Brussell, 14.7.2023

COM(2023) 453 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Il-Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea



Rapport Annwali 2022


Kelmtejn ta’ qabel

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Arja u ilma nodfa

Ġestjoni tar-riskji ta’ għargħar

Il-protezzjoni tal-bijodiversità

Il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari

Azzjoni klimatika

Enerġija nadifa

Suq uniku tal-enerġija

Trasport nadif

Agrikoltura sostenibbli li tiżgura l-provvista tal-ikel

Is-sajd sostenibbli u l-ippjanar tal-ispazju marittimu

Saħħa u sikurezza alimentari

Prevenzjoni ta’ mard relatat mat-tabakk

Trasport aktar sikur

Ewropa Lesta għall-Era Diġitali

Teknoloġija li taħdem għan-nies

Ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva

Il-promozzjoni tal-ekonomija tad-data

Soċjetà diġitali miftuħa, demokratika u sostenibbli

Il-protezzjoni għall-konsumaturi u għall-kumpaniji

Prodotti, servizzi u siti web aċċessibbli

Suq uniku li jitħalla jkattar it-tkabbir

Informazzjoni trasparenti dwar u għan-negozji

Sistemi tat-trasport diġitali

Ekonomija għas-servizz tan-nies

Kundizzjonijiet tax-xogħol

Saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol

Mobilità tal-forza tax-xogħol

Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Informazzjoni u assistenza aħjar għaċ-ċittadini u għan-negozji

Ir-regolamentazzjoni aħjar tal-professjonijiet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki

Il-prevenzjoni tal-falliment ta’ kumpaniji vijabbli

Servizzi finanzjarji

Pagamenti bl-imnut

Is-sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji mill-awtoritajiet nazzjonali

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Mobilità u trasport

Tassazzjoni diretta

Tassazzjoni indiretta

Dwana

Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew u d-Demokrazija Ewropea

L-istat tad-dritt

Il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-UE

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija

Il-promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Protezzjoni tad-data personali

Protezzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE

Kooperazzjoni ġudizzjarja u drittijiet individwali f’materji kriminali

Sigurtà

Migrazzjoni u Ażil

L-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dan ir-rapport jistabbilixxi l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex timmonitorja u tinforza l-liġi tal-UE matul l-2022. Is-sitwazzjoni attwali tal-każijiet ta’ ksur imsemmija setgħet evolviet minn dak iż-żmien ’l hawn.

Kelmtejn ta’ qabel

L-2022 kienet waħda mill-aktar mumenti diffiċli fl-istorja reċenti tal-kontinent tagħna. Il-gwerra reġgħet tfaċċat fl-Ewropa b’impatt immedjat fuqna lkoll. Ħafna beżgħu mhux biss mill-konsegwenzi għall-Ukrajna, iżda wkoll minn reċessjoni ekonomika, taqlib demokratiku u firda fil-bqija tal-Ewropa. Iżda aħna żammejna sod. Il-ġlieda tal-Ukrajna għal-ħelsien tkompli tispirana, u żżomm il-kolp tal-appoġġ finanzjarju, militari u politiku bla preċedent mill-Unjoni Ewropea.

U filwaqt li għadna u se nibqgħu sodi fl-appoġġ tagħna għall-Ukrajna, qed inkomplu nintroduċu l-bidliet trasformattivi li wegħedna fil-bidu tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni biex nibnu Ewropa aktar qawwija, aktar ekoloġika u aktar b’saħħitha għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Biex inwettqu dawn il-bidliet ippreżentajna firxa wiesgħa ta’ proposti u strateġiji ambizzjużi. Iżda l-ambizzjonijiet tagħna jistgħu tassew isiru realtà u se jkunu ta’ benefiċċju veru għall-Ewropej kollha, irrispettivament minn fejn jgħixu, jekk ir-regoli li nipproponu ma jiġux miftiehma biss fi Brussell, iżda jiġu applikati wkoll b’mod xieraq fil-prattika fil-partijiet kollha tal-UE.

Dan ir-rapport jistabbilixxi l-azzjoni li ħadna fl-2022 biex niżguraw li dawk ir-regoli jaħdmu fil-prattika. Infurzajna r-regoli tal-UE fl-oqsma kollha ta’ politika, filwaqt li ffukajna fuq l-aktar kwistjonijiet importanti għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies u tan-negozji. Għaldaqstant, il-parti l-kbira tal-proċeduri li nedejna fl-2022 kienu relatati mal-ambjent, mal-ġustizzja u mad-drittijiet fundamentali, u mas-suq uniku u l-impjiegi.

Fejn jinqalgħu l-problemi, l-ewwel naħdmu mill-qrib mal-Istati Membri biex nippruvaw insolvuhom malajr kemm jista’ jkun. Bosta drabi jirnexxielna. Madankollu, kif joħroġ fid-dieher fir-rapport, ma noqogħdux lura milli nieħdu azzjoni ta’ infurzar fejn meħtieġ biex niżguraw li l-Unjoni tagħna tibqa’ spazju sikur ta’ prosperità kondiviża, demokrazija ta’ demokraziji u komunità vera ta’ valuri.

Dejjem tiegħek,

Dr Ursula von der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Irridu naħdmu bla heda biex nadattaw għall-klima tagħna - in-natura trid issir l-akbar alleat tagħna.”

Il-President von der Leyen, fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni 2022

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma theddida eżistenzjali għall-Ewropa u għad-dinja. Il-mewġiet ta’ sħana estremi, in-nirien fil-foresti u n-nixfiet bla preċedent fl-2022 wasslu biex in-nies madwar id-dinja jħossu l-effetti severi tagħhom, li kull ma jmur qed jiżdiedu. L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE hija essenzjali biex nindirizzaw il-kriżi klimatika u nsaħħu l-ekonomija u s-sigurtà tal-UE. Il- Patt Ekoloġiku Ewropew ifassal it-triq lejn it- tniġġis żero fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, u biex nittrasformaw l-ekonomija tal-UE f’waħda moderna u effiċjenti fir-riżorsi. Fl-2022 il-Kummissjoni infurzat ir-regoli tal-UE b’dixxiplina biex nilħqu dawn l-objettivi.

Arja u ilma nodfa

Il-Kummissjoni tat il-pass li jmiss fil-proċedimenti ta’ ksur tagħha kontra l-Kroazja rigward il-kwalità tal-arja minħabba l-livelli għoljin ta’ materja partikolata (PM10) u materja partikolata fina (PM2.5). Appellat lill- Polonja biex tneħħi l-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent . Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra Ċipru talli naqas milli jittrasponi b’mod sħiħ id-Direttiva dwar l-Impjanti ta’ Kombustjoni Medji . Id-Direttiva tistabbilixxi limiti fuq l-emissjonijiet għall-impjanti tal-kombustjoni medji biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Spanja , lil Malta u lill- Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba t-trattament tagħhom tal-ilma mormi. Ħadet ukoll il-pass li jmiss fil-proċedura kontra l-Ungerija rigward sustanzi fl-ilma tax-xorb li jistgħu jkunu ta’ periklu potenzjali għas-saħħa.

It-tniġġis tal-arja huwa l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-Ewropa. Ir-regoli tal-UE dwar l-istandards tal-kwalità tal-arja huma kruċjali għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem: f’dawn l-aħħar 30 sena l-għadd ta’ mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja fl-Istati Membri naqas b’60 %. Il-Kummissjoni kompliet tinforza dawn l-istandards bla heda biex tħares is-saħħa tal-bniedem u tissalvagwardja l-ambjent naturali.

Il-Kummissjoni insistiet li l-ilma mormi jiġi trattat kif xieraq. Infurzat ukoll id- Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb biex tiżgura li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikun tajjeb għas-saħħa u nadif.

Ġestjoni tar-riskji ta’ għargħar

L-għargħar katastrofiku fil-Ġermanja u fil-Belġju f’Lulju 2021 wera l-importanza li r-riskji tal-għargħar jiġu vvalutati fid-dawl tat-tibdil fil-klima. L-għargħar jista’ wkoll jirrilaxxa inkwinanti maħżuna fl-art u jxerridhom saħansitra b’mod aktar wiesa’. Id-Direttiva dwar l-Għargħar tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskji tal-għargħar, li huma kritiċi għal reazzjoni rapida. Il-Kummissjoni tat il-pass li jmiss fil-proċeduri ta’ ksur kontra l- Bulgarija , il-Greċja ,  Ċipru , il-Litwanja , ir-Rumanija u s-Slovakkja biex jiżguraw mapep aġġornati tar-riskju tal-għargħar.

Il-protezzjoni tal-bijodiversità

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 għandhom l-għan li l-UE ma tibqax titlef il-bijodiversità tagħha. Dan għandu jinkiseb permezz tal-ħarsien tas-siti naturali u t-treġġigħ lura tal-ekosistemi li saritilhom ħsara lejn status ta’ konservazzjoni favorevoli f’ħabitats bi rwol vitali għall-bijodiversità. Il-ħarsien tal-foresti, tal-ħamrija, tal-artijiet mistagħdra u taż-żoni tal-baħar huwa essenzjali biex niksbu l-mitigazzjoni tal-klima li hija meħtieġa sal-2030.

Ir-regoli tal-UE jipprevedu wkoll li l-partijiet li jintlaqtu minn ħsara ambjentali jitolbu lill-awtorità nazzjonali responsabbli tiddeċiedi l-azzjoni preventiva u ta’ rimedju li tkun trid tittieħed mill-operatur responsabbli. Il-Kummissjoni talbet lin-Netherlands u lill-Iżvezja biex jittrasponu dawn ir-regoli b’mod xieraq. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq ħames każijiet minħabba li l-Istati Membri ikkonformaw ir-regoli tagħhom mal-liġi tal-UE. Dan żgura li l-persuni kollha li jenħtieġ li jkollhom dan id-dritt ikunu jistgħu jissottomettu informazzjoni u jitolbu lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħsara ambjentali.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset milli tittrasponi b’mod korrett id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt   Ambjentali . Il-Kummissjoni talbet lil Spanja tirrimedja l-effetti dannużi fuq l-ambjent ta’ kumpless ta’ lukandi fil-Gżejjer Kanarji. Il-Kummissjoni talbet ukoll lil Franza biex tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha b’mod sħiħ mad-Direttiva. Ċipru, min-naħa l-oħra, allinja r-regoli nazzjonali tiegħu u l-Kummissjoni għalqet il-każ ta’ ksur tagħha. Dan se jsaħħaħ il-valutazzjoni tal-konsegwenzi ta’ proġett fuq l-ambjent f’Ċipru qabel il-kostruzzjoni attwali tiegħu, li hija fundamentali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra 15-il Stat Membru biex jipproteġu l-ambjent kontra speċijiet aljeni invażivi . Appellat lis- Slovakkja , lil Ċipru u lill- Portugall biex iħarsu u jamministraw żoni protetti taħt Natura 2000 skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats . Il-Kummissjoni talbet ukoll lis- Slovenja tikkonforma mad- Direttiva dwar l-Għasafar biex tipproteġi l-għasafar selvaġġi.

