EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0558

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2017.
Kawża mressqa minn Doris Margret Lisette Mahnkopf.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Suċċessjonijiet u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Possibbiltà li jiġi indikat is-sehem tal-konjuġi superstiti fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
Kawża C-558/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:965

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawża C-558/16

Doris Margret Lisette Mahnkopf

fil-preżenta ta’:

Sven Mahnkopf

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin (il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Possibbiltà li jiġi indikat is-sehem tal-konjuġi superstiti fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni huwa t-tieni wieħed li fil-kuntest tiegħu qorti nazzjonali titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonjiet tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ( 2 ).

2.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti nazzjonali kkonċernata fil-kawża Kubicka ( 3 ), kienet tirrigwarda d-delimitazzjoni bejn ir-regoli dwar is-suċċessjoni u r-regoli fil-qasam tad-drittijiet in rem. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kwistjoni marbuta mad-delimitazzjoni tar-regoli dwar is-suċċessjoni u r-regoli fil-qasam tar-reġimi matrimonjali. Fil-fatt, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk, fil-kuntest taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, huwiex possibbli li jitniżżel is-sehem tal-konjuġi superstiti skont l-Artikolu 1371(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tippreċiża liema huma l-effetti li għandhom jiġu kkonstatati fir-rigward ta’ inklużjoni eventwali ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-imsemmi sehem fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-premessi 11, 12, u 71 tar-Regolament Nru 650/2012 jippreċiżaw:

“(11)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni. Għal finijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà [reġimi] matrimonjali, li jinkludu kuntratti ta’ żwieġ kif huma magħrufin f’xi sistemi legali sal-punt li tali kuntratti ma jittrattawx kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, u s-sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin li għandhom effetti komparabbli maż-żwieġ. L-awtoritajiet li jittrattaw suċċessjoni speċifika skont dan ir-Regolament għandhom madankollu, skont is-sitwazzjoni, jieħdu kont tal-istralċ tas-sistema ta’ proprjetà matrimonjali jew sistema simili ta’ proprjetà tad-deċedut meta jiddeterminaw il-patrimonju tad-deċedut u l-ishma rispettivi tal-benefiċjarji.

[…]

(71)

Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha. Ma għandux ikun titolu ta’ infurzar fih innifsu iżda għandu jkollu effett evidenzjarju u għandu jkun preżunt li juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħal ma hija l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis. L-effett evidenzjarju taċ-Ċertifikat ma għandux jestendi għal elementi li mhumiex irregolati minn dan ir-Regolament, bħal pereżempju kwistjonijiet tal-affiljazzjoni jew il-kwistjoni dwar jekk assi partikolari kienx tad-deċedut jew le […]”.

4.

Skont l-Artikolu 1(1) u (2)(d) tar-Regolament Nru 650/2012:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. […]

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(d)

kwistjonijiet relatati ma’ sistemi [reġimi] ta’ proprjetà matrimonjali u sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti paragunabbli maż-żwieġ;

[…]”.

5.

Konformement mal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012:

“‘suċċessjoni’ tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

6.

Skont l-Artikolu 23(1) u (2)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”:

“1.   Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.   Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:

[…]

(b)

id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti;

[…]”.

7.

Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, jinkludi sensiela ta’ dispożizzjonijiet relatati ma’ dan l-istrument tad-dritt tal-Unjoni. Fosthom, l-Artikoli 62 u 63 jispeċifikaw l-għan li għandu jintlaħaq bil-ħolqien taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni:

“Artikolu 62

Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

1.   Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.   L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.   Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.

Artikolu 63

Fini taċ-Ċertifikat

1.   Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju.

2.   Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

[…]”.

8.

L-Artikolu 68(f), (h) u (l) tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Kontenut taċ-Ċertifikat”, jipprovdi:

“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

[…]

(f)

dettalji rigward id-deċedut: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), l-indirizz fil-ħin tal-mewt, id-data u l-post tal-mewt;

[…]

(h)

informazzjoni dwar kuntratt taż-żwieġ li jkun daħal għalih id-deċedut jew, jekk applikabbli, kuntratt li jkun daħal għalih id-deċedut fil-kuntest ta’ relazzjoni meqjusa mil-liġi li tkun applikabbli għal tali relazzjoni li jkollha effetti komparabbli għal żwieġ u informazzjoni rigward is-sistema ta’ proprjetà matrimonjali jew sistema ta’ proprjetà ekwivalenti;

[…]

(l)

is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari;

[…]”.

9.

L-effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huma ddeterminati mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012. Konformement mal-paragrafi 1, 2 u 5 ta’ din id-dispożizzjoni:

“1.   Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. […]

5.   Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2).”

B. Id-dritt Ġermaniż

10.

