EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/770 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli dwar kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizzi diġitali, b’mod partikolari:
    • regoli dwar il-konformità mal-kuntratt; u
    • rimedji fejn il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma jikkonformax jew jekk ikun hemm nuqqas ta’ provvista.
  • Il-kontenut diġitali jinkludi programmi tal-kompjuter u applikazzjonijiet mobbli, kif ukoll fajls tal-vidjo u l-awdjo f’forma diġitali.
  • Is-servizzi diġitali jinkludu, pereżempju, servizzi ta’ cloud computing u midja soċjali.
  • Id-direttiva hija parti mill-istrateġija għal suq uniku diġitali għall-Ewropa.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz. Din tapplika wkoll meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant, sakemm id-data personali pprovduta tkun ipproċessata biss għall-iskop li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew biex il-kummerċjant ikun konformi mar-rekwiżiti legali.

Eċċezzjonijiet jinkludu kuntratti dwar:

  • oġġetti b’elementi diġitali (li huma regolati bid-Direttiva (UE) 2019/771);
  • aċċess għall-internet;
  • messaġġi (bħal SMS), bl-eċċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri;
  • il-kura tas-saħħa;
  • is-servizzi tal-logħob tal-azzard;
  • is-servizzi finanzjarji;
  • software offrut b’liċenzja ħielsa u b’sors miftuħ (fejn ma jsirx ħlas u d-data personali pprovduta mill-konsumatur tintuża biss biex jittejjeb is-software speċifiku);
  • kontenut diġitali bħala parti minn spettaklu jew avveniment, bħal projezzjonijiet ċinematografiċi diġitali;
  • kontenut diġitali pprovdut minn korpi tas-settur pubbliku f’konformità mad-Direttiva 2003/98/KE.

Il-konformità

B’mod ġenerali, il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali għandhom:

  • ikunu adattati għad-deskrizzjoni, il-kwantità u l-kwalità, u għandu jkollhom karatteristiċi oħra bħall-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà, kif jirrikjedi l-kuntratt;
  • ikunu adattati għall-iskop miftiehem bħala parti mill-proċess tal-kuntratt;
  • ikunu pprovduti bl-aċċessorji, l-istruzzjonijiet u l-assistenza kollha kif jirrikjedi l-kuntratt;
  • ikunu aġġornati kif stipulat mill-kuntratt;
  • ikunu adatti għall-iskopijiet li għalihom jintużaw normalment il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali tal-istess tip;
  • ikunu ta’ kwalità u jkollhom il-karatteristiċi ta’ prestazzjoni, (inkluż fir-rigward tal-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-aċċessibbiltà, il-kontinwità u s-sigurtà), li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna;
  • jiġu pprovduti bi kwalunkwe aċċessorju u struzzjoni li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi;
  • jikkonformaw ma’ kwalunkwe verżjoni ta’ prova jew wirja disponibbli qabel ma jkun ġie konkluż il-kuntratt.

Il-kummerċjant għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat dwar aġġornamenti u jiġi pprovdut bihom, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà li huma meħtieġa biex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità. Id-direttiva tinkludi wkoll regoli aktar iddettaljati dwar l-obbligu li jiġu pprovduti aġġornamenti.

Ir-responsabbiltà tal-kummerċjant

  • Il-kummerċjant huwa responsabbli għal:
    • kwalunkwe nuqqas ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali;
    • kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jeżisti fil-mument tal-provvista u li jsir evidenti f’perjodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn sentejn. Jekk in-nuqqas ta’ konformità jsir evidenti matul l-ewwel sena, il-konsumatur mhux se jkun jeħtieġ jipprova li kien jeżisti fil-mument tal-provvista.
  • Meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi pprovdut b’mod kontinwu, il-kummerċjant huwa responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jseħħ u li jsir evidenti matul il-perjodu ta’ provvista.

Ir-rimedji

  • Meta l-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr dewmien żejjed jew matul perjodu ta’ żmien kif miftiehem, wara tfakkira, il-konsumatur huwa intitolat li jittermina l-kuntratt.
  • Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur huwa intitolat li jkollu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali miġjub f’konformità (sakemm dan ma jkunx impossibbli jew sakemm dan ma jimponix spejjeż sproporzjonati fuq il-kummerċjant). Jekk il-kummerċjant jonqos milli jagħmel dan, il-konsumatur huwa intitolat li jirċievi tnaqqis proporzjonat tal-prezz jew li jtemm il-kuntratt.
  • Meta l-kuntratt jiġi tterminat, il-kummerċjant għandu jirrimborża bis-sħiħ lill-konsumatur, ħlief għall-perjodi meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali pprovdut b’mod kontinwu kien konformi.

L-obbligi u d-drittijiet fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt

  • Ladarba l-kuntratt jiġi tterminat, il-kummerċjanti għandhom jikkonformaw mal-obbligi dwar id-data personali tar-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data). Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kummerċjanti għandhom:
    • iżommu lura wkoll milli jużaw kontenut li mhux data personali u li kien ipprovdut jew maħluq mill-konsumatur meta kien qed juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali;
    • jippermettu wkoll lill-konsumaturi biex jirkupraw tali kontenut mingħajr ħlas, mingħajr xkiel mill-kummerċjant, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
  • Wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom iżommu lura milli jużaw il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali u milli jagħmluh disponibbli għal partijiet terzi.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li jkun hemm mezzi effettivi biex il-konformità ma’ din id-Direttiva tkun żgurata.

Id-direttiva tikkomplementa d-Direttiva (UE) 2019/771 dwar kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti.

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Lulju 2021. Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mill-1 ta’ Jannar 2022.

SFOND

Ara wkoll:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 1-27).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 28-50).

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1-88).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/679 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal suq uniku diġitali għall-Ewropa (COM(2015) 192 final, 6.5.2015).

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 7/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 64-88).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, pp. 37-47).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, pp. 1-16).

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, pp. 29-34).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, pp. 90-96).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.11.2019

Top