SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
10 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Garanzija pubblika mogħtija minn entità pubblika – Self lil tliet klabbs tal-futbol tal-Komunità ta’ Valencia (Valencia CF, Hércules CF u Elche CF) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Annullament tad-deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna lil Valencia CF – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Komunikazzjoni dwar il-garanziji – Interpretazzjoni – Obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni Ewropea – Oneru tal-prova – Żnaturament”
Fil-Kawża C‑211/20 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑22 ta’ Mejju 2020,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo, P. Němečková u B. Stromsky, bħala aġenti,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Valencia Club de Fútbol, SAD, stabbilita f’Valencia (Spanja), irrappreżentata minn G. Cabrera López, J. R. García‑Gallardo Gil‑Fournier u D. López Rus, abogados,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat‑12 ta’ Marzu 2020, Valencia Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑732/16, EU:T:2020:98), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365 tal‑4 ta’ Lulju 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva, Hércules Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva u Elche Club de Fútbol Sociedad Anónima Deportiva (ĠU 2017, L 55, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tirrigwarda lil Valencia Club de Fútbol SAD (iktar ’il quddiem “Valencia CF”). |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
Skont il-punt 2.2, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-garanziji”): “Normalment, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna huwa min jissellef. Kif indikat taħt il-punt 2.1, normalment it-teħid ta’ riskju għandu jitħallas permezz ta’ premium xieraq. Fejn min jissellef mhuwiex meħtieġ li jħallas il-premium, jew iħallas premium baxx, dan jikseb vantaġġ. F’paragun ma’ sitwazzjoni mingħajr garanzija, il-garanzija mill-Istat tippermetti lil min jissellef li jikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Ġeneralment, bil-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat, min jissellef jista’’ jikseb rati aktar baxxi u/jew joffri inqas sigurtà. F’xi każi, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini. Għalhekk il-garanziji mill-Istat jistgħu jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ negozji ġodda u jippermettu lil ċerti impriżi jiġbru flus għat-twettiq ta’ attivitajiet ġodda. Bl-istess mod, garanzija mill-Istat tista’ tgħin lil kumpanija f’diffikultajiet tibqa’ attiva minflok li din tiġi eliminata jew ristrutturata, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tinqala’.” |
|
3 |
Il-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji huwa fformulat kif ġej: “Jekk garanzija individwali jew skema ta’ garanzija konkluża mill-Istat ma ġġib ebda vantaġġ għal impriża, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, sabiex jiġi determinat jekk ikunx qed jingħata vantaġġ permezz ta’ garanzija jew skema ta’ garanzija, il-Qorti kkonfermat fis-sentenzi riċenti […] tagħha li l-Kummissjoni għandha tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq il-prinċipju ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq […]. Għalhekk għandhom jitqiesu l-possibilitajiet effettivi għal impriża benefiċjarja li takkwista riżorsi finanzjarji ekwivalenti billi tirrikorri għas-suq kapitali. L-għajnuna mill-Istat ma tkunx involuta meta sors ġdid ta’ finanzjament isir disponibbli b’kundizzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal operatur privat taħt il-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq […]” |
|
4 |
Il-punt 3.2(a) u (d) ta’ din il-komunikazzjoni jippreċiża: “Fir-rigward ta’ garanzija individwali mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li biex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat ikun biżżejjed li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
|
5 |
Il-punt 3.6 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdi: “Nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 3.2 sa 3.5 ma jfissirx li l-garanzija jew skema ta’ garanzija hija awtomatikament meqjusa bħala għajnuna mill-Istat. Jekk hemm xi dubju dwar jekk garanzija jew skema ta’ garanzija ppjanata tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.” |
|
6 |
Il-punt 4.1 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdi: “Fejn garanzija individwali jew skema ta’ garanzija ma tkunx konformi mal-prinċipju ta’ l-investitur f’ekonomija tas-suq, din tkun meqjusa li tinvolvi l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk l-element ta’ għajnuna mill-Istat jeħtieġ li jiġi kkwantifikat sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-għajnuna tistax tinstab kompatibbli taħt xi eżenzjoni speċifika ta’ l-għajnuna mill-Istat. Bħala punt ta’ prinċipju, l-element ta’ l-għajnuna mill-Istat jiġi meqjus li jkun id-differenza bejn il-prezz xieraq tas-suq tal-garanzija pprovduta individwalment jew permezz ta’ skema u l-prezz attwalment imħallas għal dik il-miżura. […] Fil-kalkolu ta’ l-element ta’ l-għajnuna f’garanzija, il-Kummissjoni ser tiddedika attenzjoni speċjali lill-elementi li ġejjin:
[…]
|
|
7 |
Il-punt 4.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprevedi: “Għal garanzija individwali l-ekwivalenti fi flus ta’ garanzija għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-garanzija u l-prezz li fil-fatt tħallas. Fejn is-suq ma jipprovdix garanziji għat-tip ta’ tranżazzjoni kkonċernata, ma jkun disponibbli l-ebda prezz tas-suq għall-garanzija. F’dak il-każ, l-element ta’ l-għajnuna għandu jiġi kkalkulat bl-istess mod bħall-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli (soft loan), jiġifieri bħad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax speċifika tas-suq li din il-kumpannija kienet tassumi mingħajr il-garanzija u r-rata ta’ imgħax miksuba permezz ta’ l-għajnuna mill-Istat wara li jitqiesu kwalunkwe premiums imħallsa. Jekk m’hemmx rata ta’ imgħax tas-suq u jekk l-Istat Membru jkun jixtieq juża r-rata ta’ referenza minflokha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kundizzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza […] huma validi sabiex tiġi kkalkulata l-intensità ta’ l-għajnuna ta’ garanzija individwali. Dan ifisser li hija meħtieġa attenzjoni speċjali għaż-żieda fuq ir-rata bażika sabiex jittieħed kont tal-profil tar-riskju rilevanti marbut ma’ l-operazzjoni koperta, l-impriża garantita u l-kollaterali pprovduti.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
