SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

2 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti — Possibbiltà li jintużaw il-kapaċitajiet ta’ impriżi oħra sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa — Nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni mhux prevista b’mod espliċitu — Esklużjoni mill-kuntratt mingħajr il-possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-ommissjoni”

Fil-Kawża C‑27/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione Siciliana (Il-kunsill tal-ġustizzja amministrattiva għar-reġjun ta’ Sicilia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

Pippo Pizzo

vs

CRGT Srl,

fil-preżenza ta’:

Autorità Portuale di Messina,

Messina Sud Srl,

Francesco Todaro,

Myleco Sas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Campos Sánchez-Bordona

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Cappelletti u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti,

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) kif ukoll il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Pippo Pizzo li jaġixxi bħala proprjetarju tal-impriża Pizzo u bħala aġent tal-konsorzju temporanju ta’ impriżi kkostitwit flimkien mal-impriża Onofaro Antonino (iktar ’il quddiem “Pizzo”), u CRGT Srl dwar l-esklużjoni ta’ kandidat minn proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni tas-servizz ta’ ġestjoni tal-iskart u fdalijiet minn bastimenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 jgħid:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

4

L-Artikolu 47(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.”

5

Skont l-Artikolu 48(3) tal-imsemmija direttiva:

“Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Hu għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku.”

6

L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 63(1), kif ukoll l-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU 2014, L 94, p. 65 sa 242), imsemmija mill-qorti tar-rinviju jipprevedu:

“1.   Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. [...] Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

[...]

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

[...]

2.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ istallazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2), minn parteċipant f’dak il-grupp.”

Id-dritt Taljan

7

L-Artikolu 49 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (Digriet Leġiżlattiv Nru 163 dwar il-kodiċi ta’ kuntratti pubbliċi dwar xogħlijiet, servizzi u provvisti bl-applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE) tat-12 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju fil-GURI Nru 100, tat‑2 ta’ Mejju 2006), kif emendat bid-decreto legislativo no152 (Digriet Leġiżlattiv Nru 152), tal-11 ta’ Settembru 2008 (suppliment ordinarju tal-GUR no 231, tat-2 ta’ Ottubru 2008) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”), intitolat “Użu ta’ kapaċitajiet ta’ terz”, tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Taljan l-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18.

8

Skont l-Artikolu 49(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006:

“L-offerent, kemm jekk ikun waħdu, membru ta’ konsorzju jew membru ta’ grupp fis-sens tal-Artikolu 34, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti speċifika għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi, jista’ jissodisfa r-rekwiżit relatat mal-kriterji ta’ natura ekonomika, finanzjarja, teknika u organizzattiva, jiġifieri jikseb iċ-ċertifikat SOA, billi jirrikorri għall-kriterji ssodisfatti minn entità oħra jew għaċ-ċertifikat SOA ta’ entità oħra.”

9

L-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jistipula:

“L-użu ta’ diversi impriżi anċillari huwa permess, bla ħsara għall-projbizzjoni tal-użu frazzjonat, mill-offerent, ta’ kull wieħed mill-kriterji ekonomiċi u finanzjarji u tekniċi-organizzattivi msemmija fl-Artikolu 40(3)(b), li jkunu ppermettew il-ħruġ taċ-ċertifikat f’din il-kategorija”.

10

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(67) tal-Legge finanziaria 2006 (liġi baġitarja għall-2006 Nru 266. Suppliment ordinarju Nru 211 tal-GURI, tad-29 ta’ Diċembru 2005), tat-23 ta’ Diċembru 2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 266/2005”):

“[...] l-awtorità ta’ sorveljanza tax-xogħlijiet pubbliċi [...] annwalment tiddetermina l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet dovuti lilha mill-persuni pubbliċi u privati suġġetti għas-sorveljanza tagħha, kif ukoll il-metodi għall-ġbir tagħhom, inkluż l-obbligu tal-operaturi ekonomiċi li jħallsu l-kontribuzzjoni bħala kundizzjoni tal-ammissibbiltà tal-offerta fil-kuntest tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Matul ix-xahar ta’ Novembru 2012, l-Autorità Portuale di Messina (awtorità portwarja ta’ Messina, l-Italja) organizzat proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, fuq livell Ewropew, għall-għoti ta’ servizz kwadriennali ta’ ġestjoni ta’ skart u fdalijiet minn bastimenti li jidħlu fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-Awtorità portwarja ta’ Messina. Dan is-servizz qabel kien immexxi minn CRGT.

