This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R1139
Regulation (EU) 2016/1139 of the European Parliament and of the Council of 6 July 2016 establishing a multiannual plan for the stocks of cod, herring and sprat in the Baltic Sea and the fisheries exploiting those stocks, amending Council Regulation (EC) No 2187/2005 and repealing Council Regulation (EC) No 1098/2007
Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/07/2024
15.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/1 |
REGOLAMENT (UE) 2016/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-6 ta' Lulju 2016
li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (3), li fiha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta' konservazzjoni, inkluż iż-żamma jew l-irkupru tal-popolazzjonijiet ta' speċijiet maqbuda f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). |
(2) |
Fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jaġixxu kontra t-tnaqqis kontinwu ta' bosta stokkijiet ta' ħut. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu adattati r-rati ta' sfruttar tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku sabiex jiġi żgurat li l-isfruttar ta' dawk l-istokkijiet jerġgħu jinġabu u jinżammu 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY. |
(3) |
Il-politika komuni tas-sajd (PKS) għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marittimu, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment, u b'mod partikolari għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi r-regoli tal-PKS b'mod konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. L-objettivi tal-PKS huma, inter alia, li jkun żgurat li s-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli għat-terminu twil ta' żmien, li jiġi applikat l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. |
(5) |
Parir xjentifiku mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) indika li l-isfruttament ta' xi wħud mill-istokkijiet tal-bakkaljaw, il-laċċ ikħal u l-aringi jaqbeż dak meħtieġ biex jinkiseb l-MSY. |
(6) |
Pjan ta' ġestjoni għall-istokkijiet tal-bakkaljaw ilu jopera mid-dħul fis-seħħ fl-2007 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (6) iżda l-istokkijiet tal-aringi u l-laċċ ikħal għadhom mhumiex soġġetti għal pjanijiet simili. Peress li jeżistu interazzjonijiet bijoloġiċi qawwijin bejn l-istokkijiet tal-bakkaljaw u dawk pelaġiċi, id-daqs tal-istokk tal-bakkaljaw jista' jaffettwa dak tal-istokkijiet tal-aringi u tal-laċċ ikħal u viċi versa. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-partijiet interessati esprimew appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni għall-istokkijiet ewlenin tal-Baltiku. |
(7) |
Il-pjan pluriennali stabbilit permezz ta' dan ir-Regolament (“il-pjan”), skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ibbażat fuq parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku u jkun fih objettivi, miri kwantifikabbli bi skadenzi ċari, punti ta' referenza għall-konservazzjoni u miżuri ta' salvagwardja. |
(8) |
Huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan tas-sajd għal diversi speċijiet li jqis id-dinamiki bejn l-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal, u li jikkunsidra wkoll l-ispeċijiet tal-qabdiet inċidentali tas-sajd għal dawk l-istokkijiet, jiġifieri l-istokkijiet tal-Baltiku tal-barbun tat-tbajja', tal-barbun, tal-barbun imperjali u tal-barbun lixx. |
(9) |
L-għan tal-pjan għandu jkun li jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-PKS, speċjalment il-ksib u ż-żamma tal-MSY għall-istokkijiet ikkonċernati. |
(10) |
Barra minn hekk, minħabba li l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 daħħal obbligu tal-iżbark, inkluż għall-qabdiet kollha tal-ispeċijiet, li huma soġġetti għal-limiti tal-qbid, il-pjan għandu wkoll jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark għall-bakkaljaw, l-aringi, il-laċċ ikħal u l-barbun tat-tbajja'. |
(11) |
B'konformità mal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema u b'żieda mad-deskrittur relatat mas-sajd tad-Direttiva 2008/56/KE, id-deskritturi 1, 4 u 6 huma relevanti għall-ġestjoni tas-sajd. |
(12) |
L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jitlob li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu ffissati skont il-miri stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali. |
