IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.12.2020
COM(2020) 788 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-Patt Klimatiku Ewropew
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.12.2020
COM(2020) 788 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-Patt Klimatiku Ewropew
1.Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea hija determinata li tkun minn ta’ quddiem biex taċċellera l-azzjoni klimatika u ambjentali f’kull aspett. F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 – il-pjan tagħna biex nittrasformaw l-UE f’soċjetà ġusta, b’saħħitha, sostenibbli u prosperuża. Ekonomija reżiljenti li taħdem għan-nies u għan-natura. Emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti. Tkabbir ekonomiku diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi mit-tniġġis.
Ħames snin wara l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, 2 għadna ma għamilniex progress mgħaġġel biżżejjed biex nipprevjenu t-tibdil fil-klima irriversibbli u katastrofiku. Ix-xjenza tgħidilna li għandna naġixxu b’mod urġenti biex ikollna ċ-ċans li nilħqu l-għanijiet klimatiċi ta’ Pariġi, b’mod partikolari biex nillimitaw it-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C u biex inkomplu l-isforzi biex nillimitaw dan it-tisħin għal 1,5°C. Għal dan il-għan, irridu nżidu l-isforzi tagħna biex nibdlu l-mod kif ninteraġġixxu man-natura, biex nipproteġu s-saħħa u l-benesseri tal-persuni mir-riskji relatati mal-klima u l-ambjent, u biex niggarantixxu pjaneta f’saħħitha u prosperuża għalina u għal dawk li jiġu warajna.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa reazzjoni mhux biss għax-xjenza, iżda wkoll għat-talbiet għal azzjoni aktar b’saħħitha li ġejjin miċ-ċittadini. Stħarriġiet tal-opinjoni pubblika juru li disgħa minn kull għaxar Ewropej iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja 3 u jħossu li l-ħarsien tal-ambjent huwa importanti għalihom personalment 4 . Il-ħafna soluzzjonijiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku jistgħu jirnexxu biss jekk jitfasslu b’mod soċjalment ġust u ekwu u jekk iċ-ċittadini, il-komunitajiet, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet jagħmlu l-parti tagħhom, flimkien mal-politiki u r-regolamentazzjoni tal-gvern.
Din hija r-raġuni għala l-Kummissjoni Ewropea qed tniedi l-Patt Klimatiku Ewropew, biex tiżgura li kulħadd ikun jista’ jgħin biex tinbena Ewropa aktar ekoloġika u biex jappoġġa l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-Patt Klimatiku, propost fil-Linji Gwida Politiċi tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, se jqarreb flimkien “lir-reġjuni, lill-komunitajiet lokali, lis-soċjetà ċivili, lill-industrija u lill-iskejjel. Flimkien dawn se jfasslu u se jimpenjaw sensiela ta’ wegħdiet li jibdlu l-imġiba, mill-individwu sal-akbar kumpanija multinazzjonali.” 5
Il-Patt Klimatiku se jipprovdi spazju għall-ħidma flimkien biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali u biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li jiġu ma’ azzjoni deċiżiva u ma’ stili ta’ ħajja sostenibbli. Il-Patt se jgħaqqad persuni minn kull qasam tal-ħajja biex itejbu l-fehim tagħhom dwar l-isfidi, biex jistiednu lill-Ewropej kollha jipparteċipaw u jibbenefikaw, biex jiżviluppaw soluzzjonijiet kbar u żgħar u jiskattaw u jżidu l-bidla pożittiva. Il-Patt Klimatiku Ewropew se jkompli jikber u jevolvi maż-żmien, xprunat mill-involviment u mill-kreattività taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati kollha li se jsiru parti minnu.
Il-Patt se jagħti s-setgħa lill-ħafna fl-Ewropa li jikkondividu dawn l-aspirazzjonijiet u li huma lesti li jikkontribwixxu u jilħqu lil dawk li s’issa kienu inqas involuti. Matul il-konsultazzjoni pubblika li saret biex tgħin fit-tfassil tal-Patt, il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 3 500 kontribuzzjoni, ħafna minnhom minn ċittadini fis-27 Stat Membru tal-UE u lil hinn minnhom. 6 Il-Kummissjoni se tkompli tisma’ liċ-ċittadini, lill-komunitajiet, lis-soċjetà ċivili, lill-kumpaniji u lil partijiet ikkonċernati oħra.
1.1.Għaliex Patt Klimatiku Ewropew?
Il-kriżi klimatika mhijiex problema futura – aħna, il-bnedmin, diġà biddilna l-klima tad-Dinja u ddegradajna l-maġġoranza tal-ekosistemi tagħha. L-aħħar ħames snin kienu l-aktar sħan li qatt ġew irreġistrati. L-impatti tat-tibdil fil-klima issa żgur li ma jħallu l-ebda dubju: il-perjodi ta’ nixfa, in-nirien fil-foresti, il-maltempati, l-għargħar u avvenimenti oħrajn ta’ temp estrem qed jiżdiedu globalment. Kellu impatt kbir fuq ix-xejriet demografiċi. Il-bidla se tkun aktar radikali, b’konsegwenzi imprevedibbli jekk nonqsu milli nnaqsu b’mod urġenti l-impronta ekoloġika u l-emissjonijiet tagħna. L-effetti tagħha se jittrasformaw b’mod fundamentali d-dinja tagħna, u se jolqtu l-ewwel lill-aktar gruppi vulnerabbli fid-dinja u fis-soċjetajiet tagħna. 7
L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom rwol importanti fit-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni biex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet ukoll ambizzjoni ogħla għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għad-deċennju li ġej, 8 u ppreżentat l-approċċ tagħha għas-sostenibbiltà u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 9 .
Mhux qed nibdew mill-bidu. Il-Patt Klimatiku se jaħdem flimkien ma’ bosta inizjattivi, networks u movimenti eżistenti. Attivisti żgħażagħ favur il-klima ġibdu l-attenzjoni tad-dinja u sawru d-diskussjoni dwar it-tibdil fil-klima. Skont il-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija, 10 il-gvernijiet lokali qed iwittu t-triq fil-livell muniċipali, u ta’ spiss qed juru aktar ambizzjoni u azzjoni tanġibbli mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom biex jinvolvu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati fit-territorji tagħhom. Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari 11 u l-Pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 12 laqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati biex jispiraw bidla fil-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw. L-alleanzi industrijali u inizjattivi oħra relatati man-negozju għenu wkoll biex jiġu definiti l-ħtiġijiet u s-soluzzjonijiet xierqa għall-industrija meta tkun involuta fit-tranżizzjoni ekoloġika.
Fl-ispirtu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni bħala istituzzjoni hija impenjata wkoll li tmexxi billi tkun ta’ eżempju u li ssir newtrali għall-klima sal-2030. Pjan dettaljat biex il-Kummissjoni Ewropea ssir aktar ekoloġika, il-wegħda istituzzjonali tagħna stess, huwa ppjanat għall-bidu tal-2021 13 .
Ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp u fil-promozzjoni tal-użu tas-soluzzjonijiet meħtieġa biex tintlaħaq l-ambizzjoni klimatika tal-UE 14 . Il-kumpaniji, il-korporazzjonijiet il-kbar kif ukoll in-negozji ż-żgħar, qed jadottaw mudelli ġodda ta’ negozju u qed jużaw teknoloġiji innovattivi biex joperaw b’mod aktar sostenibbli. Il-proġetti tal-enerġija tal-Komunità madwar l-UE jikkontribwixxu għall-użu tal-enerġija rinnovabbli, irawmu l-parteċipazzjoni u jinvolvu liċ-ċittadini 15 . Is-sħab soċjali qed jiżviluppaw soluzzjonijiet konġunti biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta għan-newtralità klimatika.
