KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippeżentati fis‑7 ta’ Mejju 2020 ( 1 )

Kawża C‑223/19

YS

vs

NK

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt, l-Awstrija)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tar-remunerazzjoni u tas-sigurtà soċjali – Direttiva 2006/54/KE – Pensjoni okkupazzjonali – Pensjonijiet speċjali – Skemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett imħallas mill-persuna li timpjega – Żamma ta’ kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet – Ebda żieda fil-pensjonijiet speċjali – Diskriminazzjoni indiretta tal-irġiel – Direttiva 2000/78/KE – Diskriminazzjoni minħabba l-età – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Artikolu 21 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-proprjetà u l-età”

I. Introduzzjoni

1.

L-irġiel, inkwantu l-benefiċjarji primarji ta’ pensjonijiet partikolarment iktar għoljin meta mqabbla ma’ nisa, li bħala medja jirċievu pensjonijiet ħafna iktar baxxi, qegħdin jiġu indirettament iddiskriminati permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, inter alia, tintroduċi kontribuzzjoni minn “pensjonijiet speċjali” partikolarment għoljin, għas-salvagwardja tad-dħul mill-pensjonijiet?

2.

Din hija d-domanda prinċipali li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.

3.

Sabiex jiżgura l-finanzjament sostenibbli tad-drittijiet għall-pensjoni, il-leġiżlatur Awstrijak, mill-aħħar tad-disgħinijiet, wettaq bosta riformi. Bħala effett ta’ dawn ir-riformi, minbarra l-pensjoni statutorja u l-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil, il-ftehim kuntrattwali dwar pensjonijiet okkupazzjonali fil-forma tal-hekk imsejħa benefiċċji definiti diretti mħallsa minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat jista’ wkoll, b’mod indirett, jaffettwa l-pożizzjoni tal-likwidità pubblika. Dan minħabba li, b’riżultat ta’ ftehim bħal dan, kumpannija tkun qiegħda tikkommetti ruħha li kull xahar tħallas direttament lill-benefiċjarju mal-irtirar, ammont ta’ flus stabbilit minn qabel. Għalhekk impenji finanzjarji partikolarment għoljin meħuda minn kumpanniji pubbliċi għandhom effett, b’riżultat ta’ dividendi inqas imħallsa lill-azzjonisti tal-istess kumpanniji, ukoll fuq id-dħul pubbliku.

4.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) jirċievi pensjoni okkupazzjonali bħal din, fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett minn kumpannija li fiha l-Istat għandu l-ikbar sehem azzjonarju. Issa, mill‑2015, il-persuna li qabel kienet timpjegah, minn naħa, naqqsitlu kontribuzzjoni, hekk imsejħa għas-salvagwardja tal-pensjonijiet, mill-pensjoni okkupazzjonali tiegħu. Min-naħa l-oħra, permezz tal-aġġustament tal-pensjonijiet li sar fl‑2018, il-kumpanniji kkontrollati mill-Istat ma tħallewx iktar jimplimentaw iż-żieda annwali ta’ dawn il-pensjonijiet okkupazzjonali kif stabbilita fil-kuntratt tax-xogħol, meta t-total ta’ dħul mill-pensjoni tal-benefiċjarju jkun jaqbeż ċertu limitu stipulat.

5.

Billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija tikkonċerna iktar lill-irġiel milli lin-nisa u iktar lill-irġiel anzjani minn dawk żgħażagħ, ir-rikorrent iqisha diskriminatorja u konsegwentement li tikser id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiċċara jekk id-direttivi kontra d-diskriminazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 21, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2000/78/KE

6.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78”) ( 2 ) skont l-Artikolu 1 għandha l-iskop li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni “fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali”.

7.

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga; […]”.

2. Id-Direttiva 2006/54/KE

8.

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/54”) ( 3 ) fiha, skont l-Artikolu 1 tagħha, inter alia dispożizzjonijiet relatati mal-“kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga” u “l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali”.

9.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistipula li:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b)

‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]

(e)

‘paga’: il-paga jew is-salarju ordinarji li jkunu bażiċi jew minimi u kwalunkwe rimunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kontanti jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, minħabba l-impjieg tiegħu/tagħha minn min iħaddmu/imha;

(f)

‘skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali’: skemi li mhumiex regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ta’ attività ekonomika, settur jew grupp ta’ setturi tax-xogħol b’benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta’ din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b’għażla[.]”

10.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 jistipula:

“Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.

B’mod partikolari, fejn tintuża sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ l-impjiegi biex tiġi determinata l-paga, din għandha tiġi bbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa u għalhekk għandha tkun imfassla b’mod tali li teskludi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba s-sess.”

11.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54 jistipula:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fi skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

[…]

(ċ)

il-kalkolu tal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji supplementari dovuti minħabba l-konjuġi jew in-nies dipendenti, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji.”

B.   Id-dritt nazzjonali

1. Il-liġi dwar il-pensjonijiet okkupazzjonali

12.

Il-pensjonijiet okkupazzjonali fl-Awstrija huma rregolati mill- Betriebspensionsgesetz (il-Liġi dwar il-Pensjonijiet Okkupazzjonali, iktar ’il quddiem il-“BPG”) ( 4 ).

13.

Skont l-Artikolu 1(1) tal-BPG, din tapplika għal benefiċċji sabiex jissupplimentaw il-pensjoni tal-Istat, li l-persuna li timpjega toffri lil impjegat magħha fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol irregolata bid-dritt privat.

14.

L-Artikolu 2 tal-BPG, bit-titolu “Tipi ta’ benefiċċji”, jipprovdi dan li ġej:

“Benefiċċji fis-sens tal-Artikolu 1(1) huma obbligi tal-persuna li timpjega b’riżultat ta’ dikjarazzjonijiet unilaterali, ftehimiet individwali jew riżultat ta’ normi tal-mod ta’ formazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollettiva,

1.

li tħallas kontribuzzjonijiet lil fond għall-pensjoni jew lil xi istituzzjoni mniżżla fil-punt 4 tal-Artikolu 5 tal-Pensionskassengesetz (il-Liġi dwar il-Fond għall-Pensjoni) […] favur l-impjegat u s-superstiti tiegħu; […]

2.

li tħallas il-benefiċċji direttament lill-impjegat u lis-superstiti tiegħu (benefiċċju definit dirett);

3.

li tħallas primjum għall-assigurazzjoni tal-ħajja konkluża favur l-impjegat u s-superstiti tiegħu.”

2. Dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ kontribuzzjonijiet għas-salvagwardja tal-pensjonijiet

15.

Il-bażi għaż-żamma ta’ kontribuzzjonijiet għas-salvagwardja tal-pensjonijiet hija s-Sonderpensionenbegrenzungsgesetz (il-Liġi li Tirregola Limitu għall-Iskemi ta’ Pensjonijiet Speċjali) (iktar ’il quddiem is-“SpBegrG”) ( 5 ) tal‑1 ta’ Jannar 2015. Inkwantu emenda kollettiva estensiva, hija biddlet diversi liġijiet Federali, fosthom il-Bundesverfassungsgesetz über die Begrenzung von Bezügen öffentlicher Funktionäre (il-Liġi Kostituzzjonali dwar il-Limitazzjoni ta’ Remunerazzjoni ta’ Uffiċjali Pubbliċi) (iktar ’il quddiem il-“BezBegrBVG”) ( 6 ). Din il-liġi tipprovdi għall-introduzzjoni ta’ limiti massimi ta’ remunerazzjoni għal ċerti impjegati taċ-ċivil Federali u ta’ uffiċjali pubbliċi. Barra minn hekk, il-liġi tawtorizza lil-leġiżlatur li jipprovdi għal kontribuzzjonijiet għas-salvagwardja tal-pensjonijiet mill-pensjonijiet tal-irtirar u benefiċċji oħra relatati mal-pensjoni ta’ dawn l-impjegati taċ-ċivil kif ukoll mill-benefiċċji definiti diretti ta’ dawk li kienu impjegati ta’ entitajiet legali, li huma suġġetti għall-kontroll tal-Qorti tal-Awdituri, meta dawn il-benefiċċji jew intitolamenti jaqbżu ċertu limitu. L-Artikolu 10(6) tal-BezBegrBVG jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Land li jintroduċi kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet bħal din fuq livell reġjonali.

16.

Abbażi ta’ din l-awtorizzazzjoni, il-Land tan-Niederösterreich adotta l-Artikolu 24(a) tan-niederösterreichisches Landes- und Gemeindebezügegesetz (il-Liġi tal-Land tan-Niederösterreich dwar Remunerazzjoni Provinċjali u Muniċipali, iktar ’il quddiem in-“NÖ Landes- und GemeindebezügeG”) ( 7 ). Din id-dispożizzjoni tistipula:

“(1)   Benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar u benefiċċji oħra relatati magħha riżultat ta’ benefiċċji definiti diretti

a.

minn entitajiet legali, li jkunu twaqqfu bil-leġiżlazzjoni tal-Land,

b.

minn entitajiet legali, li abbażi ta’ maġġoranza ta’ ishma jew kontroll effettiv abbażi ta’ miżuri finanzjarji, ekonomiċi jew organizzattivi tal-Land tan-Niederösterreich, ta’ muniċipalità waħda jew bosta muniċipalitajiet tan-Niederösterreich jew ta’ agglomerazzjoni ta’ muniċipalitajiet rispettivament, huma suġġetti għall-kontroll tal-Qorti tal-Awdituri,

iridu jipprovdu kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet għal dak is-sehem li jaqbeż il-bażi ta’ kontribuzzjoni massima fix-xahar skont l-Artikolu 45 [ASGV]. Dan jgħodd ukoll għal pagamenti speċjali.

(2)   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet għandha tinżamm mill-awtorità li tħallas u għandha tingħata lil dik l-entità legali mwaqqfa bil-liġi tal-Land jew lil dik il-kumpannija li mingħandha jinkisbu l-pensjonijiet tal-irtirar u benefiċċji oħra relatati mal-pensjoni.

