IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.6.2025
COM(2025) 287 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport dwar l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew
{SWD(2025) 147 final}
1.Introduzzjoni
L-elezzjonijiet huma fil-qalba tad-demokrazija u l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma wieħed mill-akbar eżerċizzji demokratiċi fid-dinja. Huma għandhom isegwu l-ogħla standards demokratiċi.
Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024, iċ-ċittadini Ewropej eleġġew direttament 720 Membru tal-Parlament Ewropew (MEPs) minn madwar 18 400 kandidat. Bil-vot tagħhom qed jgħinu biex tinbena identità Ewropea komuni, li hija minsuġa bit-tapizzerija kulturali rikka u varjata tagħna. Persuni b’kulturi differenti, storja kumplessa u perspettivi differenti nġabru fl-istess żmien biex jartikolaw ix-xewqa tagħhom għal UE sħiħa magħmula minn 27 pajjiż. Minn kważi 360 miljun votant eliġibbli, madwar 180 miljun vot ġew mitfugħa madwar l-UE.
Il-parteċipazzjoni (50,74 %) irriflettiet mill-qrib dik tal-elezzjonijiet tal-2019, u dan wera l-vitalità kontinwa tad-demokrazija tagħna. Meta ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom, dan jiżgura li jinstema’ leħinhom u jagħtihom l-opportunità li jsawru l-aġenda politika. L-Ewropej huma konxji ħafna tal-importanza ta’ dawn l-elezzjonijiet, u l-fiduċja fid-demokrazija parlamentari Ewropea tinsab f’livell għoli mingħajr preċedent.
L-elezzjonijiet tal-2024 saru fost trasformazzjonijiet kbar li qed jiffaċċjaw id-demokraziji fl-UE u lil hinn minnha. Il-kampanji elettorali qed isiru ta’ spiss online, u l-media soċjali qed ikollha rwol dejjem aktar importanti. Kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea tal-Kummissjoni, dan ġab miegħu opportunitajiet ġodda għal interazzjonijiet diretti bejn l-atturi politiċi u l-votanti. Dan jista’ jħeġġeġ l-involviment demokratiku u huwa wkoll partikolarment effettiv f’termini tal-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika. Fl-istess ħin, il-prevalenza tal-kampanji online teżiġi wkoll it-taffija ta’ riskji speċifiċi. Hemm ħtieġa akbar li jiġu indirizzati sfidi bħal dawk maħluqa minn theddid ċibernetiku, manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin (FIMI, foreign information manipulation and interference), diżinformazzjoni jew mill-użu ħażin tat-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali (IA), minn qabel. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini juru livell għoli ta’ tħassib dwar diversi forom ta’ interferenza fl-elezzjonijiet, inkluż permezz tad-diżinformazzjoni (78 %), l-attakki ċibernetiċi (72 %) jew l-influwenza moħbija ta’ pajjiżi barranin (70 %).
Ir-responsabbiltajiet ewlenin rigward l-elezzjonijiet iġorruhom l-Istati Membri. Hija l-kompetenza u r-responsabbiltà tagħhom li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi għat-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, mal-obbligi internazzjonali u mal-liġi applikabbli tal-UE, u l-awtoritajiet u l-qrati tagħhom għandhom ir-responsabbiltà primarja li jeżerċitaw sorveljanza u jiżguraw il-konformità mar-regoli rilevanti. Għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, ċerti prinċipji u proċeduri komuni huma stabbiliti fid-dritt tal-UE, inkluż l-Att Elettorali tal-1976 u r-regoli li jippermettu liċ-ċittadini mobbli tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.
L-UE tieħu azzjoni b’appoġġ għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u dan joffri valur miżjud importanti. Mill-2019, bħala parti minn sforz usa’ għall-promozzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija, l-UE saħħet l-appoġġ tagħha għall-Istati Membri f’dan il-qasam. Inizjattivi bħal dawk taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea tal-2020, il-pakkett ta’ miżuri tal-2021 biex tissaħħaħ id-demokrazija u tiġi protetta l-integrità tal-elezzjonijiet fl-UE, u l-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija tal-2023 jipprovdu għodod ġodda biex tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika u l-elezzjonijiet fl-UE.
Bħala parti minn din il-ħidma, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2023 dwar elezzjonijiet inklużivi u reżiljenti (minn hawn ’il quddiem, “ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet”), tipprovdi pjan ta’ azzjoni importanti biex jiġu appoġġati t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet u t-tmexxija tagħhom. Hija indirizzata lill-Istati Membri, lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali, lill-fondazzjonijiet politiċi u lill-organizzazzjonijiet tal-kampanji fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjonijiet fl-UE, inkluż l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew.
Is-sett ta’ għodod tal-UE jinkludi wkoll diversi miżuri leġiżlattivi u regolatorji li huma rilevanti fil-kuntest elettorali, inkluż l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Linji Gwida tiegħu dwar il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-proċessi elettorali, ir-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-preparamenti għall-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew raw kooperazzjoni bla preċedent bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati. Fl-24 ta’ April 2024, il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill attivat l-arranġamenti tar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR, Integrated Political Crisis Response) fil-modalità ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-indħil barrani fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, li għenu fl-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE.
In-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet (ECNE, European Cooperation Network on Elections), network appoġġat mill-Kummissjoni u li jikkonsisti minn punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, organizza firxa wiesgħa ta’ sessjonijiet tematiċi dwar elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti, fejn ġew maqsuma l-aħjar prattiki u informazzjoni, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew. Kien hemm kooperazzjoni bejn l-ECNE u networks oħra tal-UE, kif ukoll involviment ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż ma’ osservaturi tal-elezzjonijiet. Barra minn hekk, ġew attivati bosta inizjattivi u strutturi ta’ kooperazzjoni, filwaqt li oħrajn ġodda qed jiġu stabbiliti biex jindirizzaw theddid bħall-FIMI, id-diżinformazzjoni, it-theddid għaċ-ċibersigurtà jew kwistjonijiet oħra li jaffettwaw l-integrità tal-elezzjonijiet. Dan jinkludi pereżempju l-Grupp ta’ Ħidma ad hoc fil-Bord Ewropew tas-Servizzi Diġitali fil-qafas tad-DSA, jew it-Taskforce ddedikata tal-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali, kif ukoll il-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet elettorali.
Il-Parlament Ewropew appoġġa b’mod attiv it-tmexxija bla xkiel tal-elezzjonijiet tal-2024, bi strateġija ta’ komunikazzjoni li tappoġġa u tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tipprovdi perspettiva Ewropea għall-elezzjonijiet. Il-Parlament Ewropew ħa wkoll miżuri speċifiċi biex jiġġieled id-diżinformazzjoni, billi ħa approċċ li jiffoka fuq il-komunikazzjoni proattiva, il-bini tar-reżiljenza, l-għarfien tas-sitwazzjoni u r-rispons rapidu, biex jiġi żgurat ambjent ta’ informazzjoni sigur għaċ-ċittadini kollha tal-UE.
Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar ir-reżiljenza demokratika u s-salvagwardja tal-proċessi elettorali mill-forom kollha ta’ ndħil barrani, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa t-tagħlimiet li għandhom jittieħdu mill-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew. F’Ġunju 2024, il-Kunsill approva wkoll Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ u l-protezzjoni ta’ dibattitu demokratiku ħieles, miftuħ u infurmat.
Il-miżuri meħuda minn kull istituzzjoni tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll il-kooperazzjoni bla preċedent bejniethom, għenu biex jiġi żgurat li l-elezzjonijiet jimxu bla xkiel b’mod ġenerali, mingħajr ebda inċident kbir, minkejja sfidi bħal żieda fid-diżinformazzjoni relatata mal-UE jew l-identifikazzjoni ta’ diversi każijiet ta’ attività tal-FIMI.
Dan ir-rapport janalizza t-tmexxija tal-elezzjonijiet tal-2024. Huwa bbażat fuq varjetà wiesgħa ta’ sorsi, inkluż stħarriġ tal-Kummissjoni rritornat mill-Istati Membri u mill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali, sejħa għal evidenza, feedback dirett miċ-ċittadini u rapporti minn osservaturi elettorali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Is-sejbiet dettaljati u ħarsa ġenerali lejn is-sorsi jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah.
2.Parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew
2.1.Parteċipazzjoni elettorali
Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2024, l-għadd globali ta’ votanti baqa’ stabbli fil-livell ta’ 50,74 %, li jikkonferma x-xejra pożittiva tal-elezzjonijiet tal-2019. Madankollu, kien hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 89,01 % fil-Belġju għal 21,35 % fil-Kroazja. Il-parteċipazzjoni żdiedet fi 15-il Stat Membru, b’żidiet b’żewġ ċifri fuq iċ-ċifri tal-2019 f’Ċipru, fl-Ungerija, fis-Slovenja u fis-Slovakkja, u żidiet sinifikanti f’pajjiżi fejn il-parteċipazzjoni qabel kienet baxxa, bħaċ-Ċekja, in-Netherlands u l-Portugall. Fl-istess ħin, il-parteċipazzjoni naqset fi 11-il Stat Membru, inkluż b’ċifri doppji fil-Greċja, fi Spanja u fil-Litwanja. Kien hemm ukoll tnaqqis sinifikanti fid-Danimarka, fl-Italja, fil-Polonja u fil-Kroazja.
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tar-rebbiegħa 2024 tal-Parlament Ewropew, li sar 3 xhur qabel l-elezzjonijiet, sab li 60 % tal-Ewropej esprimew interess fl-elezzjonijiet tal-2024. Dan kien jirrappreżenta żieda ta’ +11-il punt perċentwali meta mqabbel mal-istħarriġ tar-rebbiegħa 2019, qabel l-elezzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew. L-Ewropej indikaw ukoll li kienu konxji ħafna tal-importanza tal-elezzjonijiet fil-kuntest ġeopolitiku kurrenti. Madankollu, dan l-interess akbar ġenerali fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ma sarrafx f’parteċipazzjoni ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-2019.
L-istħarriġ ta’ wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew wera li s-suġġetti ewlenin li eventwalment immotivaw liċ-ċittadini tal-UE biex jivvutaw kienu ż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja (42 %), segwiti mis-sitwazzjoni ekonomika ġenerali (41 %). Jidher ukoll li l-votazzjoni saret drawwa demokratika għal ħafna, filwaqt li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni jista’ jiġi spjegat minn raġunijiet relatati mal-impenn politiku (bħal nuqqas ta’ fiduċja jew diżappunt bil-politika). Il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u l-livell ta’ edukazzjoni jkomplu jinfluwenzaw ukoll il-parteċipazzjoni.
2.2.Għoti ta’ informazzjoni dwar l-elezzjonijiet, l-involviment maċ-ċittadini u l-komunikazzjoni magħhom, u l-appoġġ għad-drittijiet elettorali
L-informazzjoni liċ-ċittadini u l-kuntatt magħhom fir-rigward tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet, id-drittijiet elettorali tagħhom u l-proċess elettorali applikabbli jagħtuhom is-setgħa li jagħmlu għażliet elettorali infurmati. L-awtoritajiet nazzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ħadu firxa wiesgħa ta’ inizjattivi biex jinfurmaw, jagħmlu kuntatt u jikkomunikaw qabel l-elezzjonijiet tal-2024.
Il-kampanja tal-Parlament Ewropew fittxet li tipprovdi perspettiva Ewropea għall-elezzjonijiet u turi kif taħdem id-demokrazija. Il-fażi ewlenija u finali tal-kampanja ffukat fuq is-sejħa għal azzjoni: “Uża l-vot tiegħek, jew oħrajn se jiddeċiedu għalik”. Is-sit web iddedikat “one-stop-shop” għall-elezzjonijiet tal-2024 (is-sit web tal-EE24) ipprovda informazzjoni komprensiva li tkopri l-organizzazzjoni u l-proċessi tal-votazzjoni fl-Istati Membri. Dan ġie organizzat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.
Anke l-Kummissjoni avviċinat l-elezzjonijiet tal-2024 bħala prijorità ta’ komunikazzjoni. B’rikonoxximent tal-interess kondiviż f’demokrazija reżiljenti u tar-responsabbiltà komuni għal-leġittimità demokratika tal-UE, hija kkomplementat u appoġġat l-isforzi ta’ komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew bħala parti minn sforz interistituzzjonali konġunt.