It-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattament għal klima mibdula se jirrikjedu li lkoll nibdlu d-drawwiet tagħna. Ħafna minn dawn il-bidliet se jtejbu l-mod kif ngħixu, il-mod kif immorru minn post għall-ieħor, il-mod kif inkessħu jew kif insaħħnu d-djar tagħna, il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw. Ħafna mill-għarfien meħtieġ u ħafna soluzzjonijiet ivverifikati diġà jeżistu. Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jiġu minn organizzazzjonijiet jew minn individwi, kemm direttament (l-imġiba u l-attività tagħna fil-komunitajiet tagħna), kif ukoll indirettament (l-inkoraġġiment tal-pari, tan-negozji jew tal-mexxejja politiċi biex tittieħed azzjoni klimatika). Il-Patt Klimatiku se jagħti lil dawn is-soluzzjonijiet prominenza u viżibilità biex jgħin jispira oħrajn.
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet kemm is-soċjetà u l-ekonomija tagħna huma fraġli meta jiġu ffaċċjati b’xokkijiet sistemiċi. It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma xokkijiet kbar oħra li qed iseħħu globalment, u li qed jagħmlu l-istess pressjoni fuq is-saħħa u l-benesseri tagħna u jikkompromettuhom. Matul is-sentejn li ġejjin, il-gvernijiet ta' madwar id-dinja mistennija jonfqu madwar EUR 10 triljun 16 mislufin mill-ġenerazzjonijiet futuri biex jirrispondu għall-kriżi tal-COVID-19. Dan huwa l-mument li nipproteġu l-klima u n-natura tagħna u li ngħaddu dan l-infiq għall-bini mill-ġdid tas-soċjetà kif previst fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Jista’ jidher li ħafna mis-soluzzjonijiet meħtieġa biex nirkupraw mill-COVID-19 u biex niġġieldu t-tibdil fil-klima jiddependu l-aktar fuq l-azzjoni tal-gvern iżda ħafna jiddependi wkoll fuq id-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum. Il-Patt Klimatiku se jaħtaf dan il-mument u l-potenzjal ta’ azzjoni individwali u komunitarja, biex jgħin lill-Ewropa tirkupra.
1.2.X’inhu l-Patt Klimatiku?
Il-Patt Klimatiku Ewropew huwa inizjattiva tal-Kummissjoni li tinvolvi ruħha ma’ partijiet ikkonċernati differenti u mas-soċjetà ċivili bil-għan li dawn jimpenjaw ruħhom favur l-azzjoni klimatika u aktar mġiba sostenibbli. Se joffri modi kif in-nies u l-organizzazzjonijiet jitgħallmu dwar it-tibdil fil-klima, kif jiżviluppaw u jimplimentaw is-soluzzjonijiet, u biex jingħaqdu ma’ oħrajn biex jimmultiplikaw l-impatt ta’ dawk is-soluzzjonijiet. Il-Patt se joħloq spazju mqanqal għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, għad-dibattitu u għal azzjoni dwar il-kriżi klimatika. Se joffri appoġġ għat-tkabbir u għall-konsolidazzjoni tal-moviment Ewropew għall-klima.
Il-Patt Klimatiku Ewropew se jiffoka fuq iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni u fuq l-appoġġ għall-azzjonijiet.
Fit-tnedija tiegħu, il-Patt se jistieden lin-nies u lill-organizzazzjonijiet jitgħallmu u jimpenjaw ruħhom għal azzjonijiet speċifiċi billi jsiru Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku. Matul l-ewwel sena, il-Patt se jespandi l-attivitajiet tiegħu biex jipprovdi wkoll l-opportunità li jitnedew u jingħaqdu l-wegħdiet ta’ azzjoni klimatika, jinqasmu l-esperjenzi, u jiġi esplorat l-impatt aggregat tal-azzjonijiet konġunti. Billi l-Patt Klimatiku se jkun inizjattiva miftuħa, se joffri opportunitajiet varji għall-impenn, imfassal skont il-ħtiġijiet ta' dawk li jappoġġawh.
Taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, Segretarjat iddedikat se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Patt. Immexxi mill-prinċipji tal-multilingwiżmu, l-inklużività u l-parteċipazzjoni, mill-2021 ’il quddiem, is-Segretarjat se jgħin lill-Kummissjoni biex:
·tinforma u tikkomunika ma’ dawk li diġà huma attivi fl-azzjoni klimatika kif ukoll dawk li huma “indifferenti” jew “diffiċli li jintlaħqu”, tidentifika u turi prattiki tajbin li jistgħu jgħinu biex jitħaffu l-bidliet meħtieġa, u timmaniġġja l-pjattaforma tal-Patt online, li se tevolvi hekk kif jikber il-Patt;
·tinvolvi ruħħa maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati u tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva, in-networking u l-ħolqien konġunt tal-azzjonijiet, eż. billi jinġabru narrattivi u stejjer lokali dwar il-klima u attitudnijiet ta’ “nistgħu naslu” u jiġu (ko)organizzati diversi tipi ta’ avvenimenti parteċipattivi. Ċentru ta’ Għarfien tal-Patt se jappoġġa inizjattivi klimatiċi b’għarfien espert u appoġġ bejn il-pari;
·tappoġġa l-istabbiliment tal-governanza u tal-implimentazzjoni tal-Patt, filwaqt li jiġu żgurati rabtiet ma’ inizjattivi, gruppi u istituzzjonijiet rilevanti, 17 li jevalwaw u jsaħħu l-inizjattiva.
Is-suċċess tal-Patt jista’ jitkejjel b’għadd ta’ wegħdiet jew ambaxxaturi. Aktar importanti minn hekk, is-suċċess tiegħu se jiġi rifless permezz tal-livell ta’ aċċettazzjoni jew tat-talbiet għal inizjattivi klimatiċi u ambjentali fis-soċjetà.
2.Sensibilizzazzjoni
It-tibdil fil-klima qed iseħħ issa u hawnhekk. Il-perjodi ta’ nixfa, in-nirien fil-foresti, iż-żieda fil-livell tal-baħar, id-degradazzjoni tal-art, u l-għargħar kbar diġà qed jilħquna b’xi mod jew ieħor. L-impatt jista’ jkun dirett eż. permezz ta’ effetti fuq is-saħħa, ħsara lill-proprjetà, qerda tal-wirt kulturali, telf ta’ għelejjel, jew indirett, eż. permezz ta’ migrazzjoni minħabba raġunijiet klimatiċi, theddid għas-sigurtà tal-ikel, jew tfixkil fil-flussi tal-kummerċ u tal-investiment. Filwaqt li kulħadd jinsab f’riskju, dawn l-impatti jolqtu lill-foqra u lill-vulnerabbli b’mod aktar qawwi. Dan iqajjem kwistjonijiet importanti dwar il-ġustizzja, id-demokrazija, l-ekwità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà.
Minkejja l-ambitu u l-gravità tat-tibdil fil-klima, għad hemm dawk li jiċħdu t-tibdil fil-klima, dawk li jiddubitaw minnu u dawk li jdumu biex jieħdu azzjoni. Huwa importanti li jkun hemm djalogu kostruttiv u miftuħ ibbażat fuq l-evidenza xjentifika. L-ewwel pass importanti biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u jixxejnu l-miti huwa li wieħed ikun jaf sew il-fatti. Li wieħed jitkellem b’mod ċar dwar in-natura u t-tibdil fil-klima hija stedina b’saħħitha għall-azzjoni: fid-dar, fl-iskola, fl-aħbarijiet, u fuq il-post tax-xogħol.