F’każ li joriġina minn petizzjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni talbet lil Spanja timplimenta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-artijiet mistagħdra ta’ Doñana, tissalvagwardja l-ħabitats protetti u timmaniġġa b’mod sostenibbli l-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art li jalimentaw dawn l-artijiet mistagħdra.

Il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari

Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur, jew issuktathom, kontra 11-il Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Plastik li jintuża darba biss . Id-Direttiva għandha l-għan li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw għal żmien qasir ħafna fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

Dwar l-użu tal-basktijiet tal-plastik, l-Irlanda kkonformat il-leġiżlazzjoni tagħha mad- Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik , bħala riżultat ta’ proċess ta’ qabel il-ksur mibdi mill-Kummissjoni (EU Pilot).

Dwar it-trattament tal-iskart, il-Kummissjoni talbet lill- Portugall itejjeb il-prattika tiegħu u japplika d-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart b’mod korrett.

Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari huwa komponent ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jwitti t-triq għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva. Jippromwovi l-irkupru tal-iskart u jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-UE dwar l-immaniġġar tal-iskart. L-infurzar mill-Kummissjoni ta’ dawn ir-regoli jgħin biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Azzjoni klimatika

L-UE nnifisha stabbilixxiet l-objettiv li sal-2050 l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima stabbilixxiet ukoll mira intermedja għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra netti b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-istrateġiji fit-tul huma kruċjali biex jgħinu fil-kisba tat-trasformazzjoni ekonomika meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet klimatiċi. Ir-Regolament dwar il-Governanza jobbliga lill-Istati Membri jħejju l-istrateġiji fit-tul tagħhom b’perspettiva ta’ mill-anqas 30 sena. Fl-2022 l-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra l- Bulgarija , l-Irlanda , il-Polonja u r-Rumanija talli naqsu milli jinnotifikaw dawn l-istrateġiji lill-Kummissjoni.

Enerġija nadifa

Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE. Il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni militari Russa tal-Ukrajna kienu diffiċli għal dan il-proċess. Il-Kummissjoni baqgħet determinata li timplimenta l-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha : l-enerġija nadifa tinsab fil-qalba tat-tranżizzjoni tal-enerġija lejn settur tal-enerġija sikur, sigur u sostenibbli li jqiegħed lill-konsumaturi l-ewwel.

Billi l-Istati Membri naqsu milli jittrasponu r-regoli tal-UE, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedimenti ta’ ksur tagħha:

- kontra   15-il   Stat   Membru dwar l-emendar tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija ;

- kontra   12-il   Stat   Membru dwar l-emendar tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija ;

- kontra   15-il   Stat   Membru dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli .

Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli mhijiex biss fundamentali għall-objettivi klimatiċi tal-UE iżda tgħin ukoll biex tistabbilizza s-settur tal-enerġija billi tnaqqas il-volatilità tas-suq, tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija u ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-UE. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tipprovdi l-qafas għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, u l-infurzar tagħha huwa prijorità għall-Kummissjoni.

Suq uniku tal-enerġija

Suq tal-enerġija tal-UE integrat huwa l-aktar mod kosteffettiv biex jiġu żgurati provvisti tal-enerġija siguri u affordabbli għan-nies u għan-negozji. Ir-regoli komuni u l-infrastruttura transfruntiera jagħmluha possibbli li l-enerġija prodotta f’pajjiż wieħed tal-UE titwassal lill-konsumaturi f’pajjiż ieħor. Il-kompetizzjoni u għażla akbar ta’ fornituri tal-enerġija għall-konsumaturi jżommu l-prezzijiet taħt kontroll. Suq integrat jikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà.

Il-Kummissjoni ssuktat il-proċedura ta’ ksur kontra l-Ġermanja u l-Iżvezja talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar l-Elettriku. Nediet proċeduri kontra tmien Stati   Membri għall-istess raġuni.

Id-Direttiva dwar l-Elettriku tiżgura swieq kompetittivi għas-settur tal-elettriku bejn fruntiera u oħra. Il-pressjoni fuq is-settur tal-enerġija fl-2022 għamlitha partikolarment importanti li l-Kummissjoni tinforza dawn ir-regoli b’mod sod.

Enerġija nukleari bla periklu

L-enerġija nukleari jista’ jkollha rwol pożittiv fl-ilħuq tal-miri klimatiċi u fl-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, dment li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ sikurezza nukleari u ta’ radjuprotezzjoni. Il-Kummissjoni kompliet tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali tal-Euratom dwar is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-pazjenti u tal-pubbliku mir-radjazzjoni jonizzanti u fuq l-iżgurar li l-iskart radjuattiv jiġi ttrattat b’mod sikur.

Il-Kummissjoni rreferiet lil Spanja , lil-Latvja u lill-Portugall  quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jittrasponu l- legiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni mir-radjazzjoni. Hija talbet lill-Italja tikkonforma ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li sabet li l-Italja ma kinitx ittrasponiet dawn ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Belġju u l-Bulgarija talli ttrasponew ir-regoli b’mod skorrett.

Il-Kummissjoni tat il-pass li jmiss fil-proċedura kontra l-Kroazja , l-Estonja , l-Italja , l-Awstrija , il-Portugall u s-Slovenja talli naqsu milli jadottaw il-programmi nazzjonali xierqa għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat f’konformità mar- regoli tal-UE . Għalqet 23 każ tal-EU Pilot dwar it-traspożizzjoni tad- Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari wara li l-Istati Membri, fejn meħtieġ, emendaw jew adottaw regoli nazzjonali ġodda. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-traspożizzjoni f’dawn l-Istati Membri kienet korretta, u kkontribwiet għal żieda fis-sikurezza nukleari.

Trasport nadif

Is-settur tat-trasport jista’ jwassal lill-UE biex tilħaq l-objettiv tagħha dwar in-newtralità klimatika. Il-modi kollha tat-trasport jeħtieġ li jsiru aktar sostenibbli. L-alternattivi ekoloġiċi jeħtieġ li jkunu aċċessibbli u jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba li jixprunaw it-tranżizzjoni.

Fis-settur tat-toroq, id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa tistabbilixxi miri nazzjonali għall-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa. Huma stabbiliti miri speċifiċi għall-karozzi u l-vannijiet, it-trakkijiet u x-xarabanks, inkluż objettiv għal xarabanks b’emissjonijiet żero. Biex jiġi żgurat li l-istess regoli jiġu applikati fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni ssuktat il-proċedura tagħha kontra l-Bulgarija , iċ-Ċekja , Cipru , l-Ungerija u l-Iżvezja , li ma kinux ittrasponew ir-regoli fid-dritt nazzjonali.

Fis-settur marittimu, id-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet hija mfassla biex tipprevjeni t-tniġġis tal-baħar mill-bastimenti. Dan jirrikjedi li l-iskart iġġenerat abbord ma jintremiex fil-baħar iżda jinġabar fil-portijiet, li jridu joffru faċilitajiet xierqa għall-ġbir u l-ipproċessar tal-iskart. Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri kontra Ċipru , in-Netherlands , l-Awstrija , il-Polonja u l-Iżvezja talli naqsu milli jittrasponu dawn ir-regoli.

Agrikoltura sostenibbli li tiżgura l-provvista tal-ikel

Il-politika agrikola komuni tal-UE tiżgura l-provvista tal-ikel fl-UE, tistabbilizza s-swieq u tgħin lill-bdiewa jirċievu dħul ġust. Tgħin ukoll biex tindirizza l-isfidi ambjentali bħat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità.

L-Ungerija introduċiet skema ta’ notifika minn qabel għall-esportazzjonijiet taċ-ċereali li għamlitha possibbli li l-awtorajiet Ungeriżi jantiċipaw il-bejgħ jew li jixtru ċ-ċereali qabel ma sseħħ l-esportazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li din il-miżura hija inkompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija .

Il-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna tefgħu pressjoni fuq il-katina tal-provvista tal-UE, u s-sigurtà tal-ikel globali. L-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli tal-UE saħħet it-tweġiba tal-UE għal din it-theddida. Sistema agroalimentari reżiljenti u effiċjenti żgurat li ikel sikur, affordabbli u ta’ kwalità għolja jibqa’ disponibbli fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni aġixxiet bil-qawwa biex tevita kwalunkwe problema fuq is-suq agrikolu komuni. 

Il-Kummissjoni ssuktat tiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ regoli   dwar l-appoġġ finanzjarju   lill-bdiewa   li kienu applikabbli fl-2022 , kif ukoll leġiżlazzjoni oħra marbuta mar-regoli l-oħrajn tal-politika agrikola komuni, bħal dawk dwar i) il-biedja organika , ii)  il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u iii)  il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari . Il-Kummissjoni għalqet każijiet ta’ ksur kontra 11-il Stat Membru billi inkorporaw bis-sħiħ dawn ir-regoli biex jevitaw prattiki kummerċjali inġusti fil-liġi nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat każijiet ta’ traspożizzjoni inkorretta; biex tindirizzahom malajr, il-Kummissjoni nediet proċessi ta’ qabel il-ksur (EU Pilot) kontra 16-il Stat Membru.

Is-sajd sostenibbli u l-ippjanar tal-ispazju marittimu

L-objettivi primarji tal- politika komuni tas-sajd tal-UE huma li tiżgura li s-sajd u l-akkwakultura jkunu sostenibbli u jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet kostali u d-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. L-istokkijiet tal-ħut iridu jinġiebu f’livelli b’saħħithom u jinżammu fil-qalba tal-politika. Huwa għalhekk li r-regoli tal-UE jillimitaw il-kapaċità tal-flotta u jillimitaw il-qabdiet u l-attivitajiet tas-sajd. Biex jiġi żgurat li dawn ir-regoli jiġu implimentati bis-sħiħ, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistemi xierqa ta’ kontroll u infurzar.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiffoka l-azzjoni ta’ infurzar tagħha fuq il-verifika li r-regoli jiġu infurzati mill-Istati Membri. L-azzjoni tagħha ffukat fuq l-obbligi li l-qabdiet jintiżnu, jiġu rreġistrati u rrappurtati b’mod preċiż. Ir-reġistrazzjoni akkurata tal-qabdiet hija l-bażi għall-ġestjoni effettiva tas-sajd, għall-prevenzjoni tas-sajd eċċessiv u għat-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Hemm il-bżonn ta’ sistema xierqa ta’ sanzjonar u sistema armonizzata għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-sajd bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kellha djalogi ta’ qabel il-ksur (EU Pilot) mal-Istati Membri biex tindirizza l-problemi identifikati f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni kompliet tissorvelja kif id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu kienet qed tiġi implimentata, speċjalment l-obbligu li jitfasslu pjanijiet spazjali marittimi. Dan l-obbligu huwa mfassal biex jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-użu ta’ żoni u riżorsi tal-baħar, il-Pjanijiet Spazjali marittimi jistgħu jkunu wkoll għodda essenzjali biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra l-Bulgarija u Spanja , minħabba li ma kellhomx pjanijiet bħal dawn.