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kellha impatt kemm fuq in-naħa proattiva kif ukoll fuq in-naħa difensiva. Komunikazzjoni estensiva dwar ir-riżultati u l-benefiċċji konkreti tal-ħidma tagħha għaċ-ċittadini matul il-mandat preċedenti appoġġat il-kuxjenza ta’ xi tfisser l-elezzjoni. Il-Kummissjoni kompliet tistinka billi tat informazzjoni fattwali liċ-ċittadini dwar l-elezzjonijiet, id-drittijiet elettorali tagħhom u l-importanza tal-votazzjoni. F’dan il-kuntest, attivat in-networks tagħha u gruppi differenti ta’ multiplikaturi u għenet biex tkabbar il-Komunità “flimkien.eu għad-demokrazija” tal-Parlament Ewropew. Iż-żgħażagħ u l-votanti għall-ewwel darba kienu udjenza fil-mira importanti għall-attivitajiet fil-livell tal-UE, l-istess bħaċ-“ċittadini mobbli tal-UE” (ċittadini tal-UE li marru jgħixu fi Stat Membru ieħor biex jaħdmu, jgħixu jew jistudjaw). Il-Kummissjoni appoġġat u ppromoviet ukoll il-kampanja “Uża l-vot tiegħek” tal-Parlament Ewropew permezz tal-mezzi kollha tagħha. Il-kampanji ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni ffukaw ukoll fuq il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-FIMI, inkluża d-diżinformazzjoni, kif spjegat aktar fit-Taqsima 4.2.
|
Eżempji ta’ attivitajiet speċifiċi ta’ komunikazzjoni qabel l-elezzjonijiet
·Is-sit web tal-EE24 “one-stop-shop” kien jinkludi informazzjoni prattika, materjal għall-kampanja u helpline ddedikata miċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct tal-Kummissjoni (“EDCC”) ikkoordinat mill-qrib mas-servizz AskEP tal-PE (ara t-Taqsima 5.1 għal aktar informazzjoni dwar il-helpline).
·Il-vidjow ta’ eroj tal-kampanja li sar mill-Parlament Ewropew kiseb aktar minn 3,7 miljun impressjoni u 100 000 interazzjoni fil-pjattaformi kollha tal-media soċjali fuq il-kontijiet ċentrali tal-Kummissjoni.
·Il-kampanja kienet tinkludi wkoll kooperazzjoni bla preċedent mal-Istati Membri permezz tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, fejn ġiet rieżaminata u verifikata l-informazzjoni dwar il-proċeduri elettorali mxerrda permezz tal-kanali tal-UE. B’dan il-mod, il-votanti setgħu faċilment jiksbu informazzjoni affidabbli li ssostni d-drittijiet elettorali tagħhom.
·Il-Kummissjoni kkomplementat il-kampanja mifruxa “Uża l-vot tiegħek” b’kampanja ta’ informazzjoni mmirata għaċ-ċittadini mobbli tal-UE, li jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE jew fir-Renju Unit. Din il-kampanja tmexxiet mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u b’kollox dehret 24 miljun darba fuq żewġ mewġiet.
·Ġew attivati diversi gruppi ta’ multiplikaturi bħal influwenzaturi u ħallieqa tal-kontenut, li ġġeneraw 41 000 interazzjoni b’udjenza stmata ta’ 3 miljun persuna. Il-Kummissjoni organizzat ukoll avveniment mal-influwenzaturi matul il-kampanja ddedikata tagħha mmirata għaċ-ċittadini mobbli tal-UE.
·L-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni b’kollox laħqu 213,5 miljun ċittadin, minbarra l-media soċjali.
·Is-servizzi tal-Kummissjoni, inklużi r-Rappreżentanzi, u n-networks tal-Kummissjoni organizzaw 4 319-il avveniment b’madwar 3,5 miljun parteċipant. In-network Europe Direct waħdu kkontribwixxa bi 3 185 avveniment u 955 500 parteċipant.
·It-tixrid tal-informazzjoni kien appoġġat permezz tal-“Gwida għaċ-ċittadinanza tal-UE”.
|
Il-Kummissjoni użat il-finanzjament disponibbli biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta’ proġetti li jħeġġu liċ-ċittadini tal-UE jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku, inkluż taħt il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (Citizens, Equality, Rights and Values, CERV). Bejn l-2021 u l-2024, żewġ fergħat tas-CERV allokaw EUR 26,5 miljun għall-finanzjament ta’ 46 proġett bl-għan li jħeġġu liċ-ċittadini Ewropej jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku u jippromwovu u jtejbu l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE.
L-Istati Membri kienu involuti wkoll f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Bi tweġiba għall-istħarriġ imniedi mill-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li kienu involuti f’diversi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, billi wettqu strateġiji ta’ komunikazzjoni wiesgħa, żviluppaw kits ta’ komunikazzjoni jew programmi ta’ involviment pubbliku, jew appoġġaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini billi pprovdew helplines.
L-involviment tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE u magħhom kienu kruċjali għall-impatt tal-kampanja ta’ komunikazzjoni. Il-kampanja tal-2024 kienet sforz koeżiv u pan-Ewropew, fejn ġiet promossa l-importanza tad-demokrazija u l-votazzjoni. Ġie osservat grad ta’ kooperazzjoni bla preċedent, taħt it-tmexxija tal-Parlament Ewropew, b’total ta’ 4 487 sieħeb istituzzjonali involuti fil-promozzjoni tal-elezzjonijiet (inklużi organizzazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali). Dawn is-sħubijiet għamluha possibbli li jitwettqu kampanji diġitali konġunti u inizjattivi kondiviżi ta’ informazzjoni pubblika, u li jittieħed approċċ ikkoordinat għall-isforzi ta’ mobilizzazzjoni tal-votanti.
2.3.Parteċipazzjoni ta’ gruppi speċifiċi: iż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni b’diżabbiltà, iċ-ċittadini mobbli tal-UE u gruppi oħra
Element essenzjali ta’ demokraziji b’saħħithom huwa l-inklużjoni tal-gruppi kollha. Kull ċittadin għandu jkollu opportunità realistika biex jagħżel ir-rappreżentanti eletti tiegħu. B’mod ġenerali, l-elezzjonijiet tal-2024 baqgħu f’livell stabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużività tal-parteċipazzjoni elettorali u tal-kandidati eletti.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet stiednet lill-Istati Membri jieħdu miżuri b’appoġġ għal parteċipazzjoni wiesgħa, inkluż billi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa liċ-ċittadini. Ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi li huwa meħtieġ li l-Istati Membri u l-partiti politiċi jappoġġaw il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, bħala votanti u bħala kandidati, tal-gruppi kollha ta’ ċittadini, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi tagħhom.
Iż-żgħażagħ
B’mod ġenerali, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ma tjibitx fl-2024 meta mqabbla mal-2019. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iċ-ċittadini jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew malli jagħlqu 18-il sena. L-elezzjonijiet tal-2024 raw aktar Stati Membri jbaxxu l-età tal-vot u ppermettew liċ-ċittadini jivvutaw minn 16-il sena (il-Belġju, il-Ġermanja, Malta u l-Awstrija). Pajjiż wieħed (il-Greċja) jagħti liċ-ċittadini d-dritt li jivvutaw minn 17-il sena. Hemm ukoll differenzi fl-età minima biex wieħed joħroġ bħala kandidat.
Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2024, l-Istati Membri għamlu sforz speċjali biex iżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. 15 mill-25 Stat Membru li wieġbu għall-istħarriġ tal-Kummissjoni indikaw li għamlu enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ jew il-votanti għall-ewwel darba fir-rigward tal-promozzjoni ta’ aċċess faċli għall-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali
.
Anke l-partiti politiċi ħadu miżuri biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Minn kważi 60 partit politiku nazzjonali li wieġbu għall-istħarriġ, madwar 57 % rrapportaw b’mod espliċitu li kienu indirizzaw il-votanti għall-ewwel darba u ż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ ingħataw ukoll attenzjoni speċjali fil-kampanji ta’ komunikazzjoni interistituzzjonali.
Minkejja dawn l-isforzi, u minkejja l-fatt li qabel l-elezzjonijiet aktar minn 6 minn kull 10 (64 %) taċ-ċittadini żgħażagħ tal-UE (15–30) kienu esprimew l-intenzjoni tagħhom li jivvutaw, 36 % biss ta’ dawk li għandhom bejn 15 u 24 sena (jekk eliġibbli) u 46 % ta’ dawk li għandhom bejn 25 u 39 sena fil-fatt ivvutaw fl-elezzjonijiet tal-2024. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 6 punti perċentwali mill-2019, li jxejjen parzjalment iż-żieda ta’ 14-il punt perċentwali bejn l-2014 u l-2019.
L-età tibqa’ fattur determinanti fil-parteċipazzjoni elettorali, u l-persuni akbar fl-età għadhom aktar probabbli li jivvutaw miż-żgħażagħ. Skont l-Istħarriġ taż-Żgħażagħ ta’ Frar 2025, l-aktar raġunijiet komuni għaż-żgħażagħ li ma vvutawx fl-elezzjonijiet tal-2024 kienu impenji oħra (16 %) u li ma kellhomx biżżejjed informazzjoni biex jagħmlu għażla (16 %), segwiti min-nuqqas ta’ kandidat jew partit politiku li kien jirrappreżenta l-fehmiet tagħhom (15 %) u nuqqas ta’ fiduċja jew nuqqas ta’ sodisfazzjon ġenerali bil-politiċi u l-politika (15 %). L-età tiddetermina wkoll meta ċ-ċittadini tal-UE jiddeċiedu li jivvutaw, b’votanti żgħażagħ aktar spiss jiddeċiedu biss ftit ġimgħat jew saħansitra jiem qabel l-elezzjonijiet jekk humiex se jivvutaw jew le.
F’termini ta’ rappreżentanza (kandidati eletti), iż-żgħażagħ (taħt l-età ta’ 40 sena) għandhom biss 19,17 % tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew il-ġdid, li jsarraf f’138 Membru tal-Parlament Ewropew (MEPs), li huwa wkoll tnaqqis meta mqabbel mal-2019 meta kellhom 21 % tas-siġġijiet.
Nisa
Fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, il-parteċipazzjoni tan-nisa bħala votanti naqset bi ftit meta mqabbel mal-elezzjonijiet fl-2019 (b’punt perċentwali wieħed). Filwaqt li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew żdiedet b’aktar mid-doppju mill-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979, fl-2024 is-sehem tan-nisa naqas b’0,9 punti perċentwali, meta mqabbel mal-elezzjonijiet tal-2019. Din hi l-ewwel darba li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew naqset. In-nisa jirrappreżentaw biss 38,5 % tal-Membri tal-PE kollha. Barra minn hekk, għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ MEPs nisa eletti.
It-tweġibiet tal-Istati Membri u tal-partiti politiċi għall-istħarriġ tal-Kummissjoni żvelaw ukoll varjazzjonijiet sinifikanti fl-isforzi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-twettiq tal-elezzjonijiet tal-2024 madwar l-Istati Membri. Bħalissa, 11-il Stat Membru stabbilew kwoti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u xi wħud imorru lil hinn billi jalternaw in-nisa u l-irġiel fil-listi tal-kandidati (“zipped lists”).
Il-miżuri tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa kienu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti speċifiċi u dibattiti politiċi dwar is-suġġett, l-irbit tal-finanzjament pubbliku mal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika min-nisa, u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Il-partiti politiċi rrapportaw li ħadu diversi miżuri biex jappoġġaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħall-inkoraġġiment tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-listi elettorali u fil-korpi governattivi. Fl-istess ħin, il-mekkaniżmi tal-ġbir, tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tad-data jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri.
Fl-istess ħin, il-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel qajjem tħassib dwar sfidi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom in-nisa, bħal distribuzzjoni inugwali tal-ispazju fil-media tat-TV bejn kandidati rġiel u nisa fi Stati Membri speċifiċi.
Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet bdiet tidher aktar diżinformazzjoni online abbażi tal-ġeneru dwar il-mexxejja u l-kandidati nisa tal-UE. Sfidi bħal dawn jistgħu jġiegħlu lin-nisa joħorġu mill-isfera politika, u dan iħalli impatt fuq id-demokrazija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xena politika (aktar informazzjoni dwar il-vjolenza kontra l-kandidati tinsab fit-Taqsima 4.7).
Persuni b’diżabilità
Aktar minn 100 miljun persuna fl-UE għandhom xi tip ta’ diżabbiltà. Il-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet tal-UE żdiedet ftit.
B’segwitu għall-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030 u r-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet, ittieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri biex titrawwem il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fl-elezzjonijiet. Dan huwa aktar u aktar importanti peress li ambjent ta’ votazzjoni aċċessibbli jista’ jtejjeb l-esperjenza tal-votazzjoni ta’ kulħadd, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar tibbenefika minnu s-soċjetà kollha.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu miżuri speċifiċi biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fl-elezzjonijiet. Dawn jinkludu l-għoti ta’ għodod speċifiċi lill-votanti bħal magnifiers, kopji stampati kbar tal-votazzjoni jew tal-listi tal-kandidati, marki tattili, informazzjoni bl-awdjo jew voti li jkun fihom informazzjoni f’format Braille. L-Istati Membri pprovdew ukoll informazzjoni elettorali aċċessibbli jew taħriġ speċifiku għall-persunal fil-kmamar tal-votazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-elezzjoni. Dawn l-isforzi, fost l-oħrajn, kienu appoġġati minn diskussjoni ddedikata u kooperazzjoni mill-qrib man-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet
, u fl-Avveniment ta’ Livell Għoli ta’ Ottubru 2023 dwar l-elezzjonijiet. Fis-6 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ppubblikat il-Gwida dwar prattiki elettorali tajbin fl-Istati Membri li jindirizzaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini b’diżabilità. 20 mill-25 Stat Membru li wieġbu l-istħarriġ tal-Kummissjoni ddikjaraw b’mod espliċitu li kienu użaw din il-gwida. Is-sit web tal-EE24 għamel enfasi wkoll fuq l-aċċessibbiltà.