Il-Patt se jgħin biex jinfirex l-għarfien dwar l-azzjoni klimatika li jkun xjentifikament sod, u li jipprovdi bażi prattika għall-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum. Flimkien mal-organizzazzjonijiet li jixtiequ jissieħbu, il-Kummissjoni se tiżviluppa u se tagħmel disponibbli varjetà ta’ materjali ta’ komunikazzjoni aċċessibbli għal kulħadd, u għodod biex il-Patt jingħata l-ħajja. Il-Patt se jibni fuq ir-rikkezza u d-diversità ta’ inizjattivi li diġà jeżistu fl-Ewropa, se juri s-soluzzjonijiet eżistenti għall-ispirazzjoni u t-tagħlim, u se jgħin lin-networks ta’ dawk li jappoġġaw il-klima u l-komunitajiet iwettqu l-ambizzjoni klimatika tagħhom stess jew jingħaqdu ma’ oħrajn.
Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita u żżid is-sensibilizzazzjoni billi:
·Tilqa’ lill-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku bi sfondi u b’okkupazzjonijiet diversi. L-ambaxxaturi, se jimpenjaw ruħhom għall-azzjoni klimatika u se jinvolvu ruħhom f’dibattiti man-nies fil-komunitajiet u fin-networks tagħhom dwar l-għażliet għall-azzjoni. Għaliex dan huwa urġenti. Għaliex kulħadd huwa importanti. Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Ambaxxaturi b’rikonoxximent, b’materjali ta’ komunikazzjoni u b’opportunitajiet ta’ networking għal skambji u se tgħinhom jespandu l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni tagħhom fl-Ewropa u lil hinn minnha.
·Se tittraduċi informazzjoni xjentifikament soda f’għażliet għal azzjoni li jġibu benefiċċji immedjati u multipli għan-nies u għall-komunitajiet, pereżempju billi twettaq inizjattiva pilota li tistieden lil xjenzati klimatiċi jżuru l-iskejjel jew l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li kienu jmorru fihom huma stess. Il-Kummissjoni se tfittex modi kif tagħmel ir-riżultati tar-riċerka aktar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, billi tadotta linji gwida għal proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE biex jiġu segwiti fl-attivitajiet ta’ tixrid u ta’ komunikazzjoni tagħhom.
·Tippromwovi l-litteriżmu klimatiku u tintegra x-xjenza u s-soluzzjonijiet klimatiċi fi programmi edukattivi fl-iskejjel, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, fl-edukazzjoni għolja u fit-tagħlim tul il-ħajja.
-Il-Koalizzjoni Edukazzjoni għall-Klima 18 l-ġdida tal-UE se timmobilizza l-għarfien espert, se tipprovdi r-riżorsi għan-networking u se tappoġġa l-approċċi kreattivi mal-għalliema u mal-istudenti. 19
-Il-Kummissjoni qed timmobilizza l-komunitajiet ta’ eTwinning u tal-pjattaforma School Education Gateway tagħha, li jlaqqgħu flimkien lil diversi eluf ta’ għalliema u skejjel, u n-network Blue Schools il-ġdid biex jippromwovu l-edukazzjoni ekoloġika, il-ħiliet u l-bidla fl-imġiba.
-Ir-Rokna tat-Tagħlim tal-Kummissjoni 20 se tikkontribwixxi billi tipprovdi materjali tat-tagħlim żviluppati mill-istituzzjonijiet tal-UE għat-tfal, għall-adolexxenti u għall-għalliema, u l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ 21 se jgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ dwar il-Patt Klimatiku u jitlob li tittieħed azzjoni.
-Il-Kummissjoni se tħejji wkoll Qafas Ewropew għall-Kompetenzi biex jgħin fl-iżvilupp u fil-valutazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-attitudnijiet dwar it-tibdil fil-klima u fl-iżvilupp sostenibbli.
·Ixxejjen il-miti dwar il-klima u tiġġieled kontra ċ-ċaħda klimatika u d-diżinformazzjoni, billi ssegwi t-tagħlimiet miksuba mill-eżempju tal-COVID-19. Għalhekk, il-Kummissjoni se tuża l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha kontra d-Diżinformazzjoni 22 u l-azzjonijiet rilevanti deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. 23
·Se tanima get-togethers u avvenimenti online u offline fil-lingwi differenti tal-UE u timmira udjenza diversa, biex trawwem sens ta’ komunità għal skop klimatiku. Kull rokna tal-Ewropa għandha stejjer klimatiċi brillanti x’taqsam: il-Patt se jappoġġa u jħeġġeġ skambji u djalogi lokali u reġjonali biex din il-minjiera ta’ esperjenza tinġabar flimkien bħala bażi biex tispira azzjoni. Il-Patt se jibni wkoll fuq iż-żieda fl-użu ta’ avvenimenti online bħala alternattivi b'kostijiet baxxi, b’emissjonijiet baxxi u aktar inklużivi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-kriżi klimatika u dwar l-opportunitajiet li ġġib magħha. Il-Kummissjoni se torganizza avveniment annwali biex tevalwa l-progress u biex tippromwovi l-ideat, l-azzjonijiet u s-soluzzjonijiet.
·Se tħeġġeġ azzjonijiet li jikkunsidraw is-sostenibbiltà soċjali, il-benesseri soċjali, l-inklużjoni, l-ugwaljanza, id-diversità, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà għal kulħadd u li għandhom l-għan li jilħqu l-aktar individwi u żoni vulnerabbli.
L-użu ta’ inizjattivi eżistenti ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni. Diversi pjattaformi eżistenti 24 jistgħu jgħinu biex tinxtered l-informazzjoni pereżempju dwar l-impatt tal-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija, dwar il-bini u t-tibdil fil-klima, u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ esperjenzi, soluzzjonijiet u prattiki tajbin.
L-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku Ewropew
|
Missjoni L-Ambaxxaturi tal-Patt se jmexxu billi jkunu ta’ eżempju fl-azzjoni dwar il-klima u f’dik tal-protezzjoni ambjentali, u se jsiru pont proattiv bejn is-soċjetà ċivili, il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni Ewropea. Min jista’ jsir Ambaxxatur? Kulħadd jista’ japplika biex isir Ambaxxatur 25 . L-organizzazzjonijiet jistgħu wkoll jissuġġerixxu rappreżentant sabiex isir Ambaxxatur f’isimhom. L-isforz biex ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fost l-Ambaxxaturi se jkun importanti biex jiġu offruti mudelli ta’ eżempju fl-azzjoni klimatika. Kif issir Ambaxxatur? L-applikazzjonijiet se jkunu possibbli permezz tas-sit web tal-Patt. Il-kandidati se jintalbu jiddeskrivu fil-qosor l-iskop tal-attivitajiet (ippjanati) u l-esperjenza tagħhom. Il-funzjoni tal-Ambaxxatur hija adatta għan-nies li huma impenjati għall-azzjoni klimatika u ambjentali u li jirrispettaw il-valuri tal-Patt. L-Ambaxxaturi se jiġu approvati għal sena permezz ta’ proċess oġġettiv u trasparenti bbażat fuq il-merti u l-motivazzjoni tal-applikanti bil-possibbiltà ta’ estensjoni. Għaliex issir Ambaxxatur? L-ambaxxaturi se jidhru fuq is-sit web tal-Patt u fil-mezzi tal-midja soċjali tal-Kummissjoni, u se jkunu jistgħu jużaw il-pjattaformi u l-materjali ta’ komunikazzjoni tal-Patt. Dawn se jkunu parti min-network tal-Ambaxxaturi, li se joffri opportunitajiet għal skambji bejn il-pari, diskussjonijiet u taħriġ. |
3.Azzjoni
Il-Patt Klimatiku se jħeġġeġ azzjoni demokratika, ibbażata fuq ix-xjenza, prattika, trasparenti, ibbażata fuq il-livell lokali, inklużiva u fit-tul dwar it-tibdil fil-klima minn individwi u minn organizzazzjonijiet.
