KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2018 ( 1 )

Kawża C‑135/16

Georgsmarienhütte GmbH,

Stahlwerk Bous GmbH,

Schmiedag GmbH,

Harz Guss Zorge GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja)]

“Domanda preliminari dwar evalwazzjoni tal-validità — Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-proċedura ta’ Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) — Għajnuna Ġermaniża għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli — Limitu massimu tas-sovrataxxa tal-EEG favur il-kumpanniji li jikkonsmaw kwantitajiet kbar ta’ enerġija — Ammissibbiltà tad-domanda preliminari — Applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ — Natura selettiva tal-għajnuna — Trasferiment tar-riżorsi tal-Istat — Flussi finanzjarji bejn operaturi privati kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi”

1.

Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2012 introduċiet mekkaniżmu għall-promozzjoni tal-elettriku li ġej minn sorsi rinnovabbli (iktar ’il quddiem l-“elettriku EEG”). B’mod partikolari, hija stabbilixxiet skema ta’ appoġġ favur il-produtturi ta’ dan it-tip ta’ enerġija, fejn, permezz ta’ tariffi rregolati u primjums tas-suq, jiġi ggarantit il-ġbir ta’ prezz ogħla minn dak tal-elettriku mibjugħ fis-suq.

2.

Sabiex tiġi ffinanzjata din l-iskema ta’ appoġġ, ġiet approvata sovrataxxa (iktar ’il quddiem is-“sovrataxxa EEG”) li, fil-prattika, iħallsuha l-konsumaturi finali. Il-kumpanniji ferrovjarji u dawk li jikkonsmaw ammonti kbar ta’ elettriku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji enerġivori”) ( 2 ) kienu wkoll, fil-prinċipju, suġġetti għas-sovrataxxa tal-EEG. Madankollu, il-leġiżlatur Ġermaniż għażel li jnaqqas l-ammont tagħhom, bħala miżura li tgħin sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tagħhom u, għalhekk, iżommu l-kompetittività tagħhom.

3.

Fil-25 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat li t-tnaqqis fis-sovrataxxa tal-EEG, applikat għal dawk il-kumpanniji, kien għajnuna mill-Istat kompatibbli biss mas-suq intern jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, ipprovduti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1585 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) [implementata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija] ( 3 ).

4.

L-għajnuna (fil-forma tagħha ta’ tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG) li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2015/1585 kienet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Peress li din kienet is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ ċerti kumpanniji tal-grupp Georgsmarienhütte GmbH, l-awtoritajiet Ġermaniżi, f’konformità ma’ dik id-deċiżjoni, talbu immedjatament il-ħlas lura tal-ammonti rispettivi.

5.

Uħud mill-kumpanniji obbligati li jirrimborsaw l-ammont tal-għajnuna kkontestaw id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi quddiem il-qorti tar-rinviju, u argumentaw li d-Deċiżjoni 2015/1585 kienet invalida. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ressaq rikors għal annullament (Kawża T‑47/15) kontra din l-istess deċiżjoni, quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħditu fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Mejju 2016 ( 4 ).

6.

Il-qorti tar-rinviju, riċettiva għall-argument tal-kumpanniji li resqu quddiemha sabiex jikkontestaw id-Deċiżjoni 2015/1585, tagħmel domanda preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-deċiżjoni, liema rinviju jippreżenta diffikultajiet partikolari, kemm mil-lat proċedurali kif ukoll mil-lat sostantiv.

7.

Fir-rigward tal-perspettiva proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD Textilwerke Deggendorf ( 5 ) għal każ bħal dan, fejn diversi kumpanniji huma inklinati li jappellaw quddiem il-qrati nazzjonali d-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali mill-Kummissjoni.

8.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara, b’mod partikolari: a) jekk hijiex favur rikors dirett għal annullament u tiddikjara inammissibbli d-domandi preliminari b’kontenut simili; jew b) jekk, għall-kuntrarju, tagħtix marġni lill-kumpanniji sabiex jappellaw quddiem il-qrati nazzjonali, u jħeġġuhom jagħmlu domanda preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali.

9.

Rigward il-perspettiva sostantiva, it-tilwima tingħaqad ma’ serje ta’ każijiet relatati ma’ għajnuna mill-Istat fis-settur tal-enerġija. It-tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG lil ċerti kumpanniji enerġivori jinsab bejn il-miżuri diskussi fil-ġurisprudenza PreussenElektra ( 6 ) u dawk diskussi fil-ġurisprudenza Association Vent De Colère! et ( 7 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssolvi, f’dan il-każ, id-dibattitu dwar il-kontroll kbir jew żgħir mill-Istat fuq ir-riżorsi mobilizzati minn operaturi privati, bħala element li jiddefinixxi l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea: Id-Deċiżjoni 2015/1585

10.

B’mod konformi mal-Artikolu 1:

“L-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u minn gass estratt mill-minjieri, inkluż il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tiegħu, mogħtija fuq il-bażi tal-Erneuerbare-Energien-Gesetz 2012 (l-Att tal-EEG 2012), implimentata b’mod illeċitu mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija kompatibbli mas-suq intern, soġġetta għall-implimentazzjoni tal-impenn stabbilit fl-Anness I mill-Ġermanja”.

11.

Skont l-Artikolu 3:

“1.   L-għajnuna mill-Istat, li tikkonsisti fi tnaqqis fis-soprataxxa għall-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli (is-soprataxxa tal-EEG) fis-snin 2013 u 2014 għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija (Besondere Ausgleichsregelung, BesAR), implimentata b’mod illeċitu mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, tkun kompatibbli mas-suq intern jekk taqa’ taħt waħda mill-erba’ kategoriji msemmija f’dan il-paragrafu.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża li tappartjeni għal xi settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (il-Linji Gwida tal-2014), hija titqies kompatibbli mas-suq intern jekk l-intrapriża tkun ħallset mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu l-fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi li jkollhom li jixtru l-enerġija rinnovabbli, obbligi li sussegwentement jgħaddu għand il-klijenti tagħhom. Jekk l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 15 % ta’ dawk l-ispejjeż addizzjonali, l-għajnuna mill-Istat xorta waħda titqies bħala kompatibbli jekk l-intrapriża tkun ħallset ammont li jikkorrespondi għal mill-inqas 4 % tal-valur gross miżjud tagħha jew, għall-intrapriżi b’intensità elettrika ta’ mill-inqas 20 %, għal mill-inqas 0,5 % tal-valur gross miżjud.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża li ma tappartjenix għal xi settur elenkat fl-Anness 3 għal-Linji Gwida tal-2014, iżda kellha intensità elettrika ta’ mill-inqas 20 % fl-2012 u f’dik is-sena kienet tappartjeni għal settur b’intensità kummerċjali ta’ mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni, hija titqies bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-intrapriża tkun ħallset mill-inqas 15 % tal-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu l-fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi li jkollhom li jixtru enerġija rinnovabbli, obbligi li sussegwentement jgħaddu għand il-konsumaturi tal-elettriku. Jekk l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 15 % ta’ dawk l-ispejjeż addizzjonali, l-għajnuna mill-Istat xorta waħda titqies bħala kompatibbli jekk l-intrapriża tkun ħallset ammont li jikkorrespondi għal mill-inqas 4 % tal-valur gross miżjud tagħha jew, għall-intrapriżi b’intensità elettrika ta’ mill-inqas 20 %, għal mill-inqas 0,5 % tal-valur gross miżjud.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża eliġibbli għal għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu, iżda l-ammont tas-soprataxxa tal-EEG imħallas mill-intrapriża ma jkunx laħaq il-livell mitlub minn dawk is-subparagrafi, il-partijiet tal-għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala kompatibbli:

a)

għall-2013, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-125 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013;

b)

għall-2014, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-150 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013.

Meta l-għajnuna mill-Istat tkun ingħatat lil intrapriża mhux eliġibbli għal għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu, u meta l-intrapriża tkun ħallset inqas minn 20 % tal-ispejjeż addizzjonali tas-soprataxxa mingħajr tnaqqis, il-partijiet tal-għajnuna li ġejjin jitqiesu bħala kompatibbli:

a)

għall-2013, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-125 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013;

b)

għall-2014, il-parti tal-għajnuna li taqbeż il-150 % tas-soprataxxa effettivament imħallsa mill-intrapriża fl-2013.

2.   Kwalunkwe għajnuna li mhijiex koperta mill-paragrafu 1 titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern”.

12.

Skont l-Artikolu 6(1):

“Il-Ġermanja tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 3(2) mingħand il-benefiċjarji skont il-metodu deskritt fl-Anness III”.

13.

L-Artikolu 7 jimponi fuq il-Ġermanja l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna inkompatibbli, li għandu jsir fi żmien erba’ xhur, mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni.

B. Id-dritt nazzjonali: Gesetz zur Neuregelung des Rechtsrahmens für die Förderung der Stromerzeugung aus Erneuerbaren Energien ( 8 )

14.

L-Artikolu 40 jipprovdi:

“L-Uffiċċju Federali tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni, fuq talba, għandu jillimita għal punt ta’ konsum is-sovrataxxa tal-EEG li l-kumpanniji li jipprovdu l-elettriku jgħaddu fuq il-konsumaturi finali kemm jekk huma kumpanniji tal-manifattura li jikkonsmaw ammont kbir ta’ elettriku jew kumpanniji ferrovjarji, skont l-Artikoli 41 u 42. Din il-limitazzjoni għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż tal-elettriku ta’ dawn il-kumpanniji u b’hekk iżommu l-kompetittività internazzjonali u intermodali tagħhom sakemm dan ma jippreġudikax l-għanijiet tal-Liġi u sakemm il-limitazzjoni tkun kompatibbli mal-interessi tal-konsumaturi kollha tal-elettriku”.

15.

L-Artikolu 41 jipprovdi:

“(1)   Fil-każ ta’ kumpanniji tal-manifattura, il-limitazzjoni ssir biss jekk jintwera:

1.

li fis-sena finanzjarja ta’ qabel

a)

l-elettriku mixtri mingħand kumpannija li tipprovdi l-elettriku u użat mill-kumpannija tal-manifattura f’punt ta’ konsum ikun jammonta għal mill-inqas 1 GWh;

b)

il-proporzjon bejn l-ispejjeż tal-elettriku u l-valur miżjud gross tal-kumpannija kien […] mill-inqas 14 %;

c)

is-sovrataxxa tal-EEG ġiet imposta fuq il-kumpannija proporzjonalment; u

2.

li kienet suġġetta għal verifika tal-enerġija ċċertifikata fejn il-konsum tal-enerġija u l-potenzjal għat-tnaqqis tiegħu nġabru u ġew evalwati; din il-kundizzjoni ma tapplikax għal kumpanniji li l-konsum tal-enerġija tagħhom huwa inqas minn 10 GWh.

(2)   It-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tal-paragrafu 1, għandu jintwera permezz tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u permezz tal-kontijiet tal-elettriku li jikkorrispondu għall-aħħar sena finanzjarja, kif ukoll permezz taċ-ċertifikazzjoni ta’ awditur, kumpannija tal-awditjar, awditur awtorizzat jew kumpannija ta’ verifika tal-kontabbiltà bbażata fuq il-kontijiet annwali tal-aħħar sena finanzjarja. […] Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-paragrafu 1, għandhom jintwerew permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-korp taċ-ċertifikazzjoni.

[…]

(3)   Fil-każ ta’ kumpanniji li l-provvista tal-elettriku tagħhom, skont it-tifsira tal-ittra a tal-punt 1 tal-paragrafu 1,

1.

kienet mill-inqas ta’ 1 GWh, is-sovrataxxa tal-EEG relatata mal-elettriku kkonsmat fil-punt ta’ konsum korrispondenti matul il-perijodu ta’ limitazzjoni:

a)

għal konsum massimu ta’ 1 GWh, ma għandhiex tkun limitata;

b)

għal konsum ta’ bejn 1 GWh u 10 GWh, għandha tkun limitata għal 10 % tas-sovrataxxa tal-EEG kif iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 37(2);

c)

għal konsum ta’ bejn 10 GWh u 100 GWh, għandha tkun limitata għal 1 % tas-sovrataxxa tal-EEG kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 37(2); kif ukoll

d)

għal konsum li jaqbeż 100 GWh, għandha tkun limitata għal 0.05 ċenteżmi għal kull kWh; jew

2.

kienet mill-inqas 100 GWh u l-ispejjeż tal-elettriku jikkostitwixxu iktar minn 20 % tal-valur miżjud gross, is-sovrataxxa tal-EEG iddeterminata skont l-Artikolu 37(2) għandha tkun limitata għal 0.05 ċenteżmi għal kull kWh.

Il-provi għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

(4)   Punt ta’ konsum huwa l-ammont tal-installazzjonijiet elettriċi kollha ta’ kumpannija li huma konnessi b’mod spazjali u fiżiku u li jinsabu f’post tan-negozju magħluq fih innifsu u li huma konnessi permezz ta’ punt ta’ provvista wieħed jew iktar man-netwerk tal-operatur tan-netwerk”.

16.

L-Artikolu 43 jipprovdi:

“(1)

L-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 40(1), fir-rigward tal-Artikoli 41 jew 42, flimkien mad-dokumentazzjoni kollha tal-applikazzjoni, għandha tiġi ppreżentata sat-30 Ġunju ta’ din is-sena (skadenza materjali). Id-deċiżjoni tikkonċerna lill-applikant, il-kumpannija li tipprovdi l-elettriku u lill-amministratur tan-netwerks ta’ trażmissjoni responsabbli għall-aġġustament. Hija tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara għal perijodu ta’ sena. Fil-kalkolu tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż tal-elettriku u l-valur miżjud gross, skont l- tal-Artikolu 41(1)(1)(b), u (3), l-effetti prodotti minn deċiżjoni preċedenti ma jiġux ikkunsidrati.

[…]

(3)

Id-dritt tal-amministratur ta’ netwerks ta’ trażmissjoni responsabbli għar-regolament, fir-rigward tal-punt tal-konsum, tas-sovrataxxa tal-EEG fuq il-kumpanniji li jipprovdu l-elettriku korrispondenti għandu jkun limitat skont id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni u l-amministraturi tan-netwerks ta’ trażmissjoni għandhom jikkunsidraw din il-limitazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 36”.

17.