L-osservaturi elettorali rrapportaw li l-parteċipazzjoni minn persuni b’diżabilità tjiebet fl-2024, pereżempju bis-saħħa ta’ miżuri alternattivi ta’ votazzjoni, aċċessibbiltà aħjar għall-postijiet tal-votazzjoni u leġġibbiltà aħjar tal-vot. Madankollu, huma nnotaw li għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri. Għad hemm ċerti ostakli għall-parteċipazzjoni politika għall-persuni b’diżabilità, inkluż minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà jew aċċessibbiltà insuffiċjenti. Barra minn hekk, il-persuni b’diżabilità għadhom sottorappreżentati bħala Membri tal-PE.
Ċittadini mobbli tal-UE
Iċ-ċittadini mobbli tal-UE (iċ-ċittadini tal-UE li marru jgħixu fi Stat Membru ieħor biex jaħdmu, jgħixu jew jistudjaw) għandhom id-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, f’konformità mad-dritt tal-UE.
L-Istati Membri ħadu diversi miżuri biex jippromwovu d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini mobbli tal-UE (li jammontaw għal 14-il miljun persuna), inklużi kampanji ta’ informazzjoni mmirati bl-użu ta’ varjetà ta’ lingwi, u f’ċerti każijiet l-iżvilupp ta’ fuljetti speċifiċi jew appoġġ diġitali, jew sħubija ma’ organizzazzjonijiet speċjalizzati. Iċ-ċittadini mobbli tal-UE ngħataw ukoll attenzjoni speċjali f’livell tal-UE fil-kampanji ta’ komunikazzjoni interistituzzjonali.
Madankollu, minkejja dawn l-isforzi, il-parteċipazzjoni fost iċ-ċittadini mobbli tal-UE tidher li baqgħet aktar baxxa minn dik taċ-ċittadini, għalkemm id-data rilevanti disponibbli tvarja ħafna bejn l-Istati Membri. Id-data li waslet mill-Istati Membri turi li r-reġistrazzjoni ta’ ċittadini mobbli tal-UE fl-Istati Membri ta’ residenza għadha baxxa madwar l-UE; bejn 0,28 % tar-reġistrazzjonijiet fil-Latvja u 22,03 % fi Franza. Madankollu, hemm ukoll sinjali pożittivi. Pereżempju, fil-Lussemburgu, minkejja li l-proporzjon ta’ ċittadini mobbli tal-UE li rreġistraw biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-2024 huwa biss madwar 17,82 %, dan huwa l-ogħla numru li qatt ġie rreġistrat fil-Lussemburgu. Din iċ-ċifra żdiedet b’mod konsistenti mill-1994, meta kienet biss ta’ 7,4 %. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jiġbrux data dwar il-parteċipazzjoni elettorali taċ-ċittadini mobbli tal-UE li rreġistraw biex jivvutaw. Fejn hemm data disponibbli, il-parteċipazzjoni elettorali taċ-ċittadini mobbli tal-UE tvarja minn terz sa żewġ terzi ta’ dawk li kienu rreġistraw.
Skont id-data disponibbli, 135 ċittadin mobbli tal-UE eżerċitaw id-dritt tagħhom li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet. Dan huwa bejn wieħed u ieħor konsistenti maċ-ċifri ta’ 168 kandidat fl-2019 u 170 fl-2014, filwaqt li ċ-ċittadini mobbli tal-UE għadhom jirrappreżentaw madwar 1 % tal-għadd totali ta’ kandidati li ħarġu għall-elezzjonijiet. Ġew eletti żewġ Membri tal-PE bħal dawn.
Gruppi oħrajn
Ċerti Stati Membri rrapportaw dwar il-miżuri li ħadu biex irawmu l-inklużjoni elettorali u r-rappreżentanza ta’ gruppi speċifiċi oħra. Xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrapportaw dwar l-isfidi li jiffaċċjaw dawn il-gruppi, inkluż abbażi tal-isfond demografiku jew tal-pożizzjoni ġeografika, bħal persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. Pereżempju, filwaqt li ma hemm l-ebda data uffiċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirrapportaw li mit-tmien kandidati Rom magħrufa (l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa) fl-elezzjonijiet tal-2024, l-ebda wieħed minnhom ma ġie elett.
2.4.Sejbiet ewlenin u miżuri ta’ segwitu
Il-parteċipazzjoni elettorali u x-xejriet osservati għal diversi gruppi speċifiċi juru l-importanza li jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni għolja. Għandu jibqa’ jsir sforz biex iċ-ċittadini kollha jiġu involuti fid-demokrazija Ewropea, u biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni demokratika, inkluż bl-appoġġ għal kampanji ta’ informazzjoni effettivi, u billi jiġu sfruttati l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili u jiġu ssimplifikati l-proċeduri. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, il-partiti politiċi, l-istituzzjonijiet tal-UE u atturi oħra inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawn l-objettivi.
Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-interess għoli u akbar fl-elezzjonijiet, u l-fatt li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini jemmnu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE jkun rifless f’parteċipazzjoni ogħla. Id-differenzi sostanzjali fil-parteċipazzjoni bejn l-Istati Membri (li jvarjaw minn 89,01 % sa 21,35 %) għandhom jiġu indirizzati, filwaqt li l-isforzi jiġu ffukati fuq pajjiżi b’parteċipazzjoni persistentement baxxa.
Fir-rigward tal-komunikazzjoni biex jiġu appoġġati d-drittijiet elettorali, l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom. Livell għoli ta’ kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn se jibqa’ essenzjali biex jitmexxew kampanji ta’ informazzjoni effettivi, jiġu promossi prattiki tajbin, u jissaħħu l-involviment u l-fehim taċ-ċittadini tal-proċess elettorali.
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni minn gruppi speċifiċi, il-miżuri rilevanti tar-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet għandhom jiġu segwiti aktar mill-Istati Membri u l-partiti politiċi.
B’mod partikolari għaż-żgħażagħ, għandu jissaħħaħ l-appoġġ biex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. L-edukazzjoni, il-litteriżmu diġitali u medjatiku u l-ħsieb kritiku għandhom jiġu promossi biex iż-żgħażagħ jingħataw aktar setgħa u jitħeġġu jinvolvu ruħhom fid-demokrazija Ewropea u biex ikollhom fiduċja li l-eżerċitar tad-drittijiet elettorali tagħhom se jiżgura li l-vuċi tagħhom tinstema’. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Ħiliet u l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, il-bini tal-ħiliet għall-ħajja huwa vitali biex tiġi żgurata r-reżiljenza demokratika. Abbażi ta’ rieżami tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan Direzzjonali għall-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali biex tippromwovi l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni diġitali għal kulħadd.
Għażliet ta’ votazzjoni li jistgħu jiġu aċċessati u diversi huma importanti wkoll biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ. L-Istati Membri, il-partiti politiċi u l-entitajiet l-oħrajn inklużi l-iskejjel, l-universitajiet, l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jistgħu wkoll jippromwovu aktar politiki u proċeduri favur iż-żgħażagħ, u jipprovdu taħriġ u riżorsi għall-kandidati żgħażagħ.
Għandu jsir l-aħjar użu possibbli mill-istrumenti tal-UE mmirati lejn it-tisħiħ tal-involviment demokratiku taċ-ċittadini żgħażagħ. Il-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ, bħall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u Erasmus+, se jinkludu prijorità ġdida dwar il-preparatezza li tippromwovi l-preparatezza, ir-reżiljenza, il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika u l-involviment ċiviku.
Kif imħabbar fil-Linji Gwida Politiċi tal-President tal-Kummissjoni għall-2024–2029, se jitwaqqaf Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President. Il-Kummissarji kollha diġà organizzaw l-ewwel edizzjoni tad-Djalogi annwali ta’ politika maż-żgħażagħ fl-ewwel 100 jum tal-mandat tagħhom. Pereżempju, il-Kummissarju għad-Demokrazija, il-Ġustizzja, l-Istat tad-Dritt u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Kummissarju McGrath, diġà ltaqa’ maż-żgħażagħ speċifikament biex jiddiskuti kif tista’ tittejjeb il-parteċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ, inkluż fl-elezzjonijiet.
Fir-rigward tan-nisa, jeħtieġ li jsir aktar biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. In-nisa għandhom jingħataw aktar setgħa biex jipparteċipaw fil-ħajja politika. Il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa f’kull aspett tal-proċess politiku hija essenzjali għall-ħolqien ta’ demokraziji b’saħħithom, rappreżentattivi u reżiljenti. In-nisa jeħtieġ li jkunu protetti aħjar kontra t-theddid (inkluż online) fil-konfront tagħhom, li jista’ jillimita l-parteċipazzjoni tagħhom bħala kandidati. Il-partiti politiċi għandhom rwol ċentrali fil-kisba ta’ dan l-objettiv u għandhom jagħmlu aktar sforz f’dan ir-rigward. B’mod aktar ġenerali, għandhom jiġu ppjanati aktar miżuri ta’ appoġġ fuq livell nazzjonali. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa li se jgħin biex jinkwadra l-ħidma fuq Strateġija ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li taġġorna l-azzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw lin-nisa, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fil-politika. Għandu jsir aktar biex titjieb is-sikurezza tal-kandidati u tar-rappreżentanti eletti (ara t-Taqsima 4.7 u 4.8).
Huwa wkoll importanti li jibqa’ jsir sforz biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali miċ-ċittadini mobbli tal-UE, u l-Istati Membri jeħtieġu jwettqu kampanji ta’ informazzjoni aktar immirati b’diversi lingwi u jiżguraw proċessi ta’ reġistrazzjoni simplifikati. Huwa essenzjali li jintlaħaq ftehim dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini mobbli tal-UE (li bħalissa qed tiġi diskussa fil-livell interistituzzjonali, ara t-Taqsima 5.1) biex jiġi pprovdut qafas aktar robust biex jiġi appoġġat l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini.
Fl-aħħar nett, l-atturi kollha għandhom ikomplu jieħdu miżuri attivi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi, inklużi l-persuni b’diżabilità. Il-Kummissjoni qed tħejji rapport ta’ progress biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, inkluż dwar il-lakuni u l-ostakli li possibbilment għad fadal għall-persuni b’diżabilità u, jekk jitqies meħtieġ, se tipproponi azzjonijiet ġodda. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll, fost l-oħrajn, taħdem fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas strateġiku tal-UE għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom.
3.Kooperazzjoni għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti
3.1.Ir-rwol tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u sforzi oħra ta’ kooperazzjoni
L-appoġġ għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti jirrikjedi approċċ ta’ soċjetà sħiħa u ta’ gvern sħiħ.
Saret kooperazzjoni bla preċedent biex tinkiseb ir-reżiljenza tal-elezzjonijiet tal-2024. Il-miżuri speċifiċi meħuda biex tiġi kkoordinata r-reazzjoni għall-FIMI u d-diżinformazzjoni, kif ukoll għall-attakki ċibernetiċi, l-użu malizzjuż tal-IA u theddid ieħor huma diskussi f’aktar dettall fit-Taqsima 4.1.
Il-Kummissjoni appoġġat b’mod attiv lill-awtoritajiet tal-Istati Membri billi organizzat laqgħat regolari tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet sa mill-bidu tal-2019. L-ECNE jikkonsisti f’punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mill-Istati Membri biex jirrappreżentaw in-networks nazzjonali tagħhom b’rabta mal-elezzjonijiet u jservu bħala punt ta’ kollegament bejn il-livelli nazzjonali u Ewropej ta’ koordinazzjoni. In-Network organizza aktar minn 25 laqgħa mill-2019.
|
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet tistieden lill-Istati Membri jikkooperaw aktar fi kwistjonijiet relatati mal-elezzjonijiet fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. Ir-Rakkomandazzjoni tirreferi wkoll għall-kooperazzjoni ta’ dan in-Network ma’ networks Ewropej oħrajn li huma rilevanti.
|
Id-diskussjonijiet tal-ECNE saru f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ strutturi oħra bħas-Sistema ta’ Twissija Rapida, fir-rigward tal-FIMI, u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (European Regulators Group for Audiovisual Media Services, ERGA) fir-rigward tal-kwistjonijiet fi ħdan il-mandat tiegħu. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data wkoll ħa sehem f’xi laqgħat dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali.
Trawmu wkoll interazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (Office for Democratic Institutions and Human Rights, ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (Organization for Security and Cooperation in Europe, OSKE).
Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew, il-ħidma tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet intensifikat. F’Ottubru 2023, il-Kummissjoni organizzat Avveniment ta’ Livell Għoli dwar l-Elezzjonijiet bis-sħubija tan-Network. F’Novembru 2023, in-Network ħa sehem f’eżerċizzju ta’ simulazzjoni konġunt dwar iċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet (ara t-Taqsima 4.5).
Minbarra laqgħat regolari, fit-tħejjija għall-elezzjonijiet ġew organizzati tmien sessjonijiet tematiċi fil-qafas tan-Network, inkluż dwar il-parteċipazzjoni u l-komunikazzjoni inklużivi, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-iżgurar taċ-ċibersigurtà, l-organizzazzjoni bla xkiel tal-votazzjoni għal gruppi differenti ta’ votanti, u s-sikurezza tal-kandidati.
Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ġiet iffaċilitata fost l-oħrajn permezz ta’ spazju kollaborattiv, immappjar tar-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ networks u korpi differenti tal-UE li jappoġġaw l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti għall-Parlament Ewropew u listi ta’ kuntatt li jsostnu l-iskambji operazzjonali matul l-elezzjonijiet.
3.2.Sejbiet ewlenin u miżuri ta’ segwitu
Ħadd ma jista’ jaħdem waħdu biex jinkisbu elezzjonijiet inklużivi u reżiljenti. Filwaqt li l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma organizzati fil-livell nazzjonali, bil-mod qed jitfaċċa sett dejjem ikbar ta’ referenzi komuni tal-UE dwar elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti, ibbażati fuq it-Trattati tal-UE, id-dritt tal-UE, il-liġi mhux vinkolanti, l-aħjar prattiki u l-oqfsa ta’ kooperazzjoni. Dawn ir-referenzi komuni jindirizzaw il-qasam diġitali u l-parteċipazzjoni inklużiva fid-demokrazija. Huma jmorru wkoll lil hinn minn dan, filwaqt li jappoġġaw it-tħejjija.
L-appoġġ reċiproku u l-kooperazzjoni msaħħa fost l-Istati Membri issa huma stabbiliti sew, bil-qofol ikun fuq strutturi speċifiċi ta’ kooperazzjoni bħan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet li jaġixxi bħala punt fokali, b’tislit mill-istrutturi tal-UE li jippromwovu s-sigurtà tal-informazzjoni u jindirizzaw id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, filwaqt li ssir kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u entitajiet oħra inkluż il-Parlament Ewropew.
Ir-riżultat kien li l-isfidi ġew indirizzati aktar malajr u b’mod aktar koordinat, u dan jikkontribwixxi għar-reżiljenza elettorali kollettiva fl-UE. Il-kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-UE jista’ jkollha wkoll effett konsegwenzjali pożittiv fuq l-elezzjonijiet nazzjonali.
Biex jiġi indirizzat b’mod effettiv għadd dejjem akbar ta’ sfidi li jinbidlu spiss, hemm bżonn li din il-kooperazzjoni tkompli tinbena u tissaħħaħ. Il-Kummissjoni se tkompli trawwem approċċ komuni b’appoġġ għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti, u gradwalment timxi lejn preparatezza aħjar, kooperazzjoni operattiva aħjar u bini tal-kapaċitajiet aħjar.
4.Il-protezzjoni tal-integrità u r-reżiljenza tal-proċess elettorali
4.1.It-tħejjija, il-monitoraġġ u r-rispons
Qabel l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-UE nedew diversi azzjonijiet ewlenin biex isaħħu l-preparatezza u l-kapaċità tal-UE li twieġeb għall-isfidi għall-integrità tal-proċess elettorali, f’kollaborazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u entitajiet differenti, bħall-media, il-verifikaturi tal-fatti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan l-isforz ippermetta lil dawk involuti jaqsmu l-għarfien, jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom u jikkoordinaw ir-reazzjonijiet għall-FIMI u d-diżinformazzjoni, kif ukoll l-attakki ċibernetiċi, l-użu mhux xieraq tal-IA kif ukoll theddid ieħor.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet tinkludi diversi rakkomandazzjonijiet għall-protezzjoni tal-integrità u tar-reżiljenza tal-proċess elettorali. Pereżempju, tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipproteġu l-ambjent tal-informazzjoni waqt l-elezzjonijiet u jiżguraw li l-votanti jirċievu informazzjoni korretta. Tirrakkomanda l-bini tar-reżiljenza u l-iżvilupp tal-għarfien pubbliku, il-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku biex jiġu indirizzati l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni relatati mal-elezzjonijiet. Hija tappella wkoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw taħriġ għall-awtoritajiet rilevanti u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni. Tħeġġeġ ukoll lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jikkunsidraw li jagħmlu r-reklamar politiku tagħhom disponibbli b’informazzjoni dwar l-identità tal-partit politiku li jisponsorjah u, fejn applikabbli, informazzjoni sinifikanti dwar l-immirar tar-reklamar u dwar l-użu tas-sistemi tal-IA. Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jieħdu diversi miżuri biex jipproteġu l-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet u biex jiżguraw ir-reżiljenza kontra t-theddid ċibernetiku u theddid ibridu ieħor.
Fl-24 ta’ April 2024, il-Presidenza Belġjana tal-UE attivat l-arranġamenti tar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR, Integrated Political Crisis Response) fil-modalità ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-indħil barrani fl-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew. Bil-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, dan iffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-monitoraġġ u r-rispons ġew żgurati wkoll permezz tan-Network tal-Kummissjoni kontra d-Diżinformazzjoni (NaD, Network against Disinformation).
Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-valuri u t-trasparenza żaret diversi Stati Membri biex tappoġġa t-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2024 bħala parti minn Tour Demokratiku.
L-Istati Membri kienu komplew jingħaqdu fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet biex jiddiskutu soluzzjonijiet prattiċi għal firxa wiesgħa ta’ theddid. Waħda mill-għodod operazzjonali li l-Kummissjoni għamlet disponibbli biex tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-bini tal-kapaċità tagħhom li jidentifikaw u jirreaġixxu b’mod xieraq għat-theddid fil-kuntest tal-elezzjonijiet hija l-mekkaniżmu konġunt ta’ reżiljenza elettorali. Dak il-mekkaniżmu jappoġġa l-iskambji fost l-esperti tal-Istati Membri, li diversi Stati Membri użaw fit-tħejjija għall-elezzjonijiet.
Il-Parlament Ewropew żied ukoll l-attivitajiet tiegħu f’dan il-qasam u saħħaħ in-networks kemm internament kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, awtoritajiet tal-Istati Membri u sħab esterni. Pereżempju, f’Diċembru 2023, il-Parlament Ewropew ospita laqgħa b’tema elettorali tas-Sistema ta’ Twissija Rapida, man-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-Grupp ta’ Ħidma Orizzontali tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tar-Reżiljenza u l-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu (ERCHT, Enhancing Resilience and Countering Hybrid Threats). Is-sit web tal-EE24 kien fih taqsima ddedikata għall-integrità, li tipprovdi pariri prattiċi.
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA, Digital Services Act), ittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jappoġġaw it-tħejjija għall-elezzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju rakkomandati li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs, very large online platforms) u magni tat-tiftix online kbar ħafna (VLOSEs, very large online search engines) għandhom jieħdu biex jimmitigaw ir-riskji sistemiċi relatati mal-elezzjonijiet. Bħala segwitu għal dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni organizzat test tal-istress fil-forma ta’ eżerċizzju ta’ simulazzjoni biex tħejji lill-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali (DSCs, Digital Services Coordinators) tal-Istati Membri, u lill-partijiet ikkonċernati l-oħrajn għax-xenarji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni, u biex jeżerċitaw reazzjonijiet koordinati fil-qafas tad-DSA.
Fiż-żmien tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni kienet bdiet ukoll proċedimenti skont id-DSA kontra Meta u X għal kwistjonijiet relatati mal-manipulazzjoni tal-pjattaformi, l-imġiba mhux awtentika kkoordinata u r-reklami qarrieqa użati biex jinxterdu kampanji ta’ diżinformazzjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll diversi Talbiet għal Informazzjoni (RFIs, Requests for Information) lil fornituri deżinjati ta’ VLOPs u VLOSEs dwar miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju elettorali u diżinformazzjoni.
Matul l-ewwel laqgħa tal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali (EBDS) fid-19 ta’ Frar 2024, ġie stabbilit “Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc dwar l-Elezzjonijiet”, bl-għan li jiġbor l-għarfien espert tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u tal-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet elettorali fil-livell nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-DSA, u li jinvolvi ruħu fi djalogu u jitgħallem dwar sfidi speċifiċi għall-pajjiż u għall-kuntest.
Il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, l-ewwel qafas dinji mmexxi mill-industrija fil-qasam diġitali u s-sors tal-aħjar prattiki tal-industrija biex jiġi limitat it-tixrid tad-diżinformazzjoni online, kellu wkoll rwol ewlieni fl-appoġġ tat-tħejjija għall-elezzjonijiet. Fil-qafas tal-Kodiċi, il-firmatarji tal-pjattaformi online (Meta, TikTok, Google u Microsoft) ħadu sensiela ta’ impenji biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni inkluż fil-kuntest tal-elezzjonijiet. Il-firmatarji implimentaw sensiela ta’ azzjonijiet biex jiżguraw il-preparatezza matul il-perjodu elettorali, inkluża kooperazzjoni msaħħa ma’ firmatarji oħra tas-soċjetà ċivili u tal-verifikaturi tal-fatti.
Filwaqt li jibnu fuq l-impenji tal-Kodiċi, il-firmatarji implimentaw ukoll Sistema ta’ Rispons Rapidu (RRS, Rapid Response System), li ppermettiet lill-firmatarji mhux tal-pjattaformi jirrapportaw malajr kontenut, kontijiet jew xejriet sensittivi għaż-żmien li huma qiesu li jippreżentaw theddid għall-integrità tal-proċess elettorali u ddiskutewhom mal-pjattaformi fid-dawl tal-politiki rispettivi tagħhom.
L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali (“EDMO”) li huwa network indipendenti ta’ verifikaturi tal-fatti, riċerkaturi u prattikanti tal-litteriżmu medjatiku li jkopri l-Istati Membri kollha tal-UE stabbilixxa Taskforce ddedikata għall-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew biex timmonitorja l-ispazju Ewropew tal-informazzjoni matul il-perjodu elettorali. It-Task Force kellha rwol importanti fil-kxif tad-diżinformazzjoni matul l-elezzjonijiet. L-EDMO ħareġ sommarji ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, twissijiet bikrija u investigazzjonijiet immirati matul il-perjodu elettorali. Mexxa wkoll kampanja ddedikata għal-litteriżmu medjatiku fl-UE kollha #BeElectionsSmart, biex tqum kuxjenza dwar ir-riskji tad-diżinformazzjoni madwar l-elezzjonijiet tal-2024.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku se jidħlu fis-seħħ mill-10 ta’ Ottubru 2025, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 (definizzjonijiet) u l-Artikolu 5 (il-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fl-Unjoni), il-paragrafu 1 kienu diġà applikabbli matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, biex jiġi żgurat b’mod partikolari li s-servizzi ta’ reklamar politiku ma jkunux ristretti għal “partit politiku Ewropew” jew grupp politiku fil-Parlament Ewropew, unikament abbażi tal-post tal-istabbiliment tiegħu.
Ittieħdu serje ta’ azzjonijiet mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Is-Sistema ta’ Twissija Rapida, ikkoordinata mis-SEAE, appoġġat il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. In-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet ingħata aġġornamenti regolari, li jipprovdi ambitu komprensiv għall-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet relatati mal-proċessi elettorali.
Fl-aħħar nett, fl-2022 il-Kunsill kien adotta l-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża, li fiha Sett ta’ Għodod tal-UE kontra Theddid Ibridu li jiġbor flimkien l-istrumenti rilevanti kollha biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu għall-elezzjonijiet, inkluż is-Sett ta’ Għodod FIMI.
4.2.Manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin u diżinformazzjoni
Il-Kummissjoni, il-Parlament u s-SEAE, immonitorjaw mill-qrib il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin u t-theddid ta’ diżinformazzjoni qabel u matul l-elezzjonijiet u kkoordinaw ir-reazzjonijiet, billi intervjenew b’mod attiv biex jappoġġaw spazju elettorali ġust. Aġġornamenti rapidi tal-għarfien tas-sitwazzjoni ġew żgurati permezz tal-IPCR.
Filwaqt li kien hemm żieda fil-volum ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni madwar l-elezzjonijiet, ma ġie identifikat l-ebda inċident jew kampanja ta’ diżinformazzjoni jew manipulazzjoni tal-informazzjoni fuq skala kbira matul il-jiem elettorali.
Mit-8 ta’ April 2024, it-Taskforce tal-EDMO ħarġet sommarji ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa li jiddeskrivu n-narrattivi ta’ diżinformazzjoni li qed jinxterdu fl-UE, bl-inputs tal-14-il ċentru reġjonali tagħha (li jkopru 100 % tal-UE).
Il-fornituri tal-pjattaformi online rrapportaw skont il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni dwar il-miżuri meħuda biex tiġi protetta l-integrità tal-proċessi elettorali abbażi tal-impenji tal-Kodiċi, u skont il-bażi tad-data dwar it-trasparenza tad-DSA dwar l-għadd ta’ deċiżjonijiet meħuda dwar il-moderazzjoni tal-kontenut.
Skont l-istimi tal-EDMO, id-diżinformazzjoni relatata mal-UE żdiedet minn 5 % f’Jannar għal 15 % f’Mejju 2024. In-narrattivi identifikati bħala problematiċi pprovaw inaqqsu l-fiduċja fl-organizzazzjoni tal-voti jew jimminaw il-kredibbiltà tar-riżultati, u indirizzaw suġġetti ta’ interess soċjali ewlieni (bħall-Ukrajna, it-tibdil fil-klima jew il-migranti).