3.1.Tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni
Ħafna nies iħossu li għandhom ftit wisq influwenza fuq deċiżjonijiet kruċjali bħal kif għandu jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Proċessi bħal djalogi u assembleji taċ-ċittadini 26 juru li l-involviment dirett ta’ persuni f’diskussjonijiet importanti u kumplessi joħloq sjieda konġunta, jiżblokka l-innovazzjoni teknoloġika u soċjali, u jottimizza t-teħid tad-deċiżjonijiet. Hekk kif l-UE żżid il-miri klimatiċi tagħha, il-Patt se jorbot mal-livelli kollha tal-gvern kif ukoll mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini tal-Ewropa direttament, billi jniedi dibattiti demokratiċi li jinkludu l-perspettivi tal-persuni fid-diversità kollha tagħhom.
Il-parteċipazzjoni fil-Patt se tikkontribwixxi għal moviment klimatiku madwar il-komunitajiet u r-reġjuni tal-Ewropa u se tenfasizza r-rabtiet soċjali ispirati minn azzjoni klimatika komuni, bejn il-pari, u mmexxija mill-komunità biex ittejjeb is-saħħa u l-ambjent lokali tagħna.
Il-parteċipanti fil-Patt, kemm l-individwi kif ukoll l-organizzazzjonijiet, se jkunu involuti b’modi differenti. Pereżempju, se jkunu jistgħu jirreġistraw l-inizjattivi u l-wegħdiet klimatiċi tagħhom fuq il-pjattaforma online tal-Patt Klimatiku jew jissieħbu f’inizjattivi ta’ oħrajn. Il-parteċipanti fil-Patt se jkunu jistgħu jesprimu interess fix-xogħol ta’ oħrajn u jingħaqdu magħhom biex jiġġeneraw azzjoni u momentum addizzjonali fi spirtu ta’ komunità. Hemm interess ċar: aktar minn 80 % ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Patt Klimatiku esprimew interess li jimpenjaw ruħhom b'rabta mal-azzjoni klimatika.
Il-Patt se jeżamina l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni mal-kampanja globali u mal-pjattaforma “Count Us In” 27 li għandha l-għan li tħeġġeġ lil biljun persuna biex jieħdu azzjoni, u inizjattivi simili jew komplementari, immirati biex iħeġġu lin-nies jieħdu azzjoni klimatika fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u biex juru l-impatt kollettiv tal-azzjonijiet individwali.
B’mod partikolari, il-Patt se jistieden liż-żgħażagħ biex ikomplu jressqu kwistjonijiet dwar il-klima u l-ambjent fil-quċċata tal-aġenda globali. Jista’ jingħad li ż-żgħażagħ huma dawk l-aktar ikkonċernati mill-azzjoni klimatika, peress li d-deċiżjonijiet li nieħdu llum isawru d-dinja li se jgħixu fiha bħala adulti u li se jħallu warajhom għal uliedhom. Biex trawwem saħansitra aktar l-involviment fil-politika klimatika u tappoġġa l-azzjoni klimatika taż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha fi djalogi regolari maż-żgħażagħ u se toffrilhom spazju prominenti fil-Patt. Għal dan il-għan, se toħloq flimkien maż-żgħażagħ, programm ta’ impenn strutturat bħala parti mill-Patt.
Biex il-Patt jibqa’ inizjattiva miftuħa, inklużiva u ambizzjuża, in-nies u l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jieħdu sehem billi jirreġistraw wegħda, iridu jirrispettaw il-valuri tal-Patt.
Il-valuri tal-Patt
1.Xjenza, responsabbiltà u impenn. Il-parteċipazzjoni fil-Patt se tinvolvi azzjoni klimatika pożittiva, li tispira jew li tħeġġeġ lill-oħrajn biex jingħaqdu. Il-parteċipanti se jikkontribwixxu b’azzjonijiet konkreti, ibbażati fuq ix-xjenza, affidabbli, b’eżiti ċari u, idealment, li jistgħu jitkejlu biex juru l-impatt.
2.Trasparenza. Il-parteċipanti fil-Patt se jimpenjaw ruħhom li jikkondividu l-informazzjoni rilevanti dwar l-azzjonijiet, il-metodoloġiji u r-riżultati tagħhom ma’ parteċipanti oħrajn fil-Patt u mal-pubbliku. Dan se jgħin lill-parteċipanti u lill-oħrajn biex isegwu l-progress, itejbu l-azzjoni tagħhom, jitgħallmu mill-inizjattivi ta’ xulxin jew jissieħbu fihom, u jifhmu l-impatt ġenerali tal-azzjoni li tkun ittieħdet.
3.L-ebda greenwashing. Il-wegħdiet se jiġu rreġistrati b’tali mod li juru li l-impenji tal-parteċipanti huma konkreti, pubbliċi u trasparenti. Il-Kummissjoni se tiżviluppa mod xieraq biex timmonitorja l-progress, b’livelli differenti ta’ skrutinju skont il-kapaċità tal-parteċipant 28 .
4.Ambizzjoni u urġenza. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u ambjentali jeħtieġ li nisfidaw malajr u b'mod deċiżiv l-imġibiet u s-suppożizzjonijiet li ilhom jeżistu. Filwaqt li kull pass żgħir jgħodd, il-parteċipanti fil-Patt se jaspiraw ukoll għal soluzzjonijiet trasformattivi, inkluż proġetti viżjonarji, esperimentazzjoni, modi innovattivi ta’ kooperazzjoni, u kompetizzjoni b’saħħitha għar-riżultati.
5.Azzjoni mfassla skont il-kuntesti lokali. Id-diskussjonijiet u l-azzjoni se jiġu adattati għall-kuntesti lokali u għall-gruppi fil-mira. Aktar ma tkun qrib ir-realtà ta’ kuljum tan-nies, aktar aħjar.
6.Diversità u inklużività. Kwalunkwe persuna, minn kwalunkwe sfond jew professjoni, se tkun tista’ tieħu sehem 29 . Il-Patt se jimmira li jneħħi l-ostakli għall-azzjoni klimatika. Dan jinkludi l-ostakli li jirriżultaw mill-karatteristiċi personali, bħall-ġeneru, l-età u d-diżabilitajiet. Dan se jgħin lill-parteċipanti fil-Patt biex ikunu fiċ-ċentru tad-dibattiti bħal dawk dwar il-futur tal-Ewropa. Fl-iżvilupp tal-Patt, il-Kummissjoni se tiddependi fuq il-kreattività u fuq il-varjetà ta’ fehmiet li jirriżultaw minn mekkaniżmi demokratiċi u parteċipattivi.
3.2.Isir l-aħjar użu mill-għodod diġitali
Biex tiżdied il-parteċipazzjoni, il-Patt se juża t-teknoloġija tal-informazzjoni biex jipprovdi modi innovattivi biex jattira l-persuni u jimplimenta azzjonijiet, filwaqt li jqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà universali għal kulħadd 30 . Pereżempju:
·Il-Patt se jippromwovi l-użu tal-aħħar servizzi u teknoloġiji diġitali disponibbli (bħal sensuri, Intelliġenza Artifiċjali, data) biex jinkisbu l-aħjar riżultati u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika.