|
8 |
Valencia CF hija klabb tal-futbol professjonali li għandha s-sede f’Valencia, Spanja. Il-Fundacion Valencia (il-Fondazzjoni Valencia, iktar ’il quddiem il-“FV”) hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li l-għan ewlieni tagħha huwa li tippreżerva, ixxerred u tippromwovi l-aspetti sportivi, kulturali u soċjali ta’ Valencia CF u r-rabta tagħha mal-partitarji tagħha. |
|
9 |
Fil‑5 ta’ Novembru 2009, l-Instituto Valenciano de Finanzas (l-Istitut tal-Finanzi ta’ Valencia, iktar ’il quddiem l-“IVF”), l-istabbiliment finanzjarju tal-Generalitat Valenciana (il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja), ipprovda lill-FV garanzija għal self bankarju ta’ EUR 75 miljun mogħti mill-bank Bancaja, li permezz tiegħu hija akkwistat 70.6 % tal-azzjonijiet ta’ Valencia CF (iktar ’il quddiem il-“Miżura 1”). |
|
10 |
Il-garanzija kienet tkopri 100 % tas-somma kapitali ewlenija tas-self, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni ggarantita. Bħala korrispettiv, il-FV kellha tħallas lill-IVF kummissjoni annwali ta’ garanzija ta’ 0.5 %. L-IVF irċieva bi pleġġ tat-tieni grad, bħala kontrogaranzija, azzjonijiet ta’ Valencia CF akkwistati mill-FV. It-tul tas-self sottostanti kien ta’ sitt snin. Ir-rata ta’ interessi tas-self sottostanti kienet ekwivalenti għal 6 % għall-ewwel sena, imbagħad l-“Euro Interbank Offered Rate” (Euribor) fis-sena, miżjuda b’marġni ta’ 3.5 %, b’rata minima ta’ 6 %. Barra minn hekk, kienet tapplika wkoll kummissjoni tal-ftuħ ta’ 1 %. L-iskeda tal-pagamenti kienet tipprevedi rimbors tal-interessi mix-xahar ta’ Awwissu 2010 u rimbors tas-somma kapitali ewlenija f’żewġ partijiet ta’ EUR 37.5 miljun, rispettivament fis‑26 ta’ Awwissu 2014 u fis‑26 ta’ Awwissu 2015. Kien previst li r-rimbors tas-self iggarantit (somma kapitali ewlenija u interessi) kellu jkun iffinanzjat mill-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Valencia CF akkwistati mill-FV. |
|
11 |
Fl‑10 ta’ Novembru 2010, l-IVF żied il-garanzija tiegħu favur il-FV b’EUR 6 miljun, bil-għan li tinkiseb żieda tal-istess ammont tas-self diġà mogħti minn Bancaja, sabiex ikun kopert il-ħlas tas-somma kapitali ewlenija, tal-interessi u tal-ispejjeż dovuti li jirriżultaw min-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi tas-self iggarantit fis-26 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem ‘il-“Miżura 4”). |
|
12 |
Wara li ġiet informata dwar l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat allegata, mogħtija mill-Komunità Awtonoma ta’ Valencia fil-forma ta’ garanziji għal self bankarju favur Elche Club de Fútbol AD, Hércules Club de Fútbol SAD u Valencia CF, il-Kummissjoni, fit‑8 ta’ April 2013, stiednet lir-Renju ta’ Spanja jagħmel osservazzjonijiet dwar din l-informazzjoni, Dan tal-aħħar wieġeb lill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Mejju u fit‑3 ta’ Ġunju 2013. |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lil dan l-Istat Membru d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li permezz tagħha hija stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u ppreċiżat, b’mod partikolari fil-premessi 27 sa 29 u 52 ta’ din id-deċiżjoni:
[…]
|
|
14 |
Mill-premessi 2 sa 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minn naħa, il-Kummissjoni rċeviet, matul is-snin 2013 sa 2016, osservazzjonijiet, informazzjoni u informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari, mingħand ir-Renju ta’ Spanja, l-IVF, il-FV kif ukoll mingħand Valencia CF u, min-naħa l-oħra, fid‑29 ta’ Jannar 2015, id-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli, rappreżentanti tal-IVF u rappreżentanti ta’ Valencia CF iltaqgħu fi Brussell. |
|
15 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ikkonstatat li l-Miżuri 1 u 4 kienu jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, li tammonta għal EUR 19193000 u għal EUR 1188000 rispettivament u ordnat lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-imsemmija għajnuna b’mod immedjat u effettiv. |
|
16 |
Fit-Taqsima 7.1 ta’ din id-deċiżjoni, bit-titolu “Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat”, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari: “[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
17 |
Fit-Taqsima 7.2. tal-imsemmija deċiżjoni, bit-titolu “Kwantifikazzjoni tal-għajnuna”, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, qieset fil-premessa 93 tagħha: “Skont it-taqsima 4.2 tal-Avviż ta’ Garanzija […], il-Kummissjoni tqis li, għal kull garanzija, l-ammont ta’ għajnuna huwa ugwali għall-element ta’ sussidju tal-garanzija, jiġifieri l-ammont li jirriżulta mid-differenza bejn, minn naħa waħda, ir-rata tal-imgħax tas-self li tkun ġiet applikata fil-fatt bis-saħħa tal-garanzija tal-Istat flimkien mat-tariffa tal-garanzija u, min-naħa l-oħra, ir-rata tal-imgħax li kieku kienet tiġi applikata għal self mingħajr garanzija tal-Istat. Il-Kummissjoni tinnota li minħabba l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq, dan il-parametru referenzjarju mhuwiex se jipprovdi tqabbil sinifikanti. Għalhekk il-Kummissjoni se tuża r-rata referenzjali rilevanti […], li hija ta’ 1000 punt bażi fid-dawl tad-diffikultajiet tat-tliet klabbs tal-futbol u l-valur baxx ħafna tat-titoli tas-self, flimkien ma’ 124‑149 punt bażi bħala r-rati bażi ta’ Spanja fiż-żmien tal-miżuri ta’ għajnuna. Tabilħaqq, kull selfa kienet titolizzata b’rahan fuq l-ishma akkwistati fil-klabbs. Madankollu, dawn tal-aħħar kienu f’diffikultà, jiġifieri kienu qed iwettqu operazzjonijiet li jwasslu għal telf, u ma kien hemm l-ebda pjan ta’ vijabbiltà kredibbli fis-seħħ biex juri li dawk l-operazzjonijiet kienu sejrin jispiċċaw jagħmlu l-qligħ għall-azzjonisti tagħhom. Għalhekk it-telf ta’ dawk il-klabbs kien inkluż fil-valur tal-ishma tal-istess klabbs, u għalhekk il-valur ta’ dawk l-ishma bħala titolu ta’ self kien viċin iż-żero. Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, l-ammont tal-għajnuna fil-miżuri li qed jiġu vvalutati huwa ta’ EUR 20,381 miljun fil-każ ta’ Valencia CF (EUR 19,193 miljun taħt il-miżura 1 flimkien ma’ EUR 1,188 miljun taħt il-miżura 4) […] Il-kalkoli tal-Kummissjoni huma kif ġej:
