Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Klassifikazzjoni, imballaġġ u tikkettar ta’ sustanzi kimiċi u ta’ taħlitiet

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 — il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’sustanzi u ta’ taħlitiet

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-klassifikazzjoni, għat-tikkettar u għall-imballaġġ (CLP) ta’ sustanzi kimiċi u ta’ taħlitiet skont is-Sistema globalment armonizzata (GHS) tan-Nazzjonijiet Uniti. Jeħtieġ li l-kumpaniji jikklassifikaw, jittikkettaw u jimballaw sustanzi kimiċi perikolużi kif xieraq qabel ma jqegħduhom fis-suq.

L-oqsma ewlenin mhux koperti minn dan ir-regolament huma: sustanzi u taħlitiet radjuattivi, kożmetiċi, mediċini u ċertu tagħmir mediku, ikel u t-trasport ta’ oġġetti perikolużi.

PUNTI EWLENIN

Klassifikazzjoni

Is-sustanzi u t-taħlitiet huma kklassifikati fi klassijiet speċifiċi tal-periklu (tip ta’ periklu) u f’kategoriji speċifiċi tal-periklu (livell ta’ periklu):

  • periklu fiżikokimiku (eż. likwidu fjammabbli)
  • periklu għas-saħħa (eż. tossiċità akuta, karċinoġenità)
  • periklu ambjentali (eż. għas-saff tal-ożonu, ambjent akwatiku).

L-Anness I jistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni u għat-tikkettar ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet perikolużi.

Tikkettar

Is-sustanzi u t-taħlitiet għandhom jiġu ttikkettati bl-informazzjoni sussegwenti:

  • l-identità tal-fornitur
  • l-isem tas-sustanza jew tat-taħlita u/jew in-numru ta’ identifikazzjoni
  • il-kwantità nominali tal-prodott fil-pakkett
  • il-pittogrammi tal-periklu (kompożizzjonijiet grafiċi li jgħaqqdu flimkien simboli u elementi viżwali oħra)
  • kliem bħala sinjal għal-livell ta’ periklu (“Twissija” jew “Periklu”)
  • frażijiet ta’ riskju (“Periklu ta’ nirien jew ta’ projjezzjoni”, “Fatali jekk jinbela’”, eċċ.)
  • pariri dwar is-sikurezza (“Żomm fil-kontenitur oriġinali biss”, “Ipproteġi mill-umdità”, “Żommu ’l bogħod minn fejn jistgħu jilħquh it-tfal”, eċċ.).

Imballaġġ

L-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet perikolużi jrid:

  • iżomm il-kontenut milli jaħrab;
  • ikun magħmul minn materjali li huma reżistenti meta jidħlu f’kuntatt mal-kontenut;
  • ikun b’saħħtu u solidu; u
  • ikollu qafliet li jistgħu jissiġillaw.

F’xi każijiet, hemm bżonn qafliet reżistenti għat-tfal u twissijiet li jintmessu.

Armonizzazzjoni

L-industrija għandha tilħaq kunsens dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi kollha (klassifikazzjoni tagħha nnifisha). Madankollu, għal perikli partikolarment serji, (eż. għal sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni), l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jipproponu klassifikazzjonijiet armonizzati li l-Kummissjoni Ewropea mbagħad tagħmilhom obbligatorji bil-liġi.

Notifika

Il-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta’ kwalunkwe sustanza reġistrata jew perikoluża ta’ REACH għall-bejgħ iridu jiġu notifikati lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għall-inklużjoni fl-inventarju tal-klassifikazzjoni u tat-tikkettar li l-Aġenzija taġġorna b’mod regolari.

Sottomissjonijiet ta’ informazzjoni għal ċentri ta’ avvelenament

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi appuntati (komunement magħrufa bħala ċentri ta’ avvelenament) biex jirċievu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta’ taħlitiet perikolużi (deterġenti, żebgħa, adeżivi, eċċ.). Fornituri ta’ prodotti kimiċi perikolużi għandhom jipprovdu informazzjoni liċ-ċentri nazzjonali ta’ avvelenament għal reazzjonijiet tas-saħħa f’emerġenza.

Annessi

Ir-regolament għandu tmien annessi:

  • Anness I — rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni u ta’ tikkettar għal sustanzi u għal taħlitiet perikolużi;
  • Anness II — regoli speċjali għat-tikkettar u għall-imballaġġ ta’ ċerti sustanzi u taħlitiet;
  • Anness III — lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu, informazzjoni supplimentari dwar il-periklu u elementi supplimentari tat-tikkettar;
  • Anness IV — lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni;
  • Anness V — pittogrammi tal-periklu;
  • Anness VI — klassifikazzjoni u imballaġġ armonizzati għal ċerti sustanzi perikolużi;
  • Anness VII — tabella tat-traduzzjoni mill-klassifikazzjoni skont id-Direttiva 67/548/KEE għal klassifikazzjoni skont dan ir-regolament;
  • Anness VIII — informazzjoni armonizzata relatata ma’ reazzjoni tas-saħħa f’emerġenza u ma’ miżuri preventivi.

Reviżjonijiet għar-regolament

Mill-adozzjoni tiegħu fl-2008, ir-regolament ġie emendat kważi fuq bażi annwali, fejn il-klassifikazzjoni armonizzata u t-tikkettar ta’ sustanzi perikolużi ġew aġġornati permezz ta’ adattament għall-progress tekniku (ATP). Il-Kummissjoni adottat ATP wara l-opinjoni xjentifika tal-Kumitat dwar l-Assessjar tar-Riskju ta’ ECHA. Tibdiliet oħrajn lit-test legali jistgħu wkoll jiġu implimentati permezz ta’ ATP, bħal dawk li jimplimentaw emendi tal-GHS u ż-żieda tal-Anness VIII għar-regolament (ara wkoll il-verżjoni konsolidata tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008). Ħafna mill-emendi li saru huma relatati mal-annessi tar-regolament.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu tjapplika mill-20 ta’ Jannar 2009. Beda japplika b’mod obbligatorju għas-sustanzi mill-1 ta’ Diċembru 2010 u għat-taħlitiet mill-1 ta’ Ġunju 2015.

SFOND

Ir-regolament jissupplimenta s-sistema REACH għar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi. Jissostitwixxi u jirrevoka d-Direttiva 67/548/KEE dwar is-sustanzi kimiċi u d-Direttiva 1999/45/KE dwar il-preparazzjonjijiet perikolużi.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-ttikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, pp. 1–1355).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 92/58/KEE, 92/85/KEE, 94/33/KE, 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet (ĠU L 65, 5.3.2014, pp. 1-7).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 440/2010 tal-21 ta’ Mejju 2010 dwar il-ħlasijiet pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ ta’ sustanzi u ta’taħlitiet (ĠU L 126, 22.5.2010, pp. 1-5).

l-aħħar aġġornament 31.07.2023

Top