(13) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-mortalità mis-sajd fil-mira (F) li tikkorrispondi għall-objettiv li jintlaħaq u jinżamm l-MSY bħala meded ta' valuri li huma konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli (FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq parir xjentifiku, huma meħtieġa sabiex jipprovdu flessibilità biex jieħdu kont tal-iżviluppi fil-parir xjentifiku, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' żbark u biex jieħdu kont tal-karatteristiċi tas-sajd imħallat. Il-meded FMSY ġew ikkalkulati mill-ICES abbażi ta' numru ta' kunsiderazzjonijiet. Il-meded huma derivati sabiex jagħtu mhux iktar minn tnaqqis ta' 5 % fir-rendiment fit-tul meta mqabbel mal-MSY. Il-limitu superjuri tal-medda hija limitata, sabiex il-probabilità li l-istokk jaqa' taħt il-limitu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) ma tkunx aktar minn 5 %. Dak il-limitu superjuri jikkonforma wkoll mal-hekk imsejħa regola rakkomandata tal-ICES, li tindika li meta l-bijomassa riproduttiva tal-istokk tkun inqas mil-livell minimu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (MSY Btrigger), F għandu jitnaqqas għal valur li ma jaqbiżx limitu massimu ugwali għall-valur tal-punt FMSY immultiplikat bil-bijomassa riproduttiva tal-istokk fis-sena tat-TAC, diviż bl-MSY Btrigger. L-ICES juża dawk il-kunsiderazzjonijiet u r-regola rakkomandata meta jipprovdi pariri xjentifiċi dwar il-mortalità mis-sajd u l-għażliet ta' qbid. |
(14) |
Għall-finijiet tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd, għandu jkun hemm limitu massimu superjuri għall-meded tal-FMSY fl-użu normali u, sakemm l-istokk ikkonċernat jitqies li jkun fi stat tajjeb ('il fuq mill-MSY Btrigger), limitu superjuri għal ċerti każijiet. Għandu jkun possibbli biss li jiġu ffissati opportunitajiet tas-sajd sal-limitu massimu jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza xjentifika, ikun meħtieġ għall-ksib tal-objettivi stabbiliti f' dan ir-Regolament fis-sajd imħallat, jew meħtieġ sabiex jiġi evitat id-dannu lil stokk ikkawżat minn dinamiċi fl-istokkijiet ta' speċijiet imħalltin bejniethom u ma' speċijiet oħra, jew sabiex jiġu llimitati l-varjazzjonijiet minn sena għal oħra fl-opportunitajiet tas-sajd. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-limitu superjuri, jeħtieġ li jitfakkru l-objettivi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li r-rata ta' sfruttament tal-MSY għandha tintlaħaq fi kwalunkwe każ sal-2020. |
(15) |
Għal stokkijiet li għalihom huma disponibbli, u għall-fini tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti punti ta' referenza għall-konservazzjoni espressi bħala MSY Btrigger u Blim. Għandhom jiġu previsti miżuri xierqa ta' salvagwardja fil-każ li d-daqs tal-istokk jaqa' taħt tali livelli kritiċi tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk. |
(16) |
Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jinkludu t-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni meta l-parir xjentifiku jindika li xi stokk ikun mhedded. Dawk il-miżuri għandhom jiġu ssupplimentati bil-miżuri xierqa l-oħra kollha. |
(17) |
Għall-istokkijiet li għalihom il-punti ta' referenza ma jkunux disponibbli, għandu japplika l-approċċ prekawzjonarju. |
(18) |
Meta l-Kummissjoni tissottometti proposta għall-emenda tal-Annessi għal dan ir-Regolament, huwa importanti għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistinkaw biex jiżguraw l-adozzjoni rapida tagħhom. |
(19) |
Fil-każ ta' stokkijiet meħuda bħala qabdiet inċidentali, fin-nuqqas ta' parir xjentifiku dwar il-livelli ta' bijomassa minima ta' riproduzzjoni tat-tali stokkijiet, għandhom jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni speċifiċi meta parir xjentifiku jindika li miżuri ta' rimedju huma meħtieġa. |
(20) |
Sabiex jiġi implimentat l-obbligu tal-iżbark stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjan għandu jipprevedi miżuri addizzjonali ta' ġestjoni. Tali miżuri għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' atti delegati. |
(21) |
Il-pjan għandu jipprevedi wkoll ċerti miżuri tekniċi ta' akkumpanjament biex jiġu adottati, permezz ta' atti delegati, sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-pjan, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' ħut riproduttiv u ħut żgħir jew biex titjieb is-selettività. |
(22) |
Sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku u xjentifiku fil-ħin u b'mod proporzjonat u sabiex tiġi żgurata l-flessibilità u tiġi permessal-evoluzzjoni ta' ċerti miżuri, is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' miżuri ta' rimedju li jikkonċernaw il-barbun tat-tbajja', il-barbun, il-barbun imperjali u l-barbun lixx, l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark u l-miżuri tekniċi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għall-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti ddelegati. |
(23) |
Għandha tiġi stabbilita l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri kkonċernati, kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(24) |
Bil-għan li tiġi żgurata konformità mal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi ta' kontroll biex jikkumplimentaw dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8). |
(25) |
Filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-Baħar Baltiku huwa żona tas-sajd relattivament żgħira fejn bastimenti prinċipalment żgħar iwettqu vjaġġi qosra tas-sajd, l-użu ta' notifika minn qabel, kif meħtieġ taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandu jiġi estiż biex ikopri l-bastimenti tas-sajd kollha ta' tul totali ta' tmien metri jew aktar, u n-notifiki minn qabel għandhom jiġu sottomessi tal-inqas siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port. Madankollu, meta jitqies l-effett limitat ta' vjaġġi tas-sajd li jinvolvu kwantitajiet żgħar ħafna ta' ħut fuq l-istokkijiet ikkonċernati u l-piż amministrattiv ta' notifiki minn qabel relatati ma' tali vjaġġi tas-sajd, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell għal tali notifiki minn qabel, meta dawk il-bastimenti jżommu abbord mill-inqas 300 kg ta' bakkaljaw jew żewġ tunnellati ta' speċijiet pelaġiċi. |
(26) |
Bl-istess mod, l-użu ta' ġurnali ta' abbord tas-sajd kif meħtieġ taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandu jiġi estiż għall-bastimenti tas-sajd ta' tul totali ta' tmien metri jew aktar. |
(27) |
Huwa wkoll xieraq, fir-rigward ta' bastimenti li jiżbarkaw il-qabdiet tagħhom mħallta, li l-marġni ta' tolleranza fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta' abbord tas-sajd tal-kwantitajiet miżmuma abbord jiġi adattat. |
(28) |
Għandhom jiġu stabbiliti limiti għall-qabdiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal, li bastiment tas-sajd hu meħtieġ li jiżbarka f'port speċifikat jew f'post viċin il-kosta, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Barra minn hekk, meta jagħżlu dawk il-portijiet jew postijiet qrib ix-xatt, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 43(5) ta' dak ir-Regolament b'tali mod li jiġi żgurat kontroll effettiv l-iżbark tal-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. |
(29) |
Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni perjodika mill-Kummissjoni tal-adegwatezza u l-effettività tal-pjan. Tali valutazzjoni għandha ssegwi u tkun ibbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-istokkijiet ikkonċernati mwettqa mill-ICES. |
(30) |
Sabiex tingħata ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-miżuri ta' waqfien temporanju li ġew adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-pjan jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli għal appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
(31) |
Fid-dawl tal-miżuri adottati minn dan ir-Regolament, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 (10) għandu jiġi emendat. Huwa meħtieġ li jinżammu r-restrizzjonijiet fuq iż-żoni tas-sajd stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv u l-ħut żgħir. Huwa wkoll meħtieġ li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn il-pjan u r-Regolament (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward ta' miżuri tekniċi u li jiġu stabbiliti proċeduri xierqa għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi fil-kuntest tal-pjanijiet pluriennali. Barra minn hekk, ir-regoli speċifiċi dwar rkaptu li jinżamm abbord minn bastimenti li jistadu għall-bakkaljaw għandhom jitħassru. |
(32) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 għandu jiġi revokat. |
(33) |
L-applikazzjoni tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 (11) ma tiġix affettwata bħala riżultat tal-adozzjoni tal-pjan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet li ġejjin (“l-istokkijiet ikkonċernati”) fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet ikkonċernati:
(a) |
bakkaljaw (Gadus morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent); |
(b) |
bakkaljaw(Gadus morhua) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICE 25-32 (bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant); |
(c) |
aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32 (aringi tal-Baltiku Ċentrali); |
(d) |
aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 28.1 (aringi tal-Golf ta' Riga); |
(e) |
aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 30 (aringi tal-Baħar tal-Botnija); |
(f) |
aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjoni tal-ICES 31 (aringi tal-Bajja tal-Botnija); |
(g) |
aringi (Clupea harengus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-24 (aringi tal-Baltiku tal-Punent); |
(h) |
laċċ ikħal (Sprattus sprattus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 (Laċċa kaħla tal-Baltiku). |
2. Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa), il-barbun (Platichthys flesus), il-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) u l-barbun lixx (Scophthalmus rhombus) fis-Suddiviżjonijiet tal-ICES 22-32 maqbuda meta jsir sajd għall-istokkijiet ikkonċernati.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 japplikaw. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:
(1) |
“stokkijiet pelaġiċi” tfisser l-istokkijiet elenkati fil-punti (c) sa (h) tal-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u kwalunkwe kombinament tagħhom; |
(2) |
“medda tal-FMSY” tfisser medda tal-valuri fejn il-livelli kollha ta' mortalità mis-sajd fil-limiti xjentifikament indikati ta' dik il-medda, f'sitwazzjonijiet ta' sajd imħallat u bi qbil mal-parir xjentifiku, jirriżultaw f'rendimenti massimi sostenibbli (MSY) fuq medda twila ta' żmien bil-kundizzjonijiet ambjentali eżistenti medji mingħajr ma jiġi affettwat b'mod sinifikanti l-proċess ta' riproduzzjoni għall-istokkijiet ikkonċernati; |
(3) |
“MSY Flower” u “MSY Fupper” ifissru l-aktar valur baxx u l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY, rispettivament; |
(4) |
“MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li taħtu għandha tittieħed azzjoni speċifika u xierqa ta' ġestjoni sabiex ikun żgurat li r-rati ta' sfruttar flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jerġgħu jibnu l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu MSY fuq medda twila ta' żmien. |
(5) |
“l-Istati Membri kkonċernati” tfisser l-Istati Membri li jkollhom interess ta' ġestjoni diretta, jiġifieri: id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja. |
KAPITOLU II
OBJETTIVI U MIRI
Artikolu 3
Objettivi
1. Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi japplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin iġib lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.
2. Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tar-rimi, billi jiġu evitati u jitnaqqsu, kemm jista' jkun, il-qabdiet mhux mixtieqa, u għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċi li huma soġġetti għal-limiti tal-qabdiet u li għalihom japplika dan ir-Regolament.
3. Il-pjan jimplimenta l-approċċ abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar jiġu minimizzati. Dan ikun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.
B'mod partikolari, il-pjan għandu l-għan li:
(a) |
jiżgura li l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE jiġu ssodisfati; u |
(b) |
jikkontribwixxi għat-twettiq ta' deskritturi oħra relevanti inklużi fl-Anness I ta' dik id-Direttiva bi proporzjon mar-rwol tas-sajd fl-issodisfar tagħhom. |
4. Il-miżuri taħt il-pjan jittieħdu bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli.
Artikolu 4
Miri
1. Il-mortalità mis-sajd fil-mira tintlaħaq mill-aktar fis possibbli u, fuq bażi progressiva u inkrementali, sal-2020 għall-istokkijiet ikkonċernati, u għandu tinżamm minn dakinhar 'il quddiem fil-meded imniżżla fl-Anness I u b'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
2. Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati skont l-objettivi u l-miri tal-pjan u għandhom jikkonformaw mal-meded ta' mortalità mis-sajd fil-mira stipulati fl-Anness I, kolonna A, ta' dan ir-Regolament.
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu ffissati f'livelli li jikkorrispondu għal livelli aktar baxxi ta' mortalità mis-sajd minn dawk stipulati fl-Anness I, kolonna A.
4. Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont il-meded ta' mortalità mis-sajd stipulati fl-Anness I, kolonna B, sakemm l-istokk ikkonċernat ikun ogħla mil-livell minimu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk stabbiliti fl-Anness II, kolonna A:
(a) |
jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ għall-ksib tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ ta' sajd imħallat; |
(b) |
jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza, ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil stokk ikkawżat minn dinamiċi fl-istokkijiet ta' speċijiet imħalltin bejniethom u ma' speċijiet oħra; jew |
(c) |
sabiex jiġu llimitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi għal mhux aktar minn 20 %. |
L-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu jiġi spjegat b'referenza għal waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu.
5. Meta, skont il-parir xjentifiku, ir-rata tal-MSY tinkiseb għall-istokk ikkonċernat sal-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk jistgħu jiġu ffissati bi qbil mal-paragrafu 4 minn dakinhar 'il quddiem.
6. Meta, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni tqis li l-meded ta' mortalità mis-sajd stipulati fl-Anness I ma jesprimux iżjed b'mod korrett l-objettivi tal-pjan, il-Kummissjoni tista' bħala kwistjoni urġenti, tissottometti proposta għar-reviżjoni ta' dawk il-meded.
7. L-opportunitajiet tas-sajd fi kwalunkwe każ jiġu ffissati b'tali mod li jkun żgurat li jkun hemm anqas minn 5 % probabilità li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk taqa' taħt il-limitu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) stipulat b'mod partikolari fl-Anness II, kolonna B.
KAPITOLU III
PUNT TA' REFERENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI
Artikolu 5
Salvagwardji
1. Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni espressi bħala livelli minimi u limiti ta' bijomassa riproduttiva tal-istokk li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità riproduttiva sħiħa għall-istokkijiet ikkonċernati huma stipulati fl-Anness II.
2. Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernat tkun taħt il-livell minimu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk kif stabbilit fl-Anness II, kolonna A, ta' dan ir-Regolament, jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju xierqa kollha biex ikun żgurat ritorn rapidu tal-istokk ikkonċernat għal-livelli ogħla mil-livell li jista' jipproduċi MSY. B'mod partikolari, b'deroga mill-Artikolu 4(2) u (4) ta' dan ir-Regolament u f'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex jinkisbu tali livelli, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokk ikkonċernat għandhom jiġu ffissati f'livell konsistenti ma' mortalità mis-sajd li jitbaxxa taħt il-medda stipulata fl-Anness I, kolonna B, ta' dan ir-Regolament, b'kunsiderazzjoni tat-tnaqqis fil-bijomassa ta' dak l-istokk.
3. Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati jkun taħt il-limitu tal-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk kif stipulat fl-Anness II, kolonna B, ta' dan ir-Regolament, jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk ikkonċernat għal-livelli ogħla mil-livell li jista' jipproduċi MSY, li jistgħu jinkludu, b'deroga mill-Artikolu 4(2) u (4) ta' dan ir-Regolament u f'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis adegwat tal-opportunitajiet tas-sajd.
4. Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-artikolu jistgħu jinkludu:
(a) |
miżuri tal-Kummissjoni f'każ ta' theddida serja għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, |
(b) |
miżuri ta' emerġenza tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, |
(c) |
miżuri skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament. |
5. L-għażla tal-miżuri msemmija f'dan l-Artikolu ssir bi qbil man-natura, is-serjetà, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa riproduttiva tal-istokk tkun taħt il-livelli msemmija fil-paragrafu 1.
6. Meta, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni tqis li l-punti ta' referenza għall-konservazzjoni stipulati fl-Anness II ma jesprimux iżjed b'mod korrett l-objettivi tal-pjan, il-Kummissjoni tista', bħala kwistjoni ta' urġenza, tissottometti proposta għar-reviżjoni ta' dawk il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni.
KAPITOLU IV
MIŻURI SPEĊIFIĊI TA' KONSERVAZZJONI GĦALL-BARBUN TAT-TBAJJA', IL-BARBUN, IL-BARBUN IMPERJALI U L-BARBUN LIXX
Artikolu 6
Miżuri għall-barbun tat-tbajja', barbun, il-barbun imperjali u l-barbun lixx maqbudin b'mod inċidentali
1. Meta l-parir xjentifiku jindika li jkunu meħtieġa miżuri ta' rimedju biex ikun żgurat li l-istokkijiet tal-Baltiku tal-barbun tat-tbajja', tal-barbun, tal-barbun imperjali jew tal-barbun lixx, li jinqabad b'mod inċidentali waqt is-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati, jiġu ġestiti bi qbil mal-objettivi tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar:
(a) |
il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari d-daqs tax-xibka, id-daqs tas-sunnara, il-bini tal-irkaptu, il-ħxuna tal-ispag, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta' tagħmir ta' selettività, sabiex tkun żgurata jew titjieb is-selettività; |
(b) |
l-użu tal-irkaptu tas-sajd, b'mod partikolari l-ħin ta' immersjoni u l-fond tal-irkaptu użat sabiex tkun żgurata jew titjieb is-selettività; |
(c) |
projbizzjoni jew limitazzjoni fuq is-sajd f'żoni speċifiċi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew ħut żgħir jew il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet ta' ħut mhux fil-mira; |
(d) |
projbizzjoni jew limitazzjoni fuq is-sajd jew l-użu ta' ċerti tipi ta' rkaptu tas-sajd matul perjodi ta' żmien speċifiċi, sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv jew ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-ħut jew speċijiet ta' ħut mhux fil-mira; |
(e) |
daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta' ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar; |
(f) |
karatteristiċi oħra marbuta mas-selettività. |
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.