Fid-dritt Ġermaniż, ir-regoli relatati mal-kontijiet patrimonjali applikabbli fil-każ ta’ likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali huma ddefiniti mid-dispożizzjonijiet tal-BGB. Fost dawn id-dispożizzjonijiet, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 1931 u l-paragrafu 3 tal-istess artikolu, jipprovdu kif ġej:

“(1)

Fil-każ li l-wirt jinqasam ma’ qraba familjari tal-ewwel grad, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt, inkwantu werriet bil-liġi, għal kwart tal-wirt; fil-każ li l-wirt jinqasam ma’ qraba familjari tat-tieni grad jew ma’ axxendenti, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt, inkwantu werriet bil-liġi, għal nofs il-wirt. […]

[…]

(3)

Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 1371 tal-BGB għandha tibqa’ applikabbli.

[…]”.

11.

Konformement mal-Artikolu 1371 tal-BGB:

“1.

Meta r-reġim matrimonjali jiġi tterminat minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, it-tqassim tal-assi għandha ssir permezz tal-inkrementazzjoni tas-sehem legali tal-konjuġi superstiti bi kwart tal-wirt; il-fatt li l-miżżewġin effettivament ikunu żiedu l-valur tal-assi tagħhom huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

2.

Il-konjuġi superstiti li ma huwa la werriet u lanqas legatarju jista’ jirrikjedi l-likwidazzjoni tal-assi konformement mal-Artikoli 1371 sa 1373 u 1390; l-ammont tal-porzjon irriżervat tal-wirt tal-konjuġi superstiti […] jista’ jiġi ddeterminat skont is-sehem li kien isir dovut lilu fil-każ ta’ suċċessjoni ab intestatio, qabel l-inkrementazzjoni tal-assi.

3.

Fejn il-konjuġi superstiti jirrifjuta s-suċċessjoni, huwa jista’ jirrikjedi, minbarra t-tqassim tal-assi, ukoll tal-porzjoni riżervat tal-wirt dovut lilu, anki fejn ma kienx ikollu dritt għalih skont il-provvedimenti legali dwar suċċessjoni; din ir-regola ma tirrigwardax il-każijiet fejn il-konjuġi jkun irrinunzja għas-suċċessjoni ab intestatio jew għad-dritt għall-porzjon irriżervat tal-wirt bis-saħħa ta’ ftehim konkluż mal-konjuġi tiegħu.

(4)

Il-konjuġi superstiti, li jkun kiseb sehem li jammonta għal kwart tal-wirt bis-saħħa tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, fil-limiti tal-arrikiment hekk irċevut, għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tad-dixxendenti tal-persuna deċeduta, li jkollhom titolu ta’ suċċessjoni fil-konfront tagħha iżda li ma jirriżultawx mir-rabta konjugali eżistenti bejn il-persuna deċeduta u l-imsemmi konjuġi superstiti.”

III. Il-kawża prinċipali

12.

Lutz G. Mahnkopf miet fid‑29 ta’ Awwissu 2015, fejn ħalla warajh armla, Doris M. L. Mahnkopf, kif ukoll iben, Sven Mahnkopf. D. Mahnkopf u S. Mahnkopf huma partijiet fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

13.

Sa meta miet, id-deċedut kien miżżewweġ lil D. Mahnkopf. Il-konjuġi kienu suġġetti għar-reġim legali tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti. Fil-mument taż-żwieġ tagħhom, iż-żewġ konjuġi kellhom nazzjonalità Ġermaniża u kienu jirrisjedu fil-Ġermanja. Huma ma kinux ikkonkludew kuntratt taż-żwieġ. Id-deċedut ma kien ħalla ebda dispożizzjoni fil-każ tal-mewt tiegħu.

14.

Il-patrimonju tad-deċedut kien jinsab fit-territorju Ġermaniż, bl-eċċezzjoni ta’ sehem ta’ 50 % mill-koproprjetà ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Isvezja.

15.

Fuq talba tal-konjuġi tad-deċedut, il-qorti inkarigata mis-suċċezzjoni ħarġet, fit‑30 ta’ Mejju 2016, ċertifikat ta’ suċċessjoni li kien jiddikjara li l-partijiet fil-proċedura huma l-werrieta legali ta’ L. Mahnkopf, f’partijiet ugwali.

16.

Ulterjorment, il-konjuġi tad-deċedut talbet il-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Dan tal-aħħar kellu jservi sabiex jitniżżel it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-proprjetà immobbli li tinsab fl-Isvezja favur il-werrieta ta’ L. Mahnkopf. Madankollu din it-talba ġiet miċħuda mill-qorti nazzjonali, li qieset li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB kien jirrigwarda kwistjonijiet relatati ma’ reġimi matrimonjali, li ma kinux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

17.

Il-konjuġi tad-deċedut ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja). F’dan l-istadju, il-konjuġi tad-deċedut ressqet ukoll talba eventwali, intiża sabiex jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, sempliċement bħala informazzjoni, il-fatt li kwart tas-suċċessjoni (iddefinit skont l-Artikolu 1371(1) tal-BGB) kien dovut lilha bħala parti mir-reġim matrimonjali.

18.

Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji fir-rigward tal-possibbiltà li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni konformement mat-talbiet magħmula mill-konjuġi tad-deċedut.

19.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li L. Mahnkopf ma indikax għażla fir-rigward tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu. Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 650/2012, id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli f’dan ir-rigward.

