SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Trattament inqas favorevoli ta’ ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom – Projbizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien fiss itwal għal ħaddiema part-time milli għal ħaddiema full-time – Prinċipju ta’ prorata temporis– Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1)(b) – Kunċett ta’ ‘iskriminazzjoni indiretta’ ibbażata fuq is-sess – Artikolu 14(1)(c) – Kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 19 – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑274/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2018, fil-proċedura

Minoo Schuch-Ghannadan

vs

Medizinische Universität Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Schuch-Ghannadan, minn A. Obereder, Rechtsanwalt,

għall-Medizinische Universität Wien, minn A. Potz, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Pimenta u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u T. S. Bohr kif ukoll minn A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(b) u tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Minoo Schuch-Ghannadan u l-Medizinische Universität Wien (l-Università Medika ta’ Vjenna, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“MUW”) dwar talba tal-ewwel intiża sabiex tiġi kkonstatata l-kontinwazzjoni, għal żmien indeterminat, tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mat-tieni waħda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 97/80/KE

3

L-Artikolu 4(1) tad-Direttivatal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar il-piż [l-oneru] tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264), li ġiet mħassra bid-Direttiva 2006/54, kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

Il-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time

4

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, hija redatta kif ġej:

“1. Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2. Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ prorata temporis.

[…]”

Il-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat]

5

Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol għal Żmien Fiss”, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, fil-punt 1 tagħha tipprevedi:

“Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ mpjieg għal termini fissi, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.”

Id-Direttiva 2006/54

6

Skont il-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54:

“L-adozzjoni ta’ regoli fuq id-dmir tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun effettivament infurzat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja iddeċidiet, għalhekk għandhom jittieħdu dispozizzjonijiet li jiżguraw li d-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta’diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex jtintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,

[…]”

8

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat;

[…]”

9

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelanti.

3.   L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri fejn hija l-qorti jew il-korp kompetenti li għandha tinvestiga l-fatti tal-każ.

[…]”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 6(1) tal-Universitätsgesetz 2002 (il-Liġi dwar l-Universitajiet, iktar ’il quddiem l-“UG”) huwa redatt kif ġej:

“Din il-Liġi Federali tapplika għall-universitajiet li ġejjin:

[…]

4.

[MUW];

[…]”

11

L-Artikolu 109 tal-UG jistabbilixxi:

“1.   Il-kuntratti ta’ xogħol jistgħu jiġu konklużi għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni kuntrarja għal din il-Liġi Federali, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għandhom tul massimu ta’ 6 snin taħt piena ta’ invalidità.

2.   Suċċessjoni ta’ [kuntratti għal] żmien determinat konsekuttivi huwa leċitu biss għall-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel impjegati fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew minn proġetti ta’ riċerka u għall-persunal allokat esklużivament għall-edukazzjoni kif ukoll għall-persunal ta’ sostituzzjoni. It-tul totali tal-kuntratti ta’ xogħol konsekuttivi ta’ ħaddiema jew ta’ ħaddiem ma jistax jeċċedi s-6 snin, jew it-8 snin fil-każ ta’ impjieg part-time. Estensjoni unika għal tul massimu ta’ 10 snin, u ta’ 12-il sena fil-każ ta’ impjieg part-time, hija awtorizzata jekk teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod partikolari t-tkomplija jew it-tlestija ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ pubblikazzjonijiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li M. Schuch-Ghannadan ġiet impjegata mid-9 ta’ Settembru 2002 sat-30 ta’ April 2014 bħala riċerkatriċi xjentifika mill-MUW abbażi ta’ serje ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, kemm full-time kif ukoll part-time.