[…]
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
18 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ottubru 2016, Valencia CF ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
19 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, Valencia CF qajjmet tmien motivi, li fosthom l-ewwel wieħed u t-tielet wieħed kienu bbażati, rispettivament, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-karatterizzazzjoni ta’ vantaġġ u tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. |
|
20 |
Permezz tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel u t-tielet motiv u, għaldaqstant, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-Miżuri 1 u 4. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22 |
Valencia CF u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Fuq l‑appell
|
23 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata, fil-punti 124 sa 138 tas-sentenza appellata, tal-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tirriżulta, qabel xejn, minn interpretazzjonijiet żbaljati tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, sussegwentement, minn nuqqas ta’ osservanza tal-limiti tal-oneru tal-prova tagħha u tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha u, fl-aħħar nett, minn żnaturament tal-fatti. |
|
24 |
Valencia CF tikkontesta, b’mod partikolari, l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell. |
Fuq l‑ammissibbiltà
L‑argumenti tal‑partijiet
|
25 |
Valencia CF tiqis, l-ewwel, li l-Kummissjoni ma tidentifikax, ħlief għar-riferiment ġenerali għall-punti 124 sa 138 tas-sentenza appellata, bil-preċiżjoni meħtieġa l-punti tal-imsemmija sentenza li hija tikkontesta. |
|
26 |
It-tieni, skont Valencia CF, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tirrepeti l-motivi u l-argumenti tagħha diġà esposti quddiem il-Qorti Ġenerali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha, b’mod li hija trid biss tikseb eżami mill-ġdid tar-rikors billi tipproponi evalwazzjoni ġdida tal-fatti. |
|
27 |
It-tielet, Valencia CF issostni li l-Komunikazzjoni dwar il-garanziji ma tikkostitwixxix strument tad-dritt pożittiv tal-Unjoni, b’mod li l-ksur eventwali tagħha ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kwistjoni ta’ liġi” fis-sens tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li hija għalhekk tkun tista’ tanalizza fil-kuntest ta’ appell. |
|
28 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
29 |
Mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li tagħhom ikun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu din it-talba b’mod speċifiku. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell ikun jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Hermann Albers vs Il‑Kummissjoni, C‑656/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:222, punt 35 s-sentenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, l-ewwel, kuntrarjament għal dak li tallega Valencia CF, il-Kummissjoni indikat b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba tagħha għall-annullament ta’ dik is-sentenza. |
|
31 |
It-tieni, dik l-istituzzjoni lanqas sempliċement tirriproduċi l-motivi u l-argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda tikkontesta speċifikament l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2022, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/20 P, EU:C:2022:222, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
It-tielet, kuntrarjament għal dak li tallega Valencia CF, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta stħarrġet jekk il-Kummissjoni kkonformatx ruħha jew le mal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi, fis-sens tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tanalizza fil-kuntest ta’ appell. |
|
34 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita l-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq, meta tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li fil-kuntest tagħha dik l-istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, billi tadotta regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li minn dak il-mument ‘il quddiem hija tkun ser tapplikahom għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni timponi limitu fuq l-eżerċizzju ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni u, bħala prinċipju, ma tkunx tista’ titbiegħed minn dawn ir-regoli bla ħsara li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, EU:C:2010:733, punt 46, u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Għaldaqstant, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bir-regolamenti li hija tadotta, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 3.1 u 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, din tinkludi regoli ta’ kondotta mħabbra mill-Kummissjoni relatati, b’mod partikolari, mal-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta hija twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat. |
|
38 |
Minn dan isegwi li l-appell kollu kemm hu huwa ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
L‑argumenti tal‑partijiet
|
39 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża meta qieset, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm prezz tas-suq għall-primjum ta’ garanzija inkwistjoni. Fil-fatt, hija kienet indikat, fil-premessa 93(a) tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rata tal-interessi tas-suq applikabbli, li hija kienet iffissat għal valur ta’ 11.45 % wara li, qabel kollox, analizzat is-sitwazzjoni ta’ Valencia CF fid-data tal-għoti tal-garanzija, sussegwentement qieset li l-kreditu tal-klabb kien ser jiġi kklassifikat fil-kategorija CCC u, fl-aħħar nett, analizzat il-karatteristiċi tal-garanzija inkwistjoni. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali hija essenzjalment ibbażata fuq l-evalwazzjonijiet esposti minnha fil-punti 124 sa 130 tas-sentenza appellata. |
