EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1056

Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

PE/5/2021/REV/1

ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1056/oj

30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1056 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-punt (a) tal-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),

Billi:

(1)

Il-qafas regolatorju li jirregola l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni għall-perijodu mill-2021 sal-2027, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (5) ("il-Ftehim ta’ Pariġi"), filwaqt li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata għal 1,5 °C aktar mil-livelli preindustrijali, u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti billi l-finanzjament tal-Unjoni jikkonċentra fuq objettivi ekoloġiċi. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jimplimenta waħda mill-prijoritajiet stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “il-Patt Ekoloġiku Ewropew” u huwa parti mill-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli li jipprovdi finanzjament iddedikat taħt il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġu indirizzati l-ispejjeż soċjali, ekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima, fejn kwalunkwe bilanċ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiġi kkumpensat minn assorbimenti ekwivalenti.

(2)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi ta’ politika l-aktar importanti għall-Unjoni. Fit-12 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li sal-2050 tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima, f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Filwaqt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali ser tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd fuq terminu twil u tipprovdi opportunitajiet u sfidi għal kulħadd fuq terminu medju, mhux ir-reġjuni u l-Istati Membri kollha ser jibdew it-tranżizzjoni tagħhom mill-istess punt jew għandhom l-istess kapaċità ta’ rispons. Xi wħud huma aktar avvanzati minn oħrajn, u t-tranżizzjoni tinvolvi impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali usa’ għal dawk ir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili fl-użu tal-enerġija — speċjalment il-faħam, il-linjite, il-pit u x-shale bituminuż — jew fuq industriji b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra. Sitwazzjoni bħal din mhux biss toħloq ir-riskju ta’ tranżizzjoni b’pass varjabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-azzjoni klimatika, iżda wkoll ta’ disparitajiet dejjem akbar bejn ir-reġjuni, li huwa ta’ detriment għall-objettivi ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali.

(3)

Sabiex tirnexxi u tkun soċjalment aċċettabbli għal kulħadd, it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u inklużiva. Għalhekk, l-Unjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom iridu jqisu l-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħha sa mill-bidu nett, u jużaw l-istrumenti kollha possibbli biex itaffu l-konsegwenzi negattivi. Il-baġit tal-Unjoni għandu rwol importanti f’dan ir-rigward.

(4)

Kif stipulat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jenħtieġ jikkomplementa l-azzjonijiet l-oħra skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-perijodu mill-2021 sal-2027. Jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jindirizza l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali, b’mod partikolari għall-ħaddiema milquta fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, billi jgħaqqad flimkien l-infiq tal-baġit tal-Unjoni fuq l-objettivi klimatiċi u soċjali fil-livell reġjonali u billi jimmira għal standards soċjali u ambjentali għolja.

(5)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Fund, “JTF”) li huwa wieħed mill-pilastri tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta implimentat skont il-politika ta’ koeżjoni. L-għanijiet tal-JTF huma li jtaffi l-effetti negattivi tat-tranżizzjoni klimatika billi jappoġġja l-aktar territorji milquta u l-aktar ħaddiema kkonċernati u li jippromwovi tranżizzjoni soċjoekonomika bbilanċjata. F’konformità mal-objettiv speċifiku uniku tal-JTF, jenħtieġ li l-azzjonijiet appoġġati mill-JTF jikkontribwixxu direttament biex itaffu l-impatt tat-tranżizzjoni billi jtaffu r-riperkussjonijiet negattivi fuq l-impjiegi u billi jiffinanzjaw id-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija lokali. L-għan speċifiku uniku tal-JTF huwa stabbilit fl-istess livell u elenkat flimkien mal-objettivi tal-politika stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(6)

Filwaqt li jirrifletti l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir sostenibbli u l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-JTF huwa maħsub biex jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika u tas-sostenibbiltà ambjentali u għall-kisba tal-mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni li tappoġġa objettivi klimatiċi u għall-ambizzjoni li 7.5 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u l-2027, filwaqt li jitqiesu is-sovrappożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet fil-qasam tal-klima u tal-bijodiversità. Ir-riżorsi mill-pakkett proprju tal-JTF huma addizzjonali għall-investimenti li huma meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-objettivi dwar il-klima. Dawk ir-riżorsi jenħtieġ li jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-kisba ta’ din il-mira flimkien mar-riżorsi trasferiti fuq bażi volontarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-JTF jappoġġja attivitajiet li jirrispettaw l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u li ma jagħmlu l-ebda ħsara sinifikanti għall-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u li jiżguraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fil-perkors lejn il-kisba ta’ Unjoni newtrali għall-klima sal-2050.

(7)

Jenħtieġ li r-riżorsi mill-JTF jissupplimentaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-politika ta’ koeżjoni.

(8)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tippreżenta sfida lill-Istati Membri kollha. Dan ser ikun b’mod partikolari eżiġenti fuq dawk l-Istati Membri li jiddependu, jew li sa ftit ilu kienu jiddependu, ħafna mill-fjuwils fossili jew minn attivitajiet industrijali b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra li ser jiġu eliminati b’mod gradwali jew li għandhom bżonn jadattaw għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu dan. Għaldaqstant il-JTF jenħtieġ li jkopri l-Istati Membri kollha, iżda d-distribuzzjoni tal-mezzi finanzjarji tiegħu jenħtieġ li tiffoka fuq dawk it-territorji li huma l-aktar milquta mill-proċess tat-tranżizzjoni klimatika, u tali distribuzzjoni jenħtieġ li tirrifletti l-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw l-investimenti neċessarji biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima.

(9)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (ir-“Regolament Finanzjarju”) u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, premji, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati skont l-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(10)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tar-riżorsi tal-JTF, jenħtieġ li l-aċċess għall-JTF ikun limitat għal 50 % tal-allokazzjoni nazzjonali għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma impenjawx ruħhom li jimplimentaw l-objettiv, f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li l-50 % l-oħra jsiru disponibbli għall-programmazzjoni mal-aċċettazzjoni ta’ tali impenn. Sabiex jiġu żgurati l-ekwità u t-trattament ugwali tal-Istati Membri, fejn Stat Membru ma jkunx impenja ruħu li jimplimenta l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, sal-31 ta’ Diċembru fi kwalunkwe sena li tibda mill-2022, jenħtieġ li l-impenn baġitarju għas-sena preċedenti jiġi diżimpenjat fl-intier tiegħu s-sena ta’ wara.

(11)

F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (11) u fil-limiti tar-riżorsi allokati fih, il-miżuri għall-irkupru u r-reżiljenza taħt il-JTF jenħtieġ li jittieħdu biex jindirizzaw l-impatt bla preċedent tal-kriżi tal-COVID-19. Dawn ir-riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jintużaw b’mod li jiżguraw konformità mal-limiti ta’ żmien previsti f’dak ir-Regolament.