20.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mar-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi, il-qorti tar-rinviju tfakkar li attwalment, għad ma kienx hemm armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt fil-qasam tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali.

21.

Konsegwentement, il-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali hija ddeterminata fir-rigward tar-regoli nazzjonali ta’ kunflitt tal-liġi, fis-seħħ fi ħdan l-Istat tal-forum. Fid-dritt Ġermaniż dawn huma l-Artikoli 14 u 15 tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (EGBGB) (liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili). Il-qorti tar-rinviju tindika li, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli għar-reġim matrimonjali tad-deċedut u tal-konjuġi tiegħu.

22.

Minkejja li d-dritt Ġermaniż huwa l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u għar-reġimi matrimonjali, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata ma’ talba ta’ ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, id-delimitazzjoni tal-portata ta’ dawn iż-żewġ liġijiet tista’ tirriżulta importanti fir-rigward tal-kontenut u għall-effetti ta’ dan iċ-ċertifikat.

IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament (“suċċessjonijiet minħabba mewt”) ikopri wkoll dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, bħall-Artikolu 1371(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB) (kodiċi ċivili Ġermaniż), jirregolaw kwistjonijiet patrimonjali wara l-mewt ta’ konjuġi billi jżidu s-sehem legali tal-konjuġi l-ieħor?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 68(l) u 67(1) tar-regolament [Nru 650/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sehem tal-konjuġi superstiti jista’ jitniżżel integralment fiċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni anki meta dan is-sehem jirriżulta parzjalment minn żieda tas-sehem legali applikabbli skont regola patrimonjali bħall-Artikolu 1371(1) BGB?

Fil-każ li r-risposta għandha, fil-prinċipju, tkun negattiva, huwa madankollu possibbli li, eċċezzjonalment, tingħata risposta fl-affermattiv

a)

meta ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni jkun limitat għall-invokazzjoni tad-drittijiet tal-werrieta fi Stat Membru ieħor partikolari, fir-rigward ta’ beni tad-deċedut li jkunu jinsabu f’dan l-Istat Membru u

b)

meta d-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni (Artikoli 4 u 21 tar-Regolament [Nru 650/2012]) u, indipendentement mir-regoli ta’ kunflitt applikabbli, il-kwistjonijiet dwar ir-reġim patrimonjali tal-konjuġi jkollhom jiġu deċiżi konformement mal-istess dritt nazzjonali?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi, l-Artikolu 68(l) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sehem tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti miżjud skont regola tar-reġim patrimonjali [matrimonjali] tal-konjuġi jista’ jitniżżel integralment fiċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Ewropew, iżda, minħabba din iż-żieda, biss bħala informazzjoni?”.

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2016.

25.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Grieg, Taljan, Spanjol u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fis-seduta li żvolġiet fl‑4 ta’ Ottubru 2017.

V. Analiżi

A. Fuq ir-rwol tar-Regolament Nru 650/2012 fis-sistema tal-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili

26.

Ir-Regolament Nru 650/2012 japplika għas-suċċessjonijiet tal-persuni li mietu fis‑17 ta’ Awwissu 2015 jew wara din id-data. Fir-rigward ta’ dawn is-sitwazzjonijiet fattwali, ir-regoli ta’ kunflitt uniformi jissostitwixxu r-regoli tad-dritt nazzjonali, li sa dak il-mument kienu kkaratterizzati minn differenzi kunsiderevoli bejniethom.

27.

B’hekk, ir-Regolament Nru 650/2012 jikkontribwixxi sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni fi ħdan is-suq intern. Dan jikkorrispondi mat-tieni u t-tielet sentenzi tal-premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012 li tippreċiża li, fl-ispazju Ewropew ta’ ġustizzja, id-drittijiet tal-werrieta u legatarji, tal-persuni l-oħra qrib il-persuna deċeduta kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom jiġu ggarantiti b’mod effettiv.

28.

F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 650/2012 jiddetermina l-ammissibbiltà u l-portata tal-libertà ta’ għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet. B’hekk dan ir-regolament jippermetti li tiġi riflessa, bl-aqwa mod possibbli, ir-rieda tal-persuna ddeċeduta fir-rigward tal-eżitu tal-patrimonju tagħha.

B. Fuq l-ewwel domanda preliminari

29.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012. Skont din id-dispożizzjoni, is-sehem li jikkorrispondi għal 25 % tal-wirt u li huwa dovut lill-konjuġi superstiti skont l-Artikolu 1931 tal-BGB jiġi inkrementat b’25 % ulterjuri tal-wirt, meta l-konjuġi jkunu baqgħu suġġetti għal reġim matrimonjali bbażat fuq il-komunità tal-akkwisti.

30.

Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-kwistjoni jekk, fir-rigward tar-Regolament Nru 650/2012, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi kkwalifikata bħala regola relatata mas-“suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti” fis-sens tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jew jekk għandu jitqies bħala “kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà matrimonjali”, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 (Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament).

31.