|
41 |
B’mod partikolari, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tal-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-Kummissjoni prinċipalment kienet ikkontestat il-prezz li bih inkisbet il-garanzija, u mhux il-possibbiltà li tinkiseb garanzija jew self fis-suq, fatt li huwa kkorroborat mir-raġunament sussegwenti li huwa bbażat fuq l-insuffiċjenza tal-prezz imħallas. Fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fid-dawl tal-kontenut tal-premessa 93(a) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni ma kinitx indikat il-prezz tas-suq sabiex tevalwa l-primjum inkwistjoni. |
|
42 |
Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, għamlet deduzzjonijiet ibbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata tagħha fl-imsemmija punti 124 u 125 ta’ dik is-sentenza li skontha l-Kummissjoni kienet naqset milli tfittex prezz tas-suq li fir-rigward tiegħu tipparaguna l-primjum inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija kienet iddikjarat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-karatteristiċi rilevanti kollha tal-garanzija u tas-self sottostanti, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ garanziji mogħtija mill-persuna li tissellef. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn il-karatteristiċi u fuq dawn il-garanziji sabiex tiddetermina, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezz tas-suq tal-garanzija. |
|
43 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-Komunikazzjoni dwar il-garanziji. Fil-fatt, billi qieset, fil-punti 132 sa 134 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni assumiet li ebda stabbiliment finanzjarju ma seta’ jkun garanti għal impriża f’diffikultà, li l-Komunikazzjoni dwar il-garanziji ma tipprevedi ebda preżunzjoni ġenerali ta’ dan it-tip u li, konsegwentement, il-Kummissjoni applikat ħażin din il-komunikazzjoni u naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk ir-rikorrenti manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand operatur privat, il-Qorti Ġenerali vvizzjat ir-raġunament tagħha bl-iżbalji sussegwenti:
|
|
44 |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li, meta kkalkolat ir-rata ta’ referenza skont il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, hija ddeterminat il-prezz tas-suq tat-tranżazzjoni ta’ finanzjament inkwistjoni. Bl-istess mod, hija wettqet evalwazzjoni globali tal-vantaġġ billi ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ Valencia CF fid-data tal-għoti tal-garanzija u tan-nota ta’ kreditu tagħha ta’ kategorija CCC, kif ukoll il-karatteristiċi tal-garanzija inkwistjoni. |
|
45 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqha obbligi ta’ diliġenza u oneru ta’ prova eċċessivi meta, fil-punti 131 sa 138 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx investigat b’mod suffiċjenti jekk kienx jeżisti primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji, kienet ippreżumiet li ebda stabbiliment finanzjarju ma jkun il-garanti għal impriża f’diffikultà u kienet assumiet li ma kienx jeżisti prezz tas-suq għal self simili mhux iggarantit. B’mod partikolari, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li titlob lill-Istat Membru kkonċernat, jew lil sorsi oħra, informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ self simili għas-self sottostanti għat-tranżazzjoni kontenzjuża. |
|
46 |
Il-Kummissjoni tirrileva li fil-premessi 27 sa 29, 50 u 51 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, hija kienet irrilevat li Valencia CF kienet impriża f’diffikultà, li serje ta’ parametri kienu jindikaw li l-primjum imħallas għall-garanzija ma kienx konformi mal-prezz tas-suq u li xejn ma kien jindika li kienu jeżistu tranżazzjonijiet simili fis-suq. B’hekk, hija esprimiet id-dubji tagħha dwar l-eżistenza ta’ garanziji simili fis-suq finanzjarju li jistgħu jservu bħala valur ta’ referenza u indikat li kien jidher li l-operaturi tas-suq ma kinux lesti jassumu r-riskju ta’ insolvenza tal-benefiċjarji. F’dik id-deċiżjoni, hija kienet ukoll stiednet lir-Renju ta’ Spanja u lill-partijiet interessati jissottomettu osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, u talbet lil dan l-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tal-għajnuna. |
|
47 |
Issa, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-FV kienet indikat li hija ma kinitx taf jekk kinux jeżistu garanziji simili paragunabbli fis-suq li setgħu jservu ta’ referenza għall-primjum ta’ garanzija. |
|
48 |
Għalhekk, peress li l-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, raġunament ibbażat fuq id-diffikultajiet ta’ Valencia CF u fuq il-karatteristiċi tal-garanzija inkwistjoni u xejn ma jwassal sabiex wieħed jemmen li jeżistu tranżazzjonijiet simili fis-suq, fatt li ġie kkonfermat mill-partijiet interessati, hija ssodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha. L-obbligu ta’ diliġenza tagħha ma jimplikax li hija għandha tfittex elementi li l-eżistenza tagħhom hija improbabbli jew purament ipotetika. Stedina fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tkun biżżejjed sabiex l-Istat Membru u l-partijiet interessati jikkomunikawlha tranżazzjonijiet simili, jekk dawn ikunu jeżistu. |
|
49 |
Skont il-Kummissjoni, bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru li jsostni li jkun aġixxa bħala operatur privat li għandu jkun eżamina jekk kinux jeżistu tranżazzjonijiet simili fis-suq. L-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarju tal-miżura jkunu f’pożizzjoni aħjar mill-Kummissjoni sabiex jaċċertaw l-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet simili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tintalab tipproduċi provi negattivi. Is-sentenza appellata b’hekk tikser il-bilanċ delikat li jirriżulta mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li jikkundizzjona l-vijabbiltà tagħha. |
|
50 |
