Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-regolazzjoni tal-ispettru tar-radju

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju (id-deċiżjoni dwar l-ispettru tar-radju)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni tfittex li tikkoordina politika fl-Unjoni Ewropea (UE), dwar id-disponibbiltà tal-ispettru tar-radju* u l-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu effiċjenti tiegħha.

Hija tapplika l-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u tal-komunikazzjoni mingħajr fili, li jvarjaw b’mod partikolari mis-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) għall-komunikazzjoni mobbli tal-ħames ġenerazzjoni (5G) għal frekwenzi bejn 9 kHz u 3000 GHz rilevanti għas-suq intern.

PUNTI EWLENIN

Kumitat għall-Ispettrutar-Radju

Id-deċiżjoni tistabbilixxi Kumitat għall-Ispettru tar-Radju, li huwa ppresedut mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kumitat jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u jeżamina proposti dwar miżuri tekniċi għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu tal-ispettru tar-radju.

Billi jibni wkoll fuq il-prinċipji ġenerali inklużi fil-programm għal politika dwar l-Ispettru tar-radju, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE (ara s-sommarju), il-Kumitat għal-Ispettru tar-Radju jassisti lill-Kummissjoni fid-definizzjoni, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-ispettru tar-radju.

Il-kumitat joħroġ ukoll opinjonijiet fuq il-mandati trażmessi mill-Kummissjoni lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) dwar l-armonizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni relatata mal-użu tal-ispettru. L-abbozz ta’ miżuri tal-Kummissjoni, ladarba jiġu approvati mill-kumitat u adottati mill-Kummissjoni, huma vinkolanti mal-UE kollha u għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri meta jagħtu drittijiet għall-użu tal-ispettru.

Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju

Deċiżjoni relatata adottata mill-Kummissjoni fl-2019, li tieħu post id-Deċiżjoni 2002/622/KE oriġinali, tistabbilixxi l-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju 2004/83/(RSPG), grupp konsultattiv ta’ livell għoli maħsub biex jassistiha, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq talba tagħhom, fl-iżvilupp tal-politika u l-istrateġija dwar l-ispettru tar-radju (ara s-sommarju).

Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

Ir-rwol tal-RSPG jinkludi l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet rilevanti tagħhom fl-ippjanar strateġiku u fil-koordinazzjoni tal-politika tal-ispettru tar-radju, kif meħtieġ mid-Direttiva (UE) 2018/1972 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ara s-sommarju).

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jipprovdu lill-operaturi b’regolamentazzjoni prevedibbli għall-liċenzjar tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla fili għal mill-inqas 20 sena biex jippromwovu l-investiment, b’mod partikolari fil-konnettività 5G, u aktar konverġenza fil-proċeduri ta’ għażla nazzjonali permezz ta’ forum ta’ reviżjoni bejn il-pari. Id-direttiva tinkludi wkoll regoli dwar meded ta’ frekwenza ġodda għall-konnettività 5G għal konnessjonijiet tal-internet aktar rapidi u għal konnettività aħjar, u dwar l-iffissar koordinat ta’ liċenzjar tal-ispettru, flimkien ma’ reġim regolatorju eħfef għall-iskjerament ta’ tagħmir żgħir ta’ networks mobbli.

Huwa wkoll ta’ min wieħed jenfasizza d-Decision (EU) 2017/899 (magħrufa bħala d-Deċiżjoni dwar l-UHF), li tiżgura li l-medda ta’ frekwenzi 470-790 MHz, użata għax-xandir terrestri, se tiġi riżervata għall-użu u t-tfassil ta’ programmi tat-televiżjoni terrestri diġitali u avvenimenti speċjali li jintużaw mill-inqas sal-2030. Din tistabbilixxi wkoll skadenza għall-użu tal-medda ta’ 700 MHz (694-790 MHz) għall-komunikazzjonijiet mobbli 5G mit-30 ta’ Ġunju 2020.

L-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenzi

Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni bil-għan li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni, fuq il-paġna tad-“Deċiżjonijiet dwar l-Ispettru tar-Radju”.

Kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali

Il-miżuri taħt id-deċiżjoni tal-ispettru tar-radju jqisu l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni il-ġestjoni tal-ispettru tar-radju, u s-CEPT, organizzazzjoni intergovernattiva li tinkludi 46 pajjiż membru mill-Ewropa kollha.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mill-24 ta’ April 2002.

SFOND

Il-frekwenzi tar-radju jiġu allokati minn korpi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konferenzi Dinjija dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, u, fl-Ewropa, mis-CEPT.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Spettru tar-radju. Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, it-terminu jinkludi mewġ tar-radju f’frekwenzi bejn 9 kHz u 3000 GHz. Il-mewġ tar-radju huwa mewġ elettromanjetiku ppropagat fl-ispazju mingħajr gwida artifiċjali.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 1–6).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE (ĠU C 196, 12.6.2019, pp. 16–21).

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, pp. 36–214).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2018/1972 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/899 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 Mhz fl-Unjoni (ĠU L 138, 25.5.2017, pp. 131–137).

Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, pp. 7–17).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 19.04.2024

Top