Nixtieq nenfasizza li l-kwalifika tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB (inkwantu dispożizzjoni li taqa’ taħt il-qasam tal-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet jew tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali) kienet suġġetta għal dibattiti vivaċi ta’ natura dottrinali għal għexur ta’ snin ( 4 ). Din il-problematika lanqas ma ħarbet mid-dibattiti ta’ natura ġurisprudenzjali ( 5 ).

32.

L-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012 (li jipprevalu fuq ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni) għandha madankollu l-effett segwenti: din il-problematika għandha tiġi eżaminata f’kuntest ġdid, attwalment mhux magħruf. Fil-fatt, il-kunċetti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jidentifika l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 huma ta’ natura awtonoma. Konsegwentement, il-kwalifika ta’ regoli bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB fir-rigward tar-regoli ta’ kunflitt ta’ dritt nazzjonali ma tistax tkun deċiżiva, fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari ( 6 ).

1.   Osservazzjonijiet preliminari

a)   Pożizzjonijet tal-partijiet

1) Argumenti favur il-kwalifika tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB bħala dispożizzjoni li taqa’ taħt il-qasam tal-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet

33.

Il-pożizzjoni tal-Gvern Grieg tista’ tinftiehem fis-sens li tiddikjara li l-sehem dovut lill-konjuġi superstiti minħabba l-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali għandu jirriżulta fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, peress li dan tal-aħħar għandu jirrifletti s-sehem ta’ wirt reali tal-werriet. Peress li dan is-sehem għandu jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, il-Gvern Grieg iqis li l-Artikolu 1371 tal-BGB għandu jitqies bħala regola li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

34.

Il-Gvern Taljan isostni li, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 1371 tal-BGB tiddependi fuq il-mewt tal-konjuġi, din id-dispożizzjoni taqa’ taħt il-qasam tad-dritt applikabbli għas-suċċessjonijiet. Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, dan il-gvern jinvoka barra minn hekk il-premessa 9 tar-Regolament Nru 650/2012 (“[i]l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta”), kif ukoll l-Artikolu 23(2)(b) tiegħu, li jipprovdi li l-portata tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni testendi għad-“determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti”.

35.

Huwa f’dan l-ispirtu li tidħol il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk; dan tal-aħħar jindika, fir-rigward tat-tqassim tal-assi, li dan huwa ċerta forma ta’ trasferiment ta’ proprjetà u ta’ drittijiet, bl-inkrementazzjoni tas-sehem legali tas-suċċessjoni. Dan it-trasferiment seħħ esklużivament minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi. F’dan ir-rigward il-Gvern Pollakk jipproċedi għal analiżi fid-dettall tal-istituzzjoni rregolata mill-Artikolu 1371(1) tal-BGB u tal-funzjoni tiegħu fid-dritt Ġermaniż. Il-Gvern Pollakk jesponi b’mod partikolari l-fat li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB għandu jiġi applikat flimkien mal-Artikolu 1931(1) u (3) tal-BGB, jiġifieri dispożizzjoni li mingħajr ebda dubju tirriżulta mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u li tirreferi espressament għall-Artikolu 1371 tal-BGB. Barra minn hekk, l-Artikolu 1371(1) tal-BGB japplika biss fis-sitwazzjoni fejn ir-reġim matrimonjali jiġi tterminat minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi; din id-dispożizzjoni ma tapplika qatt meta l-imsemmi reġim jiġi tterminat għal raġunijiet oħra. Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Pollakk, fid-dawl tal-Artikolu 1938 tal-BGB, huwa possibbli li jiġi eskluż l-Artikolu 1371(1) tal-BGB fit-testament.

2) Argumenti kontra l-kwalifika tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB bħala dispożizzjoni li taqa’ taħt il-qasam tal-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet

36.

Il-Gvern Ġermaniż (billi jesponi f’dan ir-rigward perspettiva simili għal dik tal-Gvern Pollakk, filwaqt li jasal għal konklużjonijiet differenti) iqis li, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-għan speċifiku tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB jirrigwardax is-“suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jew jekk jirrigwardax il-“proprjetà matrimonjali” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan l-istess regolament. F’dan il-kuntest, il-Gvern Ġermaniż jindika li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB għandu bħala għan li jirregola l-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali; f’dan is-sens, din id-dispożizzjoni taqa’ taħt id-dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali. Il-fatt li din id-dispożizzjoni tipproċedi għal-likwidazzjoni billi tattribwixxi lill-konjuġi superstiti sehem mis-suċċessjoni huwa esklużivament intiż sabiex jiġi ssemplifikat it-tqassim bejn il-werrieta.

37.

Bħall-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi adottat approċċ funzjonali fis-sitwazzjoni eżaminata, fejn dan l-approċċ jikkonsisti f’li jsir riferiment għall-għan tad-dispożizzjoni kkonċernata fid-dritt nazzjonali. Il-Kummissjoni tindika li, fil-każ ta’ komunità tal-akkwisti, l-assi jiġu allokati biss meta l-komunità tiġi tterminata. Konsegwentement, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma għandhiex bħala għan li tqassam il-patrimonju tal-persuna ddeċeduta fi ħdan iċ-ċirku ta’ qraba tagħha, iżda pjuttost li tipproċedi għat-tqassim li jirriżulta mill-mewt tat-testatur, fejn dan il-mewt ikun wieħed mill-ġrajjiet li jagħtu lok għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali.