13

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Awstrijak, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 109(2) tal-UG, jipprevedi li sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi hija awtorizzata għall-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa impjegati mal-MUW, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew minn proġetti ta’ riċerka u għall-persunal assenjat esklużivament għall-edukazzjoni. It-tul totali ta’ dawn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konsekuttivi ma jistax jaqbeż is-6 snin, jew it-8 snin fil-każ ta’ attività part-time. Barra minn hekk, estensjoni waħda ta’ tul totali ta’ mhux iktar minn 10 snin għall-impjegati full-time, jew 12-il sena fil-każ ta’ attività part-time, hija permessa jekk teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod partikolari għat-tkomplija jew għat-tlestija ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ pubblikazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

14

Schuch-Ghannadan adixxiet l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) sabiex tiġi kkonstatata l-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mal-MUW wara t-30 ta’ April 2014, peress li, fil-fehma tagħha, il-perijodu massimu awtorizzat għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, li kien ta’ 8 snin fil-każ tagħha, kien diġà ddekorra f’din id-data. Barra minn hekk, hija sostniet li l-Artikolu 109(2) tal-UG jinkludi diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema part-time. Hija żiedet, fl-aħħar nett, li din id-dispożizzjoni tiżvantaġġja b’mod partikolari lin-nisa, peress li dawn tal-aħħar huma fil-fatt l-inqas bħala numru li jaħdmu full-time. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

15

Fid-difiża tagħha, l-MUW sostniet li estensjoni tat-tul massimu tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għal żmien massimu ta’ 12-il sena kienet iġġustifikata f’dan il-każ, peress li l-aħħar kuntratt għal żmien determinat kien ġie konkluż sabiex jippermetti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssegwi proġett u sabiex tlesti xi kompiti fil-kuntest ta’ dan il-proġett.

16

Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) ċaħdet ir-rikors, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-MUW kienet intitolata testendi r-relazzjonijiet ta’ xogħol mar-rikorrenti sa tul massimu ta’ 12-il sena.

17

M. Schuch-Ghannadan ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija). Din il-qorti annullat is-sentenza tal-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) minħabba li din tal-aħħar ma kinitx eżaminat b’mod suffiċjenti l-konformità tal-Artikolu 109(2) tal-UG mad-dritt tal-Unjoni, minkejja li r-rikorrenti kienet qajmet din il-kwistjoni. Għaldaqstant, il-qorti tal-appell irrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u inkarigat lil din tal-aħħar sabiex tippermetti lill-MUW tifformula osservazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, sabiex tipproduċi provi dwar il-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni setgħetx tiżvantaġġja b’mod partikolari lin-nisa meta mqabbla mal-irġiel u, jekk dan kien il-każ, li tiddetermina jekk tali inugwaljanza fit-trattament kinitx iġġustifikata.

18

Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-MUW tesponi li l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-piż tal-allegazzjoni u tal-oneru tal-prova tad-diskriminazzjoni billi ddeċidiet li l-oneru li tipprova l-assenza ta’ diskriminazzjoni kien ibbażat fuqha. Fil-fatt, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tallega b’mod mhux issostanzjat l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, mingħajr ma tesponi b’mod argumentat u konkret fiex l-applikazzjoni tal-Artikolu 109(2) tal-UG tikkostitwixxi diskriminazzjoni tal-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel. L-MUW isostni barra minn hekk li l-impjiegi għal żmien indeterminat huma rari ħafna fl-ambjent universitarju u li l-Artikolu 109(2) tal-UG jippermetti lill-impjegati tagħha li jaħdmu għal żmien itwal għaliha. Fl-aħħar nett, l-MUW issostni li, sabiex jiġi evalwat jekk din id-dispożizzjoni taffettwax negattivament in-nisa b’mod partikolari, għandha tittieħed bħala kuntest ta’ referenza s-sitwazzjoni komuni għall-universitajiet Awstrijaċi kollha. Madankollu, peress li ma għandhiex aċċess għal din id-data kollha, l-MUW tenfasizza li, f’dak li jikkonċerna lilha, il-proporzjon ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat u li jaqgħu taħt l-Artikolu 109(2) tal-UG kien jammonta għal 79 % għan-nisa u għal 75 % għall-irġiel.

