Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0790

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-Demokrazija

COM/2020/790 final

Brussell, 3.12.2020

COM(2020) 790 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar il-pjan ta' azzjoni Ewropew għad-Demokrazija


“L-Unjoni Ewropea ma tirrigwardax biss il-partiti u l-politika, ir-regoli jew ir-regolamenti, is-swieq jew il-muniti. Fl-aħħar mill-aħħar — u fuq kollox — hija tirrigwarda n-nies u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Tirrigwarda n-nies maqgħudin flimkien. Għal-libertà tagħhom, għall-valuri tagħhom, sempliċement għal futur aħjar.”

Il-President tal-Kummissjoni von der Leyen, 27 ta’ Novembru 2019

1INTRODUZZJONI

Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma l-pedamenti li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Id-demokrazija hija valur ewlieni Ewropew, u prekundizzjoni għas-sħubija fl-UE. Iċ-ċittadini tal-UE jqisu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala l-aktar assi importanti tagħha 1 .

Id-demokrazija tippermetti liċ-ċittadini jfasslu l-liġijiet u l-politiki pubbliċi fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan jirrikjedi salvagwardji, kontrolli u bilanċi, u istituzzjonijiet li jissodisfaw ir-rwoli tagħhom u jirrispettaw ir-regoli tad-dibattitu demokratiku pluralistiku. Sabiex il-parteċipazzjoni tkun sinifikanti, iċ-ċittadini jridu jkunu kapaċi wkoll jiffurmaw il-ġudizzji tagħhom stess – huma għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet elettorali fi spazju pubbliku fejn tkun tista’ tiġi espressa liberament pluralità ta’ fehmiet u fejn il-media ħielsa, id-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom biex jistimulaw dibattitu miftuħ, ħieles minn indħil malizzjuż, kemm domestiku kif ukoll barrani. Id-demokrazija tista’ tirnexxi biss fi klima fejn il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni jiġu rispettati, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tippermetti lil kulħadd jesprimi l-fehmiet tiegħu, irrispettivament minn kemm ikunu kritiċi lejn il-gvernijiet u dawk fil-poter.

Fl-istess ħin, l-UE mhijiex biss ikkonċernata bil-protezzjoni tad-demokrazija fi ħdan il-fruntieri tagħha, iżda peress li qed tiżdied il-pressjoni fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem globalment, l-UE qed taħdem b’mod attiv biex tipproteġi, tispira u tappoġġa d-demokraziji madwar id-dinja 5 . L-isfidi relatati mal-eżerċizzju tad-demokrazija huma globali u d-demokraziji tad-dinja għandhom interess komuni li jaħdmu flimkien biex jindirizzawhom. Fil-livell tal-UE, dan jeħtieġ approċċ koerenti bejn l-azzjonijiet interni u esterni. Il-mod kif inrawmu u nsaħħu l-pedamenti demokratiċi tagħna fl-Unjoni u fl-Istati Membri għandu impatt fuq is-saħħa tal-azzjoni esterna tagħna. B’dan il-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi rispons iċċentrat fuq id-drittijiet u l-libertajiet individwali, it-trasparenza u r-responsabbiltà li jistgħu jservu wkoll bħala eżempju ta’ kif għandhom jiġu indirizzati dawn l-isfidi globali lejn id-demokrazija u bażi biex tinbena sħubija ma’ demokraziji tal-istess fehma.

It-trasformazzjoni diġitali tad-demokraziji tagħna

Ir-rivoluzzjoni diġitali ttrasformat il-politika demokratika. Il-kampanji politiċi issa qed isiru mhux biss wara bieb in-nies, bil-kartelluni, fuq il-frekwenzi tar-radju u l-iskrins tat-televiżjoni, iżda wkoll online. Dan jagħti lill-atturi politiċi opportunitajiet ġodda biex jilħqu lill-votanti. Dan iġib ukoll opportunitajiet ġodda għall-involviment ċiviku, li jagħmilha aktar faċli għal xi gruppi — b’mod partikolari ż-żgħażagħ — biex jaċċessaw l-informazzjoni u jipparteċipaw fil-ħajja pubblika u fid-dibattitu demokratiku.

Madankollu, it-tkabbir rapidu tal-kampanji online u tal-pjattaformi online fetaħ ukoll vulnerabbiltajiet ġodda u għamilha aktar diffiċli li tinżamm l-integrità tal-elezzjonijiet, tiġi żgurata media ħielsa u pluralista, u jiġi protett il-proċess demokratiku mid-diżinformazzjoni u minn manipulazzjoni oħra. Id-diġitalizzazzjoni ppermettiet modi ġodda biex jiġu ffinanzjati atturi politiċi minn sorsi mhux ikkontrollati, l-attakki ċibernetiċi jistgħu jimmiraw lejn infrastruttura elettorali kritika, il-ġurnalisti jiffaċċjaw fastidju u diskors ta’ mibegħda online, u informazzjoni falza u messaġġi polarizzanti mxerrda malajr permezz tal-media soċjali, anke permezz ta’ kampanji koordinati ta’ diżinformazzjoni. L-impatt ta’ xi wħud minn dawn il-passi huwa amplifikat bl-użu ta’ algoritmi opaki kkontrollati minn pjattaformi ta’ komunikazzjoni użati b’mod wiesa’.

Il-kulturi demokratiċi Ewropej tagħna, fid-diversità kollha tagħhom, qed jiġu sfidati mit-trasformazzjoni diġitali. Is-salvagwardji eżistenti biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-parità tar-riżorsi u l-ħin fuq il-mezzi tax-xandir matul il-kampanji elettorali mhumiex imfassla għall-ambjent diġitali. L-għodod tal-kampanja online żiedu l-qawwa billi għaqqdu d-data personali u l-intelliġenza artifiċjali ma’ profili psikoloġiċi u tekniki kumplessi ta’ mikroimmirar 6 . Uħud minn dawn l-għodod, bħall-ipproċessar tad-data personali, huma rregolati mil-liġi tal-UE. Iżda oħrajn bħalissa huma inkwadrati prinċipalment minn termini korporattivi ta’ servizz, u jistgħu wkoll jaħarbu mir-regolamentazzjoni nazzjonali jew reġjonali billi jiġu skjerati minn barra l-ġurisdizzjoni elettorali. It-tħassib dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-pjattaformi online jżid mal-isfida tal-infurzar tar-regoli. Il-pjattaformi online jista’ kemm ikollhom attivitajiet relatati mal-media li xxandarl-aħbarijiet kif ukoll jaġixxu bħala mod ta' aċċess tal-aħbarijiet online, filwaqt li ma jkunux soġġetti għall-istess regoli nazzjonali u standards professjonali.

It-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika

Dan il-pjan ta’ azzjoni jindirizza l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali u l-parlamenti − li għandhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tad-demokrazija−, kif ukoll awtoritajiet nazzjonali oħra, partiti politiċi, media u soċjetà ċivili, u pjattaformi online. B’rispett sħiħ għall-kompetenzi nazzjonali, hija tistabbilixxi qafas ta’ politika tal-UE msaħħaħ u miżuri speċifiċi biex:

-Jippromwovi elezzjonijiet ħielsa u ġusti u parteċipazzjoni demokratika b’saħħitha;

-jappoġġa media ħielsa u indipendenti; kif ukoll

-jieħu azzjoni kontra d-diżinformazzjoni.

Demokrazija b’saħħitha tiddependi fuq l-involviment taċ-ċittadini u soċjetà ċivili attiva, mhux biss fiż-żmien tal-elezzjoni, iżda l-ħin kollu. Ċittadini impenjati, infurmati u bis-setgħa huma l-aħjar garanzija għar-reżiljenza tad-demokraziji tagħna. Fil-pjan ta’ azzjoni kollu, hemm enfasi qawwija fuq l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili biex jiġġieldu t-theddid 7 .

2IL-PROTEZZJONI TAL-INTEGRITÀ TAL-ELEZZJONIJIET U L-PROMOZZJONI TAL-PARTEĊIPAZZJONI DEMOKRATIKA

L-għadd kbir ta’ votanti fl-elezzjonijiet reċenti madwar l-UE juri li ċ-ċittadini jibqgħu kunfidenti fil-poter tal-kaxxa tal-voti bħala għodda biex jesprimu l-opinjoni tagħhom u jżommu lir-rappreżentanti tagħhom responsabbli. Fl-istess ħin, il-media soċjali hija waħda mill-mezzi li jintużaw fit-tentattivi ta' manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika, biex tiġi skoraġġita l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet u jinxteħet dubju fuq l-integrità tal-proċessi elettorali. Ġew dokumentati wkoll tentattivi ta’ interferenza barranija 8 .

Iż-żamma tad-demokrazija teħtieġ azzjoni aktar determinata biex jiġu protetti l-proċessi elettorali, jiġi ppreservat dibattitu demokratiku miftuħ u jiġu aġġornati s-salvagwardji fid-dawl ta’ realtajiet diġitali ġodda. Id-demokrazija hija dwar ir-rikkezza tal-prattiki parteċipattivi, l-impenn ċiviku u r-rispett għall-istandards demokratiċi u l-istat tad-dritt, applikati matul iċ-ċiklu elettorali.



2.1Trasparenza tar-reklamar politiku u l-komunikazzjoni

Il-konformità mar-regoli tradizzjonali marbuta mal-ikkampanjar politiku tista’ tkun partikolarment ta’ sfida fil-kuntest online. Spiss ikun diffili li jiġu infurżati r-regoli jew ikunu ineffettivi online, jew l-awtoritajiet kompetenti jista’ ma jkollhomx is-setgħat jew il-mezzi biex jindirizzaw l-attività online. Il-potenzjal transfruntier tal-attività online jġib miegħu opportunitajiet, iżda jżid ukoll mal-isfida, peress li l-kwistjonijiet relatati mal-elezzjonijiet huma fil-biċċa l-kbira rregolati minn regoli applikabbli biss f’ġurisdizzjoni partikolari jew jistgħu ma jkunux ġew ifformulati biex iqisu l-ispazju online mingħajr fruntieri.

Hemm ħtieġa ċara għal aktar trasparenza fir-reklamar politiku u l-komunikazzjoni, u l-attivitajiet kummerċjali relatati magħha. Infurzar u konformità aktar b’saħħithom mar-regoli tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 9 huma ta’ importanza kbira.

Iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet responsabbli għandhom ikunu jistgħu jaraw b’mod ċar is-sors u l-iskop ta’ dan ir-reklamar. Fl-ambjent online, spiss ikun diffiċli li jiġi rikonoxxut materjal politiku bi ħlas u li dan jiġi distint minn kontenut politiku ieħor, mhux l-inqas minħabba li spiss jista’ jidher bħala kontenut “organiku” kondiviż jew maħluq minn utenti oħra. Dan joħloq inċertezzi legali għall-fornituri tas-servizzi u operaturi oħra, b’mod partikolari l-intermedjarji online, il-konsulenzi politiċi u d-ditti relatati, iżda wkoll għall-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet tal-kampanji, il-kandidati u għall-pubbliku b’mod aktar wiesa’ 10 , u jaffettwa r-responsabbiltà u s-sorveljanza.

Tekniki ġodda użati minn intermedjarji/fornituri ta’ servizzi biex jimmiraw ir-reklamar abbażi tal-informazzjoni personali tal-utenti jippermettu li r-reklami politiċi jiġu amplifikati u mfassla għall-profili speċifiċi ta’ individwu jew ta’ grupp, spiss mingħajr l-għarfien tagħhom. It-tekniki ta’ mikroimmirar u ta’ tfassil ta’ profili tal-imġiba jistgħu jiddependu fuq data miksuba b’mod mhux xieraq, u jintużaw ħażin biex jidderieġu narrattivi diviżivi u polarizzanti. Dan il-proċess jagħmilha ħafna aktar diffiċli li l-politiċi jinżammu responsabbli għall-messaġġi u jiftaħ triq ġdida għal tentattivi ta’ manipulazzjoni tal-elettorat 11 . Tħassib ieħor huwa l-ħabi u/jew ir-rappreżentazzjoni ħażina ta’ informazzjoni ewlenija bħall-oriġini, l-intenzjoni, is-sorsi u l-finanzjament ta’ messaġġi politiċi 12 .

Biex tindirizza dan it-tħassib, fl-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza tal-kontenut politiku sponsorizzat. Il-proposta se tikkumplimenta r-regoli dwar ir-reklamar online fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) li jmiss, bil-għan li jkun hemm regoli ddedikati fis-seħħ biżżejjed qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2024. Se jkollha fil-mira l-isponsors ta’ kontenut bi ħlas u ta’ kanali ta’ produzzjoni/distribuzzjoni, inklużi pjattaformi online, dawk li jirreklamaw u l-konsulenzi politiċi, filwaqt li tiċċara r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u tipprovdi ċertezza legali. Se tiżgura li d-drittijiet u l-istandards fundamentali rilevanti jiġu rispettati b’mod effettiv online daqs kemm huma offline. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta jekk huwiex meħtieġ approċċ immirat matul il-perjodi elettorali.