Il-modalitajiet tas-sovrataxxa tal-EEG ġew ippreċiżati, b’mod partikolari, mill-Verordnung zur Weiterentwicklung des bundesweiten Ausgleichsmechanismus (ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu għall-kumpens), tas-17 ta’ Lulju 2009 ( 9 ), fil-verżjoni tiegħu emendata mill-Artikolu 2 tal-Gesetz zur Änderung des Rechtsrahmens für Strom aus solarer Strahlungsenergie und zu weiteren Änderungen im Recht der erneuerbaren Energien (il-Liġi li temenda l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-enerġija solari u li temenda l-Liġi dwar l-enerġija rinnovabbli), tas-17 ta’ Awwissu 2012 ( 10 ), kif ukoll mill-Verordnung zur Ausführung der Verordnung zur Weiterentwicklung des bundesweiten Ausgleichsmechanismus (ir-Regolament li jimplementa r-Regolament dwar il-mekkaniżmu għall-kumpens), tat-22 ta’ Frar 2010 ( 11 ) kif emendat miz-Zweite Verordnung zur Änderung der Ausgleichsmechanismus-Ausführungsverordnung (it-Tieni Regolament li jemenda r-Regolament ta’ implimentazzjoni dwar il-mekkaniżmu għall-kumpens), tad-19 ta’ Frar 2013 ( 12 ).

II. Il-kawża nazzjonali, ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u d-domandi preliminari

18.

Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) fir-rigward tal-miżura ta’ appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli u s-sovrataxxa tal-EEG mnaqqsa għall-utenti li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija ( 13 ).

19.

Disa’ kumpanniji tal-grupp Georgsmarienhütte GmbH ippreżentaw rikors għal annullament individwalment quddiem il-Qorti Ġenerali kontra dik id-deċiżjoni (inizjali) ( 14 ).

20.

Il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Ġunju 2015:

Arkivjat ħamsa minn dawn ir-rikorsi ( 15 ), minħabba li kienu mingħajr suġġett peress li, fid-Deċiżjoni 2015/1585, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lill-kumpanniji rikorrenti korrispondenti kienet kompatibbli mas-suq intern.

Bl-istess mod, hija arkivjat l-erba’ rikorsi l-oħra, ( 16 ) minħabba nuqqas ta’ suġġett ukoll, peress li, skont id-Deċiżjoni 2015/1585, il-kumpanniji rikorrenti kienu rċevew għajnuna parzjalment illegali li kellhom jirritornaw lura. F’dawk l-erba’ każijiet, hija ddikjarat inammissibbli t-talba tal-kumpanniji rikorrenti li talbu l-estensjoni tat-talbiet tagħhom sabiex jikkontestaw il-legalità tad-Deċiżjoni 2015/1585. Il-Qorti Ġenerali fakkret lil dawn il-kumpanniji li kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2015/1585, kif invokaw huma stess fil-każ li t-talbiet tagħhom għal estensjoni tat-talba jiġu miċħuda ( 17 ).

21.

Dawn l-erba’ kumpanniji tal-grupp Georgsmarienhütte, involuti fil-produzzjoni, it-tidwib u l-ipproċessar tal-azzar, ma appellawx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2015. Lanqas ma ppreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2015/1585 quddiem din il-qorti, għall-kuntrarju ta’ dak li sar minn kumpanniji oħra li kienu fl-istess sitwazzjoni ( 18 ) u l-Gvern Ġermaniż innifsu ( 19 ).

22.

L-istrateġija proċedurali tal-erba’ kumpanniji tal-grupp Georgsmarienhütte kkonsistiet fir-rikors quddiem il-qrati Ġermaniżi sabiex jikkontestaw l-atti amministrattivi (nazzjonali) li, skont id-Deċiżjoni 2015/1585, kienu jobbligawhom iħallsu lura l-ammont ta’ għajnuna meqjusa illegali.

23.

Matul is-snin 2012 u 2013, permezz tad-deċiżjonijiet amministrattivi mmirati lejn dawn l-erba’ kumpanniji, kien ingħatalhom tnaqqis fuq is-sovrataxxa tal-EEG, minħabba li kienu utenti li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija. Dawn id-deċiżjonijiet ġew parzjalment irrevokati, retroattivament, permezz ta’ deċiżjonijiet oħrajn tal-25 ta’ Novembru 2014 (jiġifieri, fl-istess jum li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 2015/1585), filwaqt li l-awtoritajiet Ġermaniżi talbu li l-kumpanniji jħallsu lura l-għajnuna, fil-parti meqjusa illegali mill-Kummissjoni ( 20 ).

24.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw id-deċiżjonijiet ta’ revoka parzjali quddiem il-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (l-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni iktar ’il quddiem, “BAFA”). Peress li ma kisbux risposta espressa għall-ilment tagħhom, fis-26 ta’ Marzu 2015, appellaw quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt, il-Ġermanja), liema qorti tagħmel id-domanda preliminari li ġejja rigward l-evalwazzjoni tal-validità:

“Id-Deċiżjoni li l-Kummissjoni Ewropea adottat fil-25 ta’ Novembru 2014 [Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585, tal-25 ta’ Novembru 2014, dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) [implementata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija] C(2014) 8786 finali] li tmur kontra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-Kummissjoni tikkwalifika l-limitu massimu tas-soprataxxa tal-EEG bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?”

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-kumpanniji tal-grupp Georgsmarienhütte, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, li pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil-5 ta’ Diċembru 2017. Il-kawża ġiet assenjata lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja

III. Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

26.

Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, għal żewġ raġunijiet:

Fl-ewwel lok, hija applikabbli d-duttrina tas-sentenza TWD, skont liema l-possibbiltà li litigant jallega quddiem il-qorti nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni tippresupponi li ma hemmx id-dritt li, skont l-Artikolu 263 TFUE, isir rikors dirett kontra dak l-att.

Fit-tieni lok, hija applikabbli wkoll il-ġurisprudenza Adiamix ( 21 ), skont liema l-qorti tar-rinviju għandha tispeċifika fid-digriet tagħha d-dubji dwar il-validità tar-regola tal-Unjoni, mingħajr ma tillimita ruħha sempliċiment għar-riferiment għall-argumenti invokati quddiemha mill-partijiet tal-kawża.

27.

Il-Gvern Ġermaniż u l-impriżi tal-grupp Georgsmarienhütte jikkontestaw dawn l-argumenti tal-Kummissjoni u jqisu, għall-kuntrarju, li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

A. Applikazzjoni tal-eċċezzjoni TWD

28.

L-“eċċezzjoni TWD” tillimita l-possibbiltajiet fejn il-partijiet jitolbu lill-qrati nazzjonali sabiex jużaw il-proċedura preliminari sabiex tiġi titqiegħed f’dubju l-validità tal-atti tal-Unjoni. Qabel ma jiġi eżaminat jekk din il-kawża taqax taħt din l-eċċezzjoni, naħseb li huwa meħtieġ li tiġi approfondita l-analiżi tal-karatteristiċi essenzjali tagħha.

1.   Riflessjoni preliminari

29.

Fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, kulħadd jista’ jitlobhom li jagħmlu talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għal deċiżjoni preliminari, dwar “il-validità ta’ atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni”, meta dawn ikunu jservu ta’ bażi għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali suġġett ta’ dak ir-rikors.

30.

L-attivazzjoni tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali ( 22 ), li tista’ tiddikjara l-validità ta’ att tal-Unjoni, iżda mhux l-invalidità tiegħu ( 23 ).

31.

Fis-sentenza TWD, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali jwasslu għall-esklużjoni tal-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna, is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 93 tat-Trattat, li seta’ jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla jgħaddi t-terminu mandatorju stabbilit f’dan ir-rigward mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat, li tiġi kkontestata l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali” ( 24 ).

32.

Mill-1994, il-Qorti tal-Ġustizzja kkorroborat, ripetutament, il-validità tal-ġurisprudenza TWD. Il-konferma finali tagħha u d-delimitazzjoni tagħha huma offruti permezz tas-sentenza A et, mogħtija mill-Awla Manja ( 25 ), li ttenni, essenzjalment, id-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjonijiet preċedenti.

33.

Il-ġurisprudenza TWD, għalhekk, timmarka limitu għall-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tal-atti tal-Unjoni li jipproduċu effetti legali, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali ( 26 ). Dan l-istess limitu japplika għall-Istati Membri ( 27 ). B’dan il-mod, il-possibbiltà li jiġu kkontestati l-atti tal-Unjoni ma hijiex magħluqa, iżda l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa ridirezzjonat għall-mezzi apposta: dawk li huma intitolati b’mod ċar sabiex jattakkawhom, għandhom jikkontestawhom fit-terminu stabbilit (fil-prinċipju, xahrejn) u quddiem l-organu kompetenti sabiex tiġi ddikjarata n-nullità tagħhom (il-Qorti Ġenerali) ( 28 ).

34.

Il-portata tal-ġurisprudenza TWD għalhekk hija limitata għal każijiet fejn ir-rikors għal annullament tal-individwu kien ikun manifestament ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali. Din iċ-ċirkustanza, sa issa, seħħet biss fi ftit każijiet ( 29 ), mingħajr dubju minħabba r-restrizzjonijiet li l-Artikolu 263 TFUE ( 30 ) jimponi fuq il-locus standi tal-individwi ( 31 ) sabiex jippreżentaw rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Meta l-locus standi tar-rikorrenti ma tkunx ċara, evidenti u manifesta, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tapplika l-eċċezzjoni tat-TWD ( 32 ).

35.

Nixtieq nenfasizza wkoll li, fis-sentenza Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, bir-raġun, l-invokazzjoni ta’ dak li jista’ jiġi deskritt bħala eċċezzjoni TWD bil-maqlub. F’dak il-każ, l-Istat Portugiż ma ppreżentax rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni 2011/346/UE ( 34 ), li appellaw kontriha (mingħajr suċċess) ( 35 ) żewġ banek privati, iżda mbagħad invoka l-finalità tad-Deċiżjoni quddiemu, kif ukoll l-eċċezzjoni TWD, fil-kuntest tad-domanda preliminari magħmula fil-kawża nazzjonali ( 36 ).

36.

L-eċċezzjoni TWD ma timpedixxix lill-qrati nazzjonali milli jressqu b’mod preliminari, fi kwalunkwe ħin, ex officio jew fuq it-talba ta’ partijiet oħra (li ma għandhomx locus standi manifesta sabiex jippreżentaw rikors għal annullament), id-dubji tagħhom dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni ( 37 ). Ir-raġunament wara l-eċċezzjoni huwa limitat sabiex jimpedixxi l-abbuż tar-rimedji legali disponibbli għall-partijiet fil-kawża fid-dritt tal-Unjoni.

37.

Ikkunsidrata b’dan il-mod, il-ġurisprudenza TWD, nirrepeti, ma timpedixxix lill-qorti nazzjonali milli tagħmel domandi preliminari, meta hi stess ikollha dubji dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni, li jkollha tieħu deċiżjoni rigward il-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni tiegħu ( 38 ). L-eċċezzjoni TWD ma għandhiex għalfejn tostakola l-mekkaniżmu ordinarju ta’ kooperazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, tal-qorti nazzjonali mal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.

Fil-qosor, l-eċċezzjoni tat-TWD teħtieġ: i) att tal-Unjoni; ii) in-nuqqas ta’ rikors għal annullament; iii) locus standi manifesta u mhux ikkontestata tal-individwu sabiex jippreżenta rikors għal annullament tal-att tal-Unjoni quddiem il-Qorti Ġenerali; u iv) miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni li kontra tagħhom tkun diretta azzjoni ġudizzjarja nazzjonali, li fiha tqum l-invalidità tal-att tal-Unjoni.

39.

Ikkonfigurata b’dan il-mod, u minkejja l-kritika li kkawżat ( 39 ), nemmen li l-eċċezzjoni TWD tagħmel sens u ma narax li hemm raġuni sabiex nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tabbandunaha. Għall-kuntrarju, jidhirli li hija waħda mid-duttrini li fihom il-prinċipju stare decisis jesprimi l-potenzjal kollu tiegħu.

40.

L-eċċezzjoni TWD, fl-opinjoni tiegħi, tirrispondi għal żewġ għanijiet li jikkoinċidu:

Minn naħa waħda, hija tobbliga li jiġi ppreżentat rikors għal annullament (għal dawk li għandhom locus standi manifesta), minħabba li huwa neċessarju li jkun hemm limitu ta’ żmien għall-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tal-atti tal-Unjoni li jipproduċu effetti legali ( 40 ) u sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali ( 41 ).

Min-naħa l-oħra, hija torganizza relazzjoni loġika bejn ir-rikors għal annullament u d-deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità. L-ewwel wieħed huwa l-metodu proċedurali xieraq sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ att tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-individwi li għandhom locus standi protezzjoni ġudizzjarja sħiħa.

41.

F’rikors dirett, wara l-iskambju tan-noti proċedurali tar-rikorrent mal-korp, organu jew istituzzjoni tal-Unjoni awtur tal-att, tinfetaħ proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, b’ħafna possibbiltajiet li jiġu adottati miżuri ta’ investigazzjoni. Dan il-mekkaniżmu jiffaċilita l-mezzi tal-provi sabiex jiġu ddeterminati l-fatti b’mod preċiż, u jippermetti l-intervent ta’ partijiet oħra bħala intervenjenti (pereżempju, il-kumpanniji kompetituri li ma bbenefikawx mill-għajnuna) ( 42 ).

42.

Fil-kawżi dwar għajnuna mill-Istat, li għandhom tendenza li jkunu kumplessi ħafna fattwalment u teknikament, il-vantaġġi tar-rikors għal annullament huma saħansitra iktar ċari ( 43 ). Fihom tingħata r-raġuni wara l-loġika tal-eċċezzjoni TWD (li ngħatat f’kawża dwar għajnuna mill-Istat), jiġifieri, li ġġiegħel lill-individwu li għandu locus standi manifesta sabiex juża dak it-tip ta’ rikors. Il-partijiet għalhekk igawdu mill-garanzija supplimentari tal-istanza doppja, peress li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

43.