Il-Kummissjoni segwiet żewġ każijiet ta’ ksur li fetħet kontra l-Belġju u n-Netherlands talli naqsu milli jikkontrollaw u jinfurzaw l-użin u r-reġistrazzjoni preċiżi tal-qabdiet. Il-Kummissjoni fetħet ukoll proċedura ta’ ksur kontra l-Kroazja biex issegwi n-nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta’ kontroll tagħha għall-farms tat-tonn. Għalqet ukoll każ kontra Malta dwar it-tonn għaliex l-awtoritajiet Maltin indirizzaw in-nuqqasijiet identifikati.

L-Istati Membri jridu jikkontrollaw ukoll l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE barra mill-ilmijiet tal-UE u jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Il-Kummissjoni ssuktat il-proċedura ta’ ksur kontra Franza talli naqset milli tikkontrolla b’mod adegwat parti mill-flotta esterna tagħha. 

Saħħa u sikurezza alimentari

Ir-regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ikel għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, filwaqt li jħarsu l-interessi tal-konsumaturi. Filwaqt li tintegra s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent, kif ukoll is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, il-Kummissjoni tieħu approċċ ta’ “Saħħa Waħda” għat-tħejjija u l-prevenzjoni.

Bejn Mejju 2021 u April 2022, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu flimkien biex ineħħu għadd sinifikanti ta’ prodotti mhux sikuri tal-kċina u tal-mejda mis-suq tal-UE. Din l-azzjoni konġunta ta’ infurzar, imsejħa “Bamboo-zling , iffukat fuq oġġetti tal-plastik li fihom il-bambù u li ta’ sikwit jiġu importati lejn l-UE minn pajjiżi mhux tal-UE. Meta jiġu ppreżentati b’mod qarrieqi bħala naturali jew sostenibbli dawn il-prodotti jistgħu jipprovokaw il-migrazzjoni ta’ sustanzi li jikkawżaw il-kanċer f’livelli li jaqbżu l-limiti skont ir-regoli tal-UE . Ħafna prodotti illegali u frodulenti bħal dawn ġew irtirati mis-suq.

Barra minn hekk, biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tikkontribwixxi għal sistema tal-ikel sostenibbli, il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jinfurzaw il-leġiżlazzjoni, pereżempju, dwar prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE u li jkollhom kuntatt mal-ikel.

Prevenzjoni ta’ mard relatat mat-tabakk

Il-konsum tat-tabakk għadu l-kawża ewlenija tal-kanċer li jista’ jiġi evitat u 27 % tal-kanċers kollha huma attribwibbli għalih. Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għan-nies. Din tiġġenera riżultati pożittivi għas-saħħa pubblika. Fl-2022, il-Kummissjoni kompliet il-ħidma tagħha biex tinforza bis-sħiħ id-Direttiva, filwaqt li appoġġat l-implimentazzjoni tal-pjan tal-Ewropa għall-ġlieda kontra l-kanċer . Ivvalutat ukoll jekk il-liġijiet nazzjonali ttrasponewx id-Direttiva b’mod korrett. Id-djalogu mal-Istati Membri kien ukoll ċentrali fit-titjib tal-applikazzjoni tad-Direttiva u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha.

Trasport aktar sikur

It-trasport bit-triq huwa l-iktar mezz ta’ vjaġġar li jintuża mill-Ewropej u kawża primarja ta’ inċidenti. Il-ħolqien ta’ ambjent għal trasport bit-triq sikur huwa prijorità ewlenija għall-Kummissjoni. Meta l-Kummissjoni tinforza r-regoli u l-istandards tekniċi tal-UE tkun qed tgħin biex jitnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku.

Fl-2022, il-Kummissjoni ssuktat proċedura ta’ ksur kontra ċ-Ċekja talli naqset milli tittrasponi b’mod korrett ir-regoli tal-UE dwar l-istandards minimi ta’ idoneità f’dak li jikkonċerna s-sewqan, fir-rigward tal-kundizzjonijiet kardjovaskulari. Issuktat ukoll il-proċeduri ta’ ksur kontra l-Greċja , n-Netherlands , il-Polonja , il-Portugall , is-Slovakkja u s-Slovenja talli naqsu milli jittrasponu d-dritt tal-UE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq.

Fis-settur ferrovjarju, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri ta’ ksur kontra l-Iżvezja rigward in-nuqqas tagħha li tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni għar-regoli dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja u s-sikurezza ferrovjarja. Dawn ir-regoli huma parti mir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, li se jiġi implimentat bħala prijorità tal-Kummissjoni. Dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra Spanja talli applikat il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni ċivili u dwar l-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili b’mod skorrett.

Fis-settur marittimu, il-Kummissjoni kompliet tiffoka fuq l-infurzar tar- regoli tal-UE fuq livell minimu ta’ taħriġ għall-baħħara . B’mod partikolari, hija ħadet passi ulterjuri fil-proċeduri ta’ ksur kontra ċ-Ċekja u Ċipru biex tiżgura li jimplimentaw dawn ir-regoli.



Ewropa Lesta għall-Era Diġitali

“It-tranżizzjoni diġitali titlob regoli ċari. In-nies iridu jkunu jafu li jistgħu jafdaw it-teknoloġija li jużaw. In-negozji jeħtieġu prevedibbiltà biex jippjanaw l-investiment tagħhom. U din hija eżattament ir-raġuni għaliex ħriġna bl-iktar aġenda ambizzjuża għar-riformi diġitali u l-investiment fl-istorja tal-Unjoni tagħna.”

Il-President von der Leyen, fid-diskors waqt l-avveiment “Masters of Digital 2022”

Il-Kummissjoni tinsab determinata li tagħmel lid-deċennju li qegħdin fih id-“Deċennju Diġitali” tal-Ewropa. L-UE tinsab determinata li tistabbilixxi standards diġitali, b’enfasi ċara fuq id-data, it-teknoloġija u l-infrastruttura. Biex ikunu minn ta’ quddiem fit-tellieqa globali għal teknoloġija affidabbli, sigura u ċċentrata fuq il-bniedem, l-Istati Membri jridu jimplimentaw r-regoli miftiehma flimkien b’mod sħiħ u rapidu. Għaldaqstant il-Kummissjoni ħadet azzjoni rapida kontra kwalunkwe traspożizzjoni tardiva ta’ regoli ġodda. Hija aġixxiet ukoll b’mod sod biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-individwi.

Teknoloġija li taħdem għan-nies 

F’April 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq 10 Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ il-Kodiċi fil-liġi nazzjonali. Fl-istess ħin, matul l-2022, il-Kummissjoni għalqet il-proċeduri ta’ ksur kontra tmien Stati Membri billi kienu lestew it-traspożizzjoni. Eventwalment, l-Irlanda, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja biss ma kinux innotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni u ġew riferuti lill-Qorti b’talba biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji.

Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tal-2020 huwa pedament ċentrali tas-Suq Uniku Diġitali, billi jagħti spinta lill-konnettività u jipproteġi aħjar lill-konsumaturi madwar l-Ewropa. Jiżgura kuntratti aktar ċari, kwalità tas-servizzi u swieq kompetittivi.

Ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali u d-Direttiva dwar il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju online  jimmodernizzaw ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur tal-konsumaturi u l-kreaturi biex jagħmluhom adattati għall-era diġitali. Iħarsu lid-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li jistimulaw il-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni ta’ kontenut aktar ta’ valur għoli. Dawn iġibu għażla akbar ta’ kontenut għall-utenti billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jiffaċilitaw id-distribuzzjoni tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni madwar l-UE.

Il-Kummissjoni ssuktat proċeduri ta’ ksur kontra 14-il Stat   Membru talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali u kontra 11-il Stat   Membru talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju online. 

F’kawża mressqa mill-Polonja kontra l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat il-validità tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Dan l-artikolu jipprojbixxi lill-pjattaformi milli juru kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur mhux liċenzjat f’isem l-utenti tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri huma meħtieġa jimplimentaw l-artikolu fil-liġi nazzjonali.

Il-promozzjoni tal-ekonomija tad-data

Id- Direttiva dwar id-Data Miftuħa għandha l-għan li tagħmel aktar mid-data prodotta u ffinanzjata mis-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid minn min ikun għal kwalunkwe skop ġdid. Tistimula l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet intensivi fid-data bħall-applikazzjonijiet tat-temp jew tal-mobilità. Iżżid it-trasparenza billi tiftaħ l-aċċess għad-data minn riċerka ffinanzjata pubblikament, u tappoġġa teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali.

Fl-2022, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri ta’ ksur kontra 12-il Stat   Membru   talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Fl-istess ħin, ingħalqu l-proċeduri ta’ ksur kontra tmien Stati Membri billi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni sħiħa.

Soċjetà diġitali miftuħa, demokratika u sostenibbli

Id- Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva tirregola l-koordinazzjoni madwar l-UE kollha tal-media awdjoviżiva kollha, kemm ix-xandiriet tradizzjonali tat-TV kif ukoll is-servizzi fuq talba. Ir-regoli tagħha għandhom l-għan li joħolqu qafas regolatorju adattat għall-era diġitali, li jwassal għal xenarju awdjoviżiv aktar sikur, aktar ġust u aktar diversifikat.