Is-SEAE regolarment irrapporta permezz tas-sit web EUvsDisinfo u l-kontijiet tal-media soċjali tiegħu dwar tentattivi ta’ interferenza elettorali mir-Russja u mill-alleati tagħha. Fix-xhur li wasslu għall-elezzjonijiet ġiet ippubblikata sensiela ddedikata ta’ artikli u prodotti tal-media soċjali għall-analiżi, għall-espożizzjoni u għall-pre-bunking tan-narrattivi kif ukoll it-tattiċi, it-tekniki u l-proċeduri qarrieqa tal-Kremlin/tal-atturi affiljati mal-Istat Russu. L-attività malizzjuża Russa riedet toħloq jew tistimola l-qsim u d-diviżjoni fis-soċjetajiet billi xxerred informazzjoni falza jew tgħarraq l-ispazju tal-informazzjoni b’kontenut mhux awtentiku. Tattiċi oħra jinkludu t-tħammiġ tal-mexxejja politiċi, iż-żrigħ tal-isfiduċja u l-imminar tal-awtoritajiet pubbliċi. Din is-sensibilizzazzjoni għenet biex titqajjem kuxjenza pubblika inkluż fost il-ġurnalisti, l-akkademja u s-soċjetà ċivili.
F’dan il-kuntest, is-SEAE kixef għadd żgħir ta’ operazzjonijiet ewlenin marbuta mal-Kremlin li baqgħu attivi matul il-perjodu tal-elezzjonijiet. Pereżempju, il-kampanji doppelgänger impersonalizzaw siti web leġittimi tal-media u ħolqu kontijiet mhux awtentiċi fuq il-media soċjali. B’mod ġenerali, instabu 42 inċident marbuta mal-attività Russa tal-FIMI, li eskalaw fil-ġimgħat li wasslu għall-votazzjoni u laħqu l-quċċata bejn s-6 u d-9 ta’ Ġunju, u komplew ferm lil hinn minn dan. Il-mudell użat ma kienx ġdid: il-ħolqien tal-infrastruttura tal-FIMI ferm minn qabel, l-attakki fuq il-proċess demokratiku, l-interferenza bl-użu tal-internet, żieda fl-attività eżatt qabel il-votazzjoni, u l-isforzi ta’ wara l-elezzjoni biex tiġi mminata l-fiduċja fir-riżultati.
Anki l-Istati Membri ħadu diversi miżuri biex jipproteġu l-ambjent tal-informazzjoni b’rabta mal-elezzjonijiet tal-2024 mill-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni minn barranin. Bi tweġiba għall-istħarriġ tal-Kummissjoni, 15-il Stat Membru rrapportaw li kienu ħadu miżuri biex jappoġġaw jew jiffaċilitaw it-trażmissjoni ta’ messaġġi u tweġibiet rapidi biex jipproteġu l-ambjent tal-informazzjoni
. 14-il Stat Membru rrapportaw li kienu pprovdew għajnuna speċifika għal organizzazzjonijiet indipendenti tal-media u tal-verifika tal-fatti
, filwaqt li 13 żviluppaw taħriġ għall-elezzjoni jew għal awtoritajiet rilevanti oħra
.
Biex jiġu appoġġati n-nies li jinnavigaw fl-ispazju tal-informazzjoni madwar l-elezzjonijiet, saret enfasi speċifika fuq miżuri mmirati lejn it-titjib tar-reżiljenza u l-preparatezza tas-soċjetà. Dan kien jinkludi għajnuna għal-litteriżmu diġitali u medjatiku u l-ħsieb kritiku.
|
Inizjattivi speċifiċi meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE għat-titjib tar-reżiljenza tas-soċjetà
·Il-Kummissjoni u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżivi (ERGA) wettqu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni konġunta ddedikata b’diversi kanali u multilingwi dwar ir-riskji relatati mal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-importanza tal-iżvilupp tal-ħsieb kritiku, u din ixxandret fl-Istati Membri. Il-filmat tal-kampanja ġġenera 217-il miljun impressjoni fuq il-media soċjali, 7 miljun viżwalizzazzjoni ta’ YouTube u laħaq 53 stazzjon tar-radju u tat-televiżjoni fi 17-il pajjiż li l-popolazzjoni tagħhom tammonta għal 330 miljun.
·Is-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni dwar kif tiġi identifikata d-diżinformazzjoni ġie aġġornat, li jħeġġeġ lill-għalliema tal-iskejjel sekondarji jgħammru lill-istudenti tagħhom bil-ħiliet essenzjali biex jinnavigaw fix-xenarju online. Paġna web ġdida pprovdiet punt ta’ aċċess uniku għall-informazzjoni u r-riżorsi utli kollha dwar il-komunikazzjoni strateġika u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni.
·L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) nieda servizz ta’ verifika tad-data u tal-fatti għall-elezzjonijiet Ewropej li ffaċilita l-aċċess tal-ġurnalisti u tal-verifikaturi tal-fatti għad-data u l-istatistika dwar l-UE.
·Il-Parlament Ewropew nieda sensiela ta’ filmati (f’24 lingwa uffiċjali tal-UE) li jipprovdu informazzjoni dwar it-tekniki użati mill-atturi tad-diżinformazzjoni biex iqarrqu bin-nies.
·Il-Parlament Ewropew ipproduċa fuljett b’10 pariri dwar kif għandha tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni.
·Is-SEAE pproduċa sensiela ddedikata ta’ artikli u għarfien dwar il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin.
|
4.3.L-użu tal-IA
Fl-elezzjonijiet tal-2024 sar ukoll aktar enfasi fuq l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. L-intelliġenza artifiċjali għandha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza, it-trasparenza, l-inklużività, u s-sigurtà fil-proċessi elettorali. Fl-istess ħin, tqajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta’ użu ħażin, bħal kampanji ta’ diżinformazzjoni, manipulazzjoni elettorali, u interferenza barranija, li jaffettwaw il-ġustizzja tal-isfera demokratika u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet.
Fil-ġimgħat ta’ qabel il-votazzjoni, l-ammont ta’ diżinformazzjoni vverifikata rigward il-fatti, li kien fiha kontenut iġġenerat mill-IA, identifikat mill-EDMO, baqa’ kostanti, b’madwar 4 % tal-ammont globali ta’ diżinformazzjoni vverifikata rigward il-fatti (5 % matul ix-xhur ta’ qabel).
Is-soċjetà ċivili, ir-riċerkaturi, u l-verifikaturi tal-fatti kixfu mill-inqas 131 każ ta’ kontenut ġenerattiv tal-IA mhux iddikjarat matul il-kampanja elettorali, b’mod partikolari minn partiti fil-livell nazzjonali (ħames partiti politiċi differenti fi Franza, il-Belġju u l-Italja). B’eċċezzjonijiet limitati, id-“deepfakes” manipulattivi ħafna ma kinux prominenti matul l-elezzjonijiet tal-2024. Minflok, l-IA ntużat biex tipproduċi “shallowfakes”, li jikkombinaw captions barra mill-kuntest ma’ immaġnijiet ta’ politiċi jew avvenimenti, u “cheapfakes”, b’manipulazzjoni pjuttost ovvja ta’ vidjo u immaġni.
L-IA ntużat f’ċertu grad kemm bħala għodda għad-diżinformazzjoni u għall-FIMI, kif ukoll fid-dibattitu politiku domestiku. Is-sejbiet mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw li xi partiti politiċi użaw l-IA ġenerattiva mhux ittikkettata biex ixerrdu messaġġi qarrieqa. Barra minn hekk, ġie rrappurtat li l-għodod tal-IA ġew sfruttati f’operazzjonijiet ta’ influwenza barranija, bħal kampanji Russi u awdjo deepfake dwar il-mexxejja politiċi Ewropej.
L-Unjoni Ewropea qed twitti t-triq biex l-IA ssir aktar sikura u aktar affidabbli, filwaqt li tindirizza b’mod ambizzjuż ir-riskji maħluqin bl-użu ħażin tagħha. Madankollu, għodod leġiżlattivi ġodda importanti f’dan ir-rigward, inkluż l-Att dwar l-IA u r-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku kienu għadhom ma ġewx applikati bis-sħiħ għall-elezzjonijiet tal-2024.
Fl-istess ħin, il-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs diġà huma soġġetti għal obbligu ċar skont id-DSA biex jivvalutaw u jimmitigaw ir-riskji sistemiċi għall-proċessi elettorali u d-diskussjoni pubblika, inkluż meta jkunu marbuta mat-tixrid ta’ kontenut manipulat. Għalhekk, f’dan il-kuntest, il-linji gwida tad-DSA dwar l-elezzjonijiet irrakkomandaw ukoll miżuri ta’ mitigazzjoni marbuta mal-IA ġenerattiva li l-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs għandhom jieħdu. Fid-dawl tal-elezzjonijiet, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni dwar ir-riskji ġenerattivi tal-IA lil sitt Pjattaformi Online Kbar Ħafna u żewġ Magni tat-Tiftix Online Kbar Ħafna.
Biex tappoġġa l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-IA, it-Task Force tal-EDMO ġiet assistita minn grupp ta’ esperti tal-IA biex jidentifikaw u jesponu malajr kontenut qarrieqi ġġenerat mill-IA.
Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet ħeġġet lill-partiti politiċi jadottaw wegħdiet għall-kampanja u kodiċijiet ta’ kondotta dwar l-integrità elettorali, li għandhom jinkludu b’mod partikolari l-wegħda li jżommu lura minn imġiba manipulattiva, b’mod partikolari l-produzzjoni, l-użu jew id-disseminazzjoni ta’ data jew materjal iffalsifikati, iffabbrikati, doxed jew misruqa, inklużi deepfakes iġġenerati b’sistemi tal-IA. Il-partiti politiċi messhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar l-użu tas-sistemi tal-IA fil-kampanji elettorali. Din ir-Rakkomandazzjoni wasslet għal Kodiċi ta’ Kondotta konġunt għall-partiti politiċi (ara t-Taqsima 4.6 aktar ’l isfel).
4.4.Protezzjoni tad-data
Il-kampanji elettorali huma akkumpanjati minn messaġġi personalizzati għall-votanti, li huma bbażati fuq l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-elezzjonijiet tal-2024 kienu t-tieni elezzjonijiet Ewropej li għalihom kien japplika r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR). Fl-2018, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida speċifika dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali, li baqgħet rilevanti għall-elezzjonijiet tal-2024.
Bħala awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza u l-infurzar tal-GDPR fl-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data (DPAs, data protection authorities) irrappurtaw livelli differenti ta’ involviment f’attivitajiet relatati mal-elezzjonijiet. Filwaqt li xi DPAs kienu involuti fil-ħidma tan-networks elettorali nazzjonali, oħrajn irrapportaw li ma kien hemm l-ebda involviment f’dik il-ħidma.
Diversi DPAs ħadu miżuri proattivi biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-proċess elettorali, pereżempju billi ħarġu rakkomandazzjonijiet, struzzjonijiet u linji gwida, għalkemm il-kuntatt mal-pjattaformi tal-media soċjali kien ġeneralment limitat. Diversi DPAs wettqu investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-elezzjonijiet wara li daħlitilhom informazzjoni dwar każijiet suspettati ta’ nuqqas ta’ konformità u fuq ilmenti ppreżentati fil-qafas tal-Artikolu 77 tal-GDPR.
4.5.Protezzjoni tal-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet u l-iżgurar tar-reżiljenza ċibernetika
Il-bażijiet tad-data tar-reġistrazzjoni tal-votanti, is-sistemi tal-votazzjoni elettronika u sistemi oħra ta’ informazzjoni użati għall-ġestjoni tal-elezzjoni jistgħu jkunu f’riskju ta’ attakk ċibernetiku. Trid tiġi żgurata wkoll is-sigurtà fiżika tal-postijiet tal-votazzjoni u tas-swali tal-għadd, kif ukoll tal-faċilitajiet, tal-assi u tas-sistemi għall-istampar, it-trasport u l-ħżin tal-voti u ta’ materjali elettorali rilevanti oħra.
Il-Kummissjoni ħadmet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex timmaniġġja dawn ir-riskji fl-elezzjonijiet tal-2024, u, bl-appoġġ tal-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, organizzat eżerċizzju ta’ simulazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà li jinvolvi l-parteċipazzjoni tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. L-eżerċizzju ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni permezz tal-mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali. L-għan tiegħu kien li jittestja u jappoġġa l-preparatezza tal-Istati Membri kontra l-attakki ċibernetiċi u t-theddid ibridu, inkluż fil-qafas ta’ kampanji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni.
B’segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet u l-eżerċizzju ta’ simulazzjoni, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar in-Networks u s-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS, Network and Information Systems) appoġġat mill-Kummissjoni, l-ECNE u l-ENISA aġġornaw il-Kompendju dwar iċ-Ċibersigurtà tat-Teknoloġija Elettorali. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Kompendju ta’ votazzjoni elettronika u prattiki oħra tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni f’Diċembru 2023. Dan il-Kompendju ġie żviluppat f’kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, u l-Kunsill tal-Ewropa. In-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet iddiskuta wkoll ta’ spiss ir-riskji taċ-ċibersigurtà fil-ħidma tiegħu.
Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, in-Network tal-Iskwadra ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters, u n-Network tal-UE ta’ Organizzazzjoni ta’ Kollegament f’każ ta’ Ċiberkriżijiet saħħew ukoll il-kooperazzjoni tagħhom qabel l-elezzjonijiet. Ġew organizzati eżerċizzji ta’ preparatezza taċ-ċibersigurtà u twaqqfet Task Force interistituzzjonali għall-Kriżijiet Ċibernetiċi.