Addizzjonalment, nażżarda ngħid li f’dan il-qasam speċifiku ta’ għajnuna mill-Istat (u f’oqsma oħra simili, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha) ( 44 ), id-digriet tar-rinviju jista’ jikkawża iktar problemi minn dawk li jipprova jsolvi. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità ta’ deċiżjoni unika (mhux regoli ta’ applikazzjoni ġenerali), li l-valutazzjoni tagħha teħtieġ analiżi kumplessa ta’ fatturi fattwali u tal-provi, b’komponenti tekniċi inevitabbli, il-proċedura nazzjonali tirriżulta insuffiċjenti sabiex, mingħajr il-preżenza tal-istituzzjoni awtur l-att tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali tiddefinixxi “bi preċiżjoni suffiċjenti”, qabel ir-rinviju, ir-riżultat ta’ dik l-analiżi ( 45 ).

44.

Jista’ jiġi argumentat li dawn in-nuqqasijiet huma rrimedjati matul il-proċedura preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan bla dubju huwa minnu, iżda għad-detriment tal-konverżjoni tal-funzjoni proprja ta’ din tal-aħħar għal dik li, skont l-arkitettura ġurisdizzjonali tal-Unjoni, ġiet fdata lill-Qorti Ġenerali. Kif tfakkar sewwa l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet maħsuba sabiex tittratta “kawżi li jeħtieġu eżaminazzjoni komplessa tal-fatti li jkunu diffiċli, [li fir-rigward tagħhom] it-twaqqif ta’ qorti oħra jkun ta’ progress għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-individwu”. Hija żiedet li dak il-ħolqien, jippermetti li “l-Qorti tkun tista’ tikkonċentra l-attivitajiet tagħha fuq ix-xogħol fundamentali li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kommunità” ( 46 ).

45.

Il-kritika għall-ġurisprudenza TWD li tenfasizza d-dritt tal-individwi għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jidhirx li hija konvinċenti minn din il-perspettiva. Fir-realtà, l-individwi ma għandhomx dritt sabiex il-qorti nazzjonali tagħmel id-domanda preliminari, iżda għandhom dak id-dritt –nirrepeti, meta innegabbilment igawdu minn locus standi– sabiex jikkontestaw l-att tal-Unjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri, quddiem il-qorti naturali li tagħtihom dik il-protezzjoni.

46.

Lanqas ma naqbel mal-idea li l-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jagħżlu l-istrateġija proċedurali li jippreferu, b’tali mod li, matul it-terminu tal-Artikolu 263 TFUE jistgħu jagħżlu bejn: a) il-preżentazzjoni ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali; u b) l-invokazzjoni tal-invalidità tal-att quddiem il-qrati nazzjonali, fejn iħeġġuhom jagħmlu domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

47.

Nemmen li din il-libertà ta’ għażla tal-qorti ma hijiex ideali u lanqas ma tirrispetta s-supremazija tar-rikors għal annullament, bħala mezz xieraq, stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE sabiex tiġi ġġudikata l-validità tal-atti tal-Unjoni kkontestati minn rikorrenti li jgawdu minn locus standi manifesta. Din l-għażla tiffavorixxi l-proliferazzjoni ta’ sitwazzjonijiet proċeduralment kumplessi (bħal dawk f’dawn il-każijiet), li jgħawġu l-funzjonament tas-sistema ta’ rikors prevista fid-dritt tal-Unjoni ( 47 ).

2.   L-importanza tat-terminu fil-ġurisprudenza TWD

48.

L-eċċezzjoni TWD ma hijiex maħsuba biss sabiex timpedixxi l-evażjoni tat-terminu għall-preżentata tar-rikorsi għal annullament. L-għan tagħha, għal darba oħra, huwa wkoll li tiffavorixxi r-rikors għal annullament kontra l-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, bħala mezz ordinarju ta’ kontestazzjoni tal-atti tal-Unjoni, meta, fl-astratt, l-individwu jkollu l-possibbiltà li juża t-tnejn li huma.

49.

Minn din il-perspettiva, il-mument li fih l-individwu jippreżenta rikors quddiem il-qrati nazzjonali u jissuġġerixxi li dawn jagħmlu domanda preliminari, bħala alternattiva għar-rikors għal annullament, ma huwiex l-uniku fattur rilevanti. Fil-kawżi TWD u Nachi Europe ( 48 ), ir-rikorrenti marru quddiem il-qrati nazzjonali wara li kien skada t-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors għal annullament, li hija l-ipoteżi tas-soltu għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD. Iżda, fil-fehma tiegħi, dan għandu japplika wkoll meta l-individwu jmur quddiem il-qrati nazzjonali u, indirettament, jesprimi dubji dwar il-validità tal-att tal-Unjoni matul it-terminu li fih seta’ jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikkontesta dak l-att.

50.

Ma jagħmilx sens li l-eċċezzjoni TWD tkun tiddependi fuq meta l-individwi b’locus standi manifesta jixtiequ jmorru quddiem il-qrati nazzjonali, jew il-veloċità amministrattiva ikbar jew iżgħar tal-awtoritajiet nazzjonali fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom li jimplementaw l-att tal-Unjoni. Dak li huwa deċiżiv, għall-kuntrarju, huwa li dawn l-individwi ma ppreżentawx ir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li kienu jafu li din kienet il-qorti li, skont l-Artikolu 263 TFUE, kienu ddestinati għaliha.

3.   L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni TWD għal din il-kawża

51.

Georgemarienhütte u t-tliet kumpanniji l-oħra ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjonijiet tal-BAFA tat-3 ta’ Diċembru 2014 (li fihom kienu obbligati jirrestitwixxu l-għajnuna) meta kien għadu ma ġiex deċiż l-ilment tagħhom quddiem dak il-korp. Permezz tal-possibbiltajiet proċedurali offruti mis-sistema legali tagħhom sabiex jirreaġixxu għas-silenzju tal-amministrazzjoni, ir-rikors ġudizzjarju tagħhom, ġie antiċipat, biex ngħidu hekk, għas-26 ta’ Marzu 2015, u fih invokaw l-invalidità tad-Deċiżjoni 2015/1585. Diġà ġie spjegat li ma ppreżentawx rikors għal annullament kontra din id-Deċiżjoni, minkejja li, qabel, kienu kkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat (stadju preliminari, ovvjament, għad-deċiżjoni finali).

52.

Din is-sekwenza ta’ fatti (u ta’ ommissjonijiet) tobbliga li wieħed jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq żewġ fatturi: a) il-locus standi tal-kumpanniji msemmija qabel; u b) l-impatt tat-terminu sabiex tiġi kkontestata d-Deċiżjoni 2015/1585 quddiem il-Qorti Ġenerali.

a)   Il-locus standi tal-kumpanniji rikorrenti

53.

Georgsmarienhütte u t-tliet kumpanniji l-oħra kellhom locus standi manifesta sabiex jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2015/1585?

54.

Id-Deċiżjoni 2015/1585 hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 10 tagħha. B’mod konformi mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ biss tippreżenta rikors għal annullament ta’ att li ma huwiex indirizzat lilha jekk jaffettwa lilha direttament u individwalment. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat jekk din il-kwalità hijiex preżenti fil-kumpanniji rikorrenti.

55.

L-ewwel, il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali huma affettwati direttament mid-Deċiżjoni 2015/1585, jekk din, skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ), tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom u ma tħalli ebda diskrezzjoni lid-destinatarju tagħha (il-Ġermanja), lil min huwa responsabbli għall-implementazzjoni tagħha b’mod purament awtomatiku u mingħajr ma teħtieġ regola intermedjarja.

56.

Barra minn hekk, l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni 2015/1585 jimponu fuq il-Ġermanja l-obbligu li tirkupra l-parti tas-sovrataxxa tal-EEG mhux imħallsa, li hija kklassifikata bħala għajnuna illegali, fit-termini li għadni kif spjegajt. Dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-metodu ta’ rkupru (b’riferiment għall-Anness III), l-akkumulazzjoni tal-interessi u l-metodu ta’ kalkolu tiegħu, u jobbligaw lill-Ġermanja għal irkupru immedjat u sħiħ, li għandu jsir f’terminu massimu ta’ erba’ xhur min-notifika tad-Deċiżjoni. L-Istat Ġermaniż ma għandu l-ebda marġini ta’ diskrezzjoni u d-Deċiżjoni 2015/1585 tħalli l-effetti tagħha fuq il-kumpanniji bis-sempliċi implementazzjoni amministrattiva tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

57.

It-tieni, għandu jiġi ddeterminat jekk dawk il-kumpanniji humiex individwalment affettwati mid-Deċiżjoni 2015/1585, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema,

“[i]l-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jsostnu li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak ta’ destinatarju” ( 50 ).

“[M]eta d-deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew li setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u fuq il-bażi ta’ kriterji partikolari għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta d-deċiżjoni temenda d-drittijiet miksuba mill-individwu preċedentement għall-adozzjoni tagħha” ( 51 ).

58.

Fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat, kumpannija ma tistax tikkontesta, fil-prinċipju, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali, jekk hija tkun ikkonċernata biss minn din id-deċiżjoni minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema ( 52 ). Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha huma individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu [263 TFUE]”.

“L-ordni ta’ rkupru diġà jikkonċerna individwalment lill-benefiċjarji kollha tal-iskema inkwistjoni, sa fejn dawn huma esposti, sa mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għar-riskju li l-benefiċċji li rċevew jiġu rkuprati, u b’hekk jinsabu milquta fis-sitwazzjoni legali tagħhom. Għalhekk, dawn il-benefiċjarji jifformaw parti minn grupp magħluq” ( 53 ).

59.

L-erba’ kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala benefiċjarji individwali ta’ tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG, li ngħata lilhom mill-BAFA, kellhom iħallsu lura l-ammont tiegħu ladarba d-Deċiżjoni 2015/1585 iddikjarat dan it-tnaqqis parzjalment illegali, bħala għajnuna mill-Istat, u ordnat l-irkupru tiegħu (skont l-Artikoli 6 u 7 tiegħu). L-awtoritajiet Ġermaniżi, li pproċedew b’diliġenza kbira, adottaw il-miżuri konsegwenti ta’ rkupru, li kienu jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1585. Għalhekk, dawk l-erba’ kumpanniji huma affettwati individwalment, fis-sens spjegat iktar ’il fuq, b’din l-aħħar deċiżjoni, li tahom, manifestament, locus standi sabiex jikkontestawha quddiem il-Qorti Ġenerali.

60.

Dawn il-kumpanniji ma setax ikollhom l-iċken dubju dwar dan u prova ċara hija li ppreżentaw, fil-ħin, rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha nbdiet il-proċedura sabiex tiġi vverifikata l-legalità tal-għajnuna. Huma pprovaw, ukoll, jestendu t-talbiet inizjali tagħhom, sabiex jinkludu wkoll kontestazzjoni tad-Deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ( 54 ), ladarba ġiet adottata. Paradossalment, wara ma għamlux appell għal annullament, kif issuġġerit mill-Qorti Ġenerali, kontra d-Deċiżjoni 2015/1585. ( 55 ) Il-bqija tal-kumpanniji enerġivori li kienu f’sitwazzjoni simili ppreżentaw dawn ir-rikorsi għal annullament, li għadhom pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali sakemm tiġi deċiża b’mod finali l-kawża pilota Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni.

61.

F’din is-sitwazzjoni, nifhem li l-eċċezzjoni TWD għandha tapplika għall-erba’ kumpanniji li ma ppreżentawx rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni 2015/1585, meta kellhom locus standi ċara u manifesta sabiex jagħmlu dan.

b)   It-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament tad-Deċiżjoni 2015/1585

62.

Waqt is-seduta, ġie stabbilit li “t-test sħiħ u finali” tad-Deċiżjoni 2015/1585 tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumpanniji rikorrenti fis-6 ta’ Jannar 2015, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-ftuħ ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat ( 56 ).

63.

Peress li l-pubblikazzjoni (tardiva ħafna, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni) tad-Deċiżjoni 2015/1985 ma kinitx kundizzjoni għall-effettività tagħha, u kien biżżejjed li l-kumpanniji affettwati b’mod dirett u individwali kellhom għarfien attwali dwarha, kif ġara hawnhekk, it-terminu sabiex jikkontestawha beda, għal dawk il-kumpanniji, fis-6 ta’ Jannar 2015, skont l-informazzjoni kkorroborata fis-seduta ( 57 ).

64.

Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-kumpanniji msemmija hawn kienu eżawrixxew it-terminu imperattiv ta’ xahrejn stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE (u għaxart ijiem oħra, minħabba d-distanza) ( 58 ) meta ppreżentaw, fis-26 ta’ Marzu 2015, ir-rikors tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju. Ladarba dak it-terminu skada, ma setgħux “jevitaw in-natura definittiva li kellha fil-konfronti [tagħhom]” ( 59 ) id-Deċiżjoni 2015/1585 permezz ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jikkontestaw il-validità ta’ dik id-Deċiżjoni.

65.

Anki kieku ma kienx skada dak it-terminu, l-eċċezzjoni TWD kienet tkun applikabbli skont il-kunsiderazzjonijiet li għamilt qabel. Diġà semmejt kif l-awtoritajiet Ġermaniżi wrew veloċità estrema, fl-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ rkupru tal-għajnuna fl-istess jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, fil-25 ta’ Novembru 2014. Ma jidhirx li jagħmel wisq sens li jiġi aċċettat li kienet tapplika l-eċċezzjoni TWD għal dawn il-kumpanniji, kieku dawn marru quddiem il-qrati Ġermaniżi wara xahrejn minn meta saru jafu dwar id-Deċiżjoni 2015/1585, u mhux jekk kieku sar ir-rikors tagħhom quddiem dawn il-qrati, b’kunsiderazzjoni tal-ħeffa tal-azzjoni amministrattiva nazzjonali, qabel l-iskadenza ta’ dak it-terminu.

66.

Fil-qosor, nemmen li tapplika għal dan id-digriet id-duttrina stabbilita fis-sentenza TWD, u għalhekk nemmen li ma huwiex ammissibbli.

B. Applikazzjoni tal-ġurisprudenza Adiamix

67.

Il-Kummissjoni tallega, insostenn tat-tieni oġġezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà, il-ġurisprudenza Andiamix ( 60 ). Fil-fehma tagħha, il-qorti tar-rinviju ma eżaminatx b’mod awtonomu u lanqas ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom tikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni 2015/1585, peress li rreferiet biss għall-argumenti tar-rikorrenti.

68.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, Greenpeace France et, C‑6/99, EU:C:2000:148, punt 55, kif ukoll id-digriet tat-18 ta’ April 2013, Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 22). Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 61 ).