L-inizjattiva se tiddetermina liema atturi u liema tip ta’ kontenut sponsorjat jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza msaħħa. Dan se jappoġġa l-obbligu ta’ rendikont u jippermetti l-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli rilevanti, l-awditi u l-aċċess għal data mhux personali, u jiffaċilita d-diliġenza dovuta. Il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn ir-restrizzjoni ulterjuri tal-mikromiri u t-tfassil ta’ profili psikoloġiċi fil-kuntest politiku. Ċerti obbligi speċifiċi jistgħu jiġu imposti proporzjonalment fuq intermedjarji online, fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar u atturi oħra, skont l-iskala u l-impatt tagħhom (bħal għat-tikkettar, iż-żamma tar-rekords, ir-rekwiżiti tal-iżvelar, it-trasparenza tal-prezz imħallas, u l-kriterji ta’ mmirar u amplifikazzjoni) . Aktar dispożizzjonijiet jistgħu jipprovdu għal involviment speċifiku mal-awtoritajiet superviżorji, u biex jippermettu kodiċijiet koregolatorji u standards professjonali.

Filwaqt li tibni fuq l-iskambji interdixxiplinari bejn l-Istati Membri fil-qafas tan-Netwerk Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet stabbilit fl-2019 qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex ikunu jistgħu jsiru skambji konkreti u prattiċi dwar firxa ta’ suġġetti rilevanti biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti 13 , il-leġiżlazzjoni proposta se tkun ikkomplementata minn miżuri ta’ appoġġ u gwida għall-Istati Membri u atturi oħra, bħall-partiti politiċi nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jitqiesu l-limiti tal-kompetenza tal-UE f’dan il-qasam.

Azzjonijiet:

·Tipproponi, fl-2021, leġiżlazzjoni li tiżgura trasparenza akbar fil-qasam tal-kontenut sponsorizzat f’kuntest politiku (“reklamar politiku”)

·Adozzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ u gwida għall-partiti politiċi u l-Istati Membri

2.2Regoli aktar ċari dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

Il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej huwa rregolat mil-liġi tal-UE 14 .. Ir-rapport dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019 enfasizza l-ħtieġa li jissaħħu xi wħud mir-regoli sabiex tiġi evitata l-interferenza esterna, b’mod partikolari billi tittejjeb it-trasparenza fir-rigward tas-sorsi ta’ finanzjament għall-partiti politiċi Ewropej sabiex jiġi indirizzat il-finanzjament indirett minn interessi barranin li jgħaddu minn mezzi nazzjonali jew donazzjonijiet privati 15 . Fl-2021, il-Kummissjoni se tipproponi rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej bil-ħsieb li tindirizza l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej minn barra l-UE, tirrevedi r-rekwiżiti tal-awditjar, issaħħaħ ir-rabtiet bejn il-finanzjament Ewropew u l-kampanji nazzjonali, u tiffaċilita t-trasparenza u l-awditjar. L-għan huwa li jkun hemm ir-regoli l-ġodda fis-seħħ fi żmien suffiċjenti qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju 2024.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll l-iżvilupp ta’ għodod ta’ softwer ibbażat fuq l-internet biex tassisti l-ħidma tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-finanzjament politiku u t-trasparenza finanzjarja, pereżempju fid-detezzjoni u l-kxif ta’ frodi u irregolaritajiet possibbli fil-kontijiet ippubblikati tal-partiti politiċi.

Azzjonijiet:

·Tipproponi, fl-2021, reviżjoni tar-Regolament Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

2.3Kooperazzjoni msaħħa fl-UE biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti

L-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet nazzjonali hija kompetenza tal-Istati Membri infurmata minn standards internazzjonali, b’xi kwistjonijiet bħall-protezzjoni tad-data rregolati mill-qafas usa’ tal-liġi tal-UE. Il-liġi tal-UE ddedikata tirregola l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini mobbli tal-UE, filwaqt li ħafna mill-aspetti rilevanti għall-proċess elettorali għadhom jiddependu fuq il-liġi nazzjonali. L-esperjenza fit-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 uriet kif koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-livell nazzjonali u tal-UE jistgħu jagħtu kontribut ewlieni f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll mekkaniżmu operattiv ġdid tal-UE biex tappoġġa proċessi elettorali reżiljenti. Dan se jiġi organizzat u kkoordinat permezz tan-Netwerk Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet biex jappoġġa l-iskjerament ta’ timijiet ta’ esperti konġunti u skambji dwar kwistjonijiet bħaċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet u l-forensika online 16 , f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tan-Netwerk u s-Sistemi tal-Informazzjoni u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-kooperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-indirizzar ta’ sfidi speċifiċi (eż. marbuta mal-perjodi elettorali, l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, is-sorveljanza elettorali indipendenti u r-rimedji effettivi) u l-kopertura tal-monitoraġġ (inkluż online), l-identifikazzjoni tat-theddid, il-bini tal-kapaċità, l-operat tan-netwerks tal-elezzjonijiet nazzjonali u l-involviment mas-settur privat. Se jiġu esplorati għażliet għal appoġġ reċiproku, inkluż forum online, taħriġ konġunt, riżorsi u kompetenzi miġbura flimkien kif ukoll kapaċitajiet ta’ monitoraġġ online. L-immarkar tal-proċessi elettorali jew tal-aspetti tal-amministrazzjoni tagħhom bħala infrastruttura kritika jista’ jagħmel dawn l-isforzi aktar effettivi 17 . Il-Kummissjoni se torganizza avveniment ta’ livell għoli li jlaqqa’ flimkien diversi awtoritajiet biex jindirizzaw l-isfidi relatati mal-proċessi elettorali kif ukoll jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jipparteċipaw bħala votanti u kandidati fil-proċess demokratiku.

Se jittieħdu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE biex jipproteġu l-infrastrutturi elettorali kontra l-attakki ċibernetiċi 18 . F’dan il-kuntest, il-kompendju dwar iċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija elettorali 19 se jiġi aġġornat u ser jiġu organizzati eżerċizzji prattiċi ulterjuri biex jiġu esplorati r-riskji u t-tħejjija, abbażi tal-ħidma konġunta min-Netwerk Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-Grupp ta’ Kooperazzjoni tan-Netwerk u s-Sistemi tal-Informazzjoni. L-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà li jmiss se tipprovdi qafas trasversali, akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex tissaħħaħ is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni u l-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi.

Il-Kummissjoni se tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji rilevanti dwar l-ugwaljanza fit-trattament u l-kopertura bbilanċjata tal-media matul l-elezzjonijiet, peress li l-media tradizzjonali u l-pjattaformi online mhumiex soġġetti għall-istess obbligi. Gwida ulterjuri f’dan il-qasam tista’ tiġi ffaċilitata fil-livell tal-UE li tibbenefika wkoll mill-għarfien espert tar-regolaturi tal-media nazzjonali fil-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) 20 u tal-korpi tal-media awtoregolatorji. Din il-ħidma se tissejjes ukoll fuq l-għarfien espert fin-Netwerk Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija tal-UE. Ir-rispett tal-istandards tal-integrità ġurnalistika u editorjali huwa partikolarment importanti fil-kuntest elettorali.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-bażi tal-għarfien u tesplora modi kif tgħin liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet elettorali nazzjonali jibnu reżiljenza kontra t-theddid għall-proċess elettorali. Dan jista’ jinkludi studji, proġetti pilota, appoġġ għall-edukazzjoni għal ċittadinanza attiva, u helpdesks jew riżorsi kondiviżi simili.

L-IT tintuża fl-elezzjonijiet biex jingħaddu l-voti u jiġu trażmessi r-riżultati, jew (għalkemm rarament fl-UE) fil-forma ta’ magni ta’ votazzjoni elettronika jew votazzjoni elettronika. Filwaqt li l-Istati Membri tradizzjonalment ma kinux ħerqana li jintroduċu l-IT b’mod aktar ġenerali fil-proċess tal-votazzjoni, il-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal tbegħid fiżiku wasslu għal interess imġedded fis-soluzzjonijiet tal-votazzjoni elettronika 21 . Il-Kummissjoni se tħejji kompendju ta’ prattiki ta’ votazzjoni elettronika 22 , flimkien mal-Istati Membri u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa, li diġà ħareġ gwida sostanzjali f’dan il-qasam, inkluż dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità u persuni anzjani.

Il-kooperazzjoni u l-iskambju dwar kwistjonijiet elettorali, filwaqt li jsir l-aħjar użu mill-istrutturi eżistenti, ser jissaħħu mal-pajjiżi fil-viċinat immedjat tal-UE u lil hinn minnu, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa 23 , l-UNESCO u l-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem 24 biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattika u jingħata appoġġ għal sfidi komuni, bħall-indirizzar tal-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni fil-kuntest elettorali. Diġà għaddejja ħidma ma’ pajjiżi sħab permezz tal-appoġġ għad-demokrazija u l-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE, li l-mandat tagħhom ġie estiż għall-monitoraġġ tal-kampanji elettorali online, il-monitoraġġ tal-media soċjali u l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan il-qasam. Sabiex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu segwiti b’mod effettiv se jkun meħtieġ li tiġi kkonsolidata l-kapaċità tagħhom li jipprovdu appoġġ tekniku konkret lill-gvernijiet u lis-soċjetà ċivili fil-bini ta’ oqfsa ta’ politika, infrastrutturi siguri, kapaċità regolatorja u sorveljanza, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-esperjenza fid-detezzjoni, l-analiżi u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni.

Azzjonijiet:

·Tistabbilixxi mekkaniżmu operazzjonali konġunt ġdid u miżuri oħra ta’ appoġġ, li jibnu fuq il-ħidma tan-Netwerk Ewropew ta’ Kooperazzjoni fl-Elezzjonijiet, biex tippromwovi proċessi elettorali reżiljenti u tieħu aktar miżuri prattiċi biex tipproteġi l-infrastruttura elettorali kontra t-theddid, inkluż kontra l-attakki ċibernetiċi

·Il-Kummissjoni se torganizza avveniment ta’ livell għoli li jlaqqa’ flimkien diversi awtoritajiet relatati mal-elezzjonijiet biex jindirizzaw l-isfidi deskritti f’dan il-pjan.

·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament u l-kopertura bbilanċjata tal-media matul l-elezzjonijiet

·Tħejji kompendju ta’ prattiki ta’ votazzjoni elettronika

·Tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-netwerks tal-UE u l-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jibnu l-kapaċità u jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra t-theddid elettorali u jippromwovu standards internazzjonali għoljin fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda

·Tikkonsolida l-kapaċità tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE f’pajjiżi terzi biex tosserva u tivvaluta l-kampanji elettorali online u biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tagħhom

2.4Il-promozzjoni tal-involviment demokratiku u l-parteċipazzjoni attiva lil hinn mill-elezzjonijiet

L-isforzi biex tiġi appoġġata soċjetà ċivili vibranti u biex tiġi promossa u msaħħa l-parteċipazzjoni demokratika ser ikunu fil-qalba tal-ħidma tal-Kummissjoni f’ħafna oqsma, miċ-ċittadinanza tal-UE, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, il-kultura u l-politiki tar-riċerka għall-użu tal-fondi tal-UE kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll fil-viċinat tagħha.

Ittieħdu passi ġodda fid-demokrazija parteċipattiva u deliberattiva f’diversi Stati Membri li involvew lin-nies fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jagħtuhom is-setgħa dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku 25 . It-titjib tat-trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet itejbu l-leġittimità demokratika u l-fiduċja. L-inizjattivi f’dan il-qasam huma marbuta mill-qrib u jikkumplimentaw il-ħidma għall-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE inklużi d-drittijiet elettorali u l-parteċipazzjoni demokratika inklużiva, li se tingħata fid-dettall fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi d-demokrazija parteċipattiva u deliberattiva , billi tibni fuq eżempji bħall-Patt Klimatiku, proġetti futuri taħt il-Patt Ekoloġiku ta’ Orizzont 2020 u l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej 26 , kif ukoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE u l-liġijiet eżistenti 27 . Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt 28 jivvaluta wkoll l-inklużività tal-proċess leġiżlattiv u l-involviment tas-soċjetà ċivili. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, eżerċizzju pan-Ewropew f’demokrazija parteċipattiva u deliberattiva, għandha l-għan li tippermetti lin-nies minn madwar l-UE biex jagħmlu proposti biex ifasslu politiki futuri tal-UE. Il-Konferenza se tkun katalist għal forom ġodda ta’ parteċipazzjoni pubblika fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ Djalogi maċ-Ċittadini se trawwem ukoll forom innovattivi ta’ parteċipazzjoni u deliberazzjoni taċ-ċittadini, inkluż fil-livell transnazzjonali. 