12

Fis-16 ta’ Mejju 2013, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni tal-offerti tal-Awtorità portwarja ta’ Messina ħadet nota tal-preżentazzjoni ta’ erba’ offerti.

13

Fl-4 ta’ Ġunju 2013, CRGT, li kienet iffirmat kuntratt għall-użu tal-kapaċitajiet ma’ RIAL Srl, u żewġ offerenti oħra ġew mgħarrfa bl-esklużjoni tagħhom minn din il-proċedura, minħabba l-fatt li ma kinux ħallsu lill-Autorità di vigilanza dei contratti pubblici (awtorità ta’ sorveljanza tal-kuntratti pubbliċi, iktar ’il-quddiem l-“AVCP”) il-kontribuzzjoni prevista mil-liġi Nru 266/2005.

14

Għalhekk il-kuntratt ġie attribwit lil Pizzo, l-uniku offerent li baqa’ jikkompeti.

15

CRGT adixxa lit-Tribunale amministrattivo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali għar-reġjun ta’ Sicilia, l-Italja) b’rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-proċedura u għal kumpens għad-danni subiti minħabba din l-esklużjoni.

16

Pizzo ressqet rikors inċidentali fejn sostniet li CRGT kellha tiġi eskluża mill-imsemmija proċedura anki għaliex kienet naqset milli tipproduċi żewġ dikjarazzjonijiet bankarji separati, sabiex tipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha.

17

It-Tribunale amministrattivo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali għar-reġjun ta’ Sicilia) permezz tas-sentenza Nru 1781/2014, iddeċidiet li r-rikors ta’ CRGT kien ammissibbli u fondat u li din il-kumpannija kienet ġiet eskluża b’mod żbaljat mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni. Hija ddeċidiet f’dan ir-rigward li d-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura ma kinux jipprevedu l-ħlas ta’ kontribuzzjoni obbligatorja lil AVCP mill-impriżi offerenti, għaliex il-ħlas ta’ tali kontribuzzjoni, prevista mil-liġi Nru 266/2005, kien jirrigwarda espressament biss il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u mhux kuntratti għal servizzi. Barra minn hekk, din il-qorti ppreċiżat li l-impożizzjoni fuq l-impriżi kandidati għall-għoti ta’ kuntratt għal servizzi tal-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni wiesgħa, minn naħa, tal-Liġi Nru 266/2005 mill-AVCP u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza amministrattiva, li tgħid li l-karattru neċessarju ta’ din il-kundizzjoni ta’ ħlas jimplika, mill-mekkaniżmu tal-mili awtomatiku ta’ lakuni fl-atti amministrattivi, li l-kumpanniji kollha kandidati għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jiġu suġġetti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni.

18

It-Tribunale amministrattivo regionale per la Sicilia (qorti amministrattiva reġjonali għar-reġjun ta’ Sicilia, l-Italja) barra minn hekk ċaħad ir-rikors inċidentali ppreżentat minn Pizzo fuq il-bażi li CRGT setgħet, kif għamlet, tuża l-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ kumpannija terza li magħha kienet ikkonkludiet kuntratt f’dan is-sens.

19

Pizzo appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione Siciliana (il-kunsill għall-ġustizzja amministrattiva għar-reġjun ta’ Sicilia, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

L-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva [2004/18/KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik [...] deskritta [fid-deċiżjoni tar-rinviju] hawn fuq, li tippermetti l-użu, b’mod frazzjonat, tal-kapaċitajiet ta’ terz, fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq?

2)

Il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità jipprekludu regola tal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru li tippermetti l-esklużjoni minn proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika ta’ impriża li ma rrealizzatx, minħabba li ma kienx jissemma’ fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, li kellha obbligu – li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu huwa ppenalizzat bl-esklużjoni mill-proċedura – ta’ ħlas ta’ somma għall-parteċipazzjoni fl-imsemmija proċedura, minkejja l-fatt li l-eżistenza ta’ dan l-obbligu ma tistax tiġi dedotta b’mod ċar mill-interpretazzjoni litterali tal-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru, iżda madankollu tista’ tiġi rrikostruwita bi tranżazzjoni ġuridika doppja li tikkonsisti, fl-ewwel lok, fl-interpretazzjoni wiesgħa ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt pożittiv tal-istess Stat Membru u, fit-tieni lok, konformement ma’ dak li jirriżulta minn din l-interpretazzjoni wiesgħa, fl-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet imperattivi li jinsabu fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil operatur ekonomiku juża l-kapaċitajiet ta’ wieħed jew diversi entitajiet terzi bil-għan li jissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti li dan l-operatur jissodisfa biss parzjalment.

