EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0336

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2013.
Ministeriet for Forskning, Innovation og Videregående Uddannelser vs Manova A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Proċedura ristretta – Avviż ta’ kuntratt – Rekwiżit li l-aħħar karta tal-bilanċ ippubblikata tiġi inkluża fl-applikazzjoni – Assenza ta’ din il-karta tal-bilanċ fl-applikazzjoni ta’ ċerti applikanti – Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li titlob lil dawn l-applikanti jikkomunikawlha l-imsemmija karta tal-bilanċ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.
Kawża C‑336/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:647

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

10 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Proċedura ristretta — Avviż ta’ kuntratt — Rekwiżit li l-aħħar karta tal-bilanċ ippubblikata tiġi inkluża fl-applikazzjoni — Assenza ta’ din il-karta tal-bilanċ fl-applikazzjoni ta’ ċerti applikanti — Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li titlob lil dawn l-applikanti jikkomunikawlha l-imsemmija karta tal-bilanċ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet”

Fil-Kawża C‑336/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Ministeriet for Forskning, Innovation og Videregående Uddannelser

vs

Manova A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Għaxar Awla, li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, A. Rosas u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Manova A/S, minn J. Munk Plum, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent, assistita minn R. Holdgaard, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Nielsen u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministeriet for Forskning, Innovation og Videregående Uddannelser (Ministeru tar-Riċerka, tal-Innovazzjoni u tal-Edukazzjoni Ogħla) u Manova A/S (iktar ’il quddiem “Manova”) dwar il-legalità ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzat mill-Undervisningsministeriet (Ministeru tal-Edukazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132):

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat [KE] u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. […]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna l-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

5

Skont l-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, kuntratti li għandhom bħala għan servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23, li jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u għall-Artikolu 35(4), li jirrigwarda l-avviż tar-riżultati tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. Il-kategorija 24 ta’ dan l-anness tirrigwarda s-servizzi tal-edukazzjoni u tal-edukazzjoni vokazzjonali.

6

Skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, “[l-]awtorità kontrattwanti [kontraenti] tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50”.

Id-dritt Daniż

7

Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fid-dritt Daniż permezz tal-Ordni Nru 937 tas-16 ta’ Settembru 2004 (iktar ’il quddiem l-“Ordni Nru 937/2004”), li kienet fis-seħħ fid-data li fiha ġiet organizzata l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 1(1) tal-Ordni Nru 937/2004, l-awtorità kontraenti kellha tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li t-test tagħha kien jinsab riprodott f’anness ta’ din l-ordni.

8

It-Titolu II tal-Liġi dwar is-sejħiet għal offerti għal ċerti kuntratti pubbliċi jew kuntratti sostnuti minn fondi pubbliċi (lov om indhentning af tilbud på visse offentlige og offentlig støttede kontrakter), ippubblikata permezz tal-Ordni Nru 1410 tas-7 ta’ Diċembru 2007, jikkonċerna l-kuntratti għal provvisti u għal servizzi. Skont l-Artikolu 15a(1) ta’ din il-liġi, dan it-titolu huwa applikabbli għall-kuntratti li jirrigwardaw servizzi elenkati fl-Anness II B tad-Direttiva 2004/18 u li l-valur tagħhom jeċċedi DKK 500 000, bħalma huwa l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

9

Skont l-Artikolu 15d(1) tal-imsemmija liġi, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura li, matul il-proċedura u l-għoti tal-kuntratt, “[...] l-għażla tal-offerent magħżul [issir] fuq bażijiet oġġettivi, ġustifikati u nondiskriminatorji, u ma għandux ikun hemm differenza fit-trattament bejn l-offerenti”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Permezz ta’ avviż ippubblikat fit-12 ta’ Settembru 2008, il-Ministeru nieda sejħa għal offerti fir-rigward tas-servizzi meħtieġa għall-operat ta’ seba’ ċentri ta’ gwida u parir professjonali (iktar ’il quddiem iċ-“ċentri ta’ gwida”) mill-1 ta’ Awwissu 2009. Il-valur ta’ dan il-kuntratt kien jeċċedi l-limitu stabbilit bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18 li, meta jinqabeż, tapplika din id-direttiva.

11

Is-servizzi inkwistjoni, li jikkonsistu essenzjalment fil-provvista ta’ gwida għal persuni li jixtiequ jsegwu taħriġ sabiex jagħżlu studji ogħla u xogħol, jaqgħu fil-kategorija 24 tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18.

12

Billi l-Ministeru kkunsidra li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi kumplessi li jeħtieġu negozjati, il-proċedura kienet tinkludi fażi inizjali ta’ preselezzjoni.

13

It-taqsima “Kriterji kwalitattivi ta’ għażla” tal-avviż ta’ kuntratt kienet tinkludi d-dispożizzjoni li ġejja:

“Sabiex offerta tkun tista’ tiġi evalwata, l-offerent għandu jiġġustifika l-kwalifiki tekniċi u finanzjarji tiegħu billi jikkomunika l-informazzjoni segwenti u għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi li ġejjin:

[…]

2)

Il-komunikazzjoni tal-aħħar karta tal-bilanċ jekk l-offerent ikun suġġett għall-obbligu li jipproduċi tali karta tal-bilanċ,

3)

Lista ta’ referenzi […]

4)

Informazzjoni dwar il-kwalifiki professjonali u tekniċi tal-offerent. […]

Jekk il-[Ministeru] jirċievi iktar minn tliet offerti għal kull wieħed mis-seba’ lottijiet, li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha msemmija iktar ’il fuq, l-għażla tal-applikanti li jiġu mistiedna jissottomettu offerta u jipparteċipaw fil-proċedura ta’ nnegozjar għandha ssir fost dawk li jkunu wrew li għandhom l-aħjar esperjenza u l-iktar esperjenza rilevanti fir-rigward tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura. Ir-referenzi (3) għalhekk huma iktar importanti mill-informazzjoni dwar il-kwalifiki professjonali u tekniċi (4).”

14

Meta skada t-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-offerti, jiġifieri fl-14 ta’ Ottubru 2008, għaxar impriżi jew istituzzjonijiet kienu ssottomettew applikazzjoni għall-preselezzjoni, fosthom Syddansk Universitet (l-Università tad-Danimarka ta’ Isfel, iktar ’il quddiem l-“UDI”), Københavns Universitet (l-Università ta’ Kopenħagen, iktar ’il quddiem l-“UK”) u Manova.

15

L-applikazzjonijiet tal-UDI u tal-UK ma kinux jinkludu il-karta tal-bilanċ tagħhom. L-UK irreferiet għas-sit internet tagħha f’dan ir-rigward.

16

Fid-29 ta’ Ottubru 2008, il-Ministeru bagħat ittra elettronika lil kull waħda minn dawn iż-żewġ universitajiet li biha talabhom jikkomunikawlu l-karta tal-bilanċ tagħhom, ħaġa li l-UK għamlet dakinhar stess u l-UDI għamlet l-għada.

17

Fl-4 ta’ Novembru 2008, disa’ applikanti, fosthom Manova, l-UDI u l-UK, ġew preselezzjonati, u tliet applikanti ġew mistiedna jissottomettu offerta għal kull ċentru ta’ gwida. Fir-rigward ta’ tnejn minn dawn iċ-ċentri, Manova għalhekk kienet qed tikkompeti jew mal-UDI jew mal-UK.

18

Fl-1 ta’ Mejju 2009, fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ ċentri ta’ gwida, il-Ministeru kkunsidra li l-offerti rispettivi tal-UDI u tal-UK kienu finanzjarjament iktar vantaġġużi minn dawk ta’ Manova, l-uniku applikant ieħor li finalment issottometta offerta li tikkompeti fir-rigward tal-imsemmija ċentri, u kkonkluda l-kuntratti relattivi għall-imsemmija ċentri ma’ dawn iż-żewġ universitajiet, liema kuntratti għadhom fis-seħħ.

19

Wara li Manova ressqet rikors quddiem il-Klagenævnet for Udbud (Bord tal-appell dwar kuntratti pubbliċi) kontra d-deċiżjoni li dawn il-lottijiet jiġu attribwiti lill-imsemmija universitajiet, dan il-bord ikkonstata, b’deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2010, li l-Ministeru kien kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ma rrifjutax l-applikazzjonijiet tal-UDI u tal-UK għar-raġuni li l-aħħar karta tal-bilanċ tagħhom ma kinitx ġiet ipprovduta flimkien mal-applikazzjoni tagħhom għall-preselezzjoni u, għaldaqstant, annulla l-imsemmija kuntratti.

20

Fid-29 ta’ April 2010, il-Ministeru appella minn din id-deċiżjoni. Il-kawża ġiet irrinvjata quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti Reġjonali tal-Lvant).

21

Dik il-qorti tispjega li l-ġurisprudenza tal-Klagenævnet for Udbud hija stabbilita fis-sens li l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 u, b’mod iktar ġenerali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi li awtorità kontraenti titlob lil applikant jew offerent li jikkomunikalha informazzjoni li kienet meħtieġa bħala kundizzjoni għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet jew tal-offerti b’mod li mingħajrha dawn tal-aħħar jiġu miċħuda, iżda li dan l-applikant jew offerent ikun naqas milli jipprovdi.

22

Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll li l-Ordni Nru 712 tal-15 ta’ Ġunju 2011, li ssostitwiet l-Ordni Nru 937/2004 mill-1 ta’ Lulju 2011, tinkludi l-Artikolu 12 li jippermetti, bħala prinċipju, lill-awtorità kontraenti li tkun irċeviet offerti jew applikazzjonijiet li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti formali msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt, pereżempju minħabba dokumenti jew informazzjoni neqsin, li ma tirrifjutahomx, sakemm dik l-awtorità tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

23

Dik il-qorti tikkunsidra li jeżistu dubji dwar il-mod kif tista’ taġixxi awtorità kontraenti meta dokumenti li hija ssejjaħ “storiċi” ma jkunux intehmżu mal-applikazzjoni sottomessa minn applikant u dwar l-implikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’sitwazzjoni bħal din.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fid-dritt tal-Unjoni Ewropea jfisser li wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni ta’ [applikazzjoni] għal proċedura ta’ sejħa għal offerti, awtorità kontraenti ma tistax tikseb l-aħħar [karta tal-bilanċ] ta’ kandidat, li l-komunikazzjoni [tagħha] kienet meħtieġa fl-avviż ta’ preselezzjoni, meta l-imsemmi kandidat ikun naqas milli jehmeż [dan id-dokument] mal-applikazzjoni għall-preselezzjoni tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti titlob lil applikant jikkomunikalha dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, bħalma hija l-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-avviż ta’ kuntratt kien jitlob li jiġu kkomunikati, iżda li ma kinux intehmżu mal-applikazzjoni sottomessa minn dan l-applikant.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/18, kuntratti li jirrigwardaw servizzi elenkati fl-Anness II B huma suġġetti biss għall-Artikoli 23 u 35(4) tagħha, ir-regoli fundamentali tat-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni huma applikabbli għal tali kuntratti meta jkollhom interess transkonfinali ċert. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sistema stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-kuntratti marbuta mas-servizzi li jaqgħu taħt dan l-anness ma tistax tiġi interpretata bħala li tipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, li jikkorrispondu attwalment għall-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, rispettivament (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C-226/09, Ġabra p. I-11807, punti 29 u 31).

27

Jidher li jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti nfisha, billi fl-avviż ta’ kuntratt, b’mod partikolari, l-applikanti ntalbu jiddikjaraw bil-ġurament li huma wettqu l-obbligi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-kontribuzzjonijiet tat-taxxa mhux biss fid-Danimarka, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.

28

Fost l-għanijiet prinċipali tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, hemm dak li jiġu żgurati l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha. Sabiex jintlaħaq dan l-għan doppju, id-dritt tal-Unjoni japplika, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti jew tal-applikanti u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu.

29

Għalhekk l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma tikkostitwixxix finalità fiha nfisha, iżda għandha titqies fid-dawl tal-għanijiet li dan il-prinċipju jfittex li jilħaq.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu kwalunkwe negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ħaġa li timplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi emendata wara li tiġi sottomessa, la fuq inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas tal-offerent. Minn dan isegwi li l-awtorità kontraenti ma tistax titlob kjarifiki mingħand offerent li hija tqis li l-offerta tiegħu hija impreċiża jew li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, punti 36 u 37).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 ma jipprekludix il-possibbiltà li d-data dwar l-offerta tiġi kkoreġuta jew ikkompletata fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari għaliex ikun evidenti li teħtieġ sempliċi kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti (sentenza SAG ELV Slovensko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

33

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ċerti rekwiżiti li jirrestrinġu din il-possibbiltà li l-offerenti jintalbu bil-miktub li jiċċaraw l-offerta tagħhom.

34

L-ewwel nett, talba għal kjarifika ta’ offerta, li tista’ sseħħ biss wara li l-awtorità kontraenti tkun ħadet konjizzjoni tal-offerti kollha, għandha ssir, bħala prinċipju, b’mod ugwali lill-offerenti kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAG ELV Slovensko et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

35

It-tieni nett, it-talba għandha tirrigwarda l-punti kollha tal-offerta li jkunu jeħtieġu kjarifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAG ELV Slovensko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

36

Barra minn hekk, din it-talba ma tistax twassal għas-sottomissjoni, minn offerent ikkonċernat, ta’ dik li fir-realtà tidher li tkun offerta ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SAG ELV Slovensko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

37

Fl-aħħar nett, u b’mod ġenerali, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li titlob lill-applikanti jiċċaraw l-offerta tagħhom, l-awtorità kontraenti għandha tittratta lil-applikanti b’mod ugwali u leali, b’mod li talba għal kjarifika ma tistax tidher, fi tmiem il-proċedura għall-għażla tal-offerti jew fid-dawl tar-riżultat ta’ din l-għażla, bħala li tkun ivvantaġġjat jew żvantaġġjat indebitament lill-applikant jew lill-applikanti li kien jew li kienu s-suġġett ta’ din it-talba (sentenza SAG ELV Slovensko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

38

Dan l-insenjament, li jikkonċerna l-offerti sottomessi minn offerenti, jista’ jiġi applikat għall-applikazzjonijiet sottomessi fil-kuntest tal-fażi ta’ preselezzjoni tal-applikanti ta’ proċedura ristretta.

39

Għaldaqstant, l-awtorità kontraenti tista’ titlob li d-data li tinsab f’tali applikazzjoni tiġi kkoreġuta jew ikkompletata fuq punti speċifiċi, sakemm tali talba tkun tirrigwarda dokumenti jew data, bħall-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-eżistenza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tkun tista’ tiġi vverifikata oġġettivament.

40

Madankollu, għandu jiġi speċifikat li dan ma jkunx il-każ jekk id-dokumenti tal-kuntratt kienu jimponu li fil-każ li d-dokument jew l-informazzjoni neqsin ma jiġux ikkomunikati l-applikazzjoni tiġi eskluża. Fil-fatt, awtorità kontraenti hija obbligata tosserva strettament il-kriterji li hija stess tkun stabbilixxiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, Ġabra p. I-3801, punt 115).

41

F’dan il-każ, jidher li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 39 sa 40 ta’ din is-sentenza ġew sodisfatti. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti titlob lil applikant jikkomunikalha dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, bħalma hija l-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-eżistenza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tista’ tiġi vverifikata oġġettivament sakemm id-dokumenti tal-imsemmi kuntratt ma kinux jimponu espliċitament li fil-każ li ma jiġux ikkomunikati l-applikazzjoni tiġi eskluża. Tali talba ma għandhiex tivvantaġġja jew tiżvantaġġja indebitament lill-applikant jew lill-applikanti li lilu jew lilhom tkun intbagħtet l-imsemmija talba.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti titlob lil applikant jikkomunikalha dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, bħalma hija l-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-eżistenza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tista’ tiġi vverifikata oġġettivament sakemm id-dokumenti tal-imsemmi kuntratt ma kinux jimponu espliċitament li fil-każ li ma jiġux ikkomunikati l-applikazzjoni tiġi eskluża. Tali talba ma għandhiex tivvantaġġja jew tiżvantaġġja indebitament lill-applikant jew lill-applikanti li lilu jew lilhom tkun intbagħtet l-imsemmija talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top