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi strutturali u ta’ investiment rilevanti tal-UE biex jappoġġaw u jsaħħu l-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sħubija mal-livelli differenti tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż billi jibnu infrastruttura ta’ demokrazija deliberattiva. Dan se jippermetti parteċipazzjoni ċivika aħjar u involviment pubbliku fit-tfassil tal-prijoritajiet, inkluż għall-inizjattiva tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss f’kull Stat Membru. L-għodod żviluppati biex jappoġġaw il-Konferenza għall-Futur tal-Ewropa, bħall-pjattaforma diġitali multilingwi tagħha, se jippermettu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati jressqu proposti u jorganizzaw dibattiti wara l-Konferenza nnifisha.

Id-demokrazija deliberattiva ser tiġi appoġġata wkoll taħt Orizzont 2020 u s-suċċessur tiegħu, il-programm Orizzont Ewropa, permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien dwar kif jopera fil-prattika, l-isfidi li jiffaċċja u l-impatti li jista’ jkollu 29 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa r-riċerka biex tiżviluppa fehim aħjar tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tan-nies bid-demokrazija u kif din tista’ tiġi indirizzata permezz tal-innovazzjoni demokratika, inkluż l-involviment ċiviku u l-inizjattivi deliberattivi tad-demokrazija. Il-Programm Ewropa Kreattiva l-ġdid se joffri opportunitajiet ġodda lill-atturi fis-settur kulturali u kreattiv għal xogħol relatat mad-demokrazija u l-parteċipazzjoni ċivika. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tippromwovi u tiddefendi l-libertà tal-artisti li joħolqu mingħajr ċensura jew intimidazzjoni.

Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fl-azzjoni fil-livelli kollha biex tippromwovi l-aċċess għall-parteċipazzjoni demokratika, f’konformità wkoll mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan jinvolvi l-inklużività u l-ugwaljanza fil-parteċipazzjoni demokratika, il-bilanċ bejn is-sessi fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, 30 u passi proattivi biex jiġu miġġielda l-attakki antidemokratiċi u d-diskors ta’ mibegħda li jfittxu li jiddisswadu lin-nisa 31 , persuni LGBTIQ u gruppi ta’ minoranza milli jkunu politikament attivi. Ser tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ żvantaġġati, persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju 32 , persuni b’diżabbiltà 33 , persuni b’livelli aktar baxxi ta’ litteriżmu diġitali u involviment diġitali (eż. familji bi dħul baxx mingħajr aċċess faċli għall-internet jew persuni anzjani).

Il-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ hija karatteristika importanti tal-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ (2019‑2027) 34 . Id-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ se jissaħħaħ permezz ta’ attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ taħt Erasmus+ u l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Il-programm il-ġdid tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se joffri firxa usa’ ta’ opportunitajiet għall-involviment ċiviku billi jappoġġa lill-komunitajiet fil-bżonn fl-UE u bnadi oħra. Il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri se jiffinanzja kurrikuli li jippromwovu l-involviment ċiviku, politiku u demokratiku taż-żgħażagħ b’appoġġ għall-isforzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni attiva. Esternament, il-Programm għall-Iżvilupp, l-Edukazzjoni u l-Għarfien jikkontribwixxi għall-involviment attiv taż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-isfidi globali u s-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri universali.

Se jsir aktar sforz fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online, li jista’ jiskoraġġixxi lin-nies milli jesprimu l-fehmiet tagħhom u milli jipparteċipaw f’diskussjonijiet online. Fl-2021, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva biex testendi l-lista ta’ reati tal-UE skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tkopri reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, inkluż diskors ta’ mibegħda online. Se jkompli xogħol taħt Kodiċi ta' kondotta għall-indirizzar tad-diskors ta' mibegħda illegali 35 Dawn l-isforzi se jikkontribwixxu wkoll biex tiżdied is-sikurezza tal-ġurnalisti (ara t-taqsima 3.1). L-indirizzar tal-kontenut illegali online filwaqt li tiġi promossa l-libertà tal-espressjoni huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Azzjonijiet:

·Isir inkoraġġiment għall-użu tal-fondi strutturali tal-UE biex jiffinanzjaw is-soċjetà ċivili u jibnu l-kapaċità u l-infrastruttura istituzzjonali/amministrattiva għall-involviment ċiviku u l-parteċipazzjoni politika deliberattivi

·Użu tal-fondi u l-opportunitajiet tal-UE skont l-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, il-Programm Ewropa Kreattiva u l-aġenda tal-ugwaljanza biex jitrawwem l-aċċess għall-parteċipazzjoni demokratika u l-fiduċja fid-demokrazija

·Ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-promozzjoni tar-rispett fid-dibattitu pubbliku permezz tal-estensjoni tal-lista ta’ reati tal-UE għar-reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda

3It-TISĦIĦ tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-MEDIA

Il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja huma essenzjali għad-demokraziji tagħna u huma minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Midja ħielsa u pluralistika hija kruċjali biex dawk li huma fil-poter jinżammu responsabbli u biex tgħin liċ-ċittadini jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Billi tipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni affidabbli, il-midja indipendenti għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tad-dibattitu demokratiku. 

L-attakki, l-abbużi tal-liġijiet dwar il-malafama u forom oħra ta’ intimidazzjoni u pressjoni, inkluż mill-kriminalità organizzata, qed jagħmlu ħsara lill-ambjent li fih jaħdmu l-ġurnalisti 36 . Is-settur tal-midja jiffaċċja wkoll l-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali u r-rwol tal-pjattaformi bħala gwardjani għad-distribuzzjoni tal-aħbarijiet online. Il-pandemija tal-COVID-19 aggravat dawn ix-xejriet. Dan wassal għal telf kbir fir-reklamar, li laqat b’mod partikolari lill-midja żgħira u lokali 37 . 

Kien hemm ksur ġdid tal-libertà tal-midja 38 , xi drabi f’isem il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online. Fl-2020, mhux inqas minn 90 pajjiż madwar id-dinja, inklużi xi wħud fl-UE u fil-Viċinat tagħha, imponew restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-midja abbażi tal-COVID-19 39 .

Hemm ħtieġa ċara li tittejjeb is-sikurezza online u fiżika tal-ġurnalisti, u li jiġu pprovduti lilhom u atturi oħrajn involuti fil-protezzjoni tal-interess pubbliku b’għodod kontra litigazzjoni abbużiva. Żvelar pubbliku aħjar ta’ informazzjoni dwar min jippossjedi jew jikkontrolla stabbilimenti tal-midja u d-distribuzzjoni trasparenti u ġusta tar-reklamar tal-istat jistgħu wkoll jipproteġu l-pluraliżmu tal-midja.

Flimkien ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Midja u l-Awdjoviżiv 40 se jindirizza l-vijabbiltà finanzjarja tas-settur tal-midja, se jgħin lill-industrija tal-midja tirkupra u taħtaf bis-sħiħ l-opportunità tat-trasformazzjoni diġitali, u se jkompli jappoġġa l-pluraliżmu tal-midja. Dawn il-pjanijiet jiffurmaw approċċ komprensiv għas-settur tal-midja u jibnu fuq il-ħidma li saret mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill 41 . Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jipprovdi wkoll gwida konkreta għal azzjonijiet esterni b’appoġġ għal midja ħielsa u pluralistika madwar id-dinja, speċjalment b’appoġġ għas-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti.

3.1Is-sikurezza tal-ġurnalisti

Ir-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt 42 wera li t-theddid fiżiku u online u l-attakki fuq il-ġurnalisti qed jiżdiedu f’diversi Stati Membri. Il-kampanji ta’ malafama huma frekwenti u b’mod ġenerali l-intimidazzjoni u l-interferenza motivata politikament saru komuni. F’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa rat attakki brutali fuq midja ħielsa, bl-assassinju ta’ ġurnalisti, b’mod partikolari Daphne Caruana Galizia f’Malta, Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová fis-Slovakkja. Karatteristika komuni ta’ dawn il-qtil kienet li kienu ppreċeduti minn theddid fiżiku u legali għall-vittmi. Għadd dejjem jikber ta’ ġurnalisti huma fil-mira ta’ theddid, dejjem aktar permezz ta’ mezzi online. Il-ġurnalisti huma fil-mira ta’ fastidju, diskors ta’ mibegħda u kampanji ta’ malafama, xi drabi anke mibdija minn atturi politiċi, fl-Ewropa u lil hinn minnha 43 . Il-ġurnalisti nisa huma partikolarment fil-mira. Ir-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt innota li tali pressjoni għandha “effett dissważiv” fuq il-ġurnalisti. Dan jista’ jwassal għal awtoċensura u jnaqqas l-ispazju għal dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet importanti.

F’April 2016, filwaqt li rrikonoxxa l-ħsara li t-theddid għall-ġurnalisti jagħmel għall-funzjonament tas-soċjetà demokratika, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta Rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media 44 . Il-Kunsill tal-Ewropa waqqaf ukoll Pjattaforma ddedikata għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti 45 għall-monitoraġġ tal-allerti. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu l-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti billi jipprovdu ambjent legali abilitanti, jieħdu t-theddid kriminali kontra l-ġurnalisti bis-serjetà u jħarrku l-attakki b’mod vigoruż. Madankollu, is-sikurezza tal-ġurnalisti kompliet tmur għall-agħar, bil-Pjattaforma tirreġistra għadd dejjem jikber ta’ twissijiet 46 , u r-Rakkomandazzjoni jeħtieġ li jiġu implimentati aħjar 47 .

Filwaqt li s-sitwazzjoni hija allarmanti, ġew żviluppati għadd ta’ prattiki tajba f’diversi Stati Membri 48 . Dawn jinkludu inizjattivi transfruntiera, eż. il-Codex tal-Pulizija tal-Libertà tal-Istampa huwa inizjattiva żviluppata minn organizzazzjonijiet għal-libertà tal-media biex jippromwovu d-djalogu bejn il-forzi tal-pulizija u l-atturi tal-midja 49 . Il-Kummissjoni hija impenjata li tiffaċilita l-iskambju u t-tixrid tal-aħjar prattiki biex trawwem spazju aktar sikur għall-ġurnalisti madwar l-UE.

Il-Kummissjoni se torganizza djalogu strutturat li jinvolvi l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji tal-midja tagħhom, rappreżentanti tal-ġurnalisti, korpi awtoregolatorji (kunsilli tal-midja/tal-istampa) u s-soċjetà ċivili, u se ddaħħal l-għarfien espert tal-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u l-UNESCO 50 . Dan id-djalogu se jsir fi ħdan il-Forum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet li l-Kummissjoni se twaqqaf biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet relatati mal-midja 51 . L-involviment tal-ġudikatura, il-prosekuzzjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri huwa essenzjali biex jiġi indirizzat b’mod effettiv it-theddid li jħabbtu wiċċhom miegħu l-ġurnalisti u biex titnaqqas l-impunità għall-awturi tar-reat.

Fl-2021, il-Kummissjoni se tipproponi rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti. Se jkollha l-għan li tindirizza aktar il-kwistjonijiet ta' sikurezza enfasizzati fir-rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020, tiżgura implimentazzjoni aħjar mill-Istati Membri tal-istandards fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, u tiġbed attenzjoni partikolari għat-theddid kontra l-ġurnalisti nisa.

L-iżgurar ta’ finanzjament stabbli 52 huwa wkoll kruċjali biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti jiġu appoġġati. Pereżempju, il-proġett pilota tar-Rispons Rapidu għal-Libertà tal-Midja 53 jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ reazzjonijiet rapidi koordinati għall-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-midja, inkluż għajnuna legali u appoġġ prattiku (eż. postijiet ta’ kenn) għall-ġurnalisti fil-bżonn fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati.

L-UE tippromwovi u tappoġġa b’mod attiv is-sikurezza tal-ġurnalisti fl-azzjonijiet u l-politiki esterni tagħha 54 . Hija ser tkompli tissorvelja u ssaħħaħ l-ambjent tal-midja barra l-UE b’enfasi fuq it-trawwim tal-pluraliżmu tal-midja indipendenti u s-sigurtà tal-ġurnalisti u ser tuża d-diplomazija pubblika biex twieġeb għat-theddid u l-ostakoli għall-ġurnalisti. Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni tad-Difensuri jipprovdi appoġġ finanzjarju u legali u rilokazzjoni għal mijiet ta’ ġurnalisti kull sena 55 . Din il-ħidma se tkompli, kif ukoll l-appoġġ legali għall-ġurnalisti u l-kumpaniji tal-midja permezz ta’ programmi tematiċi u bilaterali, speċjalment f’każijiet ta’ fastidju ġudizzjarju u użu abbużiv tal-liġijiet dwar iċ-ċibersigurtà.

