EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Assigurazzjoni u riassigurazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Magħrufa bħala solvibbiltà II, teħtieġ li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE) ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji.
  • Hija tistabbilixxi wkoll regoli ta’ governanza, ġestjoni tar-riskju, trasparenza u sorveljanza.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva tkopri l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, l-assigurazzjoni tal-ħajja u l-kumpaniji tar-riassigurazzjoni.

Awtorizzazzjoni

Kumpanija tal-assigurazzjoni tista’ twettaq l-attivitajiet tagħha wara li tkun kisbet awtorizzazzjoni mis-superviżur fl-Istat Membru tal-UE tagħha. Din l-awtorizzazzjoni hija valida fl-UE kollha.

Rekwiżiti kapitali

Kumpaniji tal-assigurazzjoni jkollhom iżommu kapital b’relazzjoni mal-profil tar-riskju tagħhom, sabiex jiggarantixxu li għandhom biżżejjed riżorsi finanzjarji li jifilħu għal diffikultajiet finanzjarji. Dawn għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kapitali li ġejjin.

  • Ir-rekwiżit tal-kapital minimu. Il-livell minimu ta’ kapital li taħtu d-detenturi tal-polza jkunu esposti għal livell għoli ta’ riskju.
  • Ir-rekwiżit tal-kapital ta’ solvenza. Il-kapital li għandha bżonn kumpanija tal-assigurazzjoni f’każijiet fejn telfiet sinifikanti jridu jiġu assorbiti. L-ammont tal-kapital huwa kkalkulat billi jitqiesu riskji differenti bħal:
    • ir-riskju tas-suq: ir-riskju ta’ telf jew bidla tas-sitwazzjoni finanzjarja li tirriżulta f’ċaqliq fis-swieq;
    • ir-riskju ta’ assigurazzjoni: ir-riskju li ma twarrbux biżżejjed flus biex jitħallsu klejms jew benefiċċji tal-assigurazzjoni fil-futur;
    • ir-riskju operazzjonali: ir-riskju ta’ telf li jirriżulta minn proċessi, persunal jew sistemi interni mhux adegwati jew li ma jirnexxux, jew minn avvenimenti esterni.

Jekk kumpanija tal-assigurazzjoni ma tissodisfax iż-żewġ ammonti ta’ kapital meħtieġa, is-superviżur għandu jieħu azzjoni.

Kundizzjonijiet li jirregolaw negozju ta’ assigurazzjoni

  • Sistema ta’ governanza adegwata. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jistabbilixxu sistema ta’ governanza adegwata u trasparenti b’allokazzjoni ċara tar-responsabbilitajiet. Dawn għandu jkollhom kapaċità amminstrattiva sabiex jiffaċjaw kwistjonijiet differenti inklużi ġestjoni tar-riskji, konformità mal-leġiżlazzjoni, u verifiki interni.
  • Valutazzjoni interna tar-riskju u s-solvenza. Kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jagħmlu l-valutazzjoni interna tar-riskju u s-solvenza tagħhom stess fuq bażi regolari. Dan jinvolvi l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-solvenza tar-riskju fir-rigward tal-profili tar-riskju tagħhom, kif ukoll il-konformità tagħhom mar-riżorsi finanzjarji meħtieġa.

Superviżjoni

  • Reviżjoni mis-superviżuri. Il-leġiżlazzjoni tistipula proċess ta’ reviżjoni tas-superviżjoni li tippermetti lis-superviżuri jirrevedu u jevalwaw il-konformità tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni ma’ dawn il-regoli. Għal dak il-għan, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jeħtieġ li jirrappurtaw informazzjoni dettaljata dwar in-negozju u r-riskji tagħhom lis-superviżuri. L-għan huwa li s-superviżuri jingħataw l-għajnuna sabiex jidentifikaw kumpaniji li jistgħu jidħlu f’diffikultajiet. Kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom ukoll jiżvelaw l-informazzjoni pubblikament.
  • Superviżuri ta’ grupp. Kull grupp ta’ kumpaniji ta’ assigurazzjoni għandu jkollu superviżur tal-grupp li jkollu responsabbiltajiet speċifiċi f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ superviżuri nazzjonali involuti.

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE ġiet emendata f’diversi okkażjonijiet.

  • Biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-istituzzjonijiet, id-Direttiva Emendatorja (UE) 2016/2341dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (ara s-sommarju) testendi l-perjodu tranżitorju li jippermetti lill-impriżi tal-assigurazzjoni suġġetti għad-Direttiva 2009/138/KE joperaw in-negozju ta’ provvediment għall-irtirar sal-31 ta’ Diċembru 2022.
  • Regolament (UE) 2017/2402 dwar it-titolizzazzjoni (ara s-sommarju) jemenda d-Direttiva 2009/138/KE sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dan ir-regolament ta’ regoli relatati mat-titolizzazzjoni, li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari billi tiżgura kondizzjonijiet ekwi fis-suq intern għall-investituri istituzzjonali kollha.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/843 teħtieġ li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jirrappurtaw suspetti ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu lill-awtoritajiet pubbliċi bil-ħsieb li ssir prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal dawn l-għanijiet skont id-Direttiva (UE) 2015/849 (ara s-sommarju).
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2177 tagħti rwol ikbar lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħo (EIOPA) fil-kontribut għall-konverġenza superviżorja fil-qasam tal-mudelli interni. Hija tistabbilixxi rekwiżiti ta’ notifika aktar stretti fil-każ ta’ attività ta’ assigurazzjoni transkonfinali sinifikanti jew f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, flimkien mal-kundizzjonijiet biex jiġu stabbiliti pjattaformi ta’ kooperazzjoni* fejn l-attività ta’ assigurazzjoni transkonfinali prevista hija sinifikanti.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2556 tallinja d-dispożizzjonijiet tad-direttiva, u diversi direttivi relatati oħra, mar-rekwiżiti dwar ir-riskju tal-ICT għall-entitajiet finanzjarji stabbiliti fir-reżiljenza operazzjonali diġitali tar-regolament dwar is-settur finanzjarju (DORA), ir-Regolament (UE) 2022/2254 (ara s-sommarju).

Attidelegati u ta’ implimentazzjoni

  • Id-direttiva tas-solvibbiltà II tagħti lill-Kummissjoni Ewropea d-dritt li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Dawn jittrattaw kwistjonijiet bħal standards tekniċi u informazzjoni għall-kalkolu ta’ dispożizzjonijiet tekniċi u fondi proprji bażiċi.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 (li huwa magħruf bħala r-regolament delegat tas-solvenza II u li ġie emendat f’diversi okkażjonijiet) jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għall-applikazzjoni tal-qafas tas-solvenza II u jservi bħala l-ġabra tar-regoli prudenzjali unika għad-ditti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Ir-regolament ta’ delega tas-solvibbiltà jkopri:
    • il-valutazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet, inklużi miżuri ta’ garanzija fit-tul;
    • kif jiġi stabbilit il-livell ta’ kapital meħtieġ għal klassijiet ta’ assi li l-assiguratur jista’ jinvesti fihom;
    • l-eliġibilità tal-elementi tal-fondi proprji tal-assiguraturi biex ikopru r-rekwiżiti kapitali;
    • kif il-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jiġu ġestiti u rregolati;
    • il-valutazzjoni tal-ekwivalenza tar-reġimi ta’ solvenza ta’ pajjiżi mhux tal-UE mar-regoli tal-UE;
    • ir-regoli dwar l-użu ta’ mudelli interni biex jiġi kkalkulat ir-rekwiżit tal-kapital tas-solvenza;
    • regoli speċifiċi relatati mal-gruppi tal-assigurazzjoni; u
    • metodi simplifikati u eżenzjonijiet biex is-solvibbiltà II tkun iktar faċli biex tiġi applikata għal assiguraturi iżgħar u inqas kumplessi.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-Direttiva 2009/138/KE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Marzu 2015. Dawn ir-regoli applikaw mill-1 Jannar 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Pjattaforma ta’ kooperazzjoni. Pjattaforma bħal din titwaqqaf meta l-EIOPA u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali rilevanti jaraw il-mertu fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-każ ta’ negozju transkonfinali materjali biex jippermettu suq intern sod fl-UE. Il-pjattaformi jippermettu lis-superviżuri domestiċi jagħmlu użu mill-kompetenza u l-għarfien tas-superviżuri ospitanti dwar l-ispeċifiċitajiet tas-suq lokali.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novemru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (riformulazzjoni) (ĠU L 335, 17.12.2009, pp. 1–155).

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2009/138/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal finijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 1–79).

Id-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, (UE) 2018/206 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 153–163).

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, pp. 73–117).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12 17.1.2015, pp. 1–797).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.06.2023

Top