22

L-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedu espressament, fi kliem kważi identiċi li “operatur ekonomiku jista’ [...] joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn” sabiex jiġi stabbilit li dan jissodisfa r-rekwiżiti tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, rikjesti mill-kuntratt inkwistjoni.

23

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-persuna li tixtieq tikkonkludi kuntratt ma’ awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li twettaq direttament is-servizzi miftiehma bir-riżorsi tagħha stess sabiex tkun tista’ tikkwalifika bħala operatur ekonomiku li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jipparteċipa f’sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa, C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 41).

24

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 ma jistabbilixxu ebda projbizzjoni ġenerali fuq l-użu, minn kandidat jew offerent, tal-kapaċitajiet ta’ terz jew iktar minbarra l-kapaċitajiet tiegħu, sabiex jissodisfa l-kriterji stabbiliti minn awtorità kontraenti (ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 30).

25

Skont din l-istess ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull operatur ekonomiku juża, għal kuntratt speċifiku, il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra “irrispettivament min-natura tar-rabtiet bejnu u dawk l-entitajiet” sakemm jiġi ppruvat lill-awtorità kontraenti li l-offerent ser ikollu r-riżorsi ta’ dawk l-entitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Ostas celtnieks, C‑234/14, EU:C:2016:6, punt 23).

26

Għandu għalhekk jitqies li d-Direttiva 2004/18 tippermetti l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ diversi operaturi ekonomiċi sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti minimi ta’ kapaċità stabbiliti mill-awtorità kontraenti sakemm jiġi ppruvat lilha li l-kandidat jew l-offerent li juża l-kapaċitajiet ta’ waħda jew iktar entitajiet, effettivament ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi ta’ dawn tal-aħħar li huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 33).

27

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan, li d-direttivi f’dan il-qasam jipprovaw jilħqu, li l-kuntratti pubbliċi jkunu suġġetti għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli għall-benefiċċju mhux biss tal-operaturi ekonomiċi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa, C‑305/08, EU:C:209:807, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, din hija wkoll ta’ natura li tiffaċilita l-aċċess tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-kuntratti pubbliċi, għan li d-Direttiva 2004/18 tixtieq tilħaq ukoll, kif turi l-premessa 32 tagħha (ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 34).

28

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ma jistax jiġi eskluż li jeżistu xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi. Hija għalhekk irrikonoxxiet li, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-awtorità kontraenti tkun fondata li teżiġi li l-livell minimu ta’ kapaċità inkwistjoni jinkiseb minn operatur ekonomiku wieħed, jew billi jirrikorri għal numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, peress li din il-ħtieġa hija relatata u proporzjonata mal-għan tal-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li peress li din l-ipoteżi tirrappreżenta sitwazzjoni eċċezzjonali, ir-rekwiżiti inkwistjoni ma jistgħux jiġu stabbiliti bħala regoli ġenerali mid-dritt nazzjonjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punti 35 u 36).

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li CRGT ma setgħetx, skont Pizzo, tibbaża ruħha fuq il-kapaċitajiet ta’ operatur ieħor sabiex tissodisfa l-kriterji tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, mill-Artikolu 47(2) u mill-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jirriżulta li huma jipprevedu espressament il-possibbiltà li offerent juża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sejħa għall-offerti u l-ispeċifikazzjonijet tal-kuntratt inkwistjoni kinux espressament ipprevedew li, minħabba l-partikolarità tas-servizzi involuti f’dan il-kuntratt, livell minimu ta’ kapaċità kellu jintlaħaq minn operatur ekonomiku wieħed.

30

Fir-rigward tal-argument ta’ Pizzo, ibbażat fuq il-fatt li CRGT kellha tipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha bil-produzzjoni ta’ ċertifikati ta’ mill-inqas żewġ istituzzjonijiet bankarji, għandu jiġi osservat li l-fatt li impriża li tuża l-kapaċitajiet ta’ impriża terza tiġi eskluża mill-possibbiltà li tuża ċ-ċertifikat bankarju ta’ din tal-aħħar iwassal, b’mod manifest, sabiex il-possibbiltà li tintuża l-kapaċità ta’ terzi, offruta mill-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 48(3) tad-Direttiva 2004/18, tiġi mċaħħda minn kull effett utli. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw, għal kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, inkluż billi jużaw iċ-ċertifikati bankarji tagħhom.