(12)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidentifika t-tipi ta’ investimenti li għalihom ikun permess l-appoġġ għan-nefqa mill-JTF. Jenħtieġ li l-attivitajiet kollha li jirċievu sostenn ikollhom segwitu b’rispett sħiħ tal-impenji u l-prijoritajiet klimatiċi, ambjentali u soċjali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-lista ta’ investimenti tinkludi dawk li jappoġġjaw l-ekonomiji lokali billi jistimulaw il-potenzjal ta’ tkabbir endoġenu tagħhom f’konformità mal-istrateġiji rispettivi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, inkluż it-turiżmu sostenibbli fejn xieraq. L-investimenti jeħtieġ li jkunu sostenibbli fit-tul, filwaqt li jitqiesu l-objettivi kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Jenħtieġ li l-proġetti ffinanzjati jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u ċirkolari, inkluż miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-effiċjenza fir-riżorsi Jenħtieġ li l-inċinerazzjoni tal-iskart ma tirċevix appoġġ minħabba li din l-attività tappartjeni għall-parti inferjuri tal-ġerarkija tal-iskart fl-ekonomija ċirkolari. Jenħtieġ li s-servizzi ta’ konsulenza li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ miżuri appoġġati mill-JTF ikunu eliġibbli. Ir-rinaturazzjoni tas-siti, l-iżvilupp tal-infrastruttura ekoloġika u l-ġestjoni tal-ilma jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu appoġġati bħala parti minn proġett ta’ restawr tal-art. Meta jappoġġja miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, il-JTF jenħtieġ li jkun jista’ jappoġġja investimenti bħal dawk li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku, prinċipalment permezz ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-akkomodazzjoni. Il-JTF jenħtieġ li jkun jista’ jappoġġja wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ ħżin innovattivi.

(13)

Biex jiġu protetti ċ-ċittadini li huma l-aktar vulnerabbli għat-tranżizzjoni klimatika, jenħtieġ li l-JTF ikopri wkoll it-titjib tal-ħiliet u l-ksib ta’ ħiliet ġodda, inkluż it-taħriġ, tal-ħaddiema milquta, irrispettivament jekk għadhomx impjegati jew jekk ikunux tilfu l-impjieg tagħhom minħabba t-tranżizzjoni. Jenħtieġ li l-JTF ikollu l-għan li jgħinhom jadattaw għal opportunitajiet ġodda ta’ impjieg. Jenħtieġ li l-JTF jipprovdi wkoll kwalunkwe forma xierqa ta’ appoġġ lil dawk li qed ifittxu impjieg, inkluż assistenza fit-tiftix ta’ impjieg u l-inklużjoni attiva tagħhom fis-suq tax-xogħol. Dawk kollha li jfittxu impjieg wara li tilfu l-impjieg tagħhom f’setturi milquta mit-tranżizzjoni f’reġjun kopert mill-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu appoġġati mill-JTF anki jekk il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja ma jkunux residenti f’dak ir-reġjun. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa liċ-ċittadini f’riskju ta’ faqar enerġetiku, b’mod partikolari meta jiġu implimentati miżuri ta’ effiċjenza enerġetika għal kondizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali mtejba.

(14)

Jenħtieġ li jkun permess appoġġ għall-attivitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll l-appoġġ għall-infrastruttura soċjali għall-finijiet tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal u tal-anzjani u fiċ-ċentri ta’ taħriġ, dment li dawn l-attivitajiet ikunu ġustifikati b’mod xieraq fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta. Għall-kura tal-anzjani, il-prinċipju tal-promozzjoni tal-kura bbażata fil-komunità jenħtieġ jiġi ppreservat. Is-servizzi soċjali u pubbliċi f’dawk l-oqsma jistgħu jikkompletaw it-taħlita ta’ investiment. L-appoġġ kollu f’dawk l-oqsma jeħtieġ li jirrikjedi ġustifikazzjoni xierqa fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta u jenħtieġ li jsegwi l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(15)

Biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika u r-rwol tan-nisa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, jenħtieġ li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-intraprenditorija, kif ukoll paga ugwali, għandhom rwol importanti biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li l-JTF jagħti wkoll attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli li jbatu b’mod sproporzjonat mill-effetti negattivi tat-tranżizzjoni, bħal ħaddiema b’diżabilità. L-identità tal-komunitajiet tal-minjieri jeħtieġ li tiġi ppreservata u l-kontinwità tal-komunitajiet tal-passat u tal-futur jeħtieġ li tiġi salvagwardata. Dan jinvolvi li tingħata attenzjoni speċjali lill-wirt tal-minjieri tanġibbli u mhux tanġibbli tagħhom, inkluż il-kultura tagħhom.

(16)

Sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni ekonomika tat-territorji milquta mit-tranżizzjoni, jenħtieġ li l-JTF jipprovdi appoġġ lill-intrapriżi u l-partijiet ekonomiċi ikkonċernati, inkluż permezz ta’ appoġġ għal investimenti produttivi fl-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (12) (SMEs). Investimenti produttivi jenħtieġ li jkunu jinftiehmu bħala investiment f’kapital fiss jew f’assi immaterjali ta’ intrapriżi bil-ħsieb li jiġu prodotti oġġetti u servizzi, u b’hekk jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ kapital gross u għall-impjiegi. Għal intrapriżi li mhumiex SMEs, jenħtieġ li l-investimenti produttivi jiġu appoġġati biss jekk ikunu meħtieġa biex itaffu t-telf ta’ impjiegi li jirriżulta mit-tranżizzjoni, billi joħolqu jew jipproteġu għadd sinifikanti ta’ impjiegi, u ma jwasslux għal rilokazzjoni jew jirriżultaw minnha. Jenħtieġ li jitħallew isiru investimenti f’faċilitajiet industrijali eżistenti, inklużi dawk koperti mill-Iskema tal-Unjoni għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, jekk jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050 u jmorru sew taħt il-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u jekk jirriżultaw fil-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi. Kwalunkwe investiment bħal dan jenħtieġ li jiġi ġġustifikat skont il-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta rilevanti. Sabiex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u l-politika ta’ koeżjoni, l-appoġġ lill-impriżi jenħtieġ li jkun konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kif stipulat fl-Artikoli 107 u 108 TFUE u, b’mod partikolari, l-appoġġ għal investimenti produttivi f’intrapriżi għajr l-SMEs jeħtieġ li jkunu limitati għal intrapriżi li jinsabu f’żoni nnominati bħala żoni megħjuna għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 107(3) TFUE.

(17)

Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jenħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programmi appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE+ jew mill-Fond ta’ Koeżjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2021/1060, ir-riżorsi tal-JTF jistgħu jissaħħu fuq bażi volontarja b’finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. F’tali każ, l-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE+ jenħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta’ operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta.