Fl-2022 il-Kummissjoni kompliet tinforza d-Direttiva bħala kwistjoni ta’ prijorità. Setgħet tagħlaq każijiet kontra seba’ Stati Membri hekk kif ittrasponew id-Direttiva. Madankollu, dan ma kienx il-każ għall- Irlanda, , li l-Kummissjoni ressqitha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kif tassenja d-drittijiet tal-ispettru tar-radju. Il-Kummissjoni qieset id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Media Ungeriż li jiċħad it-tiġdid tad-drittijiet ta’ stazzjon tar-radju bħala sproporzjonati u mhux trasparenti u b’hekk kisru d-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni argumentat ukoll li permezz tal-imġiba tagħha, l-Ungerija kienet kisret ukoll il-libertà tal-espressjoni kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Fil-qalba tal-pluraliżmu tal-media hemm il-possibbiltà li l-fornituri tas-servizzi tal-media jkunu jistgħu jaħdmu liberament u b’mod indipendenti jkun fejn ikun fl-UE. Ir-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni jistabbilixxu li l-fornituri tas-servizzi tal-media jridu jkunu jistgħu jaċċessaw is-suq skont termini nondiskriminatorji, oġġettivament ġustifikati u proporzjonati, u taħt kundizzjonijiet magħrufa minn qabel.

Il-protezzjoni għall-konsumaturi u għall-kumpaniji

Ir-regoli tal-UE jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi meta jixtru oġġetti, kontenut diġitali u servizzi diġitali fis-suq uniku.

Id-Direttiva dwar l-Infurzar Aħjar u l-Modernizzazzjoni saħħet ir-regoli eżistenti. Din żiedet it-trasparenza fl-ambjent diġitali u fit-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. Saħħet ukoll il-penali u r-rimedji fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-konsumatur. Ir-regoli l-ġodda jżidu ċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 22 Stat Membru talli ma ttrasponewx id-Direttiva fil-ħin. Tmienja minn dawn il-każijiet diġà setgħu jingħalqu aktar tard fl-2022.

Id-Direttiva dwar il-Kontenut Diġitali u d-Direttiva dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti japplikaw għal kuntratti tal-konsumatur konklużi mill-1 ta’ Jannar 2022. Fl-2022, il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċeduri ta’ ksur kontra l-Polonja , is-Slovenja u s-Slovakkja talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Bis-saħħa tal-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha ħlief is-Slovakkja kienu nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa ta’ dawn ir-regoli sa tmiem l-2022. Dan tejjeb il-protezzjoni għall-konsumaturi meta jixtru oġġetti jew kontenut diġitali minn kwalunkwe Stat Membru u żied iċ-ċertezza legali għan-negozji.

Prodotti, servizzi u siti web aċċessibbli

L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà  għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għal prodotti u servizzi aċċessibbli fl-UE, li jwasslu għal tnaqqis tal-ispejjeż. Il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani se jibbenefikaw minn prodotti u servizzi aktar aċċessibbli fis-suq.

Il-Kummissjoni fetħet 24 proċedura ta’ ksur billi l-Istati Membri naqsu milli jittrasponu dawn ir-regoli sal-iskadenza. Il-Kummissjoni kompliet ukoll bl-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiffinalizzaw it-traspożizzjoni billi jorganizzaw sessjonijiet ta’ ħidma mal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Id- Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web tirrikjedi li s-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani. Pereżempju, dawn is-siti u l-applikazzjonijiet irid ikollhom dikjarazzjoni ta’ aċċessibbiltà li tipprovdi kuntatti għal feedback u lmenti f’każ ta’ kontenut inaċċessibbli.

Il-Kummissjoni ppubblikat il-valutazzjoni tagħha tal-impatt u l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inklużi sommarji faċli li jinqraw . Is-sejbiet juru li d-Direttiva tfasslet u ġiet implimentata b’mod effiċjenti u aċċess imtejjeb għas-servizzi pubbliċi online u għall-informazzjoni fl-UE, filwaqt li ssaħħaħ l-inklużjoni soċjali u diġitali. Ir-riżultati wrew ukoll progress prattiku li għad irid isir għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kollha tas-settur pubbliku, jekk dawn għandhom ikunu kompletament aċċessibbli għall-persuni diżabbli u l-anzjani.

Suq uniku li jitħalla jkattar it-tkabbir

L-applikazzjoni skorretta jew mhux kompluta tar-regoli tal-UE tkompli toħloq ostakli fis-suq uniku. Dan iġib miegħu spejjeż għan-negozji u l-konsumaturi. L-applikazzjoni ħażina tar-regoli toħloq kumplessità u piżijiet amministrattivi u tfixkel il-kompetizzjoni, u ddgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji madwar l-UE.

L-azzjoni ta’ infurzar iffukat ukoll fuq dawk l-oqsma trasversali b’potenzjal li jiffaċilitaw l-investiment biex jitħaffef l-irkupru f’ekosistemi ekonomiċi differenti, bħal fil-qasam tas-servizzi, inklużi l-professjonijiet, il-moviment liberu tal-merkanzija u l-akkwist pubbliku.

Biex tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu fil-ħin għall-prodotti u s-servizzi li jakkwistaw, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod sod kontra żewġ Stati Membri: issuktat bil-proċedura ta’ ksur kontra l-Greċja dwar nuqqasijiet persistenti fis-settur tas-saħħa. U appellat lill-Italja biex tikkonforma mas- sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet ikkonfermat il-ksur min-naħa tal-Italja tad-dritt tal-UE dwar il-ħlasijiet tard. Il-Kummissjoni għalqet proċedura oħra ta’ ksur kontra l-Italja wara l-isforzi li saru biex il-proċedura ta’ verifika tagħha tiġi allinjata mad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard.

Il-Kummissjoni ssuktat ukoll bl-isforzi ta’ infurzar tagħha sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu fil-ħin għall-oġġetti u s-servizzi li jakkwistaw, filwaqt li jiġi evitat dewmien kaskata fil-pagamenti tul il-katina tal-provvista, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa. Il-Kummissjoni timmonitorja b’mod proattiv il-progress fir-rigward tal-Belġju, il-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Portugall u s-Slovakkja, li għadhom ma laħqux il-miri tad- Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard .

Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra l-Ungerija talli llimitat l-esportazzjonijiet ta’ materjali tal-kostruzzjoni. Il-Kummissjoni nediet ukoll proċedura kontra l-Ungerija għall-impożizzjoni ta’ prezzijiet ogħla tal-fjuwil fuq vetturi bi pjanċi tan-numru mhux Ungeriżi meta mqabbla mal-vetturi rreġistrati fl-Ungerija. Fi tmiem l-2022, l-Ungerija temmet dan il-ksur.

Il-Kummissjoni baqgħet viġilanti wkoll biex tiġġieled ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni mill-Istati Membri wara l-invażjoni tal-Ukrajna. L-azzjoni rapida u soda ta’ infurzar mill-Kummissjoni wasslet biex is-Suq Uniku baqa’ jiffunzjona.

Informazzjoni trasparenti dwar u għan-negozji

B’numru dejjem akbar ta’ negozji transfruntiera, l-aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji fi Stati Membri differenti huwa kruċjali. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikjedi li l-Istati Membri jgħaqqdu r-reġistri kummerċjali nazzjonali tagħhom mas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (business registers interconnection system, BRIS). Din tiffaċilita l-operazzjonijiet transfruntiera u tnaqqas l-ispejjeż u l-ħin tal-proċeduri għall-kumpaniji. Tippermetti lill-individwi, lin-negozji u lill-imprendituri jiksbu informazzjoni dwar il-kumpaniji. Ir-regoli tal-UE introduċew ukoll għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji. L-intraprendituri issa jistgħu joħolqu kumpaniji b’responsabbiltà limitata online.

Fl-2022 il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 10 Stat Membru talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpaniji fil-liġi nazzjonali fil-ħin. Grazzi għall-azzjonijiet ta’ infurzar rapidi tal-Kummissjoni dwar dawn u każijiet oħra 19-il Stat Membru kienu kkompletaw it-traspożizzjoni sħiħa ta’ dawn ir-regoli sa tmiem l-2022. Il-Kummissjoni għalqet ukoll proċedura ta’ ksur kontra l-Bulgarija billi kienet lestiet il-konnessjoni tar-reġistru kummerċjali tagħha mas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (business registers interconnection system, BRIS).

Sistemi tat-trasport diġitali

Id-diġitalizzazzjoni tista’ tagħmel it-trasport aktar sikur, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni joffru opportunitajiet ġodda għall-modalitajiet kollha tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Barra minn hekk, l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji eżistenti f’teknoloġiji ġodda tista’ toħloq servizzi ġodda.

Pereżempju, għat-trasport bit-triq, is-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku jiżgura li s-servizzi ta’ pedaġġ ikunu interoperabbli fit-toroq kollha fl-UE. L-utenti tat-triq jibbenefikaw hekk kif iħallsu l-pedaġġ faċilment fl-UE b’kuntratt ta’ abbonament wieħed biss ma’ fornitur ta’ servizz wieħed u b’unità abbord waħda. Il-Kummissjoni infurzat id-Direttiva permezz ta’ diversi proċeduri ta’ ksur.

Dwar il-pedaġġ elettroniku, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Ġermanja , l-Italja u l-Finlandja talli naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ ir-regoli tal-UE. Hija segwiet każijiet oħra ta’ ksur kontra 11-il   Stat   Membru  f’dan il-qasam.

Dwar is-servizzi ta’ kollegament tad-data, il-Kummissjoni rreferiet lill-Greċja, lil Malta u lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jipprovdu u joperaw dawn is-servizzi għall-inġenji tal-ajru li jtiru fl-ispazju tal-ajru fir-responsabbiltà tagħhom.

Dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, is-servizzi ta’ kollegament tad-data huma komunikazzjonijiet bejn l-inġenji tal-ajru u l-persunal fuq l-art li jikkomplementaw il-komunikazzjoni bil-vuċi użata tradizzjonalment fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Fdan il-qasam il-Kummissjoni għalqet il-proċeduri ta’ ksur tagħha kontra Franza u Ċipru. Il-konformità ġġib benefiċċji konkreti għall-pubbliku: hekk kif il-kanali ta’ komunikazzjoni bil-vuċi qed isiru dejjem aktar konġestjonati, is-servizzi ta’ kollegament tad-data jagħmlu l-komunikazzjoni bejn il-bdot u l-kontrollur aktar effiċjenti, u b’hekk jakkomodaw żidiet fil-livelli tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa.

Ekonomija għas-servizz tan-nies

“L-ekonomija soċjali tas-suq tagħna tħeġġeġ lil kulħadd biex jilħaq l-eċċellenza, iżda tieħu ħsieb ukoll il-fraġilità tagħna bħala bnedmin.”

Il-President von der Leyen, fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni 2022

In-nies u n-negozji fl-UE jistgħu jirnexxu biss jekk l-ekonomija taħdem għalihom. L-ekonomija soċjali tas-suq unika tal-UE tgħin lill-ekonomiji jikbru filwaqt li tindirizza l-faqar u l-inugwaljanza. L-implimentazzjoni mhux kompluta jew l-applikazzjoni skorretta tar-regoli maqbula b’mod komuni jimminaw il-potenzjal tal-ekonomiji tagħna u huma ta’ piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dan idgħajjef ukoll id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni infurzat il-liġi tal-UE f’firxa wiesgħa ta’ politiki biex tindirizza dawn ir-riskji.