38.

Il-Gvern Belġjan ukoll jipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv. Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, il-Gvern Belġjan jindika li r-reġim matrimonjali ma għandux effetti biss matul iż-żwieġ, iżda wkoll meta jiġi xolt, inkluż meta dan ix-xoljiment iseħħ minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi.

39.

Il-Gvern Spanjol sussegwentement jindika li l-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jħallu ebda dubji fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, billi jeskludu minn dan tal-aħħar il-kwistjonijiet realtati mar-reġimi matrimonjali.

b)   Ir-reġim tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti fid-dritt Ġermaniż

40.

Qabel ma nkompli bl-analiżi tiegħi, nixtieq niddeskrivi fil-qosor id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li fuqha hija bbażata t-talba għal deċiżjoni preliminari. Ninsab persważ li tali karatterizzazzjoni għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa b’mod globali l-problematika kkonċernata f’dan il-każ. Barra minn hekk, ser nerġa’ nirreferi għal dawn il-kunsiderazzjonijiet iktar ’il quddiem fil-konklużjonijiet tiegħi.

41.

Il-qafas matrimonjali legali fid-dritt Ġermaniż huwa dak tas-separazzjoni tal-assi bil-komunjoni tal-valur residwu tal-akkwisti, litteralment iddefinit mil-leġiżlatur Ġermaniż bħala “reġim ta’ komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti” (Zugewinngemeinschaft). Madankollu ma hemm l-ebda dubju li din hija, f’dan il-każ, komunità bbażata fuq separazzjoni tal-assi. Kull wieħed mill-konjuġi jżomm il-patrimonju tiegħu stess u, konsegwentement (fi ħdan dan il-patrimonju nnifsu) ma hemmx patrimonju distint, li jieħu l-forma ta’ patrimonju komuni.

42.

Ix-xoljiment ta’ dan ir-reġim meta żewġ konjuġi jkunu għadhom ħajjin, qabel kollox minħabba divorzju, jippermetti li ssir likwidazzjoni, intiża sabiex jiġu allokati d-differenzi f’termini ta’ arrikkiment rispettiv tal-konjuġi li jkunu rriżultaw matul l-eżistenza tar-reġim matrimonjali. Wieħed jista’ jqis, billi jagħti semplifikazzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward, li f’sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, il-likwidazzjoni tal-allokazzjonijiet bejn il-konjuġi ssir skont il-metodu deskritt hawn taħt ( 7 ).

43.

L-ewwel nett, jeħtieġ li tiġi kkalkolata d-differenza bejn il-valur tal-patrimonju ta’ kull wieħed mill-konjuġi fil-mument tax-xoljiment tar-reġim matrimonjali u l-valur tal-imsemmi patrimonju fil-mument tal-ħolqien ta’ dan ir-reġim. B’riżultat ta’ dawn il-kalkoli matematiċi, wieħed jiddetermina żewġ valuri, li jikkorrispondu għall-arrikkiment ta’ kull wieħed mill-konjuġi waqt l-eżistenza tar-reġim matrimonjali. L-istadju segwenti jikkonsisti f’li jiġu pparagunati ż-żewġ ammonti miksuba. Jekk wieħed minn dawn iż-żewġ ammonti jirriżulta li huwa ogħla mit-tieni, il-konjuġi li l-patrimonju tiegħu żdied l-inqas matul l-eżistenza tar-reġim matrimonjali għandu d-dritt li jitħallas nofs id-differenza bejn l-ammonti relatati mal-arrikkiment taż-żewġ konjuġi (Artikolu 1378(1) tal-BGB).

44.

Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li sabiex tkun tista’ ssir tali likwidazzjoni huwa neċessarju li wieħed ikun fil-pussess ta’ informazzjoni li tippermetti li tiġi ddeterminata d-differenza tal-arrikkiment bejn il-konjuġi. Għal dan il-għan, id-dritt Ġermaniż jipprevedi l-possibbiltà li jiġi stabbilit inventarju li jiddeskrivi s-sitwazzjoni patrimonjali fil-mument tal-ħolqien tar-reġim tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti (Artikolu 1377 tal-BGB). Barra minn hekk, wara x-xoljiment tar-reġim matrimonjali, bħal fil-każ tat-tressiq ta’ talba għal divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ separazzjoni antiċipata tal-assi, kull wieħed mill-konjuġi għandu d-dritt jirrikjedi l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-assi tal-konjuġi tiegħu, informazzjoni li hija essenzjali għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-valur residwu tal-imsemmija akkwisti (Artikolu 1379 tal-BGB).

45.

Ir-regoli esposti iktar ’il fuq (fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-patrimonju) madankollu ma japplikawx, bħala prinċipju, meta r-reġim matrimonjali jiġi tterminat minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi.