(18)

Jenħtieġ li l-appoġġ tal-JTF ikun jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ proċess ta’ tranżizzjoni f’territorju speċifiku sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri, fi djalogu soċjali u f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, skont id-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060 dwar is-sħubija, u bl-appoġġ tal-Kummissjoni, iħejju pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta, li jistabbilixxu l-proċess ta’ tranżizzjoni, b’mod konsistenti mal-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li tibni fuq il-pjattaforma eżistenti għar-reġjuni karboniferi fi tranżizzjoni, biex tippermetti li jsiru skambji bilaterali u multilaterali dwar l-esperjenza fit-tagħlimiet miksuba u fl-aħjar prattiki fis-setturi kollha milquta. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-muniċipalitajiet u l-bliet ikunu involuti fl-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-JTF u li jitqiesu l-ħtiġijiet tagħhom f’dak il-kuntest.

(19)

Jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ tranżizzjoni jidentifikaw it-territorji l-aktar milquta ħażin, fejn l-appoġġ tal-JTF jenħtieġ li jkun ikkonċentrat, u jiddeskrivu azzjonijiet speċifiċi li jridu jittieħdu biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, b’mod partikolari fir-rigward tal-konverżjoni jew l-għeluq ta’ faċilitajiet li jinvolvu l-produzzjoni ta’ fjuwils fossili jew attivitajiet b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra. Jenħtieġ li dawk it-territorji jiġu ddefiniti b’mod preċiż u jkunu jikkorrispondu mal-livell 3 tal-klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (“ir-reġjuni tan-NUTS livell 3”), kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew ikunu partijiet minnha. Jenħtieġ li l-pjanijiet jistabbilixxu l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ dawk it-territorji, filwaqt li jqisu r-riskji ta’ depopolazzjoni, u jidentifikaw it-tip ta’ operazzjonijiet meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi fil-livell tal-benefiċjarji tal-pjan u b’mod li jiġi żgurat l-iżvilupp koerenti ta’ attivitajiet ekonomiċi reżiljenti għat-tibdil fil-klima li jkunu wkoll konsistenti mat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima u mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fejn jiġu identifikati territorji bħal dawn, jenħtieġ li tingħata attenzjoni addizzjonali lill-ispeċifiċitajiet tal-gżejjer, iż-żoni insulari kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn il-karatteristiċi ġeografiċi u soċjoekonomiċi jistgħu jirrikjedu approċċ differenti biex jappoġġjaw il-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Huma biss l-investimenti skont il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta li jenħtieġ jirċievu appoġġ finanzjarju mill-JTF. Jenħtieġ li l-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta jkunu parti mill-programmi, appoġġati, skont il-każ, mill-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni jew il-JTF li huma approvati mill-Kummissjoni.

(20)

Sabiex tissaħħaħ l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-użu tar-riżorsi tal-JTF, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, tkun tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ insuffiċjenza serja tal-miri stabbiliti għall-objettiv speċifiku tal-JTF.

(21)

Sabiex jiġi stabbilit qafas finanzjarju xieraq għall-JTF, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistipula t-tqassim annwali tar-riżorsi disponibbli skont l-Istat Membru.

(22)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu appoġġati n-nies, l-ekonomija u l-ambjent tat-territorji li jkunu qed jiffaċċjaw trasformazzjoni ekonomika u soċjali fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija newtrali għall-klima, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba d-disparitajiet fil-livelli ta’ żvilupp tat-territorji differenti u r-ritard ta’ dawk it-territorji li huma anqas favoriti, kif ukoll il-limitu fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u tat-territorji, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-ħtieġa għal qafas ta’ implimentazzjoni koerenti li jkopri diversi fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(23)

Fid-dawl tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament wara l-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi implimentat il-JTF b’mod koordinat u armonizzat, u sabiex ikun jista’ jiġi implimentat fil-pront, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) biex jipprovdi appoġġ lin-nies, l-ekonomiji u l-ambjent tat-territorji li jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi serji li jirriżultaw mill-proċess ta’ tranżizzjoni lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima kif definiti fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050.

Huwa jistabbilixxi l-objettiv speċifiku tal-JTF, il-kopertura ġeografika u r-riżorsi tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tiegħu fir-rigward tal-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ipprogrammar u l-indikaturi meħtieġa għall-monitoraġġ.

Artikolu 2

Għanijiet speċifiċi

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li jippermetti lir-reġjuni u lin-nies jindirizzaw l-impatti soċjali, l-impjiegi, ekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, abbażi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Artikolu 3

Il-kopertura ġeografika u r-riżorsi skont il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir

1.   Il-JTF għandu jappoġġja l-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Istati Membri kollha.

2.   Ir-riżorsi għall-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir li huma disponibbli għall-impenn baġitarju għall-perijodu 2021-2027 għandhom ikunu EUR 7 500 000 000 fi prezzijiet tal-2018 kif stabbilit fil-punt (g) tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

3.   Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiżdiedu, skont il-każ, b’riżorsi addizzjonali allokati fil-baġit tal-Unjoni, u b’riżorsi oħra skont l-att bażiku applikabbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tistipula t-tqassim annwali tar-riżorsi disponibbli, inkluż kwalunkwe riżors addizzjonali msemmi fil-paragrafu 3, skont l-Istat Membru f’konformità mal-allokazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Riżorsi mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2020/2094 għandhom jiġu implimentati skont dan ir-Regolament b’ammont ta’ EUR 10 000 000 000 fi prezzijiet tal-2018 kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060 u soġġett għall-Artikolu3(3), (4), (7) u (9) tar-Regolament (UE) 2020/2094.

Dan l-ammont għandu jitqies bħala riżorsi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament. Kif previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/2094, dan l-ammont għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern għall-fini tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jsir disponibbli għal impenn baġitarju taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir għas-snin 2021 sa 2023, flimkien mar-riżorsi stabbiliti fl-Artikolu 3, kif ġej:

2021: EUR 2 000 000 000;

2022: EUR 4 000 000 000;

2023: EUR 4 000 000 000.

Ammont ta’ EUR 15 600 000 fi prezzijiet tal-2018 għandu jkun disponibbli għan-nefqa amministrattiva mir-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

3.   It-tqassim annwali tal-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-Istati Membri għandu jiġi inkluż fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(4) skont l-allokazzjonijiet stipulati fl-Anness I.

4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli tad-diżimpenn stipulati fil-Kapitolu IV tat-Titolu VII tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandhom japplikaw għall-impenji baġitarji li huma bbażati fuq ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Permezz ta’ deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riżorsi ma għandhomx jintużaw għal programm jew azzjoni suċċessiva.

5.   Il-pagamenti għall-programmi għandhom jiġu assenjati lill-impenn miftuħ l-aktar bikri tal-JTF, billi l-ewwel jibdew bl-impenji mir-riżorsi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sakemm dawn jiġu eżawriti.

Artikolu 5

Mekkaniżmu ta’ Kumpens Ekoloġiku

1.   Fejn, skont l-Artikolu 3(3), ir-riżorsi għall-JTF jiżdiedu qabel il-31 ta’ Diċembru 2024, ir-riżorsi addizzjonali għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri abbażi tal-ishma nazzjonali stabbiliti fl-Anness I.

2.   Fejn, skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament, ir-riżorsi għall-JTF jiżdiedu wara l-31 ta’ Diċembru 2024, ir-riżorsi addizzjonali għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, abbażi tat-tibdil fl-emissjonijiet ta’ gass serra tal-faċilitajiet industrijali tagħhom fil-perijodu mis-sena 2018 sal-aħħar sena li għaliha tkun disponibbli d-data, kif irrapportata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Il-bidla fl-emissjonijiet ta’ gass serra ta’ kull Stat Membru għandha tiġi kkalkulata billi jiġu aggregati l-emissjonijiet ta’ gass serra ta’ dawk ir-reġjuni tan-NUTS livell 3 biss li jkunu ġew identifikati fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament.

L-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għal kull Stat Membru għandha tiġi determinata skont dan li ġej:

(a)

għall-Istati Membri li kisbu tnaqqis fil-missjonijiet tal-gass serra, it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra miksub minn kull Stat Membru għandu jiġi kkalkulat billi l-livell tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-aħħar sena ta’ referenza jiġi espress bħala perċentwal tal-emissjonijiet ta’ gass serra osservati fl-2018; għall-Istati Membri li ma jkunux kisbu tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra, dak il-perċentwal għandu jiġi stabbilit għal 100 %;

(b)

is-sehem finali għal kull Stat Membru għandu jinkiseb billi l-ishma nazzjonali stabbiliti fl-Anness I jiġu diviżi bil-perċentwali li jirriżultaw mill-punt (a); u

(c)

ir-riżultat mill-kalkolu taħt il-punt (b) għandu jiġi riklassifikat sabiex jammonta għal 100 %.

3.   L-Istati Membri għandhom jinkludu r-riżorsi addizzjonali fil-programmi tagħhom u jissottomettu emenda tal-programm skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 6

Allokazzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer

Meta jħejju l-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta tagħhom skont l-Artikolu 11(1), l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari s-sitwazzjoni tal-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi li jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi serji li jirriżultaw mill-proċess ta’ tranżizzjoni lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom kif rikonoxxut fl-Artikoli 174 u 349 TFUE.

Meta jinkludu tali territorji fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta tagħhom, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont speċifiku allokat għal dawk it-territorji bil-ġustifikazzjoni korrispondenti, filwaqt li jqisu l-isfidi speċifiċi ta’ dawk it-territorji.

Artikolu 7

Aċċess kondizzjonali għar-riżorsi

1.   Fejn Stat Membru ma jkunx ħa impenn li jimplimenta l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, 50 % biss tal-allokazzjonijiet annwali għal dak l-Istat Membru stabbiliti f’konformità mal-Artikoli 3(4) u 4(3) għandhom ikunu disponibbli għall-programmazzjoni u inklużi fil-prijoritajiet.

B’deroga mill-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, il-50 % li jifdal tal-allokazzjonijiet annwali ma għandhomx jiġu inklużi fil-prijoritajiet. F’każijiet bħal dawn, il-programmi appoġġati mill-JTF u ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/1060għandhom jinkludu biss 50 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-JTF fit-tabella msemmija fil-punt (g)(ii) tal-Artikolu 22(3) ta’ dak ir-Regolament. It-tabella msemmija fil-punt (g)(i) tal-Artikolu 22(3) ta’ dak ir-Regolament għandha tidentifika separatament l-allokazzjonijiet disponibbli għall-ipprogrammar u dawk l-allokazzjonijiet li ma għandhomx jiġu pprogrammati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tapprova biss programmi li fihom prijorità tal-JTF, jew kwalunkwe emenda għalih, fejn jiġu rispettati r-rekwiżiti stabbiliti fil-parti tal-allokazzjoni pprogrammata skont il-paragrafu 1.

3.   Hekk kif Stat Membru jkun impenja ruħu li jimplimenta l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, huwa jista’ jippreżenta talba għall-emendar ta’ kull programm appoġġat mill-JTF f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u jinkludi l-allokazzjonijiet mhux ipprogrammati li ma ġewx diżimpenjati

4.   L-impenji baġitarji għandhom isiru abbażi tat-tabella msemmija fil-punt (g)(i) tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060. L-impenji relatati mal-allokazzjonijiet mhux ipprogrammati ma għandhomx jintużaw għall-pagamenti u ma għandhomx jiġu inklużi fil-bażi għall-kalkolu tal-prefinanzjament f’konformità mal-Artikolu 90 ta’ dak ir-Regolament sakemm isiru disponibbli għall-programmazzjoni f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

B’deroga mill-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) 2021/1060, fin-nuqqas tal-impenn tal-Istat Membru li jimplimenta l-objettiv li tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima sal-2050 sal-31 ta’ Diċembru ta’ kwalunkwe sena partikolari li tibda mill-2022, l-impenji baġitarji għas-sena preċedenti li huma relatati ma’ allokazzjonijiet mhux ipprogrammati għandhom jiġu diżimpenjati fl-intier tagħhom fis-sena ta’ wara.

Artikolu 8

Ambitu tal-appoġġ

1.   Il-JTF għandu jappoġġja biss attivitajiet li huma direttament marbuta mal-objettiv speċifiku tiegħu kif stipulat fl-Artikolu 2 u li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta stabbiliti skont l-Artikolu 11.

2.   F’konformità mal-paragrafu 1, il-JTF għandu jappoġġja esklużivament l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

investimenti produttivi fl-SMEs, inkluż mikrointrapriżi u negozji ġodda, li jwasslu għal diversifikazzjoni, modernizzazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

(b)

investimenti fil-ħolqien ta’ ditti ġodda, inkluż permezz ta’ inkubaturi tan-negozju u servizzi ta’ konsulenza, li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi;

(c)

investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż mill-universitajiet u organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika, u t-trawwim ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji avvanzati;

(d)

investimenti fl-użu tat-teknoloġija kif ukoll f’sistemi u infrastrutturi għal enerġija nadifa affordabbli, inkluż teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija, u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

(e)

investimenti fl-enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), inkluż il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fiha, u fl-effiċjenza enerġetika, inkluż għall-finijiet tat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku;

(f)

investimenti f’mobbiltà lokali intelliġenti u sostenibbli, inkluż id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport lokali u l-infrastruttura tiegħu;

(g)

ir-riabilitazzjoni u l-aġġornament tan-networks tat-tisħin distrettwali bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tas-sistemi tat-tisħin distrettwali u l-investimenti fil-produzzjoni tas-sħana sakemm l-installazzjonijiet tal-produzzjoni tas-sħana jkunu fornuti esklużivament minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

(h)

investimenti fid-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni diġitali u l-konnettività diġitali;

(i)

investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti abbandunati, restawr tal-art u inkluż, fejn meħtieġ, infrastruttura ekoloġika u proġetti bi skop ġdid, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”;

(j)

investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

(k)

it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u persuni li qed ifittxu impjieg;

(l)

għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg;

(m)

l-inklużjoni attiva ta’ min ikun qed ifittxu impjieg;

(n)

assistenza teknika;

(o)

attivitajiet oħra fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali inkluż, fejn debitament ġustifikat, investimenti f’infrastruttura għall-finijiet ta’ ċentri ta’ taħriġ, faċilitajiet ta’ kura tat-tfal u tal-anzjani kif indikat fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta skont l-Artikolu 11.