Huwa rrappurtat li l-Istati Membri ħadu passi biex jipproteġu l-infrastruttura fiżika u diġitali tal-elezzjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wettqu valutazzjonijiet tar-riskju tal-infrastruttura jew aġġornawhom, u ħadu miżuri biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà. Kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw li wettqu testijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u pjanijiet ta’ kontinġenza, u offrew appoġġ u taħriġ lill-partijiet ikkonċernati kollha.
Diversi Stati Membri rrapportaw li kienu kkooperaw ma’ entitajiet privati biex jiżguraw livell għoli ta’ ċibersigurtà, filwaqt li maġġoranza nnotat li l-awtorità responsabbli għaċ-ċibersigurtà kienet involuta fin-network elettorali nazzjonali tagħhom. Ħafna Stati Membri għamlu wkoll sforzi biex iżidu l-għarfien dwar is-sikurezza online tal-partiti politiċi, tal-kandidati u tal-uffiċjali tal-elezzjonijiet.
L-isforzi tal-partiti politiċi fil-qasam taċ-ċibersigurtà matul l-elezzjonijiet tal-2024 varjaw ħafna. Fost il-partiti politiċi nazzjonali kollha mistħarrġa, madwar nofshom irrapportaw li kienu ħadu xi tip ta’ miżuri taċ-ċibersigurtà. Minn dawn, kważi 30 % adottaw prattiki aktar avvanzati bħal valutazzjonijiet tar-riskju, taħriġ, u ttestjar tal-penetrazzjoni. Fost il-partiti politiċi Ewropej mistħarrġa, madwar 83 % implimentaw miżuri taċ-ċibersigurtà avvanzati.
Matul il-perjodu elettorali, ġew irreġistrati inċidenti żgħar taċ-ċibersigurtà, l-aktar fil-forma ta’ attakki distribwiti li jwaqqfu s-servizz (DDoS, Distributed Denial-of-Service) immexxija minn gruppi hacktivist favur ir-Russja.
4.6.Kampanji ġusti u finanzjament tal-kampanja elettorali
Kampanja ġusta
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet ħeġġet lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tal-kampanji biex jiżviluppaw u jaderixxu ma’ kodiċijiet ta’ kondotta volontarji jew wegħdiet li jappoġġaw elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti. Abbażi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-partiti politiċi Ewropej kollha ffirmaw Kodiċi ta’ Kondotta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 f’ċerimonja ospitata mill-Kummissjoni. Il-Kodiċi ġie ffirmat ukoll minn għadd limitat ta’ partiti politiċi nazzjonali. Il-Kodiċi ta’ Kondotta jippromwovi valuri fundamentali bħat-trasparenza, il-ġustizzja, u l-verità fil-komunikazzjoni, filwaqt li jiġġieled b’mod attiv id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni xprunata mill-IA.
Il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej urew livelli differenti ta’ aderenza mal-Kodiċi ta’ Kondotta, b’xi wħud minnhom ikunu proattivi billi jintroduċu wegħdiet addizzjonali, iwettqu rieżamijiet ta’ wara l-elezzjoni, u jippromwovu t-trasparenza fil-finanzjament tal-kampanji.
Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri adottaw varjetà ta’ miżuri biex jappoġġaw l-integrità elettorali u l-kampanji ġusti bi tħejjija għall-elezzjonijiet. Xi Stati Membri rrapportaw li kellhom dispożizzjonijiet leġiżlattivi robusti biex jiżguraw l-integrità elettorali, filwaqt li oħrajn serrħu fuq wegħdiet ta’ integrità u kodiċijiet etiċi volontarji.
Finanzjament tal-kampanja elettorali
L-integrità tal-elezzjonijiet tiddependi fuq ħafna fatturi, inkluża t-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, li ssostni l-fiduċja, tiġi evitata influwenza indebita, u tiġi żgurata r-responsabbiltà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ donazzjonijiet minn pajjiżi terzi jew sorsi mhux żvelati.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet tirrakkomanda lill-Istati Membri jindirizzaw lakuni possibbli relatati ma’ donazzjonijiet u finanzjament ieħor minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari billi jippromwovu t-trasparenza ta’ donazzjonijiet u finanzjament ieħor u billi jillimitaw id-donazzjonijiet sa ċertu ammont jew jipprojbixxu donazzjonijiet lil atturi politiċi nazzjonali, meta tali donazzjonijiet ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi. Il-partiti politiċi għandhom jivvalutaw ir-riskji li jirriżultaw minn donazzjonijiet minn pajjiżi terzi u donazzjonijiet potenzjalment marbuta ma’ attività kriminali inklużi l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata.
Ir-regoli u l-oqfsa dwar il-finanzjament politiku jvarjaw fost l-Istati Membri. Diversi Stati Membri adottaw jew qegħdin jikkunsidraw miżuri biex iżidu t-trasparenza u s-sorveljanza għall-finanzjament tal-partiti politiċi, anke bil-ħsieb li jappoġġaw ir-responsabbiltà demokratika u jipprevjenu influwenza barranija.
Xi Stati Membri rrapportaw li jippermettu donazzjonijiet mingħand persuni fiżiċi minn pajjiżi terzi, b’limiti f’ċerti każijiet, filwaqt li oħrajn jippermettu finanzjament minn pajjiżi terzi taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Diversi Stati Membri jimponu limiti fuq donazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi, filwaqt li oħrajn jippermettu ċerti eċċezzjonijiet limitati għal kontribuzzjonijiet li jikkonformaw mar-regoli nazzjonali jew mingħand entitajiet speċifiċi. Diversi oħrajn introduċew, jew qed jikkunsidraw, projbizzjonijiet kompleti fuq il-finanzjament li jkun ġej minn pajjiżi terzi.
Ir-regoli li japplikaw għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet affiljati tagħhom huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1141/2014, li bħalissa qed jiġi rivedut, b’mod partikolari biex jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament (ara t-Taqsima 5.2).
4.7.Sikurezza: protezzjoni tal-kandidati u tar-rappreżentanti eletti
Il-politiċi u l-kandidati politiċi jistgħu jiffaċċjaw pressjonijiet u theddid bla bżonn għas-sigurtà tagħhom, li jkollu effett konsegwenzjali negattiv fuq ir-rappreżentanza demokratika inklużiva. Suġġett ta’ diskussjoni matul dawn l-elezzjonijiet kien l-iżgurar tas-sikurezza tagħhom.
Fit-tweġibiet tagħhom għall-istħarriġ tal-Kummissjoni, diversi partiti politiċi Ewropej u nazzjonali rrapportaw li kienu konxji ta’ inċidenti ta’ fastidju u vjolenza, kemm online kif ukoll offline, fejn b’mod proporzjonat il-kandidati nisa u l-minoranzi kienu aktar ta’ spiss fil-mira. Madwar 41 % tal-partiti nazzjonali li ħadu sehem fl-istħarriġ kienu stabbilew miżuri għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-vjolenza online jew it-theddid kontra l-kandidati.
Rapporti minn osservaturi elettorali jenfasizzaw ukoll inċidenti allarmanti ta’ vjolenza, fastidju u intimidazzjoni f’diversi Stati Membri. Gruppi speċifiċi, inklużi n-nisa, huma partikolarment f’riskju.
4.8.Sejbiet ewlenin u miżuri ta’ segwitu
L-elezzjonijiet tal-2024 saru f’kuntest ta’ bidliet sinifikanti u profondi fl-ekosistema tal-informazzjoni. Il-pressjoni fuq il-proċess elettorali żdiedet kemm online kif ukoll offline; l-interferenza ostili u t-tentattivi ta’ diżinformazzjoni qed isiru aktar b’saħħithom, u l-metodi ta’ manipulazzjoni qed isiru aktar diversi u sofistikati.
Fl-istess ħin, minkejja l-ambjent diffiċli tal-informazzjoni, in-nuqqas ta’ inċidenti kbar li kapaċi jfixklu l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew, juri l-preparatezza tal-UE għas-salvagwardja tal-proċessi elettorali u l-iżgurar ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti.
Il-firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ preparatezza, bħall-attivazzjoni tar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi, il-linji gwida dwar l-elezzjonijiet għall-fornituri tal-VLOPs u tal-VLOSEs, id-diskussjonijiet fin-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, id-diversi eżerċizzji ta’ simulazzjoni u l-użu tas-Sistema ta’ Rispons Rapidu skont il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, kollha kkontribwew għal preparatezza akbar, skambju aktar faċli ta’ informazzjoni u detezzjoni u segwitu rapidi tal-inċidenti. L-istrutturi ta’ preparatezza u kooperazzjoni mingħajr preċedent, appoġġati minn firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni biex tingħata spinta lir-reżiljenza tas-soċjetà, urew li huma essenzjali biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni, interferenza u diżinformazzjoni minn barranin matul l-elezzjonijiet. Miżuri proattivi mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data għenu biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-proċess elettorali. Ġie żgurat livell għoli ta’ ċibersigurtà, u ġew appoġġati kampanji ġusti.
Madankollu, hija meħtieġa viġilanza kontinwa. It-theddid ikompli jevolvi malajr ħafna, u dan jitfa’ dawl fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi u l-kapaċità operazzjonali f’termini ta’ għarfien tas-sitwazzjoni u rispons, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali tal-partijiet ikkonċernati.
B’ħarsa ’l quddiem, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rilevanti hija essenzjali, kif ukoll sorveljanza b’saħħitha li tibni fuq il-kollaborazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet involuti fil-proċess elettorali.
L-iskambji ta’ esperjenzi dwar l-elezzjonijiet, inkluża l-valutazzjoni ta’ inċidenti u avvenimenti mhux mistennija li jaffettwaw it-tmexxija bla xkiel tal-elezzjonijiet se jkomplu jkunu importanti.
Fil-kuntest tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp ta’ lista ta’ kontroll operazzjonali dwar l-integrità elettorali u matriċi tal-ġestjoni tar-riskju li sservi bħala punti ta’ referenza aċċessibbli għall-preparatezza nazzjonali. Qed tistabbilixxi wkoll l-oqfsa applikabbli rigward l-opportunitajiet indaqs għall-kandidati politiċi.
Il-pjattaformi online li jipprovdu servizzi fl-UE għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni rilevanti u jappoġġaw spazju demokratiku ġust tal-UE, anki f’termini ta’ opportunitajiet indaqs għall-kandidati. Atturi oħra, inklużi s-soċjetà ċivili, l-osservaturi tal-elezzjonijiet u l-media wkoll għandhom rwol ċentrali fl-appoġġ ta’ spazju demokratiku ġust.
Għodod bħal dawk ipprovduti mid-DSA wrew il-valur miżjud tagħhom fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew biex jiġi żgurat li r-riskji sistemiċi għad-diskussjoni pubblika u l-proċessi elettorali fuq pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix jiġu indirizzati u mitigati b’mod adegwat. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni u tieħu azzjoni fil-qafas tar-responsabbiltà tagħha fil-qafas tad-DSA fejn ikun meħtieġ. Wara l-integrazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika volontarju dwar id-Diżinformazzjoni fil-qafas regolatorju tad-DSA fi Frar 2025, il-Kummissjoni tista’ tiddependi fuq il-Kodiċi bħala parametru referenzjarju għall-miżuri li l-pjattaformi jistgħu japplikaw biex jindirizzaw ir-riskji sistemiċi relatati mad-diżinformazzjoni.
Ladarba l-Att dwar l-IA jiġi implimentat bis-sħiħ, id-deepfakes se jkollhom jiġu ttikkettati b’mod ċar u l-kontenut kollu ġġenerat mill-IA se jkollu jiġi mmarkat, li jippermetti lill-utenti tal-media soċjali jidentifikaw faċilment tali kontenut. Il-mudelli tal-IA bi skop ġenerali li joħolqu riskji sistemiċi se jkollhom ikunu soġġetti wkoll għal miżuri li jindirizzaw u jimmitigaw ir-riskji għad-demokraziji u l-elezzjonijiet. Ċerti prattiki manipulattivi inaċċettabbli tal-IA huma pprojbiti (pereżempju ġenerazzjoni ta’ messaġġi subliminali) fil-qafas tal-Att dwar l-IA. Is-sistemi tal-IA b’riskju għoli — inkluż dawk maħsuba biex jinfluwenzaw l-eżitu ta’ elezzjoni jew referendum — se jkollhom jissodisfaw rekwiżiti stretti qabel ma jitqiegħdu fis-suq u se jkunu soġġetti għal valutazzjonijiet regolari.
L-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament il-ġdid dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku minn Ottubru 2025 se tkompli tarrikkixxi s-sett ta’ għodod — filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni — billi tipprovdi standards komuni ta’ trasparenza u tiddefinixxi l-immirar u t-twassil tar-reklamar politiku. Dan ir-Regolament, li kien għadu ma japplikax bis-sħiħ matul l-elezzjonijiet tal-2024, jipprevedi standards komuni tal-UE li jindirizzaw ċerti prattiki problematiċi fid-disseminazzjoni tar-reklamar politiku fl-UE, u b’hekk jikkontribwixxi għal dibattitu demokratiku ġust. Ir-Regolament se jimponi wkoll rekwiżiti speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tekniki tal-immirar u tat-twassil tar-reklami li jinvolvu data personali, inkluż meta tintuża l-IA. Il-Kummissjoni qed tappoġġa d-dħul fis-seħħ sħiħ appik tar-Regolament bit-tħejjija ta’ gwida u atti ta’ implimentazzjoni dwar it-tikketti u l-avviżi. L-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għas-superviżjoni adegwata tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.
Barra minn hekk, l-appoġġ għall-konformità robusta mal-protezzjoni tad-data filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti, bħall-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-media soċjali u tal-IA, se jibqa’ essenzjali wkoll għas-salvagwardja tal-integrità tal-proċess elettorali.
Huwa importanti li nibqgħu attenti għar-riskju ta’ attakki ċibernetiċi li qed isiru b’teknoloġija dejjem aktar raffinata. Għandu jsir aktar ukoll fil-livell tal-partiti politiċi nazzjonali, bħaż-żieda fit-tħejjija, is-sensibilizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-appoġġ biex jiġu indirizzati d-disparitajiet fil-miżuri protettivi taċ-ċibersigurtà, u biex tiġi żgurata protezzjoni konsistenti li tkopri l-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.
L-iffirmar tal-Kodiċi ta’ Kondotta mill-Partiti Politiċi Ewropej kien pass pożittiv ’il quddiem f’termini ta’ appoġġ għal kampanji ġusti, u impenn u aderenza ulterjuri mal-kodiċijiet u l-wegħdiet mill-partiti politiċi, inklużi l-partiti nazzjonali, jgħinu biex tissaħħaħ l-integrità tal-kampanji, inkluż billi l-finanzjament tal-partiti jsir aktar trasparenti. Ftehim fir-rigward tar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, li bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi, se jikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mal-finanzjament.
Hemm bżonn li jitrawwem ambjent pożittiv u sigur, biex il-kandidati politiċi u dawk eletti jkunu jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet politiċi tagħhom mingħajr biża’. F’dan ir-rigward jista’ jkun ta’ għajnuna jekk id-data tinġabar bil-ħsieb li jinftiehem aħjar it-theddid akbar għall-kandidati u r-rappreżentanti eletti. Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem biex tipproteġi aħjar is-sikurezza tal-kandidati politiċi u tar-rappreżentanti eletti fil-kuntest tat-tħejjija tat-Tarka Ewropea għad-Demokrazija.
It-tisħiħ ulterjuri tal-oqfsa operazzjonali dwar l-integrità elettorali, it-trawwim tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar dan is-suġġett, it-tisħiħ tal-allinjament u l-konsistenza bejn il-miżuri meħuda f’oqsma oħra, u l-involviment tas-soċjetà kollha, se jkunu importanti wkoll f’termini tal-bini ta’ “tħejjija komprensiva” għall-UE kollha kemm hi, kif enfasizzat fost l-oħrajn fir-rapport ta’ Niinistö.
5.Id-dimensjoni Ewropea u l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tal-UE
5.1.Dimensjoni Ewropea
L-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jaffettwa ċ-ċittadini Ewropej direttament. Dan għandu impatt pereżempju fuq kif jissawru l-politiki u liema liġijiet jgħaddu fil-livell Ewropew u jiġu implimentati fl-UE. Iċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu jafu x’qed jiġi diskuss fil-livell Ewropew jekk iridu jagħmlu għażliet infurmati. Madankollu, id-dibattitu politiku u l-kampanja għall-elezzjonijiet tal-2024 fl-Istati Membri baqgħu ddominati minn kwistjonijiet nazzjonali u lokali, u bilkemm kienet qed tiġi diskussa u mifhuma r-rabta mal-livell Ewropew.
Il-Parlament Ewropew ippromwova b’mod attiv id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet billi organizza lejl elettorali, fejn ipprovda lill-midja b’aġġornamenti f’ħin reali dwar il-parteċipazzjoni elettorali u l-kompożizzjoni tal-Parlament.
Il-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet isaħħaħ ir-rabta bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej u, għalhekk, il-leġittimità demokratika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell Ewropew.
Ir-Regolament (UE) Nru 1141/2014 jistabbilixxi sistema legali, finanzjarja u regolatorja speċifika għall-partiti politiċi Ewropej u għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’emendi biex jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet ta’ finanzjament, jiġu ffaċilitati l-interazzjonijiet tal-partiti politiċi Ewropej mal-partiti membri nazzjonali tagħhom u bejn il-fruntieri, tiżdied it-trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tar-reklami politiċi u d-donazzjonijiet, jitnaqqas il-piż amministrattiv eċċessiv u tiżdied il-vijabbiltà finanzjarja tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Din il-proposta għadha qed tiġi nnegozjata.
|
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu n-natura Ewropea tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, inkluż billi jgħinu lill-partiti politiċi Ewropej u lill-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew iwettqu l-kampanji tagħhom. Hija tappella lill-Istati Membri biex jippermettu t-tħabbir tal-kandidati u l-bidu tal-kampanja fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mill-anqas 6 ġimgħat qabel il-jum tal-elezzjoni. Hija tinkoraġġixxi l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar l-affiljazzjonijiet bejn il-partiti politiċi nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej qabel u matul l-elezzjonijiet. Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ ukoll lill-partiti politiċi nazzjonali biex qabel il-bidu tal-kampanja elettorali jiddikjaraw pubblikament ma’ liema partit politiku Ewropew huma affiljati.
|
L-Istati Membri għandhom firxa ta’ perjodi ta’ żmien għat-tħabbir tal-kandidati kif ukoll skedi ta’ żmien għall-kampanji għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Pereżempju, fil-Ġermanja, fil-Portugall u fl-Iżvezja, il-kampanji jistgħu jibdew aktar minn 9 xhur qabel jum l-elezzjoni, li jfisser perjodi estiżi għall-involviment politiku. Fil-Finlandja, il-kampanji jibdew bejn 6 xhur u 9 xhur qabel l-elezzjonijiet, filwaqt li f’pajjiżi bħall-Belġju, iċ-Ċekja, il-Litwanja, il-Latvja u s-Slovakkja, il-kampanji tipikament jibdew minn 3 sa 6 xhur qabel. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi, it-tħabbir tal-kandidati u l-bidu tal-kampanji kienu permessi biss mhux aktar minn 3 xhur qabel l-elezzjonijiet.
Bosta Stati Membri ħadu passi biex itejbu t-trasparenza fir-rigward tal-affiljazzjonijiet bejn il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej. Pereżempju, l-Italja tiffaċilita l-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni permezz tad-Direttorat Ċentrali għas-Servizzi Elettorali tagħha, li jippubblika struzzjonijiet dettaljati li jirreferu għar-regoli tal-UE u jiżgura li l-affiljazzjonijiet jiġu indikati fuq il-voti. Bl-istess mod, il-Litwanja tenfasizza dawn l-affiljazzjonijiet fuq il-voti u tippromwovi l-għarfien pubbliku. F’ħafna pajjiżi oħra, l-awtoritajiet rilevanti jużaw is-siti web istituzzjonali biex jaqsmu ċerti dettalji.
Il-partiti politiċi nazzjonali qed jintroduċu b’mod gradwali aktar trasparenza fir-rigward tal-affiljazzjonijiet tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej. Fl-istħarriġ tal-Kummissjoni, ħafna partiti fl-ispettri politiċi kollha rrapportaw li kienu ddikjaraw pubblikament l-affiljazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi Ewropej qabel il-bidu tal-kampanja elettorali Ewropea. Xi wħud stiednu wkoll personalitajiet politiċi Ewropej prominenti għal kungressi u sessjonijiet ta’ taħriġ iddedikati dwar l-elezzjonijiet, li kellhom l-għan li jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni elettorali.
5.2.Il-monitoraġġ u l-infurzar tad-drittijiet elettorali u tal-liġi elettorali tal-UE
L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma uniċi. L-Istati Membri, kull wieħed bil-kampanji nazzjonali, il-listi nazzjonali u r-regoli u t-tradizzjonijiet distintivi tiegħu, jikkontribwixxu għal riżultat kollettiv, bil-Membri eletti tal-Parlament li jirrappreżentaw liċ-ċittadini kollha tal-UE.
Ċerti prinċipji u proċeduri komuni huma stabbiliti fid-dritt tal-UE, inkluż l-Att Elettorali tal-1976 u r-regoli li jippermettu liċ-ċittadini mobbli tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw u joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.
Att Elettorali
Fl-2015, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea, li tissuġġerixxi ċerti emendi mmirati biex tissaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-elezzjonijiet Ewropej u l-leġittimità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Fis-7 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill approva abbozz ta’ deċiżjoni li temenda l-Att Elettorali (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/994). Ir-ratifika ta’ din id-deċiżjoni mxiet ’il quddiem iżda għadha ma ġietx konkluża.
Fit-3 ta’ Mejju 2022, il-Parlament Ewropew adotta l-proposta tiegħu għal Regolament ġdid tal-Kunsill dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, bl-għan li jħassar l-Att Elettorali eżistenti. Dan jipproponi riforma komprensiva u estensjoni tar-regoli elettorali stabbiliti fil-livell tal-UE għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, inkluża kostitwenza Ewropea li tippermetti l-elezzjoni ta’ 28 Membru tal-PE addizzjonali minn listi għall-UE kollha (minbarra l-listi nazzjonali). Id-diskussjonijiet dwar din il-proposta ma għamlux progress fil-Kunsill.
Għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex rwol formali fil-proċess, impenjat ruħha li tappoġġa lill-Parlament Ewropew biex jikseb ftehim dwar din il-proposta.
Drittijiet elettorali
Il-pakkett ta’ miżuri tal-2021 biex tissaħħaħ id-demokrazija u tiġi protetta l-integrità tal-elezzjonijiet, adottat mill-Kummissjoni, kien jinkludi żewġ proposti leġiżlattivi għar-riformulazzjoni tad-Direttivi dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jaġġornaw, jiċċaraw u jsaħħu r-regoli eżistenti biex jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini mobbli tal-UE, u li jiżguraw parteċipazzjoni wiesgħa u inklużiva fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jappoġġaw liċ-ċittadini mobbli tal-UE fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u jipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet.
Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjonijiet tiegħu dwar dawn il-proposti fl-14 ta’ Frar 2023. Id-diskussjonijiet fil-Kunsill għamlu progress sinifikanti fiż-żewġ fajls. F’April 2024 intlaħaq ftehim fil-Kunsill dwar id-Direttiva dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u t-test bħalissa jinsab mal-Parlament Ewropew għal proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-prevenzjoni tal-votazzjoni multipla
Permezz ta’ aġġornamenti tekniċi, il-Kummissjoni tejbet l-għodda kriptografika u l-pjattaforma sigura għall-kriptaġġ tad-data tal-votanti u tal-kandidati mobbli, filwaqt li appoġġat l-iskambji bejn l-Istati Membri li għandhom l-għan li jipprevjenu votazzjoni multipla. Fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet elettorali, hija organizzat ukoll ittestjar u pprovdiet linji gwida aġġornati dwar l-għodda kriptografika u l-pjattaforma sigura biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-użu effiċjenti ta’ dawn l-għodod. Dan iffaċilita l-iskambju sigur tad-data bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati votazzjonijiet multipli u kandidaturi doppji fost iċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni Ewropea.
Abbażi ta’ dan, bejn Jannar u Ġunju 2024, l-Istati Membri kkriptaw aktar minn 1 600 fajl b’listi ta’ votanti u kandidati u skambjaw data dwar madwar 1 miljun votant u 135 kandidat. Dan l-iskambju rriżulta fl-identifikazzjoni ta’ aktar minn 300 000 reġistrazzjoni multipla taċ-ċittadini.
Rapporti minn osservaturi elettorali bħall-OSKE/OIDHR jenfasizzaw l-isforzi sostanzjali mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex iwaqqfu l-votazzjoni multipla, għalkemm il-prattika ta’ votazzjoni multipla ma tidhirx li hija mifruxa. Fl-istess ħin, l-osservaturi jirrakkomandaw it-tisħiħ tal-proċess tal-iskambju tad-data biex il-prevenzjoni tal-votazzjoni multipla tkun aktar effettiva.
L-isfidi li fadal f’termini tal-prevenzjoni tal-votazzjoni doppja huma prinċipalment marbuta mad-differenzi fil-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali, speċjalment fir-rigward tal-iskadenzi tar-reġistri elettorali, li għandu impatt fuq il-perjodu tal-iskambju tad-data.
Bħala parti mill-isforzi tagħhom biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini mobbli tal-UE, l-Istati Membri rrapportaw li qajmu kuxjenza dwar il-projbizzjoni ta’ votazzjoni multipla u dwar is-sanzjonijiet relatati.
Id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/994 li temenda l-Liġi Elettorali, u l-adozzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva 93/109/KE jistgħu jsaħħu l-għodod disponibbli għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-votazzjoni doppja.
Is-sorveljanza mill-Kummissjoni u l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti tal-UE
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati għandhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, mal-liġi tal-UE u mal-istandards internazzjonali rilevanti applikabbli għat-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet.
Bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni ħadet diversi azzjonijiet sabiex tiżgura li l-liġi tal-UE kienet qed tiġi implimentata u sabiex telimina l-ostakli possibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni tinsab fi djalogu regolari mal-Istati Membri u tipprovdi għajnuna liċ-ċittadini.
Fit-13 ta’ Novembru 2024, f’kawża mressqa mill-Kummissjoni kontra ċ-Ċekja u l-Polonja rigward restrizzjonijiet fuq is-sħubija f’partiti politiċi domestiċi għal ċittadini mobbli tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li jekk id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej għandu jiġi eżerċitat b’mod effettiv, iċ-ċittadini mobbli tal-UE jridu jingħataw aċċess ugwali għall-mezzi disponibbli għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru għall-fini tal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. Minħabba li s-sħubija f’partit politiku tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali mogħtija mid-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE sabet li ċ-Ċekja u l-Polonja kisru d-dritt tal-UE billi ċaħdu liċ-ċittadini mobbli tal-UE mid-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku.
Il-Kummissjoni rċeviet diversi ittri miċ-ċittadini tal-UE li jqajmu kwistjonijiet speċifiċi fi Stati Membri differenti inklużi l-iskadenzi għar-reġistrazzjoni tal-kandidati, il-votazzjoni minn persuni b’nazzjonalità doppja, ir-rimedji disponibbli, id-drittijiet elettorali ta’ gruppi speċifiċi jew il-votazzjoni minn pajjiż terz.
L-Istati Membri u l-osservaturi elettorali rrappurtaw xi diffikultajiet fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mobbli tal-UE:
·ċittadini li rritornaw (ċittadini li marru lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minn Stati Membri oħra) u li ma kinux konxji li kellhom jieħdu passi biex jitħassru mir-reġistru elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza preċedenti jew li ma setgħux japplikaw għat-tneħħija mir-reġistru elettorali wara ċerta skadenza;
·ċittadini li ma kinux konxji tad-dritt taċ-ċittadinanza tal-UE tagħhom li jivvutaw għall-kandidati tal-Istat Membru ta’ residenza minflok tal-Istat Membru ta’ oriġini;
·ċittadini li ma kinux konxji tal-formalitajiet u tal-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet biex jiġu rreġistrati fir-reġistru elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza u għall-votazzjoni bil-posta;
·ċittadini li ma kinux konxji tal-istatus ta’ reġistrazzjoni tagħhom (kemm jekk kienu fir-reġistru elettorali fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru ta’ residenza);
·ostakli lingwistiċi u proċeduri kkumplikati jew mhux ċari biex jirreġistraw fl-Istat Membru ta’ residenza.
Iċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct (EDCC) aġixxa bħala helpline għaċ-ċittadini fl-elezzjonijiet tal-2024 fil-livell tal-UE u wieġeb 2 797 mistoqsija relatati mal-elezzjonijiet bejn Settembru 2023 u Ġunju 2024. Madwar 60 % tal-każijiet kienu relatati mad-drittijiet u l-formalitajiet elettorali. Il-biċċa l-kbira tan-nies ikkuntattjaw lill-EDCC b’mistoqsijiet dwar il-prattikalitajiet, bħall-postijiet u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-postijiet tal-votazzjoni u liema dokumenti jridu jġibu magħhom. Madwar 20 % tal-każijiet kienu relatati ma’ informazzjoni nieqsa perċepita mill-Istati Membri u ostakli jew inċidenti perċepiti li jipprevjenu lin-nies milli jivvutaw fil-jiem tal-elezzjoni.
5.3.Sejbiet ewlenin u miżuri ta’ segwitu
It-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, permezz tat-tisħiħ tat-trasparenza, l-għarfien pubbliku dwar l-affiljazzjonijiet bejn il-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej, u l-iżgurar ta’ opportunitajiet ugwali għal kulħadd fil-kampanji se jibqgħu objettiv ewlieni qabel it-terminu elettorali li jmiss.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Parlament Ewropew biex jikseb ftehim dwar il-proposta tagħha għal Att Elettorali ġdid, u se tappoġġa lill-koleġiżlaturi fil-konklużjoni tan-negozjati dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.
L-ilħuq ta’ ftehim dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini mobbli tal-UE fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huwa essenzjali biex jiġi pprovdut qafas aktar robust ħalli ċ-ċittadini mobbli tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta’ votazzjoni multipla. Id-Direttiva se tipprovdi mudelli komuni li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jirreġistraw il-votanti u l-kandidati tagħhom. Dan se jarmonizza l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tal-votanti u tal-kandidati fl-Istati Membri u jżid il-probabbiltà li ċ-ċittadini mobbli tal-UE jiġu identifikati b’mod preċiż mill-Istat Membru domiċiljari tagħhom, u b’hekk jiġi żgurat li ma jivvotawx jew joħorġu bħala kandidati darbtejn fl-istess elezzjonijiet. Dan huwa konsistenti mal-miżuri speċifiċi biex tiġi żgurata reġistrazzjoni faċli skont ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet.
Il-kooperazzjoni mill-qrib fost l-istituzzjonijiet tal-UE biex iċ-ċittadini jiġu infurmati u involuti, inkluż billi tinżamm helpline għall-elezzjonijiet li tipprovdi mod faċli għaċ-ċittadini tal-UE biex jikkuntattjaw lill-Istituzzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet elettorali tagħhom, permezz taċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct (EDCC), hija kruċjali.
Il-Kummissjoni se tkompli tieħu miżuri biex tiżgura li l-liġi tal-UE qed tiġi implimentata u biex telimina l-ostakli potenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, inklużi ċ-ċittadini mobbli.
6.Osservazzjoni elettorali
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-elezzjonijiet tippromwovi l-osservazzjoni elettorali inkluż miċ-ċittadini peress li hija mod effiċjenti biex iċ-ċittadini jiġu involuti fil-proċess elettorali u titjieb il-fiduċja pubblika fl-elezzjonijiet.
L-osservazzjoni tal-elezzjonijiet tappoġġa l-integrità tal-proċessi elettorali. Il-Kummissjoni kienet fi djalogu attiv mal-osservaturi elettorali fil-kuntest tas-segwitu għar-Rakkomandazzjoni tagħha tal-2023 dwar l-elezzjonijiet, u appellat lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-osservazzjoni elettorali indipendenti. Il-miżuri għall-promozzjoni tal-osservazzjoni elettorali ġew diskussi fil-kuntest tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-osservaturi elettorali attendew diversi laqgħat.
Fit-tweġiba għall-istħarriġ tal-Kummissjoni, kważi 70 % tal-Istati Membri kkonfermaw li kienu ħadu passi speċifiċi biex jiffaċilitaw l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-2024 miċ-ċittadini u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali. Ħafna Stati Membri appoġġaw l-osservazzjoni elettorali permezz ta’ oqfsa nazzjonali, programmi ta’ taħriġ, u sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE/l-ODIHR u ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal Election-Watch.EU.
Madwar 40 % minn kważi 60 partit politiku nazzjonali li wieġbu għall-istħarriġ tal-Kummissjoni rrapportaw xi forma ta’ kollaborazzjoni mal-osservaturi elettorali. F’dan ir-rigward, diversi partijiet irrapportaw li kienu involuti fil-ħidma ta’ osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR.
L-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) skjera missjoni speċjali ta’ valutazzjoni elettorali (SEAM, special election assessment mission) li tikkonsisti minn tim ewlieni ta’ seba’ esperti internazzjonali bbażati fi Brussell u 10 analisti reġjonali skjerati fl-Istati Membri kollha tal-UE. Ir-rapport finali maħruġ mill-OSKE/mill-ODIHR jindika li l-elezzjonijiet kienu ġenwinament kompetittivi, organizzati professjonalment u inklużivi. Xi oqsma identifikati bħala li jeħtieġu attenzjoni kienu jikkonċernaw l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, l-inkonsistenzi fir-regolamenti elettorali, u l-indirizzar tat-theddid u tal-intimidazzjoni inkluż fil-konfront tal-ġurnalisti.
L-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili Election-Watch.EU wettqet it-tieni missjoni ta’ valutazzjoni elettorali tagħha fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fis-27 Stat Membru tal-UE b’77 espert elettorali u osservatur u 10 organizzazzjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali taċ-ċittadini tal-istess fehma.
Għandu jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-osservazzjoni elettorali, inkluż miċ-ċittadini. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattika f’dak li għandu x’jaqsam mal-osservazzjoni elettorali, inkluż fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet.
7.Konklużjonijiet
“Il-futur tal-Ewropa f’dinja frammentata se jiddependi fuq li jkollna demokrazija b’saħħitha u fuq id-difiża tal-valuri li jagħtuna l-libertajiet u d-drittijiet li ngħożżu”.
Elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti huma fil-qalba tad-demokrazija tal-Unjoni Ewropea u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħha. Fl-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew il-parteċipazzjoni elettorali baqgħet stabbli u kien hemm firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex jappoġġaw dan. L-UE laqgħet l-isfida li tiżgura r-reżiljenza u l-integrità tal-elezzjonijiet tal-2024. Bis-saħħa ta’ preparatezza bir-reqqa u kooperazzjoni msaħħa fil-livelli kollha, l-elezzjonijiet saru mingħajr tfixkil kbir. L-elezzjonijiet tal-2024 raw livell bla preċedent ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u bosta partijiet ikkonċernati oħra.
Fl-istess ħin, id-data f’dan ir-rapport tissuġġerixxi li hemm bżonn aktar titjib fl-inklużività tal-parteċipazzjoni elettorali u l-involviment taċ-ċittadini. Għalhekk, jibqa’ importanti l-appoġġ għal parteċipazzjoni għolja u inklużiva fid-demokrazija Ewropea, inkluż taż-żgħażagħ. Hemm ukoll il-ħtieġa li jsir aktar sforz biex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet, u li jiġu appoġġati l-aħjar prattiki fl-osservazzjoni elettorali. Għandhom ikomplu l-isforzi biex jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u l-valuri tal-UE. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, hemm bżonn approċċ soċjetali olistiku bi rwol importanti għal bosta atturi. Anke l-Istati Membri għandhom rwol ewlieni peress li r-responsabbiltajiet ewlenin għat-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet jinsabu f’idejhom.
Wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-iżviluppi relatati mal-elezzjonijiet nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE, fil-pajjiżi kandidati u fil-viċinat Ewropew, juru l-importanza li jissaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni u sforzi oħra għall-monitoraġġ, l-identifikazzjoni, l-analiżi u l-indirizzar tal-isfidi u t-theddid għall-proċessi elettorali.
It-tattiċi u t-tekniki użati biex joħolqu sfidi u theddid għall-elezzjonijiet qed jevolvu malajr. Qed ikun hemm ħafna kampanji ta’ diżinformazzjoni u manipulazzjonijiet oħra ta’ informazzjoni minn varjetà ta’ atturi ostili, minn barra u minn ġewwa l-UE, li qed jippruvaw inaqqsu l-motivazzjoni taċ-ċittadini biex jivvutaw, u li jaffettwaw il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi. It-tekniki manipulattivi qed jużaw teknoloġija li qed tevolvi b’mod kostanti, inkluż l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Sistemi ta’ finanzjament opaki fl-ekosistemi diġitali ġodda jippreżentaw sfida għall-mekkaniżmi ta’ sorveljanza. L-oqfsa tradizzjonali żviluppati biex jiżguraw opportunitajiet indaqs għall-partiti politiċi u l-kandidati fl-elezzjonijiet (pereżempju fir-rigward tal-kopertura mill-media) jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw ir-realtajiet ta’ ekosistemi diġitali ġodda.
Ir-reżiljenza f’livell tal-UE u dak nazzjonali b’rabta mal-elezzjonijiet tfisser tisħiħ reċiproku. Hemm bżonn li tiġi appoġġata aktar l-integrità tal-ambjenti elettorali, inkluż billi jiġu indirizzati l-lakuni fl-ambjent regolatorju u billi l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw bis-saħħa u b’mod ikkoordinat. Sabiex ikun hemm din is-sorveljanza koerenti, ikun importanti li tiġi żgurata kooperazzjoni aktar b’saħħitha fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-proċessi elettorali, inkluż permezz ta’ networks elettorali nazzjonali.
It-tisħiħ tal-preparatezza, il-mitigazzjoni tar-riskju u l-appoġġ bejn l-Istati Membri huma essenzjali wkoll. Peress li l-ħidma tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet uriet il-valur miżjud tagħha billi nġabru punti ta’ kuntatt tan-networks nazzjonali, il-ħidma tiegħu għandha titrawwem, b’dak in-network jaqdi r-rwol tiegħu bħala punt fokali ta’ kooperazzjoni dwar l-elezzjonijiet fl-UE.
Sabiex jiġu protetti elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għandu jiġi żgurat b’mod partikolari li l-elezzjonijiet isiru f’ambjent li fih il-mezzi tax-xandir indipendenti u pluralistiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu r-rwol demokratiku tagħhom. L-osservazzjoni indipendenti tal-elezzjonijiet għandha tiġi promossa aktar.
Fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u l-Pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija, kif ukoll it-tagħlimiet meħuda mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 li huma deskritti f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tippreżenta qafas strateġiku biex tkompli tissalvagwardja u ssaħħaħ id-demokrazija fl-UE fil-qafas tat-Tarka Ewropea għad-Demokrazija li hija mistennija.