46.

Skont ir-regoli ġenerali relatati mas-suċċessjonijiet ab intestatio, stabbiliti fl-Artikolu 1931(1) tal-BGB, meta l-wirt jinqasam ma’ qraba familjari diretti, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt għal kwart tal-wirt. Barra minn hekk, l-Artikolu 1931(3) tal-BGB jipprevedi li din il-vokazzjoni ta’ suċċessjoni legali hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1371 tal-BGB. F’dan ir-rigward, il-konjuġi superstiti, werriet flimkien mal-qraba familjari tal-ewwel grad, jista’ jippretendi kwar tal-wirt skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1931(1) tal-BGB u, barra minn hekk, għal kwart supplimentari mill-wirt, bis-saħħa tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB.

47.

Din is-soluzzjoni tippermetti li tiġi ssemplifikata l-likwidazzjoni tal-assi bejn il-konjuġi superstiti u l-werrieta l-oħra tal-persuna ddeċeduta. Hija teħles lill-persuni kkonċernati mill-kompitu fastidjuż li jikkonsisti f’li jipprovaw il-valur residwu tal-akkwisti ta’ kull wieħed mill-konjuġi. Dan il-kompitu jista’ jirriżulta li hu iktar diffiċli, fid-dawl tal-mewt tad-de cujus. Barra minn hekk, dan il-kompitu jista’ jkun sors ta’ kunflitti mhux mixtieqa bejn il-qraba tal-persuna ddeċeduta.

48.

Barra minn hekk, ġie enfasizzat ukoll li l-fatt li ma huwiex meħtieġ li jiġi pprovat li seħħet (jew ma seħħitx) realment inkrementazzjoni tal-akkwisti u l-allokazzjoni lill-konjuġi superstiti ta’ sehem supplimentari ta’ kwart tal-wirt jikkostitwixxi sa ċertu punt “premju” għall-konjuġi li ma sseparawx waqt il-ħajja miżżewġa tagħhom ( 8 ). Fil-fatt, jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li l-kwart tal-wirt huwa dovut lill-konjuġi superstiti anki fl-assenza ta’ kull valur residwu. Effettivament, dan il-kwart jiġi għalhekk ikkalkolat bħala frazzjoni tal-wirt u mhux bħala frazzjoni tal-arrikkiment ta’ wieħed mill-konjuġi. B’hekk, il-konjuġi superstiti jista’, bis-saħħa tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB, jikseb iktar minn dak li seta’ jitlob permezz ta’ likwidazzjoni matematika tal-valur residwu. Madankollu, wieħed lanqas ma jista’ jeskludi l-każ kuntrarju, fejn likwidazzjoni matematika tal-valur residwu tkun iktar favorevoli għall-konjuġi superstiti

49.

Madankollu, dan ma huwiex l-uniku metodu ta’ likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi. Id-dritt Ġermaniż jippermetti, f’ċerti każijiet, li ssir likwidazzjoni matematika tal-valur residwu.

50.

L-ewwel nett, meta l-konjuġi superstiti ma jkunx werriet jew legatarju tal-konjuġi ddeċedut, huwa l-Artikolu 1371(2) tal-BGB li għandu japplika. Il-konjuġi jista’ għalhekk jirrikjedi likwidazzjoni matematika tal-valur residwu. Minbarra d-dritt għal likwidazzjoni matematika tal-valur residwu, il-konjuġi superstiti jista’ wkoll jitlob, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2303(2) porzjon irriżervat tal-wirt, ikkalkolat skont is-sehem li kien ikun dovut lilu li kieku kien igawdi minn suċċessjoni legali fis-sens tal-Artikolu 1931 tal-BGB.

51.

It-tieni nett, is-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti tirriżulta li hija simili meta dan jirrifjuta l-wirt tal-persuna ddeċeduta. F’dan il-każ, il-konjuġi superstiti jista’ jirrikjedi likwidazzjoni matematika tal-valur residwu, kif ukoll il-porzjon irriżervat tal-wirt (Artikolu 1371(3) tal-BGB), minkejja l-fatt li fid-dritt Ġermaniż, bħala prinċipju, il-werriet li jirrifjuta suċċessjoni ma għandux dritt għall-porzjon irriżervat tal-wirt.

52.

Id-duttrina telenka wkoll tielet ipoteżi, li ma hijiex irregolata mil-liġi, li fiha l-Artikolu 1371(1) tal-BGB ma japplikax, minkejja x-xoljiment tar-reġim matrimonjali minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi. Dawn huma sitwazzjonijiet fejn il-konjuġi ddeċedut ikun stabbilixxa dispożizzjonijiet testamentarji favur il-konjuġi l-ieħor ( 9 ).

53.

Konsegwentement, kemm id-de cujus kif ukoll il-konjuġi superstiti jistgħu unilateralment jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 1371(1). Bħala prinċipju, huma jipproċedu b’tali mod billi jagħmlu użu minn strumenti klassiċi tad-dritt tas-suċċessjoni. Il-konjuġi superstiti jista’ jirrinunzja għas-suċċessjoni u d-de cujus jista’ jeskludi lil dan il-konjuġi mis-suċċessjoni permezz ta’ dispożizzjonijiet minħabba mewt.

c)   Delimitazzjoni tal-portata tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali – osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali

1) Fuq l-assenza ta’ koordinazzjoni bejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u l-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali

54.