·Il-Patt se juża l-pjattaforma online tiegħu u għodod diġitali oħra biex jippermetti lin-nies jinnovaw u jesploraw soluzzjonijiet għal bidliet sostenibbli fl-imġiba fil-livell individwali u kollettiv. Pereżempju, il-Patt se jesplora inizjattivi bħall-użu ta’ sistemi integrati tal-IT żviluppati minn riċerka ffinanzjata mill-UE. Dawn is-sistemi jistgħu jippermettu lill-komunitajiet lokali jużaw mobiles biex jiġbru data 31 dwar il-kwalità tal-arja, is-saħħa tal-ħamrija, il-fawna selvaġġa jew il-klima, u jqabbluha awtomatikament ma’ osservazzjonijiet minn Copernicus, 32 sabiex jikkorrelataw id-data taċ-ċittadini ma’ xejriet Ewropej usa’, jgħinu f’deċiżjonijiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima jew f’azzjonijiet effettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u t-tniġġis. Copernicus juri kif il-pjaneta tagħna u l-ambjent lokali qed jinbidlu minħabba t-tibdil fil-klima u jista’ jipprovdi data oġġettiva u affidabbli biex tinforma deċiżjonijiet, iżżid is-sensibilizzazzjoni u jittieħdu azzjonijiet diretti.
·Djalogi maċ-ċittadini online u interattivi, allinjati pereżempju mad-djalogi tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, se jistiednu lil dawk li jattendu biex jikkontribwixxu l-fehmiet, l-ideat u l-aspettattivi tagħhom dwar xi tfisser Ewropa b’emissjonijiet u tniġġis żero 33 għall-komunità u għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
·Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tappoġġa spazji li jippermettu kompetizzjonijiet individwali u f’tim, l-istabbiliment tal-miri u l-kondiviżjoni tal-progress, bħal applikazzjonijiet li jippermettu lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet jissottomettu wegħdiet. Il-Kummissjoni diġà wettqet mekkaniżmi simili għas-Social Biking Challenge 34 u għall-European Cycling Challenge. 35
3.3.Nibnu fuq u nappoġġaw inizjattivi eżistenti
Il-Patt Klimatiku Ewropew se jibni u jappoġġa l-għadd kbir ta’ inizjattivi li qed jitfaċċaw jew li diġà jeżistu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi ċentru tal-għarfien, li se jlaqqa’ flimkien informazzjoni u għarfien espert rilevanti u se jagħmilhom disponibbli kemm permezz tal-pjattaforma online tal-Patt kif ukoll permezz ta’ servizzi speċifiċi ta’ appoġġ. Iċ-ċentru tal-għarfien se jappoġġa lill-inizjattivi eżistenti u emerġenti billi jgħinhom jespandu, jirreplikaw dak li diġà jaħdem, jibnu l-kapaċità billi joffri għarfien u know-how, u jimxu mit-tagħlim għall-għemil.
Iċ-ċentru tal-għarfien tal-Patt se jaġixxi flimkien maċ-“ċentri ta’ kompetenza għall-innovazzjoni soċjali” 36 li se jappoġġaw iż-żieda u r-replikazzjoni ta’ proġetti innovattivi ffinanzjati mill-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali. Dan għandu l-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal tal-ekonomija soċjali fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali permezz ta’ proġetti fil-livell lokali. Il-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss dwar l-Ekonomija Soċjali mistenni sal-aħħar tal-2021, ifittex ukoll li jtejjeb l-innovazzjoni soċjali.
Il-Patt se jagħti ħarsa ġenerali lejn il-finanzjament disponibbli jew lejn il-finanzjament meħtieġ 37 għall-inizjattivi relatati mal-klima , inkluż għall-proġetti iżgħar fil-livell lokali minn diversi sorsi (pereżempju l-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet filantropiċi, is-settur privat). L-għan se jkun li tiġi megħjuna l-mobilizzazzjoni tal-appoġġ għal inizjattivi klimatiċi fil-livell lokali li jeħtieġu biss ammont żgħir ta’ riżorsi iżda li għandhom il-potenzjal li jinfirxu madwar il-komunitajiet involuti u li jipproduċu impatti kbar u pożittivi.
Il-missjonijiet, is-sħubijiet u l-proġetti ta’ Orizzont Ewropa 38 maħluqa b'mod konġunt mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini se jipprovdu spazji biex issir deliberazzjoni kollettiva, biex jiġu stabbiliti l-għanijiet, u biex jittieħdu impenji relatati mal-klima. Il-missjonijiet dwar “l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima Inkluża t-Trasformazzjoni tas-Soċjetà” 39 u “Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti” 40 se jipprovdu spazju għall-atturi rilevanti kollha, b’mod partikolari ċ-ċittadini, biex jipparteċipaw fit-tfassil, fl-implimentazzjoni, u fl-evalwazzjoni konġunti tas-soluzzjonijiet meħtieġa, infurmati mill-aqwa xjenza disponibbli.
Inizjalment, il-Patt Klimatiku se jipprijoritizza azzjonijiet iffukati fuq iż-żoni ekoloġiċi, il-mobilità ekoloġika, il-bini effiċjenti u t-taħriġ għal impjiegi ekoloġiċi, fi ħdan il-mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti u rilevanti tal-Kummissjoni. Dawn l-erba’ oqsma joffru benefiċċji immedjati mhux biss għall-klima, iżda wkoll għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini. Il-Patt se jespandi maż-żmien għal oqsma oħra, bħall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-kwalità tal-ħamrija, l-ikel tajjeb għas-saħħa u d-dieti sostenibbli, 41 l-oċeani, iż-żoni rurali u kostali u oħrajn. Is-sit web tal-Patt Klimatiku 42 se jżomm aġġornata l-ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi, l-azzjonijiet u l-premjijiet tal-UE li jappoġġaw l-azzjoni klimatika, billi jibda mill-erba’ oqsma ta’ prijorità.
3.3.1.Żoni ekoloġiċi
L-Ewropa teħtieġ aktar żoni ekoloġiċi biex tibni reżiljenza fid-dawl tat-theddid klimatiku u tas-saħħa. Il-Kummissjoni diġà ħabbret l-appoġġ tagħha għat-tħawwil ta’ tliet biljun siġra addizzjonali fl-Ewropa sal-2030 fl-Istrateġija l-ġdida tagħha għall-Bijodiversità. 43 Għandna bżonn is-siġar u spazji ħodor oħra fil-bliet għaliex iż-żoni urbani ekoloġiċi jassorbu kemm l-emissjonijiet kif ukoll inaqqsu t-temperaturi eċċessivi, filwaqt li fiż-żoni rurali jipprovdu diversi benefiċċji għall-bijodiversità, l-agrikoltura u l-ekoturiżmu. Madankollu, is-siġar jeħtieġu kura u ġestjoni fit-tul wara t-tħawwil. Il-Patt se jappoġġa lill-komunitajiet, lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi lokali impenjati f’inizjattivi ġodda ta’ tħawwil u ta’ kura tas-siġar, pereżempju permezz ta’ aktar viżibbiltà u informazzjoni. Dan se jorbot mal-pjanijiet agrikoli appoġġati mill-UE fl-Istati Membri, kif ukoll ma’ firxa ta’ fondi tal-UE (il-fondi ta’ koeżjoni, il-programm LIFE, eċċ.) u pjattaformi (il-Pjattaforma Ewropea l-ġdida dwar l-Ekoloġizzazzjoni Urbana mħabbra bħala parti mill-Istrateġija għall-Bijodiversità).