(3)   Il-kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet tammonta għal

1.

5 % għal kull sehem li jaqbeż il-100 % tal-kontribuzzjoni massima fix-xahar, imma li ma jammontax għal iktar minn 150 %,

2.

10 % għal kull sehem li jaqbeż il-150 % tal-kontribuzzjoni massima fix-xahar, imma li ma jammontax għal iktar minn 200 %,

3.

20 % għal kull sehem li jaqbeż il-200 % tal-kontribuzzjoni massima fix-xahar, imma li ma jammontax għal iktar minn 300 %,

4.

25 % għal kull sehem li jaqbeż it-300 % tal-kontribuzzjoni massima fix-xahar.”

17.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, li t-terminu “benefiċċji definiti diretti” fl-Artikolu 24(a)(1) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG ikopri biss benefiċċji definiti diretti fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-BPG. Dan huwa għaliex huma biss dawn il-benefiċċji definiti diretti li huma koperti mill-Artikolu 1 tas-SpBegrG u konsegwentement mid-dispożizzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-Artikolu 10(6) tal-BezBegrBVG ( 8 ).

3. Dispożizzjonijiet dwar il-limitu għal żidiet fil-pensjoni

18.

Skont l-Artikolu 108f u l-Artikolu 108h tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“ASVG”) ( 9 ) l-ammonti ta’ pensjonijiet statutorji għandhom jiġu aġġustati kull sena skont ix-xejriet fil-prezzijiet għall-konsumaturi permezz tal-hekk imsejjaħ fattur ta’ aġġustament.

19.

Għas-sena kalendarja 2018, il-Pensionsanpassungsgesetz 2018 (il-Liġi dwar l-Aġġustament tal-Pensjonijiet 2018) (iktar ’il quddiem il-“PAG 2018”) ( 10 ) immodifikat dan il-mekkaniżmu ta’ aġġustament. B’mod konkret, permezz tal-PAG 2018 iddaħħal l-Artikolu 711 tal-ASVG li jipprovdi għal żieda gradwali tal-pensjonijiet kif ġej:

“(1)   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 108h(1) u l-Artikolu 108(h)(2), għas-sena kalendarja 2018, iż-żieda fil-pensjonijiet għandha ssir mhux permezz tal-fattur ta’ aġġustament, imma kif ġej:

Id-dħul totali mill-pensjoni (subparagrafu 2) għandu jiżdied

1.

meta ma jkunx iktar minn EUR 1500 fix-xahar, bi 2.2 %;

2.

meta jaqbeż EUR 1500 sa EUR 2000 fix-xahar, bi EUR 33;

3.

meta jaqbeż EUR 2000 sa EUR 3355 fix-xahar, b’1.6 %;

4.

meta jeċċedi EUR 3355 sa EUR 4980 fix-xahar, b’perċentwali li tonqos b’mod lineari minn 1.6 % għal 0 %.

Jekk id-dħul totali mill-pensjoni jammonta għal iktar minn EUR 4980 fix-xahar, ma ssir l-ebda żieda.

(2)   Id-dħul totali mill-pensjoni ta’ persuna hija s-somma tal-pensjonijiet kollha li din tirċievi mill-pensjoni statutorja, u li għalihom kellha dritt meta kienu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal‑31 ta’ Diċembru 2017 […] Bħala parti mid-dħul totali mill-pensjoni jgħoddu wkoll il-benefiċċji definiti diretti kollha koperti mis-[SpBegrG], jekk il-persuna benefiċjarja kellha dritt għalihom fil‑31 ta’ Diċembru 2017.

[…]

(6)   […] (dispożizzjoni kostituzzjonali) L-aġġustament għas-sena kalendarja 2018 ta’ benefiċċji definiti diretti koperti mis-[SpBegrG] ma għandux jaqbeż iż-żieda skont is-subparagrafu 1, meta wieħed juża bħala bażi d-dħul totali mill-pensjoni (it-tieni subparagrafu).”

III. Il-fatti tal-kawża u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

20.

Ir-rikorrent kien impjegat ta’ NK, il-konvenuta fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”). Il-konvenuta hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-borsa, li fiha l-Land tan-Niederösterreich għandu maġġoranza ta’ ishma ta’ 51 %.

21.

Fit‑2 ta’ Marzu 1992 ir-rikorrent waqt ir-relazzjoni ta’ impjieg kurrenti tiegħu, ikkonkluda kuntratt ta’ pensjoni mal-konvenuta li kien jinkludi benefiċċju definit dirett. Dan il-kuntratt kien jimplika impenn unilaterali mill-persuna li kienet qiegħda timpjegah li, mat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, din tħallsu direttament pensjoni okkupazzjonali ta’ ċertu ammont li titħallas mir-riżervi tal-kumpannija. Barra minn hekk, fil-kuntratt tar-rikorrent hemm imniżżla l-hekk imsejħa klawżola ta’ indiċjar li tipprovdi li l-ammonti li jridu jitħallsu jiżdiedu kull sena bl-istess perċentwali li biha jogħlew is-salarji tal-ogħla kategorija ta’ impjegati kurrenti rispettivament skont il-ftehim kollettiv applikabbli għall-impjegati tal-konvenuta.

22.

Mill‑1 ta’ April 2010 r-rikorrent huwa pensjonant u għalhekk jirċievi diversi benefiċċji relatati mal-pensjoni. Fost dawn il-benefiċċji, il-konvenuta ilha tħallsu mis‑17 ta’ Diċembru 2010 pensjoni okkupazzjonali abbażi tal-benefiċċji definiti diretti obbligatorji miftiehma fit‑2 ta’ Marzu 1992.

23.

Mill‑1 ta’ Jannar 2015, il-konvenuta bdiet iżżomm parti minn din il-pensjoni okkupazzjonali bħala kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet skont l-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG.

24.

Barra minn hekk, il-konvenuta fis-sena 2018 ma żiditx l-ammont li kellha tħallsu skont il-klawżola ta’ indiċjar, billi dan l-ammont ġie affettwat mid-dispożizzjonijiet tal-PAG 2018, b’mod partikolari mill-Artikolu 711(6) il-ġdid tal-ASVG li jipprovdi li ċerti intitolamenti għal benefiċċji tal-pensjoni ma għandhomx jiżdiedu meta t-total tad-dħul mill-pensjoni li persuna tirċievi jaqbeż l-ammont ta’ EUR 4980.

25.

Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent qiegħed jikkontesta ż-żamma tal-kontribuzzjonijiet għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u n-nuqqas ta’ aġġustament tal-pensjoni okkupazzjonali tiegħu fis-sena 2018. Essenzjalment huwa qiegħed jallega li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li fuqhom huma bbażati ż-żewġ miżuri, jiddiskriminaw kontrih fuq bażi ta’ sess, età u proprjetà u jmorru kontra d-direttivi dwar l-ugwaljanza fit-trattament kif ukoll kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan minħabba li dawn il-liġijiet iwasslu b’mod partikolari għal tnaqqis fir-rigward ta’ ammonti ta’ pensjonijiet partikolarment għoljin f’kuntratti eżistenti u jaffettwaw ħafna iktar irġiel milli nisa.

26.

F’dan l-isfond, il-Landesgerichts Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt, l-Awstrija) li quddiemha kienet qiegħda tinstema’ l-kawża, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 79/7/KEE ( 11 )] u/jew [tad-Direttiva 2006/54] jinkludi leġżlazzjoni ta’ Stat Membru meta din għandha bħala effett li numru kunsiderevolment ogħla ta’ rġiel benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol milli nisa benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol jitneħħewlhom ammonti mill-ex persuna li timpjegahom waqt il-ħlas ta’ dawn il-pensjoniijet tax-xogħol u li dawn l-ammonti jistgħu jintużaw liberament mill-ex persuna li timpjega, u tali leġiżlazzjoni hija diskriminatorja fis-sens ta’ dawn id-direttivi?

2)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2000/78] jinkludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiddiskrimina fuq il-bażi tal-età minħabba li taffettwa fuq il-livell finanzjarju esklużivament persuni anzjani li huma benefiċjarji, skont id-dritt privat, ta’ pensjoni tax-xogħol konkluża taħt il-forma ta’ benefiċċju definit dirett, filwaqt li l-persuni żgħar jew iżgħar li kkonkludew kuntratti ta’ pensjoni tax-xogħol ma humiex affettwati finanzjarjament?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali], b’mod partikolari l-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni previsti fl-Artikoli 20 u 21, għandhom jiġu applikati għall-pensjonijiet tax-xogħol ukoll meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ma tinkludix diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttivi [79/7, 2000/78 u 2006/54]?

4)

L-Artikoli 20 et seq. tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta u li tiddiskrimina fuq il-bażi tas-sess, tal-età, tal-proprjetà jew fuq bażijiet oħra, bħas-sitwazzjoni finanzjarja li fiha tinsab attwalment l-ex persuna li timpjegahom, kontra l-persuni benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol skont id-dritt privat fir-rigward ta’ persuni oħra benefiċjarji ta’ pensjoni tax-xogħol, u l-Karta tipprojbixxi tali diskriminazzjonijiet?

5)

Leġiżlazzjoni interna li tobbliga biss grupp żgħir ta’ persuni benefiċjarji, skont kuntratt, ta’ pensjoni tax-xogħol fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett, li jitneħħewlhom ammonti mill-ex persuna li timpjegahom tiddiskrimina wkoll fuq il-bażi tal-proprjetà fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta meta huma kkonċernati biss persuni li jirċievu pensjonijiet tax-xogħol għolja?

6)

L-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, direttament b’saħħa ta’ liġi u mingħajr kumpens, intervent esproprjatorju f’kuntratt konkluż bejn żewġ individwi li jikkonċerna pensjoni tax-xogħol fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett, intervent li jippenalizza ex imgjegat ta’ impriża, li tkun antiċipat il-ħlas tal-pensjoni tax-xogħol u li ma għaddietx minn diffikultajiet ekonomiċi?