Id-dritt tal-Istati differenti jipprevedi soluzzjonijiet differenti sabiex jiġu ggarantiti l-interessi tal-konjuġi superstiti. Ċerti leġiżlaturi jużaw għal dan il-għan strumenti karatteristiċi tad-dritt tas-suċċessjoni, billi jipprivileġġjaw lill-konjuġi superstiti meta mqabbel ma’ werrieta oħra. Leġiżlaturi oħra jistrieħu fuq soluzzjonijiet li jirrigwardaw ir-reġimi matrimonjali, filwaqt li ma jinkludux lill-konjuġi mal-werrieta jew jillimitaw id-drittijiet tiegħu ta’ suċċessjoni ( 10 ).

55.

Madankollu huwa diffiċli li jinsabu eżempji ta’ wieħed minn dawn il-mudelli fil-forma pura tiegħu. Fil-fatt, normalment wieħed isib mudell imħallat, fejn il-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi patrimonjali tal-konjuġi superstiti tinsilet f’sensiela ta’ soluzzjonijiet ikkorrelatati bejniethom, li jirriżultaw kemm mid-dritt tas-suċċessjoni kif ukoll mid-dritt tar-reġimi matrimonjali. Bħala prinċipju, dawn l-elementi għandhom jikkostitwixxu sistema koerenti, li żżomm l-ekwilibriju mixtieq bejn l-interessi tal-konjuġi superstiti, tal-werrieta u legatarji l-oħra, kif ukoll tal-kredituri.

56.

F’sitwazzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ numru ta’ pajjiżi, id-dritt applikabbli għas-suċċessjoni u d-dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali huma ddelineati minn diversi regoli ta’ kunflitt. F’dan is-sens, it-tiftix tad-dritt applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt tista’ tagħti rilevanza lil dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn żewġ ordinamenti ġuridiċi differenti. Dawn is-soluzzjonijiet ma jeħtiġux li jkunu kkoordinati bejniethom. Dan l-aspett jista’ jikkostitwixxi numru ta’ komplikazzjonijiet.

57.

Pereżempju, id-dritt applikabbli għas-suċċessjoni jista’ jipproteġi l-interessi patrimonjali tal-konjuġi billi jirrikorri għal dispożizzjonijiet relatati mar-reġimi matrimonjali, filwaqt li d-dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali jista’ jirrikorri, għal dan il-għan, għal strumenti li jaqgħu taħt id-dritt tas-suċċessjoni.

58.

Jeħtieġ ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni opposta li fiha, permezz tal-kumulu ta’ dawn is-soluzzjonijiet differenti, il-konjuġi superstiti jista’ jiġi pprivileġġjat b’mod sproporzjonat. Sitwazzjoni ta’ dan it-tip jirriżulta meta l-istat tas-suċċessjoni jkun irregolat minn dritt li jipproteġi b’mod partikolari lill-konjuġi superstiti, li jirrikorri għal mekkaniżmi tad-dritt tas-suċċessjoni, filwaqt li l-istat tar-reġim matrimonjali jkun irregolat minn dritt li jiggarantixxi lill-imsemmi konjuġi privileġġi partikolari, fejn tidħol likwidazzjoni marbuta max-xoljiment ta’ dan ir-reġim.

2) Il-klassifikazzjoni

59.

L-inkonvenjent li jirriżulta mill-applikazzjoni simultanea tar-regoli li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi differenti jistgħu jkunu limitati permezz tal-klassifikazzjoni (“qualification”, “Qualifikation”, “characteristation”). Din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti użati fil-kuntest tar-redazzjoni tar-regoli differenti ta’ kunflitt sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom.

60.

Peress li r-regoli ta’ kunflitt jikkostitwixxu forma ta’ sistema, jeħtieġ li l-klassifikazzjoni sseħħ b’tali mod li ma jkunx hemm sovrappożizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-regoli differenti ta’ kunflitt.

61.

Madankollu, il-kisba ta’ riżultati sodisfaċenti bl-għajnuna tal-klassifikazzjoni ma hijiex dejjem possibbli. B’mod partikolari, huwa diffiċli li jiġu deċiżi b’dan il-mod problemi marbuta mad-delimitazzjoni tar-regoli relatati mal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u mal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali ( 11 ).

3) L-adattament fid-dritt internazzjonali privat

62.

In-nuqqasijiet relatati mal-klassifikazzjoni jistgħu madankollu jiġu kkontrobilanċjati permezz ta’ istituzzjoni ġenerali oħra tad-dritt internazzjonali privat, jiġifieri l-adattament (“adaptation”, “Anpassung”). L-adattament għandu bħala għan li jelimina n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn dispożizzjonijiet ta’ dritt materjali li jirriżultaw minn ordinamenti ġuridiċi differenti, li jikkostitwixxu d-dritt applikabbli għall-finijiet ta’ deċiżjoni ta’ problematika kkorrelatata.

