EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-istrateġija tal-UE għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu: Tkabbir Blu

 

SOMMARJU

L-attivitajiet fis-settur tal-baħar u dak marittimu jipprovdu xogħol għal 5.4 miljun persuna fl-UE u jirrappreżentaw valur miżjud gross (GVA) ta’ ftit inqas minn EUR 500 biljun fis-sena. Fl-2012, l-UE ppreżentat strateġija fit-tul sabiex tisfrutta l-potenzjal tal-oċeani u l-ibħra tagħha.

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea nediet strateġija tal-Unjoni Ewropea (UE) għas-settur marittimu. L-istrateġija – magħrufa bħala Tkabbir Blu – tirrappreżenta l-kontribut tas-settur sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din tibni fuq il-Politika Marittima Integrata tal-Kummissjoni li tnediet fl-2007.

PUNTI EWLENIN

L-istrateġija għal Tkabbir Blu tiffoka fuq il-potenzjal tas-settur tal-baħar u dak marittimu (l-ekonomija blu) sabiex isir kontribut għal irkupru ekonomiku sostenibbli fl-UE, u b’mod partikolari sabiex jinħolqu impjiegi ġodda u jiġu promossi l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli.

Ir-reġjuni marittimi u l-kosti tagħhom, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika unika tagħhom (jiġifieri li tħares ’il barra), tradizzjonalment kienu ċentri għal ideat ġodda u l-innovazzjoni. Madankollu, jeżistu tliet fatturi ġodda li x’aktarx li jkomplu jsaħħu l-potenzjal tagħhom f’dan ir-rigward:

F’dan l-aħħar deċennju, sar progress teknoloġiku mgħaġġel (b’mod partikolari fir-robotika, il-vidjosorveljanza u t-teknoloġija sommerġibbli) fix-xogħol lil hinn mill-kosta f’ilmijiet dejjem aktar fondi.

Bit-tkabbir tal-popolazzjoni, qed ikun hemm dejjem aktar pressjoni fuq riżorsi bbażati fuq l-art sabiex jiġu pprovduti l-ikel u l-enerġija. Jeħtieġ li nħarsu lejn il-71 % mill-wiċċ tad-dinja li huwa oċean sabiex insibu modi aktar sostenibbli biex nissodisfaw il-bżonnijiet tal-bniedem.

L-ibħra tagħna għandhom rwol importanti x’jaqdu sabiex jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, permezz ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, u fl-iffrankar tal-enerġija permezz tat-trasport bil-baħar, li jniġġes inqas mit-trasport bl-art.

L-istrateġija tidentifika ħames setturi li għandhom potenzjal għoli għall-impjiegi u t-tkabbir. Dawn is-setturi huma l-akkwakultura (ħut u trobbija tal-frott tal-baħar bil-qoxra), it-turiżmu, il-bijoteknoloġija tal-baħar, l-enerġija mill-oċeani u l-minjieri f’qiegħ il-baħar. Tnieda sett ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni sabiex jesploraw u jiġi żviluppat il-potenzjal ta’ tkabbir f’dawn iż-żoni. Dawn jinkludu komunikazzjonijiet dwar:

l-enerġija mill-oċeani, kif ukoll

L-istrateġija tenfasizza l-importanza tal-aspetti li ġejjin:

żieda fl-għarfien dwar il-baħar (biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda);

it-titjib fil-ġestjoni ta’ attivitajiet fl-ibħra – dan huwa kruċjali biex jiġi evitat kunflitt potenzjali u biex jinħolqu sinerġiji bejn attivitajiet differenti;

is-sigurtà (jiġifieri sorveljanza marittima integrata) tal-ilmijiet tal-UE sabiex l-awtoritajiet marittimi jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar riskji u theddidiet.

Tirrikonoxxi wkoll li jeħtieġ li jittieħdu approċċi mfassla apposta skont is-seba’ baċiri tal-baħar tal-Ewropa (il-Baħar Adrijatiku u dak Jonju, l-Oċean Artiku, l-Oċean Atlantiku, il-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Mediterran u l-Baħar tat-Tramuntana). Dan jiżgura li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet individwali ta’ kull baċir u jfittex li jħeġġeġ lill-pajjiżi involuti sabiex jaħdmu flimkien.

Aktar informazzjoni hija disponibbli mill-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu (COM(2012) 494 finaltat-13 ta’ Settembru 2012)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE (COM(2013) 229 final tad-29 ta’ April 2013)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Enerġija Blu Azzjoni meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija mill-oċeani fl-ibħra u l-oċeani Ewropej sal-2020 u lil hinn (COM(2014) 8 final tal-20 ta’ Jannar 2014)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali (COM(2014) 86 final tal-20 ta’ Frar 2014)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir (COM(2014) 254 final/2 tat-8 ta’ Mejju 2014)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Għarfien Marittimu 2020: pjan direzzjonali li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir (traduzzjoni mhux uffiċjali) (SWD(2014) 149 final tat-8 ta’ Mejju 2014)

l-aħħar aġġornament 02.10.2015

Top