7)

Obbligu legali fuq l-ex persuna li timpjega ta’ persuna benefiċjarja ta’ pensjoni tax-xogħol li ma titħallasx parti mill-ammont miftiehem (tal-pensjoni tax-xogħol miftehma) jikkostitwixxi, inkwantu ksur tal-libertà kuntrattwali, ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-persuna li timpjega?

8)

L-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tesproprja direttament b’saħħa ta’ liġi u ma tipprevedi ebda possibbiltà oħra li tiġi kkontestata l-esproprjazzjoni ħlief bl-introduzzjoni kontra l-benefiċjarju tal-esproprjazzjoni (l-ex persuna li timpjega u debitur tal-kuntratt ta’ pensjoni) ta’ talba għad-danni u rimbors tal-ammont esproprjat ikkonċernat?”

27.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent, ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ssottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Waqt is-seduta tat‑22 ta’ Jannar 2020, kienu rrappreżentati kemm il-partijiet interessati kif ukoll il-konvenuta.

IV. Evalwazzjoni legali

28.

Fil-qalba tal-proċedimenti għal deċiżjoni preliminari preżenti, hemm żewġ dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom effett fuq l-ammont ta’ pensjoni okkupazzjonali li r-rikorrent jirċievi minħabba l-hekk imsejjaħ benefiċċju definit dirett li huwa intitolat għalih mingħand il-persuna li kienet timpjegah, kumpannija kkontrollata mill-Istat.

29.

Sakemm ġie introdott il-fond għall-pensjoni fl‑1 ta’ Lulju 1990, benefiċċji definiti diretti bħal dawn kienu jirrappreżentaw il-forma normali ta’ pensjonijiet okkupazzjonali fl-Awstrija. Dan ifisser li l-persuna li timpjega tikkommetti ruħha li tħallas lill-impjegat mal-irtirar pagament fix-xahar ta’ ċertu ammont. B’hekk, impjegati f’karigi maniġerjali ħafna drabi setgħu jikkonkludu kuntratti ta’ pensjoni okkupazzjonali li permezz tagħhom setgħu jagħmlu dħul partikolarment sostanzjali. Sadanittant, il-biċċa l-kbira tal-persuni li jimpjegaw bdew prattika li biha waqt ir-relazzjoni ta’ xogħol jiddepożitaw pagamenti fix-xahar f’fond għall-pensjoni jew f’assigurazzjoni tal-ħajja.

30.

Issa, minn naħa, mis-sena 2015 bdiet tinżamm kontribuzzjoni finanzjarja hekk imsejħa għas-salvagwardja tal-pensjonijiet minn pensjonijiet okkupazzjonali bħal dik tar-rikorrent, li l-ogħla ammont tagħha jaqbeż ċertu limitu. Min-naħa l-oħra, il-pensjoni okkupazzjonali tar-rikorrent għas-sena 2018, kontra dak miftiehem fil-kuntratt, jiġifieri li kellha tiżdied permezz tal-klawżola ta’ indiċjar, ma żdiditx, billi t-total tal-pensjoni tiegħu – li apparti l-pensjoni statutorja tinkludi wkoll benefiċċji definiti diretti minn kumpannija kkontrollata mill-Istat – jaqbeż il-limitu ta’ EUR 4980.

31.

Skont l-informazzjoni li għandha l-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet statistikament jaffettwaw iktar lill-irġiel milli lin-nisa, iktar lill-persuni anzjani milli liż-żgħażagħ u iktar lill-persuni għonja milli lill-persuni li ma humiex għonja. Għaldaqstant wieħed jista’ jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni (indiretta) fuq bażi ta’ sess u ta’ età mniżżla fid-Direttivi 79/7, 2000/78 u 2006/54. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat ksur tal-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

32.

B’mod konkret, il-qorti tar-rinviju, permezz tal-ewwel żewġ domandi, tixtieq issir taf jekk dawn id-direttivi humiex applikabbli (dwar dan ara taħt it-Taqsima A) u jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxux diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ sess (dwar dan ara taħt it-Taqsima B) jew ta’ età (dwar dan ara taħt it-Taqsima C). Barra minn hekk, ta’ min jistaqsi jekk tapplikax il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-kawża prinċipali kif ukoll, u f’każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati (dwar dan ara taħt it-Taqsima D).

A.   Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 79/7, 2000/78 u 2006/54 (l-ewwel parti tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari rispettivament)

33.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel żewġ domandi preliminari rispettivament, li għandhom jiġu eżaminati flimkien minn qabel, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 79/7, 2000/78 u 2006/54.

34.

Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 79/7, jirriżulta mill-Artikolu 3(1a) tagħha, li din id-direttiva tgħodd biss għal skemi statutorji ( 12 ). Għall-kuntrarju, in-normi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri tal-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u tal-Artikolu 711(6) tal-ASVG, jikkonċernaw benefiċċji definiti diretti, li, kif jidher mid-definizzjoni legali li hemm fl-Artikolu 1(1) tal-BPG, huma ta’ natura kuntrattwali.

35.

Pensjonijiet okkupazzjonali bħal dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2000/78 u 2006/54.

36.

Dan huwa għaliex, inkwantu obbligi kuntrattwali, li l-iskop tagħhom inter alia huwa li jiggarantixxi lill-impjegat ta’ kumpannija intitolamenti addizzjonali apparti l-pensjoni statutorja, huma jirrappreżentaw skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54. Barra minn hekk, pensjonijiet okkupazzjonali, skont ġurisprudenza stabbilita, jaqgħu taħt it-terminu remunerazzjoni kif imniżżel fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 u fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2006/54 ( 13 ).

37.

Madankollu, fil-fehma tal-Gvern Awstrijak, in-normi inkwistjoni ma għandhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, billi huma jirrappreżentaw tip ta’ taxxa straordinarja fuq intitolamenti għal pensjonijiet partikolarment għoljin. Huwa jibbaża l-argument tiegħu fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-introduzzjoni ta’ tassazzjoni addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet, minn ċerti ammonti ’l fuq, fin-nuqqas ta’ rabta ma’ kuntratt ta’ xogħol, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttivi ( 14 ).

38.

Madankollu, kontra dan l-argument, ta’ min jinnota, l-ewwel, li fil-kawża C, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat l-argument tagħha fuq il-fatt li l-impożizzjoni ta’ taxxa ma tikkonċernax id-domanda dwar skont liema modalitajiet jew rekwiżiti għandu jiġi determinat l-ammont ta’ remunerazzjoni li l-impjegat jirċievi abbażi tal-kuntratt ta’ xogħol li kellu qabel. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxiet ebda konnessjoni mal-kalkolu tal-ħlas ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2000/78 ( 15 ).

39.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 24(a) tal-Landes- und GemeindebezügeG u l-Artikolu 711(6) tal-ASVG jaffettwaw b’mod dirett l-ammont tal-pensjoni okkupazzjonali, li l-persuna li timpjega trid tħallas lil dak li kienet timpjega li huwa kkonċernat f’dan il-każ, abbażi tal-ftehim kuntrattwali dwar żieda fil-kuntratt tax-xogħol. B’riżultat tat-tnaqqis ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u l-projbizzjoni taż-żieda skont il-klawżola ta’ indiċjar, il-persuna li timpjega trid tħallas lil dak li kienet timpjega ammont inqas milli hemm miftiehem fil-kuntratt.

40.

It-tieni, meta l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrifjutat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi, hija kienet ibbażat l-argument tagħha kemm fuq kunċett formali ta’ taxxa kif ukoll fuq il-fatt li t-tassazzjoni fuq dħul minn pensjonijiet taqa’ esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-leġiżlazzjoni fiskali ( 16 ). Is-sempliċi oġġettiv tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jiżdied id-dħul pubbliku u b’hekk tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja ta’ intitolamenti għall-pensjonijiet, madankollu, għad ma jagħmilx, minn dawn id-dispożizzjonijiet, dispożizzjonijiet fiskali.

41.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jirriżulta li d-Direttivi 2006/54 u 2000/78 huma applikabbli.

B.   Dwar id-diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ sess (l-ewwel domanda preliminari)

42.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq l-ewwel issir taf, jekk l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jmorru kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal dawk li jirċievu ċerti “pensjonijiet speċjali”, jiġifieri benefiċċji definiti diretti, li jitħallsu minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat u li jaqbżu ċertu ammont stipulat mil-liġi, tipprovdi għal tnaqqis ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet, meta l-intitolamenti ta’ iktar irġiel milli ta’ nisa jaqbżu dan il-limitu.

43.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li għas-sena 2018, f’każ ta’ ammont totali ta’ pensjoni ’l fuq minn EUR 4980, twassal għal esklużjoni assoluta taż-żieda tal-benefiċċju definit dirett prevista fil-kuntratt, mingħand kumpannija kkontrollata mill-Istat, meta huma iktar irġiel milli nisa li huma intitolati għal ammonti ’l fuq minn EUR 4980.

44.

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jipprojbixxu kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess, b’mod partikolari fir-rigward ta’ komponenti ta’ remunerazzjoni u ta’ skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali, partikolarment fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċji.

45.

Diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess ma tapplikax fil-każ preżenti, billi la l-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u lanqas l-Artikolu 711(6) tal-ASVG ma jorbtu l-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u n-nuqqas ta’ żieda fil-pensjoni okkupazzjonali rispettivament mas-sess ta’ min jirċivihom.

46.

Madankollu, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 jista’ jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjonijiet, kriterji jew prattiċi, li jidhru li jkunu newtrali, jistgħu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor ( 17 ).

47.

Skont dan l-artikolu, il-verifika ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha ssir f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, għandu jiġi eżaminat jekk teżistix differenza fit-trattament minħabba kriterju ta’ differenzjazzjoni “newtrali” (dwar dan ara taħt it-Taqsima 1) ( 18 ). Huwa biss meta jiġi stabbilit dan li fit-tieni stadju għandu jiġi eżaminat jekk, bħala effett tal-iżvantaġġ ikkawżat mid-dispożizzjoni, membri ta’ sess partikolari jkunu tpoġġew fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor (dwar dan ara taħt it-Taqsimiet 2 u 3) ( 19 ). Fl-aħħar, jekk ikun neċessarju, tqum il-kwistjoni dwar ġustifikazzjoni potenzjali (dwar dan ara taħt it-Taqsima 4).

1. Dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament minħabba “dispożizzjonijiet, kriterji jew prattiċi newtrali”

48.

L-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u l-Artikolu 711(6) tal-ASVG jorbtu l-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u l-esklużjoni ta’ żieda tal-pensjoni okkupazzjonali rispettivament ma’ tliet rekwiżiti (newtrali): l-ewwel, persuna trid tkun intitolata għal benefiċċju definit dirett; it-tieni, dan il-benefiċċju definit dirett irid ikun qiegħed jitħallas minn kumpannija kkontrollata mill-Istat; u, it-tielet, l-intitolament irid jaqbeż EUR 5370 ( 20 ) u EUR 4980 ( 21 ) rispettivament.

49.

Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għaldaqstant joħolqu differenza fit-trattament ta’ pensjonanti minħabba n-natura tal-benefiċċju li jirċievu, minħabba n-natura tal-entità legali li trid tħallas il-benefiċċju u minħabba l-ammont tal-intitolament tagħhom.

50.

Dan minħabba li la l-benefiċjarji ta’ tipi oħra ta’ pensjonijiet okkupazzjonali li jaqbżu l-limiti rispettivi, jiġifieri ta’ benefiċċji minn fond għall-pensjoni tal-irtirar jew minn assigurazzjoni tal-ħajja (differenzjazzjoni fuq il-bażi tan-natura tal-benefiċċju), u lanqas il-benefiċjarji ta’ benefiċċji definiti diretti fl-ammonti rispettivi li jitħallsu minn kumpanniji privati (differenzjazzjoni skont in-natura tal-entità legali), u lanqas il-benefiċjarji ta’ benefiċċji definiti diretti mingħand kumpanniji kkontrollati mill-Istat, li l-intitolamenti tagħhom ikunu taħt il-limitu kkonċernat (differenzjazzjoni skont l-ammont tal-intitolament) ma huma obbligati skont l-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u l-Artikolu 711(6) tal-ASVG li jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u lanqas ma huma affettwati mill-esklużjoni ta’ żieda fil-pensjoni rispettivament.

51.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ differenzjazzjonijiet, diġà huwa dubjuż jekk teżistix differenza fit-trattament. Dan għaliex, skont il-ġurisprudenza stabbilita, differenza fit-trattament bħal din tkun teżisti biss meta dispożizzjonijiet differenti jiġu applikati għal sitwazzjonijiet paragunabbli ( 22 ). Għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà għal darba oħra l-bażi għandha tkun l-għanijiet tal-miżuri konkreti ( 23 ).

52.

F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li, skont il-Gvern Awstrijak, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni b’mod partikolari għandhom l-għan li jżidu d-dħul pubbliku. Dan minħabba li, għalkemm il-benefiċċji definiti diretti ma jitħallsux direttament mill-Istat iżda mir-riżervi finanzjarji tal-kumpannija kkonċernata, obbligi finanzjarji partikolarment għoljin inaqqsu l-profitt tal-kumpannija u konsegwentement ukoll id-distribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom lill-awtorità pubblika. Iż-żamma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet kif ukoll in-nuqqas ta’ żieda fil-pensjoni okkupazzjonali ta’ dawk li kienu impjegati, li kellhom prestazzjoni għolja, minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat, għaldaqstant kieku jkunu ta’ benefiċċju indirett ukoll għall-awtorità pubblika.

53.

Għal din ir-raġuni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq benefiċċji definiti diretti mħallsa minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat huwa limitat. Dan minħabba li pensjonijiet okkupazzjonali li jitħallsu minn fond għall-pensjoni tal-irtirar jew minn kumpannija ta’ assigurazzjoni ma jirrappreżentawx iktar obbligi min-naħa tal-persuna li timpjega. B’hekk dawn it-tipi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, saħansitra meta marbuta ma’ kumpanniji kkontrollati mill-Istat, ma għandhom ebda effett indirett fuq il-pożizzjoni tal-likwidità pubblika. Dan jgħodd ċertament ukoll għall-impenji għal pensjonijiet okkupazzjonali ta’ kumpanniji privati.

54.

Għaldaqstant, jekk inħarsu lejn l-għanijiet tal-miżuri, jidher li s-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ tipi oħra ta’ pensjonijiet okkupazzjonali u ta’ dawk li kienu impjegati ta’ kumpanniji privati, din ma hija assolutament xejn paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ benefiċċji definiti diretti mħallsa minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat.

55.

Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, hija proprju r-rabta mal-ammont tal-benefiċċju definit dirett li tirrappreżenta l-kriterju deċiżiv li jwassal għal diskriminazzjoni indiretta tal-irġiel, billi iktar irġiel milli nisa huma intitolati għal dan it-tip ta’ benefiċċji finanzjarji partikolarment għoljin. Għal dak li jirrigwarda differenza fit-trattament ta’ persuni benefiċjarji ta’ benefiċċji definiti diretti li huma iktar u inqas mil-limiti rispettivi, wieħed jista’ tabilħaqq ukoll jistaqsi jekk l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom fir-rigward ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tad-dħul mill-pensjoni, fid-dawl tal-kapaċitajiet finanzjarji differenti tagħhom, huwiex xieraq. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din id-domanda tkun biss rilevanti fil-kuntest ta’ verifika ta’ ġustifikazzjoni potenzjali. Fil-kunsiderazzjonijiet li jmiss, wieħed għandu l-ewwel jeżamina jekk il-kriterju fattwali marbut mal-ammont tal-intitolament għall-benefiċċju fil-fatt joħloqx b’mod indirett effett diskriminatorju.

2. Dwar l-iżvantaġġar partikolari tal-irġiel minħabba rabta ma’ dak li jidher li huwa kriterju newtrali

56.

Meta wieħed jiġi sabiex jistabbilixxi jekk hemmx diskriminazzjoni indiretta, tipikament toħloq problema l-evalwazzjoni tad-domanda jekk membri ta’ sess partikolari jiġux partikolarment żvantaġġati minħabba rabta ma’ kriterju li jidher li jkun newtrali.

57.

Skont il-ġurisprudenza, għal dan il-għan wieħed jista’ jagħmel użu inter alia minn data statistika ( 24 ). F’dan il-kuntest wieħed għandu joħloq żewġ proporzjonijiet, jiġifieri jikkalkola perċentwali, sabiex ikun jista’ jistabbilixxi jekk il-kriterju inkwistjoni jiżvantaġġax iktar irġiel milli nisa ( 25 ).

58.

Għall-kuntrarju, il-kunsiderazzjoni ta’ ċifri assoluti ma hijiex suffiċjenti, billi tali ċifri jiddependu fuq kemm hemm ħaddiema b’kollox effettivament qegħdin jaħdmu fi Stat Membru u fuq kemm minn dawn il-ħaddiema huma rġiel u kemm minnhom huma nisa ( 26 ).

59.

F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota, l-ewwel, li l-qorti tar-rinviju apparentement illimitat ruħha għal dan it-tip ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċifri assoluti. Hija stabbiliet biss – u, barra minn hekk, mingħajr ma ssottomettiet ċifri preċiżi – li iktar irġiel milli nisa kienu ħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u ma ħadux żieda fil-pensjoni okkupazzjonali tagħhom rispettivament skont l-Artikolu 711(6) tal-ASVG.

60.

B’hekk, il-qorti tar-rinviju jidher li qabblet in-numru ta’ rġiel, li huma suġġetti għall-obbligazzjoni li jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u li l-pensjoni okkupazzjonali tagħhom ma tiżdiedx rispettivament, man-numru ta’ nisa milquta mill-istess obbligazzjoni u li wkoll il-pensjoni tagħhom ma tiżdiedx ( 27 ). Fi kliem ieħor, hija għalhekk ikkunsidrat biss il-grupp ta’ persuni li jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni, jiġifieri dawk il-persuni li l-intitolamenti għall-benefiċċji definiti diretti tagħhom jaqbżu l-limiti stipulati. Biss, jekk, fir-rigward ta’ dan il-grupp, wieħed jikkalkola l-proporzjonijiet meħtieġa, jintlaqtu inevitabbilment 100 % tal-irġiel u 100 % tan-nisa.

61.

Barra minn hekk, sempliċi paragun ta’ dawn iċ-ċifri assoluti jista’ jkun distort minn fatturi ta’ natura ekonomika, settorjali kif ukoll minn fatturi oħra. Fil-każ preżenti, pereżempju, dawn iċ-ċifri jiddependu minn kemm nisa u kemm irġiel sal-aħħar tad-disgħinijiet kienu qegħdin jokkupaw karigi maniġerjali f’kumpanniji kkontrollati mill-Istat. Dan minħabba li wisq probabbli kienu biss persuni bħal dawn li prattikament kienu f’pożizzjoni li jinnegozjaw għal intitolamenti li jaqbżu l-limitu ta’ EUR 5730 u EUR 4980 rispettivament ( 28 ).

62.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra n-numru kollu tal-ħaddiema li għalihom tgħodd il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament, u li l-aħjar metodu sabiex wieħed ikun jista’ jagħmel paragun jikkonsisti filli wieħed jipparaguna l-grupp tal-ħaddiema rġiel ma’ dak tan-nisa mill-perspettiva ta’ kemm huwa għoli l-proporzjon ta’ persuni f’kull grupp li jintlaqat mill-iżvantaġġ inkwistjoni ( 29 ). Fi kliem ieħor, wieħed għandu jiddetermina l-impatt negattiv fuq membri ta’ sess partikolari meta mqabbel mal-impatt negattiv fuq membri tas-sess l-ieħor b’riferiment għal grupp speċifiku ta’ persuni, li għalih jgħodd il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni ( 30 ). Dan ma jikkorrispondix inevitabbilment mal-ħaddiema kollha jew mal-pensjonanti tal-Istat Membru kkonċernat ( 31 ).

63.