Azzjonijiet:

·Rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti fl-2021, b’kont meħud tat-theddid online ġdid iffaċċjat b’mod partikolari minn ġurnalisti nisa

·Djalogu strutturat, taħt il-Forum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet, mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex titħejja u tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni

·Finanzjament sostenibbli għal proġetti b’enfasi fuq assistenza legali u prattika lill-ġurnalisti fl-UE u bnadi oħra, inkluż taħriġ dwar is-sikurezza u ċ-ċibersigurtà għall-ġurnalisti u appoġġ diplomatiku

3.2Il-ġlieda kontra l-użu abbużiv ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika

Il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) huma forma partikolari ta’ fastidju li qed jintuża dejjem aktar kontra ġurnalisti u oħrajn involuti fil-protezzjoni tal-interess pubbliku. Dawn huma kawżi infondati jew eżaġerati mibdija minn korpi statali, korporazzjonijiet kummerċjali jew individwi b’saħħithom kontra partijiet aktar dgħajfa li jesprimu kritika jew jikkomunikaw messaġġi li huma skomdi għal-litiganti, dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku. L-għan tagħhom huwa li jiċċensuraw, jintimidaw u jsikktu lill-kritiċi billi jgħabbuhom bl-ispiża ta’ difiża legali sakemm jabbandunaw il-kritika jew l-oppożizzjoni tagħhom. Filwaqt li l-atturi tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu vulnerabbli għal inizjattivi bħal dawn, in-natura tal-ħidma tal-ġurnalisti tagħmilhom partikolarment esposti 56 .

Studju reċenti 57 juri li SLAPPs qed jintużaw dejjem aktar f’ħafna Stati Membri, f’ambjent fejn l-attività ostili kontra l-ġurnalisti qed tikber 58 . Filwaqt li l-biċċa l-kbira jirriżultaw f’liberazzjonijiet, xorta jqajmu tħassib serju, peress li jistgħu jinterrompu l-ħidma tal-ġurnalisti u jaffettwaw il-kredibbiltà tagħhom. Minħabba l-iżbilanċ fil-poter u r-riżorsi, is-SLAPPs jista’ jkollhom impatt devastanti fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-vittmi u jipproduċu “effetti dissważivi”, li jiddisswadu jew iwaqqfuhom milli jwettqu xogħolhom fl-interess pubbliku. Is-SLAPPs spiss jintużaw flimkien ma’ theddid għas-sikurezza fiżika — Daphne Caruana Galizia kellha 47 kawża bħal dawn pendenti kontriha f’Malta u barra minn Malta fil-mument tal-qtil tagħha.

Is-SLAPPs jiddependu fuq il-liġi nazzjonali, iżda jistgħu jkunu aktar kumplessi u aktar għaljin biex issir difiża meta jinġiebu deliberatament f’ġuriżdizzjoni oħra jew meta jisfruttaw id-differenzi fid-dritt proċedurali nazzjonali u fid-dritt internazzjonali privat. Is-SLAPPs spiss huma ta’ natura transfruntiera. Il-fatt li l-kontenut tal-midja online huwa aċċessibbli fil-ġurisdizzjonijiet kollha jista’ jiftaħ it-triq għall-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni u jfixkel l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Fl-2021 il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili kontra s-SLAPPs. Biex tħejji din il-ħidma, il-Kummissjoni qed twettaq studju ta’ mmappjar u qed tmexxi grupp ta’ fokus tekniku biex tiġbor feedback dwar it-tip ta’ għajnuna legali jew appoġġ li jista’ jkun previst għall-vittmi tas-SLAPP. Barra dan, grupp ġdid ta’ esperti se jiġi stabbilit biex jiġbor il-prattikanti legali, ġurnalisti, akkademiċi, membri tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet professjonali, bil-għan li jinġiebu flimkien l-għarfien espert, iskambju u t-tixrid tal-aqwa prattiċi dwar appoġġ legali għall-ġurnalisti u atturi oħra konfrontati minn każijiet SLAPP.  It-taħriġ ġudizzjarju ddedikat għandu jgħin ukoll lill-imħallfin ikunu jafu kif jidentifikaw it-tilwim abbużiv u jużaw l-għodod disponibbli biex jindirizzawh 59 . L-aspetti transfruntier rilevanti ser jiġu eżaminati wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni sal-2022 tar-Regolamenti Ruma II u Brussell Ia 60 .

Azzjonijiet:

·It-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti dwar SLAPPs fil-bidu tal-2021

·Preżentazzjoni ta’ inizjattiva biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili kontra SLAPPs lejn tmiem l-2021

3.3Kooperazzjoni aktar mill-qrib għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards professjonali

It-trasparenza u l-konformità man-normi u l-istandards professjonali huma essenzjali għall-fiduċja tal-pubbliku fil-midja. Iż-żieda fil-pressjoni kummerċjali, u xi kultant politika, tpoġġi pressjoni fuq l-indipendenza tal-midja u l-kapaċità tal-ġurnalisti li jsegwu kodiċijiet ta’ kondotta u standards ta’ eċċellenza.

Sa mill-2019, il-Kummissjoni kienet qed tikkofinanzja proġett pilota dwar il-kunsilli tal-midja fl-era diġitali 61 , li għandu l-għan li jgħolli l-profil tal-korpi tal-awtoregolamentazzjoni tal-midja. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni se tippromwovi kooperazzjoni aktar qawwija bejn il-kunsilli nazzjonali tal-midja, korpi oħra awtoregolatorji tal-midja, regolaturi indipendenti tal-midja u n-netwerks tal-ġurnalisti. L-għan se jkun li jiġu identifikati b’mod aktar ċar l-isfidi ffaċċjati u li jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jitrawmu standards ġurnalistiċi fl-UE. 

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa inizjattivi awtoregolatorji li jippromwovu standards professjonali 62 , inklużi karti ta’ indipendenza editorjali, u diskussjonijiet dwar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ġurnalisti. B’mod partikolari, se jiġi pprovdut appoġġ dedikat fil-forma ta’ għotjiet taħt il-fergħa transsettorjali ta’ Ewropa Kreattiva għal sħubijiet kollaborattivi tal-midja tal-aħbarijiet, li se jinkludu l-iżvilupp ta’ standards editorjali, it-taħriġ tal-professjonisti u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

Azzjonijiet:

·Appoġġ għall-kooperazzjoni tal-UE bejn il-kunsilli nazzjonali tal-midja, korpi awtoregolatorji tal-midja oħrajn, regolaturi tal-midja indipendenti u netwerks ta’ ġurnalisti, u inizjattivi li jrawmu sħubijiet u standards ġurnalistiċi

3.4Miżuri addizzjonali għall-appoġġ tal-pluraliżmu tal-midja

It-trasparenza tas-sjieda tal-midja hija essenzjali għall-valutazzjoni tal-pluralità tas-swieq tal-midja. Il-Kunsill tal-Ewropa enfasizza wkoll l-importanza tat-trasparenza biex il-pubbliku jkun jista’ jevalwa l-informazzjoni u l-opinjonijiet imxerrda mill-mezzi tax-xandir 63 . Il-konsultazzjoni pubblika għal dan il-pjan ta’ azzjoni sabet appoġġ mifrux għal obbligi ċari fuq il-midja u l-kumpaniji kollha biex jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-sjieda tagħhom 64 .

Id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva 65 (AVMSD) hija pass importanti lejn l-iżgurar ta’ standards għoljin ta’ trasparenza fis-settur tal-midja Ewropew, filwaqt li tinkoraġġixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi t-trasparenza tas-sjieda tal-fornituri tas-servizzi tal-midja 66 . L-iskadenza għall-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva kienet id-19 ta’ Settembru 2020 u t-traspożizzjoni bħalissa qed tiġi vvalutata. Ir-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt wera li, filwaqt li xi Stati Membri għandhom fis-seħħ sistemi żviluppati sew biex jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda tal-midja, oħrajn ma għandhomx sistema bħal din jew jiffaċċjaw ostakli għal żvelar pubbliku effettiv 67 .

Biex ittejjeb il-fehim u d-disponibbiltà pubblika tal-informazzjoni dwar is-sjieda tal-midja, il-Kummissjoni se tikkofinanzja l-Monitoraġġ tas-Sjieda tal-Midja, proġett pilota li jistabbilixxi bażi tad-data disponibbli pubblikament li jkun fiha informazzjoni rilevanti dwar il-mezzi tal-midja, li l-Kummissjoni biħsiebha eventwalment tespandi biex tkopri l-Istati Membri kollha. Filwaqt li jibni fuq ir-riżultati ta’ dak il-proġett u fuq l-AVMSD riveduta, il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva jista’ jiżviluppa aktar gwida f’dan il-qasam.

Minħabba l-impatt serju tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jappoġġaw lill-midja b’mod li jirrispetta u jippromwovi l-indipendenza, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja 68 . Ir-responsabbiltà li jiġi żgurat li s-settur tal-midja tal-aħbarijiet jista’ jkompli joffri prodotti u servizzi li jippromwovu informazzjoni pluralistika, filwaqt li jikkompeti fi swieq miftuħa u effiċjenti, hija primarjament f’idejn l-Istati Membri. Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat eżistenti jiċċaraw il-kundizzjonijiet skont liema l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ pubbliku. Sabiex jiġi ffaċilitat l-appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-istampa. Il-Kummissjoni qed tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni xierqa 69 . Barra minn hekk, il-Qafas Temporanju tal-għajnuna mill-Istat tad-19 ta’ Marzu 2020 japplika wkoll għal miżuri speċifiċi għas-settur, bħal għajnuna lis-setturi tal-istampa, tal-mużika u awdjoviżivi 70 .

L-appoġġ finanzjarju mill-Istat permezz ta’ reklamar ta’ interess pubbliku jista’ jkun kruċjali, speċjalment għall-midja komunitarja mhux għall-profitt u forom oħra inqas kummerċjali ta’ ġurnaliżmu. Madankollu, mingħajr salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-midja, ir-reklamar tal-istat jista’ jintuża biex titpoġġa pressjoni politika indiretta fuq il-midja 71 . Regoli trasparenti u kriterji ġusti għall-allokazzjoni tar-reklamar jistgħu jtaffu r-riskji f’dan il-qasam. B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ reġistri tal-kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku li jippubblikaw il-kuntratti mogħtija u l-emendi tagħhom (kif appoġġjat mill-istrateġija tal-2017 tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku 72 ) jista’ jgħin.

Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll id-diversità tal-midja nazzjonali eżistenti u r-regola ta’ konċentrazzjoni biex tara jekk u kif dawn jiżguraw pluralità ta’ vuċijiet fis-swieq tal-midja diġitali, speċjalment fid-dawl tar-rwol dejjem jikber tal-pjattaformi online. Hija se tfassal għażliet biex jiġu indirizzati l-isfidi f’dan il-qasam u se tkompli tappoġġa d-diversità tal-midja f’komplementarjetà ma’ għodod tal-kompetizzjoni, regoli dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-AVMSD riveduta. Dan tal-aħħar jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw il-prominenza xierqa tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva ta’ interess ġenerali, biex jintlaħqu objettivi bħall-pluraliżmu tal-midja, il-libertà tal-kelma u d-diversità kulturali.  73    Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi approċċ komuni dwar din il-kwistjoni, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Midja u l-Awdjoviżiv. 

Azzjonijiet:

·Tiġi stabbilita l-Għodda għall-Monitoraġġ tas-Sjieda tal-Midja u tiżviluppa gwida possibbli ulterjuri dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-midja

·Trawwem miżuri għall-allokazzjoni trasparenti u ġusta tar-reklamar tal-Istat

·Timmappja opzjonijiet għal appoġġ ulterjuri għad-diversità tal-midja u trawwem approċċ Ewropew dwar il-prominenza tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva ta’ interess ġenerali

4ĠLIEDA KONTRA D-DIŻINFORMAZZJONI

Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn fenomeni differenti li komunement jissejħu “diżinformazzjoni” biex ikun jista’ jitfassal rispons ta’ politika xieraq:

-il-miżinformazzjoni hija kontenut falz jew qarrieqi li jinfirex mingħajr intenzjoni ta’ ħsara, għalkemm l-effetti xorta jistgħu jkunu ta’ ħsara, pereżempju meta n-nies jaqsmu informazzjoni falza mal-ħbieb u l-familja in bona fide;

-id-diżinformazzjoni hija kontenut falz jew qarrieqi li jinfirex b’intenzjoni ta’ qerq jew ta’ gwadann ekonomiku jew politiku u li jista’ jikkawża ħsara pubblika;

-l-operazzjoni ta’ influwenza tal-informazzjoni tirreferi għal sforzi kkoordinati minn atturi domestiċi jew barranin biex jinfluwenzaw udjenza fil-mira bl-użu ta’ firxa ta’ mezzi qarrieqa, inkluż it-trażżin ta’ sorsi ta’ informazzjoni indipendenti flimkien mad-diżinformazzjoni; u

-l-indħil barrani fl-ispazju tal-informazzjoni, li ta’ spiss jitwettaq bħala parti minn operazzjoni ibrida aktar mifruxa, jista’ jinftiehem bħala sforzi koerċittivi u qarrieqa li jfixklu l-formazzjoni libera u l-espressjoni tar-rieda politika tal-individwi minn attur Statali barrani jew l-aġenti tiegħu 74 .

Għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ fenomeni, u skont l-attur, il-mezz u l-impatt, jenħtieġ rispons ta’ politika differenti, f’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-istandards demokratiċi. Pereżempju, il-miżinformazzjoni, fejn ma jkun hemm l-ebda intenzjoni ta’ qerq, jew li tikkawża ħsara pubblika jew isir gwadann ekonomiku, essenzjalment tista’ tiġi indirizzata b’komunikazzjoni proattiva li tipprovdi informazzjoni affidabbli u li tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa li jiġu vvalutati b’mod kritiku l-kontenut u s-sorsi. Sabiex jiġu indirizzati l-fenomeni l-oħrajn, fejn ikun hemm intenzjoni ta’ ħsara, jenħtieġ rispons aktar robust u l-kapaċitajiet tagħna jridu jiġu żviluppati kontinwament. Fuq dawn il-linji, u abbażi tal-progress li sar 75 , dan il-pjan ta’ azzjoni jippreżenta azzjoni ulterjuri biex jiġu miġġielda d-diżinformazzjoni, l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta’ influwenza.

It-tnaqqis tal-inċentivi fl-ambjent online li jippermettu l-amplifikazzjoni ta’ dan il-kontenut huwa element ta’ rispons importanti wkoll. L-operazzjonijiet ta’ influwenza tal-informazzjoni u l-indħil barrani jitolbu rispons aktar b’saħħtu u kkoordinat tajjeb, bl-użu ta’ strumenti u approċċi oħrajn 76 . F’dan il-kuntest, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jaħdmu mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mal-industrija għal definizzjonijiet komuni rfinati u metodoloġiji sabiex jiġu indirizzati l-kategoriji differenti ta’ diżinformazzjoni u ta’ attivitajiet ta’ influwenza. Il-Parlament Ewropew waqqaf kumitat speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE) li jista’ jikkontribwixxi għal din il-kwistjoni. L-UE se tkompli tinvesti wkoll fir-riċerka f’dan il-qasam u ssaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħha.

Fil-Pjan ta’ Azzjoni konġunt tal-2018 kontra d-Diżinformazzjoni 77 , li hija bbażata wkoll fuq l-esperjenza tat-Task Force East Stratcom tas-SEAE biex tindirizza l-kampanja ta’ diżinformazzjoni mir-Russja, l-UE ppreżentat l-approċċ tagħha għad-diżinformazzjoni. Dan ġie segwit minn passi speċifiċi biex tiġi indirizzata l-mewġa ta’ diżinformazzjoni matul il-pandemija tal-COVID‑19 78 kif ukoll fir-rigward tal-iżvilupp ta’ vaċċin sigur u effettiv. Il-ħidma tal-UE f’dan il-qasam se jkompli jkollha għeruq sodi fil-valuri u fil-prinċipji Ewropej u se tissalvagwardja bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni. L-azzjonijiet ippreżentati hawn taħt għandhom l-għan li jevitaw l-amplifikazzjoni manipulattiva tal-kontenut ta’ ħsara billi tiżdied it-trasparenza, jitrażżnu t-tekniki manipulattivi u jitnaqqsu l-inċentivi ekonomiċi għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, kif ukoll jintroduċu deterrenza billi jimponu kostijiet fuq l-atturi involuti fl-operazzjoniijiet ta’ influwenza u l-indħil barrani. Ma jfittxux u ma jistgħux jinterferixxu mad-dritt tal-persuni li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-kontenut legali jew jillimitaw is-salvagwardji proċedurali, inkluż l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju.

Huwa importanti ħafna li jkun hemm ekosistema diġitali aktar trasparenti u affidabbli li tippermetti li jiġu vvalutati l-firxa, l-ilħiq u l-livell ta’ koordinazzjoni wara l-kampanji ta’ diżinformazzjoni. L-UE se tappoġġa l-ħidma importanti tal-ġurnalisti, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tar-riċerkaturi biex jinżamm spazju ta’ informazzjoni b’saħħtu u varjat, speċjalment fir-rigward tal-verifika tal-fatti.

4.1Titjib tal-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jiġġieldu d-diżinformazzjoni

L-operazzjonijiet ta’ influwenza online u offline jistgħu jkunu relattivament irħas biex jitwettqu u għandhom żvantaġġi limitati għal dawk li jaġixxu b’intenzjoni ħażina, u dan jispjega parzjalment il-proliferazzjoni tagħhom 79 . L-informazzjoni tista’ tinbidel f’arma f’idejn l-atturi barranin 80 . Pereżempju, l-atturi barranin u ċerti pajjiżi terzi (b’mod partikolari r-Russja 81 u ċ-Ċina 82 ) involvew ruħhom f’operazzjonijiet ta’ influwenza mmirati u kampanji ta’ diżinformazzjoni rigward il-COVID‑19 fl-UE, il-viċinat tagħha u madwar id-dinja, bl-għan li jdgħajfu d-dibattitu demokratiku, jiggravaw il-polarizzazzjoni soċjali u jtejbu l-immaġni tagħhom. Meta l-atturi barranin jużaw tattiċi manipulattivi biex iqarrqu biċ-ċittadini tal-UE għall-gwadann tagħhom stess, it-theddida għad-demokrazija titlob rispons komprensiv u kollettiv. Fl-istess ħin, it-theddida tad-diżinformazzjoni minn atturi domestiċi qed tikber ukoll 83 .

Prerekwiżit għal rispons effettiv għad-diżinformazzjoni, kemm meta din isseħħ f’iżolament kif ukoll meta tkun parti minn operazzjoni ta’ influwenza jew indħil barrani aktar mifruxin, huwa fehim profond tal-isfidi. Id-diżinformazzjoni permezz ta’ tixrid ta’ kontenut kompletament falz hija biss teknika waħda li tintuża, oħrajn jinkludu d-distorsjoni tal-informazzjoni, il-qerq tal-udjenza u tattiki manipulattivi bħal profili foloz u involviment falz biex in-narrattivi dwar kwistjonijiet politiċi speċifiċi jiġu amplifikati b’mod artifiċjali u jiġu sfruttati d-diviżjonijiet eżistenti fis-soċjetà.

Ix-xenarju ta’ theddid ġdid jitlob kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-UE, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fis-soċjetà ċivili, mal-akkademji u mal-industrija privata, u mas-sħab internazzjonali. Bil-ġbir tal-għarfien eżistenti dwar it-theddid ibridu 84 fis-setturi differenti (pereżempju d-diżinformazzjoni, l-operazzjonijiet ċibernetiċi u l-indħil fl-elezzjonijiet) biss tista’ l-UE tiżviluppa l-fehim komprensiv tax-xenarju ta’ theddid li teħtieġ biex tirrispondi b’mod effettiv għad-diżinformazzjoni u l-operazzjonijiet ta’influwenza. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 85 tenfasizza b’mod partikolari l-integrazzjoni sistematika tal-konsiderazzjonijiet ibridi fit-tfassil tal-politika, biex jiġi indirizzat ir-riskju akbar tal-attakki ibridi minn atturi Statali u mhux Statali, permezz ta’ taħlita ta’ attakki ċibernetiċi, ħsara għall-infrastruttura kritika, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni, u r-radikalizzazzjoni tan-narrattiva politika.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jsaħħu l-istrutturi ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam fl-UE, iżda anki mas-sħab internazzjonali. Is-Sistema ta’ Twissija Bikrija se tkompli tikkoopera mas-sħab internazzjonali bħan-NATO, il-G7, iżda se jiġu esplorati wkoll kif xieraq il-possibbiltajiet ta’ involviment ma’ organizzazzjonijiet rilevanti oħra bħall-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), l-Osservatorju Ewropew tal-Midja Diġitali (EDMO) 86 u l-Europol.

Apparti s-Sistema ta’ Twissija Bikrija, in-Network ta’ Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Elezzjonijiet qed jaħdem ukoll biex jiżviluppa rispons effettiv għad-diżinformazzjoni, meta din tkun parti minn theddida ibrida aktar mifruxa, billi jappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jiffaċilita l-involviment ma’ entitajiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Uffiċċju OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, bħala parti mill-approċċ komprensiv tiegħu għal elezzjonijiet liberi u ġusti fl-Ewropa. Kooperazzjoni regolari u l-parteċipazzjoni f’laqgħat konġunti tal-istrutturi rilevanti li jaħdmu fuq id-diżinformazzjoni se jippermettu li l-għarfien wiesa’ tagħhom jintuża bl-aħjar mod, u jiżviluppaw rispons multidixxiplinari għad-diżinformazzjoni.

L-istituzzjonijiet tal-UE se jiżguraw li tissaħħaħ il-koordinazzjoni interna tagħhom dwar id-diżinformazzjoni, bi protokoll ċar għal azzjoni biex l-għarfien u r-riżorsi jinġabru flimkien malajr b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi, pereżempju qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Dan jibni fuq l-approċċ meħud għall-COVID-19, fejn twaqqfet sistema ta’ koordinazzjoni msaħħa b’rispons għall-isfidi kbar. L-Istati Membri huma mistiedna jinvestu aktar fin-networks rilevanti u jiżguraw (anki fil-livell nazzjonali) koordinazzjoni xierqa bejn dawk li jirrappreżentawhom f’diversi forums, sabiex jiżguraw kooperazzjoni effettiva u rispons koerenti u komprensiv.

L-UE tejbet b’mod kostanti l-kapaċitajiet tagħha biex tikxef il-metodi ta’ influwenza tal-informazzjoni mill-atturi barranin u identifikat lill-awturi. Madankollu, bix-xenarju ta’ theddid li qed jinbidel kontinwament, jenħtieġ li l-UE tuża b’mod aktar sistematiku l-firxa sħiħa ta’ għodod fis-sett ta’għodod tagħha biex tiġġieled l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta’ influwenza, u tkompli tiżviluppahom, fosthom billi timponi kostijiet fuq l-awturi 87 , b’rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Modi possibbli kif isir dan ivarjaw minn identifikazzjoni pubblika tat-tekniki użati komunement (sabiex dawn ma jkunux jistgħu jintużaw b’mod operazzjonali) sa impożizzjoni ta’ sanzjonijiet wara reati ripetuti. Is-sett ta’ għodod ta’ rispons iridu jiġu żviluppati ulterjorment. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli u Viċi President se jesploraw aspetti kunċettwali u legali tat-tfassil tal-istrumenti xierqa, u se jfittxu sinerġiji mal-Qafas tal-UE għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (“sett ta’ għodod taċ-ċiberdiplomazija”) 88 .

L-UE se tkompli tappoġġa l-ħidma biex tinbena r-reżiljenza fil-pajjiżi terzi, biex is-soċjetajiet u l-gvernijiet demokratiċi jiġu mgħammra bil-mezzi biex jirrispondu għat-theddid tad-diżinformazzjoni u biex titqajjem kuxjenza dwar il-valuri Ewropej u l-proġetti appoġġati mill‑UE, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Viċinat Ewropew u tat-Tkabbir. Dan jinkludi l-isforzi li għandhom l-għan li jikkomunikaw b’mod aktar effettiv il-politiki u l-valuri tal-Unjoni, isaħħu l-ambjent tal-midja, inkluż l-appoġġ għal aktar libertà u pluraliżmu tal-midja, u s-sensibilizzazzjoni u l-bini tar-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u l-operazzjonijiet ta’ influwenza.

Azzjonijiet:

·Jiġi żviluppat is-sett ta’ għodod tal-UE għall-ġlieda kontra l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta’ influwenza, inklużi strumenti ġodda li jippermettu l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq l-awturi, kif ukoll għat-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni strateġika u t-task forces tas-SEAE

·Jitpoġġi fis-seħħ protokoll ġdid biex jissaħħu l-istrutturi ta’ kooperazzjoni eżistenti għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment

·Jiġi żviluppat qafas komuni u metodoloġija għall-ġbir ta’ evidenza sistematika dwar l-indħil barrani u djalogu strutturali mas-soċjetà ċivili, mal-atturi tal-industrija privata u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn biex tiġi rieżaminata s-sitwazzjoni tat-theddid regolarment

·Jiżdied l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, il-midja indipendenti u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi terzi biex jidentifikaw u jirrispondu għad-diżinformazzjoni u l-operazzjonijiet ta’ influwenza barranija

4.2Aktar obbligi u responsabbiltà għall-pjattaformi online

L-informazzjoni skambjata fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali saret dejjem aktar importanti għall-konsum tal-aħbarijiet u d-dibattitu politiku. Madankollu, il-pjattaformi online jistgħu jintużaw minn operaturi malizzjużi għat-tixrid u l-amplifikazzjoni ta’ kontenut falz u qarrieqi u ġew ikkritikati għan-nuqqas ta’ trasparenza fl-użu tal-algoritmi biex ixerrdu l-kontenut online u biex jimmiraw fuq l-utenti abbażi tal-ammont vast ta’ data personali ġġenerata mill-attività online.

Sistemi bħall-algoritmi ta’ klassifikazzjoni u ta’ rakkomandazzjoni, li jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni rilevanti, jistgħu jiġu manipulati wkoll, b’mod partikolari permezz ta’ azzjonijiet koordinati u inawtentiċi, biex tiġi ffaċilitata d-disseminazzjoni wiesgħa fuq il-pjattaformi online. Spezzjoni diliġenti mill-pjattaforma u trasparenza sinifikanti lejn l-utenti u r-riċerkaturi jistgħu jgħinu biex dan it-theddid jinftiehem aħjar u jiġi indirizzat.