Il-gvernijiet lokali, b’mod partikolari, jistgħu jfasslu pajsaġġi urbani li jagħmlu spazju għat-tkabbir ta’ foresti urbani, parks u ġonna. Minħabba r-restrizzjonijiet imposti minħabba l-COVID-19, għadd dejjem jikber ta’ sindki rrikonoxxew l-importanza li jespandu ż-żoni ekoloġiċi urbani lokali għall-benesseri taċ-ċittadini – minbarra l-benefiċċji magħrufa f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tal-adattament għat-tibdil fil-klima.
Il-Patt se jagħti attenzjoni lir-rwol partikolari taż-żoni rurali 44 fl-iżgurar ta’ distribuzzjoni territorjali bbilanċjata tal-popolazzjoni u bħala rappreżentanti ta’ pajsaġġi reżiljenti b’ekosistemi b'saħħithom, fl-evitar tal-iffullar żejjed tal-bliet.
Il-Patt se:
1.Jipprovdi informazzjoni lis-sindki u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jisiltu minn riżorsi, networks u pjattaformi eżistenti bħall-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija, 45 il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa, 46 il-Green Leaf Networks, l-Għodda għal Bliet Ekoloġiċi u l-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi;
2.Joffri soluzzjonijiet lill-awtoritajiet lokali biex jerġgħu jistabbilixxu, jipproteġu u jespandu ż-żoni urbani ekoloġiċi. Is-soluzzjonijiet se jibnu fuq il-politiki u fuq l-inizjattivi eżistenti, se jużaw is-sejbiet mill-proġetti ta’ riċerka ta’ Orizzont Ewropa, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jimmassimizzaw il-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità, l-opportunitajiet tan-negozju u r-reżiljenza għall-klima;
3.Jipprovdi forum għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet, in-negozji, is-sidien tal-art u l-gvernijiet lokali, sabiex jiġi żgurat li biżżejjed art terġa' tibda tintuża għall-veġetazzjoni sabiex kulħadd ikun jista’ jgawdi mill-ħafna benefiċċji li toffri f’termini ta’ klima, saħħa u ekosistemi.
3.3.2.Mobilità Ekoloġika
Kollha kemm aħna għandna bżonn immorru minn post għall-ieħor b’mod effiċjenti – u dan nistgħu nagħmluh filwaqt li ntejbu s-saħħa u l-ambjent tagħna. Proporzjon sostanzjali ta’ emissjonijiet relatati mal-azzjonijiet personali tagħna huwa determinat mill-għażliet tat-trasport li għandna u mill-għażliet ta’ mobilità li nagħmlu. Bis-saħħa tas-soluzzjonijiet diġitali u ta' aċċessibbiltà akbar, it-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu, il-mixi u forom oħra ta’ mobilità nadifa għandhom il-potenzjal li jagħmlu l-ibliet u l-irħula tagħna aktar nodfa u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u l-innovazzjoni.
Dan il-moviment enormi lejn il-mobilità ekoloġika diġà qiegħed iseħħ. Ħafna bliet Ewropej u r-residenti tagħhom qed ifittxu għażliet ta’ mobilità aktar sikuri, aktar tajbin għas-saħħa u irħas bħat-titjib fl-infrastruttura taċ-ċikliżmu, l-iżvilupp ta’ skemi car sharing, jew l-akkwist ta’ karozzi tal-linja, bastimenti u ferroviji ekoloġiċi. Fiż-żoni rurali, id-distanzi huma ġeneralment aktar sinifikanti milli fiż-żoni urbani, filwaqt li t-trasport pubbliku għandu t-tendenza li jkun anqas frekwenti u limitat għal żoni aktar popolati. F’dan l-isfond, il-Patt se jippromwovi soluzzjonijiet innovattivi li ma jeskludu lill-ebda post, inklużi l-prattiki bħall-car pooling jew il-car sharing b’mezzi elettriċi, l-infrastruttura għaċ-ċikliżmu urban u fuq distanza twila, u t-trasport fuq talba. Dan jikkonċerna wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fejn għandu x'jaqsam it-trasport, 47 ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà u l-persuni anzjani iżda wkoll li tiġi evitata s-segregazzjoni residenzjali billi s-servizzi tat-trasport pubbliku jsiru disponibbli għal kulħadd.
Il-Patt Klimatiku Ewropew se juri u jappoġġa l-ħafna għażliet li għandna biex immorru minn post għall-ieħor b’mod effiċjenti tajjeb għas-saħħa u li jniġġes anqas u se jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi ta’ koeżjoni biex jimxu lejn mobilità aktar ekoloġika. Dan jista’ jorbot ma’ inizjattivi oħrajn bħall-Pjattaforma Clean Bus, 48 li tappoġġa lill-bliet biex jixtru karozzi tal-linja nodfa flimkien, in-network CIVITAS ta’ “bliet għall-bliet” iddedikat għall-mobilità urbana aktar nadifa 49 u l-Pjattaforma Ewropea dwar il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli, 50 li tgħin lill-bliet jiddekarbonizzaw it-trasport tagħhom. L-impatt tal-wegħdiet tal-Patt dwar it-trasport ekoloġiku jista’ jiġi amplifikat permezz tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, 51 il-Premjijiet għall-Mobilità Urbana, il-Ġranet għall-Mobilità Urbana u s-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021).
Fil-kuntest ta’ dawn l-inizjattivi, il-Patt jista’ jkun il-punt ta’ kuntatt għall-wegħdiet tal-partijiet ikkonċernati, tal-bliet jew tar-reġjuni li:
1.Jixtru b’mod kollettiv mezzi tat-trasport b’emissjonijiet żero, bħal karozzi tal-linja elettriċi jew karozzi tal-linja bl-idroġenu;
2.Iżidu b’mod kollettiv it-tul u l-kwalità tal-infrastruttura sikura taċ-ċikliżmu filwaqt li jnaqqsu wkoll l-inċidenti fatali fit-toroq fil-bliet;
3.Iħaddnu soluzzjonijiet innovattivi ta’ mobilità u loġistika u jfasslu pjanijiet ta’ mobilità urbana parteċipatorji u sostenibbli b’kombinazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis tal-arja;
4.Iħeġġu kombinazzjoni ta’ opzjonijiet ta’ trasport li joffru lill-vjaġġaturi għażliet newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-ivvjaġġar fl-UE speċjalment fuq distanzi iqsar.
3.3.3.Bini ekoloġiku
Fid-dar, fuq il-post tax-xogħol jew waqt il-ħin liberu tagħna nqattgħu ħafna ħin ġewwa: f’bini, imsaħħan u mkessaħ bl-użu ta’ fjuwils fossili jew li ma jistax jiġi iżolat sew; f’postijiet li jistgħu ma jkunux adegwati biex jifilħu għal mewġiet kbar ta’ sħana jew ta’ kesħa. Jekk nikkunsidraw iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tad-disinn, tal-kostruzzjoni, tal-użu, tar-rinnovazzjoni u tat-twaqqigħ, is-settur tal-bini huwa l-akbar konsumatur ewlieni tal-enerġija fl-UE (40 %), l-akbar utent tal-materja prima (50 % tal-materja estratta) 52 u għalhekk wieħed mill-akbar emittenti tal-gassijiet serra (36 % tal-emissjonijiet diretti jew indiretti relatati mal-enerġija). Iż-żieda fit-temperaturi, li tikkawża mewġiet ta’ sħana aktar frekwenti, mistennija żżid il-ħtieġa enerġetika għat-tkessiħ tal-bini tagħna matul l-istaġun sħun – u binja ta' uffiċċji tirrikjedi tliet darbiet aktar enerġija biex titkessaħ milli biex tisħon.
