SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Stabbiltà ekonomika u finanzjarja — Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali — Artikoli 47(2) u 48(3) — Possibbiltà għal operatur ekonomiku li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra — Artikolu 52 — Sistema ta’ ċertifikazzjoni — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-pussess ta’ ċertifikat ta’ kwalifika li jikkorrispondi għall-kategorija u għall-valur tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt — Projbizzjoni li persuna tirrikorri għaċ-ċertifikati ta’ diversi entitajiet għal xogħlijiet li jaqgħu taħt l-istess kategorija”

Fil-Kawża C‑94/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Swm Costruzioni 2 SpA,

Mannocchi Luigino DI

vs

Provincia di Fermo,

fil-preżenza ta’:

Torelli Dottori SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Swm Costruzioni 2 SpA u Mannocchi Luigino DI, minn C. Famiglini, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Swm Costruzioni 2 SpA (iktar ’il quddiem “Swm”) u Mannocchi Luigino DI, liema impriżi fformaw bejniethom grupp temporanju ta’ impriżi (Raggruppamento Temporaneo di Imprese, iktar ’il quddiem ir-“RTI”), u, min-naħa l-oħra, Provincia di Fermo, dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li teskludi lill-imsemmi RTI minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 32 tad-Direttiva 2004/18:

“Sabiex tinkoraġġixxi l-involviment ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju fis-suq tal-kisbiet ta’ kuntratti pubbliċi, huwa rakkomandat li jiġu inklużi l-disposizzjonijiet għall-subkuntrattar.”

4

Il-premessa 45 ta’ din id-direttiva hija redatta kif ġej:

“Din id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri li jistabbilixxu listi uffiċjali ta’ kuntratturi, fornituri jew fornituri ta’ servizzi jew sistema ta’ ċertifikazzjoni minn korpi pubbliċi jew privati, u tagħmel disposizzjoni għall-effetti ta’ reġistrazzjoni bħal din jew ċertifikazzjoni bħal din fil-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt fi Stat Membru ieħor. Fir-rigward tal-listi uffiċjali ta’ l-operaturi ekonomiċi approvati, huwa importanti li tieħu in konsiderazzjoni l-każ legali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet fejn l-operatur ekonomiku li huwa parti minn grupp jisħaqq fuq il-kapaċitajiet ekonomiċi, finanzjarji jew [t]ekniċi ta’ [k]umpanniji oħra fil-grupp bħala sapport [sostenn] fl-applikazzjoni għar-reġistrazazzjoni. F’dan il-każ, sta għall-operatur ekonomiku li jipprova illi dawn ir-riżorsi jkunu attwalment disponibbli għalih matul il-perjodu tal-validità tar-reġistrazzjoni. Għall-għanijiet ta’ din ir-reġistrazzjoni, xi Stat Membru jista’ għalhekk jiddetermina l-livell ta’ kondizzjonijiet li jridu jiġu milqugħa [sodisfatti] u b’mod partikolari, per eżempju fejn l-operatur jisħaqq fuq il-posizzjoni finanzjarja ta’ [k]umpannija oħra fil-grupp, jista’ jkun hemm il-bżonn illi dik il-[k]umpannija tkun responsabbli, jekk ikun hemm il-ħtieġa konġunta u ta’ sikwit [in solidum].”

5

L-Artikolu 1(2)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2004/18 fihom id-definizzjonijiet segwenti:

“2.   [...]

b)

‘Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi’ [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew [...] l-esekuzzjoni, jew [...] id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali. Ix-‘‘xogħol’’ ifisser l-andament tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija civili meħuda bħala ħaġa waħda li hija suffiċenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.

[...]

8.   It-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.”

6

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva:

“Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jistgħu jitfgħu l-offerta jew joħorġu bħala kandidati. [...]”

7

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Fid-dokumenti tal-kuntratt, l-awtorità kontrattwanti [kontraenti] tista’ tistaqsi jew tista’ tkun mitluba minn xi Stat Membru biex tistaqsi lil min ikun xeħet l-offerta biex jindika fl-offerta tiegħu kull sehem mill-kuntratt li hu jista’ jkollu l-ħsieb li joffri b’sotto-kuntratt lil partijiet terzi jew kull sotto-kuntratturi proposti.”

8

L-Artikolu 44 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li:

“1.   Kuntratti għandhom jingħataw [...] wara li l-adattabilità [kapaċità] ta’ operaturi ekonomiċi mhux e[s]klużi [...] ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] skond il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji [kriterji dwar l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja], ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità [dwar il-konoxxenzi jew il-kapaċitajiet professjonali u tekniċi] li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52 [...].

2.   L-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta [offerenti] jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skont l-Artikoli 47 u 48.

Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

[...]”

9

L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Stabilità ekonomika u finanzjarja”, jipprovdi kif ġej:

“1.   Prova ta’ l-istabilità ekonomika u finanzjarja ta’ l-operatur ekonomiku tista’, bħala regola ġenerali, tkun fornuta minn waħda jew aktar mir-riferenzi li ġejjin:

[...]

ċ)

dikjarazzjoni tal-valur tal-bejgħ kumplessiv ta’ l-intrapriża u, fejn xieraq, tal-valur tal-bejgħ fiż-żona koperta mill-kuntratt għal massimu ta’ l-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli, jiddependi fuq id-data li fiha l-intrapriża kienet ġiet imwaqqfa jew l-operatur ekonomiku beda jinnegozja, safejn l-informazzjoni dwar dawn il-valuri ta’ bejgħ tkun disponibbli.

2.   Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hi għandha magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.

3.   Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif sar riferiment għalih fl-Artikolu 4 jista’ joqgħod fuq il-ħiliet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħrajn.

[...]”

10

L-Artikolu 48 ta’ din id-direttiva, intitolat “Abilità [kapaċità] teknika u/jew professjonali”, jipprovdi li:

“1.   L-abilitajiet [kapaċitajiet] [t]ekniċi u/jew professjonali ta’ l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati u eżaminati skond il-paragrafi 2 u 3.

2.   Evidenza ta’ l-abilitajiet [t]ekniċi ta’ l-operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu fornuti b’mezz jew aktar ta’ dan li ġej skond in-natura, kwantità jew importanza, u użu tax-xogħlijiet, fornimenti jew servizzi:

a)

i)

lista tax-xogħlijiet imwettqin matul l-aħħar ħames snin, imsieħba minn ċertifikati ta’ twettiq soddisfaċenti għax-xogħlijiet l-iktar importanti. Dawn iċ-ċertifikati għandhom jindikaw il-valur, data u post fejn saru x-xogħlijiet u għandhom jispeċifikaw jekk dawn sarux skond ir-regoli tas-sengħa u mlestija għal kollox. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tissottometti dawn iċ-ċertifikati direttament lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti];

[...]

b)

indikazzjoni tat-[t]ekniċi jew korpi [t]ekniċi involuti, sew jekk jappartjenu direttament jew le fl-intrapriża ta’ l-operatur ekonomiku, speċjalment dawk responsabbli għal kontroll ta’ kwalità u, fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, dawk li l-kuntrattur jista’ jsejjaħ sabiex iwettqu x-xogħol;

[...]

h)

dikjarazzjoni ta’ l-għodod, impjant jew apparat tekniku disponibbli għal dak li jipprovdi servizz jew kuntrattur sabiex jitwettaq il-kuntratt;

[...]

3.   Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Hu għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku.

4.   Taħt l-istess kondizzjonijiet grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif sar riferiment għalihom fl-Artikolu 4 jista’ joqgħod fuq il-ħiliet ta’ parteċipanti fil-grupp jew f’entitajiet oħrajn.

[...]”

11

L-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Listi uffiċjali ta’ operaturi ekonomiċi approvati u ċertifikazzjoni minn korpi stabbiliti taħt liġi pubblika jew privata”, jipprovdi li:

“Stati Membri jistgħu jintroduċu jew listi uffiċjali ta’ kuntratturi approvati, fornituri jew ta’ dawk li jipprovdu servizz jew ċertifikazzjoni minn korpi ċertifikanti [ta’ ċertifikazzjoni] stabbiliti taħt liġi pubblika jew privata.

Stati Membri għandhom jadottaw il-kondizzjonijiet għal reġistrazzjoni fuq dawn il-listi u għall-ħruġ ta’ ċertifikati minn korp ċertifikanti [ta’ ċertifikazzjoni] skond il-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 45(2)(a) sa (d) u (g), l-Artikoli 46, l-Artikolu 47(1), (4) u (5), l-Artikolu 48(1), (2), (5) u (6), l-Artikolu 49 u, fejn xieraq, l-Artikolu 50.

Stati Membri għandhom ukoll jadattawhom għall-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 48(3) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni sottomessi minn operaturi ekonomiċi li jappartjenu lil xi grupp u jkunu qegħdin jitolbu riżorsi mqiegħda għad-disposizzjoni tagħhom milll-[k]umpanniji l-oħra fil-grupp. F’każ bħal dan, dawn l-operaturi għandhom jippruvaw lill-awtorità li tistabblixxi l-lista uffiċjali li huma se jkollhom dawn ir-riżorsi għad-disposizzjoni tagħhom tul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat li jxiehed [jixhed] li huma rreġistrati fil-lista uffiċjali u li matul l-istess perjodu dawn il-[k]umpanniji jkomplu jwettqu fis-sħiħ il-ħtiġijiet ta’ għażla kwalitativa imniżżlin fl-Artikoli li sar riferiment għalihom fit-tieni sub-paragrafu li fuqu joqogħdu l-operaturi għar-reġistrazzjoni tagħhom.”

Id-dritt Taljan

12

Skont id-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 34 tal-25 ta’ Jannar 2000, li jintroduċi r-regoli li jistabbilixxu s-sistema ta’ kwalifika għall-persuni li jwettqu xogħlijiet pubbliċi skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 109 tal-11 ta’ Frar 1994 u l-emendi suċċessivi tiegħu (decreto del Presidente della Repubblica n. 34 — Regolamento recante istituzione del sistema di qualificazione per gli esecutori di lavori pubblici, ai sensi dell’articolo 8 della legge 11 febbraio 1994, n. 109, e successive modificazioni, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 49, tad-29 ta’ Frar 2000), applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li l-valur tagħhom jeċċedi EUR 150 000 jistgħu jiġu eżegwiti biss minn impriżi li għandhom ċertifikati magħrufa bħala “SOA”.

13

Dawn iċ-ċertifikati jikkorrispondu għal kategoriji ta’ kwalifika, skont in-natura tax-xogħlijiet ikkonċernati, u għal klassijiet, li jiddeterminaw il-valur tal-kuntratti li għalihom ċertifikat jagħti aċċess.

14

L-imsemmija ċertifikati jinħarġu minn korpi ta’ ċertifikazzjoni, is-società organismi di attestazione, li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw, b’mod partikolari, li kull impriża approvata tissodisfa numru ta’ kriterji ġenerali, ekonomiċi, finanzjarji, tekniċi u organizzattivi kkunsidrati bħala indispensabbli għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi.

15

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja xierqa hija stabbilita, b’mod partikolari, minn dħul mill-bejgħ marbut ma’ xogħlijiet li huwa ugwali jew superjuri għal 100 % tal-ammonti ta’ kwalifika mitluba fid-diversi kategoriji. Għal dak li jirrigwarda l-kapaċità teknika, huwa meħtieġ, fost oħrajn, li jiġu stabbiliti, għal kull kategorija li hija s-suġġett ta’ talba għal kwalifika, minn naħa, it-twettiq ta’ xogħlijiet għal ammont ugwali jew superjuri għal 90 % tal-ammont tal-klassi mitluba u, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ wieħed, tnejn jew tliet kuntratti li l-valur tagħhom huwa ugwali jew superjuri għal, rispettivament, 40 %, 55 % jew 65 % tal-imsemmi ammont.

16

L-Artikolu 49 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tat-12 ta’ April 2006, li jistabbilixxi l-kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti skont id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (decreto legislativo n. 163 — Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tal-11 ta’ Settembru 2008 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 231, tat-2 ta’ Ottubru 2008, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”), jipprovdi li:

“1.   L-offerent, kemm jekk ikun waħdu, membru ta’ konsorzju jew membru ta’ grupp fis-sens tal-Artikolu 34, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti speċifika għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi, jista’ jissodisfa r-rekwiżit relatat mal-kriterji ta’ natura ekonomika, finanzjarja, teknika u organizzattiva, jiġifieri jikseb iċ-ċertifikat [...] SOA, billi jirrikorri għall-kriterji ssodisfatti minn persuna oħra jew għaċ-ċertifikat SOA ta’ persuna oħra.

[...]

6.   Għax-xogħolijiet, l-offerent jista’ jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ impriża awżiljarja waħda biss għal kull kategorija ta’ kwalifika. Is-sejħa għal offerti tista’ taċċetta l-użu tal-kapaċità ta’ iktar minn impriża awżiljarja waħda minħabba l-valur tal-kuntratt jew tan-natura partikolari tas-servizzi pprovduti [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Il-Provincia di Fermo bdiet proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għal xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u estensjoni ta’ triq, li l-valur stmat tiegħu jeċċedi l-limitu rilevanti skont id-Direttiva 2004/18, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-offerenti ntalbu jistabbilixxu l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tagħhom billi jippreżentaw ċertifikat SOA li jikkorrispondi għan-natura u għall-valur tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt.

18

Ir-RTI kkostitwit minn Swm u Mannocchi Luigino DI pparteċipa fl-imsemmija proċedura permezz ta’ Swm. Sabiex tissodisfa r-rekwiżit dwar il-klassi meħtieġa ta’ ċertifikat SOA, Swm irrikorriet għaċ-ċertifikati SOA ta’ żewġt impriżi terzi.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2011, dan ir-RTI ġie eskluż mill-proċedura għall-għoti abbażi tal-projbizzjoni ġenerali li persuna tirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ diversi impriżi għall-istess kategorija ta’ kwalifika, stabbilita fl-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

20

It-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (Tribunal Amministrattiv Reġjonali għall-Marche) ġie adit b’rikors kontra din id-deċiżjoni.

21

Din il-qorti tirreferi għal ċerti deċiżjonijiet mogħtija f’dan il-qasam mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat). Minn naħa, il-Consiglio di Stato ddeċieda li l-imsemmija projbizzjoni ma hijiex applikabbli għall-impriżi li jagħmlu parti minn RTI meta dan tal-aħħar ikun huwa stess kandidat jew offerent. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq ir-ratio legis tal-possibbiltà li persuna tirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet terzi, b’mod partikolari sabiex tiġi inkoraġġita l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ impriżi f’sejħa għal offerti. Min-naħa l-oħra, il-Consiglio di Stato ddeċieda wkoll li offerent ma jistax jakkumula ċ-ċertifikat SOA tiegħu ma dak ta’ entità terza sabiex jaqa’ fil-klassi meħtieġa għal kuntratt partikolari. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li skontu l-livell massimu ta’ kompetizzjoni huwa intiż ukoll għall-eżekuzzjoni l-iktar affidabbli u l-iktar effikaċi possibbli tal-kuntratti pubbliċi.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 47(2) tad-Direttiva [2004/18] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, bħala prinċipju, [regola] ta’ Stat Membru, bħal dik [...] li tinsab fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 49 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru] 163/2006, li tipprekludi, ħlief f’każijiet partikolari, li [operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jirrikorru għal] iktar minn impriża awżiljari [awżiljarja] waħda [...] għal kull kategorija ta’ kwalifikazzjoni [kwalifika][, bil-kundizzjoni li l-]avviż tas-sejħa għall-offerti jista’ jaċċetta l-użu ta’ iktar minn impriża awżiljari [awżiljarja] waħda minħabba l-valur [tal-kuntratt] jew tan-natura partikolari tas-servizzi [...]?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fid-domanda preliminari tapplika kemm għall-kriterji ta’ stabbiltà ekonomika u finanzjarja kif ukoll għall-kriterji ta’ kapaċità teknika u organizzattiva. Issa, l-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18, li hija l-unika dispożizzjoni li tissemma fid-domanda preliminari, jirrigwarda biss l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti, filwaqt li t-test tal-Artikolu 48(3) ta’ din id-direttiva, dwar il-kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali ta’ dawn l-operaturi, huwa essenzjalment identiku għal dak fl-Artikolu 47(2).

24

Il-fatt li l-qorti nazzjonali fformulat, mill-aspett formali, domanda preliminari billi rreferiet biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jwaqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li din għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk tagħmilx jew le riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Nilaş et, C‑248/11, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, bħala regola ġenerali, lill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet milli jirrikorru, għall-istess kategorija ta’ kwalifika, għall-kapaċitajiet ta’ diversi impriżi.

26

Skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18, huma l-awtoritajiet kontraenti li għandhom jivverifikaw il-kapaċità tal-kandidati u tal-offerenti skont il-kriterji msemmija fl-Artikoli 47 sa 52 tal-imsemmija direttiva.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 47(1)(ċ) jipprovdi li l-awtorità kontraenti tista’, b’mod partikolari, titlob lill-offerenti sabiex jiġġustifikaw l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tagħhom permezz ta’ dikjarazzjoni tal-valur tal-bejgħ kumplessiv kif ukoll tal-valur tal-bejgħ fil-qasam kopert mill-kuntratt għal mhux iktar mill-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 48(2)(a)(i) jipprovdi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jintalbu jiġġustifikaw il-kapaċitajiet tekniċi tagħhom billi jippreżentaw lista tax-xogħlijiet imwettqa matul l-aħħar ħames snin.

28

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, awtorità kontraenti tista’ teżiġi li l-kandidati jew l-offerenti jissodisfaw livelli minimi ta’ stabbiltà ekonomika u finanzjarja kif ukoll ta’ kapaċità teknika u professjonali, skont l-Artikoli 47 u 48 ta’ din id-direttiva.

29

Għal dan il-għan, din l-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt li l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jagħtu lil kull operatur ekonomiku li jirrikorri, għal kuntratt partikolari, għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa għandu ma’ dawn l-entitajiet, bil-kundizzjoni li huwa juri lill-awtorità kontraenti li ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif isemmi l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-użu sistematiku tal-plural f’dawn id-dispożizzjonijiet jindika li dawn ma jipprekludux, bħala prinċipju, kandidati jew offerenti milli jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ diversi entitajiet terzi sabiex jiġġustifikaw li huma jissodisfaw livell minimu ta’ kapaċità. A fortiori, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprovdu ebda projbizzjoni ġenerali dwar il-fatt li kandidat jew offerent jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entità terza waħda jew iktar minbarra għall-kapaċitajiet tiegħu stess, sabiex jissodisfa l-kriterji stabbiliti minn awtorità kontraenti.

31

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata minn diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18. Għaldaqstant, l-Artikolu 48(2)(b) tagħha jirreferi, mingħajr distinzjoni, għas-sitwazzjoni fejn persuna tirrikorri għal tekniċi jew għal korpi tekniċi, irrispettivament mill-fatt jekk dawn jifformax parti jew le mill-impriża tal-operatur ekonomiku kkonċernat, iżda li dan tal-aħħar għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għall-eżekuzzjoni tax-xogħol. Bl-istess mod, l-Artikolu 48(2)(h) tal-istess direttiva jirreferi għal-għodod, għall-materjal u għat-tagħmir tekniku li l-imprenditur għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għat-twettiq tal-kuntratt, mingħajr ebda restrizzjoni għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ entitajiet li ser jipprovdu dawn il-mezzi. Bl-istess mod ukoll, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jipparteċipaw fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mingħajr ebda restrizzjoni għal dak li jirrigwarda l-akkumulazzjoni ta’ kapaċitajiet, hekk kif l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva jipprovdi għall-użu ta’ subkuntratturi mingħajr ma jimponi xi tip ta’ restrizzjoni f’dan ir-rigward.

32

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għall-possibbiltà, għal operatur ekonomiku, li jirrikorri għar-riżorsi li jappartjenu lil entità jew diversi entitajiet oħra, possibbilment minbarra r-riżorsi tiegħu stess, sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia, C-176/98, Ġabra p. I-8607, punti 26 u 27, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, Ġabra p. I-2549, punt 43).

33

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2004/18 tippermetti l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ diversi operaturi ekonomiċi sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti minimi ta’ kapaċità stabbiliti mill-awtorità kontraenti, bil-kundizzjoni li din tingħata prova li l-kandidat jew l-offerent li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entità jew diversi entitajiet oħra ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi ta’ dawn tal-aħħar li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

34

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan, li d-direttivi f’dan il-qasam jipprovaw jilħqu, li l-kuntratti pubbliċi jkunu suġġetti għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa għall-benefiċċju mhux biss tal-operaturi ekonomiċi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa, C-305/08, Ġabra p. I-12129, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hekk kif isemmi l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni hija ta’ natura wkoll li tiffaċilita l-aċċess ta’ impriżi żgħar u medji għall-kuntratti pubbliċi, għan li d-Direttiva 2004/18 tixtieq tilħaq ukoll, kif imsemmi fil-premessa 32 tagħha.

35

Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li jeżistu xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi. F’dan il-każ, l-awtorità kontraenti tkun iġġustifikata li titlob li l-livell minimu ta’ kapaċità kkonċernat jintlaħaq minn operatur ekonomiku uniku jew, skont il-każ, billi jirrikorri għal numru limitat ta’ operaturi ekonomiċi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2004/18, sa fejn tali rekwiżit ikun marbut ma’ u proporzjonat għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

36

Madankollu, billi din l-ipoteżi tikkostitwixxi sitwazzjoni eċċezzjonali, id-Direttiva 2004/18 tipprekludi li tali rekwiżit jitqies bħala regola ġenerali mid-dritt nazzjonali, kif fil-fatt tagħmel dispożizzjoni bħall-Artikolu 49(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006.

37

Il-fatt li, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-livell ta’ kapaċità ta’ operatur ekonomiku, għal dak li jirrigwarda l-valur tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li huma aċċessibbli għal dan l-operatur, hija ddeterminata minn qabel u b’mod ġenerali fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni f’listi, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 52 tad-Direttiva 2004/18 li jipprevedu sistema bħal din tista’ tiġi implementata minnhom biss b’mod li huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari mal-Artikoli 44(2), 47(2) u 48(3) tagħha.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18, moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, bħala regola ġenerali, lill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet milli jirrikorru, għall-istess kategorija ta’ kwalifika, għall-kapaċitajiet ta’ diversi impriżi.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, bħala regola ġenerali, lill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet milli jirrikorru, għall-istess kategorija ta’ kwalifika, għall-kapaċitajiet ta’ diversi impriżi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.