63.

Minkejja li l-għan tal-adattament jidher stabbilit b’mod ċar, huwa diffiċli li jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet dwar il-mod kif għandu jseħħ dan l-adattament. Fi kwalunkwe ipoteżi, il-miżuri ta’ adattament jistgħu jiġu implementati fuq livell tar-regoli ta’ kunflitt, billi jiddefinixxu mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, sabiex jiġu evitati l-inkompatibbiltajiet u tiġi deċiża l-kwistjoni fuq il-bażi ta’ dritt wieħed applikabbli ( 12 ), jew fuq livell tar-regoli ta’ dritt sostantiv, billi jiġu emendati dispożizzjonijiet li jibqgħu f’kunflitt. F’verżjoni estrema, din il-modalità tagħti lok għall-ħolqien ta’ forma ta’ sinteżi bejn żewġ ordinamenti ġuridiċi ( 13 ).

64.

Il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-miżuri ta’ adattament madankollu ma humiex ta’ importanza deċiżiva fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari. F’dan il-każ, ma tistax tkun kwistjoni ta’ assenza ta’ koordinazzjoni bejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u l-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali. Kemm is-suċċessjoni, kif ukoll ir-reġimi matrimonjali huma suġġetti għad-dritt Ġermaniż.

65.

L-osservazzjonijiet li fformulajt huma madankollu importanti, sa fejn jistgħu jirriżultaw li huma sinjifikanti ħafna f’sitwazzjonijiet fattwali minbarra dawk inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Inqis li, filwaqt li tagħti risposti għad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun kuxjenti tal-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ soluzzjoni ddeterminata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr dubju jkollha effett kunsiderevoli fuq il-prassi tal-qrati nazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 f’sitwazzjonijiet oħra.

66.

Fl-istess waqt, nixtieq nindika li, indipendentement mill-klassifikazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fir-rigward tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB, l-imsemmija klassifikazzjoni ma għandhiex telimina għal kollox il-ħtieġa li wieħed jipproċedi għal miżuri ta’ adozzjoni. Indipendentement minn jekk jitqiesx li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB jaqax taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew għar-reġimi matrimonjali, f’ċerti każijiet, din is-soluzzjoni tista’ twassal sabiex jiġi pprivileġġjat jew żvantaġġjat eċċessivament il-konjuġi superstiti. Huwa għalhekk li tista’ tirriżulta l-ħtieġa li jsir adattament, li l-metodu ta’ kif għandu jsir ikun evidentement jiddependi mis-sitwazzjoni fattwali konkreta.

67.

Wara li fformulajt dawn l-osservazzjonijiet introduttivi, dwar l-Artikolu 1371(1) tal-BGB u dwar problematiċi ta’ natura ġenerali fid-dritt internazzjonali privat fil-qasam ta’ klassifikazzjoni, nista’ nipproċedi għall-analiżi dwar l-ewwel domanda preliminari.

2.   Delimitazzjoni tal-portata tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali fil-kuntest tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB

a)   Delimitazzjoni tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolament Nru 650/2012 u tar-Regolament 2016/1103

68.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ddeterminat f’sens pożittiv permezz tal-Artikolu 1(1) tiegħu. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, dan ir-regolament jirrigwarda s-“suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti”. L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-kunċett ta’ “suċċessjoni” jirrigwarda s-suċċessjoni minħabba mewt, fejn dan it-terminu jkopri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, ta’ drittijiet u ta’ obbligi li jirriżultaw minħabba mewt.

69.

Sussegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ddefinit negattivament mill-Artikolu 1(2) tiegħu. Skont l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà matrimonjali u sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti paragunabbli maż-żwieġ”.

70.

Madankollu, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jinkludix indikazzjonijiet fid-dettall fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà matrimonjali”.

71.

Madankollu, ir-Regolament Nru 650/2012 ma huwiex l-uniku strument li ġie adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 81 TFUE. Billi kkonstata l-assenza ta’ regoli ta’ kunflitt uniformi fil-qasam tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta wkoll, taħt l-Artikolu 81(3) TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103, tal‑24 ta’ Ġunju 2016, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali ( 14 ). Dan ir-regolament huwa applikabbli, bħala prinċipju, mid‑29 ta’ Jannar 2019 (it-tieni sentenza tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament).

72.

Ir-Regolament Nru 650/2012 u r-Regolament 2016/1103 għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u l-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ma għandhomx jissovrapponu fuq xulxin. Konsegwentement, il-kwistjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn huma jirrigwardaw ir-reġimi matrimonjali. Il-kwistjonijiet marbuta mas-suċċessjonijiet huma min-naħa tagħhom esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 ( 15 ).

73.

F’dan ir-rigward, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma jistax ivarja skont jekk jiġix applikat mill-korpi ġudizzjarji ta’ Stati Membri li jipparteċipaw (jew ma jipparteċipawx) fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament 2016/1103. