EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2017/346/09

Sejħa għal proposti — EACEA/27/2017 taħt il-programm Erasmus+ — KA3 — Appoġġ għar-Riforma tal-Politika — Kwalifiki Konġunti fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (ETV)

OJ C 346, 14.10.2017, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/6


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/27/2017

taħt il-programm Erasmus+

KA3 — Appoġġ għar-Riforma tal-Politika

Kwalifiki Konġunti fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (ETV)

(2017/C 346/09)

1.   Objettivi

L-objettivi ġenerali tas-sejħa huma, minn naħa, li tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja, ikkwalifikata u mobbli li minnha jeħtieġ li jibbenefikaw il-kumpaniji wkoll u, min-naħa l-oħra, li jiġu sostnuti l-iżviluppi konġunti fl-ETV fl-Ewropa u li tissaħħaħ il-kwalità, ir-rilevanza u l-attraenza ta’ dawn.

L-objettiv speċifiku ta’ din is-sejħa hu li ssostni t-tħejjija jew l-istabbiliment ta’ kwalifiki konġunti tal-ETV inkluż f’livell ogħla jew it-titjib tat-tali kwalifiki eżistenti.

Jeħtieġ li l-kwalifiki transnazzjonali jinvolvu tagħlim b’saħħtu bbażat fuq ix-xogħol u komponent ta’ mobilità, jindirizzaw l-eżiti tat-tagħlim, il-garanzija tal-kwalità u r-rikonoxximent xieraq filwaqt li jużaw għodod u strumenti Ewropej rilevanti.

F’dan l-isfond ta’ qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, ta’ spariġġ fil-ħiliet u nuqqas ta’ ħiliet kif ukoll tal-ħtieġa għal ħiliet ta’ livell ogħla f’livell settorjali, il-kwalifiki konġunti tal-ETV għandhom il-potenzjal li jindirizzaw dawn l-isfidi u jiżguraw li l-ETV iwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

2.   Sħubijiet eliġibbli

Is-sħubija trid tkun imsawra minn sħab minn tal-anqas żewġ pajjiżi differenti tal-Programm Erasmus+ (tal-inqas wieħed minnhom iridu ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea):

—   It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (1);

—   Il-pajjiżi tal-Programm li mhumiex fl-UE: l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, it-Turkija.

Barra minn hekk, is-sħubija għandha tinkludi tal-inqas tliet sħab, inklużi ż-żewġ organizzazzjonijiet li ġejjin:

Fornitur tal-ETV (fil-livell sekondarju għoli, fil-livell postsekondarju mhux terzjarju jew fil-livell terzjarju);

Intrapriża (pubblika jew privata) jew kamra tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja’ jew organizzazzjoni settorjali/professjonali.

Wieħed minn dawn is-sħab jrid ikun l-organizzazzjoni li tikkoordina, li tapplika għall-għotja ta’ Erasmus+ għan-nom tal-konsorzju tal-organizzazzjonijiet sħab.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli oħra jinkludu:

L-awtoritajiet rilevanti tal-kwalifiki jew ekwivalenti (f’livelli nazzjonali, reġjonali jew settorjali). L-involviment tat-tali organizzazzjoni minn kull wieħed mill-pajjiżi parteċipanti fil-proġett se jirrappreżenta assi fl-evalwazzjoni tal-kwalità tal-konsorzju tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni;

L-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali jew nazzjonali;

Is-sħab soċjali (l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-ħaddiema);

L-istituti ta’ riċerka;

L-organizzazzjonijiet umbrella Ewropej;

Il-kunsilli tal-ħiliet tas-setturi, jew ekwivalenti;

Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

L-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri;

Korpi rilevanti oħra.

3.   Attivitajiet u r-riżultati mistennija

L-attivitajiet iridu jibdew bejn l-1 ta’ Settembru 2018 u l-1 ta’ Novembru 2018.

Id-durata tal-proġetti hi ta’ 24 xahar.

Jeħtieġ li l-benefiċjarji jwettqu ż-żewġ attivitajiet ewlenin li ġejjin:

Ifasslu jew itejbu kwalifika konġunta fl-ETV, bl-għan li jwieġbu għal ħtiġijiet konkreti ta’ ħiliet fil-pajjiżi bi sħab obbligatorji, bl-għan li din tiġi rikonoxxuta bħala kwalifika f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi.

Jeħtieġ li l-kwalifika konġunta tkun komposta minn unitajiet identifikati ċari:

Definiti permezz ta’ profil ta’ kwalifika dettaljat, li hu spjegazzjoni komprensiva tal-eżiti tat-tagħlim mistennija;

Komplimentati mit-tfassil ta’ kurrikulu konġunt, b’komponent b’saħħtu ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, u jsostnu l-mobilità transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali tal-istudenti;

Ikkomplimentati minn standards tal-valutazzjoni.

L-istabbiliment ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni sostenibbli biex jiġu żgurati trasparenza, komparabbiltà, sistemi xierqa ta’ garanzija tal-kwalità u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, filwaqt li l-impenn eżistenti jsir iktar sistematiku u mmirat.

Matul id-durata tal-proġett iridu jinkisbu riżultati konkreti:

Titfassal jew titjieb kwalifika konġunta fl-ETV

Jinkisbu eżiti tanġibbli u sostenibbli fl-istabbiliment ta’ kwalifika konġunta tal-ETV inkluża trasparenza, komparabbiltà u rikonoxximent aħjar ta’ dawk il-kwalifiki;

Tiġi pprovduta evidenza fuq kif il-ħtiġijiet ta’ ħiliet speċifiċi se jitlaqqgħu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-pajjiżi/fir-reġjuni parteċipanti fis-sħubija.

L-istabbiliment ta’ strutturi sostenibbli ġodda ta’ kooperazzjoni

Jintwerew sforzi konkreti biex tiżdied l-impjegabbiltà tal-istudenti tal-ETV permezz ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u permezz ta’ opportunitajiet ta’ mobilità inkorporati;

Jiġu implimentati sinerġiji fit-tul biex fl-aħħar mill-aħħar titjieb l-attraenza tal-ETV.

Trid tintwera evidenza li r-riżultati tanġibbli tal-proġett se jibqgħu jitfittxu wara li jkun intemm il-finanzjament mill-UE.

4.   Kriterji tal-għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-rilevanza tal-proġett (Massimu 30 punt – Limitu: minimu ta’ 16-il punt);

2.

Il-kwalità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-proġett (Massimu 25 punt – Limitu: minimu ta’ 13-il punt);

3.

Il-kwalità tal-konsorzju tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (Massimu 25 punt – Limitu: minimu ta’ 13-il punt);

4.

L-impatt u d-disseminazzjoni (Massimu 20 punt – Limitu: minimu ta’ 11-il punt)

Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jġibu tal-inqas 60 punt (minn 100 punt b’kollox), b’kunsiderazzjoni wkoll tal-limitu minimu neċessarju għal kull wieħed mill-erba’ kriterji tal-għoti.

5.   Baġit

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament ta’ proġetti hu stmat sa massimu ta’ EUR 6 miljun.

Ir-rata massima ta’ kofinanzjament mill-UE se tkun ta’ 80 %.

Kull għotja se tammonta għal bejn EUR 200 000 u EUR 500 000. Hu mistenni li se jiġu ffinanzjati madwar 20 proposta.

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2018, sa nofsinhar (ħin ta’ Brussell).

L-applikazzjonijiet iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

Iridu jiġu sottomessi online permezz tal-formola ta’ applikazzjoni uffiċjali korretta (Formola elettronika);

Iridu jiġu miktuba b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE;

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett, dikjarazzjoni fuq l-unur u baġit stmat ibbilanċjat, ippreżentati fuq il-formoli uffiċjali, iridu jkunu mehmuża mal-applikazzjonijiet.

In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.

7.   Dettalji sħaħ

Il-Linji Gwida tal-Applikanti flimkien mal-Formola elettronika ta’ applikazzjoni jinsabu fl-indirizz tal-Internet li ġej:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/ka3-joint-qualifications-in-vocational-education-and-training_en

L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mat-termini kollha tal-Linji Gwida.


(1)  Għall-applikanti mir-Renju Unit: Jekk jogħġbok kun af li għandu jkun hemm konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà għad-durata kollha tal-għotja. Jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu ta’ għotja mingħajr ma jikkonkludi ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jibqgħu eliġibbli, inti se tieqaf tirċievi finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli, sa fejn possibbli, tipparteċipa) jew tkun meħtieġ tħalli l-proġett.


Top