19

Min-naħa tagħha, M. Schuch-Ghannadan issostni li miżura li hija ta’ natura li taffettwa perċentwali ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel hija preżunta li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, b’tali mod li hija l-parti l-oħra li għandha tipproduċi l-prova kuntrarja. Peress li l-MUW ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi ċ-ċifri tal-universitajiet l-oħra previsti mill-istess leġiżlazzjoni u lanqas li tagħti prova tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha tiġi stabbilita.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 109(2) tal-UG jikkostitwixxi deroga mir-regoli abitwali tad-dritt industrijali, peress li s-sekwenza ta’ żewġ kuntratti jew iktar għal żmien determinat hija fil-fatt meqjusa, bħala prinċipju, min-naħa tal-qrati Awstrijaċi, ta’ mill-inqas ġustifikazzjoni oġġettiva.

21

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni ma hijiex kuntrarja għall-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, peress li, meta tiffissa t-tul massimu totali ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, il-leġiżlatur nazzjonali adotta miżura tan-natura ta’ dawk imsemmija fil-punt 1(b) ta’ din il-klawżola.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time tal-Artikolu 109(2) tal-UG, sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tul massimu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat iktar importanti għall-ħaddiema part-time milli għall-ħaddiema full-time. Hija tqis li din ir-regola tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prorata temporis, li jinsab fil-punt 2 ta’ din il-klawżola, għar-raġuni li, matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiema part time jiksbu inqas konoxxenzi u esperjenza mill-ħaddiema full-time. Jekk dan huwa l-każ, għandu biss jiġi eżaminat jekk l-użu ta’ dan il-prinċipju huwiex xieraq f’dan il-każ, mingħajr ma jkollu jivverifika jekk jeżistux raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-miżura inkwistjoni.

23

Fir-rigward tad-Direttiva 2006/54, sabiex jiġi evalwat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm lok li jittieħdu bħala grupp ta’ referenza l-impjegati tal-universitajiet Awstrijaċi kollha li jaqgħu taħt l-UG u li jqabblu l-perċentwali ta’ rġiel u ta’ nisa impjegati part-time li jaqgħu taħt din il-miżura. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, hija l-parti li tqis lilha nnifisha bħala leża minn diskriminazzjoni indiretta li għandha tissostanzja l-eżistenza tagħha.

24

Madankollu, skont xi sentenzi tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-fatt li r-rata ta’ impjieg part-time hija ġeneralment ogħla fuq in-nisa tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament li għandu jiġi kkonfutat minn min iħaddem billi jipprova li l-proporzjon tan-nisa milquta minn ċerta miżura ma huwiex ferm ogħla minn dak tal-irġiel li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

25

Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-prinċipju ta’ pro rata temporis previst fil-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-punt 1 tal-klawżola 4, japplika għal dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprevedi li t-tul totali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol konsekuttivi ta’ ħaddiem jew ta’ ħaddiema ta’ università Awstrijaka, impjegat jew impjegata fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew ta’ proġetti ta’ riċerka, huwa ta’ 6 snin għall-ħaddiema impjegati full-time iżda ta’ 8 snin fil-każ ta’ attività part-time u, barra minn hekk, estensjoni ġdida waħda ta’ tul totali li jista’ jilħaq l-10 snin għall-impjegati full-time u 12-il sena fil-każ ta’ attività part-time, hija awtorizzata jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod partikolari sabiex jitkomplew jew jitlestew proġetti ta’ riċerka jew ta’ pubblikazzjoni?

2)

Dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik deskritta fl-ewwel domanda tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva [2006/54], meta, fost il-ħaddiema impjegati kollha li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar tikkonċerna perċentwali kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel?

