk iddefinit, minn naħa, il-proporzjon ta’ ħaddiema rġiel li ma jistgħux jakkumulaw dawn il-pensjonijiet meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel li jistgħu jipproċedu għal tali kumulu u, min-naħa l-oħra, l-istess proporzjon fir-rigward tal-ħaddiema nisa. Fl-aħħar nett, dawn il-proporzjonijiet għandhom jiġu pparagunati bejniethom sabiex tiġi evalwata n-natura sinjifikattiva tal-eventwali differenza bejn il-proporzjon affettwat negattivament fost il-ħaddiema rġiel u dak fost il-ħaddiema nisa.

47

Din il-metodoloġija hija barra minn hekk newtrali meta mqabbla maċ-ċirkustanza, enfasizzata mill-INSS u mill-Gvern Spanjol, li l-ħaddiema rġiel jinsabu f’riskju ikbar mill-ħaddiema nisa li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol u li għalhekk ikollhom jitolbu l-għoti ta’ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali. Fil-fatt, il-paragun li għandu jsir huwa intiż biss li jistabbilixxi jekk, fi ħdan il-kategoriji rispettivi ta’ ħaddiema rġiel u nisa li għalihom dan ir-riskju diġà seħħ, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwax negattivament proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel, kif essenzjalment irrilevat ukoll l-Avukata Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha.

48

F’dak li jirrigwarda d-data xierqa għall-implimentazzjoni ta’ tali paragun, l-INSS ipprovda, fit‑3 ta’ Diċembru 2021, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, statistika supplimentari, kif iddefinita f’din it-talba, fir-rigward tan-numru ta’ ħaddiema rġiel u nisa li jsoffru minn, minn tal-inqas, żewġ inkapaċitajiet ta’ xogħol u li kisbu d-dritt, fl‑10 ta’ Novembru 2021, bħala prinċipju, għal pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali abbażi ta’ mill-inqas żewġ skemi ta’ sigurtà soċjali jew inkella taħt ir-RGSS biss.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika għall-ħaddiema kollha li ssodisfaw, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ mill-inqas żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali. Għaldaqstant, hija tista’ taffettwa negattivament il-ħaddiema kollha li kisbu d-dritt, minn tal-inqas, għal żewġ pensjonijiet ta’ invalidità taħt l-istess skema ta’ sigurtà soċjali, tkun liema tkun din l-iskema.

50

Issa, huwa minnu li d-data msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza tidher li tippermetti li jiġi stmat b’mod affidabbli, fid-data ta’ riferiment, in-numru totali ta’ ħaddiema rġiel u nisa vvantaġġati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s‑7 723 ħaddiem raġel u t‑3 460 ħaddiem mara li, f’din id-data, setgħu bħala prinċipju jakkumulaw mill-inqas żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali.

51

Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, din id-data hija limitata, għall-ħaddiema li ma jistgħux jakkumulaw il-pensjonijiet li kisbu dritt għalihom, li telenka l‑4 047 ħaddiem raġel u t‑3 388 ħaddiem mara li huma affiljati biss mar-RGSS. Għaldaqstant, din id-data ma tindikax it-total tal-ħaddiema żvantaġġati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-data ta’ riferiment u għalhekk ma tippermettix, waħidha, li jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet ta’ ħaddiema rġiel u nisa żvantaġġati minn din il-leġiżlazzjoni konformement ma’ dak li ġie espost fil-punti 40 u 46 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema affiljati mar-RETA biss, li għalihom tapplika, skont l-Artikolu 34 tad-Digriet Nru 2530/1970 li Jirregola l-Iskema Speċjali tas-Sigurtà Soċjali għal Persuni li Jaħdmu għal Rashom, l-istess regola bħal dik stabbilita mill-Artikolu 163(1) tal-LGSS għall-affiljati mar-RGSS.

52

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tan-numru kbir ta’ affiljati mar-RETA, ma huwiex eskluż li t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċifri li jikkonċernaw il-ħaddiema li, bħala prinċipju, kisbu d-dritt għal minn tal-inqas żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali abbażi ta’ din l-iskema biss jista’ jkollu effett fuq il-kalkolu, fuq il-bażi tad-data rilevanti kollha, tal-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema rġiel u nisa affettwati negattivament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali konformement mal-metodoloġija esposta fil-punti 40 u 46 ta’ din is-sentenza.

53

Għalhekk, għalkemm data bħal dik imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza hija bħala prinċipju rilevanti sabiex jiġu ddeterminati dawn il-proporzjonijiet u sabiex b’hekk jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tqiegħed fi żvantaġġ partikolarment lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, għandu jiġi żgurat li d-data finalment użata għal dan il-għan tkun suffiċjentement affidabbli u kompleta sabiex jiġu stabbiliti korrettament l-imsemmija proporzjonijiet.

54

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji u li għandha tevalwa, jekk ikun il-każ, jekk l-eventwali differenza bejn il-proporzjonijiet ta’ ħaddiema rġiel u nisa affettwati negattivament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura sinjifikattiva, filwaqt li jiġi ppreċiżat li differenza inqas sinjifikattiva iżda persistenti u relattivament kostanti matul perijodu twil bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa tista’ wkoll tiżvela apparenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 61).