Kundizzjonijiet tax-xogħol

Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u dinjitużi huma komponent ewlieni tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa. L-UE adottat standards minimi li japplikaw fl-Istati Membri kollha dwar il-ħin tax-xogħol , ix-xogħol part-time u għal żmien fiss , u x-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija . Fl-2022, il-Kummissjoni ħadet numru ta’ azzjonijiet sabiex tinforza dawn ir-regoli. Fetħet każijiet ta’ ksur kontra 19-il Stat Membru  talli naqsu milli jittrasponu r-regoli tal-UE dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fi żmien xieraq. Wara li rċeviet ilment, il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjoni kontra l-Irlanda  rigward l-infurzar tagħha tad-drittijiet tal-ħaddiema skont id-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet , li għandha l-għan li tiżgura li l-persunal li jaħdem għal kumpaniji li joperaw madwar l-UE jkollu d-dritt li jiġi infurmat u kkonsultat dwar kwistjonijiet transnazzjonali. 

Saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol

L-UE żviluppat ammont estensiv ta’ regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri jwasslu għal forza tax-xogħol b’saħħitha u produttiva. Il-miżuri ta’ infurzar iffokaw fuq traspożizzjoni f’waqtha tar-regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni għalqet 19-il proċedura ta’ ksur, billi l-Istati Membri kienu ttrasponew id-direttivi rilevanti. Dawn ir-regoli kkonċernaw aġġornamenti tad- Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni – CMD) , il-Ħames Lista tal-Valuri ta’ Limitu Indikattivi tal-Esponiment Okkupazzjonali u adattamenti tekniċi fl-oqsma tat- tagħmir protettiv personali , aġenti bioloġiċi , u trattament mediku abbord bastimenti .

Sabiex il-miżuri nazzjonali jinġiebu malajr konformi mar- Raba’ Lista ta’ Valuri ta’ Limitu Indikattivi tal-Esponiment Okkupazzjonali , il-Kummissjoni segwiet il-proċess ta’ qabel il-ksur (EU Pilot) ma’ 13-il Stat Membru. Bis-saħħa ta’ dan id-djalogu, żewġ Stati Membri kisbu konformità mad-Direttiva fl-2022. L-Istati Membri l-oħra kollha, ħlief wieħed, impenjaw ruħhom li jġibu l-liġijiet nazzjonali tagħhom konformi mar-regoli tal-UE. Il-Kummissjoni użat ukoll il-proċess EU Pilot ma’ 15-il Stat Membru rigward il-konformità tat-traspożizzjoni tagħhom tad- Direttiva aġġornata dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni ( id-Direttiva 2017/2398 ). Żewġ Stati Membri diġà adattaw ir-regoli tagħhom lejn l-aħħar tal-2022 biex jiżguraw li kienu konformi.

Mobilità tal-forza tax-xogħol

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali tal-UE. Dan jinvolvi mhux biss id-dritt li wieħed jaħdem fi Stat Membru ieħor iżda wkoll id-dritt li wieħed ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor u li jirrisjedi f’dak l-Istat Membru għal dak l-għan.

Wara li rċeviet ilment minn ċittadin, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra l-Belġju billi l-liġi Belġjana tirrikjedi li dawk li qed ifittxu impjieg mill-UE jagħtu prova li għandhom ċans ġenwin li jsibu impjieg immedjatament wara l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fil-Belġju.

F’każ ieħor ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol li kien ippreżentat għall-attenzjoni tal-Kummissjoni minn xi ilmentaturi, il-Greċja qablet li tibdel il-leġiżlazzjoni tagħha wara l-passi ta’ ksur tal-Kummissjoni, u b’hekk iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaċċessaw pożizzjonijiet maniġerjali fil-Parlament tagħha.

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għal tliet xhur, bl-uniku rekwiżit li jkollhom dokument tal-identità validu. Wara tliet xhur, il-pajjiżi tal-UE jridu jippermettu lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg tal-UE jibqgħu għal perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li jkunu rreġistraw mas-servizzi tal-impjiegi. Dan għandu jippermettilhom isibu impjieg li jikkorrispondi għall-kwalifiki tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa biex jibdew l-impjieg. Huwa biss ladarba jkun għadda l-perjodu ta’ żmien raġonevoli li l-Istati Membri ospitanti jkunu jistgħu jirrikjedu li dawk li qed ifittxu impjieg jagħtu prova tal-possibbiltajiet ġenwini tagħhom li jsibu impjieg jekk ikunu jridu jibqgħu aktar fit-tul.

Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Fis-16 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi proċedura ta’ ksur kontra l-Awstrija . L-Awstrija introduċiet skema ġdida ta’ benefiċċji tal-familja li tipprovdi għal ammonti differenti ta’ benefiċċji tal-familja skont il-post ta’ residenza fl-UE tat-tifel/tifla kkonċernat(a). Il-Qorti ddeċidiet li dan l-indiċjar imur kontra l-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali. Sussegwentement l-Awstrija ħadet passi biex timplimenta s-sentenza. Il-Kummissjoni fetħet ukoll proċedura ta’ ksur simili kontra l-Ġermanja .

Il-liġi tal-UE tikkoordina s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri biex tiggarantixxi li l-libertà tal-moviment tal-persuni tiġi eżerċitata b’mod effettiv. Dan jgħin biex jittejjeb l-istandard tal-protezzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ persuni li jiċċaqalqu fl-UE.

Informazzjoni u assistenza aħjar għaċ-ċittadini u għan-negozji

Fl-2022, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, kien aktar importanti minn qatt qabel li l-individwi u n-negozji jkunu jistgħu jkomplu jiddependu fuq l-opportunitajiet offruti mis-suq uniku. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija l-aktar mod rapidu biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-moviment liberu. L-għodod ta’ governanza tas-suq uniku, bħal L-Ewropa Tiegħek , Pariri tal-Ewropa Tiegħek u SOLVIT , joffru informazzjoni ċara, assistenza u soluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini u n-negozji.

Dawn jagħtu s-setgħa kemm lill-individwi kif ukoll lin-negozji biex jagħmlu użu sħiħ mid-drittijiet tal-UE tagħhom fis-suq uniku. Barra minn hekk, l-evidenza minn dawn l-għodod tgħin biex tiġi nidentifikataw u nikkoreġu kull problema li teżisti. Fl-2022 SOLVIT għenet aktar minn 2 400 ċittadin u negozju billi indirizzat l-problemi tagħhom. Il-pariri tal-Ewropa Tiegħek ġew ikkonsultati kważi 28 000 darba miċ-ċittadini u n-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku.

Ir-regolamentazzjoni aħjar tal-professjonijiet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki

Id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit għall-professjonijiet li jintroduċu jew jemendaw ikun meħtieġ u bbilanċjat. Regoli nazzjonali diffikultużi jagħmluha aktar diffiċli għall-kandidati kwalifikati biex jaċċessaw jew jeżerċitaw firxa wiesgħa ta’ professjonijiet. Il-Kummissjoni ħadet deċiżjonijiet ta’ ksur fir-rigward ta’ ħames Stati Membri biex tiżgura traspożizzjoni sħiħa u korretta tar-regoli.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqas milli jittrasponi d-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità, filwaqt li għalqet il-proċeduri kontra Ċipru u l-Latvja. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri kontra Ċipru , Spanja u l-Latvja talli ttrasponew dawn ir-regoli b’mod skorrett.

Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-Kummissjoni rreferiet lill-Portugall u lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kawżi tindirizza kwistjonijiet imqajma minn ilment. Il-Kummissjoni fetħet ukoll każijiet kontra l-Belġju , il-Greċja u Malta talli ttrasponew dawn ir-regoli b’mod skorrett.

Id-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali  jagħmluha aktar faċli għall-professjonisti sabiex jipprovdu servizzi madwar l-Ewropa, filwaqt li jiggarantixxu protezzjoni mtejba għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni aġixxiet b’mod sod kontra l-Istati Membri fejn kien jippersisti ksur tad-Direttiva, inkluż billi rreferiethom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn meħtieġ. Tista’ tagħlaq każijiet kontra l-Italja, l-Awstrija u l-Iżvezja, fejn il-professjonisti issa jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn il-vantaġġi.

Il-prevenzjoni tal-falliment ta’ kumpaniji vijabbli

Id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza għandha l-għan li tipprevjeni l-falliment bikri u tistabbilixxi ambjent b’saħħtu għan-negozji insolventi biex jerġgħu lura fuq saqajhom. Dan jipprovdi l-kundizzjonijiet għal kumpaniji vijabbli f’diffikultà finanzjarja biex jirristrutturaw kmieni. Ir-regoli l-ġodda jżidu wkoll l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ insolvenza u jippromwovu l-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 10 Stati Membri talli ma ttrasponewx id-direttivi.

Servizzi finanzjarji

Is-servizzi finanzjarji jinsabu fil-qalba tas-suq uniku. Ir-regoli tal-UE jiżguraw li l-intermedjarji finanzjarji u s-swieq finanzjarji jkunu regolati u sorveljati kif xieraq, għall-istabbiltà, il-kompetittività u t-trasparenza. Dawn ikopru l-atturi ewlenin fis-swieq finanzjarji, bħall-banek, l-assiguraturi, id-ditti tal-investiment, il-maniġers tal-assi u intermedjarji finanzjarji oħra.

Il-Kummissjoni nediet 37 proċedura ta’ ksur kontra l-Istati Membri li naqsu milli jittrasponu bis-sħiħ id-diversi direttivi dwar l-intermedjarji finanzjarji, jiġifieri dwar:

Il-Kummissjoni ssuktat disa’ proċedimenti ta’ ksur oħra rigward ir-regoli tal-UE dwar id-distribuzzjoni ta’ fondi transfruntiera , pjattaformi ta’ crowdfunding u awditjar .

l-irkupru tas-suq kapitali

kunsiderazzjonijiet   ta’ sostenibbiltà għall-istrumenti finanzjarji u l-fondi ta’ investiment

dokumenti ta’ informazzjoni ewlenija għal ditti ta’ investiment kollettiv.

Ir-regoli tal-UE li ġew aġġornati reċentement jippruvaw jiżguraw li dawn l-intermedjarji finanzjarji jkunu saħansitra aktar reżiljenti u ssorveljati aħjar, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw l-effetti ta’ kriżijiet bħall-pandemija jew il-gwerra fl-Ukrajna. L-għan tar-regoli huwa wkoll li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku filwaqt li jnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ambjent u jqisu d-dimensjoni soċjali. Il-Kummissjoni għalqet 26 proċedura ta’ ksur wara li l-Istati Membri ttrasponew b’mod sħiħ diversi direttivi fil-qasam.