Huwa biss permezz ta’ limitazzjoni ta’ dan it-tip tal-grupp ta’ persuni speċifiċi inkunsiderazzjoni li wieħed jista’ jistabbilixxi jekk id-dispożizzjoni kkonċernata u l-kriterju inkwistjoni mniżżel fiha għandhomx tabilħaqq effett diskriminatorju indirett u fl-istess ħin jiġi eskluż li l-konklużjonijiet jiġu affettwati minn fatturi oħra.

64.

Dan jista’ jintwera partikolarment tajjeb mis-sitwazzjoni li fuqha kienet ibbażata l-kawża prinċipali. Li kieku wieħed kellu rispettivament jirrelata n-numru ta’ rġiel u nisa li huma suġġetti għall-obbligi kkontestati mal-pensjonanti rġiel kollha bħalissa, fuq naħa, u l-pensjonanti nisa kollha fuq in-naħa l-oħra, li kieku minn dan toħroġ stampa distorta. Jiġifieri, minħabba li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fost il-persuni li sad-disgħinijiet setgħu jikkonkludu kuntratt ta’ pensjoni okkupazzjonali x’aktarx kien hemm numru kunsiderevolment ikbar ta’ rġiel. Bl-istess mod, ikunu ġew inklużi fil-proporzjon nisa li f’dan iż-żmien, filwaqt li tabilħaqq kienu qegħdin jaħdmu, imma li, pereżempju minħabba n-natura u l-ammont ta’ xogħol li jagħmlu, ma ġie offrut lilhom ebda kuntratt ta’ pensjoni okkupazzjonali sabiex jissupplimenta l-pensjoni statutorja tagħhom. Minħabba f’hekk, il-konklużjoni tal-paragun kieku tkun għalhekk qiegħda tirrifletti biss il-fenomeni soċjokulturali taż-żmien ikkonċernat u mhux l-effett potenzjalment diskriminatorju tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

65.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha, minn naħa, tipparaguna n-numru ta’ rġiel li l-intitolament tagħhom għal benefiċċji definiti diretti jaqbeż il-limitu kkonċernat fi proporzjon man-numru kollu ta’ rġiel, li jirċievu benefiċċju definit dirett minn kumpannija kkontrollata mill-Istat. Il-perċentwali li toħroġ minn dan għandha tiġi pparagunata mal-perċentwali ta’ nisa li l-intitolament tagħhom għal benefiċċju definit dirett jaqbeż il-limitu kkonċernat, min-numru totali tan-nisa kollha li jirċievu benefiċċju definit dirett mingħand kumpanniji kkontrollati mill-Istat.

66.

Jekk, wara li jkun sar dan, jirriżulta li l-perċentwali ta’ nisa milquta, minn numru possibbilment relattivament żgħir totali ta’ nisa li fil-fatt jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, ma jkunx assolutament iżgħar mill-perċentwali tal-irġiel milquta minn grupp possibbilment ħafna ikbar ta’ rġiel, konsegwentement wieħed ma jkunx jista’ jikkonkludi ipso facto li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkawżaw diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess.

67.

Hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli mill-evalwazzjoni tad-domanda dwar jekk iċ-ċifri kkalkolati b’dan il-metodu humiex sinjifikattivament konvinċenti ( 32 ).

68.

Dubji dwar il-validità taċ-ċifri jistgħu pereżempju f’din il-kawża jirriżultaw jekk id-distribuzzjoni tal-irġiel u n-nisa fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ma tkunx normali, jiġifieri mhux mistennija. Biss għal dan ma jidher li hemm ebda indikazzjoni fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, jidher li l-qorti tar-rinviju mhux qiegħda toqgħod fuq ċifri, li skonthom, f’paragun mad-distribuzzjoni tas-sessi fost il-pensjonanti inġenerali, fost dawk li kienu impjegati ta’ kumpanniji kkontrollati mill-Istat jirriżulta li hemm partikolarment ħafna rġiel. U lanqas jidher li ġew sottomessi lilha ċifri, li skonthom, fil-grupp ta’ benefiċjarji ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, bħala perċentwali, kien hemm iktar irġiel milli nisa li jibbenefikaw minn benefiċċji definiti diretti. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li benefiċċji definiti diretti sad-disgħinijiet kienu jirrappreżentaw il-mudell normali ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, jiġifieri li 100 % tal-irġiel u 100 % tan-nisa li f’dan iż-żmien ġiet offruta lilhom pensjoni okkupazzjonali rċevew benefiċċju definit dirett.

69.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta wkoll li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għal benefiċċji definiti diretti mħallsa minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat (b’esklużjoni ta’ tip ieħor ta’ pensjonijiet okkupazzjonali u persuni privati li jimpjegaw), bħala tali, ma tidhirx li twassal għal diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess ( 33 ).

3. Dwar il-verifika ta’ żvantaġġ partikolari tal-irġiel fil-każ konkret

70.

Fil-fażi orali tal-proċedura, il-konvenuta kienet ġibdet l-attenzjoni li d-data statistika meħtieġa setgħet ma kinitx disponibbli. Dan minħabba li, billi l-intitolamenti għal benefiċċji definiti diretti joħorġu minn kuntratt individwali, ma jistax jiġi kkalkolat b’mod ġenerali kemm irġiel u kemm nisa jirċievu benefiċċji definiti diretti minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat u kemm minnhom għandhom intitolamenti għal benefiċċji li jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u l-Artikolu 711(6) tal-ASVG.

71.

L-iktar l-iktar, wieħed seta’ jissottometti data ta’ kemm irġiel u kemm nisa huma benefiċjarji ta’ benefiċċju definit dirett imħallas mill-konvenuta u ta’ kemm minnhom huma milquta rispettivament mill-obbligu tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet kif ukoll mill-esklużjoni ta’ żieda fl-intitolamenti tagħhom.

72.

F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li data statistika bl-ebda mod ma hija l-uniku mezz sabiex wieħed jipprova l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta. Skont il-ġurisprudenza, huma għandhom biss effett indikattiv ( 34 ). Barra minn hekk, it-tħassib fundamentali kontra l-użu ta’ data statistika f’dan il-kuntest diġà ġie diskuss iktar ’il fuq fid-dokument ( 35 ). Għal din ir-raġuni, il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi li l-prova ta’ diskriminazzjoni indiretta tista’ tinġieb bil-mezzi kollha disponibbli ( 36 ).

73.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-inaċċessibbiltà ta’ data statistika rilevanti fil-kuntest tal-prova ta’ diskriminazzjoni ma għandhiex twassal biex l-implimentazzjoni tal-għan imħaddan mid-direttiva jiġi kompromess u b’hekk li d-direttiva jitneħħielha l-effett prattiku tagħha ( 37 ). F’dan l-isfond, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Schuch‑Ghannadan iddeċidiet li, jekk ikun hemm il-ħtieġa, wieħed jista’ jirrikorri għal, u jagħmel użu minn, data oħra disponibbli ( 38 ).

74.

Il-fattur deċiżiv huwa, fl-aħħar mill-aħħar, jekk il-qorti tar-rinviju, li hija esklużivament responsabbli għall-evalwazzjoni tal-fatti, waqt li tkun qiegħda tagħmel evalwazzjoni ta’ data alternattiva bħal din, tasalx għall-konvinzjoni li dawn huma rilevanti, rappreżentattivi u sinjifikattivi u ma jirriflettux biss fenomeni aċċidentali jew ekonomiċi ( 39 ). Jekk tieħu inkunsiderazzjoni u tiddeċiedi li tagħmel użu mid-data sottomessa mill-konvenuta, hija għandha għaldaqstant tevalwa jekk id-distribuzzjoni tal-irġiel u tan-nisa fil-grupp ta’ persuni li jirċievu mingħand il-konvenuta benefiċċji abbażi ta’ benefiċċju definit dirett tikkorrispondix mad-distribuzzjoni tal-irġiel u tan-nisa fil-grupp ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u tal-Artikolu 711(6) tal-ASVG.

4. Dwar ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni potenzjali minħabba s-sess

75.

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-interferenzi kkontestati fl-intitolamenti tal-pensjonijiet jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, hija trid l-ewwel teżamina jekk dawn l-interferenzi humiex oġġettivament ġustifikabbli minħabba għan leġittimu, li ma għandux x’jaqsam ma’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, u li l-mezzi magħżula sabiex jintlaħaq dan il-għan huma xierqa u neċessarji ( 40 ).

76.

Hawnhekk għandu jiġi nnotat, l-ewwel, li effett diskriminatorju indirett tad-dispożizzjonijiet, jekk dan ikun jista’ jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju, l-iktar l-iktar jorbot ma’ stat ta’ inugwaljanza li diġà jeżisti. Dan l-impatt predominanti fuq irġiel bi probabbiltà kbira jista’ jkun jiddependi biss fuq il-fatt li l-irġiel, bħala medja, għadhom jaqilgħu iktar min-nisa u huma l-irġiel ukoll li huma rrappreżentati żżejjed f’karigi maniġerjali. B’kuntrast mal-kawżi diġà deċiżi s’issa, f’din il-kawża għalhekk mhux qiegħda tiġi ulterjorment aggravata l-inugwaljanza ekonomika bejn is-sessi li diġà teżisti ( 41 ). Minn dan jirriżulta li r-rekwiżiti għal ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta eventwali huma proporzjonalment inqas.

77.

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Awstrijak, id-dispożizzjonijiet ikkontestati essenzjalment iridu jilħqu żewġ għanijiet. Minn naħa, għandu jitnaqqas il-piż fuq il-baġit tal-Istat riżultat ta’ obbligi partikolarment għoljin relatati mal-pensjonijiet fis-settur pubbliku u dak semipubbliku ( 42 ). Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan ukoll li jaġġustaw u jallinjaw b’mod ġenerali l-livelli ta’ pensjonijiet, fl-isfond tad-differenzi sinjifikattivi fl-ammont ta’ intitolamenti għall-pensjonijiet li jinħassu mhux ġusti.