Biex il-bini tagħna ma jagħmilx ħsara lill-klima, jenħtieġ li nużaw materjali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, nibnu bini ġdid aħjar, u nirrinnovaw bini eżistenti, peress li l-biċċa l-kbira tagħhom se jibqgħu hemm għad-deċennji li ġejjin.
Il-Patt se jappoġġa r-rinnovazzjoni tal-bini 53 skont il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom u b’hekk ikunu jifilħu aħjar għall-impatt ta’ perikli relatati mal-klima bħal mewġiet tas-sħana jew għargħar. Pereżempju:
1.Il-Patt se jipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċċji multipli tat-titjib tal-prestazzjoni enerġetika u tal-materjali tad-djar, tal-isptarijiet, tal-iskejjel, tal-akkomodazzjoni soċjali u tas-servizzi muniċipali.
2.Il-Patt se jħeġġeġ wegħdiet, se jkejjel il-progress u se jiffaċilita d-diskussjonijiet bejn id-diversi atturi involuti fil-katina tal-provvista li jwasslu għar-rinnovazzjoni. 54 Se jagħti lok għal ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet maċ-ċittadini permezz ta’ Orizzont Ewropa, u se joħroġ ideat essenzjali għall-Bauhaus Ewropew, spazju ġdid għall-ħolqien konġunt fejn il-periti, l-artisti, l-istudenti, l-inġiniera u d-disinjaturi jaħdmu flimkien biex tonqos il-ħela fil-bini u l-bini jkun aktar sostenibbli.
3.Fil-kuntest tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE, 55 il-Patt se jaqsam gwida u assistenza teknika mas-sindki u maċ-ċittadini li jixtiequ jindirizzaw il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fil-bini u jtejbu r-reżiljenza tagħhom, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-affordabbiltà u tal-faqar enerġetiku.
4.Il-Patt se jagħti direzzjoni lill-fondi disponibbli. eż. taħt il-programm LIFE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jgħin fil-bini ta’ sforzi ta’ rinnovazzjoni mmexxija miċ-ċittadini, il-komunitajiet u r-reġjuni, b’għajnuna speċifika għall-komunitajiet vulnerabbli.
3.3.4.Ħiliet ekoloġiċi
L-azzjoni klimatika diġà qiegħda tipprovdi l-impjiegi u l-opportunitajiet tal-futur. L-impjiegi fl-industrija tal-enerġija rinnovabbli fl-UE laħqu aktar minn 1,5 miljun impjieg 56 . Illum, l-ekonomija ċirkolari timpjega aktar minn 4 miljun ruħ 57 . Il-Kummissjoni tistma li bejn issa u l-2030 għandhom jinħolqu 1,2 miljun impjieg ekoloġiku addizzjonali li se jikkonformaw mal-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-Ewropa. 58
Il-Patt Klimatiku se jgħin lil dawk li qed ifittxu impjieg fl-ekonomija ekoloġika billi jippromwovi u jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi 59 fost il-persuni, l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ, kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi, u billi jħeġġeġ lin-negozji biex jieħdu vantaġġ mit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika u l-opportunitajiet tagħha. Il-programmi u l-inizjattivi għall-iżvilupp tal-ħiliet ekoloġiċi għandhom ikunu disponibbli b’mod ugwali għal kulħadd u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.
Il-Patt se:
1.Iħeġġeġ l-involviment ta’ organizzazzjonijiet u setturi importanti għat-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-klima fil-“Patt għall-Ħiliet”, 60 li għandu l-għan li jimmobilizza l-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi biex jieħdu azzjoni konkreta għall-aġġornament tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ persuni fl-età tax-xogħol, u joħloq sħubijiet;
2.Ixerred prattiki tajbin u stejjer ta’ suċċess miġbura mill-bosta programmi Ewropej, b’mod partikolari mill-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali, 61 mill-Ħiliet għall-Ħajja, mill-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-proġetti ffinanzjati mill-Erasmus+. 62 Prattiki tajbin mill-Istati Membri jinkludu l-użu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jiġu offruti opportunitajiet fis-setturi ekoloġiċi lil persuni qiegħda jew lil żgħażagħ inattivi;
3.Jgħin fin-navigazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew Plus il-ġdid għall-2021-2027 u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se jippermettu li jiġu mħarrġa miljuni ta’ persuni għal impjiegi ekoloġiċi, l-irkupru ekoloġiku, u pjattaforma ġdida li tappoġġa l-innovazzjoni, li għandha titnieda fl-2021. Il-Programm Erasmus+ 2021-2027 se jipprovdi opportunitajiet biex jiġu żviluppati ħiliet li jħarsu ’l quddiem kif ukoll proġetti ta’ sħubija għal organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ biex jikkooperaw fuq ħiliet u kompetenzi għall-ambjent u l-klima;
4.Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati, lill-awtoritajiet lokali u lill-komunitajiet biex jagħmlu użu sħiħ mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta 63 sabiex jippromwovu t-taħriġ mill-ġdid, l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema u ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi lokali ġodda fir-reġjuni fil-mira;
5.Jagħti pariri dwar appoġġ disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jiżviluppaw u jgħallmu programmi dwar l-impatti u l-impronti ambjentali u klimatiċi taċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll dwar formati flessibbli tal-edukazzjoni, inklużi korsijiet qosra dwar is-sostenibbiltà ambjentali 64 .
4.Ingħaqad magħna
Il-Patt Klimatiku Ewropew se jirrikonoxxi u jamplifika l-isforzi ta’ dawk li diġà qed jiġġieldu kontra l-kriżi klimatika u ekoloġika, u se jħeġġeġ lil oħrajn biex jingħaqdu magħhom. Dan se jgħin lill-Ewropa biex tikkontrolla l-emissjonijiet tagħha u tallinja l-ekonomija tagħha man-natura, u għal din il-mira, għandna bżonn li kulħadd jagħti sehmu.
Nistiednu lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jorganizzaw laqgħat regolari tat-tip fis-sala tal-kunsill lokali dwar il-klima u l-ambjent, biex jiżviluppaw strateġiji għal tranżizzjoni ġusta, biex iżidu l-investimenti fil-protezzjoni tal-komunitajiet tagħhom mill-impatti klimatiċi u biex jikkunsidraw il-ħafna benefiċċji li t-tnaqqis tal-emissjonijiet iġib lill-kostitwenzi tagħhom f’termini ta’ kwalità tal-arja, mobilità nadifa u enerġija affordabbli.
Nistiednu lis-settur privat, lin-negozji u lis-settur tal-finanzi biex jagħmlu l-aħjar li jistgħu, billi jagħmlu t-tajjeb. Dan ifisser li jpoġġu s-sostenibbiltà fil-qalba tal-istrateġija u tal-operazzjonijiet tagħhom, jiffokaw fuq il-benefiċċji fit-tul għal kulħadd, minflok fuq id-dividendi għal xi wħud fuq perjodu qasir, u jgħinu lill-gvernijiet jiżguraw li s-swieq jipprovdu inċentivi ekonomiċi biex titnaqqas il-ħsara lill-ambjent u lill-klima; u jisfruttaw is-saħħa innovattiva tagħhom biex jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-isfidi globali.
Nistiednu lis-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet lokali, biex ikomplu jużaw is-setgħa tagħhom li jlaqqgħu n-nies flimkien biex jiġġieldu ċ-ċaħda klimatika u d-dewmien permezz ta’ azzjoni enerġetika, parteċipattiva u pożittiva, u biex iħeġġu l-innovazzjoni soċjali biex titrawwem bidla kontinentali lejn Ewropa newtrali għall-klima u sostenibbli.