Pagamenti bl-imnut

Il-pagamenti bl-imnut huma essenzjali għall-ekonomija Ewropea. Sistemi effiċjenti ta’ pagament bl-imnut huma essenzjali għat-tmexxija bla xkiel ta’ diversi setturi, inkluż il-bejgħ bl-imnut, il-pagamenti minn negozju għal negozju, il-pagament għall-utilitajiet u l-kera, eċċ. Id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD2) u r-Regolament SEPA huma tnejn mil-liġijiet tal-UE li jsawru r-regoli għas-sistemi ta’ pagament bl-imnut.

Il-Kummissjoni involviet ruħha fi proċess ta’ qabel il-ksur (EU Pilot) ma’ 20 Stat Membru dwar il-mod kif kienu ttrasponew il-PSD2. Hija kompliet ukoll bl-isforzi ta’ infurzar tagħha mal-Istati Membri biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni tal-IBAN : tali diskriminazzjoni sseħħ meta l-kontijiet fi Stati Membri oħra ma jkunux jistgħu jintużaw biex jinħolqu debiti diretti jew bgħat-trasferiment ta’ fondi għal servizzi ta’ pagamenti domestiċi, bi ksur tar-Regolament SEPA.

Is-sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji mill-awtoritajiet nazzjonali

Il-liġi tal-UE tagħti s-setgħa lill- Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“ASE”) biex jinvestigaw ksur potenzjali jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali li jaħdmu taħt is-sorveljanza tagħhom. Meta l-investigazzjonijiet jiżvelaw li awtorità nazzjonali tkun naqset milli twettaq kif suppost ir-rwol superviżorju tagħha, l-ASE rilevanti tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet biex tindirizza n-nuqqasijiet li tkun identifikat. Imbagħad l-azzjoni li l-awtorità superviżorja nazzjonali tieħu biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni, li tista’ toħroġ opinjonijiet jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-ESA ma jiġux segwiti. Fl-2022, il-Kummissjoni adottat opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità superviżorja tal-assigurazzjoni Slovakka tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha skont ir-reġim prudenzjali tal-UE rigward il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fl-UE ( Solvenza II ). Din l-opinjoni ssegwi r-rakkomandazzjoni maħruġa mill- Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol  fl-istess sena.

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tikkontribwixxi għas-sigurtà, kif ukoll għall-protezzjoni tal-integrità tas-sistema finanzjarja internazzjonali. Għaldaqstant huwa importanti li l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus tibqa’ fuq quddiem nett tal-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni.

Biex tinforza r-regoli tal-UE dwar ir-reġistrazzjoni tas-sjieda benefiċjarja, il-Kummissjoni nediet proċess ta’ qabel il-ksur (EU Pilot) mal-Istati Membri kollha. Hija fetħet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra Spanja , l-Italja ,u l-Latvja għal nuqqas ta’ traspożizzjoni, nuqqas ta’ konformità u applikazzjoni ħażina tar-regoli dwar ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni setgħet tagħlaq 11-il proċedura ta’ ksur, billi l-Istati Membri involuti kienu kkonkludew it-traspożizzjoni tal- Ħames Direttiva kontra l-ħasil tal-flus , inklużi r-regoli dwar ir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja.

Iż-żieda fit-trasparenza hija fundamentali għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-kumpaniji bħala fronti għall-ħasil tal-flus. Għaldaqstant l-Istati Membri jridu jiżguraw li t-tagħrif dwar is-sidien reali ta’ dawn il-kumpaniji, “is-sidien benefiċjarji tagħhom”, tinżamm f’reġistru ċentrali. Reġim ta’ żvelar preċiż li jkun trasparenti dwar is-sjieda benefiċjarja u l-istrutturi ta’ kontroll tan-negozji jżid il-fiduċja tal-investituri u tal-pubbliku ġenerali fis-swieq finanzjarji.

Ir-regoli tal-UE jikkriminalizzaw il-ħasil tal-flus meta dan isir b’mod intenzjonat u bl-għarfien li l-assi inkwistjoni ġew minn attività kriminali. Dawn jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn il-pajjiżi tal-UE u jipprevjenu lill-kriminali milli jieħdu vantaġġ minn sistemi legali aktar laxki. Il-Kummissjon infurzat dawn ir-regoli billi ssuktat kawża kontra l-Belġju , u nediet kważi kontra l-Litwanja , il-Latvja , Malta u l-Portugall talli ma ttrasponewhomx fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Mobilità u trasport

Ir-regoli l-ġodda għas-settur tat-trasport bit-triq tal-UE jiżguraw bilanċ bejn il-protezzjoni soċjali għax-xufiera u l-libertà għall-operaturi li jipprovdu servizzi tat-trasport transfruntiera. Il-liġi tal-UE dwar l-istazzjonar tax-xufiera tirregola sitwazzjonijiet meta x-xufiera jintbagħtu mill-impjegatur tagħhom biex iwettqu servizz fi Stat Membru ieħor fuq bażi temporanja. Dawn ir-regoli jiżguraw li x-xufiera stazzjonati jirċievu r-remunerazzjoni tal-Istat Membru ospitanti għall-perjodu li matulu jkunu stazzjonati. Barra minn hekk jallinjaw il-miżuri ta’ spezzjoni madwar l-UE.

Billi xi Stati Membri kienu għadhom ma ttrasponewx dawn ir-regoli, il-Kummissjoni kompliet każijiet ta’ ksur kontra tmien Stati Membri sabiex ix-xufiera stazzjonati jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi tagħhom mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni ssuktat ukoll proċeduri ta’ ksur kontra l-Greċja talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-kontrolli mal-ġenb tat-triq , u kontra d-Danimarka talli naqset milli tikkonforma mar- regoli dwar il-kabotaġġ għat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ.

Dwar it-trasport marittimu, il-Kummissjoni kompliet proċedura ta’ ksur kontra l-Portugall għal applikazzjoni skorretta tar-regoli tal-UE dwar is-sikurezza u l-ambjent dwar it-tagħmir tal-baħar . Barra minn hekk, wara lment li kien relatat mal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur marittimu, il-Kummissjoni talbet lil Malta tapplika b’mod korrett il-liġi tal-UE fir-rigward tar-reġim tal-ħaddiema tal-port.

It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa alternattiva kompetittiva għat-trasport bit-triq u bil-ferrovija. Dan jgħin ukoll biex jitnaqqas it-traffiku fuq networks tat-toroq mgħobbija żżejjed f’reġjuni b’densità ta’ popolazzjoni għolja. Il-Kummissjoni inforzat ir-regoli tal-UE f’dan il-qasam billi segwiet proċedura ta’ ksur kontra ċ-Ċekja , Spanja , il-Lussemburgu , il-Polonja , il-Portugall u s-Slovenja talli naqsu mill-jittrasponu ir-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali għan-navigazzjoni interna fil-liġi nazzjonali. Dawn ir-regoli jistabbilixxu sistema standardizzata għaċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent ta’ persuni li joperaw inġenji fuq passaġġi fuq l-ilma interni, li tippermetti lid-detenturi taċ-ċertifikati joperaw fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni fetħet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra l-Ġermanja , il-Kroazja , l-Ungerija u l-Awstrija talli naqsu milli jaġixxu fuq il-bażi ta’ pożizzjoni tal-UE fil-Kummissjoni tad-Danubju. Din l-organizzazzjoni internazzjonali tittratta r-reġim tan-navigazzjoni tax-xmara Danubju. L-erba’ Stati Membri vvutaw dwar kwistjonijiet li dwarhom l-UE għandha kompetenza esterna esklużiva mingħajr pożizzjoni tal-UE stabbilita minn qabel, li jmur kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera minqux fit-Trattati tal-UE.

Tassazzjoni diretta

Is-suq uniku jiggarantixxi li ċ-ċittadini u n-negozji għandhom il-libertà li jiċċaqalqu, joperaw u jinvestu bejn il-fruntieri nazzjonali. Madankollu, billi r-regoli nazzjonali tat-tassazzjoni diretta mhumiex allinjati u hemm differenzi fis-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri, għad hemm il-possibbiltà li t-taxxa tiġi ppjanata b’mod aggressiv jew li tiġi evitata għalkollox. Sabiex jiġu evitati okkorrenzi ta’ nontassazzjoni involontarja bħala riżultat ta’ tali prattiki, l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib u japprossimaw ir-regoli nazzjonali permezz ta’ direttivi tal-UE.

Waħda mid-direttivi ewlenin f’dan il-qasam li taffettwa direttament il-funzjonament tas-suq uniku hija d-Direttiva dwar ir-regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa . Il-Kummissjoni infurzat dawn ir-regoli b’suċċess fl-2022: l-ewwel nett, billi jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa tagħhom fid-dritt nazzjonali Bulgaru, Ċek, Ġermaniż, Irlandiż u Spanjol. U l-Kummissjoni żgurat li r-regoli jiġu trasposti b’mod korrett mill-Bulgarija u Ċipru, li allinjaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom bħala riżultat tal-proċeduri ta’ ksur.

Il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri kontra l-Greċja u Spanja talli naqsu milli jittrasponu d-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar id-diskrepanzi ibridi bil-maqlub. Dawn ir-regoli jipprevjeni lill-kontribwenti milli jisfruttaw id-differenzi bejn is-sistemi tat-taxxa biex iħallsu inqas taxxa jew l-ebda taxxa u jipprevjenu l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa.

Diversi Stati Membri oħra allinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mar-regoli tal-UE dwar it-tassazzjoni diretta bħala riżultat tal-ħidma ta’ infurzar tal-Kummissjoni: Il-Belġju neħħa kalkolu diskriminatorju tal-introjtu li jirriżulta minn proprjetà li tinsab barra mill-pajjiż; Spanja temmet it-tassazzjoni diskriminatorja ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ mhux residenti u l-kontributuri u d-donaturi tagħhom; u l-Greċja solviet id-differenza fit-trattament tat-taxxa fuq il-bażi tal-kriterju tal-post (l-istat) fejn jinżammu l-assi jew l-investimenti li jkunu ntirtu.