78.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi ż-żamma tal-funzjonament u ż-żamma tal-bilanċ finanzjarju permezz ta’ sistemi ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, bħala prinċipju, bħala għanijiet soċjopolitiċi leġittimi ( 43 ). Barra minn hekk, hija tikkonċedi diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fir-rigward tal-għanijiet li huma jridu jilħqu fil-qasam tal-politika tax-xogħol u tal-politika soċjali rispettivi tagħhom ( 44 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, huma u jippruvaw jilħqu dawn l-għanijiet, huma għandhom japplikaw il-mezzi magħżula b’mod koerenti u sistematiku ( 45 ).

79.

B’hekk, fir-rigward tal-għan tat-tnaqqis tal-piż fuq il-baġit tal-Istat, l-ewwel ta’ min jinnota li s-SpBegrG jinkorpora fih ukoll dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjoni ġenerali tar-remunerazzjoni ta’ impjegati fis-servizz ċivili u l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-salvagwardja tal-pensjonijiet mingħand dawn il-gruppi, li l-pensjonijiet tagħhom jitħallsu direttament minn fondi pubbliċi ( 46 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 711(1) tal-ASVG għas-sena 2018 jintroduċi wkoll tnaqqis fiż-żieda fil-pensjonijiet għal benefiċjarji ta’ assigurazzjoni statutorja għall-pensjoni, li tipprovdi għal esklużjoni totali ta’ żieda f’każ ta’ ammonti li jaqbżu l-limitu ta’ EUR 4980. Konsegwentement jidher li l-leġiżlatur qiegħed jilħaq l-għan tat-tnaqqis tal-piż fuq il-finanzi pubbliċi b’mod eżawrjenti u sistematiku.

80.

It-tieni, tassew li, fil-fażi orali tal-proċedura, ġie enfasizzat bosta drabi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jobbligawx lill-kumpanniji kkontrollati mill-Istat li jużaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mġemmgħa għall-ħolqien ta’ riżervi għall-pensjonijiet. Għal din ir-raġuni, mhux żgur jekk id-dispożizzjonijiet joffrux tabilħaqq xi kontribuzzjoni finanzjarja għall-finanzjament tal-pensjonijiet. Madankollu, f’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-korpi pubbliċi li fihom l-Istat ikollu maġġoranza ta’ ishma jistgħu f’kull każ jeżiġu distribuzzjoni tal-profitti. B’dan il-mod, f’każijiet ta’ dubju, ikun jista’ jiġi ggarantit li ma jkunx hemm theddid ta’ piż żejjed fuq il-finanzi pubbliċi meta kumpannija ma tużax il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mġemmgħa kif suppost.

81.

It-tielet, ta’ min jieħu inkunsiderazzjoni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jfasslu n-nuqqas ta’ żieda tal-intitolamenti kif ukoll l-obbligu u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-persuni kkonċernati. Huma biss intitolamenti partikolarment għoljin, li skont informazzjoni mogħtija mill-Gvern Awstrijak jaqbżu l-290 % tal-livell medju tal-pensjonijiet, li jintlaqtu tabilħaqq mid-dispożizzjonijiet u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja li trid titħallas huwa proporzjonat mal-ammont tal-intitolament.

82.

F’dan l-isfond u fid-dawl ta’ dak li diġà ġie osservat iktar ’il fuq, jiġifieri tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ permess lil-leġiżlatur nazzjonali fil-qasam tal-politika soċjali, id-dispożizzjonijiet għalhekk fi kwalunkwe każ ma jistgħux jitqiesu bħala manifestament mhux approprjati jew inkoerenti.

5. Konklużjoni

83.

Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmijin qabel, jirriżulta li l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, jistgħu tabilħaqq jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li benefiċjarji ta’ pensjonijiet okkupazzjonali fil-forma ta’ benefiċċji diretti mingħand kumpanniji kkontrollati mill-Istat għandhom l-obbligu li jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u li l-pensjoni tagħhom ma tistax tiżdied skont kif miftiehem fil-kuntratt tal-pensjoni rispettivament, meta dawn l-intitolamenti jaqbżu ċertu ammont stipulat mil-liġi. Madankollu, dan jippreżupponi li l-perċentwali tal-membri ta’ sess partikolari, li l-intitolamenti tagħhom jaqbżu dan il-limitu, meta mqabbla man-numru totali tal-membri ta’ dan l-istess sess fil-grupp tal-persuni li huma intitolati għat-tip ta’ pensjoni okkupazzjonali kkonċernata, tkun kunsiderevolment ogħla mill-perċentwali rispettiva tal-membri tas-sess l-ieħor, u din iċ-ċirkustanza ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni oġġettiva, li ma tirrigwardax diskriminazzjoni minħabba s-sess.

C.   Dwar diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età (it-tieni domanda preliminari)

84.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment issir taf jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal interferenzi fl-intitolamenti għall-pensjoni kkontestati, meta l-iktar li jintlaqtu mill-provvedimenti mniżżlin fiha, jiġifieri l-obbligu tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u n-nuqqas ta’ żieda tal-pensjonijiet okkupazzjonali rispettivament, huma persuni minn sittin sena ’l fuq.

85.

Il-verifika ta’ diskriminazzjoni indiretta għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78 għandha ssir fuq l-istess prinċipji li japplikaw ukoll għad-Direttiva 2006/54 ( 47 ).

86.

Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hawnhekk jirriżulta li essenzjalment fir-rigward tat-total tal-persuni kollha, li għalihom tgħodd il-leġiżlazzjoni nazzjonali, irid jiġi eżaminat jekk id-differenzjazzjoni li ġiet implimentata permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiżvantaġġax b’mod partikolari lill-persuni anzjani ( 48 ).

87.

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirriżultax li, f’dan ir-rigward, fost il-persuni li skont id-dispożizzjonijiet ikkonċernati jridu jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u li l-intitolamenti tal-pensjonijiet tagħhom mhux qegħdin jiżdiedu rispettivament, bħala perċentwali, hemm iktar persuni minn 60 sena ’l fuq, milli fost dawk il-persuni li, minħabba l-ammonti tal-intitolamenti tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma jgħoddux għalihom.

88.

Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li tara li hemm diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età fiċ-ċirkustanza li l-interferenzi fl-intitolamenti tal-pensjoni kkontestati, indipendentement mill-iżvantaġġi konkreti kkawżati minnhom, mill-bidu nett kienu jgħoddu biss għal benefiċjarji ta’ benefiċċji definiti diretti, li neċessarjament huma ikbar fl-età minn benefiċjarji ta’ tip ieħor ta’ pensjonijiet, billi tal-ewwel prattikament ġew miftiehma sal-aħħar tad-disgħinijiet. Wara l-introduzzjoni tal-fondi għall-pensjoni tal-kumpanniji, il-persuni li jimpjegaw bdew de facto joffru tip ieħor ta’ pensjonijiet okkupazzjonali.

89.

Biss, hawnhekk ta’ min jinnota li huwa fenomenu naturali li persuni li għalihom tkun tapplika pożizzjoni legali differita jkunu iżgħar minn dawk li jaqgħu taħt il-pożizzjoni legali ta’ qabel. Madankollu, f’dan ma hemm ebda diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età ( 49 ).

90.

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li benefiċjarji ta’ pensjonijiet okkupazzjonali ta’ ċertu tip, li l-ammonti tagħhom jaqbżu limitu stipulat mil-liġi, huma obbligati li jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u li l-pensjonijiet tagħhom ma jiżdidux skont kif miftiehem fil-kuntratt ma jirrappreżentaw ebda diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età fis-sens ta’ din id-direttiva, meta t-tip ta’ pensjoni okkupazzjonali kkonċernata ma tkunx ġiet iktar konkluża wara data speċifika u, minħabba f’hekk, benefiċjarji ta’ tip ieħor ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, li jkunu ġew konklużi wara din id-data speċifika, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

D.   Dwar id-drittijiet fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (mit-tielet sat-tmien domanda preliminari)

91.

Permezz tat-tielet sat-tmien domanda preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf kif għandhom jiġu interpretati l-Artikoli 17, 20, 21, u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħalma huma l-interferenzi kkontestati fl-intitolamenti għall-pensjonijiet.

92.

B’mod konkret, permezz tar-raba’ u l-ħames domanda preliminari, hija qiegħda tistaqsi, l-ewwel, jekk l-obbligi legali tal-ugwaljanza fit-trattament, li hemm fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn, u, b’mod partikolari, jekk fihom hemmx diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ proprjetà fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Imbagħad, permezz tas-sitt u s-seba’ domanda preliminari, hija tixtieq issir taf jekk il-libertà kuntrattwali u d-dritt tal-proprjetà jipprekludux dispożizzjonijiet bħal dawn. Fl-aħħar, permezz tat-tmien domanda preliminari, hija tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistax f’din il-kawża jkun f’kunflitt maċ-ċirkustanza li ma jeżisti ebda rimedju legali applikabbli kontra l-Artikolu 24(a) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG u kontra l-Artikolu 711(6) tal-ASVG.

93.

Madankollu, l-ewwel hemm bżonn jiġi ċċarat sa fejn fil-kawża prinċipali hija tabilħaqq applikabbli l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (dwar dan ara taħt it-Taqsima 1). Fil-fatt, permezz tat-tielet domanda preliminari, f’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi biss sa fejn applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, meta d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxu ebda diskriminazzjoni indiretta fis-sens tad-Direttivi 2000/78 u 2006/54. Madankollu, f’dan il-kuntest għandhom jiġu indirizzati wkoll l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali applikabbli.

94.

Huwa biss wara li jkun sar dan l-eżami kollu li wieħed ikun jista’ jiddiskuti t-tifsira tad-dispożizzjonijiet individwali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali kkontestati fil-kawża prinċipali (dwar dawn ara taħt it-Taqsima 2).

1. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (it-tielet domanda preliminari)

95.

Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-kawża prinċipali huwa applikabbli, indipendentement minn jekk tiġix stabbilita diskriminazzjoni indiretta fis-sens tad-Direttiva 2006/54 jew tad-Direttiva 2000/78, għaliex l-interferenzi fl-intitolamenti għall-pensjonijiet ikkontestati jolqtu pensjonijiet okkupazzjonali, li huma inklużi fl-ambitu oġġettiv tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi ( 50 ).

96.

F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li l-applikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tippreżupponi azzjoni mill-Istati Membri fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 51 ). Madankollu, f’dan il-kuntest ma huwiex suffiċjenti li miżura nazzjonali tittieħed f’qasam li fih l-Unjoni għandha ġurisdizzjoni ( 52 ). Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam inkwistjoni joħloq obbligi speċifiċi għall-Istati Membri fir-rigward tal-fatti kkonċernati fil-kawża prinċipali ( 53 ).

97.

Konsegwentement, is-sempliċi fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jikkonċernaw pensjonijiet okkupazzjonali ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-applikabbiltà tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

98.

Imma, sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, bil-fatti, jintroduċu diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess fil-kalkolu tal-benefiċċji, li tkun teħtieġ ġustifikazzjoni ( 54 ), huma suġġetti għar-rekwiżiti konkreti tad-dritt tal-Unjoni fit-tfassil ta’ pensjonijiet okkupazzjonali. Skont id-Direttivi 2006/54 u 2000/78, il-kwantifikazzjoni u l-kalkolu tal-benefiċċji f’sistemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali ma għandhomx ikunu diskriminatorji. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jirrappreżentaw għalhekk implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 55 ).

99.

Madankollu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, anki fil-każ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, għandu jkun applikabbli biss l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri biss minħabba l-fatt li dan l-artikolu jistabbilixxi projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess. Dan għaliex, billi d-Direttiva 2006/54 tikkonkretizza f’dan ir-rigward l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 56 ), konsegwentement l-Istat Membru jimplimenta wkoll id-dritt tal-Unjoni biss sa fejn meħtieġ.

100.

Imma, l-ewwel, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-rabta tal-Istati Membri mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din ir-rabta tkun komprensiva. Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta fl-attivitajiet kollha tagħhom u b’hekk dejjem u b’mod komprensiv mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-rabta tal-Istati Membri “meta jkunu qed jimplimentaw il-dritt tal-Unjoni” għandha iżda tiżgura li huma, bħala rappreżentanti tal-Unjoni, b’xi mod ma jiksrux id-drittijiet fundamentali ( 57 ). Għaldaqstant, ir-rabta tal-Istati Membri mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għal dak li jirrigwarda komprensività għandha tikkorrispondi mar-rabta tagħhom mal-Unjoni.

101.

It-tieni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha d-direttivi kontra d-diskriminazzjoni jikkonkretizzaw l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tfissirx li dawn id-direttivi jiddeterminaw il-kontenut normattiv ta’ dan id-dritt fundamentali, bil-konsegwenza li, barra minn hekk, ma tkun teżisti ebda protezzjoni legali ta’ dan id-dritt fundamentali ( 58 ). Għall-kuntrarju, skont din il-ġurisprudenza, id-direttivi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn dan jirriżulta li f’każ li jiġi stabbilit ksur tad-dispożizzjonijiet imniżżla fid-direttivi, wieħed ma għandux iktar jeżamina ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’mod separat mill-istess perspettiva ( 59 ). Iżda, barra minn hekk, hija naturalment obbligatorja wkoll l-osservanza ta’ drittijiet fundamentali oħra.

102.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 huma obbligati li josservaw l-Artikoli 28, 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 60 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE ( 61 ), enfasizzat l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw l-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 62 ).

103.

Konsegwentement, it-tweġiba għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fit-tfassil leġiżlattiv ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78, meta permezz tiegħu tiġi introdotta diskriminazzjoni li teħtieġ ġustifikazzjoni fis-sens ta’ dawn id-direttivi.

2. Dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali individwali

a) Dwar l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari)

104.

Iktar ’il fuq diġà ġie spjegat li l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, anki f’każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati joħolqu diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, li tkun teħtieġ ġustifikazzjoni, ma għandux iktar jiġi eżaminat taħt l-aspett ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess jew minħabba l-età ( 63 ). B’hekk, risposta għar-raba’ domanda preliminari ma għadhiex iktar meħtieġa.

105.

Madankollu, għandu jiġi eżaminat kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-aspett ta’ diskriminazzjoni minħabba l-proprjetà, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

106.

Ma hemm l-ebda kunflitt bejn il-fatt li d-direttiva ma telenkax il-proprjetà bħala raġuni għal diskriminazzjoni u l-fatt li l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva billi jelenka raġuni għal diskriminazzjoni li ma hijiex stipulata fiha ( 64 ). Dan minħabba li fil-kawża preżenti l-kwistjoni ma hijiex il-verifika ta’ ksur tad-Direttiva 2000/78, iżda l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru u b’mod iktar konkret f’każ ta’ diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/54.

107.

Milli jidher, sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar kwistjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-proprjetà.

108.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għad-domanda ta’ liema miżuri konkreti, individwalment, jistgħu jmorru kontra l-projbizzjoni msemmija, f’din il-kawża tista’ titħalla miftuħa, billi fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni potenzjali minħabba l-proprjetà, hekk jew hekk, ma jista’ jgħodd ebda kriterju ieħor ħlief dawk fir-rigward ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess ( 65 ). B’riżultat ta’ dan, diskriminazzjoni potenzjali minħabba l-proprjetà għalhekk tkun tista’ titqies tal-inqas bħala waħda ġġustifikata.

b) Dwar l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (is-sitt u s-seba’ domanda preliminari)

109.

Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jista’ wkoll imur kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, billi huma jirrappreżentaw “direttament b’saħħa ta’ liġi u mingħajr kumpens, intervent esproprjatorju” fid-dritt tal-proprjetà tal-pensjonanti milquta. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-dritt tal-proprjetà tal-persuni li qabel kienu jimpjegaw intlaqat b’mod negattiv, billi kien hemm interferenza fil-libertà kuntrattwali fil-fatt li huma, kontra l-ftehim kuntrattwali, ma setgħux jgħollu l-intitolamenti tal-pensjonijiet imħallsa minnhom.

110.

Il-libertà kuntrattwali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tifforma parti mil-libertà ta’ intrapriża, li hija stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Din il-libertà tinkorpora fiha l-libertà li tistabbilixxi l-ammont ta’ benefiċċju ( 66 ) jew il-ftehim dwar l-ammont ta’ benefiċċju rispettivament. Sa fejn l-ammont tal-pensjoni okkupazzjonali li jkun ġie miftiehem f’kuntratt ikun irregolat mill-interferenzi fl-intitolamenti għal pensjonijiet ikkontestati, li skont il-ġurisprudenza għandhom jitqiesu bħala komponent tar-remunerazzjoni ( 67 ), dawn l-interferenzi għalhekk jikkostitwixxu restrizzjoni tal-libertà ta’ intrapriża.

111.

Taħt il-kunċett ta’ proprjetà tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jaqgħu d-drittijiet kollha tal-assi, li minnhom, fil-kuntest tas-sistema legali, tirriżulta pożizzjoni ġuridika żgura, li tippermetti eżerċizzju indipendenti ta’ dawn id-drittijiet minn u favur id-detentur tagħhom ( 68 ). Mill-perspettiva tal-impjegati, dawn id-drittijiet bħala prinċipju jinkludu wkoll l-intitolamenti għall-pensjoni. B’mod partikolari, biss prospetti futuri u inċerti ta’ żieda fl-ammont, bħalma huwa l-aġġustament li jsir kull sena fil-pensjonijiet okkupazzjonali, għadhom ma jistgħux jitqiesu bħala pożizzjoni ta’ proprjetà konkreta. Iżda, sakemm tibqa’ tinżamm parti minn intitolamenti diġà miksuba, dan jikkostitwixxi restrizzjoni fl-użu tal-proprjetà fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-proprjetà ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa jiggarantixxi intitolament għall-pensjoni għall-irtirar f’ammont speċifiku ( 69 ).

112.

Restrizzjoni tad-dritt tal-proprjetà u tal-libertà ta’ intrapriża bħal din, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet. Filwaqt li tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, restrizzjoni bħal din tista’ ssir madankollu biss meta hija meħtieġa u tabilħaqq tikkonforma mal-għanijiet u mar-rekwiżiti ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn irrikonoxxuti mill-Unjoni ( 70 ).

113.

Hawnhekk ukoll, bħala prinċipju tista’ ssir referenza għall-konstatazzjonijiet għal ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta eventwali ( 71 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja offriet lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa wkoll inkonnessjoni ma’ restrizzjoni ta’ drittijiet tal-proprjetà, immirata sabiex tnaqqas is-salarju fis-settur pubbliku u sabiex issir riforma tas-sistema tal-pensjonijiet ( 72 ). F’din il-kawża, jidher li ġiet issalvagwardjata l-essenza tad-dritt tal-proprjetà u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, billi mill-obbligu li jħallsu kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet, intlaqtu biss dawk il-persuni li l-intitolamenti tagħhom jaqbżu ċertu limitu ta’ ammont u l-ammont marbut ma’ dan l-obbligu huwa għall-kuntrarju proporzjonat mal-ammont tal-intitolament ( 73 ).

c) Dwar l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (it-tmien domanda preliminari)

114.

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jidher fil-fatt li l-pensjonanti milquta ma humiex qegħdin jipproċedu direttament kontra d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tas-SpBegrG u d-dispożizzjonijiet imsejsa fuqhom u jistgħu jinvokaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda jistgħu jipproċedu kontra l-persuni li qabel kienu jimpjegawhom għad-danni jew għal rimbors tal-ammonti li jkunu nżammewlhom minnhom.

115.

F’dan il-kuntest, hija biżżejjed ir-referenza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, possibbiltà ta’ verifika inċidentali dwar il-protezzjoni tad-dritt fundamentali mniżżel fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija suffiċjenti, meta fil-qafas ta’ din il-possibbiltà li tinfetaħ kawża, il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi ċċarata bħala domanda preliminari ( 74 ). F’din il-kawża, jidher li dan huwa l-każ.

V. Konklużjonijiet

116.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Landesgerichts Wiener Neustadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Wiener Neustadt) kif ġej:

1)

L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-fatt bħala prinċipju jistgħu jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li lill-benefiċjarji ta’ pensjonijiet okkupazzjonali fil-forma ta’ benefiċċju definit dirett imħallsa minn kumpanniji kkontrollati mill-Istat jinżammilhom ammont għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u ma jiżdidulhomx l-intitolamenti għall-pensjoni kif ikun ġie miftiehem kuntrattwalment, meta dawn l-intitolamenti jaqbżu ammont limitu stipulat bil-liġi. Madankollu, dan jippreżupponi li l-perċentwali ta’ membri ta’ sess partikolari, li l-intitolamenti tagħhom jaqbżu dan l-ammont limitu, meta mqabbla man-numru totali ta’ membri ta’ dan l-istess sess fil-grupp ta’ persuni intitolati għat-tip ta’ pensjoni okkupazzjonali kkonċernata, tkun kunsiderevolment ogħla mill-perċentwali korrispondenti tal-membri tas-sess l-ieħor, u din iċ-ċirkustanza ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni oġġettiva, li ma jkollha x’taqsam xejn ma’ diskriminazzjoni minħabba s-sess.

2)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li lill-benefiċjarji ta’ pensjonijiet okkupazzjonali partikolari, li l-ammonti tagħhom jaqbżu limitu stipulat bil-liġi, tinżammilhom kontribuzzjoni għas-salvagwardja tal-pensjonijiet u li l-intitolamenti tagħhom ma jiżdidux kif miftiehem kuntrattwalment rispettivament ma tirrappreżentax diskriminazzjoni indiretta minħabba l-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, meta t-tip ta’ pensjonijiet okkupazzjonali kkonċernati ma jkunux iktar ġew konklużi wara perijodu ta’ żmien speċifiku u għaldaqstant benefiċjarji ta’ tip ieħor ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, li jkunu ġew konklużi iktar tard, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

3)

L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżisti fit-tfassil leġiżlattiv tal-pensjonijiet okkupazzjonali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78, jekk permezz tiegħu tkun qiegħda tiġi introdotta diskriminazzjoni li tkun teħtieġ ġustifikazzjoni fis-sens tad-direttivi.

4)

L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li restrizzjoni tal-libertà tal-persuna li timpjega, li tiftiehem dwar remunerazzjoni għat-twettiq ta’ xogħol, għandha titqies bħala ġġustifikata meta din tkun meħtieġa għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tabilħaqq tkun kompatibbli mal-għanijiet fl-interess ġenerali bħaż-żamma tal-vijabbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-pensjoni. L-istess jgħodd għal restrizzjoni fl-użu tal-proprjetà ta’ impjegati kkawżata miż-żamma ta’ parti mill-intitolament għal pensjoni okkupazzjonali fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, meta dan l-intitolament jaqbeż ċertu limitu u l-ammont ta’ kontribuzzjoni li tkun trid titħallas jiddependi minn kemm jammonta l-intitolament.

5)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li Stat Membru jipprovdi rimedju legali indipendenti fis-sistema legali tiegħu intiża għall-verifika tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, meta rimedji legali oħra, li ma jkunux imfasslin b’mod inqas favorevoli minn rimedji nazzjonali korrispondenti, jippermettu l-verifika ta’ din il-kompatibbiltà bħala domanda preliminari.


( 1 ) Lingwa oriġinali: Il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 3 ) ĠU 2006, L 204, p. 23.

( 4 ) BGBl. Nru 282/1990.

( 5 ) BGBl. I Nru 46/2014.

( 6 ) BGBl. I Nru 64/1997.

( 7 ) LGBl. 0032‑14.

( 8 ) Ara wkoll ErlRV 140 BlgNR 25. GP, p. 2.

( 9 ) BGBl. Nru 189/1955.

( 10 ) BGBl. I Nru 151/2017.

( 11 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 79/7”).

( 12 ) B’mod partikolari fuq il-pensjoni statutorja, ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno (C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 26).

( 13 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 12); tas‑7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 25); tal‑1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 44); u tat‑2 ta’ Ġunju 2016, C (C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 23). Ara wkoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2006/54.

( 14 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, C (C‑122/15, EU:C:2016:391, punti 2526).

( 15 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, C (C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 25).

( 16 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, C (C‑122/15, EU:C:2016:391, punti 2526).

( 17 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 76); tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 56); u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 37).

( 18 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2004, Elsner‑Lakeberg (C‑285/02, EU:C:2004:320, punt 18); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 27); tat‑13 ta’ Lulju 2017, Kleinsteuber (C‑354/16, EU:C:2017:539, punti 2839); u tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106, punti 5455).

( 19 ) Ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 74); tas‑27 ta’ Mejju 2004, Elsner‑Lakeberg (C‑285/02, EU:C:2004:320, punt 19); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 27); u tas‑16 ta’ Lulju 2009, Gómez‑Limón Sánchez‑Camacho (C‑537/07, EU:C:2009:462, punt 57).

( 20 ) Il-limitu tal-Artikolu 45 tal-ASVG għas-sena 2020 huwa dan l-ammont, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 24a(1) tan-NÖ Landes- und GemeindebezügeG.

( 21 ) Skont l-Artikolu 711(6) flimkien mal-Artikolu 1 tal-ASVG, dan huwa l-ogħla limitu tad-dħul totali mill-pensjoni.

( 22 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 39), u tas‑16 ta’ Lulju 2009, Gómez‑Limón Sánchez‑Camacho (C‑537/07, EU:C:2009:462, punt 56).

( 23 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42), u tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42).

( 24 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 46), u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 45).

( 25 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 60).

( 26 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 59), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 39).

( 27 ) Il-qorti tar-rinviju riedet timxi bl-istess mod fil-kawża li fiha nqatgħet is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 39). Iżda l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrifjutat dan il-metodu fil-punt 40.

( 28 ) Dwar dan ara wkoll il-punt 29 tal-konklużjonijiet f’din il-kawża.

( 29 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 59); tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punti 73 sa 75); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 41); tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 39); u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 47).

( 30 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punti 73 sa 75); tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punt 40); u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 45).

( 31 ) Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 53). Fis-sentenza mogħtija fl‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675), il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq il-pensjonanti kollha tal-Istat ikkonċernat, billi l-leġiżlazzjoni kkontestata kienet tikkonċerna l-ammonti tal-intitolamenti marbuta mal-pensjoni statutorja u għalhekk il-pensjonanti kollha kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fis-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 59) kellhom jitqiesu bħala ammont ta’ riferiment il-ħaddiema kollha, billi r-rekwiżit proċesswali kkontestat kien jgħodd għall-ħaddiema kollha.

( 32 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 17); tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 62); u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punti 4045).

( 33 ) F’dan ir-rigward diġà ma hemmx differenza fit-trattament; dwar dan ara l-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara wkoll is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punti 5960), u tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 60).

( 35 ) B’mod partikolari fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1998:359, punti 123 et seq.). Fir-rigward tal-prova ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tesco‑Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2019:567, punti 59 et seq. u punti 66 et seq.).

( 36 ) Sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Meister (C‑415/10, EU:C:2012:217, punti 43, 4447), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 46).

( 37 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punti 3435); tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 45); u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 56).

( 38 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 53).

( 39 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Endeerby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 17); tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour‑Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 62); u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz (C‑161/18, EU:C:2019:382, punti 4045).

( 40 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1993, Enderby (C‑127/92, EU:C:1993:859, punt 14); tat‑8 ta’ Frar 1996, Laperre (C‑8/94, EU:C:1996:36, punt 14); tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 70); u tat‑22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno (C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 32).

( 41 ) Pereżempju, f’kawża simili, Brachner, li fiha ngħatat is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011 (C‑123/10, EU:C:2011:675), benefiċjarji ta’ pensjonijiet minimi – fil-biċċa l-kbira minnhom nisa – li, hekk jew hekk, diġà qegħdin f’pożizzjoni ekonomika iktar dgħajfa, irċevew aġġustament tal-pensjoni tagħhom iktar baxx milli rċevew benefiċjarji ta’ pensjonijiet iktar għoljin.

( 42 ) Dwar dan ara l-punt 52 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara wkoll is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 47), u tat‑22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno (C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 33).

( 44 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 38); tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 46); u tas‑26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 60).

( 45 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55); tat‑18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 56); u tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner (C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 71).

( 46 ) Ara wkoll il-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Dwar dan ara wkoll il-punti 47 et seq. iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara wkoll, mutatis mutandis, il-punti 62 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 43).

( 49 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Horgan u Keegan (C‑154/18, EU:C:2019:113, punt 28).

( 50 ) Dwar dan ara wkoll il-punt 35 et seq. iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19); tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 21); u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 33).

( 52 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 36).

( 53 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punti 2526), u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35).

( 54 ) Dwar dan ara wkoll il-punti 56 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 42).

( 56 ) Ara, dwar id-Direttiva 2000/78, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 21 et seq.); tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 48); tas‑26 ta’ Settembru 2013, HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 31); tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 23); u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bowman (C‑539/15, EU:C:2016:977, punt 48).

( 57 ) Dwar dan ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punt 82).

( 58 ) Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma għandha bżonn ebda konkretizzazzjoni u hija minnha nnifisha effettiva; ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76), u tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 76).

( 59 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft (C‑132/11, EU:C:2012:329, punti 21 sa 23); tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 24); u tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 25).

( 60 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punti 66 et seq.); tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 62); u tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 38).

( 61 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 62 ) Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 66).

( 63 ) Ara l-punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56); tat‑18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 36); u tal‑21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 29).

( 65 ) Ara l-punti 77 sa 82 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) Sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, F‑Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 45), u tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42).

( 67 ) Dwar dan ara r-riferimenti magħmula fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 68 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34).

( 69 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50).

( 70 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 53), u tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 48).

( 71 ) Dwar dan ara l-punti 77 sa 82 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 5657).

( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 5558).

( 74 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1981, Rewe-Handelsgesellschaft Nord und Rewe-Markt Steffen (158/80, EU:C:1981:163, punt 44), u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 47).