KAPITOLU V
DIŻPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TAL-IŻBARK
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu tal-iżbark
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-miżuri li ġejjin:
(a) |
eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-obbligu tal-iżbark għal speċijiet li l-evidenza xjentifika għalihom turi rati għolja ta' sopravivenza, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; |
(b) |
eżenzjonijiet de minimis imsemmijin sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; tali eżenzjonijiet de minimis jiġu previsti għall-każijiet imsemmija, u għandhom ikunu f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(c) |
dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet, b'mod partikolari għall-fini ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iżbark; u |
(d) |
l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar. |
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.
KAPITOLU VI
MIŻURI TEKNIĊI
Artikolu 8
Miżuri tekniċi
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-miżuri li ġejjin:
(a) |
speċifikazzjonijiet ta' karatteristiċi ta' rkapti tas-sajd u r-regoli għall-użu tagħhom biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; |
(b) |
speċifikazzjonijiet ta' modifiki jew apparat addizzjonali mal-irkapti tas-sajd biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa jew jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; |
(c) |
limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u dwar l-attivitajiet tas-sajd, f'ċerti żoni jew perjodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv, il-ħut taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew l-ispeċijiet tal-ħut mhux fil-mira, jew sabiex jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; u |
(d) |
l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar. |
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.
KAPITOLU VII
REĠJONALIZZAZZJONI
Artikolu 9
Kooperazzjoni reġjonali
1. L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-21 ta' Lulju 2017 u mbagħad kull 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 15. Huma jistgħu wkoll jissottomettu tali rakkomandazzjonijiet meta jitqies neċessarju mill-Istati Membri kkonċernati, b'mod partikolari fil-każ ta' tibdil f'daqqa fis-sitwazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.
3. L-għoti ta' setgħat mogħtija taħt l-Artikoli 6, 7 u 8 ta' dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħra tal-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk taħt ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
KAPITOLU VIII
KONTROLL U INFURZAR
Artikolu 10
Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009
Il-miżuri ta' kontroll previsti f'dan il-Kapitolu japplikaw flimkien ma' dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn previst mod ieħor f'dan il-Kapitolu.
Artikolu 11
Notifiki minn qabel
1. B'deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-obbligu ta' notifika minn qabel stabbilit f'dak l-Artikolu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ta' tul totali ta' tmien metri jew iżjed li jżommu abbord mill-inqas 300 kg bakkaljaw jew żewġ tunnellati stokkijiet pelaġiċi.
2. B'deroga mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-perjodu ta' notifika minn qabel stabbilit f'dak l-Artikolu jkun ta' mill-inqas siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla fil-port. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kostali jistgħu, fuq bażi ta' każ b'każ, jagħtu permess għal dħul aktar bikri fil-port.
Artikolu 12
Il-ġurnali ta' abbord
B'deroga mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'tul globali ta' tmien metri jew aktar involuti f'sajd fil-mira għall-bakkaljaw iżommu ġurnal ta' abbord tas-sajd dwar l-operazzjonijiet tagħhom bi qbil mal-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 13
Marġni ta' tolleranza fil-ġurnal ta' abbord
B'deroga mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għall-qabdiet li jiġu żbarkati mħallta, il-marġini permess ta' tolleranza fil-kwantitajiet reġistrati fil-ġurnal ta' abbord tas-sajd tal-kwantitajiet f'kilogrammi ta' ħut miżmuma abbord għandu jkun ta' 10 % tal-kwantità totali miżmuma abbord.
Artikolu 14
Portijiet magħżula
Il-limitu massimu applikabbli għall-piż ħaj ta' speċijiet soġġett għall-pjan, li jekk jinqabeż il-bastiment tas-sajd ikollu jiżbarka l-qabdiet tiegħu f'port magħżul jew f'post qrib ix-xatt kif stipulat fl-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 hu:
(a) |
750 kilogramma bakkaljaw; |
(b) |
5 tunnellati stokkijiet pelaġiċi. |
KAPITOLU IX
SEGWITU
Artikolu 15
Evalwazzjoni tal-pjan
Sal-21 ta' Lulju 2019, u kull ħames snin minn dakinhar 'il quddiem, il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksib tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Il-Kummissjoni tista' tirrapporta f'data iktar bikrija jekk dan jitqies meħtieġ mill-Istati Membri kollha kkonċernati jew mill-Kummissjoni nnifisha.
KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI
Artikolu 16
Eżerċizzju tad-delega
1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-20 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm d-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 6, 7 u 8 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu nfurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU XI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati sabiex jinkisbu l-objettivi tal--pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.
Artikolu 18
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2187/2005
Ir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 13(3) jitħassar; |
(2) |
Jiddaħħal l-artikolu li ġej: “Artikolu 16a Restrizzjoni għas-sajd skont iż-żona 1. Huwa projbit li titwettaq kwalunkwe attività tas-sajd mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru fiż-żoni magħluqin bit-tgħaqqid f'sekwenza b'linji ta' rombu tal-pożizzjonijiet li ġejjin, li jitkejlu f'konformità mas-sistema tal-koordinati WGS84:
2. B'deroga mill-paragrafu 1, is-sajd b'għeżul mitfugħa fil-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti ta' malji b'daqs ekwivalenti għal 157 mm jew aktar jew bil-lanez tal-mitlaq huwa permess. L-ebda rkaptu ieħor ma jinżamm abbord.”; |
(3) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 28aa Proċedura għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi fil-kuntest ta' pjanijiet pluriennali Il-Kummissjoni għandha s-setgħa, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u għat-tul ta' żmien tiegħu, li tadotta miżuri tekniċi. Tali miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' atti delegati adottati f'konformità mal-Artikolu 28b ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u jistgħu, meta jkun xieraq, jidderogaw minn dawn li ġejjin:
(*) Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).”;" |
(4) |
Fl-Artikolu 28b(2), (3) u (5), il-kliem “Artikoli 14a u 28a” jiġu sostitwiti bil-kliem “Artikoli 14a, 28a u 28aa”. |
Artikolu 19
Revoka tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007
Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 huwa revokat. Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta' Lulju 2016.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
I. KORČOK
(1) ĠU C 230, 14.7.2015, p. 120.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016. (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Lulju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
(3) ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.
(4) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta' Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1).
(7) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1).
(11) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jwaqqaf pjan ta' skartar fil-Baħar Baltiku (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 40).
ANNESS I
MORTALITÀ MIS-SAJD FIL-MIRA
(kif imsemmija fl-Artikolu 4)
Stokk |
Meded tal-mortalità mis-sajd fil-mira konsistenti mal-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli (FMSY) |
|
|
Kolonna A (Parti mill-medda tal-FMSY kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) u (3)) |
Kolonna B (Parti mill-medda tal-FMSY kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)) |
Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent |
0,15 — 0,26 |
0,26 — 0,45 |
Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant |
Mhux definit |
Mhux definit |
Aringa tal-Baltiku Ċentrali |
0,16 — 0,22 |
0,22 — 0,28 |
Aringa tal-Golf ta' Riga |
0,24 — 0,32 |
0,32 — 0,38 |
Aringa tal-Baħar tal-Botnija |
0,11 — 0,15 |
0,15 — 0,18 |
Aringa tal-Bajja tal-Botnija |
Mhux definit |
Mhux definit |
Aringa tal-Baltiku tal-Punent |
0,23 — 0,32 |
0,32 — 0,41 |
Laċċa kaħla tal-Baltiku |
0,19 — 0,26 |
0,26 — 0,27 |
ANNESS II
PUNTI TA' REFERENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI TA' BIJOMASSA RIPRODUTTIVA TAL-ISTOKK
(kif imsemmija fl-Artikolu 5)
Stokk |
Punti ta' referenza għall-konservazzjoni |
|
|
Kolonna A Punt ta' referenza minimu ta' bijomassa riproduttiva tal-istokk (f'tunnellati) kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) (MSY Btrigger) |
Kolonna B Limitu tal-punt ta' referenza ta' bijomassa riproduttiva tal-istokk (f'tunnellati) kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) (Blim) |
Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent |
38 400 |
27 400 |
Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant |
Mhux definit |
Mhux definit |
Aringa tal-Baltiku Ċentrali |
600 000 |
430 000 |
Aringa tal-Golf ta' Riga |
60 000 |
Mhux definit |
Aringa tal-Baħar tal-Botnija |
316 000 |
Mhux definit |
Aringa tal-Bajja tal-Botnija |
Mhux definit |
Mhux definit |
Aringa tal-Baltiku tal-Punent |
110 000 |
90 000 |
Laċċa kaħla tal-Baltiku |
570 000 |
410 000 |