Barra minn hekk, il-JTF jista’ jappoġġja, f’żoni magħżula bħala żoni megħjuna għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 107(3) TFUE, investimenti produttivi f’intrapriżi li mhumiex SMEs, sakemm dawn l-investimenti jkunu ġew approvati bħala parti mill-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta bbażat fuq l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (h) tal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament. Tali investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta, fejn jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050 u għall-kisba tal-miri ambjentali relatati, fejn l-appoġġ tagħhom ikun meħtieġ għall-ħolqien tal-impjiegi fit-territorju identifikat, u meta ma jwasslux għal rilokazzjoni kif definit fil-punt (27) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Il-JTF jista’ jappoġġja investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE dment li dawn l-investimenti jkunu ġew approvati bħala parti mill-pjan ta’ tranżizzjoni territorjali bbażat fuq l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (i) tal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawn l-investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta.

Artikolu 9

L-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ

Il-JTF ma għandux jgħin:

(a)

id-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari;

(b)

il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tabakk u prodotti tat-tabakk;

(c)

impriża f’diffikultà, kif definit fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (18), sakemm ma tkunx awtorizzata taħt regoli temporanji dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti biex jindirizzaw ċirkostanzi eċċezzjonali jew taħt għajnuna de minimis b’appoġġ għal investimenti li jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija fil-kuntest tal-proċess ta’ tranżizzjoni tal-enerġija;

(d)

investiment relatat mal-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-ħżin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili.

Artikolu 10

Il-programmazzjoni tar-riżorsi tal-JTF

1.   Ir-riżorsi tal-JTF għandhom jiġu pprogrammati għall-kategoriji tar-reġjuni fejn jinsabu t-territorji kkonċernati, fuq il-bażi ta’ pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta stabbiliti skont l-Artikolu 11 u approvati mill-Kummissjoni bħala parti minn programm jew emenda ta’ programm. Ir-riżorsi pprogrammati għandhom jieħdu l-forma ta’ programm speċifiku wieħed jew aktar jew ta’ prijorità waħda jew aktar fil-kuntest ta’ programmi.

Il-Kummissjoni għandha tapprova programm biss, jew kwalunkwe emenda oħra għalih, fejn l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta’ tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta rilevanti, tkun debitament iġġustifikata u l-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta rilevanti jkun konsistenti mal-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima tal-Istat Membru kkonċernat.

2.   Prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri u r-riżorsi trasferiti skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/1060. It-total tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ ittrasferit lill-JTF ma għandux jaqbeż tliet darbiet l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF għal dik il-prijorità bl-esklużjoni tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   F’konformità mal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-rata ta’ kofinanzjament, applikabbli għar-reġjun fejn jinsabu t-territorju jew it-territorji identifikati fil-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, għall-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF ma għandhiex tkun ogħla minn:

(a)

85 % għal reġjuni anqas żviluppati;

(b)

70 % għal reġjuni fi tranżizzjoni;

(c)

50 % għal reġjuni aktar żviluppati.

Artikolu 11

Il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta

1.   L-Istati Membri għanhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti tat-territorji kkonċernati, pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju wieħed effettwat jew aktar li jikkorrispondu għar-reġjuni tan-NUTS livell 3, jew partijiet minnu, f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness II. Dawk it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin, fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-adattament tal-ħaddiema jew tat-telf mistenni ta’ impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta’ trasformazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni ta’ faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta’ gassijiet serra.

2.   Pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni fil-livell nazzjonali lejn ekonomija newtrali għall-klima, inkluż skeda ta’ żmien tal-passi ta’ tranżizzjoni ewlenin lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050 li huma konsistenti mal-aħħar verżjoni tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima;

(b)

ġustifikazzjoni għall-identifikazzjoni tat-territorji bħala l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta’ tranżizzjoni imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u li għandhom jiġu appoġġati mill-JTF, skont il-paragrafu 1;

(c)

valutazzjoni tal-isfidi ta’ tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji identifikati milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, li tidentifika l-għadd potenzjali ta’ impjiegi milquta u t-telf ta’ impjiegi, ir-riskji ta’ depopolazzjoni, u l-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ żvilupp, li jridu jinkisbu sal-2030 u marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta’ attivitajiet b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra f’dawk it-territorji;

(d)

deskrizzjoni tal-kontribut mistenni tal-appoġġ tal-JTF biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali, demografiċi, ekonomiċi, tas-saħħa u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, inkluż il-kontribut mistenni f’termini ta’ ħolqien u preservazzjoni tal-impjiegi;

(e)

valutazzjoni tal-konsistenza tiegħu ma’ strateġiji u pjanijiet rilevanti nazzjonali, reġjonali jew territorjali oħra;

(f)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ governanza li jikkonsistu fl-arranġamenti ta’ sħubija, il-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ppjanati u l-korpi responsabbli;

(g)

deskrizzjoni tat-tip ta’ operazzjonijiet previsti u l-kontribut mistenni tagħhom biex jittaffa l-impatt tat-tranżizzjoni;

(h)

fejn għandu jingħata appoġġ lil investimenti produttivi f’intrapriżi li mhumiex SMEs, lista indikattiva tal-operazzjonijiet u l-intrapriżi li għandhom jiġu appoġġati u ġustifikazzjoni tan-neċessità ta’ tali appoġġ permezz ta’ analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta’ impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta’ impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

(i)

fejn għandu jingħata appoġġ lill-investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, lista ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati u ġustifikazzjoni li dawn jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jmorru ħafna taħt il-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE u sakemm dawn l-operazzjonijiet ikunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi;

(j)

sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ programmi rilevanti oħra tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ żvilupp identifikati; u

(k)

sinerġiji u komplementarjetajiet mal-appoġġ ippjanat mill-pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

3.   It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta għandhom jinvolvu lill-imsieħba rilevanti f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u, fejn rilevanti, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment.

4.   Il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġiji territorjali rilevanti msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u mal-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti rilevanti, l-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Meta l-aġġornament ta’ pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 ikun jirrikjedi reviżjoni tal-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta, dik ir-reviżjoni għandha titwettaq bħala parti mir-rieżami ta’ terminu medju f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

5.   Meta l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu użu mill-possibbiltà li jirċievu appoġġ taħt il-pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta tagħhom għandhom jistabbilixxu s-setturi u l-oqsma tematiċi previsti li għandhom jiġu appoġġati taħt dawk il-pilastri.