Dawn il-problemi, u oħrajn li huma speċifiċi għad-diżinformazzjoni, ġew identifikati f’evalwazzjoni riċenti tal-Kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni 89 (li l-pjattaformi u partijiet ikkonċernati oħra ngħaqdu fih fuq bażi volontarja). Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, approċċ aktar robust ibbażat fuq impenji ċari u soġġett għal mekkaniżmi ta’ sorveljanza xierqa huwa neċessarju biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni b’mod aktar effettiv.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) se jipproponi qafas orizzontali għas-sorveljanza regolatorja, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-ispazju online b’rispons għar-riskji emerġenti. Se jipproponi regoli biex jiżgura aktar responsabbiltà dwar kif il-pjattaformi jimmoderaw il-kontenut, dwar ir-reklamar u dwar il-proċessi algoritmiċi. Pjattaformi kbar ħafna se jkunu obbligati jivvalutaw ir-riskji li s-sistemi tagħhom joħolqu− mhux biss fir-rigward tal-kontenut u l-prodotti illegali iżda anki riskji sistemiċi għall-protezzjoni tal-interessi pubbliċi u d-drittijiet fundamentali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà. F’dan il-kuntest, pjattaformi kbar ħafna se jkollhom bżonn ukoll jiżviluppaw għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskju u jieħdu miżuri biex jipproteġu l-integrità tas-servizzi tagħhom kontra l-użu ta’ tekniki manipulattivi. Id-DSA se jagħti possibbiltajiet sinifikanti lill-utenti biex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-pjattaformi li jneħħu jew jittikkettaw il-kontenut.

Id-DSA se jistabbilixxi wkoll garanzija ta’ kontinġenza koregolatorja 90 għall-miżuri li jiġu inklużi f’Kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni rivedut u msaħħaħ. Abbażi ta’ dan l-approċċ koregolatorju, il-Kummissjoni se tmexxi l-isforzi tagħha b’azzjonijiet immirati li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi għad-diżinformazzjoni fuq tliet pilastri:

·il-Kummissjoni se toħroġ gwida, b’mod parallel mal-ftuħ tad-diskussjonijiet koleġiżlattivi dwar id-DSA, li tistabbilixxi kif il-pjattaformi u partijiet ikkonċernati oħra għandhom iżidu l-miżuri tagħhom biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fil-valutazzjoni tal-Kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni. Minħabba s-sensittività tal-kwistjonijiet, il-Kummissjoni se ssegwi approċċ ta’ diversi partijiet ikkonċernati li jinvolvi mhux biss lill-pjattaformi iżda anki lil partijiet ikkonċernati oħrajn, bħal dawk li jirreklamaw, il-midja, is-soċjetà ċivili, il-verifikaturi tal-fatti u l-akkademji;

·sussegwentement, il-Kummissjoni se ssejjaħ lill-firmatarji u lill-gruppi tal-partijiet ikkonċernati, inkluż f’kooperazzjoni mal-ERGA, biex isaħħu l-Kodiċi ta’ Prattika skont il-gwida;

·il-Kummissjoni se twaqqaf ukoll qafas aktar robust għall-monitoraġġ rikorrenti tal-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ. Dan il-qafas se jibni fuq l-esperjenza tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 91 .

Barra minn hekk, jenħtieġ infurzar aktar b’saħħtu tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 92 fir-rigward tal-pjattaformi online u atturi oħra li jinfluwenzaw it-tixrid tad-diżinformazzjoni, f’konformità mal-gwida ta’ Settembru 2020 mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 93 .

Abbażi tal-gwida maħruġa mill-Kummissjoni, il-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ se jkollu l-għan li jindirizza l-objettivi li ġejjin:

-jimmonitorja l-impatt tad-diżinformazzjoni u l-effettività tal-politiki tal-pjattaformi, abbażi ta’ qafas metodoloġiku ġdid li jinkludi prinċipji għad-definizzjoni ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs). F’dan il-kuntest, jenħtieġ li informazzjoni f’waqtha dwar il-politiki tal-pjattaformi u l-aċċess għad-data rilevanti tkun disponibbli biex tippermetti, fost affarijiet oħrajn, il-kejl tal-progress fil-konfront tal-KPIs;

-jappoġġa l-viżibbiltà adegwata tal-informazzjoni affidabbli ta’ interess pubbliku 94 u jżomm pluralità ta’ opinjonijiet: billi jiżviluppa standards ta’ responsabbiltà (punti ta’ riferiment maħluqa b’mod konġunt) għal sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u ta’ kontenut u jagħti aċċess lill-utenti għall-indikaturi tal-affidabbiltà tas-sorsi;

-inaqqas il-monetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni marbuta ma’ kontenut sponsorizzat: f’kooperazzjoni ma’ dawk li jirreklamaw, jillimita r-reklamar tematiku falz jew qarrieqi fuq il-pjattaformi online jew fuq siti web ta’ partijiet terzi kif ukoll it-tqegħid ta’ reklami fuq siti web li huma promoturi tad-diżinformazzjoni 95 ;

-iżid il-verifika tal-fatti billi jistabbilixxi standards u proċeduri trasparenti għal kollaborazzjoni miftuħa u mhux diskriminatorja bejn il-verifikaturi tal-fatti u l-pjattaformi u jrawwem il-kooperazzjoni 96 ;

-isaħħaħ l-integrità tas-servizzi offruti mill-pjattaformi online billi jiżviluppa miżuri xierqa li jillimitaw l-amplifikazzjoni artifiċjali tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni;

-jiżgura divulgazzjoni effettiva tad-data għar-riċerka dwar id-diżinformazzjoni billi jiżviluppa qafas f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli u abbażi tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (u indipendentement mill-influwenza politika). L-Osservatorju Ewropew tal-Midja Diġitali (EDMO) jista’ jiffaċilita l-iżvilupp ta’ dan il-qafas. Il-Kummissjoni tinnota li l-GDPR ma jipprojbix, fil-prinċipju u fl-oqsma kollha, il-kondiviżjoni ta’ data personali minn pjattaformi mar-riċerkaturi 97 .

Azzjonijiet:

·Ippubblika gwida għat-tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni (Rebbiegħa 2021)

·Laqqa’ lill-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika u l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex issaħħaħ il-kodiċi skont il-gwida

·Waqqaf qafas permanenti għall-monitoraġġ tal-kodiċi

4.3Għoti tas-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati

Kulħadd għandu rwol x’jaqdi fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni. Il-litteriżmu medjatiku, inkluż il-ħsieb kritiku, huwa kapaċità effettiva li tgħin liċ-ċittadini ta’ kull età jinnavigaw l-ambjent tal-aħbarijiet, jidentifikaw it-tipi differenti ta’ midja u kif jaħdmu, ikollhom fehim kritiku tan-networks soċjali u jieħdu deċiżjonijiet infurmati 98 . Il-ħiliet fil-litteriżmu medjatiku jgħinu liċ-ċittadini jivverifikaw l-informazzjoni qabel ma jxerrduha, jifhmu min hu warajha, għaliex ġiet iddistribwita lilhom u jekk hijiex kredibbli. Il-litteriżmu diġitali jippermetti lin-nies jipparteċipaw fl-ambjent online b’mod għaqli, sigur u etiku.

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-użu tad-diskors ta’ mibegħda permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-promozzjoni ta’ dibattiti politiċi miftuħa hija kruċjali għall-parteċipazzjoni effettiva fis-soċjetà u fil-proċessi demokratiċi u hija prijorità importanti fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 99 . Aktar minn 40 % taż-żgħażagħ iqisu li l-ħsieb kritiku, il-midja u d-demokrazija mhumiex “mgħallma biżżejjed” fl-iskejjel. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni tal-edukazzjoni ċivika hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-kompetenzi soċjali u ċiviċi biex ikollhom moħħhom miftuħ, jaħsbu b’mod kritiku u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetajiet diversi tagħna. Fuq l-istess linja, l-iżgurar tal-libertà akkademika fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jinsab ukoll fil-qalba tal-politiki kollha tal-edukazzjoni għolja fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-litteriżmu medjatiku minn diversi angoli u se tkompli tappoġġa l-kampanji nazzjonali tal-litteriżmu medjatiku, f’kooperazzjoni mal-Osservatorju Ewropew tal-Midja Diġitali (EDMO) u l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Litteriżmu Medjatiku. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet tal-litteriżmu medjatiku. Tobbliga wkoll li l-pjattaformi ta’ video-sharing iwaqqfu għodod effettivi tal-litteriżmu medjatiku u jqajmu kuxjenza fost l-utenti. Dawn huma żviluppati aktar taħt il-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv, li permezz tiegħu ċ-ċittadini huma mgħammra bil-ħiliet neċessarji biex jifhmu bis-sħiħ il-mekkaniżmi li jsawru l-interazzjoni fost l-utenti, inkluż permezz ta’ sett ta’ għodod u linji gwida dwar il-litteriżmu medjatiku għall-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-proġetti tal-litteriżmu medjatiku taħt il-qasam transsettorjali l-ġdid tal-programm Ewropa Kreattiva. Il-proġetti tal-litteriżmu medjatiku se jiġu appoġġati wkoll f’diversi programmi oħra li jinvolvu liż-żgħażagħ u lill-iskejjel (pereżempju Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà). Fl-2021, it-tema prijoritarja għall-azzjoni ta’ “ġemellaġġ elettroniku” (li tgħin lill-iskejjel, lill-għalliema u lill-istudenti madwar l-UE biex jikkollaboraw permezz ta’ teknoloġiji ġodda) se tkun “il-litteriżmu medjatiku u d-diżinformazzjoni”. L-EDMO u l-komunità multidixxiplinarja kkoordinata minnu se jappoġġaw lill-kampanji nazzjonali tal-litteriżmu medjatiku bl-għan li jsaħħu l-kapaċità taċ-ċittadini li jivvalutaw il-kwalità u l-veraċità tal-informazzjoni online, inkluż iċ-ċittadini bi ħtiġijiet addizzjonali. Permezz tal-ħidma taċ-ċentri nazzjonali tiegħu, l-EDMO se jidentifika l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni se żżid ukoll l-isforzi tagħha fl-edizzjoni li jmiss tal-ġimgħa Ewropea tal-litteriżmu fil-midja. Se tikkoopera wkoll mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem biex tiżviluppa linji gwida komuni għall-għalliema u l-persunal edukattiv biex trawwem il-litteriżmu diġitali u tindirizza d-diżinformazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ippreżentat fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. F’dan il-kuntest, se tinvolvi ruħha ma’ diversi partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili, il-kumpaniji tat-teknoloġija u tat-telefonija Ewropej, ix-xandara, il-ġurnalisti, il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Litteriżmu Medjatiku, l-EDMO, l-awtoritajiet nazzjonali, il-ġenituri, l-istudenti u ż-żgħażagħ. Il-linji gwida se jimxu id f’id mal-inizjattivi l-ġodda biex jiżviluppaw modi innovattivi biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, bħal hackathon EUvsDisinfo.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-involviment tal-ġurnalisti fl-attivitajiet tal-litteriżmu medjatiku, b’mod partikolari permezz tal-inizjattivi “back-to-school” li jtuhom l-opportunità li jiddiskutu l-ħidma tagħhom u r-rwol tal-midja mal-istudenti tal-iskola.

L-appoġġ għas-soċjetà ċivili (inkluż il-finanzjament) se jkun element ewlieni ta’ azzjoni biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni. Il-Kummissjoni se tappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jgħinu lill-atturi tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw f’dibattitu pubbliku. Se tgħin ukoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fis-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew. Dan jista’ jiġi appoġġat minn diversi programmi fil-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid 100 , b’mod partikolari l-programm propost dwar id-Drittijiet u l-Valuri għall-perjodu 2021–2027 101 .

Azzjonijiet:

·Jingħata appoġġ lil proġetti innovattivi l-ġodda għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni skont diversi programmi tal-UE, b’mod partikolari mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, bl-involviment tal-ġurnalisti

·Jiżdied l-appoġġ u l-finanzjament u d-diversifikazzjoni tal-inizjattivi, inkluż mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex tippromwovi l-litteriżmu medjatiku u tgħin liċ-ċittadini jidentifikaw id-diżinformazzjoni, fl-UE u lil hinn minnha

5KONKLUŻJONI

F’Lulju 2019, il-President von der Leyen appellat għal spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea, b’vuċi akbar għall-Ewropej u biex l-Ewropa kollha kemm hi tistinka għal aktar trawwim, protezzjoni u tisħiħ tad-demokrazija tagħna.

Dan il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea, flimkien mal-mekkaniżmu l-ġdid Ewropew tal-istat tad-dritt, l-Istrateġija l-ġdida biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 102 kif ukoll il-pakkett ta’ miżuri meħuda għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-ugwaljanza madwar l-UE, se jkun xprun ewlieni għall-ispinta ġdida għad-demokrazija Ewropea biex tiffaċċja l-isfidi tal-era diġitali u tgawdi mill-benefiċċji tagħha. L-impenn għad-demokrazija huwa inkorporat ukoll fl-azzjoni esterna tal-UE, u huwa pilastru ċentrali tal-ħidma tagħha mal-pajjiżi tal-adeżjoni u tal-viċinat.

It-twassil gradwali tas-sett ta’ miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni se jiżgura li l-Ewropa jkollha bażi demokratika aktar b’saħħitha biex tilqa’ l-isfidi tal-kriżijiet ekonomiċi, klimatiċi u tas-saħħa bla preċedent li qed niffaċċjaw, b’rispett sħiħ għall-prinċipji u l-valuri komuni tagħna. Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fl-2023, sena qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u tirrifletti dwar jekk humiex meħtieġa passi ulterjuri.

Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-involviment ulterjuri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll taċ-ċirku wiesa’ ta’ atturi nazzjonali, pubbliċi u privati, lil hinn mill-awtoritajiet governattivi, li se jkunu strumentali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tad-demokrazija tagħna. 

(1)      Ewrobarometru Speċjali 479 dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa (Ottubru-Novembru 2018). B’34 % ta’ dawk li wieġbu b 'dan il-mod, dan jiġi aktar mis-saħħa ekonomika, industrijali u kummerċjali tagħha (31 %) u l-istandard tal-għajxien taċ-ċittadini tal-UE (25 %).
(2)      Ara pereżempju The Global State of Democracy 2019 Report (2019) International Institute for Democracy and Electoral Assistance (Ir-Rapport 2019 dwar l-Istat Globali tad-Demokrazija (2019) Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Assistenza Elettorali)
(3)      Il-linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf
(4)      Il-Kummissjoni ta’ Venezja (2020), Rapport interim dwar il-miżuri meħuda fl-Istati Membri tal-UE b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (adottat fit-8 ta’ Ottubru 2020).
(5)      Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–2024 (JOIN/2020/5 final, 25 ta’ Marzu 2020), li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tippromwovi u tipproteġi d-demokrazija madwar id-dinja.
(6)      Il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (2020), it-Teknoloġija u d-demokrazija: il-fehim tal-influwenza tat-teknoloġiji online fuq l-imġiba politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet.
(7)      Il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi r-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika li wriet rikonoxximent wiesa’ tar-riskji ta’ interferenza fid-demokrazija tal-UE u l-ħtieġa għal azzjoni mmirata kemm online kif ukoll offline. Ir-rapport jinsab hawn: https://ec.europa.eu/info/files/report-public-consultation-european-democracy-action-plan-edap_en .
(8)      Pereżempju, l-evidenza miġbura madwar iż-żmien tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 żvelat attività kontinwa ta’ diżinformazzjoni minn sorsi Russi li għandha l-għan li tinterferixxi fil-proċess elettorali (Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni kontra d-diżinformazzjoni (JOIN(2019) 12 final, 14.6.2019)). Ir-Rapport tal-2019 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (COM(2020) 252 final) aktar tard ikkonkluda li kienu daħlu rapporti ta' attakki ċibernetiċi iżolati, kif ukoll ilmenti marbuta mal-protezzjoni tad-data u oħrajn relatati mal-elezzjonijiet, iżda li ma kienx ġie identifikat sforz moħbi u kkoordinat fuq skala kbira biex jinterferixxi fl-elezzjonijiet.
(9)      Ir-Regolament 2016/679 tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, ĠU L 119, 4.5.2016.
(10)

     Ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (inkluż min-negozji u mis-soċjetà ċivili) qalu li n-nuqqas ta’ trasparenza u definizzjonijiet ċari kkawżaw diffikultajiet u inċertezzi, b’mod partikolari fir-rigward tad-distinzjoni bejn materjal politiku bi ħlas u kontenut politiku ieħor. Dawk li wieġbu jappoġġaw regoli ta’ żvelar aktar b’saħħithom, inkluża t-trasparenza dwar l-oriġini tal-kontenut (96 % ta’ dawk li wieġbu), il-ħolqien ta’ arkivji u reġistri miftuħa u trasparenti ta’ reklami politiċi (91 %) u l-ħtieġa li l-partiti politiċi jiżvelaw il-finanzi tal-kampanja tagħhom (82 %). 82 % appoġġaw kriterji li jirrikjedu li l-immirar lejn l-individwi ta’ kontenut politiku jiġi żvelat pubblikament b’mod ċar u trasparenti għal kull reklam.

(11)      Irrispettivament mill-impatt reali tiegħu, l-iskandlu Facebook-Cambridge Analytica, fejn data personali ta' miljuni ta' utenti ta’ Facebook inkisbet mingħajr il-kunsens tagħhom u ntużat b’mod predominanti għal reklamar politiku , huwa eżempju ċar ta’ intenzjoni ċara li wieħed jinvolvi ruħu f’tali manipulazzjoni billi jiġu sfruttati lakuni legali u jittieħed vantaġġ minn salvagwardji dgħajfa għal kif il-media soċjali tipproteġi d-data personali tal-utenti tagħha. Dan wera kif l-analitika tad-data, flimkien ma’ tekniki ta’ mikroimmirar u tfassil ta’ profili psikoloġiċi, jistgħu jintużaw biex iqarrqu, irażżnu l-parteċipazzjoni u jimmanipulaw l-imġiba fil-votazzjoni.
(12)      Rapport elettorali tal-PE tal-2019 (COM (2020) 252 final).
(13)     https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/eu-citizenship/electoral-rights/european-cooperation-network-elections_en .
(14)      Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/673 tat-3 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 114I, 4.5.2018, p. 1); Ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-25 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament 1141/2014 rigward proċedura ta’ verifika relatata mal-ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 7).
(15)

     84 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika appoġġaw aktar trasparenza dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej.

(16)      L-akkwist u l-użu ta’ data online għal finijiet ta’ ġustizzja (eż. fil-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli rilevanti) jeħtieġu li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom kapaċitajiet speċjalizzati u setgħat xierqa.
(17)    Pereżempju, ir-Regolament (UE) 2019/452 tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79, I, 21.3.2019, p. 1–14) jinkludi l-infrastruttura elettorali bħala wieħed mill-elementi potenzjali tal-infrastruttura kritika li għandhom jitqiesu meta jiġi vvalutat jekk huwiex probabbli li l-effetti tal-investiment dirett barrani jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku.
(18)      Filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-passat dwar l-elezzjonijiet tal-UE, dwar id-Direttiva (UE) 2016/1148 tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1–30), li mistennija tiġi riveduta din is-sena, u fuq rakkomandazzjonijiet relatati (C (2018) 5949 final u C (2018) 900 final). Fil-konsultazzjoni pubblika, dawk li wieħbu semmew l-attakki ċibernetiċi fost it-theddidiet ewlenin għall-integrità tal-elezzjonijiet, b’mod partikolari minħabba ż-żieda fid-dipendenza fuq l-internet għall-kondiviżjoni u l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet, il-partiti politiċi u l-kampanji. Eżempju evidenzjat sew ta’ attakki bħal dawn huma operazzjonijiet “hack and leak”, bħal fil-każ ta’ aġenziji tal-intelligence Russi li jiksbu u jxerrdu dokumenti mill-Kumitat Nazzjonali Demokratiku matul il-kampanja elettorali Presidenzjali tal-Istati Uniti tal-2016.
(19)        http://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=53645 .
(20)      Ir-rapport ERGA (2018); https://erga-online.eu/wp-content/uploads/2019/01/ERGA-2018-07-SG1-Report-on-internal-plurality-LQ.pdf .
(21)      Ara l-Ewrobarometru Flash 431 dwar id-Drittijiet Elettorali (2015), li vvaluta t-tħassib pubbliku rigward ir-riskji assoċjati mal-votazzjoni elettronika, online jew bil-posta. Hija sabet li, filwaqt li n-nies fehmu l-utilità tal-votazzjoni elettronika bħala għajnuna għal dawk b’ċerti ħtiġijiet speċifiċi, huma kienu mħassba dwar il-kunfidenzjalità u l-affidabbiltà tal-votazzjoni. Is-sejbiet tal-Ewrobarometru Speċjali 477 (2018) dwar id-Demokrazija u l-elezzjonijiet, li ħares lejn it-tħassib ta’ dawk li wieġbu dwar il-votazzjoni elettronika, online jew bil-posta, kienu simili. Fl-2016, il-Parlament Ewropew ta lill-Kummissjoni għotja pilota għal Studju dwar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi tal-votazzjoni mill-bogħod, li jinkludi stħarriġ komprensiv tal-esperjenza nazzjonali b’ votazzjoni elettronika u għodod oħra ta’ votazzjoni mill-bogħod.
(22)      Din il-kwistjoni se tiġi indirizzata wkoll fir-Rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza.
(23)      Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa 2020–2022 tat-13 ta’ Lulju 2020 jidentifikaw id-demokrazija bħala wieħed mit-tliet pilastri prijoritarji tal-kooperazzjoni.
(24)      Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) – Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR); https://www.osce.org/odihr .
(25)      Eż. il-Konvenzjoni taċ-ċittadini reċenti dwar il-klima fi Franza wriet l-importanza tal-inklużjoni u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini meta tiġi indirizzata problema pubblika kumplessa bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju. Fl-Irlanda, l-assemblej taċ-ċittadini kkontribwew għal deċiżjonijiet infurmati dwar kwistjonijiet soċjali diviżivi ħafna bħall-abort. Proċessi istituzzjonalizzati oħra jinkludu kunsilli taċ-ċittadini f’partijiet tal-Awstrija (Vorarlberg) u l-Belġju (il-Parlament tal-Komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju (2019), Was passiert beim Bürgerdialog?). Ara wkoll l-OECD (2020), Innovative citizen participation and new democratic institutions: catching the deliberative wave (Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi).
(26)       https://europa.eu/citizens-initiative/_en .
(27)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say .
(28)       https://ec.europa.eu/info/publications/2020-rule-law-report-communication-and-country-chapters_en .
(29)    L-orjentazzjonijiet strateġiċi ewlenin tal-programm jinkludu l-ħolqien ta’ “soċjetà Ewropea aktar reżiljenti, inklużiva u demokratika”. Il-proġetti mill-aħħar sejħiet għal proposti ta’ Orizzont 2020 ser jiffokaw fost l-oħrajn fuq id-demokratizzazzjoni tal-koeżjoni territorjali (l-esperimentazzjoni b’involviment deliberattiv taċ-ċittadini u bbaġitjar parteċipattiv fil-politiki reġjonali u urbani tal-UE) u l-bliet bħala qasam tal-innovazzjoni politika fit-tisħiħ tad-demokrazija deliberattiva u parteċipattiva.
(30)    L-istrateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2020-2025 (COM (2020) 152) tinkludi miżuri biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi. Hija tissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa bħala votanti u kandidati fl-elezzjonijiet tal-PE tal-2024. Il-partiti politiċi Ewropej li jitolbu finanzjament mill-UE huma mħeġġa jkunu trasparenti dwar il-bilanċ bejn is-sessi tal-membri tal-partit politku tagħhom.
(31)       https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/604979/IPOL_STU(2018)604979_EN.pdf .
(32)    Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025 (COM (2020) 565) jenfasizza li hemm ostakli għall-parteċipazzjoni demokratika u r-rappreżentanza għal gruppi suxxettibbli għall-marġinalizzazzjoni, bħal persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju.
(33)    F’konformità mal-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li għalihom l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha huma Parti, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika.
(34)    Id-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ jilħaq aktar minn 50 000 żagħżugħ u żagħżugħa f’kull wieħed miċ-ċikli tiegħu ta’ 18-il xahar u huwa wieħed mill-akbar proċessi parteċipatorji uniċi għaċ-ċittadini fl-UE;     https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy/youthgoals_en .
(35)       https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/combatting-discrimination/racism-and-xenophobia/eu-code-conduct-countering-illegal-hate-speech-online_en .
(36)    L-Istitut Universitarju Ewropew, (2020) Rapport dwar il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja. Il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja, kofinanzjat mill-UE, jipprovdi valutazzjoni komprensiva tax-xenarju tal-pluraliżmu tal-midja madwar l-Ewropa: https://cmpf.eui.eu/mpm2020-results/ .
(37)    Il-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet rat id-dħul mir-reklamar tagħha jonqos bejn 30 % u 80 % u t-televiżjoni b’20 %, matul lockdowns ġenerali fit-Q2 2020; ara COM(2020) 784.
(38)       https://ipi.media/wpfd-2020-covid-19-accelerating-a-global-decline-in-media-freedom/ .
(39)     https://rsf.org/en/news/nearly-half-un-member-countries-have-obstructed-coronavirus-coverage .
(40)      COM(2020) 784. 
(41)    B’mod partikolari, ir-rapport reċenti mill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-libertà tal-midja u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-salvagwardja ta’ sistema tal-midja ħielsa u pluralistika.
(42)      COM(2020) 580 final.
(43)    Ara l-Istitut Universitarju Ewropew, (2020) Rapport dwar il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja. Il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja, kofinanzjat mill-UE, jipprovdi valutazzjoni komprensiva tax-xenarju tal-pluraliżmu tal-midja madwar l-Ewropa: https://cmpf.eui.eu/mpm2020-results/ .
(44)      CM/Rec(2016) 4. Dan kien akkumpanjat minn linji gwida dwar il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-prosekuzzjoni u l-promozzjoni tal-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni bil-għan li tissaħħaħ is-sikurezza tal-ġurnalisti.
(45)    Il-pjattaforma tiffaċilita l-kumpilazzjoni, l-ipproċessar u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar tħassib serju dwar il-libertà tal-midja u s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, kif garantit mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Hija għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-ġurnalisti, l-azzjoni dwar it-theddid u l-vjolenza kontra l-professjonisti tal-midja u l-kapaċità ta’ twissija bikrija u rispons tal-Kunsill tal-Ewropa.
(46)    Fl-2015-2019, hija rreġistrat total ta’ 652 twissija, li 78 % minnhom għadhom mhux solvuti. Bejn Marzu u Ġunju 2020 biss, ġew irreġistrati total ta’ 126 allert madwar l-Ewropa. Ara l-Kunsill tal-Ewropa (2020 ), Rapport annwali mill-organizzazzjonijiet imsieħba lill-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti.
(47)       https://rm.coe.int/safety-implementation-guide-en-16-june-2020/16809ebc7c .
(48)    Iddokumentat mir-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt. Pereżempju, fil-Belġju, l-Assoċjazzjoni Fjamminga tal-Ġurnalisti waqqfet hotline speċifiku għall-aggressjoni kontra l-ġurnalisti. Fl-Italja, twaqqaf Ċentru ta’ Koordinazzjoni li jittratta atti kontra l-ġurnalisti. Fin-Netherlands, il-protokoll PersVeilig immirat lejn it-tnaqqis tat-theddid, il-vjolenza u l-aggressjoni kontra l-ġurnalisti ġie konkluż bejn is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, il-pulizija, il-Kap tas-Soċjetà tal-Edituri u l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti. L-Iżvezja stabbiliet punti ta’ kuntatt nazzjonali u allokat riżorsi biex tappoġġa lill-ġurnalisti u tinvestiga aħjar ir-reati ta’ mibegħda.
(49)    Il-Codex tal-Pulizija tal-Libertà tal-Istampa, Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja (ECPMF).
(50)    L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura
(51)      COM(2020)784. 
(52)    Dawn huma objettivi ewlenin taħt il-programm propost Ewropa Kreattiva 2021-2027, li għall-ewwel darba jalloka fondi għall-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-midja.
(53)       https://www.mfrr.eu/
(54)    F’konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-2014 dwar il-libertà ta’ espressjoni online u offline ; ara Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, (JOIN/2020/5 final, 25.3.2020).
(55)    425 ġurnalist ġew appoġġati direttament fl-2019.
(56)    SLAPPs tipikament jiġu mnedija kontra ġurnalisti, attivisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili individwali li għandhom funzjoni ta’ għassies pubbliku. Ara d-dokument ta’ politika ffirmat minn 100 NGO, Ending gag lawsuits in Europe, protecting democracy and fundamental rights;    
https://www.ecpmf.eu/ending-gag-lawsuits-in-europe-protecting-democracy-and-fundamental-rights/
(57)       https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/ad-hoc-literature-review-analysis-key-elements-slapp_en.pdf
(58)    Il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa qed timmonitorja l-allerti relatati mal-SLAPPs; ara Hands off press freedom: attacks on media in Europe must not become a new normal, rapport annwali mill-organizzazzjonijiet imsieħba lill-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti (2020).
(59)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-iżgurar tal-ġustizzja fl-UE — Strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024”, COM(2020) 713 final.
(60)    Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40–49) u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1–32).
(61)       https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/pilot-project-media-councils-digital-age-0  
(62)    Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ indikaturi strutturali u proċedurali għall-affidabbiltà mis-settur tal-midja, li jippromwovu l-konformità man-normi u l-etika professjonali. Il-Kummissjoni tikkofinanzja pereżempju l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Fiduċjarja tal-Ġurnaliżmu https://jti-rsf.org/en  
(63)    Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018) 11 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media.
(64)    eż. 88 % ta’ dawk li wieġbu kienu favur l-obbligi fuq il-mezzi kollha tal-midja u l-kumpaniji biex jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-sjieda tagħhom fuq is-sit web tagħhom.
(65)    Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).
(66)    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1808.
(67)    Sabiex tingħata ħarsa ġenerali aħjar lejn ir-regoli dwar it-trasparenza tal-midja, se tiġi ppubblikata bażi tad-data interattiva li tippreżenta l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali f’dan ir-rigward bħala parti minn studju indipendenti dwar l-implimentazzjoni tal-AVMSD.
(68)    Ara wkoll COM/2020/575 finali u JOIN(2020) 8 finali.
(69)    Biex tiffaċilita l-appoġġ lill-istampa, u ssaħħaħ it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat f’dan is-settur, il-Kummissjoni għamlet u se taġġorna regolarment repożitorju online ( https://ec.europa.eu/competition/sectors/media/sa_decisions_to_media.pdf ) li jkun fih il-prattika tal-każijiet rilevanti. Ir-reġistru tat-trasparenza l-pubbliku se jagħti aċċess għal informazzjoni aġġornata regolarment dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri.
(70)    L-għajnuna mogħtija skont il-Qafas Temporanju tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna skont ir-Regolamenti de minimis (ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013, Nru 1408/2013, Nru 717/2014, u Nru 360/2012.), li hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika, sakemm id-dispożizzjonijiet u r-regoli ta’ akkumulazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti jiġu rispettati. Kien hemm każijiet fl-2020 li jikkonċernaw id-Danimarka, l-Italja u l-Lussemburgu.
(71)    Ir-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt wera li ħafna Stati Membri ma għandhomx regoli speċifiċi għad-distribuzzjoni tar-reklamar tal-istat, bi ftit li xejn trasparenza dwar il-kriterji ta’ distribuzzjoni, l-ammonti allokati u l-benefiċjarji. Il-Kummissjoni se tkompli teżamina din il-kwistjoni fil-kuntest tar-rapporti annwali futuri tagħha.
(72)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nagħmlu l-akkwist pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha (COM(2017)572 final).
(73)    L-Artikolu 7a u l-Premessa 25 tal-AVMSD rivedut. Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fl-2020 ġie stabbilit sottogrupp speċifiku ta’ ERGA biex jiffaċilita fehim komuni tal-ambitu tiegħu u miżuri adatti potenzjali, li jiggarantixxu li s-servizzi tal-media awdjoviżiva ta’ interess ġenerali jingħataw prominenza xierqa kif ukoll tipi ta’ approċċi regolatorji li jistgħu jieħdu l-Istati Membri.
(74)      Ara wkoll Pamment, J., The EU’s role in fighting disinformation: Taking back the initiative, id-Dokument ta’ Ħidma ta’ Carnegie Endowment for International Peace, Lulju 2020; li jinsab hawn: https://carnegieendowment.org/2020/07/15/eu-s-role-in-fighting-disinformation-taking-back-initiative-pub-82286 .
(75)      Għal ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni tal-UE kontra d-diżinformazzjoni, ara JOIN(2020) 8 final, p. 2.
(76)      Pamment, J., The EU’s role in fighting disinformation: Crafting a disinformation framework, id-Dokument ta’ Ħidma ta’ Carnegie Endowment for International Peace, Settembru 2020; li jinsab hawn https://carnegieendowment.org/2020/09/24/eu-s-role-in-fighting-disinformation-crafting-disinformation-framework-pub-82720 .
(77)      JOIN(2018) 36 final.
(78)      Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli, Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 X’inhuma l-fatti (JOIN(2020) 8 final).
(79)      Pereżempju r-rapport miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza StratCom tan-NATO, li juri li ġiet żviluppata industrija sħiħa madwar il-manipulazzjoni tal-midja soċjali, inkluż ix-xiri ta’ kontijiet foloz, involviment falz u oħrajn, li jinstabu faċilment fuq l-internet bi prezz baxx.
(80)      Ara, pereżempju, Information Manipulation – A challenge for our democracies, il-Ministeru Franċiż għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin u l-Ministeru għad-Difiża.
(81)      www.EUvsDisinfo.eu identifika aktar minn 500 eżempju ta’ diżinformazzjoni favur il-Kremlin dwar il-COVID-19 fil-bażi tad-data tiegħu li hija disponibbli pubblikament u li għandha aktar minn 10 000 eżempju ta’ diżinformazzjoni favur il-Kremlin.
(82)      Is-SEAE ddeskriviet l-attivitajiet tal-Istati barranin fir-rapport analitiku pubbliku tagħha, pereżempju:
https://euvsdisinfo.eu/eeas-special-report-update-short-assessment-of-narratives-and-disinformation-around-the-covid19-pandemic-updated-23-april-18-may/
(83)    Pamment, J., The EU’s role in fighting disinformation: Taking back the initiative, id-Dokument ta’ Ħidma ta’ Carnegie Endowment for International Peace, Lulju 2020; li jinsab hawn: https://carnegieendowment.org/2020/07/15/eu-s-role-in-fighting-disinformation-taking-back-initiative-pub-82286 .
(84)      Sal-lum, il-proċess tal-bini ta’ għarfien tas-sitwazzjoni mis-sorsi kollha dwar it-theddid ibridu fl-UE huwa mmexxi minn INTCEN u ċ-Ċellola ta’ Fużjoni Ibrida.
(85)      COM/2020/605 final.
(86)    L-EDMO twaqqaf f’Ottubru 2020. Huwa bbażat fuq il-ħidma ta’ komunità multidixxiplinari indipendenti ta’ riċerkaturi, verifikaturi tal-fatti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal żieda fir-reżiljenza u fehim aħjar dwar id-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn is-STB u n-Network ta’ Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Elezzjonijiet se tissaħħaħ biex tagħmel użu aħjar mill-għarfien vast ta’ dawn iż-żewġ networks.
(87)    74 % minn dawk il wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika kienu favur l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq l-Istati li jwettqu kampanji organizzati ta’ diżinformazzjoni. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw il-ħtieġa li t-theddida ta’ sanzjonijiet immirati ssir aktar kredibbli u frekwenti, u b’hekk jgħollu l-kost tal-operazzjonijiet ta’ influwenza u jiskoraġġixxu l-indħil.
(88)       https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/06/19/cyber-diplomacy-toolbox .
(89)      SWD(2020) 180 final.
(90)      Għadd kbir minn dawk li wieġbu jappoġġaw l-opzjoni li jsegwu l-Kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni u jgħaqqduh ma’ xi forma ta’ regolament. Dan l-approċċ huwa appoġġat b’mod partikolari mir-regolaturi, mill-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u mill-akkademji.
(91)      JOIN(2020) 8 final.
(92)      Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(93)       https://edpb.europa.eu/our-work-tools/public-consultations-art-704/2020/guidelines-082020-targeting-social-media-users_mt .
(94)    Matul il-kriżi tal-COVID-19, il-pjattaformi online ppromwovew informazzjoni preċiża u affidabbli dwar il-COVID-19 mid-WHO, mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-mezzi tax-xandir indipendenti. Dawn implimentaw għodod ġodda bħal pannelli ta’ informazzjoni, kards, pop-ups, mapep u suġġerimenti li jwasslu lill-utenti direttament għal sorsi ta’ informazzjoni affidabbli f’diversi lingwi. Madankollu, huwa importanti li ċ-ċittadini jkunu dejjem jistgħu jaċċessaw pluralità ta’ sorsi.
(95)      Dan l-aħħar l-Indiċi Dinji tad-Diżinformazzjoni stima li l-infiq tar-reklami online fuq id-dominji tad-diżinformazzjoni ammonta għal USD 235 miljun fis-sena: https://disinformationindex.org/  
(96)      Flimkien mal-midja u ma’ atturi rilevanti oħra, il-verifikaturi tal-fatti għandhom rwol speċifiku fl-iżvilupp tal-indikaturi tal-affidabbiltà u l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami.
(97)    F’dan ir-rigward ara wkoll Il-protezzjoni tad-data bħala pilastru tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u tal-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, SWD/2020/115 final, il-paġna 27.
(98)      Barra minn hekk, il-proposta l-ġdida dwar l-identità diġitali Ewropea mħabbra għall-2021 se tagħmilha eħfef li jitwettqu kompiti u jkun hemm aċċess għas-servizzi online madwar l-Ewropa u tiżgura li n-nies ikollhom aktar kontroll u serħan il-moħħ dwar liema data jikkondividu u kif tintuża.
(99)      COM(2020) 624 final.
(100)      Inkluż taħt il-proposti għal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-programm MEDIA.
(101)      COM (2018) 383 final, 7.6.2018.
(102) COM(2020) 711.
Top