Barra minn hekk, is-sentenza appellata tmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 60), li skontha l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali punti ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati lilha, peress li dik l-istituzzjoni ma għandhiex l-obbligu teżamina ex officio u abbażi ta’ preżunzjoni liema huma l-elementi li setgħu jitressqu quddiemha. Fil-fatt, hija tista’ tibbaża ruħha fuq assjem koerenti ta’ fatturi li jidhru affidabbli u għandha, għall-evalwazzjoni kumplessa tal-livell normali ta’ garanzija, marġni ta’ diskrezzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati. |
|
51 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, irrikonoxxiet fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238), li l-ammont tal-għajnuna inkluża fil-garanzija inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kien ġie stabbilit abbażi tal-evalwazzjoni tad-diffikultajiet tal-impriża, mingħajr ma ntuża ebda rekwiżit li jirrigwarda data tas-suq iktar speċifika. |
|
52 |
B’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-prova tal-eżistenza tal-għajnuna, il-Kummissjoni tkun meħtieġa tuża s-setgħat speċifiċi tagħha ta’ investigazzjoni biss meta hija ma jkollhiex elementi suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza tal-għajnuna, meta tkun taf bl-eżistenza ta’ element importanti li ma jkunx fil-pussess tagħha u li jista’ jaffettwa l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza tal-għajnuna, jew meta jkun raġonevoli li jiġi preżunt li d-data fil-pussess tagħha ma hijiex kompluta. Madankollu, ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma tqum f’dan il-każ. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda raġuni sabiex tippreżumi li l-informazzjoni li hija kellha kienet frammentarja u hija setgħet tqis li kienet fil-pussess tal-elementi rilevanti kollha neċessarji. |
|
53 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta hija affermat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li l-investigazzjoni tagħha relatata mal-kundizzjonijiet li jirregolaw is-suq u mal-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet simili għas-self iggarantit kienet limitata għad-dubji espressi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u li l-Kummissjoni ma invokat ebda element ieħor miksub waqt il-proċedura amministrattiva li jsostni l-konstatazzjonijiet tagħha relatati mal-insuffiċjenza ta’ tranżazzjonijiet paragunabbli. Fil-fatt, peress li l-FV indirizzat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, it-tema ta’ garanziji simili fis-suq, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar l-assenza ta’ tranżazzjoni simili fis-suq ukoll fuq l-informazzjoni rilevanti prodotta mill-benefiċjarju. |
|
54 |
Valencia CF u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
55 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżnaturament tal-fatti allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li hemm lok li jiġi eżaminat l-ewwel, għandu jitfakkar li, meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni tafferma li bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar l-assenza ta’ tranżazzjoni simili fis-suq ukoll fuq l-informazzjoni rilevanti prodotta mill-benefiċjarju, hija ma tissostanzja din l-affermazzjoni b’ebda riferiment speċifiku, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għal tali teħid inkunsiderazzjoni. |
|
57 |
Fi kwalunkwe każ, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, FV sempliċement affermat li hija ma kinitx taf jekk kinux jeżistu garanziji simili fis-suq, affermazzjoni li tirreferi għal “primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji” u mhux għall-eżistenza ta’ “prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit”, l-uniku wieħed imsemmi fil-punt 137 tas-sentenza appellata. |
|
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-punt 137 tas-sentenza appellata juri żnaturament li jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess. |
|
59 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni allegatament żbaljata, fil-punti 124 sa 126 u 138 tas-sentenza appellata, tal-premessi 85 u 93 tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
|
60 |
Fil-fatt, mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 124 sa 137 ta’ dik is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-affermazzjoni, fil-punt 138 tal-imsemmija sentenza, li skontha l-Kummissjoni kkonstatat “li ma kienx jeżisti prezz tas-suq għal self simili mhux iggarantit” tirreferi biss għall-konstatazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha “l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq […] mhuwiex se jipprovdi tqabbil sinifikanti”“bejn, minn naħa waħda, ir-rata tal-imgħax tas-self li tkun ġiet applikata fil-fatt bis-saħħa tal-garanzija tal-Istat flimkien mat-tariffa tal-garanzija u, min-naħa l-oħra, ir-rata tal-imgħax li kieku kienet tiġi applikata għal self mingħajr garanzija tal-Istat” u mhux għar-raġunament sussegwenti tal-imsemmija premessa 93, fejn “il-Kummissjoni se tuża r-rata referenzjali rilevanti” sabiex tiddetermina l-prezz tas-suq għall-primjum ta’ garanzija inkwistjoni. |
|
61 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni allegatament żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-argument li l-Qorti Ġenerali ppreżumiet, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni eskludiet l-eżistenza ta’ prezz tas-suq għal garanzija bħal dik eżaminata f’dan il-każ jirriżulta mill-istess żball ta’ qari tas-sentenza appellata rrilevat fil-punt preċedenti. |
|
62 |
It-tieni, il-kritika magħmula lill-Qorti Ġenerali li hija qieset b’mod żbaljat li l-użu tar-rati ta’ referenza huwa paragunabbli ma’ preżunzjoni wkoll tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 132 sa 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li l-użu tar-rati ta’ referenza huwa paragunabbli ma’ preżunzjoni; hija għall-kuntrarju enfasizzat li l-Kummissjoni kienet ippreżumiet, bi ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, li l-ebda stabbiliment finanzjarja ma kien ser ikun garanti għal ta’ impriża f’diffikultà. |
|
63 |
Barra minn hekk, hija qieset, fil-punti 135 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skontha “l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq” ma kienx jippermetti pparagunar sinjifikattiv bejn, minn naħa, ir-rata tal-interessi tas-self realment applikata b’riżultat tal-għajnuna mill-Istat, flimkien mat-tariffa tal-garanzija u, min-naħa l-oħra, ir-rata tal-interessi li tkun ġiet applikata għal self mingħajr garanzija tal-Istat, ma kinitx issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali sempliċement ħadet nota, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, tal-użu mill-Kummissjoni tar-rati ta’ referenza mingħajr ma bl-ebda mod ikklassifikat tali użu bħala “preżunzjoni”. |
|
64 |
It-tielet, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Komunikazzjoni dwar il-garanziji tipprevedi ġerarkija bejn il-metodi li għandhom jintużaw sabiex jiġi kkonstatat u kkwantifikat l-element ta’ għajnuna ta’ miżura. |
|
65 |
Qabel kollox, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 3.2(d) ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tiegħu li hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk “it-teħid ta’ riskju” huwiex “[im]ħallas permezz ta’ premium xieraq fuq l-ammont tal-garanzija”, peress li, meta “l-prezz imħallas għall-garanzija jkun mill-anqas għoli daqs il-limitu ta’ premium ta’ garanzija korrispondenti li jkun hemm fis-swieq finanzjarji, il-garanzija ma tkunx tinkludi għajnuna”. |
|
66 |
Sussegwentement, skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt 3.2(d), huwa biss “[j]ekk fis-swieq finanzjarji ma jinstab l-ebda limitu tal-premium tal-garanzija li jikkorrispondi” li “l-ispiża finanzjarja totali tas-self garantit, inkluż ir-rata ta’ imgħax tas-self u tal-premium tal-garanzija, għandha tiġi mqabbla mal-prezz tas-suq ta’ self simili li m’huwiex garantit”. |
|
67 |
Minn dan isegwi li l-ewwel metodu, imfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat fl-ewwel lok u, fin-nuqqas tal-eżistenza ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji, għandu jintuża t-tieni metodu, imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Din il-ġerarkija bejn il-metodi sabiex jiġi kkonstatat l-element ta’ għajnuna ta’ miżura hija kkorroborata mill-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, li jafferma mill-ġdid fl-ewwel subparagrafu tiegħu li, “[g]ħal garanzija individwali l-ekwivalenti fi flus ta’ garanzija għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-garanzija u l-prezz li fil-fatt tħallas” u jippreċiża fit-tieni subparagrafu tiegħu li huwa biss fil-każijiet fejn is-suq ma jipprovdix garanzija għal din it-tip ta’ tranżazzjoni, u meta għalhekk ma jkunx jeżisti prezz tas-suq tal-garanzija, li jkun hemm lok li jintuża t-tieni metodu ta’ kwantifikazzjoni tal-element ta’ għajnuna. |
|
68 |
Dan il-metodu juża bħala element ta’ paragun, skont it-tieni subparagrafu tal-punt 3.2(d) ta’ din il-komunikazzjoni, “il-prezz tas-suq ta’ self simili li m’huwiex garantit” u, skont it-termini ekwivalenti tat-tieni subparagrafu tal-punt 4.2 tal-imsemmija komunikazzjoni, “ir-rata ta’ imgħax speċifika tas-suq li din il-kumpannija kienet tassumi mingħajr il-garanzija”. |
|
69 |
Fl-aħħar, mit-tieni subparagrafu tal-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji jirriżulta li huwa biss “[j]ekk m’hemmx rata ta’ imgħax tas-suq u jekk l-Istat Membru jkun jixtieq juża r-rata ta’ referenza minflokha” li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża dan l-aħħar metodu, ibbażat fuq ir-“rata ta’ referenza”. B’mod partikolari, l-użu tal-imperattiv “għandu jiġi kkalkulat”, fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt, jindika li l-Kummissjoni limitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-għażla tal-metodu użat sabiex tikkonstata u tikkwantifika l-element ta’ għajnuna ta’ miżura, b’tali mod li, fl-impossibbiltà li jiġi applikat l-ewwel metodu, hija għandha tuża t-tieni metodu jekk tkun teżisti rata ta’ interessi tas-suq u li, għaldaqstant, hija tista’ tuża r-rata ta’ referenza biss jekk ma jkunx hemm rata ta’ interessi tas-suq. |
|
70 |
Ir-raba, l-argument li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-użu tar-rata ta’ referenza jimplika, bħala tali, nuqqas mill-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti fil-każ li jippermettilha tiddetermina jekk Valencia CF kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand operatur privat, jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
|
71 |
Fil-fatt, mill-punt 134 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq dan l-obbligu tirriżulta esklużivament mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fl-istess punt tas-sentenza appellata, li tgħid li “il-Kummissjoni, peress li ppreżumiet li l-ebda stabbiliment finanzjarju ma kien ser jidħol garanti għal impriża f’diffikultà u, għaldaqstant, li ebda primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti ma kien offrut fis-suq, kisret l-Avviż dwar il-Garanziji, li hija obbligata bih”. Issa, ebda element ta’ dan il-punt ma jippermetti li jitqies li, permezz ta’ din l-affermazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li l-użu tar-rata ta’ referenza jimplika, bħala tali, nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmi obbligu. |
|
72 |
Il-ħames, peress li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, permezz tal-analiżi magħmula fil-punti 132 sa 134 tas-sentenza appellata, tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet l-evalwazzjoni tagħha konformement mar-rekwiżiti li hija stess kienet imponiet permezz tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, l-allegazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni li l-Qorti Ġenerali stess kienet kisret ir-rekwiżiti relatati mal-evalwazzjoni globali meħtieġa ma tistax tiġi milqugħa. |
|
73 |
Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-limiti tal-oneru tal-prova u tal-obbligu ta’ diliġenza li l-Kummissjoni għandha, hemm lok li jitfakkar li, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 107(1) TFUE li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta, inkluż fiha bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati, il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax ikopri miżura mogħtija lil impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat meta hija setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tali vantaġġ ingħata titwettaq għalhekk, bħala prinċipju, billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ operatur privat (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Għaldaqstant, meta l-prinċipju ta’ operatur privat ikun applikabbli, dan ikun fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta jkun ġie kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE huma ssodisfatti (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
F’dan il-każ, b’hekk hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat ma humiex issodisfatti, b’tali mod li l-intervent Statali inkwistjoni jagħti vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti fil-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand tali operatur privat (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
F’dan ir-rigward, għandha titqies bħala rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti, li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-operatur pubbliku (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija meħtieġa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli għal dan il-għan (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tasal għal konklużjoni kuntrarja, fin-nuqqas ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Għaldaqstant, meta jkun jidher li l-prinċipju ta’ operatur privat jista’ jkun applikabbli, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma jkollhiex għarfien dirett taċ-ċirkustanzi li fihom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ investiment, hija jkollha, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, tibbaża ruħha, fil-biċċa l-kbira, fuq l-elementi oġġettivi u verifikabbli prodotti mill-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 112). |
|
82 |
Issa, anki meta dik l-istituzzjoni jkollha quddiemha Stat Membru li, b’nuqqas tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tiegħu, ikun naqas milli jipprovdilha informazzjoni li hija tkun ordnatlu jikkomunika, hija għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza li jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li, għaldaqstant, huma ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li hija tasal għalihom (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Minn dan isegwi li, waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni tmur, jekk ikun il-każ, lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-attenzjoni tagħha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
Għall-kuntrarju, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li hija l-Kummissjoni li għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha rabta mal-każ imressaq quddiema, anki jekk tali informazzjoni tkun tinsab fil-qasam pubbliku (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Għaldaqstant, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fid-data li fiha hija tkun adottat din id-deċiżjoni, elementi li jinkludu dawk li jidhru rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
F’dan il-każ, mill-punti 132 sa 135 u 137 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset li l-Kummissjoni kienet imponiet fuqha nnifisha, permezz tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, l-obbligu li tivverifika jekk kienx jeżisti “primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji” jew “prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit” qabel ma tuża r-rata ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, hija qieset li dik l-istituzzjoni kienet naqset milli twettaq dan l-obbligu, sa fejn il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji tirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-komunikazzjoni u sa fejn dik tal-assenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt. |
|
87 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 64 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, permezz tal-adozzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha l-obbligu li tivverifika “l-eżistenza” ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji u, fin-nuqqas, “l-eżistenza” ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit, qabel ma tuża r-rata ta’ referenza. |
|
88 |
It-tieni, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata, ebda element tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jissuġġerixxi li l-Kummissjoni kienet ivverifikat l-eżistenza ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji. Fil-fatt, hija llimitat ruħha li teskludi, fil-premessa 86(c) ta’ dik id-deċiżjoni li “[i]l-primjums annwali ta’ garanzija ta’ 0,5 %–1 % imposti għall-garanziji inkwistjoni [jistgħu] jitqiesu li jirriflettu r-riskju ta’ inadempjenza għas-self garantit, minħabba d-diffikultajiet ta’ Valencia CF”. Barra minn hekk, fit-Taqsima 7.2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna, il-Kummissjoni bdiet l-eżami tagħha, fil-premessa 93, direttament bit-tieni stadju, li jikkonsisti fil-verifika tal-eżistenza ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit. |
|
89 |
Issa, l-unika spjegazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ dan l-approċċ hija li dik l-istituzzjoni qieset li, għal impriża f’diffikultà, ma jeżistix primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji. |
|
90 |
Madankollu, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-punti 127 u 133 tas-sentenza appellata, tali loġika tmur kontra l-Komunikazzjoni dwar il-garanziji li tagħmel distinzjoni, fil-punt 4.1(a) tagħha, “għal kumpanniji f’diffikultà” bejn il-każijiet fejn “garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob […] ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza” u dawk fejn jekk “il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti”. |
|
91 |
Minn dan isegwi li, skont din il-komunikazzjoni, l-evalwazzjoni li skontha Valencia CF kienet f’diffikultà meta ngħatat il-Miżura 1 ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi kkonstatat li ma jeżistix primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji, peress li tali konstatazzjoni teħtieġ, tal-inqas, analiżi addizzjonali dwar ir-riskju ta’ inadempjenza mistenni. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, irrilevat, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni, b’mod partikolari fil-premessi 77 u 80 tad-deċiżjoni kontenzjuża, bejn tipi differenti ta’ diffikultajiet u qieset li, għalkemm fil-mument tal-għoti ta’ din il-miżura Valencia CF kienet tinsab f’diffikultà, fis-sens tal-Linji Gwida tal‑2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, hija ma kinitx tinsab “f’sitwazzjoni estremament diffiċli”, fis-sens tal-punt 4.1(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-probabbiltà li Valencia CF ma tkunx tista’ tirrimborsa s-self kienet “partikolarment kbira” fis-sens tal-imsemmi punt 4.1(a). |
|
93 |
B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti f’dan il-każ u li, kuntrarjament għal dak li tallega dik l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma estendietx l-obbligu ta’ diliġenza impost fuq din l-istituzzjoni lil hinn mil-limiti ta’ dak li hija imponiet fuqha stess permezz tal-adozzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni. |
|
94 |
It-tielet, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, fil-punti 131, 135 u 137 tas-sentenza appellata, ebda element tad-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas ebda element prodott quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissostanzja l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kontenzjuża li skontha huwa “minħabba l-għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq” li l-valur ta’ referenza tal-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit “mhuwiex se jipprovdi tqabbil sinifikanti”. |
|
95 |
F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, dik l-istituzzjoni ddeduċiet mill-konstatazzjoni tagħha stess li Valencia CF kienet f’diffikultà meta ngħatat il-Miżura 1 mhux biss li ebda stabbiliment finanzjarju ma kien joffri garanzija favur dan il-klabb, iżda wkoll li kien eskluż li seta’ jeżisti self simili mhux iggarantit. |
|
96 |
Issa, peress li l-eżistenza kemm ta’ primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti offrut fis-swieq finanzjarji kif ukoll ta’ prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit tista’ tkun deċiżiva, konformement mal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u għall-kwantifikazzjoni tagħha, dawn huma elementi rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kummissjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza. |
|
97 |
Għalkemm il-Kummissjoni, permezz tal-espressjoni, fil-punt 28 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tad-dubji tagħha dwar id-dispożizzjoni ta’ stabbiliment finanzjarju li jagħti mingħajr garanzija mill-Istat self simili lil Valencia CF, issodisfat l-obbligu tagħha, imfakkar fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li titlob lill-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, huwa paċifiku li hija ma rċeviet ebda risposta mingħand l-awtoritajiet Spanjoli u lanqas ma rreferiet, quddiem il-Qorti Ġenerali, għal ebda element ieħor li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
98 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kellha elementi ta’ ċerta affidabbiltà u koerenza, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, li kienu ppermettewlha tafferma li kien hemm biss “għadd limitat ta’ osservazzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet simili fis-suq” li “mhuwiex se jipprovdi tqabbil sinifikanti” mal-valur ta’ referenza tal-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit. |
|
99 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tqis, hija stess, li hija tista’ tkun meħtieġa tuża s-setgħat speċifiċi tagħha ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari, meta hija ma jkollhiex elementi suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ għajnuna jew meta jkun raġonevoli li jitqies li d-data li hija għandha hija inkompleta. |
|
100 |
Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, permezz tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-garanziji, li tivverifika jekk kienx jeżisti prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li dik l-istituzzjoni kienet meħtieġa, f’kundizzjonijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 93 sa 97 ta’ din is-sentenza, tmur lil hinn mis-sempliċi eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, bi tweġiba għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
|
101 |
Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma imponitilhiex, b’dan il-mod, obbligi ta’ diliġenza u ta’ oneru tal-prova eċċessivi, iżda sempliċement ikkonstatat li hija ma kinitx issodisfat ir-rekwiżiti li hija kienet imponiet fuqha stess permezz tal-adozzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni. Fil-fatt, hija bl-ebda mod ma eżiġiet li dik l-istituzzjoni tipproduċi provi tal-ineżistenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ natura simili fis-suq, iżda llimitat ruħha tirrileva li l-Kummissjoni ma kinitx issostanzjat il-konstatazzjoni tagħha u lanqas għamlet użu mill-possibbiltà offruta lilha, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li tagħmel matul il-proċedura amministrattiva talba speċifika lill-awtoritajiet Spanjoli jew lil partijiet interessati, sabiex tikseb il-produzzjoni ta’ elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx li seta’ jkun biżżejjed għall-Kummissjoni, sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ diliġenza u l-oneru tal-prova tagħha, li tagħmel tali talba speċifika fil-kuntest tal-iskambji msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza. |
|
102 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-uniku aggravju invokat insostenn tal-appell, u għaldaqstant, l-appell innifsu għandhom jiġu miċħud bħala infondati. |
Fuq l‑ispejjeż
|
103 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
104 |
B’mod konformi mal-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
105 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-uniku aggravju tagħha u Valencia CF talbet li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Valencia CF. |
|
106 |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja, li pparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.