Artikolu 12

Indikaturi

1.   Indikaturi komuni tal-output u tar-riżultat, kif stipulat fl-Anness III u, fejn debitament ġustifikat fil-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta, l-indikaturi tal-output u tar-riżultat speċifiċi għal programm għandhom jintużaw skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1), il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 22(3) u l-punt (b) tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

2.   Għall-indikaturi tal-output, il-linji bażi għandhom ikunu stabbiliti għal żero. It-tragwardi stabbiliti għall-2024 u l-miri stabbiliti għall-2029 għandhom ikunu kumulattivi. Il-miri ma għandhomx jiġu riveduti wara li t-talba għal emenda tal-programm, ippreżentata skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni.

3.   Fejn prijorità JTF tappoġġa l-attivitajiet imsemmija fil-punti (k), (l) jew (m) tal-Artikolu 8(2), id-data tal-indikaturi għall-parteċipanti għandha tiġi trażmessa biss meta tkun disponibbli d-data kollha dwar dak il-parteċipant, meħtieġa f’konformità mal-Anness III.

Artikolu 13

Korrezzjonijiet finanzjarji

Abbażi tal-eżami tar-rapport finali dwar il-prestazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni tista’ tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu104 tar-Regolament (UE) 2021/1060 fejn jinkisbu inqas minn 65 % tal-mira stabbilita għal indikatur, wieħed jew aktar, tal-output.

Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu proporzjonati mal-kisbiet u ma għandhomx jiġu applikati meta n-nuqqas li jintlaħqu l-miri jkun dovut għall-impatt ta’ fatturi soċjoekonomiċi jew ambjentali, bidliet sinifikanti fil-kondizzjonijiet ekonomiċi jew ambjentali fl-Istat Membru kkonċernat jew minħabba raġunijiet ta’ force majeure li jaffettwaw serjament l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ikkonċernati.

Artikolu 14

Rieżami

Sat-30 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-implimentazzjoni tal-JTF fir-rigward tal-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 2, filwaqt li tqis il-bidliet possibbli fir-Regolament (UE) 2020/852 u, l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni stabbiliti f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“Liġi Ewropea dwar il-Klima”), u l-evoluzzjoni fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jista’ jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 290, 1.9.2020, p. 1.

(2)  ĠU C 311, 18.9.2020, p. 55 u ĠU C 429, 11.12.2020, p. 240.

(3)  ĠU C 324, 1.10.2020, p. 74.

(4)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2021.

(5)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ara l-paġna 159 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni (ara l-paġna 60 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ara l-paġna 21 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(13)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).


ANNESS I

ALLOKAZZJONIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

 

Allokazzjonijiet mill-Istrument għall-Irkupru tal-Unjoni Ewropea

Allokazzjonijiet mir-riżorsi tal-QFP

Allokazzjonijiet totali

Sehem l-Istati Membri mit-total

Il-Belġju

95

71

166

0,95  %

Il-Bulgarija

673

505

1 178

6,73  %

Iċ-Ċekja

853

640

1 493

8,53  %

Id-Danimarka

46

35

81

0,46  %

Il-Ġermanja

1 288

966

2 254

12,88  %

L-Estonja

184

138

322

1,84  %

L-Irlanda

44

33

77

0,44  %

Il-Greċja

431

324

755

4,31  %

Spanja

452

339

790

4,52  %

Franza

535

402

937

5,35  %

Il-Kroazja

97

72

169

0,97  %

L-Italja

535

401

937

5,35  %

Ċipru

53

39

92

0,53  %

Il-Latvja

100

75

174

1,00  %

Il-Litwanja

142

107

249

1,42  %

Il-Lussemburgu

5

4

8

0,05  %

L-Ungerija

136

102

237

1,36  %

Malta

12

9

21

0,12  %

Netherlands

324

243

567

3,24  %

L-Awstrija

71

53

124

0,71  %

Il-Polonja

2 000

1 500

3 500

20,00  %

Il-Portugall

116

87

204

1,16  %

Ir-Rumanija

1 112

834

1 947

11,12  %

Is-Slovenja

134

101

235

1,34  %

Is-Slovakkja

239

179

418

2,39  %

Il-Finlandja

242

182

424

2,42  %

L-Iżvezja

81

61

142

0,81  %

L-UE 27

10 000

7 500

17 500

100,00  %

Allokazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR, fi prezzijiet tal-2018 u qabel tnaqqis għal assistenza teknika u nefqa amministrattiva (it-totali jistgħu ma jaqblux minħabba arrotondamenti ’l fuq jew ’l isfel)


ANNESS II

MUDELL GĦALL-PJANIJIET TERRITORJALI GĦAL TRANŻIZZJONI ĠUSTA

1.   

Ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ tranżizzjoni u l-identifikazzjoni tal-aktar territorji milquta b’mod negattiv fl-Istat Membru

Il-kaxxa tat-test [12000]

Referenza: il-punt (a) tal-Artikolu 11(2)

1.1.

Deskrizzjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni mistenni lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 dwar l-enerġija u l-klima u ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, f’konformità mal-objettivi tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u pjanijiet oħra ta’ tranżizzjoni eżistenti bi skeda ta’ żmien għall-waqfien jew it-tnaqqis tal-attivitajiet bħall-estrazzjoni tal-faħam u tal-linjite jew il-produzzjoni tal-elettriku bil-faħam

Referenza: il-punt (b) tal-Artikolu 11(2)

1.2.

L-identifikazzjoni tat-territorji li mistennija jkunu l-aktar milquta b’mod negattiv u ġustifikazzjoni ta’ din l-għażla bl-istima korrispondenti tal-impatti ekonomiċi u fuq l-impjiegi abbażi tad-deskrizzjoni tat-Taqsima 1.1

Referenza: Artikolu 6

1.3.

L-identifikazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer bi sfidi speċifiċi fit-territorji elenkati fit-Taqsima 1.1 u l-ammonti speċifiċi allokati għal dawk it-territorji b’ġustifikazzjoni korrispondenti

2.   

Valutazzjoni tal-isfidi ta’ tranżizzjoni, għal kull wieħed mit-territorji identifikati

2.1.   

Valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u territorjali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050

Referenza: il-punt (c) tal-Artikolu 11(2)

Il-kaxxa tat-test [12000]

L-identifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u s-setturi industrijali milquta, li tiddistingwi:

setturi li sejrin lura, li huma mistennija jieqfu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attivitajiet tagħhom relatati mat-tranżizzjoni, inkluża skeda ta’ żmien korrispondenti;

it-trasformazzjoni tas-setturi, li mistennija jgħaddu minn trasformazzjoni tal-attivitajiet, il-proċessi u l-outputs tagħhom.

Għal kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ setturi:

it-telf mistenni ta’ impjiegi u l-ħtiġijiet ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid, filwaqt li jitqiesu l-previżjonijiet tal-ħiliet;

il-potenzjal ta’ diversifikazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet ta’ żvilupp.

2.2.   

Il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-iżvilupp sal-2030 bil-ħsieb li tinkiseb ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050

Referenza: il-punt (d) tal-Artikolu 11(2)

Il-kaxxa tat-test [6000]

Il-ħtiġijiet tal-iżvilupp li jindirizza l-isfidi tat-tranżizzjoni;

L-objettivi u r-riżultati mistennija permezz tal-implimentazzjoni tal-prijorità tal-JTF, inkluż il-kontribut mistenni f’termini ta’ ħolqien u preservazzjoni tal-impjiegi.

2.3.   

Il-konsistenza ma’ strateġiji u pjanijiet rilevanti nazzjonali, reġjonali jew territorjali oħra

Referenza: il-punt (e) tal-Artikolu 11(2)

Il-kaxxa tat-test [6000]

Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

Strateġiji territorjali msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2021/...;

Pjanijiet ta’ żvilupp reġjonali jew nazzjonali oħra.

2.4.   

Tipi ta’ operazzjonijiet previsti

Il-kaxxa tat-test [12000]

Referenza: il-punt (g) tal-Artikolu 11(2)

tip ta’ operazzjonijiet previsti u l-kontribut mistenni tagħhom biex jittaffa l-impatt tat-tranżizzjoni

Referenza: il-punt (h) tal-Artikolu 11(2)

Għandha timtela biss jekk jingħata appoġġ lil investimenti produttivi f’intrapriżi minbarra SMEs:

lista indikattiva tal-operazzjonijiet u l-intrapriżi li għandhom jiġi appoġġati u għal kull waħda minnhom ġustifikazzjoni tan-neċessità ta’ tali sostenn permezz ta’ analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta’ impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta’ impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment

Aġġorna jew imla din it-taqsima permezz tar-reviżjoni tal-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta, skont id-deċiżjoni li jiġi pprovdut tali appoġġ.

Referenza: il-punt (i) tal-Artikolu 11(2);

Għandha timtela biss jekk jingħata sostenn lil investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE:

lista ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati u ġustifikazzjoni li dawn jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jmorru ħafna taħt il-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE u sakemm ikunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi

Aġġorna jew imla din it-taqsima permezz tar-reviżjoni tal-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta, skont id-deċiżjoni li jiġi pprovdut tali appoġġ.

Referenza: il-punt (j) tal-Artikolu 11(2)

sinerġiji u komplementarjetajiet tal-operazzjonijiet previsti ma’ programmi rilevanti oħra tal-Unjoni taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir (appoġġ għall-proċess ta’ tranżizzjoni), strumenti oħra ta’ finanzjament (il-Fond tal-Unjoni għall-Modernizzazzjoni tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet) biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ żvilupp identifikati

Referenza: il-punt (k) tal-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(5)

sinerġiji u komplementarjetajiet mal-appoġġ ippjanat mill-pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta

setturi u oqsma tematiċi previsti li jiġu appoġġati taħt il-pilastri l-oħra

3.   

Mekkaniżmi ta’ governanza

Referenza: il-punt (f) tal-Artikolu 11(2)

Il-kaxxa tat-test [5000]

3.1.   

Sħubija

Arranġamenti għall-involviment ta’ sħab fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta;

L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika

3.2.   

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Miżuri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ppjanati, inklużi indikaturi li jkejlu l-kapaċità tal-pjan li jilħaq l-objettivi tiegħu

3.3.   

Korp/korpi ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ

Korp jew korpi responsabbli għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan u r-rwol tagħhom

4.   

Indikaturi tal-output jew tar-riżultat speċifiċi għal programm

Referenza: Artikolu 12(1)

Għandha timtela biss jekk ikunu previsti indikaturi speċifiċi għal programm:

ġustifikazzjoni għall-ħtieġa ta’ indikaturi tal-output jew tar-riżultat speċifiċi għal programm ibbażati fuq it-tipi ta’ operazzjonijiet previsti

Tabella 1.

Indikaturi tal-output

L-objettiv speċifiku

ID [5]

Indikatur [255]

Unità tal-kejl

Stadju importanti (2024)

Mira (2029)

 

 

 

 

 

 

Tabella 2.

Indikaturi tar-riżultati

L-objettiv speċifiku

ID [5]

Indikatur [255]

Unità tal-kejl

Xenarju bażi jew valur referenzjarju

Sena ta’ referenza

Mira (2029)

Sors tad-data [200]

Kummenti [200]

 

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS III

INDIKATURI KOMUNI TAL-OUTPUT U INDIKATURI KOMUNI TAR-RIŻULTATI GĦALL-FOND GĦAL TRANŻIZZJONI ĠUSTA (1)

Indikaturi Komuni tal-Output REGIO (RCO) u Indikaturi Komuni tar-Riżultati REGIO (RCR)

Outputs

Riżultati

RCO 01 — Intrapriżi appoġġati (li minnhom mikro, żgħar, medji, kbar)  (*1)

RCO 02 — Intrapriżi appoġġati b’għotjiet

RCO 03 — Intrapriżi appoġġati minn strumenti finanzjarji

RCO 04 — Intrapriżi b’appoġġ mhux finanzjarju

RCO 05 — Intrapriżi ġodda appoġġati

RCO 07 — Organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jipparteċipaw fi proġetti konġunti ta’ riċerka

RCO 10 — Intrapriżi li jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka

RCO 121 — L-impriżi b’appoġġ biex jiksbu t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE

RCR01 — Impjiegi maħluqa f’entitajiet appoġġati

RCR 102 — Impjiegi ta’ riċerka maħluqa f’entitajiet appoġġati

RCR 02 — Investimenti privati li jikkorrispondu għall-appoġġ pubbliku (li minnhom: għotjiet, strumenti finanzjarji)  (*1)

RCR 03 — Intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li jintroduċu innovazzjoni tal-prodotti jew tal-proċessi

RCR 04 — SMEs li jintroduċu innovazzjoni fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-organizzazzjoni

RCR 05 — SMEs li jinnovaw internament

RCR 06 — Applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati

RCR 29a — Emissjonijiet tal-gassijiet serra stmati minn attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE f’intrapriżi appoġġati

RCO 13 — Valur ta’ servizzi, prodotti u proċessi diġitali żviluppati għall-intrapriżi

RCR 11 — Utenti ta’ servizzi, prodotti u proċessi diġitali pubbliċi ġodda u aġġornati

RCR 12 — Utenti ta’ servizzi, prodotti u proċessi diġitali ġodda u aġġornati żviluppati mill-intrapriżi

RCO 15 — Kapaċità tal-inkubazzjoni maħluqa

RCR 17 — Intrapriżi ġodda li jibqgħu jeżistu fis-suq

RCR 18 — SMEs li jużaw servizzi ta’ inkubatur wara l-ħolqien tal-inkubatur

RCO 101 — SMEs li jinvestu f’ħiliet għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, għal tranżizzjoni industrijali u imprenditorija

RCR 97 — Apprendistati appoġġati fl-SMEs

RCR 98 — Persunal tal-SMEs li jlestu taħriġ għall-ħiliet għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, għal tranżizzjoni industrijali u imprenditorija (skont it-tip ta’ ħiliet: teknika, tmexxija, imprenditorija, ekoloġika, oħrajn) (*1)

RCO 18 — Abitazzjonijiet bi prestazzjoni mtejba fl-użu tal-enerġija

RCO 19 — Bini pubbliku bi prestazzjoni mtejba fl-użu tal-enerġija

RCO 20 — Linji tan-network għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali mibnija ġodda jew imtejba

RCO 104 — Għadd ta’ unitajiet ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja

RCR 26 — Konsum tal-enerġija primarja annwali (li minnu: abitazzjonijiet, binjiet pubbliċi, intrapriżi, oħrajn) (*1)

RCR 29 — Emissjonijiet tal-gassijiet serra stmati

RCO 22 — Kapaċità tal-produzzjoni addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli (li minnha: elettrika, termali) (*1)

RCR 31 — Enerġija rinnovabbli totali prodotta (li minnha: elettrika, termali) (*1)

RCR 32 — Kapaċità operattiva addizzjonali installata għall-enerġija rinnovabbli

RCO 34 — Kapaċità addizzjonali għar-riċiklaġġ tal-iskart

RCO 107 — Investimenti f’faċilitajiet għal ġbir ta’ skart separat

RCO 119 — Skart imħejji għall-użu mill-ġdid

RCR 47 — Skart riċiklat

RCR 48 — Skart użat bħala materja prima

RCO 36 — Infrastruttura ekoloġika appoġġata għal skopijiet oħra minbarra l-adattament għat-tibdil fil-klima

RCO 38 — Superfiċje ta’ art riabilitata appoġġata

RCO 39 — Żona koperta minn sistemi ta’ monitoraġġ tat-tniġġis tal-arja installati

RCR 50 — Għadd totali ta’ persuni li jibbenefikaw minn miżuri għall-kwalità tal-arja (*2)

RCR 52 — Art riabilitata użata għal żoni ekoloġiċi, akkomodazzjoni soċjali, użi ekonomiċi jew oħrajn

RCO 55 — Tul tal-linji tat-tram u tal-metro ġodda

RCO 56 — Tul tal-linji tat-tram u tal-metro mibnija mill-ġdid jew modernizzati

RCO 57 — Kapaċità ta’ vetturi ferrovjarji li jirrispettaw l-ambjent għat-trasport kollettiv pubbliku

RCO 58 — Infrastruttura ddedikata għaċ-ċikliżmu appoġġata

RCO 60 — Bliet kbar u żgħar b’sistemi ġodda jew modernizzati tat-trasport urban diġitalizzat

RCR 62 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ trasport pubbliku ġdid jew modernizzat

RCR 63 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ linji tat-tram u tal-metro ġodda jew modernizzati

RCR 64 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ infrastruttura ddedikata għar-roti

RCO 61 — Superfiċje ta’ faċilitajiet ġodda jew modernizzati għas-servizzi tal-impjieg

RCR 65 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ faċilitajiet ġodda jew modernizzati għas-servizzi tal-impjieg

RCO 66 — Kapaċità fil-klassijiet ta’ faċilitajiet ġodda jew modernizzati ta’ kura tat-tfal

RCO 67 — Kapaċità fil-klassijiet ta’ faċilitajiet edukattivi ġodda jew modernizzati

RCR 70 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ faċilitajiet ġodda jew modernizzati tal-indukrar tat-tfal

RCR 71 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ faċilitajiet edukattivi ġodda jew modernizzati

RCO 113 — Popolazzjoni koperta minn proġetti fil-qafas ta’ azzjonijiet integrati għall-inklużjoni soċjoekonomika ta’ komunitajiet emarġinati, familji bi dħul baxx u gruppi żvantaġġati (*2)

 

RCO 69 — Kapaċità tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa ġodda jew modernizzati

RCO 70 — Kapaċità tal-faċilitajiet tal-kura soċjali ġodda jew modernizzati (minbarra l-akkomodazzjoni)

RCR 72 — Għadd ta’ utenti annwali tas-servizzi elettroniċi tal-kura tas-saħħa ġodda jew modernizzati

RCR 73 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa ġodda jew modernizzati

RCR 74 — Għadd ta’ utenti annwali ta’ faċilitajiet tal-kura soċjali ġodda jew modernizzati

Indikaturi Komuni tal-Output Immedjat (EECO) u Indikaturi Komuni tar-Riżultati Immedjati (EECR) għall-parteċipanti (2) ,  (3)

Outputs

Riżultati

EECO 01 — persuni qiegħda, inkluż dawk qiegħda fit-tul (*2)

EECO 02 — persuni qiegħda fit-tul  (*2)

EECO 03 — persuni inattivi  (*2)

EECO 04 — impjegati, inkluż dawk b’impjieg indipendenti  (*2)

EECO 05 — għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena  (*2)

EECO 06 — għadd ta’ żgħażagħ bejn it-18 u d-29 sena  (*2)

EECO 07 — għadd ta’ parteċipanti ta’ 55 sena jew aktar  (*2)

EECO 08 — persuni b’edukazzjoni sekondarja baxxa jew inqas (ISCED 0-2)  (*2)

EECO 09 — persuni b’edukazzjoni sekondarja għolja (ISCED 3) jew edukazzjoni postsekondarja (ISCED 4) (*2)

EECO 10 — persuni b’edukazzjoni terzjarja (ISCED 5 sa 8) (*2)

EECO 11 — għadd totali ta’ parteċipanti (4)

EECR 01 — parteċipanti li jfittxu impjieg meta jitilqu  (*2)

EECR 02 — parteċipanti li qed jirċievu edukazzjoni jew taħriġ meta jitilqu  (*2)

EECR 03 — parteċipanti li jiksbu kwalifika meta jitilqu  (*2)

EECR 04 — parteċipanti b’impjieg, inkluż dawk b’impjieg indipendenti, meta jitilqu  (*2)


(1)  Għal raġunijiet ta’ preżentazzjoni, l-indikaturi huma raggruppati biex jipprevedu tqabbil aħjar mal-indikaturi inklużi f’Regolamenti oħra speċifiċi għall-Fond.

(*1)  It-tqassim mhux mitlub għall-programmazzjoni iżda għar-rapportar biss.

(*2)  Id-data rrapportata hija data personali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(2)  Iridu jiġu rrapportati l-indikaturi kollha tal-output u tar-riżultati relatati mal-parteċipanti.

(3)  Id-data personali għandha tinqasam skont il-ġeneru (nisa, irġiel, persuni mhux binarji, skont il-liġi nazzjonali).

Jekk xi riżultati ma jkunux possibbli, id-data għal dawk ir-riżultati ma għandhiex għalfejn tinġabar jew tiġi rrapportata.

Fejn xieraq, indikaturi komuni tal-output jistgħu jiġu rrapportati abbażi tal-grupp fil-mira tal-operazzjoni.

Fejn id-data tinġabar minn reġistri jew minn sorsi ekwivalenti, l-Istati Membri jistgħu jużaw definizzjonijiet nazzjonali.

(4)  Dan l-indikatur għandu jiġi kkalkulat awtomatikament abbażi tal-indikaturi komuni tal-output relatati mal-istatus tal-impjieg.


Top