EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-ippjanar tal-ispazju marittimu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir taż-żoni marittimi tal-Ewropa

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2014/89/UE li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva tistabbilixxi approċċ komuni tal-pajjiżi tal-UE għall-ippjanar taż-żoni marittimi. Dan jippermetti lil kull pajjiż tal-UE biex jippjana l-attivitajiet marittimi tiegħu stess iżda dan il-proċess ta’ ppjanar - kemm f’livell nazzjonali, reġjonali kif ukoll lokali - issa huwa aktar kompatibbli mal-UE kollha permezz tal-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ żmien komuni u rekwiżiti minimi komuni. Il-qafas il-ġdid ifittex li jippromwovi s-sostenibbiltà:

  • tat-tkabbir tal-ekonomiji marittimi, magħrufa bħala l-Ekonomija Blu tal-UE;
  • tal-iżvilupp ta’ żoni tal-baħar;
  • l-użu tar-riżorsi tal-baħar.

PUNTI EWLENIN

Iż-żoni marittimi jiffaċċjaw ħafna talbiet li jikkompetu ma’ xulxin għall-użu u l-iżvilupp tagħhom bħat-turiżmu, is-sajd u l-akkwakultura, l-estrazzjoni tal-materja prima, ir-rotot għat-trasport bil-baħar, żoni tal-baħar protetti, eċċ.). Dawn jiffaċċjaw ukoll sfidi komuni bħal ekosistemi fraġli, l-impatti tat-tibdil fil-klima u t-tniġġis.

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jfittex li jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jorganizzaw attivitajiet tal-bniedem f’żoni tal-baħar sabiex jissodisfaw id-diversi objettivi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali.

Pjanijiet tal-ispazju marittimu

Id-direttiva teħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jfasslu pjanijiet tal-ispazju marittimu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021. Dawn għandhom juru pjanijiet tal-attivitajiet tal-bniedem eżistenti fl-ilmijiet tal-baħar tagħhom u jidentifikaw l-iżvilupp spazjali futur tagħhom li huwa l-aktar effettiv.

Il-pjanijiet għandhom jikkunsidraw l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar kif ukoll aspetti ambjentali, ekonomiċi, soċjali u ta’ sikurezza. Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jiżguraw li jagħmlu użu mill-aħjar tad-dejta ekonomika, soċjali u ambjentali disponibbli.

Il-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati (bħall-fornituri tal-enerġija u t-trasport, gruppi ambjentali, eċċ.) iridu jkunu involuti fil-proċess.

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-UE oħrajn u pajjiżi mhux tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE li jkollhom fruntiera mal-istess ilmijiet tal-baħar ukoll iridu jikkooperaw sabiex jiżguraw li l-pjanijiet tal-ispazju marittimu jkunu koerenti u kkoordinati fir-reġjun tal-baħar ikkonċernat. Meta l-pajjiżi tal-UE jkollhom l-istess fruntiera marittima ma’ pajjiż mhux tal-UE, dawn għandhom jippruvaw jikkooperaw.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-17 ta’ Settembru 2014 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-18 ta’ Setembru 2016.

SFOND

Bl-istrateġija Ewropa 2020 tagħha, l-UE qed tipprova ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva sal-2020. Din id-direttiva għandha rwol essenzjali fl-ambizzjoni tal-UE li tiżviluppa l-Ekonomija Blu tal-Ewropa.

Għal iktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar spazjali marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 135–145)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir (COM(2014)0254 final/2 tat-8 ta’ Mejju 2014)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: It-Tkabbir Blu — opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu (COM(2012) 494 final tat-13 ta’ Settembru 2012)

l-aħħar aġġornament 26.09.2018

Top