Wara diversi lmenti li waslu mingħand iċ-ċittadini, il-Kummissjoni ħadet azzjoni ta’ infurzar kontra l-Ġermanja biex iġġib ir-regoli tagħha dwar il-kalkolu tal-benefiċċji għall-ħaddiema transfruntiera f’konformità mal-liġi tal-UE, biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni. Ir-regoli kienu ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema impjegati fil-Ġermanja u residenti f’pajjiż ġar rigward il-benefiċċji tax-xogħol u tal-mard u l-benefiċċji tal-qgħad, u b’hekk jiksru r-regoli tal-UE  dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema .

Il-Kummissjoni solviet każ kontra Spanja talli imponiet penali sproporzjonati fuq il-kontribwenti Spanjoli talli naqsu milli jippreżentaw d-dikjarazzjoni tagħhom dwar l-assi miżmuma barra mill-pajjiż permezz ta’ formola online (“Modelo 720”). Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, Spanja emendat il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, f’konformità mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital. Il-każ kien ukoll soġġett għal petizzjoni lill-Parlament Ewropew.

Tassazzjoni indiretta

Ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u d-dazji tas-sisa għandhom l-għan li jipprevjenu lin-negozji f’pajjiż wieħed tal-UE milli jkollhom vantaġġ inġust fuq it-taxxa fuq in-negozji f’pajjiżi oħra tal-UE. Għaldaqstant, dawn jgħinu biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq uniku. Biex jiġi protett il-moviment liberu tal-merkanzija, il-liġi tal-UE tiżgura li t-taxxi relatati mal-karozzi ma jiddiskriminawx kontra l-karozzi miġjuba minn pajjiż ieħor tal-UE.

Il-Kummissjoni ressqet lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli imponiet taxxa annwali fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi użati miġjuba lejn Malta wara l-1 ta’ Jannar 2009 minn pajjiżi oħra tal-UE ogħla mit-taxxa mħallsa fuq karozzi simili diġà rreġistrati f’Malta qabel dik id-data.

Fl-2022, il-Kummissjoni tat importanza partikolari lill-monitoraġġ tal-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-qafas komuni rivedut għall-prodotti tas-sisa , bħall-alkoħol, it-tabakk u l-enerġija. Dawn ir-regoli jtejbu l-libertà tal-moviment għall-prodotti tas-sisa fis-suq uniku billi jissimplifikaw l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sisa u l-interazzjoni bejn in-negozjanti. Jiżguraw ukoll li tinġabar it-taxxa korretta.

Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 16-il Stat Membru u ħadet il-pass li jmiss fil-proċedimenti tagħha kontra l-Belġju , il-Greċja , il-Latvja , il-Lussemburgu u l-Portugall talli naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali biex jittrasponu bis-sħiħ il-qafas komuni rivedut għall-prodotti tas-sisa. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 11-il Stat Membru u kompliet bil-każ kontra l-Portugall talli ma żgurax it-traspożizzjoni sħiħa tar-regoli riveduti għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol.

Il-Kummissjoni mmonitorjat ukoll l-implimentazzjoni tar-regoli riveduti għad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol , applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2022. Dawn ir-regoli jistabbilixxu sistema komuni ta’ ċertifikazzjoni għall-produtturi ż-żgħar, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal rati baxxi ta’ dazju tas-sisa madwar l-UE.

Il-Kummissjoni mmonitorjat ukoll l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-eżanzjonijiet temporanji mill-VAT bħala tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19. Fl-eqqel tal-pandemija, dawn ir-regoli ppermettew lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tal-UE jimportaw u jixtru oġġetti u servizzi mingħajr VAT biex iqassmuhom mingħajr ħlas lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra tmien Stati Membri u kompliet bil-proċedura kontra Ċipru talli naqas milli jittrasponi bis-sħiħ dawn ir-regoli.

L-attivitajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni ssuktaw fuq il-miżuri fiskali nazzjonali li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku. Il-Kummissjoni ssuktat proċedura kontra l-Greċja rigward l-applikazzjoni skorretta tal-eżenzjoni mill-VAT fuq servizzi postali kummerċjali forniti mill-fornitur ta’ servizz universali Grieg. Setgħet tagħlaq proċeduri ta’ ksur kontra l-Ġermanja billi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża issa tapplika b’mod korrett l-iskema tal-VAT b’rata fissa għall-bdiewa, filwaqt li tneħħi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattivaobbligat lill-Istati Membri biex mill-1 ta’ Lulju 2020 jagħtu aċċess għal informazzjoni dwar reġistrazzjonijiet tal-vetturi lil Stati Membri oħrajn, permezz tal-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS). Wara djalogi ta’ suċċess tal-EU Pilot, il-Kummissjoni żgurat li Ċipru, id-Danimarka, l-Irlanda, Franza, Malta u s-Slovenja ħadu azzjoni biex jiżviluppaw kif xieraq il-pjattaforma tal-IT, li tippermetti lill-awtoritajiet jiskambjaw informazzjoni dwar il-vetturi. Il-proċess tal-EU Pilot għadu għaddej fil-konfront ta’ Stat Membru wieħed.

Dwana

Il-kodiċi Doganali tal-UE jiddefinixxi l-qafas legali għar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-UE, adattat għal mudelli kummerċjali moderni u għodod ta’ komunikazzjoni.

Biex tinforza l-Kodiċi, il-Kummissjoni investigat is-sottovalutazzjoni tal-merkanzija, tas-sistemi tal-IT doganali fl-Istati Membri u l-imposti nazzjonali b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni kompliet ukoll l-investigazzjoni tagħha. fl-Istati Membri kollha, dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal- Punt Uniku ta’ Servizz għall-Importazzjoni , portal elettroniku li jintużaw min-negozji biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tal-kummerċ elettroniku tal-VAT fuq il-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati.

Fir-rigward tal-penali skont il-Kodiċi, il-Kummissjoni ffinalizzat rapport li jivvaluta l-ksur doganali u l-penali fl-Istati Membri. Ir-rapport se jiġi segwit fir-riforma li jmiss tal-Unjoni Doganali tal-UE.

Kompetizzjoni

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi kompetittivi li fihom il-kumpaniji jiġu mħeġġa jinnovaw u joffru prodotti u servizzi ta’ kwalità bl-aktar termini favorevoli. Din il-politika hija infurzata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, flimkien mal-Kummissjoni.

L-implimentazzjoni tad- Direttiva NEK + għandha rwol importanti f’dan il-proċess billi żżid is-setgħat u l-effettività tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni kompliet tinforza d-Direttiva billi tkompli bil-proċedimenti ta’ ksur kontra l-Estonja , il-Lussemburgu , il-Polonja u s-Slovenja talli naqsu milli jimplimentaw bis-sħiħ dawn ir-regoli.

Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew u d-Demokrazija Ewropea

“Illum ilkoll kemm indunajna li rridu niġġieldu għad-demokraziji tagħna. Jum wara jum. Irridu nipproteġuhom kemm mit-theddid estern li jiffaċċjaw, kif ukoll mill-vizzji li jnawruhom minn ġewwa. Fil-Kummissjoni dan huwa d-dmir u l-aktar rwol nobbli li tnħares l-istat tad-dritt.”

Il-President von der Leyen, fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni 2022

Il-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ekoloġika u aktar b’saħħitha għall-ġenerazzjoni li jmiss jeħtieġ Ewropa li tiddefendi l-valuri tagħha u tissalvagwardja d-demokraziji tagħha. Id-dritt huwa l-aqwa assi tal-UE fit-twassil tal-benefiċċji tal-UE għall-persuni, għan-negozji, u għall-ambjent tagħna. Din hija r-raġuni għaliex fl-2022 l-Kummissjoni reġgħet uriet id-determinazzjoni tagħha li tħares l-istat tad-dritt, il-valuri u d-drittijiet fundamentali tagħna madwar l-UE.

L-istat tad-dritt

Il-Kummissjoni tagħmel użu minn diversi għodod sabiex tipproteġi u tippromwovi l-istat tad-dritt fl-UE. Wieħed mill-aktar komponenti b’saħħithom huwa ċ-ċiklu tar- rapport annwali dwar l-istat tad-dritt .

Dan ir-rapport annwali jindirizza lill-Istati Membri kollha u għandu l-għan li jippromwovi l-istat tad-dritt, filwaqt li jipprevjeni li jfeġġu problemi jew li jaqilbu għall-agħar. Fl-2022, għall-ewwel darba l-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar l-istat tad-dritt lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni indirizzat kwistjonijiet serji tal-istat tad-dritt bi proċeduri ta’ ksur, b’mod partikolari relatati mal-indipendenza ġudizzjarja jew il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE.

Parti oħra mis-sett ta’ għodod tal-UE dwar l-istat tad-dritt hija r-Regolament dwar il-Kundizzjonalità , li jipproteġi l-baġit tal-UE milli jiġi affettwat minn ksur tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Fl-2022 il-Kummissjoni użat ir-Regolament bis-sħiħ. Fil-15 ta’ Diċembru 2022, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità, il-Kunsill adotta miżuri biex jipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija.

Il-Kummissjoni kompliet għaddejja bi proċedura ta’ ksur kontra l-Polonja fir-rigward tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk u l-ġurisprudenza tiegħu. Il-Kummissjoni qieset li s-sentenzi tat-Tribunal kisru d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE u ma kinux kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-awtonomija, is-supremazija, l-effettività u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

F’każ ieħor kontra l-Polonja, matul l-2022 il-Kummissjoni kompliet toħroġ is-sejħiet tagħha għall-ħlas ta’ penali ta’ kuljum, li kienu ġew ordnati mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-proċedura ta’ ksur , il-Kummissjoni kienet talbet miżuri interim biex tipproteġi l-indipendenza tal-imħallfin Pollakki bħala kwistjoni ta’ urġenza.

Il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-UE

Fl-2022, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra 26 Stat Membru, billi ma ttrasponewx ir-regoli fil-ħin jew dewmu d-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni ħadet il-pass li jmiss fil-proċedura kontra 19-il Stat   Membru fejn baqa’għaddej il-ksur.

L-informaturi jgħinu fil-prevenzjoni tal-ħsara u jidentifikaw theddid jew ħsara għall-interess pubbliku. Huma jippromwovu l-valuri fundamentali tal-istat tad-dritt u d-demokrazija kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Ir-regoli tal-UE jipproteġuhom minn ritaljazzjoni għar-rapportar dwar ksur tad-dritt tal-UE. Jirrikjedu wkoll li l-Istati Membri jipprovdu mezzi effettivi biex jirrappurtaw tali ksur b’mod kunfidenzjali.

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija

Il-Kummissjoni ressqet lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar regoli nazzjonali li jiddiskriminaw kontra persuni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom. Id-dritt Ungeriż jipprojbixxi jew jillimita l-aċċess għall-kontenut li jippromwovi jew juri l-hekk imsejħa “diverġenza mill-identità tal-individwu li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, it-tibdil tas-sess jew l-omosesswalità” għall-minorenni. Il-Kummissjoni qieset li l-liġi tikser diversi regoli tal-UE, kemm ir-regoli tas-suq uniku kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari tal-persuni LGBTIQ, kif ukoll il-valuri komuni fil-qalba tal-UE.

Ir-regoli tal-UE jipprevedu li atti ta’ razziżmu u ksenofobija huma punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fl-2022, il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha fl-infurzar ta’ dawn ir-regoli. Pereżempju, il-Litwanja rrevediet il-kodiċi kriminali tagħha, u b’hekk solviet in-nuqqasijiet fil-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjoni biex tipproteġi lill-persuni LGBTIQ mid-diskriminazzjoni.

Il-promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata 

Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra 19-il Stat Membru talli ma ttrasponewx id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata bis-sħiħ . Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-ugwaljanza fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja għall-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn il-ġenituri.

Protezzjoni tad-data personali

Il-protezzjoni ta’ data personali hija dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE li jinsab minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonformax mal-liġijiet rilevanti tal-UE, jiġifieri r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data , filwaqt li ssegwi proċeduri ta’ ksur fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport tagħha dwar l-applikazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra s-Slovenja talli naqset milli taġġorna l-qafas tal-protezzjoni tad-data tagħha u talli tat setgħat korrettivi insuffiċjenti lill-awtorità tal-protezzjoni tad-data tagħha. Fetħet każijiet ta’ ksur kontra l-Finlandja u l-Iżvezja għal nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra n-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tagħhom. Il-Kummissjoni fetħet ukoll każijiet ta’ ksur kontra l-Ġermanja talli naqset milli tittrasponi bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi u talli ttrasponiet b’mod skorrett ir-regoli dwar is-setgħat korrettivi tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data. Fetħet kawża kontra l-Greċja talli ttrasponiet b’mod skorrett il-kamp ta’ applikazzjoni u l-legalità tal-ipproċessar tad-data personali skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi.

Billi l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data għandhom rwol kruċjali fl-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri, il-Kummissjoni ddefendiet l-indipendenza tagħhom u tiżgura li jkunu mgħammra b’setgħat korrettivi. Il-Kummissjoni rrappurtat ukoll dwar l-applikazzjoni tar- regoli dwar il-protezzjoni tad-data mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.

Protezzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE

Iċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet li tagħti jinsabu fil-qalba tal-UE. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE hija fl-istess ħin ċittadin tal-UE. Dan jagħti d-dritt awtomatiku għall-moviment liberu, l-aċċess għas-suq uniku, u d-dritt tal-vot u li jiġi elett fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità, li huma rregolati mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, iridu jikkonformaw mad-dritt tal-UE.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-skema tal-għoti taċ-ċittadinanza. Din l-iskema, magħrufa wkoll bħala l-iskema tal- “passaport tad-deheb”, tirriżulta fl-għoti sistematiku taċ-ċittadinanza Maltija — u b’estensjoni ċ-ċittadinanza tal-UE — bi skambju għal pagamenti u investimenti determinati minn qabel, mingħajr rabta ġenwina ma’ Malta.

Kooperazzjoni ġudizzjarja u drittijiet individwali f’materji kriminali

Il-Mandat ta’ Arrest Ewropew huwa l-aktar strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja importanti tal-UE. Għandha l-għan li tiżgura li l-fruntieri miftuħa u l-moviment liberu fl-UE ma jiġux sfruttati minn dawk li jfittxu li jevadu l-ġustizzja. Għaldaqstant, fl-2022 il-Kummissjoni għalhekk ħadet passi kruċjali biex tinforza r-regoli tagħha, billi fetħet każijiet ta’ ksur kontra l-Bulgarija , il-Lussemburgu , ir-Rumanija u s-Slovenja talli ttrasponew id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew b’mod skorrett.

Il-bażi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri f’materji kriminali hija l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’ żewġ  sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-Irlanda kienet naqset milli tittrasponi r-regoli tal-UE fl-oqsma tas- sentenzi ta’ kustodja, iċ-ċaħda tal-libertà u l-miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għad-detenzjoni proviżorja .

Fir-rigward tad-drittijiet għal persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali, il-Kummissjoni kompliet tinforza d-Direttivi tal-UE dwar id-Drittijiet Proċedurali : issuktat bit-tieni pass fil-proċedura kontra l-Irlanda u l-Portugall talli ttrasponiet b’mod skorrett ir-regoli dwar id-dritt għall-informazzjoni, kif ukoll kontra l-Estonja , il-Polonja u l-Finlandja għat-traspożizzjoni skorretta tar- regoli dwar il-preżunzjoni ta’ innoċenza.

Il-monitoraġġ tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tad- Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-interessi finanzjarji tal-UE ssokta. adottat it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni tagħha u fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra disa’ Stati   Membri billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma kinitx konformi ma’ dik id-Direttiva.

Sigurtà

Fl-2022, il-Kummissjoni kompliet twettaq l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà , bl-għan li tipprovdi s-sikurezza, il-prosperità u l-benesseri lil kulħadd fl-UE. Is-sigurtà hija wkoll fil-qalba tal-prinċipji bażiċi tas-soċjetajiet, l-ekonomiji u d-demokraziji tagħna.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armi tan-nar tistabbilixxi standards minimi komuni għall-akkwist, il-pussess u l-iskambju kummerċjali ta’ armi tan-nar ċivili, biex tippermetti l-moviment transfruntier tagħhom. Dan jgħin biex tiġi indirizzata t-theddida li l-armi tan-nar jispiċċaw f’idejn it-terroristi.

Il-Kummissjoni ssuktat proċeduri ta’ ksur oħrajn kontra l-Bulgarija , l-Greċja , l-Irlanda , il-Lussemburgu u l-Iżvezja talli naqsu mill-jittrasponu r-regoli tal-UE dwar l-immarkar tal-armi jew dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-armi tal-allarm u tas-sinjal. il-Kummissjoni ressqet lill- Iżvezja  quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset milli tittrasponi r-regoli tal-UE dwar l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar.

Il-Kummissjoni ħadet aktar miżuri biex tiżgura l-infurzar xieraq tar-regoli dwar id- drogi : nediet każijiet ta’ ksur kontra l-Belġju, il-Bulgarija, l-Irlanda, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija talli naqsu milli jittrasponu ċerti   definizzjonijiet ta’ “drogi”, b’mod partikolari dwar l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi psikoattivi ġodda. U tat il-pass li jmiss fil-każ kontra l-Irlanda . F’dawn il-każijiet kollha, il-ksur ġie rimedjat sussegwentement mill-Istati Membri kkonċernati.

Il-Kummissjoni infurzat ukoll ir-regoli tal-UE dwar ċerti reati kriminali serji u investigazzjonijiet finanzjarji . Issuktat il-proċeduri kontra l-Kroazja , l-Irlanda u l-Finlandja talli naqsu milli jittrasponu regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali.

Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal hija prijorità għall-Kummissjoni. Biex tindirizzaha, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Irlanda , Spanja , l-Italja u l-Portugall fir-rigward tad- Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija. B’mod partikolari, dawn l-Istati Membri ttrasponew b’mod skorrett ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-definizzjoni ta’ ċerti reati, prevenzjoni u assistenza lill-vittmi.

Il-Kummissjoni kompliet tippromwovi s-sigurtà fl-era diġitali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ssuktat proċeduri ta’ ksur oħrajn kontra l-Belġju , l-Bulgarija , iċ-Ċekja , il-Greċja , Spanja u l-Lussemburgu talli ma ttrasponewx id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u kontra l-falsifikazzjoni ta’ mezzi mhux ta’ flus kontanti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Migrazzjoni u Ażil

Il-Kummissjoni fasslet patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil biex tiżgura proċess ta’ migrazzjoni u ażil aktar ġust , effiċjenti u aktar sostenibbli fl-UE, u li issa huwa soġġett għal diskussjonijiet mal-koleġiżlaturi. B’mod ġenerali, il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni tkopri l-ġestjoni tal-fruntieri, il-politika dwar il-viżi, il-migrazzjoni irregolari, l-ażil u l-migrazzjoni legali. Implimentazzjoni konsistenti u effettiva b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-individwi hija kritika għas-suċċess ta’ din il-politika.

Il-Kummissjoni ssuktat ukoll bil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u ħadet passi normali kontra l-Belġju , il-Ġermanja , il-Greċja u Spanja għall-implimentazzjoni skorretta tad- Direttiva dwar ir-Ritorn , u kontra l-Italja u Malta fir-rigward tal-implimentazzjoni skorretta tar- Regolament dwar istabbiliment ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.

Il-ħidma ta’ infurzar kompliet tiżgura li ċ-ċittadini mhux tal-UE li jirrisjedu legalment fl-UE jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom skont id-Direttivi dwar il-migrazzjoni legali. Pereżempju, il-Kummissjoni għalqet proċedura ta’ ksur kontra l-Italja fir-rigward tad- Direttiva dwar il-Permess Uniku wara li l-Italja bidlet il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Ċittadini mhux tal-UE li jaħdmu u li jirrisjedu legalment fl-Italja issa jistgħu jibbenefikaw minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini Taljani fir-rigward ta’ oqsma li jinkludu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-benefiċċji tat-taxxa.

L-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja

L-UE għandha aktar minn 40 reġim differenti ta’ sanzjonijiet fis-seħħ, adottati skont il- Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK ) tagħha. Dawn jinkludu sanzjonijiet b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fl-2022, l-UE adottat disa’ pakketti ta’ sanzjonijiet mingħajr preċedent, li jkopru firxa ta’ setturi, bħall-finanzi, l-enerġija, il-midja, it-trasport u l-kummerċ, biex idgħajfu l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra.

Il-Kummissjoni ppromwoviet l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawn is-sanzjonijiet u mmonitorjat l-infurzar tagħhom. Biex tikseb għarfien dwar ksur potenzjali, il-Kummissjoni nediet l-għodda ta’ sanzjonijiet tal-UE għall-informaturi , pjattaforma online sigura li tippermetti lill-informaturi jirrapportaw ksur b’mod anonimu.

Sal-aħħar tal-2022 irċeviet aktar minn 400 rapport rilevanti sal-aħħar. Bagħtet ukoll kwestjonarji lill-Istati Membri biex jiġbru feedback dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni. U organizzat gruppi ta’ esperti biex jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri u jaqsmu l-aħjar prattika. Fl-aħħar nett, hija ppubblikat madwar 550 mistoqsija u tweġiba fuq sit web apposta biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati jimplimentawhom.