69.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni li, skont l-imsemmi artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, u mhux id-digrieti nazzjonali li eventwalment jiġi rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ( 62 ). Għalhekk, il-fatt li l-qorti nazzjonali tirreferi għall-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, li jistgħu jvarjaw skont l-interessi tagħhom, ma jiggarantixxix li l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jissottomettu osservazzjonijiet adegwati fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari ( 63 ).

70.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ma tirriflettix id-dubji tagħha dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1985, iżda sempliċement tiddikjara f’dan ir-rigward kif ġej:

“Ir-rikorrenti qajmu dubji f’din il-proċedura dwar l-interpretazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE) […]

Għall-argumenti fid-dettall tar-rikorrenti u sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet, il-qorti tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fit-talba tagħha tas-26 ta’ Marzu 2015 […]

Ir-rikorrenti esprimew dubji serji f’dan ir-rigward, li huwa biżżejjed sabiex issir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dik il-kwistjoni […]

Għalhekk, ma huwiex neċessarju, sabiex issir din it-talba, li l-qorti jkollha l-istess dubji espressi mir-rikorrenti dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE bħall-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tqis li d-dubji espressi [mir-rikorrenti] dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni huma importanti ( 64 )”.

71.

Wara l-qari ta’ din is-silta mid-digriet tar-rinviju, naħseb li applikazzjoni stretta tal-ġurisprudenza fil-qosor fil-punti preċedenti twassal għall-inammissibbiltà tad-domanda preliminari, minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjonijiet proprji li saret bih.

72.

Madankollu, nirrikonoxxi li, f’okkażjonijiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat din il-ġurisprudenza b’mod iktar flessibbli, billi qieset li l-mekkaniżmu preliminari huwa ispirat mill-idea ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Minn din il-perspettiva, tista’ tiġi rrifjutata l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà, peress li d-digriet tar-rinviju, jirriproduċi, bħala dubji, l-argumenti tal-partijiet dwar l-invalidità tad-Deċiżjoni 2015/1585.

IV. Fuq il-mertu

73.

Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taħseb li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, jiena ser nanalizza jekk id-Deċiżjoni 2015/1585 hijiex invalida minħabba li tikklassifika l-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

74.

Il-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu jipprovdi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

75.

Hemm, għalhekk, erba’ rekwiżiti li jridu jiġu sodisfatti sabiex tiġi evalwata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna: a) għandha tkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; b) dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; c) għandha tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; u d) għandha tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni ( 65 ).

76.

Ma jidhirx li hemm diskussjoni dwar jekk il-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG favur il-kumpanniji enerġivori tissodisfax it-tieni rekwiżit (effett possibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri) u r-raba’ rekwiżit (distorsjoni jew theddid ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni). Għall-kuntrarju, hemm nuqqas ta’ qbil dwar it-tnejn l-oħra, li tagħmel neċessarju li jiġi ċċarat jekk dan it-tnaqqis huwiex vantaġġ selettiv għall-kumpanniji benefiċjarji u, fuq kollox, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura hijiex attribwibbli lill-Istat u tinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

77.

Fin-nuqqas ta’ kunsiderazzjonijiet proprji tal-qorti tar-rinviju dwar uħud mill-punti ewlenin li qegħdin jiġu diskussi (b’mod partikolari, dwar il-funzjonijiet ta’ kontroll u superviżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi li ġejjin mis-sovrataxxa tal-EEG), huwa meħtieġ li jitqies dak li jinstab fid-Deċiżjoni 2015/1585, sakemm ma jintweriex, b’mod ċar, l-iżball tal-Kummissjoni fil-ħruġ tagħha.

A. Fuq il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

78.

Vantaġġ, fil-kuntest li jikkonċerna lilna hawn, ifisser kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat ( 66 ). Hemm vantaġġ jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpannija titjieb bħala riżultat dirett ta’ azzjoni mill-Istat u mhux minħabba l-attività tas-suq ħieles.

79.

Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jinkludi kemm il-benefiċċji pożittivi (pereżempju, sussidju) kif ukoll il-miżuri tal-Istat li jeħilsu jew jeżoneraw kumpannija mill-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit tagħha ( 67 ).

80.

Fil-fehma tiegħi, permezz tat-tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG mitluba lill-kumpanniji li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija, l-awtoritajiet Ġermaniżi jagħtuhom vantaġġ innegabbli f’termini ekonomiċi, billi jipprevjenu lill-ġesturi tan-networks ta’ trasport (iktar ’il quddiem il-“ĠNT”) u lill-fornituri tal-elettriku milli jirkupraw l-ispejjeż addizzjonali tal-elettriku EEG ikkonsmat minnhom li, altrimenti, kien ikollhom jissodisfaw.

81.

L-Artikolu 40 tal-Liġi tal-EEG 2012 jistabbilixxi l-limitazzjoni tal-ammont tas-sovrataxxa tal-EEG li jista’ jgħaddi mill-fornituri tal-elettriku għall-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija billi jipprovdi li, fuq talba, il-BAFA joħroġ att amministrattiv li jipprojbixxi lill-fornitur tal-elettriku milli jgħaddi s-sovrataxxa tal-EEG kollha kemm hi fuq l-utenti finali meta dan tal-aħħar ikun kumpannija enerġivora. L-Artikolu 41 tal-Liġi tal-EEG 2012 jagħmel it-tnaqqis dipendenti fuq jekk dawn il-kumpanniji jissodisfawx ċerti rekwiżiti, prinċipalment marbutin mal-volum tal-konsum tal-enerġija tagħhom.

82.

Il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi li l-iskema derogatorja ta’ dawn l-artikoli għandha l-għan li tillimita s-sovrataxxa ekonomika li, għall-kumpanniji enerġivori, toħroġ mill-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku tal-EEG. Għalhekk, b’dan il-mod, huwa maħsub li jitnaqqas wieħed mill-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ dawn il-kumpanniji.

83.

Madankollu, ir-rikorrenti u l-Gvern Ġermaniż jallegaw li l-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG, iktar milli tagħti vantaġġ għall-kumpanniji enerġivori, tikkumpensa għal żvantaġġ kompetittiv tagħhom fir-rigward tal-kumpanniji ta’ Stati Membri oħra.

84.

L-argument ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala vantaġġ, anki jekk biss minħabba li jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’settur speċifiku ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra, ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri l-karattru ta’ għajnuna ( 68 ).

85.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet data ( 69 ) li tiċħad il-premessa fattwali li huwa bbażat fuqha dak l-argument: ma jidhirx li l-prezzijiet tal-elettriku sostnuti, fil-Ġermanja, minn dawn il-kumpanniji huma, minkejja s-sovrataxxa tal-EEG, ogħla minn dawk korrispondenti għal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni. L-iżvantaġġ kompetittiv allegat ta’ kumpanniji bħal dawn ma huwiex, għalhekk, ipprovat.

86.

Ir-rikorrenti jsostnu, ukoll, li “kundizzjonijiet normali tas-suq”, għandhom jinftiehmu bħala dawk eżistenti f’nuqqas totali ta’ sovrataxxa tal-EEG u mhux dawk maħluqa wara l-introduzzjoni ta’ din. Jekk dan ikun minnu, it-tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG minnu nnifsu ma jibqax jeżisti bħala vantaġġ, għaliex ma jkunx hemm sovrataxxa tal-EEG li tista’ tiġi llimitata.

87.

Din l-allegazzjoni lanqas ma hija konvinċenti. Is-sovrataxxa tal-EEG hija mekkaniżmu li jimponi piżijiet fuq il-parteċipanti kollha fis-sistema ta’ elettriku Ġermaniża, b’tali mod li, fost il-kundizzjonijiet normali tas-suq, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx vantaġġ, għandhom jiġu inklużi wkoll dawk li ġejjin mill-implementazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG. It-tnaqqis ta’ din l-ispiża għall-kumpanniji enerġivori jinvolvi skema eċċezzjonali, li tagħtihom vantaġġ speċifiku, billi tnaqqas il-prezz li, kieku, kien ikollhom iħallsu għall-elettriku li jikkonsmaw.

88.

Sabiex ikun hemm għajnuna mill-Istat, huwa wkoll essenzjali li l-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji jkun selettiv. Ir-rikorrenti jsostnu li l-limitazzjoni tas-sovrataxxa ma għandhiex din in-natura, sa fejn dawn huma kkonċernati, minħabba li hija oġġettivament iġġustifikata u neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

89.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 70 ), lanqas dan l-argument ma huwa sostnut. Naqbel mal-Kummissjoni li l-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG għandha natura selettiva, minħabba li tiffavorixxi biss ftit mill-kumpanniji li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija fis-settur tal-manifattura.

90.

Is-selettività ta’ vantaġġ hija ddeterminata b’mod iktar faċli fir-rigward ta’ miżuri pożittivi li jkunu ta’ benefiċċju għal kumpannija jew kumpanniji li huma identifikati b’mod nominali. Huwa iktar diffiċli li tiġi kkalkolata, għall-kuntrarju, meta l-Istati Membri jadottaw regoli applikabbli għal dawk li jissodisfaw ċerti kriterji, li l-piżijiet ekonomiċi tagħhom jittaffew minħabba fihom. Il-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG għall-kumpanniji enerġivori taqa’ taħt din (it-tieni) ipoteżi.

91.

F’dawn il-każijiet, l-analiżi tas-selettività ġeneralment issir fi tliet stadji:

L-ewwel nett, għandha tiġi identifikata s-sistema ġuridika ta’ riferiment.

It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk miżura partikolari tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema, minħabba li tagħmel distinzjoni bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-oġġettivi intrinsiċi għas-sistema, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. L-eżistenza ta’ eċċezzjoni hija l-element ewlieni li jippermetti li jiġi identifikat jekk il-miżura hijiex a priori selettiva.

It-tielet nett, jekk il-miżura tkun eċċezzjoni, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk hijiex iġġustifikata fin-natura jew l-ekonomija ġenerali tal-iskema ta’ riferiment ( 71 ).

92.

Fil-kuntest tal-Liġi tal-EEG 2012, l-iskema ġenerali hija li s-sovrataxxa tal-EEG titħallas mill-konsumaturi kollha tal-elettriku (attwalment, il-Liġi tipprovdi l-possibbiltà li dawn tiġi imposta fuqhom dik is-sovrataxxa, kif iseħħ fil-prattika invarjabbilment).

93.

It-tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG għal xi kumpanniji fis-settur tal-manifattura, bħar-rikorrenti, huwa eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, li jibbenefika biss lilhom u mhux lil kumpanniji li jikkonsmaw enerġija f’setturi oħra ta’ produzzjoni. Il-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG għal dawn il-kumpanniji enerġivori, għalhekk, hija selettiva.

94.

Ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG li għandhom iħallsu jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent, u tal-iżvilupp sostenibbli u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Madankollu, dawn ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali huma bbażati, l-iktar, fuq l-iskema ġenerali tas-sovrataxxa tal-EEG, u mhux fuq it-tnaqqis tagħha għal kategorija speċifika ta’ operaturi industrijali. Jiġri wkoll li meta jiġu eżenti (parzjalment) mill-oneru kumplessiv li tinvolvi s-sovrataxxa tal-EEG, fl-istess ħin tiġi inkoraġġuta żieda fil-konsum tal-enerġija minn dik il-kategorija ta’ aġenti ekonomiċi u jitnaqqas id-dħul disponibbli sabiex jiġu ffinanzjati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għalhekk, din ma hijiex raġuni li tappoġġja l-eċċezzjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 72 ).

95.

Il-miżura lanqas ma tappoġġja s-salvagwardja allegata tad-drittijiet fundamentali, li jappellaw għaliha l-kumpanniji rikorrenti. Skont dawn, il-ħlas sħiħ tas-sovrataxxa tal-EEG iwassal għal żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom li timpedixxi li dawn iwettqu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, bi ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà ta’ intrapriża.

96.

Minbarra li hija kwistjoni ta’ interess ġenerali estern u mhux inerenti għall-iskema ġenerali tas-sovrataxxa tal-EEG, la l-kumpanniji u lanqas il-Gvern Ġermaniż ma pprovdew informazzjoni preċiża sabiex isostnu l-fatt li l-ħlas ta’ dik is-sovrataxxa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2015/1585, tagħmel l-eżistenza tagħha mhux vijabbli. Dan in-nuqqas ta’ prova huwa biżżejjed sabiex jimmina l-argument korrispondenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir analiżi fil-fond tar-relazzjoni bejn il-libertà ta’ intrapriża u l-kontenut tal-miżuri ta’ regolamentazzjoni settorjali.

97.

Fl-aħħar nett, ma għandniex ninsew li, fid-Deċiżjoni 2015/1585, il-Kummissjoni Ewropea aċċettat li tista’ tiġi awtorizzata l-għajnuna li tinsab fil-Liġi tal-EEG 2012 (jiġifieri, it-tnaqqis tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-appoġġ għall-EEG) jekk dawn jissodisfaw “il-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fil-punti 185, 186 u 187 tal-Linji Gwida tal-2014” ( 73 ) u dak it-tnaqqis “ikun proporzjonat skont il-kriterji stipulati fil-punti 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014” ( 74 ).

98.

Huwa rikonoxxut, b’dan il-mod, li jekk is-sovrataxxa tal-EEG verament tipperikola l-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanniji li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija elettrika, fil-limiti stabbiliti mil-Linji Gwida tal-2014, tkun kompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, ma hijiex projbizzjoni assoluta li titnaqqas din l-ispiża, iżda li titnaqqas lil hinn minn dak li jawtorizzaw dawk il-Linji Gwida. Fid-deċiżjoni preliminari, ma ntweriex li l-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni 2015/1585 ma jikkonformawx ma’ dan il-kriterju.

99.

Fil-qosor, it-tnaqqis fis-sovrataxxa mmarkata bil-Liġi tal-EEG 2012 jagħti vantaġġ selettiv lill-kumpanniji li jibbenefikaw minn din l-iskema speċjali, fir-rigward tal-iskema ġenerali applikabbli għall-bqija tal-konsumaturi.

B. Fuq l-eżistenza ta’ intervent mill-Istat jew permezz ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

100.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex vantaġġ selettiv ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa indispensabbli, minn naħa waħda, li jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u min-naħa l-oħra, li jkun imputabbli lill-Istat ( 75 ). Dawn huma żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ( 76 ) li, madankollu, huma ġeneralment ikkunsidrati flimkien meta tiġi evalwata miżura skont dik id-dispożizzjoni.

101.

Il-kumpanniji rikorrenti u l-Gvern Ġermaniż jemmnu, fil-qosor, li l-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG li jgawdu minnha ma hijiex imputabbli għall-Istat u lanqas ma timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

1.   Imputazzjoni tal-miżura lill-Istat

102.

Sabiex jiġi evalwat jekk miżura hijiex imputabbli lill-Istat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel għandu jiġi analizzat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni tagħha. Dan huwa l-każ, b’mod ċar, meta l-vantaġġi selettivi għal kategorija ta’ kumpanniji jkunu ġew stabbiliti minn liġi ( 77 ).

103.

Kemm is-sovrataxxa tal-EEG kif ukoll it-tnaqqis favur ċerti kumpanniji enerġivori fis-settur tal-manifattura ġew riflessi fil-Liġi tal-EEG 2012 (Artikoli 40 sa 44). It-tnaqqis ma jingħatax spontanjament lil dawn il-kumpanniji mill-kumpanniji tal-elettriku, iżda joħroġ minn atti leġiżlattivi u regolatorji, adottati mill-Istat Ġermaniż, li jirregolaw is-sistema legali tagħhom. Għalhekk, jidhirli, li ma huwiex ikkontestat li l-għoti ta’ dan il-vantaġġ huwa imputabbli lil dan l-Istat.

2.   Trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat favur ċerti kumpanniji

104.

Minbarra l-imputazzjoni lill-Istat, huwa meħtieġ li l-miżura tkun tinvolvi t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lill-kumpanniji benefiċjarji.

105.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” b’mod wiesa’, li jinkludi mhux biss dawk tas-settur pubbliku, f’sens ristrett, iżda wkoll xi wħud ta’ korpi privati, f’ċertu ċirkustanzi.

106.

It-tnaqqis indirett tad-dħul tal-Istat ikkawżat mill-adozzjoni ta’ regolamenti jew miżuri nazzjonali ma jikkostitwixxix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, jekk tali riperkussjoni tkun inerenti għalihom ( 78 ). Għalhekk, deroga mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol li tbiddel il-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpanniji u l-impjegati ma tikkostitwixxix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, minkejja l-fatt li tista’ tnaqqas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew it-taxxi pagabbli lill-Istat mill-kumpanniji u l-impjegati ( 79 ).

107.

L-ikbar diffikultajiet sabiex wieħed ikun jaf jekk kienx hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat iqumu meta l-Istati japprovaw mekkaniżmi ta’ intervent fil-ħajja ekonomika, u għalhekk ċerti kumpanniji jistgħu jiksbu vantaġġ selettiv. B’mod partikolari, iż-żona griża tirrispondi għal każijiet ta’ intervent mill-Istat li, meta jmur lil hinn mill-adozzjoni ta’ regolament ġenerali sempliċi tas-settur, ma humiex ekwivalenti għal trasferiment dirett ta’ riżorsi. F’dan ir-rinviju iqum wieħed minn dawn il-każijiet, li għas-soluzzjoni tiegħu huwa meħtieġ li l-ewwel tiġi indirizzata l-ġurisprudenza kumplessa (u mhux dejjem lineari) tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

a)   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar trasferimenti indiretti ta’ riżorsi tal-Istat: minn PreussenElektra sa Association Vent De Colère! et

108.

L-intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat jinkludi kemm l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dik mogħtija minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati stabbiliti jew innominati minnu sabiex jimmaniġġjaw l-għajnuna ( 80 ). Id-dritt tal-Unjoni ma jistax jippermetti li jkun hemm evażjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat billi sempliċiment jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi bir-responsabbiltà li jallokaw għajnuna ( 81 ).

109.

Miżura mill-Istat li tiffavorixxi ċerti kumpanniji jew ċerti prodotti ma titlifx in-natura tagħha ta’ vantaġġ mingħajr ħlas minħabba l-fatt li tkun iffinanzjata, totalment jew parzjalment, minn taxxi imposti mill-awtorità pubblika u applikati lill-kumpanniji kkonċernati ( 82 ).

110.

Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi l-mezzi ekonomiċi kollha li jistgħu jużaw effettivament l-awtoritajiet pubbliċi sabiex isostnu lill-impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux tal-Istat b’mod permanenti jew le. Anki jekk l-ammonti korrispondenti għall-miżura inkwistjoni ma humiex fil-pussess permanenti tat-Teżor Pubbliku, il-fatt li jibqgħu b’mod kostanti taħt il-kontroll pubbliku, u, għalhekk, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” ( 83 ).

111.

Fir-rigward tas-settur tal-elettriku, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika” ( 84 ).

112.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li dak li huwa konklużiv sabiex jiġi vverifikat jekk ir-riżorsi inkwistjoni humiex riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa l-livell ta’ intervent u tal-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi fuqhom.

113.

In-nuqqas ta’ kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi jispjega l-fatt għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax bħala għajnuna, pereżempju, każijiet fejn ir-riżorsi tal-membri f’korporazzjoni professjonali jintużaw sabiex jiffinanzjaw skop speċifiku fl-interess ta’ dawn il-membri, li huwa l-fattur deċiżiv għal organizzazzjoni privata u li għandha għanijiet purament kummerċjali, li fir-rigward tagħhom l-Istat jaġixxi sempliċiment bħala mezz li jagħti natura obbligatorja lill-kontribuzzjonijiet introdotti mill-organizzazzjonijiet kummerċjali. Eżempji ta’ dawn il-każijiet huma offruti fil-kawżi Pearle ( 85 ) u Doux Élevages ( 86 ).

114.

In-nuqqas ta’ kontroll mill-Istat fuq it-trasferimenti ta’ riżorsi jispjega wkoll il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax bħala għajnuna s-suppożizzjonijiet ta’ regolamenti li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni finanzjarja minn entità privata għal oħra, mingħajr intervent addizzjonali mill-Istat. Fil-prinċipju, ma hemm l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jekk il-flus jgħaddu direttament minn entità privata għal oħra, mingħajr ma jgħaddu minn entità pubblika jew privata maħtura mill-Istat sabiex jimmaniġġjaw it-trasferiment ( 87 ).

115.

Lanqas ma jkun hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat meta l-kumpanniji, li fil-maġġor parti tagħhom huma privati, ma jkunux ġew ikkummissjonati mill-Istat Membru sabiex jimmaniġġjaw riżorsi tal-Istat, iżda jkollhom biss obbligu li jixtru billi jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess ( 88 ). Din hija l-ipoteżi tas-sentenza PreussenElektra, skont liema l-obbligu, impost minn Stat Membru fuq il-fornituri privati, li jakkwistaw bi prezzijiet minimi stabbiliti l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ma jimplikax it-trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat favur il-kumpanniji li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku, mingħajr ma tinbidel din iċ-ċirkustanza li d-dħul baxx tal-kumpanniji suġġetti għal dan l-obbligu x’aktarx li jikkawża tnaqqis fid-dħul mit-taxxa, peress li din il-konsegwenza hija inerenti fil-miżura ( 89 ). F’dak il-każ, il-kumpanniji affettwati (jiġifieri l-fornituri privati tal-elettriku) kienu marbutin b’obbligu li jakkwistaw tip speċifiku ta’ elettriku bir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda ma ġewx maħturin mill-Istat sabiex jimmaniġġjaw skema ta’ għajnuna.

116.

Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma kkunsidrat li hemm kontroll mill-Istat (u, għalhekk, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat) fil-mekkaniżmu Pollakk li impona fuq il-fornituri l-obbligu li jbigħu sehem ta’ elettriku prodott permezz ta’ koġenerazzjoni, ekwivalenti għal 15 % annwali lill-konsumaturi finali ( 90 ).

117.

Madankollu, il-kontroll mill-Istat jerġa’ jitfaċċa u jkun hemm trasferiment ta’ riżorsi mill-Istat meta l-ammonti mħallsin mill-individwi jsiru permezz ta’ entità pubblika jew privata maħtura sabiex tgħaddihom lill-benefiċjarji. Hekk ġara fil-kawża Essent Netwerk Noord, fejn entità privata rċeviet il-kompitu, bil-liġi, li titlob prezz addizzjonali (miżata) tal-elettriku, f’isem l-Istat, bid-dmir li tgħaddih lill-benefiċjarji mingħajr ma kienet awtorizzata li tuża l-ammont tiegħu għal skopijiet oħra apparti dawk indikati fil-liġi. L-ammont totali ta’ dik il-miżata (li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet ikklassifikata bħala taxxa) kien taħt kontroll pubbliku, li kien biżżejjed sabiex jikkwalifika bħala riżorsi tal-Istat ( 91 ).

118.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll il-kontroll mill-Istat fil-kawża Vent de Colère! et, fejn kien hemm mekkaniżmu, iffinanzjat mill-konsumaturi finali kollha, li kkumpensa kompletament l-ispejjeż żejda mħallsa minn kumpanniji suġġetti għal obbligu li jixtru elettriku ġġenerat mill-enerġija eolika (bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq). Kien hemm intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat, anki meta dan il-mekkaniżmu kien ibbażat, parzjalment, fuq trasferiment dirett ta’ riżorsi fost entitajiet privati ( 92 ).

119.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Elcogás hija fuq l-istess linja, li fiha ġie diskuss “jekk l-ammonti attribwiti lil kumpannija privata li tipproduċi l-elettriku li huma ffinanzjati mill-grupp ta’ utenti finali tal-elettriku stabbiliti fit-territorju nazzjonali jikkostitwixxux intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat” ( 93 ).

120.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet li l-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-ispejjeż żejda li l-kumpannija bbenefikat minnhom (iffinanzjat mit-tariffa finali tal-elettriku applikata lill-konsumaturi Spanjoli kollha u lill-utenti tan-netwerks tat-trasport u d-distribuzzjoni fit-territorju nazzjonali) għandu jinftiehem bħala intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, ma kienx hemm “każ […] li l-kwantitajiet intiżi sabiex ipaċu l-ispejjeż eċċessivi ma joriġinawx minn supplement speċifiku tat-tariffa tal-elettriku u li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni ma jaqax strettament taħt il-kategorija ta’ taxxa, ħlas fiskali jew tariffa parafiskali skont id-dritt nazzjonali” ( 94 ).

121.

Dan il-kontroll pubbliku huwa preżenti wkoll u, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqishom bħala riżorsi tal-Istat, fid-dħul iġġenerat, skont l-iskema Daniża, sabiex tiġi kkumpensata l-kumpannija pubblika (TV2 Reklame) għall-għajnuna li timmaniġġja u li tikkonsisti fid-dritt li tikkummerċjalizza l-ispazju tar-reklamar ta’ TV2 ( 95 ).

b)   It-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat f’din il-kawża

122.

Skont il-Gvern Ġermaniż u l-kumpanniji rikorrenti, is-sovrataxxa tal-EEG u l-limitazzjoni tagħha għal ċerti kumpanniji enerġivori huma mekkaniżmi stabbiliti bil-liġi, iżda ma jinvolvux it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u lanqas ma huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Fl-opinjoni tiegħu, dan il-mekkaniżmu jaqa’ taħt il-ġurisprudenza PreussenElektra, minħabba li l-Liġi tal-EEG 2012 ma għamlitx tibdil sostanzjali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża tal-1990, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx bħala għajnuna mill-Istat.

123.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, kif għamlet fid-Deċiżjoni 2015/1585, issostni li hemm trasferiment ta’ riżorsi favur kumpanniji li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Fl-opinjoni tagħha, dan huwa mekkaniżmu għall-promozzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli differenti minn dak analizzat fis-sentenza PreussenElektra u li pjuttost jinftiehem aħjar mill-impjegati fi Stati Membri oħra (il-Belġju, Franza, Spanja, l-Awstrija), li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, minħabba li dan jissoponi fluss ta’ riżorsi taħt il-kontroll tal-Awtoritajiet, favur ċerti kumpanniji ( 96 ).

124.

L-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kwistjoni twassalni sabiex nieħu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Bħala punt ta’ tluq, nixtieq infakkar li s-sovrataxxa tal-EEG, miġbura u amministrata mill-ĠNT, ġiet stabbilita mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tkopri l-ispejjeż iġġenerati mit-tariffi rregolati u l-primjum tas-suq, skont il-Liġi tal-EEG 2012, li kienu jiggarantixxu lill-produtturi tal-elettriku ekoloġiku (EEG) prezz ogħla minn dak tas-suq. Għaldaqstant, is-sovrataxxa tal-EEG hija parti minn politika tal-Istat Ġermaniż maħsuba għas-sostenn tal-produtturi tal-elettriku EEG, stabbilita mil-Liġi tal-EEG 2012 u r-regolamenti sussidjarji tagħha. Permezz tat-tnaqqis ta’ din is-sovrataxxa favur ċerti kumpanniji enerġivori tas-settur tal-manifattura kien qiegħed jipprova jittaffa l-impatt tal-ispiża ta’ tali sostenn fil-baġits rispettivi tagħhom.

125.

L-elementi ewlenin li juru l-kontroll tal-awtoritajiet Ġermaniżi dwar ir-riżorsi ġġenerati mis-sovrataxxa tal-EEG (inkluż it-tnaqqis tagħha favur ċerti kumpanniji enerġivori) u, għalhekk, in-natura tagħha ta’ “riżorsi tal-Istat” huma:

in-natura pubblika ta’ dawn ir-riżorsi;

il-ġestjoni tas-sovrataxxa tal-EEG mill-ĠNT, taħt obbligu legali; u

l-kontroll amministrattiv tal-awtoritajiet Ġermaniżi fuq is-sovrataxxa tal-EEG u fuq il-limitazzjoni tagħha għal ċerti kumpanniji enerġivori.

1) In-natura pubblika tar-riżorsi miksuba bis-sovrataxxa tal-EEG u t-tnaqqis tal-ammont tagħha għall-kumpanniji enerġivori

126.

Il-produtturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli għandhom l-assigurazzjoni li dan jinxtara b’mod preferenzjali, kif ukoll li jinġabar il-ħlas tiegħu (permezz ta’ primjums stabbiliti legalment) mill-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni lokali. Dawn jittrasferixxu l-elettriku minn enerġija rinnovabbli lil ĠNT, li huma obbligati jħallsuhom il-primjums imħallsa. Is-sovrataxxa tal-EEG hija kkalkolata abbażi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku fil-borża elettrika. Imbagħad, is-sovrataxxa tal-EEG titqassam b’mod purament finanzjarju bejn il-ĠNT u dawn jgħadduha fuq il-kumpanniji li jipprovdu elettriku lill-konsumaturi finali.

127.

L-impatt tas-sovrataxxa tal-EEG huwa deċiżjoni kummerċjali tal-kumpanniji fornituri, iżda de facto titwettaq b’mod sistematiku u hija konsistenti mal-għan sottostanti tal-Liġi tal-EEG 2012. Il-limitazzjoni tas-sovrataxxa għal ċerti kumpanniji enerġivori hija kkumpensata minn żieda korrelattiva għall-bqija tal-konsumaturi ( 97 ), jiġifieri, għal dawk li ma jibbenefikawx minn din il-limitazzjoni.

128.

Skont il-Gvern Ġermaniż u l-kumpanniji rikorrenti, is-sovrataxxa tal-EEG (u, għalhekk, il-limitazzjoni tagħha) tinvolvi biss il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi privati bejn kumpanniji privati wkoll, li r-relazzjonijiet tagħhom huma suġġetti għad-dritt ċivili, fuq bażi kuntrattwali sempliċi. Din hija sistema fejn jiġi stabbilit, bil-liġi, prezz minimu għall-bejgħ ta’ prodott minn kumpanniji privati.

129.

Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument, minħabba li s-sovrataxxa tal-EEG ma hijiex ir-riżultat ta’ inizjattiva sempliċi tal-ĠNT, iżda ta’ applikazzjoni tal-liġi Ġermaniża, li identifikat lill-benefiċjarji tal-vantaġġ (produtturi tal-elettriku EEG u ċerti kumpanniji enerġivori), dawk li jissejħu “kriterji ta’ eliġibbiltà” u l-livell ta’ għajnuna, bil-għan li jinġabru r-riżorsi finanzjarji sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ sostenn għall-elettriku EEG.

130.

Il-ĠNT ma humiex liberi sabiex jimponu s-sovrataxxa tal-EEG li jixtiequ u l-awtoritajiet Ġermaniżi jissorveljaw il-kalkolu, il-ġbir u l-ġestjoni tagħha, kif ukoll il-limitazzjoni applikabbli għall-kumpanniji enerġivori, li tiddependi fuq att amministrattiv preċedenti. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw dik is-sovrataxxa jiggarantixxu li, permezz tagħha, tinkiseb kopertura finanzjarja suffiċjenti sabiex jitħallas l-appoġġ għall-elettriku tal-EEG, inkluż it-tnaqqis favur il-kumpanniji enerġivori. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux il-ġbir ta’ dħul addizzjonali, lil hinn mill-kopertura ta’ dawn l-ispejjeż, u l-ĠNT ma jistgħux jużaw is-sovrataxxa tal-EEG sabiex jiffinanzjaw tip ieħor ta ’attività.

131.

Il-finanzjament tas-sovrataxxa tal-EEG, kif ukoll il-limitazzjoni tagħha, ġew imfassla b’tali mod li l-ispejjeż tal-appoġġ tal-produzzjoni tal-elettriku tal-EEG jgħaddu fl-għamla ta’ kaskata fuq il-parteċipanti fis-suq tal-elettriku Ġermaniż. Kif diġà għidt, ir-raġunament wara s-sistema huwa li:

il-konsumaturi finali tal-elettriku jħallsu s-sovrataxxa tal-EEG, bit-tnaqqis tal-impatt tagħha favur ċerti kumpanniji enerġivori;

il-produtturi tal-elettriku ekoloġiku jirċievu l-appoġġ finanzjarju korrispondenti; u

l-kumpanniji tad-distribuzzjoni lokali, l-ĠNT u l-kumpanniji fornituri huma responsabbli sabiex jgħaddu l-ammont tas-sovrataxxa tal-EEG, dejjem taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

132.

In-natura tas-sovrataxxa tal-EEG, għalhekk, hija dik ta’ riżorsi tal-istat li permezz tagħhom tiġi appoġġjata l-produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku, u mhux dik ta’ sempliċi riżorsi privati tal-kumpanniji u tal-konsumaturi, li jistgħu jinnegozjaw bejniethom.

133.

Ma huwiex ostakolu għal din in-natura jekk, fil-Ġermanja, ma jkunx hemm korp pubbliku maħtur speċifikament sabiex jamministra dawn ir-riżorsi, liema kompitu huwa attribwit lill-aġenti tas-suq tal-elettriku (partikolarment, kollettivament, lill-ĠNT). Kif diġà fakkart, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107 TFUE ma huwiex neċessarju li dawn ikunu joriġinaw mill-baġit jew mill-assi tal-Istat, jew li jinġabru, diretti mill-ġdid u amministrati minn korp pubbliku.

134.

Huwa biżżejjed, sabiex ikollhom natura ta’ riżorsi tal-Istat, li jiġu pprovduti minn xi individwi oħrajn, sabiex jaslu għand il-benefiċjarji finali tal-għajnuna, anki taħt il-ġestjoni ta’ entitajiet differenti tal-awtorità pubblika, sakemm it-trasferiment tar-riżorsi ekonomiċi (f’dan il-każ, mill-konsumaturi finali għall-kumpanniji li jipproduċu elettriku ekoloġiku) jitwettaq permezz ta’ impożizzjoni legali u taħt kontroll amministrattiv. Dan huwa l-mekkaniżmu ta’ għajnuna previst fil-Liġi tal-EEG 2012, li jidhirli li huwa simili għal dawk li wasslu għall-ġurisprudenza Association Vent De Colère! et ( 98 ).

135.

Il-pjan tal-iskema ta’ għajnuna kien il-leġiżlatur Ġermaniż li stabbilixxih, u għalhekk din ma hijiex sitwazzjoni paragunabbli għal dik tas-sentenza Doux Élevage ( 99 ). Barra minn hekk, dawn l-ammonti għandhom destinazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur stess (l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku EEG) u l-użu tagħhom ma huwiex deċiż fid-diskrezzjoni tal-ĠNT ( 100 ).

136.

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ġermaniż u l-kumpanniji rikorrenti, il-każ ikkunsidrat hawn ma huwiex paragunabbli ma’ dak tas-sentenza PreussenElektra. F’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-possibbiltà, ipprovduta fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li l-kumpanniji li jipproduċu elettriku minn sorsi rinnovabbli jbigħuh bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq ma kinitx tinvolvi l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat. Id-differenzi bażiċi bejn iż-żewġ kawżi huma, fil-fehma tiegħi, dawn li ġejjin:

Fi PreussenElektra, il-kumpanniji privati ma kinux obbligati mil-liġi li jamministraw ir-riżorsi tal-Istat, iżda kellhom l-obbligu li jixtru l-enerġija billi jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess ( 101 ). Għall-kuntrarju, l-obbligu tar-remunerazzjoni addizzjonali tal-produtturi tal-elettriku EEG, li huwa r-responsabbiltà tal-ĠNT ma jiġix issodisfatt permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda permezz tas-sovrataxxa tal-EEG, li l-ammont tagħha huwa allokat esklużivament għall-finanzjament tas-sistemi ta’ appoġġ u ta’ kumpens implementati mil-Liġi tal-EEG 2012.

Fil-mekkaniżmu kkunsidrat fi PreussenElektra, ma kienx hemm sistema ta’ kumpens, filwaqt li, permezz tal-Liġi tal-EEG 2012, l-Istat jiggarantixxi lill-operaturi privati li jipproduċu elettriku ekoloġiku il-kopertura sħiħa tal-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu u jippermetti li dawn jitħallsu bis-sħiħ mill-konsumaturi.

Il-Liġi tal-EEG 2012 tistabbilixxi s-sovrataxxa tal-EEG (bil-limitazzjoni għal ċerti kumpanniji enerġivori fis-settur tal-manifattura) filwaqt li tikkunsidra l-impatt b’effett ta’ kaskata tagħha, assigurata mill-ĠNT, b’tali mod li l-ammont globali tagħha jkun imħallas de facto mill-konsumaturi fil-fatturi tagħhom u jirċevuh il-produtturi tal-elettriku tal-EEG. Din iċ-ċirkustanza, għall-kuntrarju, ma kinitx preżenti fil-kawża PreussenElektra.

137.

Dawn il-karatteristiċi tas-sistema tal-kawża jwasslu sabiex ma tistax tiġi kklassifikata bħala sempliċi mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ minimu ta’ prodott (elettriku tal-EEG) bejn kumpanniji privati, fis-sens tas-sentenzi PreussenElektra u Van Tiggele. Għall-kuntrarju, hija skema iktar globali ta’ promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli li l-produtturi tagħhom jingħataw garanzija ta’ fluss ta’ riżorsi tal-Istat, li jkunu ġejjin finalment mill-konsumaturi finali, li jamministraw b’mod ċentrali l-ĠNT taħt il kontroll u l-monitoraġġ ta’ tliet awtoritajiet Ġermaniżi, jiġifieri, il-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, iktar ’il quddiem “BNetzA”), il-BAFA u l-Umweltbundesamt (l-Aġenzija għall-Ambjent). Se nirreferi għal dawn il-kompiti iktar tard.

2) L-obbligu legali tal-ĠNT li jamministraw is-sovrataxxa tal-EEG u t-tnaqqis tagħha għall-kumpanniji enerġivori

138.

Il-Gvern Ġermaniż u l-kumpanniji rikorrenti jiċħdu, kuntrarjament għall-evalwazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni 2015/1585, li t-l-ĠNT ġew innominati kollettivament sabiex jamministraw riżors tal-Istat. Fl-opinjoni tiegħu, l-operaturi differenti affettwati mil-Liġi tal-EEG 2012, l-istess bħall-bqija tal-aġenti ekonomiċi, huma limitati sabiex iħallsu bejniethom il-krediti privati li jirriżultaw mid-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni. B’hekk, issir distinzjoni mill-korpi pubbliċi jew privati li l-intervent tagħhom fil-mekkaniżmi ta’ għajnuna għall-elettriku tal-EEG ġie analizzat fis-sentenza Association Vent De Colère! et.

139.

Għall-kuntrarju, jiena naħseb li l-ĠNT huma neċessarjament obbligati jamministraw is-sovrataxxa tal-EEG (inkluż it-tnaqqis tagħha għal kumpanniji enerġivori) abbażi tad-dmir impost mil-Liġi tal-EEG 2012, fejn isiru l-punt fokali tal-funzjonament tas-sistema ta’ appoġġ għall-elettriku EEG. Dan huwa dedott mill-funzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 34 sa 39 tal-Liġi tal-EEG 2012 ( 102 ).

140.

Is-sovrataxxa tal-EEG tirriżulta f’riżorsi allokati għal finijiet li ġew iddefiniti preċedentement u esklużivament mil-leġiżlatur Ġermaniż, li l-ġbir tagħhom jeħtieġ l-intervent ta’ ċerti intermedjarji, responsabbli għall-ġbir u l-ġestjoni tagħhom. Dawn l-ammonti huma suġġetti għal kontabbiltà separata, u ma humiex inklużi fil-baġit ġenerali tal-ĠNT u lanqas ma jitħallew għad-diskrezzjoni tagħhom. Il-ĠNT huma ġustament responsabbli, bis-saħħa ta’ mandat tal-Istat, sabiex jiffaċilitaw il-fluss finanzjarju mill-konsumaturi finali għall-produtturi, fil-qafas ta’ obbligu li ġie legalment impost fuqhom. Għaldaqstant, huma ma jħallsux krediti privati, iżda jamministraw, taħt is-superviżjoni mill-Istat, sovrataxxa li n-natura tagħha hija ta’ dritt pubbliku.

3) Il-kontroll tal-awtoritajiet Ġermaniżi fuq is-sovrataxxa tal-EEG

141.

Il-Gvern Ġermaniż u l-kumpanniji rikorrenti jargumentaw li s-setgħat tal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari l-BNetzA u l-BAFA, huma wisq limitati sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll sostanzjali fuq is-sovrataxxa tal-EEG (u, għalhekk, fuq il-limitazzjoni favur il-kumpanniji enerġivori). Skont il-Ġermanja, ir-regoli tal-Liġi tal-EEG 2012 fir-rigward tal-metodu għall-kalkolu tas-sovrataxxa, ir-rekwiżiti tat-trasparenza, kif ukoll is-superviżjoni mwettqa mill-BNetzA, huma mmirati biss lejn il-prevenzjoni ta’ arrikkiment inġust minn wieħed mill-operaturi privati tul il-linja tal-ħlas.

142.

Madankollu, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jissorveljawx biss il-legalità tal-azzjonijiet tal-operaturi involuti fil-ġbir tas-sovrataxxa tal-EEG iżda wkoll, jekk meħtieġ, jimponu multi (BNetzA) jew jivverifikaw id-dritt ta’ kumpannija enerġivora li tibbenefika minn tnaqqis fis-sovrataxxa (BAFA). Il-kontroll u s-superviżjoni amministrattiva tas-sovrataxxa EEG, fil-fehma tiegħi, huma innegabbli.

143.

B’mod speċifiku, skont l-Artikolu 61 tal-EEG 2012, il-BNetzA, fil-kuntest tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza tagħha, għandha tivverifika li l-ĠNT ibigħu l-elettriku EEG b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-istess liġi, kif ukoll li jiddeterminaw, jistabbilixxu, jippubblikaw u jiffatturaw lill-fornituri tal-elettriku bis-sovrataxxa tal-EEG, filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti legali u regolamentari. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu 48 tal-Liġi tal-EEG 2012, il-ĠNT jissottomettu lill-BNetzA d-data użata għall-mekkaniżmu ta’ kumpens ( 103 ).

144.

Il-BNetzA għandha setgħat ta’ infurzar u kompiti relatati mal-entrati differenti ta’ dħul u nefqa li l-ĠNT huma permessi li jinkludu fil-kalkolu tas-sovrataxxa tal-EEG. Dik l-aġenzija tista’ tadotta deċiżjonijiet ta’ infurzar sabiex tikkoreġi l-livell ta’ sovrataxxa tal-EEG, u timponi multi fuq l-operaturi involuti fis-sistema, bil-għan li tinforza l-Liġi tal-EEG 2012.

145.

Fir-rigward tal-kumpanniji enerġivori, l-azzjoni amministrattiva hija importanti bl-istess mod: dawn il-kumpanniji għandhom jipprovdu lill-Ministeru kompetenti l-informazzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jivverifika jekk l-għanijiet segwiti taħt l-Artikolu 40 tal-Liġi tal-EEG 2012 humiex jiġu ssodisfatti. Il BNetzA għandha tiżgura li s-sovrataxxa tal-EEG titnaqqas biss għal fornituri tal-elettriku li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 39 tal-Liġi tal-EEG 2012. Barra minn hekk, il-BAFA tiddeċiedi jekk il-kumpanniji enerġivori li jkunu talbuha humiex intitolati li jħallsu biss sovrataxxa tal-EEG limitata, liema deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati Ġermaniżi amministrattivi u mhux ċivili.

146.

Fid-dawl ta’ din il-lista, li ma hijiex eżawrjenti, tas-setgħat ta’ superviżjoni u kontroll tal-awtoritajiet Ġermaniżi fuq ir-riżorsi miġbura permezz tas-sovrataxxa tal-EEG, ma narax li hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi deċiż li d-Deċiżjoni 2015/1585 hija invalida minħabba tikkonferma li dawn ir-riżorsi huma taħt il-kontroll ta’ dawk l-awtoritajiet tal-Istat.

147.

Għalhekk, jiena naħseb li l-limitazzjoni tas-sovrataxxa tal-EEG kif applikata fuq il-kumpanniji rikorrenti, tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat favur tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

V. Konklużjoni

148.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Tiddikjara inammissibbli d-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja).

2)

Sussidjarjament, tiddeċiedi li, f’dan il-każ, ma kienx hemm elementi li jippermettu d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1585 tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) [implementata mill-Ġermanja għall-appoġġ tal-elettriku rinnovabbli u tal-utenti li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija], f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis, favur ċerti kumpanniji li jagħmlu użu estensiv mill-enerġija elettrika, tas-sovrataxxa ġenerali stabbilita mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Użajt dan in-neoloġiżmu, li ġej mit-terminoloġija Taljana, fil-konklużjonijiet tal-kawża IRCCS – Fondazione Santa Lucia (C‑189/15, EU:C:2016:287). Għalkemm l-iskema Taljana suġġetta għal dik ir-referenza preliminari kellha karatteristiċi simili għal din, f’dak il-każ ma kienx hemm problemi fir-rigward tal-kwalifika tagħha bħala għajnuna mill-Istat.

( 3 ) ĠU 2015, L 250, p. 122; iktar ’il quddiem, “Deċiżjoni 2015/1585”.

( 4 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑47/15, EU:T:2016:281). Il-Gvern Ġermaniż ippreżenta appell kontra din is-sentenza li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑405/16 P, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni).

( 5 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, C-188/92, iktar ’il quddiem, is-“sentenza TWD, EU:C:1994:90.

( 6 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, (C‑379/98, EU:C:2001:160).

( 7 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C-262/12, EU:C:2013:851).

( 8 ) Liġi li tistabbilixxi regolament ġdid tal-kuntest ġuridiku għall-promozzjoni tal-elettriku ġġenerat minn enerġiji rinnovabbli, tat-28 ta’ Lulju 2011, (BGBl. 2011 I, p. 1634; iktar ’il quddiem, il-“Liġi EEG 2012”).

( 9 ) BGBl. I 2009, p. 2101.

( 10 ) BGBl. I 2012, p. 1754.

( 11 ) BGBl. I 2010, p. 134.

( 12 ) BGBl. I 2013, p. 310.

( 13 ) Għajnuna mill-Istat — il-Ġermanja — Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) — Appoġġ għal elettriku minn sorsi rinnovabbli u sovrataxxa tal-EEG mnaqqsa għal konsumaturi kbar tal-enerġija — Stedina sabiex jiġu sottomessi osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 37, p. 73).

( 14 ) Kawżi tad-9 ta’ Ġunju 2015, Stahlwerk Bous vs Il-Kummissjoni (T‑172/14 mhux ippubblikat, EU:T:2015:402); WeserWind vs Il-Kummissjoni (T‑173/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:416); Dieckerhoff Guss vs Il-Kummissjoni (T-174/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:415); Walter Hundhausen vs Il-Kummissjoni (T‑175/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:423); Georgsmarienhütte vs Il‑Kummissjoni (T‑176/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:414); Harz Guss Zorge vs Il-Kummissjoni (T‑177/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:395); Friedrich Wilhelms-Hütte Eisenguss vs Il-Kummissjoni (T‑178/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:409); Schmiedewerke Gröditz vs Il-Kummissjoni (T‑179/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:401); u Schmiedag vs Il-Kummissjoni (T‑183/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:396).

( 15 ) Digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2015, WeserWind vs Il-Kummissjoni (T‑173/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:416); Dieckerhoff Guss vs Il-Kummissjoni (T‑174/14, mhux ippubblikat EU:T:2015:415); Walter Hundhausenvs Il-Kummissjoni (T‑175/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:423); Friedrich Wilhelms-Hütte Eisenguss vs Il-Kummissjoni (T‑178/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:409); Schmiedewerke Gröditz vs Il-Kummissjoni (T‑179/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:401).

( 16 ) Digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2015, Stahlwerk Bous vs Il-Kummissjoni (T‑172/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:402); Georgsmarienhütte vs Il-Kummissjoni (T‑176/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:414); Harz Guss Zorge vs Il-Kummissjoni (T‑177/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:395); u Schmiedag vs Il-Kummissjoni (T‑183/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:396.

( 17 ) Id-digriet tad-9 ta’ Ġunju 2015, Georgsmarienhütte vs Il-Kummissjoni (T‑176/14, EU:T:2015:414), punt 24. Fit-tliet digrieti l-oħrajn hemm punt identiku.

( 18 ) Kawżi T‑103/15, T‑108/15, T‑109/15, T‑294/15, T‑319/15, T‑605/15, T‑737/15, T‑738/15 u T‑743/15.

( 19 ) Kawża T‑47/15, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni.

( 20 ) Għalkemm il-Gvern Ġermaniż kien ikkontesta d-Deċiżjoni 2015/1585 quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni kien tal-fehma li dan kellu jimplementaha, minħabba n-natura vinkolanti tagħha, skont l-Artikolu 288 TFUE, u li għajnuna li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni mogħtija permezz ta’ att amministrattiv għandha tiġi rrevokata, mingħajr ma jkun hemm aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju, skont l-Artikolu 48(2) tal-Liġi (Ġermaniża) dwar il-proċedura amministrattiva.

( 21 ) Digriet tat-18 ta’ April 2013, Andiamix (C‑368/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:257), punti 2122.

( 22 ) Artikolu 267 TFUE. Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 23 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452), punti 1415. Ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10), punti 2730; u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625), punt 95.

( 24 ) Sentenza TWD, punt 17.

( 25 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), punt 70, li tiċċita s-sentenza TWD, punt 18, u dik tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101). Skont il-punt 70 tagħha “[…] talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ att tal-Unjoni tista’ tiġi miċħuda biss fil-każ fejn, għalkemm ir-rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni kien manifestament ammissibbli, il-persuna fiżika jew ġuridika li setgħet tippreżenta tali rikors naqset milli tagħmel dan fit-terminu stabbilit u invokat l-illegalità ta’ dan l-att fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali sabiex twassal lill-qorti nazzjonali tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni dwar il-validità tal-att imsemmi, u b’hekk taħrab min-natura definittiva li għandu fir-rigward tagħha l-att imsemmi wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors”.

( 26 ) Sentenza TWD, punt 16: “[i]t-termini ta’ rikors [huma] intiżi sabiex iħarsu ċ-ċertezza legali billi jevitaw l-ikkontestar b’mod indefinittiv tal-atti Komunitarji [li] għandhom effetti ta’ dritt”. Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo, (C‑178/95, EU:C:1997:46), punt 19 u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C 239/99, EU:C:2001:101), punt 29”.

( 27 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union (C‑241/01, EU:C:2002:604), punt 36.

( 28 ) Sentenza TWD, punt 18: “[…] li jiġi ammes li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-peruna interessata tista’ topponi, quddiem il-qorti nazzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq l-illegalità tagħha jwassal sabiex tiġilha rikonoxxuta l-possibbiltà li tevita n-natura definittiva li għandha fil-konfronti tagħha d-deċiżjoni wara li jkun skada it-terminu għal preżentata ta’ rikors”. F’dan l-istess sens, ara s-sentenzi sussegwenti tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), punt 30; tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), punt 41; u tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151), punti 2830.

( 29 ) Sentenzi TWD, punti 17 sa 25; tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo (C‑178/95, EU:C:1997:46), punti 15 sa 25; u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), punti29 sa 40.

( 30 ) Il-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minħabba t-Trattat ta’ Lisbona, kellu l-iskop li jsaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti tal-Unjoni, billi jiġu estiżi l-kriterji għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament li jaffettwaw direttament lill-individwi u ma jinkludux miżuri ta’ infurzar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-estensjoni tal-kriterji tal-ammissibbiltà ma tinvolvix l-eliminazzjoni tal-eċċezzjoni TWD. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368); u tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202), li l-punt 69 tiegħu jipprovdi: “din l-estensjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ma għandhiex bħala konsegwenza l-impossibbiltà li tiġi kkontestata l-validità ta’ att tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali minħabba li rikors għal annullament li wieħed mill-partijiet ikun ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx ċertament ammissibbli”.

( 31 ) Dawn ir-restrizzjonijiet ma jeżistux meta l-parti fil-kawża huwa Stat Membru, li dejjem ikollu locus standi sabiex jippreżenta rikors għal annullament.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punti 30 sa 34); tat-8 ta’ Marzu 2007, Roquette Frères, C‑441/05, EU:C:2007:150, punti 35 sa 48); tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punti 37 sa 52; tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 24 sa 38; tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punti 27 sa 32); tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 57); u tat-14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 71 sa 75).

( 33 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151), fil-punt 30 tagħha, tiddikjara li l-eċċezzjoni TWD “eċċezzjoni […] tapplika biss fir-rigward ta’ parti li tinvoka l-illegalità ta’ att tal-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali minkejja li din setgħet – mingħajr ebda dubju – tippreżenta rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE kontra dan l-att, iżda naqset li tagħmel dan fit-termini prefissi. Konsegwentement, il-fatt li l-Estado Português, li ma jikkontestax il-legalità tad-Deċiżjoni 2011/346 quddiem il-qorti nazzjonali, ma ppreżentax rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tad-domandi relatati mal-validità tal-imsemmija deċiżjoni”.

( 34 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/346/UE tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, ex CP 191/09) implementata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP (ĠU 2011, L 159, p. 95).

( 35 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (T‑487/11, EU:T:2014:1077).

( 36 ) Il-kawża kienet tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ kreditu mill-Istat Portugiż fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ BPP, għal ammont ta’ EUR 24462 921.24, flimkien mal-interessi akkumulati, li jikkorrispondi għall-ammont tal-irkupru tal-għajnuna allegatament illegali, mogħtija lil BPP, li l-Istat kien iggarantilha self ta’ EUR 450 miljun.

( 37 ) Din il-konklużjoni wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8), punti 7274, sabiex tipprovdi li d-domanda preliminari saret mill-qorti nazzjonali motu proprio u mhux fuq talba ta’ xi parti fil-proċedura nazzjonali li kellha l-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma għamlet dan. L-Avukat Ġenerali Jacobs żied fil-konklużjonijiet tiegħu (C‑222/04, EU:C:2005: 655), punt 63, li “f’din il-kawża ma hemmx il-potenzjal ta’ abbuż tal-proċedura minn parti f’kawża li setgħet ikkontestat id-Deċiżjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda ma għamlitx dan, li fil-fehma tiegħi huwa l-qofol tad-duttrina fis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf.”

( 38 ) Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tista’ tapplika l-eċċezzjoni TWD hi stess sabiex ma tagħmilx domanda. Fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434), punt 56, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-qorti tar-rinviju ġustament irrifjutat li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Deċiżjoni 90/555, deċiżjoni li Lucchini setgħet tikkontesta fi żmien xahar li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar skond l-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA, ħaġa li m’għamlitx.”

( 39 ) Barav, A., “Déviation préjudicielle”, f’Le renvoi préjudiciel dans le droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2011, p. 217-282; Ritleng, D., “Pour une systématique des contentieux au profit d’une protection juridictionnelle effective”, Mélanges en hommage à Guy Isaac, 50 ans de droit communautaire, Presses de l’Université des sciences sociales de Toulouse, 2005, volum 2, p. 735; Martínez Capdevila, C., “The action for annulment, the preliminary reference on validity and the plea of illegality: Complementary or alternative means?”, f’Yearbook of European Law, 2006, vol. 25, p. 451; Schwensfeier, R., “The TWD principle post-Lisbon”, European Law Review 2012, p. 156.

( 40 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), punt 29 u ġurisprudenza ċċitata.

( 41 ) Sentenza TWD, punt 16.

( 42 ) Id-digriet tas-6 ta’ Ottubru 2017, Greenpeace Energy vs Il-Kummissjoni (C‑640/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:752), punti 61 sa 63, jiddikjara li l-individwi li ma humiex direttament u individwalment affettwati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat jistgħu jikkontestaw il-validità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali u jħeġġiġhom jużaw il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari. Għalhekk, għandu jiġi dedott li d-domanda preliminari ta’ evalwazzjoni tal-validità għandha natura sussidjarja meta mqabbla mar-rikors għal annullament u li dan huwa dak xieraq sabiex l-individwi kkonċernati direttament u individwalment jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

( 43 ) L-Avukat Ġenerali Jacobs enfasizza dan fil-konklużjonijiet tiegħu TWD (C‑188/92, EU:C:1993:358), punti 17 sa 20.

( 44 ) Il-Kummissjoni tagħti eżempji ta’ deċiżjonijiet ta’ politika kummerċjali (antidumping), il-miżuri restrittivi, l-atti dwar kwistjonijiet ambjentali, kimiċi u mediċi, kif ukoll dawk adottati fil-kuntest tal-politiki agrikoli u tas-sajd.

( 45 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja fir-Rakkomandazzjonijiet tagħha lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2016/C‑439/01), “huwa meħtieġ li d-deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari tittieħed fi stadju tal-proċedura li fih il-qorti tar-rinviju tkun f’pożizzjoni li tiddefinixxi, bi preċiżjoni suffiċjenti, il-kuntest legali u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-kwistjoni legali mqajma minnha”.

( 46 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/KEFA, KEE, Euratom tal-24 ta’ Ottubru 1988 li tistabbilixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181), premessi 3 u 4.

( 47 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssolvi l-istess kwistjoni fil-mertu (jekk it-tnaqqis tas-sovrataxxa tal-EEG għall-kumpanniji enerġivori huwiex għajnuna mill-Istat) f’żewġ kawżi differenti u f’sitwazzjonijiet proċedurali differenti: a) f’din id-domanda preliminari; u b) fl-appell tal-Ġermanja mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li kkonfermat il-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (Kawża C‑405/16 P). Jekk, kif naħseb, Georgmarienhütte u tliet kumpanniji oħra kellhom locus standi manifesta sabiex jippreżentaw rikors għal annullament, il-duwalità tal-mezzi proċedurali ma tiffunzjonax tajjeb. L-eċċezzjoni TWD telimina dan il-funzjonament ħażin u tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-legalità tad-Deċiżjoni 2015/1585 biss fil-kuntest tal-appell kontra d-deċiżjoni pilota tal-Qorti Ġenerali (li ssospendiet is-sentenza fir-rikorsi għal annullament l-oħrajn, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kwistjoni fl-appell).

( 48 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101).

( 49 ) Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni (C‑386/96 P, EU:C:1998:193), punt 43; u tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina NV (C‑519/07, EU:C:2009:556), punt 48.

( 50 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311), punt 51, li tiċċita s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, (25/62, EU:C:1963:17; u tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, (C‑456/13 P, EU:C:2015:284), punt 63.

( 51 ) Ibidem, punt 53, li tiċċita s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59.

( 52 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570), punt 33; u tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07, EU:C:2009:556), punt 53.

( 53 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Italia u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, (C‑15/98 u C‑105/99, EU:C:2000:570), punt 34; tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07 P, EU:C:2009:556), punt 54; u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368), punti 5356.

( 54 ) Digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2015, Stahlwerk Bous vs Il-Kummissjoni (T‑172/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:402); Georgsmarienhütte vs Il-Kummissjoni, (T‑176/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:414); Harz Guss Zorge vs Il-Kummissjoni, (T‑177/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:395); u Schmiedag vs Il-Kummissjoni, (T‑183/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:396).

( 55 ) Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2015, Georgsmarienhütte vs Il-Kummissjoni (T‑176/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:414), punt 24. Fit-tliet digrieti l-oħrajn hemm paragrafu identiku.

( 56 ) Il-Qorti Ġenerali kienet talbet lill-Kummissjoni, fl-10 ta’ Diċembru 2014, sabiex tippreżenta t-test tad-Deċiżjoni 2015/1585, għall-għarfien tal-kumpanniji rikorrenti, li ngħataw aċċess għaliha fis-6 ta’ Jannar 2015. Il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet, fl-istess jum, sabiex jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Ara d-digriet tad-9 ta’ Ġunju 2015, Georgsmarienhütte vs Il-Kummissjoni (T‑176/14, EU:T:2015:414), punti 13 sa 16.

( 57 ) Waqt is-seduta ġie kkonfermat ukoll li l-kumpanniji rikorrenti setgħu jaċċedu għal verżjoni mhux kunfidenzjali, bl-Ingliż, tad-Deċiżjoni 2015/1585, ippubblikata f’Diċembru 2014 fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni.

( 58 ) Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 59 ) Sentenza TWD, punt 18.

( 60 ) Digriet tat-18 ta’ April 2013, C‑368/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:257.

( 61 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brand et (C‑547/14, EU:C:2016:325), punt 48.

( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 23; id-digriet tat-18 ta’ April 2013, Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257), punt 24; u s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brand et (C‑547/14, EU:C:2016:325), punt 49.

( 63 ) Digriet tat-18 ta’ April 2013, Adiamix (C‑368/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:257), punt 25.

( 64 ) Paġna 11 tad-digriet tar-rinviju.

( 65 ) Sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97), punt 18; tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, EU:C:2004:448), punt 33; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 15; tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), punt 17; tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), punt 40; tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496), punt 38; u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punt 17.

( 66 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94 (EU:C:1996:285), punt 60; tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑342/96, EU:C:1999:210), punt 41; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), punt 79; tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), punt 20; u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496), punt 65.

( 67 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, ECLI:EU:C:1994:100), punt 13; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467), punt 25; tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑6/97, EU:C:1999:251), punt 15; tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C‑172/03, EU:C:2005:130), punt 36; u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496), punt 66.

( 68 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C‑172/03, EU:C:2005:130), punt 54 u ġurisprudenza ċċitata.

( 69 ) Il-Kummissjoni, “Energy Prices and Costs in Europe”, SWD(2014) 20 finali, Anness III. Id-data tal-Eurostat meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2015/1585 kienet turi li l-prezzijiet tal-elettriku fil-Ġermanja għall-klijenti industrijali kienu fit-tmien pożizzjoni l-iktar baxxa tal-Unjoni u għall-konsumaturi kienu iktar baxxi mill-medja tal-Unjoni.

( 70 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235), punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 71 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262), punti 4243; tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525), punt 19; tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551), punt 62; tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550), punti 49 et seq; u tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), punt 48.

( 72 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550), punti 6970; tas-6 ta’ Settembru 2006, II-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511), punt 81; tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑279/08 P, EU:C:2011:551); tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757); u tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525), punt 27 et seq.

( 73 ) Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1).

( 74 ) Premessa 215 tad-Deċiżjoni 2015/1585.

( 75 ) Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), punt 24; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 16; u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C 329/15, EU:C:2017:671), punt 20.

( 76 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni Stardust Marine (C‑482/99, EU:C:2002:294), punt 24.

( 77 ) Sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 18; u tas-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punt 22; u d-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás (C‑275/13, EU:C:2014:2314, punt 23).

( 78 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punt 62.

( 79 ) Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Viscido et (C‑52/97, C‑53/97 u C‑54/97, EU:C:1998:209), punti 1314; u tat-30 ta’ Novembru 1993, Kirsammer-Hack (C‑189/91, EU:C:1993:907), punti 1718.

( 80 ) Sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, EU:C:1977:52), punt 21; tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punt 58; u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punt 23.

( 81 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, Stardust Marine (C‑482/99, EU:C:2002:294), punt 23.

( 82 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, EU:C:1977:52), punt 22.

( 83 ) Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni Stardust Marine (C‑482/99, EU:C:2002:294), punt 37; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), punt 70; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 21; u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punt 25.

( 84 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013 (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 25; u tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71), punt 35.

( 85 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, EU:C:2004:448), punt 41. F’din il-kawża, fir-rigward tal-finanzjament ta’ kampanja ta’ reklamar favur l-ottiċi, ir-riżorsi sabiex jitħallas dan ir-reklamar inġabru minn kumpanniji privati, permezz ta’ korporazzjoni professjonali taħt il-liġi pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li kienu “riżorsi tal-Istat”, minħabba li din il-korporazzjoni “qatt ma [kellha] l-poter li [tuża] kif trid” l-imposti, “destinati speċifikament għall-finanzjament tal-[…] kampanja [ta’ reklamar]”.

( 86 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348), punt 36. F’din il-kawża, dwar ordni li estendiet għall-professjonisti kollha ftehim konkluż fi ħdan organizzazzjoni professjonali (fergħa agrikola tal-produzzjoni u t-trobbija tad-dundjani) li biha ġiet stabbilita kwotazzjoni sabiex tiffinanzja ishma komuni, deċiża minn dik l-organizzazzjoni msemmija, l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat ma ġietx innotata. L-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux jużaw b’mod effettiv ir-riżorsi minn kontribuzzjonijiet bħal dawn sabiex jappoġġjaw lil ċerti kumpanniji, riżorsi li l-użu tagħhom kien jiġi deċiż mill-organizzazzjoni interprofessjonali għall-finijiet iddeterminati minnha. Dawn ir-riżorsi ma kinux kontinwament taħt kontroll pubbliku jew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat.

( 87 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 1978, Van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10), punti 2526.

( 88 ) Sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), punt 74; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 35; u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punt 26.

( 89 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), punti 59 sa 62. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, ECLI:EU:C:2009:124), punti 43 sa 47, dwar kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti fuq ix-xandara favur produzzjoni tal-films li ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

( 90 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), punti 27 sa 30. L-awtorità Pollakka kompetenti awtorizzat it-tariffi massimi tal-bejgħ tal-elettriku lill-utenti finali b’tali mod li l-oneru finanzjarju li jirriżulta minn dan l-obbligu ta’ xiri ma setax sistematikament jingħadda mill-impriżi fuq l-utenti finali. Għaldaqstant, f’ċerti ċirkustanzi, il-fornituri tal-elettriku kienu jiksbu l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bi prezz ogħla minn dak applikat fil-kuntest tal-bejgħ lill-utenti finali, u dan iwassal għal spiża addizzjonali għalihom. L-impossibbiltà ta’ impatt sħiħ tal-ispiża addizzjonali fuq il-konsumatur finali, fil-kontribuzzjoni obbligatorja imposta mill-Istat Membru sabiex tiffinanzjah, jew saħansitra mekkaniżmu għall-kumpens sħiħ, wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kumpanniji tal-provvista ma kinux maħturin mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, iżda li ffinanzjaw l-obbligu ta’ xiri li jaqa’ fuqhom bir-riżorsi tagħhom stess.

( 91 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord (C‑206/06, EU:C:2008:413), punti 69 sa 75.

( 92 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent de Colère et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punti 2526.

( 93 ) Digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014 (C‑275/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2314), punt 20.

( 94 ) Ibidem, punti 30 u 31. Din tal-aħħar tista’ tkun rilevanti sabiex tingħeleb l-oġġezzjoni (imsemmija fil-premessa 116 tad-Deċiżjoni 2015/1585) li tgħid li “s-soprataxxa tal-EEG ma kinitx tikkostitwixxi kontribuzzjoni speċjali (Sonderabgabe) (Sonderabgabe) skont it-tifsira tal-liġi kostituzzjonali Ġermaniża, minħabba li r-rikavati mis-soprataxxa tal-EEG ma kinux allokati għall-baġit tal-Istat u minħabba li l-awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx il-fondi għad-dispożizzjoni tagħhom, lanqas indirettament”.

( 95 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs TV2 Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836), punti 5963. F’din il-kawża, żewġ kumpanniji pubbliċi (TV2 Reklame u Fondo TV2) ġew maħluqa, ikkontrollati u inkarigati sabiex jamministraw id-dħul mill-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar ta’ kumpannija pubblika oħra (TV2/Danmark) mill-Istat Daniż. Dan id-dħul kien dejjem taħt il-kontroll u għad-dispożizzjoni tal-Istat, li l-Ministeru tal-Kultura tiegħu kellu l-possibbiltà li jiddeċiedi li dawn kellhom jintużaw għal skopijiet oħra, differenti mit-trasferiment tagħhom għall-Fondo TV2.

( 96 ) Sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413); u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851); id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás (C‑275/13, EU:C:2014:2314); u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2014, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (T‑251/11, EU:T:2014:1060).

( 97 ) Dan huwa ddikjarat fil-premessa 54 tad-Deċiżjoni 2015/1585: “l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Konsumaturi tal-Enerġija (Bund der Energieverbraucher), li għall-ewwel kienet ilmentat mal-Kummissjoni dwar l-Att tal-EEG 2012, saħqet li t-tnaqqis fis-soprataxxa tal-EEG jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, […] lill-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija u li jagħmel ħsara lil dawk l-intrapriżi u konsumaturi Ġermaniżi li jkollhom iħallsu soprataxxa tal-EEG ogħla mingħajr ma jibbenefikaw minn tnaqqis simili.”

( 98 ) Sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 25; u tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), punt 70; u d-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás (C‑275/13, EU:C:2014:2314), punt 32.

( 99 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348).

( 100 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403), punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 101 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851), punt 35.

( 102 ) Skont il-premessa 106 tad-Deċiżjoni 2015/1585, il-ĠNT għandhom:

“jixtru l-elettriku EEG prodott fiż-żona tagħhom, jew direttament mingħand il-produttur meta jkun direttament konness mal-linja ta’ trażmissjoni jew inkella mingħand l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSOs) b’tariffi garantiti jew iħallsu l-primjum tas-suq. Dan iwassal biex kemm l-elettriku EEG, kif ukoll il-piż finanzjarju tal-appoġġ ipprovdut mill-Att tal-EEG 2012 jiġu ċentralizzati fil-livell ta’ kull wieħed mill-erba’ TSOs,

japplikaw il-privileġġ tal-elettriku ekoloġiku għall-fornituri li jistaqsu għalih u jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti f’§ 39(1) tal-Att tal-EEG 2012,

jaġġustaw bejniethom l-ammont ta’ elettriku EEG sabiex kull wieħed minnhom ikun jista’ jixtri l-istess proporzjon ta’ elettriku EEG,

ibigħu l-elettriku EEG fis-suq spot skont ir-regoli definiti fl-Att tal-EEG 2012 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu, ħaġa li jistgħu jagħmlu b’mod konġunt,

jikkalkolaw b’mod konġunt l-elettriku EEG, li għandu jkun l-istess għal kull kWh ikkonsmat fil-Ġermanja, bħala d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku EEG u n-nefqa marbuta max-xiri tal-elettriku EEG,

jippubblikaw b’mod konġunt is-soprataxxa tal-EEG f’format speċifiku fuq sit elettroniku konġunt,

jippubblikaw ukoll l-informazzjoni aggregata dwar l-elettriku EEG,

iqabblu s-soprataxxa tal-EEG imbassra ma’ dik li suppost kien hemm fil-verità f’sena partikolari u jadattaw is-soprataxxa għas-sena ta’ wara,

jippubblikaw il-previżjonijiet għal bosta snin bil-quddiem,

jippubblikaw il-previżjonijiet għal bosta snin bil-quddiem,

iżommu (kull wieħed minnhom) il-flussi finanzjarji kollha (nefqa u dħul) marbuta mal-Att tal-EEG 2012 f’kontijiet bankarji separati.”

( 103 ) Skont il-premessa 39 tad-Deċiżjoni 2015/1585, BNetzA għandha tiżgura li:

“it-TSOs ibigħu fis-suq spot l-elettriku li għalih it-tariffi garantiti jitħallsu b’konformità mar-regoli applikabbli,

it-TSOs jiddeterminaw, jistabbilixxu u jippubblikaw is-soprataxxa tal-EEG kif suppost,

it-TSOs jitolbu ħlas xieraq lill-fornituri tal-elettriku għas-soprataxxa tal-EEG,

il-primjums u t-tariffi garantiti jintalbu kif suppost mill-operaturi tan-netwerk lit-TSOs.

[…]”.