Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament:

  • jistabbilixxi qafas biex jikseb in-newtralità fil-klima fl-Unjoni Ewropea (UE) sal-2050 (jiġifieri, bilanċ emissjonijiet ta’ gassijiet serra* fl-UE u t-tneħħija regolata tagħhom fil-liġi tal-UE);
  • jinkludi, flimkien mal-objettiv vinkolanti tan-newtralità fl-UE sal-2050, l-għan tal-kisba ta’ emissjonijiet negattivi fl-UE minn hemm ’il quddiem;
  • jipprovdi għal mira vinkolanti tal-UE ta’ tnaqqis domestiku nett fl-emissjonijiet ta’ gass serra b’mill-inqas 55 % (imqabbla mal-livelli tal-1990) sal-2030, u biex jiffissa mira tal-klima sal-2040 fi żmien sitt xhur mill-ewwel rendikont globali taħt il-Ftehim ta’ Pariġi;
  • jintroduċi regoli biex jiżgura progress kontinwu lejn l-għan tal-adattament globali fil-Ftehim ta’ Pariġi (ara s-sommarju).

PUNTI EWLENIN

L-istituzzjoni tal-UE u l-Istati Membri tal-UE għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jissodisfaw l-għanijiet tar-regolament, filwaqt li jikkunsidraw il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-effikaċja tal-ispiża.

Ir-regolament jistabbilixxi Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima indipendenti. Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jinnomina l-15-il membru tal-Bord Konsultattiv għal terminu ta’ erba’ snin wara proċedura tal-għażla miftuħa. Dawn huma magħżula fuq il-bażi tal-eċċellenza xjentifika, il-kompetenza wiesgħa u l-esperjenza professjonali fil-qasam tax-xjenza tal-klima u l-ambjent. Il-15-il espert xjentifiku jinħatru f’kapaċità personali.

Il-kompiti tal-bord jinkludu:

  • il-kunsiderazzjoni tal-aħħar sejbiet tal-Penil Intergovernattiv dwar it-tibdil fil-klima (IPCC) rapporti u data xjentifika dwar il-klima, b’mod partikolari fir-rigward ta’ informazzjoni rilevanti għall-UE;
  • il-forniment ta’ parir xjentifiku u l-ħruġ tar-rapporti dwar miżuri tal-UE eżistenti u proposti;
  • il-kontribuzzjoni għall-iskambju ta’ għarfien xjentifiku indipendenti;
  • l-identifikazzjoni ta’ azzjoni u opportunitajiet biex jilħqu l-miri tal-UE;
  • it-trawwim tal-għarfien dwar it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu.

L-Istati Membri għandhom ukoll:

  • iwaqqfu bord konsultattiv dwar il-klima biex jipprovdi parir espert xjentifiku lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;
  • jistabbilixxu djalogu dwar il-klima u l-enerġija fuq ħafna livelli li jinvolvi awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, il-komunità tan-negozju, investituri, partijiet interessati rilevanti oħra u l-pubbliku;
  • jissottomettu l-istrateġija tagħhom ta’ 30 sena lill-Kummissjoni Ewropea sal-1 ta’ Jannar 2029, u kull għaxar snin wara dan, b’aġġornament kull ħames snin jekk ikun meħtieġ.

Ir-regolament jiddefinixxi l-miżuri intermedji tal-UE li ġejjin, li għandhom l-għan li jgħinu lill-UE tissodisfa l-objettivi tan-newtralità fil-klima 2050.

  • It-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-UE mill-gass serra b’/mill-inqas 55% (meta mqabbla mal-livelli tal-1990) sal-2030; f’Lulju 2021, il-Kummissjoni ressqet sett ta’ proposti legiżlattivi biex taġġorna leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u tinkludi inizjattivi ġodda fl-implimentazzjoni ta’ din il-mira l-ġdida. Minn hawn ’il quddiem se timmonitorja l-progress tal-proposti legiżlattivi biex tiddetermina jekk il-mira l-ġdida tistax tinkiseb.
  • Il-limitar tal-kontribuzzjoni tat-tneħħija netta sa’ massimu ta’ 225 miljun tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti biex jiġi żgurat li jsiru sforzi ta’ mitigazzjoni suffiċjenti sal-2030. Bil-għan li jtejjeb il-bir* tal-karbonju tal-UE f’konformità mal-objettiv tan-newtralità tal-klima 2050, ir-regolament jipprovdi wkoll biex l-UE timmira lejn volum ogħla tal-bir tal-karbonju nett tagħha fl-2030.
  • Il-permess lill-Kummissjoni biex tipproponi mira tal-klima għall-2040 fi żmien sitt xhur mill-ewwel rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-proposta se tkun akkumpanjata minn rapport li fih il-baġit indikattiv tal-gass serra tal-UE għall-2030–2050.
  • Il-ħtieġa li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien sitt xhur mill-ewwel rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi, dwar il-progress li qed jagħmlu l-UE u l-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tar-regolament.

L-adattament għat-tibdil fil-klima jeħtieġ:

  • L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex
    • itejbu l-kapaċità adattiva, isaħħu r-reżiljenza u jnaqqsu l-vulnerabilità għat-tibdil fil-klima
    • jisguraw li l-politiki ta’ adattament huma koerenti, jirrinfurzaw lil xuxlin reċiprokament, jipprovdu benefiċċji għall-politiki settorjali, jgħinu biex jintegraw dawn il-miżuri fl-oqsma kollha tal-politika u jiffokaw speċjalment fuq l-aktar nies u setturi vulnerabbli;
  • il-Kummissjoni: se tadotta
    • strateġija ta’ adattament tal-UE
    • linji gwida, sat-30 ta’ Lulju 2022, li jistabbilixxu prinċipji u prattiki komuni biex tidentifika, tikklassifika u timmaniġġja r-riskju tal-klima waqt l-ippjanar, l-iżvilupp, l-eżekuzzjoni u l-monitoraġġ ta’ proġetti u programmi;
  • L-Istati Membri għandhom jadottaw u jimplimentaw strateġiji u pjanijiet nazzjonali ta’ adattament, u jikkunsidraw is-setturi partikolarment vulnerabbli bħall-agrikoltura, sistemi tal-ilma u tal-ikel, flimkien mal-bżonn tal-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-ekosistemi.

L-evalwazzjoni tal-progress tal-UE u nazzjonali teħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tevalwa sat-30 ta’ Settembru 2023, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, il-progress li l-UE u l-Istati Membri għamlu lejn l-objettivi tal-2050 u l-adattament u jekk il-miżuri tal-UE u nazzjonali lejn dawk il-miżuri humiex konsistenti;
  • tevalwa jekk abbozzi ta’ miżuri u leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż proposti tal-baġit, humiex konsistenti mal-miri tal-2030 u l-2040 u l-objettivi tan-newtralità fil-klima tal-2050;
  • tevalwa b’mod regolari miżuri nazzjonali u toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fejn issib inkonsistenzi fl-iżgurar tal-objettiv tan-newtralità fil-klima jew fejn ma sarx progress mhux adegwat biex tittejjeb il-kapaċità adattiva, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabilità għall-bdil fil-klima.

Il-Kummissjoni tikkoopera ma’ kull:

  • parti tas-soċjetà, ikluż l-imsieħba pubbliċi, soċjali u l-partijiet interessati, biex tippermettilhom u tagħtihom is-setgħa li jikkontribwixxu lejn soċjetà ġusta, soċjalment ġusta, newtrali għall-klima u reżiljenti;
  • settur tal-ekonomija li jipprepara pjanijiet volontarji indikattivi lejn in-newtralità fil-klima.

Ir-regolament jemenda:

  • Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ara s-sommarju) u r-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-29 ta’ Lulju 2021.

SFOND

  • F’Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv tan-newtralità fil-klima tal-UE sal-2050 f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi adottati taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla tal-Klima.
  • Fl-4 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Liġi Ewropea dwar il-Klima bħala element importanti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara s-sommarju).
  • Azzjoni tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra b’mod effettiv fl-ispiża hija diġà żviluppata sew. Bejn l-1990 u l-2019, l-emissjonijiet waqgħu b’24 %, filwaqt li l-ekonomija kibret b’60 %. Pedament importanti tal-politika tal-UE dwar il-klima huwa s-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE (ara s-sommarju).
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Gassijiet serra: kull gass li kapaċi jassorbi r-radjazzjoni infrared minn wiċċ id-dinja u jerġa’ jirradjah lejn id-dinja.
Bir: ġiebja li tneħħi d-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠUL 243, 9.7.2021, pp. 1-17)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1-77)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2018/1999 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u li takkumpanja l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COM(2016) 110 final, 2.3.2016)

Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (verżjoni kodifikata) (ĠU L 126, 21.5.2009, pp. 13-22)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32-46)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.07.2021

Top