Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 52014DC0244

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel

    /* COM/2014/0244 final */

    52014DC0244

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel /* COM/2014/0244 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel

    1. Introduzzjoni

    L-UE hija produttur u esportatur ewlieni ta' oġġetti b'użu doppju u għalhekk attur sinifikanti fil-kontrolli tal-esportazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni. Is-sistema ta’ kontroll tal-UE fuq l-esportazzjonijiet beda lejn l-aħħar tas-snin 1990 u ġie msaħħaħ gradwalment matul l-aħħar għaxar snin, b’mod partikolari b’reazzjoni għall-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (AQM) ta’ Diċembru 2003. Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009[1] (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament") jimplimenta impenji internazzjonali skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1540(2004), kif ukoll ftehimiet internazzjonali rilevanti u sistemai ta' kontroll tal-esportazzjoni multilaterali. Ir-Regolament jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ oġġetti b’użu doppju – b’xi eċċezzjonijiet – fl-UE u jistipula prinċipji bażiċi u regoli komuni għall-kontroll tal-esportazzjoni, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju.

    L-Artikolu 25 tar-Regolament jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-implimentazzjoni tiegħu u tippreżenta proposti għal emendi. Barra minn hekk, għaxar snin wara l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tad-AQM, riċentement, il-Kunsill talab li jkun hemm tiftix kontinwu ta’ politika effikaċi tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u għal analiżi u tisħiħ tal-kontrolli tal-esportazzjoni[2]. Bħala l-ewwel pass lejn it-tħejjija tal-analiżi, il-Kummissjoni ħarġet Green Paper[3] li varat dibattitu pubbliku wiesa' dwar is-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE u, f'Jannar 2013, ippubblikat Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[4] li jidentifika l-kwistjonijiet prinċipali mqajma minn aktar minn 100 persuna interessata inkluż l-opinjonijiet tagħhom dwar l-evoluzzjonijiet possibbli lejn sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE aktar integrat li jiżgura s-sigurtà u kundizzjonijiet aktar ekwi. Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament ġie adottat fis-16 ta’ Ottubru 2013[5], biex b'hekk immarka t-tieni pass fil-proċess ta’ analiżi. Din il-Komunikazzjoni timmira lejn l-ippjanar ta’ direzzjoni għal kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE, u tidentifika alternattivi ta’ politika konkreti għall-modernizzazzjoni tagħhom u l-adattament tagħhom għaċ-ċirkostanzi teknoloġiċi, ekonomiċi u politiċi li qegħdin rapidament jinbidlu.

    Din il-Komunikazzjoni ġiet identifikata wkoll bħala inizjattiva fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).

    2. Kontrolli tal-esportazzjoni f'ambjent li qed jinbidel fl-oqsma tas-sigurtà, it-tekonoloġija u l-ekonomija: il-bżonn għall-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni

    Is-sistema globali kontra l-peoliferazzjoni żviluppat konsiderevolment mill-bidu ta’ dan is-seklu, u twaqqfu ostakoli b’saħħithom kontra l-proliferazzjoni. Il-kontrolli tal-esportazzjoni jikkostittwixxu strument ewlieni fl-għodod kontra l-proliferazzjoni iżda jridu jlaħħqu mat-theddid ta' proliferazzjoni li qed jevolvi, żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u trasformazzjonijiet mal-attività ekonomika globali li joħolqu sfidi ġodda għas-sigurtà u impatti fuq il-kundizzjonijiet ekwi globali.

    2.1. Riskji u theddidiet għas-sigurtà li qed jevolvu jew li huma ġodda Qed ikun hemm dejjem aktar sfidi tal-proliferazzjoni tal-AQM u l-proliferazzjoni tal-AQM għadha tikkostitwixxi waħda mill-akbar riskji għas-sigurtà għall-UE, speċjalment hekk kif numru dejjem akbar ta’ Stati qed jiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ tħassib ta’ proliferazzjoni. Il-kummerċ f’oġġetti sensittivi għalhekk x’aktarx li jibqa’ mezz kruċjali biex jingħelbu l-programmi ta’ proliferazzjoni fil-futur.

    Il-globalizzazzjoni u l-attività dejjem akbar ta' atturi mhux Statali involuti fi programmi klandestini ta' proliferazzjoni wasslu għal konfluwenza ta' theddidiet għas-sigurtà transnazzjonali li bihom attivitajiet illeċiti jikkonverġu u traffikant tad-droga jista' jaġixxi wkoll bħala terrorist jew proliferatur. It-theddida tat-terroristi u l-vulnerabbiltà għall-attakki nonkonvenzjonali jkomplu jeħtieġu attenzjoni speċjali, notevolment minħabba l-profil dejjem jinbidel tat-terroristi u n-natura globalizzata tat-terroriżmu.

    Il-proliferaturi huma dinamiċi u jfasslu strateġiji li dejjem jevolvu tal-proliferazzjoni biex jesplojtaw il-vulnerabbiltà tal-kummerċ globali interkonness u tas-sistemi ta’ informazzjoni. Huma jelaboraw tekniki dejjem aktar sofistikati biex jevadu l-kontrolli bl-użu ta’ netwerks ta’ appoġġ kkaratterizzati bil-preżenza ta’ varjetà ta’ atturi mhux Statali (inklużi operaturi leġittimi li ma jkun hemm l-ebda suspett dwarhom bħal fornituri li ma jkunux midħla tar-riskji ta’ proliferazzjoni, l-aġenziji tal-iffinanzjar, l-operaturi tat-trasport, korpi xjentifiċi u akkademiċi) u billi jċaqilqu oġġetti sensittivi minn żoni b’istituzzjonijiet domestiċi u ċentri tat-trasbord dgħajfa.

    2.2. Żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi rapidi L-innovazzjoni u t-tixrid ta' avvanzi teknoloġiċi għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta' riskji ġodda ta' proliferazzjoni: is-sigurtà tal-gvernijiet, iżda wkoll tal-kumpaniji u taċ-ċittadini, għandha komponent teknoloġiku dejjem jikber. Teknoloġiji ġodda jqiegħdu t-tfassil u l-manifattura tal-armi raġġunġibbli minn grupp akbar ta’ persuni, biex b'hekk ikattru t-theddid. Barra minn hekk, id-diffużjoni rapida tat-teknoloġija tal-informatika qed tesponi ekonomiji moderni għal riskji ġodda indotti mill-konnettività assoċjata man-netwerks globali tal-kummerċ u d-dejta - inkluż il-ħolqien ta’ "għodod ċibernetiċi" speċifiċi għas-sorveljanza, il-monitoraġġ, l-ittraċċar u l-interċettazzjoni tal-massa. Is-sigurtà ċibernetika llum hija kruċjali għas-sigurtà tal-UE u l-"proliferazzjoni ċibernetika" saret dimensjoni importanti tal-kontrolli tal-esportazzjoni.

    L-esportazzjonijiet huma dejjem aktar trażmessi, mhux trasportati. Fl-epoka tal-cloud computing, flussi ta’ informazzjoni li fihom teknoloġija sensittiva jistgħu jintużaw biex jipproduċu kwantitajiet bla limitu ta’ oġġetti sensittivi u jippreżentaw sfida kbira għal kontroll tal-esportazzjoni, speċjalment minħabba l-inapplikabilità ta’ kontrolli fuq il-fruntieri, u d-diffikultà għall-kumpaniji biex jiżguraw il-konformità (pereżempju fir-rigward tal-arkitettura tal-IT, il-kollaborazzjoni fl-inġinerija, l-ivvjaġġar ta’ esperti, eċċ). Għalhekk il-kontrolli tal-esportazzjoni jeħtieġ li joperaw "onlajn" fil-kuntest ta' dinja konnessa globalment, li fiha trasfermenti teknoloġiċi intanġibbli (ITT- intagible technology transfers)[6] saru dejjem aktar sinifikanti vis-à-vis iċ-ċaqliq fiżiku tal-oġġetti.

    Ir-riċerka xjentifika twassal għal avvanzi straordinarji li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà, iżda r-riskju li r-riċerka tista' tkun użata ħażin toħloq tensjoni dejjem akbar bejn il-prinċipju tat-trasparenza fix-xjenza u t-tħassib dwar is-sigurtà. Dibattiti ssottolinjaw il-ħtieġa li tkun ikkunsidrata n-natura golabli tax-xjenza u l-fluss ħieles tal-informazzjoni xjentifika[7], iżda enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jkun indirizzat ir-riskju assoċjat mal-abbuż potenzjali tar-riċerka xjentifika u li tkun żgurata l-valutazzjoni indipendenti tal-implikazzjonijiet tas-sigurtà.

    2.3. Katini ta’ forniment globali u kundizzjonijiet ekwi Is-sigurtà saret element ewlieni għal katini ta' forniment responsabbli. Il-kontrolli tal-esportazzjoni jeħtieġ li jipproteġu l-kummerċ leġittimu mir-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet illeċiti fi żmien meta l-flussi kummerċjali qed isiru aktar kumplessi u vulnerabbli, hekk kif qed jinħoloq kummerċ globali aktar rapidu u dematerjalizzat mill-multiplikazzjoni tal-flussi transfruntieri ta' oġġetti, investiment, servizzi, kompetenzi u nies assoċjati man-netwerks internazzjonali tal-produzzjoni. L-użu ta’ intermedjarji, kumpaniji tal-isem, punti ta' żvijar u ta’ trasbord, immultiplikaw in-numru u t-tipi ta’ atturi u attivitajiet involuti fi trasferimenti sensittivi għall-proliferazzjoni. L-iżvilupp ta' servizzi onlajn u tal-kummerċ elettroniku jżid sfidi ġodda minħabba li l-kummerċ diġitali għandu jibqa' miftuħ u sigur.

    Iż-żieda fil-katini ta' valur mondjali u fil-kapaċitajiet ta' manifattura internazzjonali twassal għal żieda fid-disponibbiltà barranija ta' oġġetti b'użu doppju. Is-sjieda u l-operazzjoni ta’ industriji b’użu doppju hija dejjem aktar internazzjonalizzata u issa hemm varjetà kbira ta’ atturi involuti. Dan jaffettwa b’mod fundamentali l-kunċett ta’ “fornitur” li jinsab fil-qalba ta’ kontroll tal-esportazzjoni u juri l-ħtieġa għal kontrolli tal-esportazzjoni flessibbli li jaġġustaw għal realtajiet ekonomiċi li qed jinbidlu.

    Il-profil tal-industriji b’teknoloġija avvanzata qed jinbidel ukoll. It-tiċpir bejn it-teknoloġija ċivili u dik tad-difiża u l-bażijiet industrijali u l-multiplikazzjoni ta’ oġġetti b’karatteristiċi ta' użu doppju inċerti jagħmluha dejjem aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn trasferimenti purament ċivili jew dawk b’użu doppju. Bħala riżultat ta' dan, il-kummerċ b’użu doppju matul is-snin żdied b’mod konsistenti biex jirrappreżenta porzjon imdaqqas ta’ kummerċ barrani[8]. Is-settur tiegħu li jkopri firxa wiesgħa u r-ramifikazzjonijiet tal-prodott joħolqu sfidi operazzjonali minħabba l-volum dejjem akbar tal-applikazzjonijiet u d-diversità tagħhom.

    Il-kontrolli tal-esportazzjoni jirrappreżentaw fattur kompetittiv ewlieni, hekk kif l-ekonomija tal-Ewropa taqleb għall-manifattura b'valur miżjud għoli u innovattiva, u l-katini ta' valur Ewropej huma partijiet integrali tal-katini ta' valur mondjali. F’dan il-kuntest, livelli differenzjati ta’ kontrolli f’pajjiżi terzi joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE li joperaw globalment. Barra minn hekk, xi parametri ta' kontroll diverġenti li għadhom hemm u xi każijiet ta' "implimentazzjoni assimetrika" tal-kontrolli jistgħu kultant jaffettwaw l-implimentazzjoni konsistenti tal-kontrolli u l-kundizzjonijiet ekwi fl-UE.

    3. Lil hinn mill-materjalità u l-fruntieri: lejn sistema ta' kontroll tal-kummerċ strateġika bbażata fuq ir-riskju.

    Bis-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni attwali, l-UE ppruvat tikseb bilanċ bejn is-sigurtà u l-kummerċ. Is-sistema hija ġeneralment meqjusa b’saħħitha u effikaċi u tipprovdi sisien istituzzjonali u legali sodi. Iżda ma tistax tibqa' statika: jeħtieġ li tkun evalwata mill-ġdid u aġġornata sabiex tkun tista' tiffaċċja sfidi ġodda u tiġġenera kapaċitajiet moderni ta' kontroll li l-UE teħtieġ għall-għaxar snin li ġejjin u aktar. Dan jista’ jinkiseb billi jingħata impetu ġdid għall-iżvilupp ta’ mudell integrat ta’ kontroll tal-kummerċ strateġiku xprunat mir-riskju u msejjes fuq id-direzzjonijiet segwenti:

    Analiżi msejsa fuq ir-riskju tal-bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni tal-kummerċ u t-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tkun ċara u proporzjonata. Azzjonijiet mhux regolatorji - linji gwida, l-ippuljar tar-riżorsi eċċ. - jistgħu wkoll jiġi maħsuba biex jarmaw is-sistema ta’ kontroll tal-UE b’għodda flessibbli biex jirreaġixxi għal sfidi ġodda filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern tal-UE.

    Approċċ integrat biex titjieb il-koerenza tal-"pilastri" kollha ta' kontroll tal-esportazzjoni (il-leġiżlazzjoni, il-liċenzjar minn qabel, l-implimentazzjoni, l-infurzar, is-sensibilizzazzjoni) permezz tal-iżvilupp ta’ netwerk ta’ kontroll komuni tal-UE, b'appoġġ għal fokus akbar fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar konsistenti bil-ħsieb li jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u titejjeb is-sigurtà.

    It-trasparenza u l-involviment mal-partijiet interessati u rwol aktar prominenti għas-settur privat ikunu punt kruċjali għal approċċ integrat li jippermetti lill-operaturi jaqdu bis-sħiħ ir-rwoli komplementari tagħhom, u b’hekk jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi u jingħata sostenn effikaċi lill-konformità.

    Il-proliferazzjoni titwettaq f'kuntest internazzjonali u l-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni jeħtieġ li tinkludi dimensjoni internazzjonali. L-iżvilupp ta’ sistema integrata jippermetti azzjoni esterna tal-UE aktar attiva, it-tisħiħ tal-proċessi multilaterali li jikkostitwixxi l-qalba tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni globali filwaqt li jipprovdi wkoll bażi għal relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ sħab ewlenin. Dan, min-naħa tiegħu, isaħħaħ is-sigurtà tal-UE nfisha. 3.1. Prijorità 1: Aġġustar għal ambjent tas-sigurtà li qed jevolvi u tisħiħ tal-kontribut tal-UE għas-sigurtà internazzjonali

    Is-sistema tal-UE ta’ kontroll tal-esportazzjoni għandha tirreaġixxi għall-konsiderazzjonijiet ta’ politika barranija li qed jinbidlu u tlaħħaq ma’ approċċi ġodda għas-sigurtà. Jeħtieġ li tintegra l-implikazzjonijiet tas-sigurtà ta' għadd dejjem jikber ta’ teknoloġiji emerġenti u firxa usa’ ta’ oġġetti b’użu doppju, sabiex ikun żgurat l-użu paċifiku tagħhom. Jeħtieġ li timxi dejjem aktar lil hinn mill-qasma artifiċjali bejn is-sigurtà interna u dik esterna u tindirizza r-riskji ta’ proliferazzjoni evolventi li qed jiċċaqalqu b'mod transfruntier u bejn il-ġuriżdizzjonijiet.

    · Il-Kummissjoni se tikkunsidra li timxi lejn approċċ ta' "sigurtà tal-bniedem"[9] li jirrikonoxxi li s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem huma intrinsikament marbuta. Dan jista’ jinvolvi evoluzzjoni lejn kunċett ta’ oġġetti “strateġiċi” li jindirizzaw mhux biss, u strettament, oġġetti b’użu aħħari possibbli militari iżda wkoll jkollhom użu aħħar possibbli fil-proliferazzjoni tal-AQM, iżda wkoll l-adozzjoni ta' approċċ usa' għas-sigurtà. Dan jista’ jimplika wkoll kjarifika ta’ kriterji ta’ kontroll li jqisu implikazzjonijiet usa’ tas-sigurtà, inkluż l-effett potenzjali fuq is-sigurtà ta’ persuni pereżempju permezz tat-terroriżmu jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Dan l-approċċ isaħħaħ ukoll il-koerenza mal-kontrolli l-oħra ta' sigurtà tal-kummerċ u jikkonverġu max-xejriet internazzjonali, pereżempju t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT-Arms Trade Treaty)[10] u l-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar tan-NU.

    · Il-Kummissjoni se tqis l-iżvilupp ta’ approċċ ta’ “sigurtà intelliġenti” biex tadatta għat-trasformazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju u l-proliferazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u tindirizza l-kumplessità dejjem tiżdied tal-katina tal-forniment internazzjonali. Dan jista’ jinvolvi kunsiderazzjoni tal-għażliet li ġejjin:

    L-iżvilupp ta’ "kapaċità ta’ reazzjoni teknoloġika tal-UE" għal kontribut attiv għad-diskussjonijiet tekniċi ħafna tal-listi ta’ kontroll, imma wkoll biex tkun żgurata reazzjoni rapida għall-isfidi maħluqa mit-teknoloġiji emerġenti (bħal cloud computing, manifattura addittiva (l-istampar 3D), nanoteknoloġija) kif ukoll dekontroll ta’ oġġetti li skadew jew li huma disponibbli sew kummerċjalment. Dan il-mekkaniżmu jista’ jibni fuq kompetenzi esperti disponibbli fl-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni u fuq l-impenn strutturat mal-industrija. Dan jista’ jimplika wkoll l-iżvilupp ta’ gwida fejn it-teknoloġiji jirrappreżentaw żvilupp ewlieni għan-negozji li jippreżentaw riskji u jitlob għal trasparenza, ċarezza legali u approċċ komuni.

    It-tfassil ta' reazzjoni effikaċi min-naħa tal-UE għall-użu taċ-ċiberspazju għal attivitajiet ta’ proliferazzjoni u kjarifika ta’ kontrolli taċ-ċibergħodod[11]. Dan jista’ jimplika azzjonijiet tal-UE biex tippromwovi deċiżjonijiet multilaterali dwar iċ-ċibergħodod, jew għażliet alternattivi bħall-introduzzjoni ta’ listi awtonomi tal-UE jew ta’ mekkaniżmu speċifiku li jkopri kollox, li ma jxekkilx il-kompetittività tal-industrija tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tal-UE u l-integrazzjoni tagħha fil-katini tal-forniment globali.

    Approċċi għall-kontroll modernizzati li jindirizzaw il-porożità tal-kummerċ legali u illeċitu jistgħu jinkludu għażliet biex tissaħħaħ il-bażi ġuridika u biex jiġu aġġornati ċerti modalitajiet ta’ kontroll sabiex ikunu koperti l-aspetti u l-atturi kollha fil-katina ta’ kontrolli u jkunu indirizzati l-applikazzjonijiet diverġenti tal-kontrolli u l-vulnerabilitajiet relatati. Dan jista’ jinvolvi l-iċċarar tal-kunċett ta’ esportazzjoni u esportatur sabiex ikopri l-varjetà ta’ attivitajiet u atturi involuti fil-katini tal-forniment globali, l-analiżi tad-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti (speċjalment għal kumpaniji li mhumiex fl-UE), l-aġġornament tal-kontroll tal-assistenza teknika, it-tisħiħ tal-konsistenza u l-infurzar ta’ kontrolli ta’ tranżitu u ta’ senserija kif ukoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi biex jikkumbattu ċ-ċirkomvenzjoni u jindirizzaw tranżazzjonijiet li jinvolvu persuni tal-UE irrispettivament mill-post fejn jinsabu. Barra minn hekk, l-għażliet rigward l-introduzzjoni ta’ modalitajiet ġodda ta’ kontroll u s-sħubija mas-settur privat jistgħu jikkontribwixxu għaċ-ċaqliq tal-enfasi fuq monitoraġġ tal-użu aħħari u jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet leġittimi u d-detezzjoni ta’ kummerċ illeċitu.

    · Il-Kummissjoni tista’ teżamina għażliet għall-promozzjoni ta’ strateġija speċifika li tiżgura "kontroll immaterjali” u tindirizza l-isfida ppreżentata minn Trasferimenti Intanġibbli tat-Teknoloġija (ITT - Intangible Transfers of Technology), inkluża l-ħtieġa li jkun iċċarat il-kontroll ta’ "riċerka b’użu doppju”, filwaqt li jkunu evitati ostakoli żejda għall-fluss ħieles tal-għarfien u l-kompetittività globali tax-xjenza u t-teknoloġija tal-UE.

    Il-kjarifika tal-qafas legali li japplika għall-ITT tista’ tinvolvi analiżi ta' dispożizzjonijiet legali u/jew il-provvediment ta' gwida dwar kunċetti bażiċi li japplikaw għal trasferimenti elettroniċi ta’ teknoloġija kkontrollata. Tista’ wkoll tikkonċerna l-modalitajiet ta’ kontroll u l-introduzzjoni ta’ għodod speċifiċi biex jiffaċilitaw il-fluss liberu tat-teknoloġija (pereżempju l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni (EUGEAs) għal riċerka u żvilupp bejn kumpanija u oħra) filwaqt li ssaħħaħ it-traċċabilità u l-infurzar tal-ITT permezz ta’ approċċ li jiffoka fuq dispożizzjonijiet ta’ kontroll ta’ qabel it-trasferiment - pereżempju r-reġistrazzjoni, l-awtoawditjar - u l-monitoraġġ wara t-trasferiment - pereżempju awditi ta’ konformità - aktar milli dwar it-trażmissjoni nnifisha;

    Involviment immirat u kkordinat għal komunitajiet ta' riċerka akkademika madwar l-UE jistgħu jqajmu kuxjenza dwar ir-regoli applikabbli u jippromwovu l-implimentazzjoni effikaċi minn xjenzjati u ħaddiema tal-laboratorju. Għażliet oħra bħalma hija t-tħejjija ta’ kodiċi ta’ kondotta għax-xjenzjati impenjati fit-twettiq ta’ riċerka b’użu doppju jistgħu wkoll ikunu previsti. 3.2. Prijorità 2: Promozzjoni ta' konverġenza ta’ kontroll tal-esportazzjoni u kundizzjonijiet ekwi globali

    Minkejja r-rikonoxximent internazzjonali dejjem jikber ta’ kontrolli tal-esportazzjoni, l-istandards ta’ kontroll differenzjati f’pajjiżi terzi joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-lakuni fil-katina globali tal-forniment li l-proliferaturi jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom. Il-politika tal-UE għandha għalhekk tippromwovi konverġenza lejn kontrolli effikaċii u globali għal katini tal-forniment globali, sabiex ineħħu l-isfida għall-industrija ta’ konformità simultanja ma’ regolamenti differenti u biex isostnu kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd.

    Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li twaqqaf mekkaniżmu effikaċi ta’ aġġornament regolari tal-listi ta’ kontoll tal-UE waqt li tuża l-kompetenzi esperti mill-awtoritajiet nazzjonali, biex jiġi żgurat li l-listi ta’ kontroll huma f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjali u biex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni assoċjati ma’ kontrolli skaduti.

    Għalkemm l-arkitettura tal-liċenzjar tal-UE hija ġeneralment meqjusa sodisfaċenti, il-proċessi ta’ liċenzjar għadhom qed iħallu impatt fuq il-kompetittività. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tfittex modi biex tottimizza l-arkitettura u l-proċessi tal-liċenzjar sabiex tevita il-proċeduri goffi ta' liċenzjar u timminimizza d-dewmien u d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Dan jista’ jinkludi għażliet għal:

    o L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ analiżi regolari tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali għall-Esportazzjoni (NGEAs) u d-diskussjoni dwar il-possibbiltà li jiġu ttrasformati f'EUGEAs u li jiġu estiżi mal-UE kollha kemm hi;

    o Bidla lejn liċenzjar miftuħ permezz tal-introduzzjoni ta’ EUGEAs addizzjonali, l-analiżi tal-bilanċ bejn azzjoni effiċjenti għal kontra l-proliferazzjoni u t-tnaqqas tal-piż għall-awtoritajiet tal-liċenzjar u l-esportaturi permezz ta' livell proporzjonat ta’ kontroll, pereżempju:

    § “Kunsinni ta’ valur żgħir” biex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ta’ oġġetti li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni baxx;

    § “Kriptaġġ”, li jippermetti l-esportazzjoni ta’ oġġetti tal-ICT li jintużaw b’mod wiesa’ fil-proċessi industrijali u joperaw f’ambjent kompetittiv ħafna;

    § “Trasferimenti teknoloġiċi bejn il-kumpaniji” għal skopijiet ta’ riċerka u żvilupp;

    § “Trasferimenti intra-UE” għall-oġġetti tal-Anness IV[12], li jippermettu modalitajiet ta' kontroll li ma jostakolawx iċ-ċaqliq ħieles ta’ oġġetti u t-teknoloġija fis-Suq Uniku;

    § “Proġetti kbar” li jippermettu lill-awtoritajiet li jħarsu lejn l-"istampa kollha" aktar minn akkumulazzjoni ta’ applikazzjonijiet individwali għal-liċenzjar.

    o Ir-reviżjoni tal-parametri (id-destinazzjonijiet, l-oġġetti) għal EUGEAs eżistenti sabiex ikun żgurat li huma aġġornati, u l-armonizzazzjoni ta’ xi kundizzjonijiet ta’ liċenzjar u rekwiżiti sabiex tiġi promossa implimentazzjoni konsistenti madwar l-UE, inkluż il-perjodu ta’ validità ta’ liċenzji individwali u ta’ ċaħdiet. It-tħejjija ta’ linji gwida għal prattiki ta’ liċenzjar konsistenti, li jinkludu l-aħjar prattiki pereżempju dwar iż-żmien għall-ipproċessar, tista’ wkoll tkun ikkunsidrata.

    Il-Kummissjoni se tivvaluta l-għażliet biex tippromwovi l-konverġenza globali tal-kontrolli tal-esportazzjoni bil-għan li jkun iffaċilitat il-kummerċ f’oġġetti b’użu doppju. Dan jista' jinkludi azzjonijiet għall-promozzjoni ta' rapreżentanza koerenti, komprensiva u unita tal-UE fis-sistemi[13] bħala riflessjoni tar-rwol tagħha kontra l-proliferazzjoni u fil-kummerċ. Jista’ wkoll jinvolvi sensibilizzazzjoni u koperazzjoni attivi esterni biex biex jasssitu pajjiżi sħab biex jiżviluppaw regolamenti konverġenti, kif ukoll jiżviluppaw djalogi ta’ kontroll tal-esportazzjoni ma’ sħab kummerċjali ewlenin bil-għan li jiġu evitati rekwiżiti regolatorji konfliġġenti u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-industriji orjentati għall-esportazzjoni. 3.3. Prijorità 3: L-Iżvilupp ta' sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE effikaċi u kompetittiva

    L-istruttura b’diversi livelli ta’ kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE tipprovdi għal sistema unika u flessibbli, iżda każijiet ta’ applikazzjoni diverġenti jistgħu kultant jikkompromettu l-effikaċja kumplessiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha għalhekk, tivvaluta l-għażliet biex tkun indirizzata l-"implimentazzjoni assimetrika" tal-kontrolli sabiex timminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet assoċjati mal-kontrolli fl-UE.

    · Deċiżjonijiet diverġenti għall-kontroll ta’ spiss jiġu attribwiti għal nuqqas perċeput ta’ politika armonizzata tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni u speċjalment għal valutazzjoni tar-riskju diverġenti li hi sottostanti għad-deċiżjonijiet ta’ kontroll. Approċċ ibbażat fuq ir-riskju, ibbażat fuq l-iżvilupp ta’ qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju jista' jiżgura aktar konsistenza fl-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ riskju għoli waqt li jottimizza l-użu tar-riżorsi madwar l-UE u jnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba deċiżjonijiet diverġenti għall-kontroll.

    · Kontrolli li jkopru kollox[14] jibqgħu għodda essenzjali sabiex jiġi evitat l-użu ta’ oġġetti mhux elenkati għall-proliferazzjoni, iżda l-implimentazzjoni żbilanċjata qajmet tħassib f’termini ta’ ċarezza legali, distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u lakuni fil-katina tal-kontrolli. Konverġenza akbar tista’ tinkiseb permezz tal-armonizzazzjoni tal-kunċett ta’ kontrolli li jkopru kollox u t-tisħiħ ta’ konsultazzjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni tagħhom fl-UE kollha u tissaħħaħ politika kontra t-twaqqigħ tal-prezz. Din tista' tkun appoġġata permezz ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni u l-istabbiliment ta’ bażi tad-dejta komprensiva tal-UE. Xi informazzjoni tista' tkun skambjata ma’ dwani u aġenziji oħra sabiex jittejjeb l-infurzar, jew tista' tkun disponibbli pubblikament. It-trasparenza tista’ tappoġġa d-diliġenza dovuta tal-operaturi biex jiżguraw li l-katina tal-forniment hija sigura.

    · Il-Kummissjoni tista’ tivvaluta l-għażliet għal rievalwazzjoni kritika ta’ kontrolli ta’ trasferimenti intra-UE sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ostakli li fadal fis-Suq Uniku, filwaqt li jinżamm kontroll strett fuq l-aktar oġġetti sensittivi b’użu doppju. Dan jista’ jinkludi analiżi tal-Anness IV biex jiffoka fuq lista aġġornata tal-aktar oġġetti sensittivi u/jew l-introduzzjoni ta’ EUGEA għal trasferimenti intra-UE, inklużi trasferimenti ta’ teknoloġija. Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti xierqa, inklużi l-għażliet għal verifika wara l-kunsinna fil-UE, jistgħu jitfasslu biex jikkumpensaw għat-tneħħija ta’ liċenzjar ta’ qabel u biex ikunu żgurati s-sigurtà tat-trasferimenti u d-disponibbiltà tal-informazzjoni.

    3.4. Prijorità 4: Sostenn għal implimentazzjoni u infurzar effikaċji u konsistenti tal-kontroll tal-esportazzjoni

    Il-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni ma għandhiex tiffoka biss fuq l-istabbiliment ta' regoli għall-kontroll tal-kummerċ leġittimu, iżda tikkunsidra wkoll il-prelazzjoni u l-interruzzjoni ta’ kummerċ illeċitu. Implimentazzjoni u l-infurzar konsistenti madwar l-UE huma essenzjali sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ evażjoni tal-proċessi ta’ kontroll, iżda n-nuqqas ta’ statistika u intelligence sodi madwar l-UE għadu jtappan politika effikaċi u reazzjonijiet operazzjonali. Il-Kummissjoni se tanalizza l-għażliet li ġejjin biex tiżviluppa qafas aktar integrat ta' implimentazzjoni u infurzar:

    · B’aktar minn 40 000 applikazzjoni fis-sena, il-kontrolli tal-esportazzjoni huma impenjattivi f’termini ta’ riżorsi amministrattivi fl-awtoritajiet ta’ kontroll. L-iżvilupp ta’ netwerk ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE jista’ jsaħħaħ il-kapaċità ġenerali tas-sistema filwaqt li jottimizza l-użu tar-riżorsi amministrattivi u jikkontrolla l-kostijiet amministrattivi, permezz ta’ dawn l-għażliet li ġejjin:

    Skambju ta’ informazzjoni strutturat imtejjeb bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni dwar id-dejta tal-liċenzjar u informazzjoni rilevanti oħra (pereżempju destinazzjonijiet, utenti aħħarin, okkorrenzi u ksur) jistgħu jippermettu aċċess għal informazzjoni kritika lill-awtoritajiet kompetenti kollha, abbażi tal-ħtiġijiet identifikati b’mod ċar sabiex tiġi evitata informazzjoni żejda. L-Infrastruttura sigura tal-IT "DUeS"[15] tista' tkun estiża biex issostni kondiviżjoni imsaħħa tal-informazzjoni.

    Koperazzjoni strateġika u operazzjonali mtejba b'aġenziji għall-infurzar, pereżempju id-dwana, tista' tinkiseb billi tkun żgurata l-integrazzjoni tal-prijoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni fiċ-ċikli relevanti ta' politika[16], billi jikkondividu informazzjoni permezz ta' sistemi ta' skambju mal-UE kollha, biex b'hekk jiżviluppaw għodod komuni għall-ġestjoni tar-riskju u jimplimentaw operazzjonijiet konġunti. L-iskambju ta’ informazzjoni fil-mira dwar l-attività ta’ infurzar jippermetti ħarsa ġenerali kumplessiva aħjar tal-effikaċja tal-kontrolli madwar l-UE, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, u tista' tintuża fil-formulazzjoni tal-politika pereżempju għall-identifikazzjoni ta’ kummerċ illeċitu.

    Koerenza mtejba bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-UE u l-Istati Membri u l-identifikazzjoni ta’ sinerġiji bejn strumenti ta’ kontroll kummerċjali relatat mas-sigurtà, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-IT komuni bħala pjattaforma komuni biex issostni l-iskambju ta’ informazzjoni madwar l-UE, tista’ żżid l-impatt globali ta’ l-azzjonijiet kontra l-proliferazzjoni tal-UE. Koerenza ma’ politiki u r-regolamenti oħra tal-UE relatati mill-qrib, pereżempju skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-sigurtà kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari, ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 dwar il-prekursuri esplożivi u r-Regolament (UE) Nru 258/2012 dwar l-armi tan-nar għandha tkun żgurata wkoll.

    Matul l-aħħar għaxar snin kien hemm kapaċitajiet estensivi dwar kwistjonijiet relatati mal-AQM, inkluż programmi sinifikanti dwar is-sensibilizzazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni lil pajjiżi terzi, filwaqt li inizjattivi fi ħdan l-UE għadhom fl-istadji bikrin tagħhom. L-iżvilupp ta' programm tal-UE immirat gaħll-bini ta' kapaċità u taħriġ għall-uffiċjali reelvanti, inkluż dwana u aġenziji tal-fruntieri, jista' jżid il-kapaċità biex ikun prevenut u detet it-traffikkar transfruntier tal-oġġetti strateġiċi. L-ippuljar ta’ kompetenzi esperti pereżempju permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-“Pula ta’ esperti”, jista’ wkoll isaħħaħ il-katina ta’ kontroll tal-UE.

    · F’ekonomiji moderni, is-settur privat għandu l-aktar rwol kruċjali fil-katina ta’ kontroll. Għalhekk, sħubijiet mas-settur privat jistgħu jsaħħu ħafna s-sigurtà u r-reżiljenza tal-katina ta’ forniment globali. L-operaturi huma f’pożizzjoni tajba biex jinnutaw l-kummerċ illeċitu u jipproteġu teknoloġija sensittiva, filwaqt konformità kummerċjali li mhux ekwa toħloq distorsjonijiet kummerċjali u tiftaħ opportunitajiet għall-isfruttament ta’ punti debboli fil-katini tal-forniment. Il-ħolqien ta’ dawn il-kundizzjonijiet jiddependi fuq kordinazzjoni aħjar u fehim bejn il-gvernijiet u s-settur privat u jista’ jimplika diversi azzjonijiet bħal:

    Sforzi ta' konformità jistgħu jkunu rikonoxxuti permezz tal-proċessi ta' faċilitazzjoni tal-kontroll u esportazzjoni rapida billi jistabbilixxu standards ċari ta' konformità fis-settur privat għall-użu ta' mekkaniżmi simplifikati (bħal EUGEAs, NGEAs, Liċenzji Globali) bħala privileġġ sostanzjali mogħti lill-esportaturi affidabbli. Dan jista’ jinkludi rekwiżiti legali u/jew linji gwida sabiex l-operaturi jidentifikaw, jimmaniġjaw u jimmitigaw ir-riskju tagħhom ta’ espożizzjoni għall-proliferazzjoni billi jidħlu għal viġilanza msaħħa għal oġġetti li jqajmu livell għoli ta' tħassib permezz tad-diliġenza dovuta u rekwiżiti ta' żvelar, inkluż ir-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi. Filwaqt li l-kostijiet għan-negozju għandhom jkun minimizzat u l-awtoregolamentazzjoni mħeġġa, rekwiżiti standard għall-“Programmi ta’ Konformità Interna” (ICPs - Internal Compliance Programmes) jistgħu jsostnu kundizzjonijiet ekwi fl-UE. Il-konformità u l-kompetittività jsaħħu lil xulxin, minħabba li l-konformità tnaqqas ir-riskju ta’ forniment mhux mistenni ta’ oġġetti b’użu doppju għal programmi ta’ tħassib li jesponu lid-ditti għal penali u ħsara fir-reputazzjoni. Barra minn hekk, għażliet biex jippromwovu l-konverġenza mal-programm tal-“operaturi fdati” (AEO) tad-dwana jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni tal-kontrolli u joffru modi kosteffikaċi kemm għall-operaturi u kif ukoll għall-amministrazzjonijiet.

    It-trasparenza u sensibilizzazzjoni kordinata jistgħu jkunu passi kritiċi biex jipprovdu ċarezza dwar ir-rekwiżiti, isostnu l-isforzi ta' konformitàtal-operaturi u jtejbu l-kapċità tagħhom biex jimplimentaw kontrolli, biex b'hekk joħolqu kundizzjonijiet li fihom kull element tal-katina ta' forniment huwa reżiżtenti għall-"kontaminazzjoni" minn kummerċ illeċitu. Din tista' tinvolvi l-pubblikazzjoni ta' rapporti u informazzjoni ta' kontroll mhux sensittiva , inkluż gwida li tippromwovi parttiki tajba ta' konformità.

    L-iżvilupp ta’ għodod ta’ appoġġ komuni tal-UE għall-operaturi ekonomiċi pereżempju għodod tal-IT standardizzati u sistemi ta’ liċenzjar elettroniku, jistgħu’ wkoll jappoġġaw l-isforzi ta' konformità mill-kumpaniji.

    · Kontrolli tal-esportazzjoni jirriflettu l-impenji internazzjonali u jirrappreżentaw salvagwardja ewlenija għall-integrità tal-kummerċ internazzjonali u għalhekk huma essenzjali biex tissaħħaħ l-effikaċja globali tagħhom. L-għażliet għall-implimentazzjoni koperattiva tal-kontrolli ma’ sħab esterni jistgħu jiġu eżaminati biex ikun iffaċilitat il-kummerċ sikur f’oġġetti strateġiċi, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ monitoraġġ tal-użu aħħari ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll rikonoxximent reċiproku tal- valutazzjonijiet.

    4. Konklużjoni

    L-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri u ċ-ċittadini fl-UE kollha għandhom interess f’kontrolli effikaċii tal-esportazzjoni, li jiżguraw is-sigurtà billi jiġġieldu kontra l-kummerċ illeċitu filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu. Approċċ tal-UE u qafas regolatorju aġġornati jsaħħu s-sigurtà u l-integrità tal-katina ta’ forniment. Dan se jeħtieġ skambju aktar sistematiku tal-informazzjoni u l-kordinazzjoni tar-riskju bejn l-awtoritajiet tal-liċenzjar u oħrajn kif ukoll l-involviment mas-settur privat u koperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib.

    Qabel ma tieħu inizjattivi konkreti għall-azzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iqisu l-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni. B’mod parallel, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta' analiżi deskritti fil-qosor f’din il-Komunikazzjoni biex tidentifika l-aktar azzjonijiet regolatorji u mhux regolatorji xierqa biex jinġiebu fis-seħħ. B’referenza għal REFIT, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji assoċjati mad-diversi għażliet, notevolment fir-rigward ta’ simplifikazzjoni regolamentarja u tnaqqis tal-piż potenzjali.

    _______________

    Lista ta’ akronimi

    ATT || Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

    DUeS || Is-Sistema Elettronika b’Użu Doppju (Dual-Use Electronic System)

    UE || L-Unjoni Ewropea

    EUGEA || Awtorizzazzjoni Ġenerali Nazzjonali tal-Esportazzjoni

    ICP || Programm ta’ Konformità Interna

    ICT / IT || Teknoloġija tal-Informazzjoni (u l-Komunikazzjoni)

    ITT || Trasferiment ta' Teknoloġija Intanġibbli

    NGEA || Awtorizzazzjoni Ġenerali Nazzjonali tal-Esportazzjoni

    REFIT || Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni Regolatorja

    AQM || Armi ta' Qerda Massiva

    UNSCR || Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

    [1] ĠU L 134, id-29 ta' Mejju 2009, p. 1.

    [2] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta' tiftix kontinwu ta’ politika effikaċi tal-UE dwar l-isfidi l-ġodda ppreżentati mill-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (AQM) u s-sistemi tat-twassil tagħhom, il-21 ta’ Ottubru 2013.

    [3] COM(2011) 393 tat-30 ta’ Ġunju 2011.

    [4] SWD(2013) 7 tas-17 ta' Jannar 2013.

    [5] COM(2013) 710 tas-16 ta' Ottubru 2013.

    [6] It-trasferiment tat-teknoloġija intanġibbli jinkludi kemm it-trasferiment ta’ informazzjoni teknika permezz ta’ mezzi elettroniċi u t-trasferiment tal-għarfien u tal-ħiliet minn persuni.

    [7]  C(2012) 4890 finali dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha.

    [8] L-esportazzjonijiet b’użu doppju kkontrollati mill-UE huma stmati li għandhom valur ta' madwar 2,5 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE. Għal aktar informazzjoni fuq il-kummerċ b'użu doppju tal-UE, irreferi għal COM(2013) 710 finali.

    [9] L-approċċ ta' “sigurtà tal-bniedem” għandu l-intenzjoni li jpoġġi lin-nies fil-qalba ta’ politika tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni, b’mod partikolari billi jirrikonoxxi r-rabtiet bejn id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà.

    [10] L-ATT għandu l-għan li jnaqqas il-kummerċ illeċitu tal-armi billi jistabbilixxi regoli ta’ trasparenza u standards ta’ etika komuni tal-kummerċ internazzjonali ta’ armi konvenzjonali.

    [11] Ara wkoll il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Strateġija ta’ Sigurtà Ċibernetika tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur”, JOIN(2013) 1 finali, is-7 ta’ Frar 2013.

    [12] L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jelenka oġġetti b'użu doppju partikolarment sensittivi, soġġetti wkoll għal kontrolli ta’ trasferimenti intra-UE.

    [13] Ara pereżempju l-Arranġamenti Ġenerali dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-UE f’organizzazzjonijiet multilaterali, Doc. 15901/11, l-24 ta’ Ottubru 2011

    [14] L-hekk imsejħa “kontrolli li jkopru kollox” japplikaw għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati b'użu aħħari potenzjalment militari jew għall-proliferazzjoni.

    [15] Is-Sistema Elettronika b’Użu Doppju (Dual-Use Electronic System)

    [16] Speċifikament fir-rigward tad-dwana, l-iżvilupp ta' Strateġija u Pjan ta' Azzjoni dwar il-ġestjoni tar-Riskju u s-Sigurtà tal-Katini ta' Forniment ġdida mitluba mill-Kunsill fit-18 ta' Ġunju 2013 jipprovdi opportunitàewlenija biex ikun ikkunsidrat kif Qafas Komuni għal-Ġestjoni tar-Riskju għall-kontrolli tad-dwana jista' jkun sfruttat bl-aħjar mod biex isostni l-kollaborazzjoni għal-liċenzjar tad-dwana, l-infurzar u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-futur.

    Início