55

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-fatti li abbażi tagħhom jista’ jiġi preżunt li hemm diskriminazzjoni indiretta għandha titwettaq mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki nazzjonali li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ statistika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fit-tielet lok, jekk, wara din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqiegħed fi żvantaġġ partikolarment lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, din il-leġiżlazzjoni tkun tinvolvi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Dan ikun il-każ jekk din id-dispożizzjoni tissodisfa għan leġittimu ta’ politika soċjali, hija xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u hija neċessarja għal dan l-għan, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tista’ titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan invokat biss jekk verament tissodisfa l-intenzjoni li jintlaħaq dan l-għan u jekk tiġi implimentata b’mod konsistenti u sistematiku (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi), C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 48).

57

F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwasslu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 57).

58

Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn id-dispożizzjoni leġiżlattiva kkonċernata hija ġġustifikata minn tali fattur oġġettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tintalab tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 58).

59

F’dan il-każ, l-INSS u l-Gvern Spanjol isostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan li titħares il-vijabbiltà tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. Huma jesponu, minn naħa, li l-possibbiltà li jiġu akkumulati mill-inqas żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali miksuba taħt skema waħda, li jkopru l-istess riskju ta’ telf ta’ dħul professjonali, ikollha konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-finanzjament ta’ din is-sistema u, min-naħa l-oħra, li l-possibbiltà li jiġu akkumulati pensjonijiet li jaqgħu taħt skemi distinti għandha effett baġitarju limitat u li dawn il-pensjonijiet barra minn hekk ikopru riskji differenti.

60

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali għan huwiex għan leġittimu ta’ politika soċjali, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni għad-detriment ta’ wieħed mis-sessi, il-finalitajiet intiżi li jiġi żgurat il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet ta’ invalidità professjonali jistgħu, għall-kuntrarju, jitqiesu, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri, bħala li jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma huma relatati ma’ ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 38).

61

F’dak li jirrigwarda n-natura xierqa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tilħaq l-għan invokat, huwa minnu li tali leġiżlazzjoni, sa fejn teskludi jew tirrestrinġi l-benefiċċju ta’ numru ta’ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn tali kumulu jista’ jagħti lill-persuni kkonċernati ammont globali li jeċċedi t-telf ta’ dħul li dawn il-pensjonijiet huma intiżi li jikkumpensaw, tidher li hija xierqa sabiex tikkontribwixxi sabiex jitħarsu l-finanzi tal-iskema ta’ sigurtà soċjali u sabiex tiżgura allokazzjoni razzjonali tal-fondi kkonċernati.

62

Madankollu, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-ħaddiem jirċevix pensjonijiet li jaqgħu taħt skema waħda jew taħt skemi distinti, l-ispejjeż relatati jibqgħu koperti mill-baġit tas-sigurtà soċjali.

63

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, kif ġie kkunsidrat fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, li, minkejja d-differenzi li jista’ jkun hemm bejn il-pensjonijiet li jaqgħu taħt id-diversi skemi ta’ sigurtà soċjali fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu u ta’ kontribuzzjoni tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet tagħhom, il-possibbiltà li jiġu akkumulati diversi pensjonijiet miksuba taħt skemi distinti tidher li tagħti vantaġġ finanzjarju lill-ħaddiema kkonċernati u tista’ twassal għal spejjeż pubbliċi supplimentari.

64

B’hekk, il-konsegwenzi baġitarji tal-kumulu ta’ diversi pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali ma jidhrux li huma sinjifikattivament differenti skont jekk tali kumulu jingħatax għal pensjonijiet miksuba taħt l-istess skema jew taħt skemi distinti, u dan iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, il-ħaddiem ikkonċernat ikun kiseb id-dritt għaż-żewġ pensjonijiet tiegħu abbażi ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni differenti.

65

Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex implimentata b’mod konsistenti u sistematiku b’tali mod li ma tistax titqies li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan invokat.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-ħaddiema affiljati mas-sigurtà soċjali milli jibbenefikaw kumulattivament minn żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali meta dawn il-pensjonijiet jaqgħu taħt l-istess skema ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li tippermetti tali kumulu meta dawn il-pensjonijiet jaqgħu taħt skemi distinti ta’ sigurtà soċjali, kemm-il darba din il-leġiżlazzjoni tqiegħed partikolarment fi żvantaġġ lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, b’mod partikolari sa fejn tippermetti proporzjon sinjifikattivament ogħla ta’ ħaddiema rġiel, iddeterminat abbażi tal-ħaddiema rġiel kollha suġġetti għall-imsemmija leġiżlazzjoni, meta mqabbel mal-proporzjon korrispondenti ta’ ħaddiema nisa, jibbenefikaw minn dan il-kumulu, u kemm-il darba l-istess leġiżlazzjoni ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi mhux marbuta ma’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

Fuq it-tieni domanda

67

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-ħaddiema affiljati mas-sigurtà soċjali milli jibbenefikaw kumulattivament minn żewġ pensjonijiet ta’ invalidità professjonali totali meta dawn il-pensjonijiet jaqgħu taħt l-istess skema ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li tippermetti tali kumulu meta dawn il-pensjonijiet jaqgħu taħt skemi distinti ta’ sigurtà soċjali, kemm-il darba din il-leġiżlazzjoni tqiegħed partikolarment fi żvantaġġ lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, b’mod partikolari sa fejn tippermetti proporzjon sinjifikattivament ogħla ta’ ħaddiema rġiel, iddeterminat abbażi tal-ħaddiema rġiel kollha suġġetti għall-imsemmija leġiżlazzjoni, meta mqabbel mal-proporzjon korrispondenti ta’ ħaddiema nisa, jibbenefikaw minn dan il-kumulu, u kemm-il darba l-istess leġiżlazzjoni ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi mhux marbuta ma’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.