Nistiednu lis-sħab soċjali biex jiżviluppaw strateġiji konġunti għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, u biex iżommu u joħolqu impjiegi f’setturi u f’reġjuni li qed jinbidlu, b’mod partikolari billi jippromwovu opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet għall-impjiegi ġodda ekoloġiċi, ta’ kwalità għolja u dejjiema tal-futur.
Nistiednu lill-iskejjel, lill-akkademiċi, lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex jagħtu spinta lil-litteriżmu klimatiku u ambjentali u biex ix-xjenza u l-urġenza tal-kriżi klimatika jiġu kkunsidrati fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fit-tfassil tal-politika u fl-ekonomija.
Nistiednu liż-żgħażagħ biex jużaw il-Patt biex jixprunaw bidla sistemika u interġenerazzjonali għas-soċjetà kollha kemm hi.
Nistiednu liċ-ċittadini biex ifittxu u jħaddnu l-ħafna titjib li għażliet u drawwiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima jistgħu jġibulhom f’ħajjithom, għall-komunitajiet tagħhom u għall-klima, kollha f’daqqa.
Il-Patt issa huwa miftuħ għall-ideat, għal Ambaxxaturi u għal espressjonijiet ta’ interess biex isiru wegħdiet. Jekk tixtieq issir taf aktar dwar il-Patt Klimatiku jew biex tieħu sehem fih, tista' żżur is-sit web tal-Patt Klimatiku, 65 tikkuntattjana permezz tal-Midja Soċjali, tistħarreġ permezz tar-Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri jew tikkuntattja lil kwalunkwe wieħed mill-Ambaxxaturi tagħna tal-Patt Klimatiku.
Il-Kummissjoni tilqa’ lil kulħadd biex jissieħeb fil-vjaġġ lejn Ewropa aħjar u aktar ekoloġika. Se nibnu mogħdija li se nimxuha flimkien, b’għan komuni. Kulħadd jista’ jieħu azzjoni. Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu. L-ebda azzjoni mhija żgħira wisq biex tagħmel differenza.
https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt
https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld
Special Eurobarometer 490: Climate Change (2019): https://ec.europa.eu/clima/citizens/support_mt
Special Eurobarometer 501: Attitudes of European citizens towards the environment (2020): https://data.europa.eu/euodp/mt/data/dataset/S2257_92_4_501_ENG
“Ħarsa ġenerali lejn ir-riskji tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li l-UE tista’ tiffaċċja” (Overview of natural and man-made disaster risks the EU may face), dwar kif l-Istati Membri u l-UE jivvalutaw u jindirizzaw ir-riskji, inkluż dwar it-tibdil fil-klima. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jgħin fil-koordinazzjoni tal-għajnuna tal-Istati Membri fl-emerġenzi: https://ec.europa.eu/echo/what/civil-protection/european-disaster-risk-management_en
It-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU – Approċċ komprensiv, 17 ta’ Novembru 2020, SWD(2020)400 finali
Dan se jibni fuq ix-xogħol li sar mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) sa mill-2005 https://ec.europa.eu/environment/emas/index_en.htm .
Orizzont 2020: https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/mt
“Energy communities: an overview of energy and social innovation” https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC119433/energy_communities_report_final.pdf
https://www.imf.org/en/Publications/FM/Issues/2020/09/30/october-2020-fiscal-monitor
Bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni
Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0625
https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/tackling-online-disinformation ;
https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/edap_communication.pdf
Eż. Il-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni, l-inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE, il--Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE u l-Pjattaforma Miftuħa tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni. Aktar informazzjoni dwar dawn il-pjattaformi tinsab fuq is-sit web tal-Patt.
Filwaqt li l-iskop inizjali tal-Patt jibda bit-territorju tal-UE, diġà hemm inizjattivi tajbin xprunati mill-UE li jinkludu sensibilizzazzjoni lil hinn mill-UE, bħall-Ġimgħat ta’ Diplomazija dwar il-Klima tal-UE, it-tindif tal-bajjiet, u attivitajiet oħrajn organizzati mid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja, eż. https://ec.europa.eu/info/events/eu-beach-cleanup-2020_en
L-approċċ se jqis oqfsa u inizjattivi relevanti oħrajn, bħall-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja jew l-inizjattiva dwar is-sostanzjar ta’ asserzjonijiet ekoloġiċi mnedija bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew: https://ec.europa.eu/environment/eussd/smgp/initiative_on_green_claims.htm
L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 tiddeskrivi azzjonijiet rilevanti wkoll għall-Patt: https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/gender-equality/gender-equality-strategy_mt
L-istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010-2020 għandha l-għan li żżid l-aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi għall-persuni b’diżabilitajiet. Bħalissa qed titħejja Strateġija ġdida dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030 biex tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà
Il-Portal tad-Data Ewropew jaħsad il-metadata tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku disponibbli madwar il-pajjiżi Ewropej u se tkun rilevanti wkoll għall-Patt. https://www.europeandataportal.eu/mt
Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero għall-arja, għall-ilma u għall-ħamrija se jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Patt, eż. permezz ta’ inizjattivi ddedikati għall-partijiet ikkonċernati https://ec.europa.eu/environment/strategy/zero-pollution-action-plan_mt
https://mobilityweek.eu/eu-initiatives/social-biking-challenge/
https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=629&langId=mt&callId=604&furtherCalls=yes
L-istrateġija ta’ finanzjament imġedda sostenibbli li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni kmieni fl-2021 se tipprovdi l-qafas xieraq biex din l-inizjattiva tiġi appoġġata
https://ec.europa.eu/info/horizon-europe/missions-horizon-europe/climate-neutral-and-smart-cities_mt
Sat-tieni trimestru tal-2021, il-Kummissjoni se tiżviluppa mal-partijiet ikkonċernati, kodiċi tal-UE u qafas ta’ monitoraġġ għal imġiba responsabbli fin-negozju u fil-kummerċjalizzazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel
https://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/strategy/index_en.htm
Progressivament, ir-rabtiet mal-kontropartijiet dinjija jistgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-Patt Globali tas-Sindki.
https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC117687/kjna29833enn_1.pdf
https://civitas.eu/ network ta’ “bliet għall-bliet” iddedikat għal trasport aktar nadif u aħjar fl-Ewropa, b’aktar minn 800 miżura u soluzzjoni innovattiva għat-trasport urban f’aktar minn 80 belt Laboratorju Ħaj madwar l-Ewropa.
Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva, il-11 ta’ Marzu 2020 (COM(2020) 98 final) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0098
https://ec.europa.eu/energy/topics/energy-efficiency/energy-efficient-buildings/renovation-wave_mt
Flimkien mal-portal BUILD UP ( www.buildup.eu ).
https://ec.europa.eu/energy/topics/energy-efficiency/energy-efficient-buildings/renovation-wave_mt
COM(2020) 98 final https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020DC0098
https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8219
L-iżvilupp ta’ sett ta’ ħiliet ekoloġiċi ewlenin għas-suq tax-xogħol biex jiggwida t-taħriġ fl-ekonomija kollha – it-tassonomija ESCO https://ec.europa.eu/esco/portal/home?resetLanguage=true&newLanguage=mt . Il-FSE+ se jappoġġa l-aġġornament tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ 5 miljun persuna għall-impjiegi ekoloġiċi u għall-ekonomija ekoloġika https://ec.europa.eu/esf/main.jsp?catId=62&langId=mt
Il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali https://ec.europa.eu/social/vocational-skills-week/european-vocational-skills-week-2017_en
L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1147&langId=mt ;
Il-Pjattaforma tal-proġett Erasmus+ https://ec.europa.eu/programs/erasmus-plus/projects/ ; L-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/european-education-area/european-universities-initiative_mt
https://europa.eu/climate-pact/index_mt