31

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(1) u l-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24 jintroduċux limiti għall-possibbiltà li tintuża l-kapaċità ta’ impriżi oħra. Madankollu, għandu jiġi nnutat li, skont l-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar sa mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma humiex applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali.

32

Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tobbliga lill-Istati Membri biex jastjenu milli jieħdu, matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, dispożizzjonijiet li jistgħu jikkompromettu serjament ir-riżultat preskritt minn din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environment Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45) din il-ġurisprudenza ma tippermettix li jiġu imposti fuq offerent, qabel l-iskadenza tal-imsemmi perijodu, restrizzjonijiet li ma jirriżultawx mid-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

33

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija mill-qorti tar-rinviju jipprevedu l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li teżiġi li l-entità li l-kapaċitajiet tagħha jintużaw sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti previsti fil-qasam ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja tkun responsabbli in solidum (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24) jew li, għal ċerti tipi ta’ kuntratti, ċerti kompiti essenzjali jitwettqu direttament mill-offerent (Artikolu 63(2) ta’ din id-Direttiva). Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux limiti speċifiċi għall-possibbiltà li jintużaw il-kapaċitajiet ta’ entitajiet terzi b’mod frazzjonat u, fi kwalunkwe każ, tali limiti kellhom jiġu espressament previsti mis-sejħa għal offerti tal-kuntratt inkwistjoni, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2014/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza operatur ekonomiku juża l-kapaċitajiet ta’ waħda jew iktar entitajiet terzi bil-għan li jissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti li dan l-operatur jissodisfa biss parzjalment.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħala riżultat tan-nuqqas ta’ osservanza, minn dan l-operatur, ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament mid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, iżda minn interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni kif ukoll mill-mekkaniżmu ta’ mili ta’ lakuni, min-naħa tal-awtoritajiet jew tal-qrati amministrattivi nazzjonali, li jinsabu f’dawn id-dokumenti.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li l-offerenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-obbligu ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa essenzjalment li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan l-obbligu jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti li l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirregolaw il-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jeżiġu li l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali dwar il-parteċipazzjoni f’kuntratt ikunu ddefiniti b’mod ċar minn qabel u magħmula pubbliċi, b’mod partikolari l-obbligi tal-offerenti, sabiex dawn ikunu jafu eżattament ir-restrizzjonijiet tal-proċedura u jkunu żguri mill-fatt li l-istess rekwiżiti japplikaw għall-kompetituri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, La Cascina et, C‑226/04 u C‑228/04, EU:C:2006:94, punt 32).

38

Barra minn hekk, mill-Anness VII A dwar l-informazzjoni li trid tkun inkluża fl-avviżi ta’ kuntratti pubbliċi, tad-Direttiva 2004/18, fil-parti dwar “Notifiki tal-Kuntratt”, punt 17, jirriżulta li “[k]riterji ta’ għażla dwar is-sitwazzjoni personali ta’ l-operaturi ekonomiċi li tista’ twassal għall-esklużjoni tagħhom” mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni għandhom jiġu ddikjarati fl-avviz ta’ kuntratt.

39

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, hija l-awtorità kontraenti li għandha l-obbligu li tosserva b’mod strett il-kriterji li hija stess stabbilixxiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 40 u tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punti 42 u 43).

40

Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dokumenti relatati mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprevedux espressament l-obbligu tal-offerenti, taħt piena ta’ esklużjoni minn din il-proċedura, li jħallsu kontribuzzjoni lill-AVCP.

41

Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ dan l-obbligu tista’ tiġi dedotta minn interpretazzjoni wiesgħa tal-Liġi Nru 266/2005 mill-AVCP u mill-ġurisprudenza amministrattiva nazzjonali. Hija tippreċiża li l-AVCP tqis li l-assenza tal-ħlas tal-kontribuzzjoni tirriżulta fl-esklużjoni tal-offerent minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt li huwa s-suġġett ta’ sejħa għal offerti. Din il-qorti tesponi wkoll li mill-ġurisprudenza amministrattiva nazzjonali jirriżulta li impriża tista’ tiġi eskluża minn proċedura ta’ sejħa għal offerti meta ma tipproduċix il-prova li hija tissodisfa kundizzjoni li ma hijiex meħtieġa espressament mir-regoli tas-sejħa għal offerti, jekk in-neċessità ta’ din il-kundizzjoni tirriżulta mill-“mekkaniżmu ta’ mili awtomatiku ta’ lakuni f’atti amministrattivi”.

42

Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-awtorità kontraenti hija obbligata li tosserva b’mod strett il-kriterji li stabbilixxiet għaliha nnifisha. Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti meta inkwistjoni jkun hemm l-esklużjoni mill-proċedura.

43

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/18 ma jeżiġix li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jispeċifikaw fid-dettall l-obbligi kollha relatat mat-taxxi, mal-protezzjoni tal-ambjent, mad-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma fis-seħħ fl-Istat Membru, dawn l-obbligi, kuntrarjament għall-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jwasslux awtomatikament għall-esklużjoni mill-proċedura fil-livell tal-ammissibbiltà tal-offerta.

44

L-imsemmi Artikolu 27 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-awtoritajiet kontraenti jidderogaw mill-obbligu strett tal-osservanza tal-kriterji li stabbilixxew huma stess, minħabba l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa korollarju tiegħu, li għalihom dawn tal-aħħar huma suġġetti, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18.

45

Issa, fil-kawża prinċipali, l-allegat obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-AVCP jista’ jiġi identifikat biss mill-interazzjoni bejn il-liġi baġitarja għall-2006, il-prassi deċiżjonali tal-AVCP kif ukoll il-prassi tal-ġurisprudenza amministrattiva Taljana fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tal-Liġi Nru 266/2005.

46

Kif ġie rrilevat essenzjalment mill-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, kundizzjoni li tissuġġetta d-dritt ta’ parteċipazzjoni għal proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u mill-prassi ta’ awtorità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija partikolarment ta’ preġudizzju għal offerenti stabbiliti fi Stati Membri oħra, sa fejn il-livell ta’ għarfien tagħhom tad-dritt nazzjonali u tal-interpretazzzjoni tiegħu kif ukoll il-prassi tal-awtoritajiet nazzjonali ma jistax ikun paragunabbli għal dak tal-offerenti nazzjonali.

47

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li CRGT kienet qabel diġà pprovdiet is-servizzi li kienu s-suġġett tas-sejħa għal offerti, u konsegwentement setgħet tkun taf bl-eżistenza tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa korollarju tiegħu, ma jiġux manifestament osservati, jekk tali operatur jiġi suġġett għal kriterji mhux stabbiliti mis-sejħa għal offerti u li ma jkunux applikabbli għal operaturi ġodda.

48

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kundizzjoni ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni ma hijiex akkompanjata mill-possibbiltà ulterjuri ta’ regolarizzazzjoni.

49

Skont il-punt 46 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda (C‑42/13, EU:C:2014:2345), l-awtorità kontraenti ma tistax iddaħħal korrezzjonijiet kwalsiasi għal ommissjonijiet li, skont id-dispożizzjonijiet espressi tad-dokumenti tal-kuntratt, għandhom iwasslu għall-esklużjoni ta’ dan tal-aħħar. Fil-punt 48 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-obbligu inkwistjoni kien impost b’mod ċar fid-dokumenti relatati għal dan il-kuntratt taħt il-piena ta’ esklużjoni.

50

Issa, fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, taħt piena ta’ esklużjoni minnha, ma jkunx espressament previst mid-dokumenti tal-kuntratt u fejn din il-kundizzjoni tista’ tiġi identifikata biss permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja tad-dritt nazzjonali, l-awtorità kontraenti tista’ tagħti lill-offerent eskluż perijodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex jirregolarizza l-ommissjoni tiegħu.

51

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħala riżultat tan-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tiegħu, ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament fid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jew mil-liġi nazzjonali fis-seħħ, iżda minn interpretazzjoni ta’ din il-liġi u ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll mill-mili ta’ lakuni, min-naħa tal-awtoritajiet jew qrati amministrattivi nazzjonali, li jinsabu f’dawn id-dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li operatur ekonomiku jingħata l-possibbiltà li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu u li jissodisfa l-imsemmi obbligu f’perijodu ta’ żmien stabbilit mill-awtorità kontraenti.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza operatur ekonomiku juża l-kapaċitajiet ta’ waħda jew iktar entitajiet terzi bil-għan li jissodisfa r-rekwiżiti minimi għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti li dan l-operatur jissodisfa biss parzjalment.

 

2)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħala riżultat tan-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tiegħu, ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament fid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jew mil-liġi nazzjonali fis-seħħ, iżda minn interpretazzjoni ta’ din il-liġi u ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll mill-mili ta’ lakuni, min-naħa tal-awtoritajiet jew qrati amministrattivi nazzjonali, li jinsabu f’dawn id-dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li operatur ekonomiku jingħata l-possibbiltà li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu u li jissodisfa l-imsemmi obbligu f’perijodu ta’ żmien stabbilit mill-awtorità kontraenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan