KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-23 ta’ Jannar 2020 ( 1 )

Kawża C-658/18

UX

vs

Governo della Repubblica italiana

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Indipendenza esterna u interna tal-qrati – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Ħin tax-xogħol – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas – Giudice di pace – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Il-giudici di pace (membri tal-ġudikatura Taljani li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja) jitqiesu bħala ħaddiema u, għandhom, konsegwentement, dritt għal leave imħallas?

2.

Din hija d-domanda li għandha tiġi riżolta f’din il-kawża. Fl-opinjoni tal-Italja u tal-qrati superjuri tagħha, il-giudici di pace jeżerċitaw funzjoni onorarja li għaliha jingħataw rimbors għall-ispejjeż. Il-giudice di pace rikorrenti fil-kawża prinċipali, li fis-sena ta’ qabel il-perijodu ta’ leave kontenzjuż kienet qatgħet madwar 1800 kawża u semgħet seduti darbtejn fil-ġimgħa, jidhrilha, għall-kuntrarju, li hija ħaddiem u qed tinvoka d-dritt tagħha għal leave imħallas. Hija qed titlob il-kumpens għal leave imħallas li ġie rrifjutat lilha fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas imressqa quddiem giudice di pace ieħor.

3.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirriżulta minn din il-proċedura jqajjem, b’mod partikolari, kwistjonijiet dwar id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol ( 2 ) u dwar il-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat ( 3 ). Madankollu, l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija hija nnifisha kontenzjuża, għaliex l-Italja u l-Kummissjoni qed jikkritikaw lill-qorti nazzjonali b’kunflitt ta’ interess.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol jirregola l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din:

“(1)   Din id-Direttiva tistabilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

(2)   Din id-Direttiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa, u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa […]

b)

[…]

(3)   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18, u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]

(4)   […]”

5.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol jirregola d-dritt għal perijodu minimu ta’ leave:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

(2)   […]”

2. Id-Direttiva 89/391/KEE

6.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 4 ), jiddefinixxi l-oqsma ta’ attivitajiet li huma koperti minn din id-direttiva:

“(1)   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

(2)   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

3. Il-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat

7.

Il-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP sar vinkolanti permezz tad-Direttiva 1999/70.

8.

Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas tirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan:

“1.

Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

2.

[…]”

9.

Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas tiddefinixxi diversi kunċetti:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku[;]

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

[…]”

10.

Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas tistabbilixxi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema għal żmien determinat:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tal-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.

Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu kkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

4.

Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari tal-impjieg għandhom ikunu l-istess għall-ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għall-ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

B.   Id-dritt Taljan

11.

L-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni Taljana fih dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-aċċess għall-kariga ta’ mħallef:

“L-imħallfin jinħatru permezz ta’ kompetizzjoni.

Il-liġi dwar l-ordinament ġudizzjarju tista’ tippermetti l-ħatra, ukoll permezz ta’ elezzjoni, ta’ mħallfin onorarji għall-funzjonijiet kollha attribwiti lil imħallfin individwali.

[…]”

12.

L-Artikolu 1 tal-legge n. 374, “Istitutione del giudice di pace” (il-Liġi Nru 374 dwar l-istabbiliment tal-giudice di pace), tal-21 ta’ Novembru 1991, jinkludi dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-istatus u l-funzjonijiet tal-giudice di pace:

“1.   Ser jinħoloq il-giudice di pace, li jeżerċita l-funzjoni ġudizzjarja fil-materja ċivili u kriminali u jeżerċita l-funzjoni ta’ konċiljazzjoni fil-materja ċivili skont ir-regoli previsti minn din il-liġi.

2.   Il-funzjoni ta’ giudice di pace hija eżerċitata minn imħallef onorarju li jagħmel parti mill-ordinament ġudizzjarju.”

13.

Skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Liġi Nru 374 tipprevedi, għall-aċċess għal din il-funzjoni, proċedura ta’ kompetizzjoni li hija rregolata mill-Artikoli 4, 4a u 5 u tiżvolġi fi tliet stadji: (a) l-istabbiliment ta’ klassifika provviżorja abbażi ta’ kwalifiki għall-finijiet tal-ammissjoni għal perijodu ta’ prova (b) żvolġiment tal-perijodu ta’ prova għal perijodu ta’ sitt xhur; (c) l-istabbiliment tal-klassifika finali u l-ħatra bħala giudice di pace wara li jkunu saru eżamijiet tal-kapaċitajiet mill-Kunsilli Ġudizzjarji u mill-Consiglio Superiore della Magistratura (il-Kunsill Ġudizzjarju Superjuri, l-Italja) ( 5 ). L-Italja tissottometti li l-ħatra nnifisha ssir mill-Ministru għall-Ġustizzja.

14.

Barra minn hekk, l-Italja qed tissottometti li l-giudici di pace jinħatru għal erba’ snin u jistgħu jerġgħu jinħatru mill-ġdid għal massimu ta’ erba’ snin oħra. Din l-informazzjoni hija probabbilment ibbażata fuq l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 tat-13 ta’ Lulju 2017. Jidher li l-leġiżlazzjoni preċedenti kienet tippermetti l-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal żmien itwal.

15.

Il-ġurisdizzjoni tar-rikorrenti bħala giudice di pace fil-materja kriminali hija rregolata mid-decreto legislativo n. 274, “Disposizioni sulla competenza penale del giudice di pace” (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000 dwar dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja f’kawżi kriminali), tat-28 ta’ Awwissu 2000 u mill-codice penale (il-Kodiċi Kriminali). L-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 274/2000 jipprovdi, b’mod partikolari, għal ġurisdizzjoni materjali tal-Qorti Konċiljatorja għal kontravvenzjonijiet speċifiċi previsti fil-Kodiċi Kriminali u għal reati speċifiċi jew attentati ta’ reati u kontravvenzjonijiet indikati f’ċerti liġijiet speċjali. Barra minn hekk, il-Qorti Konċiljatorja għandha wkoll ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ ċertu ksur marbut mal-immigrazzjoni, kif ukoll sabiex tivverifika ċerti miżuri li jaqgħu taħt id-dritt tal-barranin.

16.

Skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-remunerazzjoni tal-giudice di pace hija komposta minn diversi elementi. Kull xahar ta’ servizz effettiv, huma jirċievu ammont bażiku ta’ EUR 258.63. Barra minn hekk, huma jirċievu allowances għas-seduti li huma jippresjedu u għall-proċeduri magħluqa. Madankollu, meta l-qrati jkunu bil-leave fix-xahar ta’ Awwissu, il-giudici di pace ma jiġux rremunerati.

17.

Din il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda r-remunerazzjoni hija għal kollox differenti minn dik li tapplika għall-imħallfin professjonali. Dawn tal-aħħar jirċievu paga fix-xahar u huma intitolati għal leave annwali mħallas ta’ tletin ġurnata.

18.

Tassew li l-giudici di pace jistgħu jeżerċitaw attivitajiet professjonali oħra, iżda hemm ċerti attivitajiet li huma ma jistgħux iwettqu. B’mod partikolari, huma ma jistgħux jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat fil-ġurisdizzjoni tal-qorti fejn huma jkunu qed jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

19.

Skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-remunerazzjoni tal-giudice di pace Taljani huwa suġġett għall-istess taxxi bħar-remunerazzjoni tal-ħaddiema l-oħra. Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma jinġabrux, madankollu l-giudici di pace lanqas ma jibbenefikaw minn protezzjoni tas-sigurtà soċjali korrispondenti ( 6 ).

20.

Finalment, il-giudici di pace huma suġġetti, fil-qasam dixxiplinari, għal obbligi analogi għal dawk tal-imħallfin professjonali. Il-Consiglio Superiore della Magistratura (il-Kunsill Ġudizzjarju Superjuri) jara, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja, li dawn jiġu osservati.

III. Il-fatti tal-kawża u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

21.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti”) ilha teżerċita l-funzjoni ta’ giudice di pace mis-26 ta’ Marzu 2002.

22.

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti, fil-kapaċità ta’ mħallef tal-qorti kriminali, u fil-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018, ħarġet 478 sentenza kif ukoll 1326 digriet li ma tittiħidx azzjoni. Barra minn hekk, hija semgħet żewġ seduti fil-ġimgħa, ħlief fil-perijodu tal-leave fix-xahar ta’ Awwissu 2018.

23.

Fit-8 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-giudice di pace ta’ Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna, l-Italja) talba sabiex il-Gvern Taljan jiġi ordnat iħallasha remunerazzjoni għax-xahar ta’ Awwissu 2018, abbażi tar-responsabbiltà tal-Istat. Hija titlob is-somma ta’ EUR 4500, li tikkorrispondi għas-salarju ta’ mħallef ordinarju jew professjonali b’erbatax-il sena anzjanità, jew tal-inqas, sussidjarjament, l-ammont tar-remunerazzjoni netta tagħha għax-xahar ta’ Lulju, li huwa ta’ EUR 3 039.76.

24.

Ir-rikorrenti talbet dan il-ħlas bħala kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur manifest mill-Istat Taljan tal-klawżola 2 u tal-punti 1, 2 u 4 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, moqrija flimkien mal-Artikoli 1(3) u 7 tad-Direttiva 2003/88/KE kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

25.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna), inizjalment ressqet ħames domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ), iżda iktar tard irtirat tnejn minnhom. B’hekk issa baqa’ biss it-tliet domandi li ġejjin:

1.

Il-Qorti Konċiljatorja, bħala qorti tar-rinviju, taqa’ taħt il-kunċett ta’ qorti ordinarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, anki jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali ma jagħtix lill-ġudikant li jippresjedi din il-qorti, minħabba n-natura prekarja tas-sitwazzjoni professjonali tiegħu, kundizzjonijiet tax-xogħol ekwivalenti għal dawk ta’ magistrati professjonisti, minkejja li jeżerċita l-istess funzjonijiet ġudizzjarji u huwa parti mill-ordinament ġudizzjarju nazzjonali, u dan bi ksur tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti ordinarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 47 sa 53), tas 27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32 u 41 sa 45) u tal 25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 50 sa 54)?

2.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fid-dawl tax-xogħol tiegħu, il-ġudikant rikorrent li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” previst fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, implimentat mid-Direttiva 1999/70, u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal 1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110) u tad 29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914) u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-maġistrat ordinarju jew professjonist jista’ jitqies li huwa ħaddiem għal żmien indeterminat meta mqabbel mal-ġudikant li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja li huwa ħaddiem għal żmien determinat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, previsti fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss implimentat mid-Direttiva 1999/70?

3.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat Taljan għall-ksur manifest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mill-qorti tal-aħħar istanza, fis-sentenzi tat 30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), tat 13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391) u tal 24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L Italja (C‑379/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:775), jipprekludu l-Artikolu 2(3) u (3a) tal-legge no 117 – Risarcimento dei danni cagionati nell’esercizio delle funzioni giudiziarie e responsabilità civile dei magistrati (il-Liġi Nru 117, – Kumpens għad-Danni Kkawżati fl-Eżerċizzju tal-Funzjonijiet Ġudizzjarji u Responsabbiltà Ċivili tal-Maġistrati), tat 13 ta’ April 1988 (GURI Nru 88 tal-15 ta’ April 1988), li jipprevedi r-responsabbiltà tal-imħallef għal aġir doluż jew għal nuqqas serju ‘fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea’ u li jagħti lill-imħallef nazzjonali l-għażla – li irrispettivament minn kif tiġi eżerċitata twassal għar-responsabbiltà ċivili tiegħu u għal azzjoni dixxiplinari fil-konfront tal-Istat fil-kawżi li fihom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu partijiet fil-mertu, b’mod partikolari meta l-imħallef adit bil-kawża jkun qiegħed jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja u jaħdem għal żmien determinat, mingħajr protezzjoni ġuridika, ekonomika jew soċjali effettiva – bejn, bħal f’dan il-każ, jew li jikser il-leġiżlazzjoni nazzjonali billi ma japplikahiex u japplika d-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif interpetat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella li jikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea billi japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprekludu r-rikonoxximent tal-protezzjoni u li jiksru l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-klawżoli 2 u 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, implimentat mid-Direttiva 1999/70, u l-Artikolu 31(2) tal-Karta?

26.

Ir-rikorrenti, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tat-28 ta’ Novembru 2019.

IV. Evalwazzjoni legali

27.

L-ewwel nett ser neżamina l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi nindirizza diġà, f’dan il-kuntest, l-ewwel domanda. Sussegwentement ser nagħti risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

A.   Ammissibbiltà

28.

Kemm l-Italja kif ukoll il-Kummissjoni esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u dawn id-dubji jikkoinċidu mal-ewwel domanda tal-Qorti Konċiljatorja.

1. Dwar in-neċessità tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

29.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-qorti tar-rinviju nnifisha tafferma li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex neċessarju. Madankollu hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti indikata tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 8 ) tippreżenta biss l-argument tar-rikorrenti.

30.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx b’mod ċar għaliex ma hijiex neċesssarja sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement hija tinvoka ksur tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont dan l-artikolu, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li r-rinviju joħloq bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Skont il-Kummissjoni, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

31.

Madankollu, b’risposta għal dan għandu jiġi osservat li teżisti preżunzjoni ta’ rilevenza favur id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari rriferita lilha minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex fid-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni fattwali u legali li hija teħtieġ sabiex tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi magħmula lilha ( 9 ).

32.

Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, it-tieni domanda hija rilevanti, għaliex hija tikkonċerna s-sustanza tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, sabiex jiġi deċiż jekk ir-rikorrenti tistax titlob kumpens minħabba r-rifjut ta’ leave imħallas, għandu jiġi stabbilit jekk il-giudici di pace humiex ħaddiema fis-sens tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol.

33.

Madankollu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol jipprevedi biss perjodu minimu ta’ leave ta’ erba’ ġimgħat, filwaqt li x-xahar ta’ Awwissu tas-sena 2018 kien fih ġranet ta’ xogħol addizzjonali. Barra minn hekk, mid-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol ma jirriżultax li l-giudici di pace Taljani għandhom jitħallsu bħal imħallfin professjonali waqt il-leave tagħhom. Għaldaqstant, jeħtieġ jiġi ċċarat ukoll jekk il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni li hemm fil-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat jeżiġix li l-giudici di pace Taljani huma intitolati għall-istess numru ta’ ġranet ta’ leave li jingħataw lill-imħallfin professjonali u li jitħallsu wkoll l-istess salarju għal-leave.

34.

Il-fatt li, fil-fehma tal-Consiglio Superiore della Magistratura (il-Kunsill Superjuri Ġudizzjarju) u l-qorti tar-rinviju nnifisha, il-giudici di pace huma mingħajr ebda dubju ħaddiema ma jneħħix mir-rilevanza tat-tieni domanda, bil-kontra ta’ dak li qed issostni l-Kummissjoni. Fil-fatt, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li kemm il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ukoll il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huma l-qrati li huma kompetenti fl-aħħar istanza sabiex jiddeċiedu fuq din il-kwistjoni, jirrifjutaw li jirrikonoxxu lill-giudici di pace l-istatus ta’ ħaddiema jew li jassimilawhom għall-imħallfin professjonali ( 10 ). Barra minn hekk, dan huwa każ ta’ kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu ( 11 ). Konsegwentement id-domanda għandha tiġi ċċarata.

35.

Barra minn hekk, l-ewwel domanda, dwar l-intitolament tal-qorti nazzjonali li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll dwar id-dubji rigward l-indipendenza tal-istess qorti, hija importanti wkoll għall-eżami ulterjuri tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għaliex hija marbuta mill-qrib mal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Italja u mill-Kummissjoni. Barra minn dan, l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li huwa l-bażi tar-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, f’każijiet ta’ dubju, jeżiġi li tingħata risposta għad-domandi dwar l-intitolament tal-qrati nazzjonali li jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari, sakemm dawn id-domandi jkunu marbuta ma’ kawżi pendenti ( 12 ).

36.

Ir-rilevanza tat-tielet domanda għad-deċiżjoni hija l-iktar waħda diffiċli biex tiġi evalwata. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk il-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-responsabbiltà personali tal-imħallef għal aġir doluż jew nuqqas serju “f’każ ta’ ksur manifest tal-liġi jew tad-dritt tal-Unjoni” hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

37.

Din id-domanda ma hijiex direttament rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, billi din ma tikkonċernax ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin. Madankollu, hija indirettament rilevanti, għaliex il-qorti tar-rinviju tifhimha fis-sens li huwa għandu responsabbiltà personali fil-konfront tal-Istat, kemm meta huwa japplika dispożizzjonijiet nazzjonali, li ma humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll meta huwa japplika d-dritt tal-Unjoni u b’hekk ma japplikax dispożizzjonijiet nazzjonali. Dilemma bħal din tista’ tipprekludi lill-qorti milli tagħti lir-rikorrenti protezzjoni legali effettiva. Għaldaqstant, din id-domanda hija wkoll rilevanti għad-deċiżjoni.

2. Dwar l-indipendenza tal-qorti tar-rinviju bħala kundizzjoni sabiex hija tkun intitolata tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja

38.

Fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet is-setgħa tal-giudici di pace Taljani li jressqu talba quddiemha għal deċiżjoni preliminari u, b’hekk, irrikonoxxiet l-istatus tagħhom bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 13 ) Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Italja u l-Qorti Konċiljatorja nnifisha awtur tar-rinviju fil-każ preżenti jiddubitaw, madankollu, l-indipendenza tal-giudice di pace, li f’din il-kawża qed titlob deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

39.

Tassew li dawn id-dubji ma jikkonvinċunix wisq, madankollu xorta waħda huwa neċessarju li jiġu eżaminati.

40.

L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-indipendenza hija waħda mir-rekwiżiti li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-kwalità ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 ( 14 ).

41.

L-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija, b’mod partikolari, ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Minħabba f’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-mekkaniżmu tar-rinviju preliminari jista’ jiġi attivat biss minn korp li huwa responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jissodisfa, fost l-oħrajn, dan il-kriterju ta’ indipendenza ( 15 ).

42.

Skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ indipendenza ta’ korp li jagħmel rinviju huwa magħmul minn żewġ aspetti, l-indipendenza oġġettiva “esterna” u dik suġġettiva “interna”.

a) L-indipendenza oġġettiva

43.

L-indipendenza oġġettiva tippreżupponi li l-qorti teżerċita l-funzjonijiet tagħha f’awtonomija assoluta, mingħajr ma tkun suġġetta għall-ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ kwalunke korp ieħor u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors ieħor ( 16 ). B’hekk hija tħares lilha nnifisha minn interventi jew pressjoni esterni, li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tas-sentenza mogħtija mill-membri tagħha fir-rigward tat-tilwim imressaq quddiemhom ( 17 ).

44.

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji rigward l-indipendenza oġġettiva proprja tagħha, li huma marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-giudici di pace Taljani. B’mod iktar preċiż, dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-remunerazzjoni tal-giudici di pace u d-dritt tagħhom għal leave imħallas, iżda wkoll il-fatt li l-mandat tagħhom huwa limitat għal erba’ snin, bil-possibbiltà li dan jiġġedded għal erba’ snin oħra.

45.

Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u n-natura limitata tal-mandat tagħhom fil-fatt għandhom rwol x’jaqdu fl-indipendenza oġġettiva tal-qrati, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-salarji li jirċievu l-imħallfin fil-Portugall ( 18 ) u dwar l-indipendenza tal-qrati Pollakki ( 19 ) għal dak li għandu x’jaqsam mal-indipendenza oġġettiva tal-qrati. Minn din il-ġurisprudenza joħroġ ukoll li l-indipendenza mifhuma b’dan il-mod, hija prerekwiżit għall-intitolament ta’ korp sabiex jagħmel talba għal deċiżjoni preliminari taħt Artikolu 267 TFUE ( 20 ).

46.

Madankollu, l-ammissibbiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tiġix ikkontestata bis-sempliċi eżistenza ta’ dubji dwar l-adegwatezza tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ikkonċernati jew permezz tat-tul tal-mandat tagħhom jew tal-proċeduri għall-eventwali tiġdid ta’ dan. L-istess bħal fil-każ tad-domanda dwar ir-rilevanza ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjuttost tippreżumi li l-qrati tal-Istati Membri għandhom indipendenza oġġettiva suffiċjenti. Din il-preżunzjoni hija meħtieġa, fost l-oħrajn, bħala riżultat tal-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja tal-Istati Membri ( 21 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll jeħtieġ li tħaddan.

47.

Tali preżunzjoni tal-indipendenza oġġettiva ta’ qorti ta’ rinviju tista’ tiġi kkonfutata, biss, f’dan il-każ, xejn ma jindika li l-indipendenza oġġettiva tal-qorti tar-rinviju hija kompromessa. Il-fatt li t-tielet domanda lanqas ma tawtorizza tali konklużjoni huwa espost fil-kuntest tar-risposta għal din id-domanda ( 22 ).

48.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna) hija qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

b) Dwar l-indipendenza suġġettiva

49.

L-indipendenza suġġettiva hija marbuta mal-kunċett tal-imparzjalità u tirreferi għal fatt li fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u l-interessi rispettivi tagħhom, tinżamm l-istess distanza mis-suġġett tal-kawża. Dan l-aspett jitlob li tipprevali l-oġġettività u li minbarra l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt, ma jkunx hemm ebda interess ieħor fis-soluzzjoni tat-tilwima ( 23 ).

50.

L-Italja u l-Kummissjoni jiddubitaw minn din l-indipendenza interna tal-giudice di pace, li f’dan il-każ qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizza deċiżjoni preliminari. Billi din hija kwistjoni dwar l-istatus u d-drittijiet tal-giudice di pace, din għandha neċessarjament interess personali fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal diversi domandi preliminari dwar l-istatus tal-imħallfin, mingħajr ma esprimiet dubji rigward l-indipendenza tal-qrati tar-rinviju ( 24 ).

52.

Madankollu, ċerti ċirkustanzi ta’ din il-kawża jistgħu, mal-ewwel daqqa t’għajn, iqajmu dubji dwar l-indipendenza suġġettiva tal-giudice di pace awtur tar-rinviju. L-argument imressaq mill-Italja u mill-Kummissjoni jammonta għat-teżi li r-rikorrenti u l-Qorti Konċiljatorja responsabbli għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ħolqu b’mod abbużiv l-kundizzjonijiet għall-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

53.

L-ewwel nett, l-Italja u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-bażi tat-talbiet magħmula hija tilwima fil-qasam tad-dritt tax-xogħol, dwar jekk il-giudici di pace humiex ħaddiema. F’rinviji għal deċiżjoni preliminari preċedenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-giudici di pace Taljani, involuti rrikonexxew b’mod espliċitu li huma ma kinux kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq dik it-tilwima. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn it-talbiet bħala inammissibbli ( 25 ).

54.

Madankollu, din il-proċedura ma hijiex azzjoni fil-qasam tad-dritt xogħol, iżda azzjoni għal kumpens diretta kontra l-Istat. L-Italja u l-Kummissjoni ma jikkontestawx li l-giudici di pace huma kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar azzjonijiet bħal dawn. Din iċ-ċirkustanza tiddistingwi r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-każ preżenti mir-rinviji inammissibbli msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

55.

Barra minn hekk, l-Italja ssostni li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja hija bbażata fuq seperazzjoni, li hija inammissibbli skont id-dritt Taljan, tat-talbiet tar-rikorrenti fil-konfront tal-Istat Taljan. Kieku kellha tinvoka t-talbiet kollha tagħha, kien jinqabeż il-valur kontenzjuż massimu previst għall-giudici di pace. Għaldaqstant ir-rikorrenti jkollha tressaq it-talba tagħha quddiem il-qrati ċivili ġenerali. L-imħallfin professjonali kompetenti f’dawn il-qrati ma jkollhom l-ebda interess personali fl-istatus tal-giudici di pace.

56.

Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju tteħditx b’mod konformi mar-regoli nazzjonali tal-organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji ( 26 ), kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat b’mod espliċitu f’kawżi oħra, b’mod speċifiku b’risposta għall-argument ibbażat fuq is-seperazzjoni tat-talbiet ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija, pjuttost, anki fil-każ ta’ dubji dwar l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, marbuta mad-deċiżjoni tar-rinviju meħuda minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm din ma tkunx tħassret fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji eventwalment previsti fid-dritt nazzjonali ( 28 ).

57.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hemm ukoll il-fatt li l-imħallfin tal-qrati nazzjonali involuti f’din it-talba sempliċement jibdew il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta tagħha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, b’tali mod li l-eżitu tal-proċedura għal rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax jiġi influwenzat mill-eventwali parzjalità tal-imħallef tar-rinviju.

58.

Għaldaqstant, eventwali dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju u dwar l-indipendenza suġġettiva tagħha għandhom prinċipalment jiġu invokati fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji tad-dritt nazzjonali.

59.

Konsegwentement, id-dubji tal-Italja u tal-Kummissjoni rigward il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jipprekludux l-intitolament tagħha li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

3. Dwar l-użu tal-proċedura tal-ordni għal ħlas

60.

Oġġezzjonijiet oħra mill-Italja u mill-Kummissjoni rigward l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari huma bbażati fuq il-fatt li l-proċedura fil-kawża prinċipali nbdiet taħt il-forma ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas u l-parti l-oħra, jiġifieri l-Istat Taljan, għad ma kellux l-opportunità biex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’din il-proċedura.

61.

Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li din ma hijiex proċedura kontradittorja, li madankollu hija waħda mill-karatteristiċi li tintitola lil qorti tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

62.

Tassew li, bħala regola ġenerali, is-smigħ tal-parti l-oħra fl-osservazzjonijiet tagħha huwa utli u huwa wkoll mitlub mill-prinċipju tad-dritt għal smigħ. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jsir lilha wkoll fil-kuntest ta’ proċeduri mhux kontradittorji ( 29 ), b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas fid-dritt Taljan ( 30 ), mingħajr ma huwa neċessarju li l-parti l-oħra tkun instemgħet preċedentement ( 31 ). Pjuttost, il-fattur deċiżiv huwa jekk il-qorti tar-rinviju hijiex mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 32 ). Dan huwa, fil-fatt, il-każ hawnhekk.

B.   Dwar id-dritt għal leave tal-giudice di pace (it-tieni domanda)

63.

Sabiex jiġi deċiż jekk ir-rikorrenti tistax titlob kumpens għad-danni minħabba r-rifjut ta’ leave imħallas u liema ammont għandu jitħallas lilha, għandu jiġi stabbilit jekk il-giudici di pace Taljani humiex ħaddiema fis-sens tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol. Barra minn hekk, peress li x-xahar ta’ Awwissu huwa itwal mil-leave minimu ta’ erba’ ġimgħat previst mill-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat jeżiġix li l-giudici di pace Taljani jingħataw l-istess numru ta’ ġranet ta’ leave u jipprovdix li huma jitħallsu l-istess ammont bħala kumpens għal-leave imħallas bħal dak tal-imħallfin professjonali Taljani.

1. Dwar id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol

64.

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat.

65.

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-direttiva hijiex applikabbli għall-giudici di pace Taljani (dwar dan, ara a)) u jekk il-giudici di pace Taljani humiex ħaddiema fis-sens tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija (dwar dan, ara b)).

a) Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol

66.

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz ta’ referenza għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391.

67.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, din id-direttiva tapplika għas-“setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”.

68.

Għalkemm l-attività ġudizzjarja tal-giudice di pace Taljan tabilħaqq ma hijiex imsemmija b’mod espliċitu fl-eżempji ċċitati, din l-attività tikkostitwixxi wkoll settur pubbliku ta’ attività. Għaldaqstant, hija taqa’, fil-prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ direttivi.

69.

Kif jirriżulta mis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391, din id-direttiva madankollu ma hijiex applikabbli meta karatteristiċi partikolari inerenti f’ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew f’ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi ta’ protezzjoni ċivili, imorru inevitabbilment kontra tagħha.

70.

Il-kriterju użat fis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 sabiex jiġu esklużi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, b’mod indirett, ukoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, huwa bbażat mhux fuq l-appartenenza tal-ħaddiema f’xi wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, meħud b’mod ġenerali, iżda esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti funzjonijiet partikolari eżerċitati mill-ħaddiema fis-setturi koperti minn din id-dispożizzjoni, natura li tiġġustifika eċċezzjoni mir-regoli stabbiliti minn din id-direttiva, minħabba n-neċessità assoluta li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-komunità fis-sens wiesa’ ( 33 ).

71.

Madankollu, ma jidhirx li hemm raġuni sabiex wieħed jeskludi l-giudici di pace Taljani kollha mill-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ Direttivi. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni dwar il-leave tista’ manifestament tiġi applikata għall-giudici di pace Taljani mingħajr problemi kbar, għaliex l-imħallfin professjonali Taljani jibbenefikaw minn leave imħallas.

72.

Konsegwentement, id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol tapplika għall-giudici di pace Taljani.

b) Dwar il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol

73.

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-giudici di pace Taljani humiex ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol.

74.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, il-kunċett ta’ ħaddiem ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti skont il-liġijiet nazzjonali, iżda għandu portata awtonoma speċifika għad-dritt tal-Unjoni ( 34 ). Għaldaqstant, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Gvern Taljan, il-fatt li skont id-dritt nazzjonali, l-attività tal-giudici di pace tiġi kkunsidrata bħala funzjoni onorarja ma huwiex rilevanti.

75.

Bil-kontra, id-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ ħaddiem skont kriterji oġġettivi, li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg b’riferiment għad-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Il-karatteristika l-iktar importanti tar-relazzjoni ta’ impjieg hija li persuna tipprovdi, matul ċertu żmien, lil persuna oħra u taħt l-istruzzjonijiet tagħha, servizzi li bħala korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni ( 35 ). Madankollu, għandhom jiġu esklużi attivitajiet li jkunu fuq skala tant żgħira li jitqiesu bħala marġinali u anċillari ( 36 ).

76.

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti pprovdiet lill-ġudikatura Taljana b’numru kunsiderevoli ta’ servizzi. Fil-fatt, fil-funzjoni tagħha bħala imħallef tal-qorti kriminali, mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018, hija qatgħet 478 sentenza kif ukoll 1326 digriet li ma tittiħidx azzjoni. Barra minn hekk, hija semgħet seduti darbtejn fil-ġimgħa, ħlief fil-perijodu tal-leave fix-xahar ta’ Awwissu 2018. Bħala korrispettiv għal dawn is-servizzi, hija rċieviet remunerazzjoni li fix-xahar ta’ Lulju 2018 kienet tammonta għal madwar EUR 3000 netti.

77.

Il-fatt li din ir-remunerazzjoni kienet tikkonsisti minn diversi komponenti, kuntrarjament għall-fehma tal-Italja, ma jipprekludix l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet kif għandha jiġi kkalkolat il-kumpens għal-leave imħallas f’każijiet bħal dawn ( 37 ).

78.

Il-kundizzjoni tar-remunerazzjoni għandha possibbilment tiġi evalwata b’mod differenti kieku r-remunerazzzjoni jkollha n-natura ta’ rimbors għall-ispejjeż jew ta’ kumpens għal telf ta’ salarju.

79.

Madankollu, f’dan il-każ, dan huwa eskluż diġà minħabba l-volum kbir tas-servizzi mwettqa u t-tul ta’ żmien li fih ir-rikorrenti kienet attiva. B’żewġ ġranet ta’ seduti fil-ġimgħa u bl-għeluq ta’ madwar 1800 kawża fis-sena, ma jibqax iktar żmien għall-eżerċizzju ta’ attività oħra, li s-salarju tagħha jista’ jiġi ssostitwit. Għaldaqstant, il-korrispettiv ma jistax jillimita ruħu għal rimbors għall-ispejjeż, iżda mill-inqas għandu jiżgura l-għajxien kif ukoll l-indipendenza oġġettiva tal-giudici di pace.

80.

In-neċessità ta’ remunerazzjoni tirriżulta wkoll mir-regoli estensivi dwar l-inkompatibbiltà tal-funzjoni ta’ giudice di pace ma’ attivitajiet professjonali oħra ( 38 ). Dawn ir-regoli prattikament jeskludu li l-Giudici di pace jaqilgħu l-għajxien tagħhom b’mod ieħor. B’mod partikolari, il-professjoni bħala avukat, li hija l-attività li l-iktar tqarreb lejn il-kwalifiki ġuridiċi tagħhom, ma tistax tiġi eżerċitata mill-giudici di pace, għall-inqas mhux fiż-żona ġudizzjarja li fiha huma jkunu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ( 39 ).

81.

Barra minn hekk, skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-remunerazzjoni tal-giudici di pace Taljani hija suġġetta għall-istess taxxa bħar-remunerazzjoni tal-ħaddiema l-oħra. B’kuntrast, il-fatt li ma jinġabrux kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa ta’ inqas importanza, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-giudici di pace lanqas ma jidhru li jibbenefikaw minn protezzjoni tas-sigurtà soċjali korrispondenti ( 40 ).

82.

Madankollu, relazzjoni ta’ impjieg tippreżupponi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. F’kull każ individwali, għandu jiġi eżaminat jekk teżistix tali relazzjoni, abbażi tal-fatturi u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaraterizzaw ir-relazzjonjiet bejn il-partijiet ( 41 ).

83.

Tabilħaqq li huwa inerenti fil-funzjoni tal-imħallfin li huma ma jistgħux ikunu suġġetti għal struzzjonijiet fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarji tagħhom –dan ikun inkompatibbli mal-indipendenza oġġettiva meħtieġa minnhom ( 42 ). Biss dan ma jipprekludix li huma jiġu kkunsidrati bħala ħaddiema ( 43 ). Huma mhux biss huma marbutin b’mod ġenerali bir-regola tad-dritt, iżda minħabba n-natura tal-attività tagħhom, huma wkoll suġġetti għal obbligi partikolari u saħansitra għal struzzjonijiet – pereżempju fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-seduti f’ċerti postijiet jew f’ċerti ħinijiet. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizza tikkunsidra wkoll l-imħallfin bħala ħaddiema fir-rigward tal-iżvantaġġi fil-kuntest tal-irtirar u tal-pensjoni tal-irtirar ( 44 ).

84.

B’mod speċifiku, il-giudici di pace Taljani huma suġġetti għal obbligi dixxiplinari simili għal dawk tal-imħallfin professjonali. Dawn l-obbligi jiġu inforzati mill-Consiglio Superiore della Magistratura (il-Kunsill Ġudizzjarju Superjuri) flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja ( 45 ).

85.

Madankollu, hemm lok li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg jekk il-giudici di pace innifishom setgħu jiddeċiedu liberament liema kawżi jisimgħu. F’dan il-każ, l-istess bħall-avukati, huma jkunu jistgħu jiddeċiedu fil-biċċa l-kbira liberament, sa l-ammont ta’ xogħol li jkollhom u l-ħin iddedikat għal dan. Min-naħa l-oħra, ma jkunx detrimentali jekk il-giudici di pace ikunu jistgħu jindikaw bil-quddiem li huma jixtiequ jkunu responsabbli għal numru iktar ristrett ta’ kawzi tul perijodu speċifiku ta’ żmien. Sakemm dan ma jirrendix l-attività tagħhom, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ammont ta’ xogħol, purament marġinali u anċillari, hija tibqa’ relazzjoni ta’ impjieg determinata minn ħaddieħor. Fl-assenza ta’ tali indikazzjonijiet, kemm fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fl-argumenti tal-partijiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina din id-domanda.

86.

Konsegwentement, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li giudice di pace Taljana, li r-remunerazzjoni tagħha hija komposta minn ammont bażiku baxx kif ukoll minn pagamenti għal kawżi magħluqa u għal seduti miżmuma, għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol u għaldaqstant għandha dritt għal mill-inqas erba’ ġimgħat leave imħallas, meta hija teżerċita attivitajiet ġudizzjarji f’ammont kunsiderevoli, ma tkunx tista’ tiddeċiedi hija nnifisha liema kawżi tittratta u tkun suġġetta għall-obbligi dixxiplinari tal-imħallfin professjonali.

2. Dwar il-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat

87.

Madankollu, għad għandu jiġi ċċarat jekk, minbarra l-perijodu minimu ta’ leave previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, il-giudici di pace Taljani humiex intitolati wkoll għal leave imħallas u għall-istess kumpens għal-leave imħallas li għandhom imħallfin professjonali. Tali dritt jista’ jirriżulta mill-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit permezz tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat.

a) Il-giudici di pace Taljani bħala ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat.

88.

L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk il-giudici di pace Taljani għandhomx jiġu kkunsidrati wkoll bħala ħaddiema fis-sens tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat jew jekk l-Italja tqisx ġustament, għall-inqas fir-rigward ta’ dan l-istess ftehim qafas, li dan huwa każ ta’ funzjoni onorarja.

89.

Prima facie jista’ jidher li l-Italja tista’ tibbaża l-argument tagħha f’dan ir-rigward fuq il-kliem tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat. Skont din il-klawżola, il-ftehim qafas japplika għall-ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat b’kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ impjieg skont id-definizzjoni eżistenti bil-liġi, ftehim kollettiv jew skont il-prattiki nazzjonali f’kull Stat Membru. Dan jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-klassifikazzjoni Taljana tal-attività tal-giudici di pace bħala funzjoni onorarja jipprekludi l-applikazzjoni tal-ftehim qafas.

90.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn dan il-kliem kien jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas huwa mifhum b’mod wiesa’ ( 46 ).

91.

Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-ftehim qafas, stabbilita fil-punt 1 tal-klawżola 3 tiegħu, tkopri, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħaddiema kollha, mingħajr distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħhom huma marbuta u – fuq kollox – indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-kuntratt tagħhom fid-dritt nazzjonali ( 47 ).

92.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża din il-konklużjoni tagħha b’mod partikolari fuq l-importanza tal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li huma jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li huma previsti fil-ftehim qafas, sabiex jiżguraw lill-ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat l-istess vantaġġi li jgawdu l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat minħabba raġunijiet oġġettivi, għandhom ikunu ta’ applikazzjoni ġenerali. Huma jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem inkwantu rekwiżiti minimi ta’ protezzjoni ( 48 ).

93.

L-effettività tal-ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri jiġu kompromessi jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu, skont kif jidhrilhom, jeskludu ċerti kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni maħsuba permezz ta’ dan l-istrument tal-Unjoni ( 49 ). Minħabba f’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm lok li jiġu esklużi ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, bħall-persunal awżiljarju ( 50 ) jew il-“persunal statutorju” ( 51 ) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas.

94.

Għall-kuntrarju, il-ftehim qafas huwa applikabbli għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom ( 52 ).

95.

Kif diġà ġie spjegat, il-giudici di pace Taljani jinsabu f’relazzjoni ta’ impjieg mal-Ministeru għall-Ġustizzja ( 53 ). It-tmiem ta’ din ir-relazzjoni huwa ddeterminat mill-fatt li huma jinħatru għal erba’ snin u wara li jiskadu dawn, il-ħatra tagħhom tista’ tiġġedded darba waħda biss. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti issa ilha teżerċita l-funzjoni ta’ giudice di pace għal iktar minn 17-il sena, madankollu wkoll abbażi ta’ ħatriet għal żmien determinat.

96.

Għaldaqstant, il-giudici di pace Taljani huma ħaddiema fis-sens tal-ftehim qafas, għall-inqas meta l-volum tal-attività tagħhom ikun analogu għal dak tar-rikorrenti.

b) Dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol differenti tal-giudici di pace u tal-imħallfin professjonali

97.

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenzi li jeżistu bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-giudici di pace u tal-imħallfin professjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għal leave u għal remunerazzjoni, humiex ammissibbli.

98.

Skont il-punt 1 tal-klawżola 4, il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema oħra b’xogħol għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li huma għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat, sakemm dan it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

99.

Il-punt tat-tluq għal kunsiderazzjonijiet dwar il-komparabbiltà bejn ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat u ħaddiema b’xogħol għal żmien indeterminat, liema kunsiderazzjonijiet għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, huwa, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli” fl-ewwel subparagrafu tal-punt 2 tal-klawżola 3 fil-ftehim qafas, jekk it-tnejn li huma humiex ingaġġati fl-istess xogħol/impjieg jew f’xogħol/impjieg simili fl-istabbiliment inkwistjoni. Dan għandu jiġi stabbilit fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi bħat-tip ta’ xogħol, ir-rekwiżiti ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ( 54 ).

100.

Prima facie, il-giudici di pace u l-imħallfin professjonali Taljani jagħmlu xogħol simili; fil-fatt, it-tnejn li huma jeżerċitaw il-funzjoni ta’ mħallef. Differenzi fir-rigward tat-taħriġ ma ġewx ippreżentati. Madankollu, l-importanza u d-diffikultà tal-kawżi pproċessati probabbilment ma humiex l-istess. Skont l-Artikolu 106(2) tal-Kostituzzjoni Taljana, il-giudici di pace jistgħu jiġu jinħatru biss bħala imħallef uniku u għaldaqstant ma jistgħux jiġu assenjati f’qorti komposta minn diversi mħallfin. Barra minn hekk, il-giudici di pace jittrattaw fl-ewwel istanza kawżi ta’ relattivament inqas importanza, filwaqt li l-imħallfin professjonali jittrattaw f’istanzi ta’ livell ogħla kawżi ta’ importanza ikbar.