3)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva [2006/54], għandu jiġi interpretat fis-sens li mara li, fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, tinvoka diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, għar-raġuni li numru kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huma impjegati part-time, għandha tistabbilixxi n-natura verosimili ta’ din iċ-ċirkustanza, b’mod partikolari l-fatt li minn perspettiva ta’ statistika huma n-nisa li huma l-iktar ikkonċernati, billi tippreżenta statistika preċiża jew fatti preċiżi u billi tipproduċi provi adegwati?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjoni preliminari

27

Preliminarjament, fir-rigward tal-portata tad-domandi preliminari, għandu jiġi osservat li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha sabiex titlob l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(b) u tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni Ewropea sostniet, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 109(2) tal-UG ma jikkostitwixxix traspożizzjoni suffiċjenti tal-Klawżola 5 (1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

29

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta espressament li l-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 109(2) tal-UG jikkostitwixxi traspożizzjoni suffiċjenti u legali ta’ din il-klawżola. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li ma għandhiex bżonn ta’ kjarifiki dwar l-effett eventwali tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tiddetermina u tifformula d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de transportes, C-412/17 u C-474/17, EU:C:2018:1005, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, jekk il-qorti tar-rinviju tkun indikat espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li hija ma qisitx neċessarju li tagħmel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta għal din id-domanda u lanqas toħodha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Touring Tours und Travel u Sociedad de transportes, C-412/17 u C-474/17, EU:C:2018:1005, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, f’dan il-każ, testendi s-suġġett tad-domandi magħmula billi teżaminhom fid-dawl mhux biss tal-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time kif ukoll tal-Artikolu 2(1) (b) u tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, iżda wkoll tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, minn naħa, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa, għall-ħaddiema għal żmien determinat li hija tkopri, tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol itwal għall-ħaddiema part-time milli għal ħaddiema full-time tal-istess tip u, min-naħa l-oħra, jekk il-prinċipju ta’ prorata temporis imsemmi f’dan l-artikolu japplikax għal tali leġiżlazzjoni.

34

Jeħtieġ li jitfakkar li b’mod konformi mal-punt 1 ta’ din il-klawżola, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiema part-time ma għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time tal-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti ma huwiex oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, skont il-punt 2 tal-imsemmija klawżola, meta jkun xieraq, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

35

F’dan il-każ, titqajjem, qabel kollox, il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix, fir-rigward tat-tul tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full time, u dan huwa dak li huwa kkontestat kemm mill-MUW kif ukoll il-Gvern Awstrijak. Fil-fatt, skont dawn tal-aħħar, il-fatt li l-ħaddiema għal żmien determinat part-time jistgħu jaħdmu, għal università, matul perijodu itwal mill-ħaddiema għal żmien determinat full-time jikkostitwixxi vantaġġ għal tal-ewwel, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-diffikultà għall-persunal kopert mill-imsemmija leġiżlazzjoni, li jkollu aċċess għal kuntratt għal żmien indeterminat fi ħdan l-universitajiet.

36

Madankollu, kif isostnu l-Kummissjoni u r-rikorrenti, tali ċirkustanza tidher li hija ta’ natura li tnaqqas jew tipposponi, fiż-żmien il-possibbiltà ta’ aċċess għal kuntratt għal żmien indeterminat, b’mod ikbar għall-ħaddiema part-time milli għall-ħaddiema full-time, fatt li, jekk ikun il-każ u suġġetta għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju, jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ din l-ewwel kategorija ta’ ħaddiema.

37

Imbagħad, tqajmet il-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 109(2) tal-UG tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.

38

L-MUW u l-Gvern Awstrijak isostnu li dan huwa l-każ, peress li l-livell ta’ konoxxenzi u ta’ esperjenza li l-ħaddiema part-time jistgħu jakkwistaw fil-kuntest tar-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom huwa neċessarjament inqas minn dak li jiksbu l-ħaddiema full-time tal-istess tip. B’hekk, għalkemm dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema kienu suġġetti għall-istess tul ta’ żmien massimu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, il-ħaddiema b’ħin parzjali huma partikolarment żvantaġġjati, peress li għandhom inqas ħin sabiex jagħmlu riċerki u sabiex iwettqu pubblikazzjonijiet xjentifiċi, filwaqt li dawn huma elementi kruċjali sabiex jaslu li jiddaħħlu fil-qasam universitarju.