101.

Differenza importanti teżisti wkoll fir-rigward tal-aċċess għall-kariga ta’ mħallef. L-imħallfin professjonali Taljani jinħatru abbażi ta’ proċedura formali ta’ selezzjoni, jiġifieri kompetizzjoni b’eżamijiet partikolari bejn diversi kandidati kkwalifikati. Min-naħa l-oħra, il-ħatra ta’ giudici di pace ma hijiex suġġetta għal kompetizzjoni bħal din, iżda ssir abbażi tat-titoli tagħhom, jiġifieri l-kwalifiki professjonali tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tat ebda importanza lil differenza bħal din fis-selezzjoni, għall-inqas fir-rigward tar-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali ta’ għalliema fi skola sekondarja ( 55 ).

102.

Biss, ma huwiex ta’ min jeskludi li l-metodu tas-selezzjoni tal-ħaddiema jiġġustifika differenzi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ xogħol, bħalma huma t-tip ta’ xogħol, ir-remunerazzjoni jew il-possibbiltajiet ta’ karriera li huwa joffri.

103.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizza dwar ir-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali ta’ għalliema fi skola sekondarja, tikkonferma l-opinjoni tiegħi fis-sens li l-fattur kruċjali huwa jekk ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat u ħaddiema permanenti jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli wkoll u speċjalment fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ xogħol inkwistjoni ( 56 ).

104.

Bħal fil-każ ġenerali tal-eżami ta’ diskriminazzjonijiet, għandha tiġi ddeterminata u evalwata n-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet, b’mod partikolari fid-dawl tas-suġġett u l-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni; barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att ( 57 ).

105.

Għaldaqstant, il-kriterji meta jiġu mqabbla d-diversi servizzi tal-persuna li timpjega li għalihom għandhom dritt il-ħaddiema b’xogħol għal żmien determinat, minn naħa, u ħaddiema permanenti, min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol jew bil-liġi, jinkludu neċessarjament ukoll is-sitwazzjoni fattwali u legali li fiha d-diversi servizzi tal-persuna li timpjega għandhom jintalbu ( 58 ).

106.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-sitwazzjonijiet huma komparabbli f’dak li jirrigwarda t-tul tal-leave. Il-giudici di pace Taljani, abbażi tal-attività analoga li huma jwettqu, għandhom bżonn li jistrieħu u jgawdu l-ħin liberu tagħhom li huwa komparabbli għal dak tal-imħallfin professjonali.

107.

Lanqas ma hemm raġuni oġġettiva li tiġġustifika li wieħed joħloq żvantaġġ, f’dan ir-rigward, għall-giudici di pace Taljani meta mqabbla mal-imħallfin professjonali.

108.

Għall-kuntrarju, iż-żewġ gruppi ma humiex komparabbli fir-rigward tal-ammont ta’ ħlas matul il-perijodu ta’ leave, billi l-attività tagħhom hija rremunerata b’mod differenti. Filwaqt li l-imħallfin professjonali Taljani jirċievu salarju fiss, ir-remunerazzjoni tal-giudici di pace tikkonsisti f’ammont bażiku fix-xahar u ħlasijiet addizzjonali għall-ġranet ta’ seduti u għall-għeluq ta’ kawżi. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizza kellha madankollu tikkunsidra li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli, dawn id-differenzi fil-mod ta’ remunerazzjoni jkunu jikkostitwixxu mill-inqas raġuni oġġettiva għal differenza fit-trattament bejn il-giudici di pace Taljani u l-imħallfin professjonali fir-rigward tal-kumpens għal-leave imħallas.

109.

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens għal-leave imħallas tal-giudici di pace Taljani, għalhekk, wieħed ma jistax juża s-salarju ta’ mħallef professjonali. Għall-kuntrarju, dan il-kumpens għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni normali tal-giudici di pace barra mill-perijodi ta’ leave ( 59 ).

110.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tuża din il-kawża bħala opportunità sabiex teżamina wkoll il-kompatibbiltà tar-remunerazzjoni differenti tal-giudici di pace u tal-imħallfin professjonali mal-klawżola 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, nixtieq nindika fil-qosor li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jiena nikkunsidra li l-giudici di pace u l-imħallfin professjonali Taljani ma humiex komparabbli fir-rigward tar-remunerazzjoni.

111.

Fil-kuntest ta’ dan it-tqabbil, huma ta’ importanza kruċjali l-aċċess għal kariga ta’ mħallef u n-natura differenti tal-kawżi ttrattati. Minħabba l-prinċipju tar-reklutaġġ tal-aħjar kandidati, li huwa inerenti fil-proċedura formali ta’ selezzjoni li tinvolvi eżamijiet speċifiċi u minħabba l-prospetti ta’ karriera li dan jinvolvi, wieħed jista’ jiddeduċi li mħallfin professjonali, anki jekk il-kundizzjonijiet marbuta mat-taħriġ huma komparabbli, huma iktar ikkwalifikati mill-giudici di pace. Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li l-giudici di pace jittrattaw, fl-ewwel istanza, kawżi ta’ inqas importanza, filwaqt li l-imħallfin professjonali huma attivi fi qrati ta’ livell ogħla u jittrattaw kawżi ta’ importanza ikbar, iż-żewġ gruppi huma qajla komparabbli fir-rigward tar-remunerazzjoni; id-differenzi fil-qasam tar-remunerazzjoni huma, mill-inqas, iġġustifikati.

c) Konklużjoni intermedja

112.

B’hekk, tali giudice di pace li tkun inħatret biss għal perijodu ta’ żmien determinat hija komparabbli ma’ mħallfin professjonali Taljani, fir-rigward tat-tul tal-leave imħallas, b’tali mod li, skont il-klawżola 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, hija tista’ titlob l-istess ammont ta’ leave bħall-imħallfin professjonali. Il-kumpens għal-leave imħallas għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni normali tagħha matul il-perijodi li fihom tkun qed teżerċita l-funzjoni tagħha ta’ mħallef.

C.   Dwar ir-riskji tar-responsabbiltà tal-imħallfin Taljani (it-tielet domanda)

113.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li d-dritt nazzjonali jipprovdi għar-responsabbiltà personali tal-imħallef ġudikanti għal aġir doluż jew nuqqas serju “fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea”. Hija tifhem din il-leġiżlazzjoni fis-sens li r-responsabbiltà tibda meta hija tapplika d-dritt nazzjonali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll meta tapplika dispożizzjonijiet ta’ livell ogħla tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma tapplikax id-dritt nazzjonali.

114.

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li t-theddida ta’ sanzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u fl-istess ħin in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkompatibbli tad-dritt nazzjonali, tmur kontra s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TFUE u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fl-istess ħin, huwa dubjuż jekk imħallef mhedded b’responsabbiltà fil-każ ta’ applikazzjoni prijoritarja tad-dritt tal-Unjoni, ikunx jista’ xorta waħda japplika dan id-dritt b’mod indipendenti.

115.

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà personali tal-imħallef għal aġir doluż jew nuqqas serju “fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea” għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ livell ogħla tad-dritt tal-Unjoni ma tagħtix lok għar-responsabbiltà tal-imħallef. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti hija dik li l-Italja ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

116.

Jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx possibbli, il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi applikata. L-imħallef ikkonċernat ma jista’ fl-ebda każ jiġi mhedded b’sanzjoni għall-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni.

V. Konklużjoni

117.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna) hija qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

2)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li giudice di pace Taljana, li r-remunerazzjoni tagħha hija komposta minn ammont bażiku baxx kif ukoll minn pagamenti għal kawżi magħluqa u għal seduti miżmuma, għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol u għaldaqstant għandha dritt għal mill-inqas erba’ ġimgħat leave imħallas, meta hija teżerċita attivitajiet ġudizzjarji f’ammont kunsiderevoli, ma tkunx tista’ tiddeċiedi hija nnifisha liema kawżi tittratta u tkun suġġetta għall-obbligi dixxiplinari tal-imħallfin professjonali.

Fir-rigward tat-tul tal-leave anwali mħallas, tali giudice di pace li tkun inħatret biss għal perijodu ta’ żmien determinat hija komparabbli ma’ mħallfin professjonali Taljani. Hija tista’, għaldaqstant, skont il-klawżola 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, titlob l-istess ammont ta’ leave bħall-imħallfin professjonali. Il-kumpens għal-leave imħallas għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni normali tagħha matul il-perijodi li fihom tkun qed teżerċita l-funzjoni tagħha ta’ mħallef.

3)

Leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà personali tal-imħallef għal aġir doluż jew nuqqas serju “fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea” għandha, min-naħa tagħha, tiġi interpretata, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ livell ogħla tad-dritt tal-Unjoni ma tagħtix lok għar-responsabbiltà tal-imħallef. Jekk tali ma tkunx possibbli, il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi applikata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349. L-emendi għal din id-direttiva li saru wara ma humiex ta’ rilevanza għal din il-kawża.

( 5 ) Punt 85 tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 6 ) Ara l-punt 102 tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 7 ) ĠU 2019, C 25, p. 19.

( 8 ) Punt 22 tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 9 ) Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27); tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30); tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27), u tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 98).

( 10 ) Il-punt 14 tad-deċiżjoni tar-rinviju jsemmi b’mod partikolari s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat-18 ta’ Lulju 2017 (Nru 3556), kif ukoll is-sentenzi tal-Corte di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal-31 ta’ Mejju 2017 (Nru 13721, ECLI:IT:CASS:2017:13721CIV), tas-16 ta’ Novembru 2017 (Nru 27198, ECLI:IT:CASS:2017:27198CIV), u tal-4 ta’ Jannar 2018 (Nru 99, ECLI:IT:CASS:2018:99CIV).

( 11 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41).

( 12 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 68 sa 70).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska (C‑225/09, EU:C:2010:729) kif ukoll id-digrieti tad-19 ta’ Jannar 2012, Patriciello (C‑496/10, mhux ippubblikat, EU:C:2012:24), u tal-21 ta’ Marzu 2013, Mbaye (C‑522/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:190).

( 14 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et (C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 37); tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 17), u tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 27). Kriterji oħra huma l-oriġini legali tal-korp, in-natura permanenti tiegħu, in-natura vinkolanti tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura u l-applikazzjoni, mill-imsemmi korp, tar-regoli tad-dritt.

( 15 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 43).

( 16 ) Sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 22); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 19), u tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 37).

( 17 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 30); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 19), u tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 37).

( 18 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 43 u 45).

( 19 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 45, 71 u 72 kif ukoll 108 et seq.).

( 20 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 43).

( 21 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 33); tal-10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 30), u tal-5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 39), kif ukoll l-Opinjonijiet 1/03 (Il-Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 163), u 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 168).

( 22 ) Ara l-punti 113 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 31), u tas-16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 38).

( 24 ) Sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, ara b’mod partikolari l-punti 61 et seq.); tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117); tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106), u tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).

( 25 ) Digrieti tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C-472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684, punt 30), kif ukoll dak tas-17 ta’ Jannar 2019, Rossi et (C-626/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:28, punt 26) u Cipollone (C-600/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:29, punt 26).

( 26 ) Sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina (65/81, EU:C:1982:6, punt 7); tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 29); tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26), u tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30).

( 27 ) Digrieti tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C‑472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684, punti 24 u 30), u tas-17 ta’ Jannar 2019, Rossi et (C‑626/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:28, punti 22 u 26).

( 28 ) Sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina (65/81, EU:C:1982:6, punt 7); tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, EU:C:1993:846, punt 16); tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 24), u tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech (C‑567/14, EU:C:2016:526, punt 23).

( 29 ) Sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (C‑96/04, EU:C:2006:254, punt 13), u tal-25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 33).

( 30 ) Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi (43/71, EU:C:1971:122, punti 4 u 5), u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 23).

( 31 ) Sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1978, Simmenthal (70/77, EU:C:1978:139, punti 10 u 11); tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, EU:C:1993:846, punt 14), u tat-3 ta’ Marzu 1994, Eurico Italia et (C‑332/92, C‑333/92 u C‑335/92, EU:C:1994:79, punt 11).

( 32 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 56).

( 33 ) Digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg (C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 51), kif ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18, punt 24), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 55).

( 34 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41).

( 35 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41).

( 36 ) Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 23), u tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 27).

( 37 ) Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Williams et (C‑155/10, EU:C:2011:588, punti 22 sa 29), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Lock (C‑539/12, EU:C:2014:351, punti 27 sa 34).

( 38 ) Punti 87 u 97 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 39 ) Punt 87 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 40 ) Ara l-punt 102 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 41 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 29); tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll (C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 29), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 42).

( 42 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 48), u l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 47).

( 44 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 61). Ara, ukoll, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C 286/12, EU:C:2012:687).

( 45 ) Punti 90 et seq. tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 46 ) Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans (C‑177/14, EU:C:2015:450, punt 30).

( 47 ) Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans (C‑177/14, EU:C:2015:450, punt 31).

( 48 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 27), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans (C‑177/14, EU:C:2015:450, punt 32).

( 49 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 29), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans (C‑177/14, EU:C:2015:450, punt 34).

( 50 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans (C‑177/14, EU:C:2015:450, punt 34).

( 51 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 29).

( 52 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Regojo Dans (C‑177/14, EU:C:2015:450, punt 33).

( 53 ) Ara l-punti 73 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 66), u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31), kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 37), u tad-9 ta’ Frar 2017, Rodrigo Sanz (C‑443/16, EU:C:2017:109, punt 38); ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 33).

( 55 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter (C‑466/17, EU:C:2018:758, punti 33 u 34).

( 56 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2017:1021, punt 44), Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2017:1022, punt 49) u Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 71).

( 57 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26); tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 167), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 46).

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punti 44 u 45), u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 59).

( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 u s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (C‑219/14, EU:C:2015:745, punti 54 sa 56).