39

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-affermazzjoni li teżisti rabta partikolari bejn it-tul ta’ attività professjonali u l-kisba ta’ ċertu livell ta’ konoxxenzi jew ta’ esperjenza, sa fejn din tikkostitwixxi sempliċi ġeneralizzazzjoni li tikkonċerna ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ kull diskriminazzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-anzjanità tmur flimkien mal-esperjenza, l-oġġettività ta’ tali kriterju tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ, b’mod partikolari mir-relazzjoni bejn in-natura tal-funzjoni eżerċitata u l-esperjenza li l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni jagħti wara ċertu numru ta’ sigħat ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005,Nikoloudi, C-196/02, EU:C:2005:141, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest speċifiku tal-impjiegi li jaqgħu taħt l-Artikolu 109(2) tal-UG u, b’mod partikolari, il-kompiti mwettqa mir-rikorrenti f’dan il-kuntest, jekk din ir-rabta partikolari bejn in-natura tal-funzjoni eżerċitata u l-esperjenza li l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni tagħti fir-rigward tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li jsiru jeżisti u, jekk ikun il-każ, jekk iż-żmien neċessarju sabiex jitlestew ir-riċerki u sabiex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tar-riżultati hijiex ta’ natura li tista’ tiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex proporzjonata fil-konfront tal-għan invokat.

41

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ prorata temporis japplikax għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, peress li t-tul massimu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol konsekuttivi huwa estiż b’sentejn għall-ħaddiema part-time kollha u għalhekk ma huwiex proporzjonat għas-sigħat realment maħduma.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa, għall-ħaddiema għal żmien determinat li hija tkopri, tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol itwal għal ħaddiema part-time milli għal ħaddiema full-time tal-istess tip, sakemm tali differenza fit-trattament ma tiġix iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi u tkun proporzjonata meta mqabbla mal-imsemmija raġunijiet, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prinċipju ta’ prorata temporis imsemmi f’dan l-artikolu ma japplikax għal tali leġiżlazzjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

43

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol itwal għall-ħaddiema part-time milli għall-ħaddiema full-time tal-istess tip, tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess imsemmija minn din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-parti li tqis lilha nnifisha leża minn tali diskriminazzjoni li hija tipproduċi, sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni, ta’ statistiċi preċiżi jew ta’ fatti preċiżi dwar id-diskriminazzjoni preżunta.

44

F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dawn id-domandi, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni indiretta” fis-sens ta’ din id-direttiva bħas-sitwazzjoni fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, salv jekk din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika tkun oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji.

45

L-eżistenza ta’ żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa negattivament proporzjon ferm ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, C-161/18, EU:C:2019:382, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 30 tad-Direttiva 2006/54, l-evalwazzjoni tal-fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni indiretta hija l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki nazzjonali li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ data statistika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, C-161/18, EU:C:2019:382, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fir-rigward tad-data statistika, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha d-differenza fit-trattament toriġina u, min-naħa l-oħra, li l-aħjar metodu ta’ paragun jikkonsisti fit-tqabbil tal-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mir-regola inkwistjoni fi ħdan il-ħaddiema rġiel u l-istess proporzjonijiet fi ħdan ħaddiema nisa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, EU:C:1999:60, punt 59, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2007, Voß, C-300/06, EU:C:2007:757, punt 40).

48

F’dan ir-rigward, hija il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-data statistika prodotta quddiemha, li tikkaratterizza s-sitwazzjoni tax-xogħol, hija valida u jekk din tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew temporanji u jekk, b’mod ġenerali, tidhirx sinjifikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, EU:C:1999:60, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju, abbażi tad-data statistika prodotta u, skont il-każ, provi ta’ fatt rilevanti oħra, tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tpoġġi fi żvantaġġ partikolarment lin-nisa meta mqabbla mal-irġiel, tali leġiżlazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn għan oġġettiv u li l-miżuri sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa

50

Issa, f’dan il-każ, hekk kif diġà ssemma fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-MUW u l-Gvern Awstrijak isostnu li l-inugwaljanza fit-trattament li hija suġġetta għaliha l-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full time, li tinsab fl-Artikolu 109(2) tal-UG,hija ġġustifikata mill-fatt li tal-ewwel jiksbu livell ta’ esperjenza u ta’ konoxxenzi inferjuri għal dak tat-tieni u li, b’dan il-mod, huma jeħtieġu perijodu itwal sabiex ilestu wħud mir-riċerki u jippubblikaw ir-riżultati tagħhom. B’hekk, l-iffissar tal-istess tul massimu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat għaż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jnaqqas il-possibbiltajiet għall-ħaddiema part-time li jistabbilixxu ruħhom fil-qasam universitarju kkonċernat fi tmiem l-imsemmi perijodu. Kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex oġġettivament iġġustifikata fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali.

51

Fir-rigward tat-tieni parti tad-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat għalihom u jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għalhekk, u kif tipprovdi l-premessa 30 ta’ din id-direttiva, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-konvenut meta jkun hemm apparenza ta’ diskriminazzjoni.

52

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha d-differenza fit-trattament toriġina u jiġu pparagunati, fil-kuntest ta’ dan kollu, il-proporzjonijiet rispettivi ta’ ħaddiema li huma affettwati mir-regola inkwistjoni u dawk li ma humiex, kemm fost il-ħaddiema rġiel kif ukoll fost il-ħaddiema nisa.

53

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, bħala regola ġenerali, il-miżuri li jaffettwaw negattivament lill-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full time jistgħu jiżvantaġġjaw b’mod partikolari n-nisa. Insostenn ta’ dan l-argument, hija ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju statistika dwar is-suq tax-xogħol Awstrijak b’mod ġenerali, li minnhom jirriżulta li numru kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huwa impjegat part-time. Madankollu, hija ppreċiżat li ma kellhiex l-informazzjoni dwar il-ħaddiema impjegati fi ħdan l-universitajiet Awstrijaċi li jaqgħu taħt l-UG.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ppreċiżat kif u b’liema mezzi persuna li tqis lilha nnifisha leża minn diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess tista’ tistabbilixxi każ prima facie ta’ diskriminazzjoni fil-każ fejn data statistika jew mezzi oħra ta’ prova relatati mal-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fiha d-differenza fit-trattament toriġina ma jkunux disponibbli jew huma diffiċilment aċċessibbli għal din il-persuna.

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80, li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, li, għalkemm din l-ewwel dispożizzjoni ma tipprevedix dritt speċifiku favur persuna li tqis lilha nnifisha leża minħabba n-nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li taċċedi għal informazzjoni sabiex hija tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi “fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta” skont din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-inaċċessibbiltà tal-informazzjoni jew ta’ data statistika rilevanti, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali fatti, tista’ tirriskja li tikkomprometti t-twettiq tal-għan imfittex minn din id-direttiva u b’hekk tneħħi l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C-104/10, EU:C:2011:506, punti 3435).

56

Fid-dawl, b’mod partikolari, tan-neċessità li jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li tippermetti lil ħaddiem li jqis lilu nnifsu li sofra dannu minn diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li jsostni każ prima facie ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ data statistika ġenerali li tikkonċerna s-suq tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ fejn ma jkunx mistenni mill-persuna kkonċernata li jipproduċi data iktar preċiża relatata mal-grupp ta’ ħaddiema rilevanti, fejn dawn ikunu diffiċilment aċċessibbli, jew saħansitra ma humiex disponibbli.

57

Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol itwal għall-ħaddiema part-time milli għal ħaddiema full-time tal-istess tip, jekk jiġi stabbilit li din il-leġiżlazzjoni taffettwa b’mod negattiv perċentwali ħafna iktar għolja ta’ ħaddiema nisa milli ta’ ħaddiema rġiel u jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu jew jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji. L-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix mill-parti li tħossha leża minn tali diskriminazzjoni li hija tipproduċi, sabiex tistabbilixxi każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, statistiċi jew fatti preċiżi li jiffokaw fuq il-ħaddiema kkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jekk din il-parti ma jkollhiex aċċess jew ikollha diffikultà sabiex taċċedi għal dawn l-istatistiċi jew fatti.

Dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

58

L-MUW, sostnut mill-Gvern Awstrijak, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza fil-każ fejn din ikollha tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 109(2) tal-UG tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema part-time, ipprojbita mill-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time.

59

L-MUW issostni, essenzjalment, li l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza hija indispensabbli għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ġew konklużi in bona fide ma’ ħaddiema part-time fuq il-bażi tal-Artikolu 109(2) tal-UG. Barra minn hekk, jeżisti riskju ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li numru ta’ kuntratti għal żmien determinat għandhom għalhekk jiġu ttrasformati f’kuntratti għal żmien indeterminat.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan isegwi li r-regola hekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qrati stess għal rapporti ġuridiċi li jinħolqu u jiġu stabbiliti qabel ma tingħata s-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għall-interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu ssodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja użat din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi dovuti, b’mod partikolari, min-numru kbir ta’ relazzjonijiet legali kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala valida u li jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li eventwalment ikkontribwixxa għaliha l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, WESTbahn Management, C-210/18, EU:C:2019:586, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tirrigwarda d-diskriminazzjoni tal-ħaddiema part-time, imsemmija fil-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-imsemmija klawżola. Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fl-ewwel lok, fuq il-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time tal-istess tip għar-raġuni biss li tal-ewwel jaħdmu part-time. Fit-tieni lok, hija l-imsemmija qorti, jekk ikun il-każ, li għandha tevalwa jekk id-diskriminazzjoni eventwali tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet oġġettivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenzi finanzjarji, b’mod partikolari għall-universitajiet, ma jistgħux jiġu ddeterminati biss abbażi tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Bħala konsegwenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza ma tistax titqies li hija stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 62).

66

Iktar minn hekk, l-MUW ma tipprovdi ebda element preċiż lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-numru ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkonċernati jew dwar in-natura u l-portata tar-riperkussjonijiet ekonomiċi ta’ din is-sentenza, b’mod li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita, f’kull każ, l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-effetti fiż-żmien ta’ din is-sentenza.

67

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati, l-MUW ma tressaqx provi suffiċjenti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. L-unika affermazzjoni li ħafna kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi, bona fide, abbażi tal-Artikolu 109(2) tal-UG, ma hijiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti tas-sentenza odjerna jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fit-6 ta’ Ġunju 1997 li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-Xogħol Part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa, għall-ħaddiema għal żmien determinat li hija tkopri, tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol itwal għal ħaddiema part-time milli għal ħaddiema full-time tal-istess tip, sakemm tali differenza fit-trattament ma tiġix iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi u tkun proporzjonata meta mqabbla mal-imsemmija raġunijiet, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-Klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prinċipju ta’ prorata temporis imsemmi f’dan l-artikolu ma japplikax għal tali leġiżlazzjoni.

 

2)

L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi tul massimu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol itwal għall-ħaddiema part-time milli għal ħaddiema full-time tal-istess tip, jekk jiġi stabbilit li din il-leġiżlazzjoni taffettwa b’mod negattiv perċentwali ħafna iktar għolja ta’ ħaddiema nisa milli ta’ ħaddiema rġiel u jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu jew jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji. L-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix mill-parti li tħossha leża minn tali diskriminazzjoni li hija tipproduċi, sabiex tistabbilixxi każ prima facie ta’ diskriminazzjoni, statistiċi jew fatti preċiżi li jiffokaw fuq il-ħaddiema kkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jekk din il-parti ma jkollhiex aċċess jew ikollha diffikultà sabiex taċċedi għal dawn l-istatistiċi jew fatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.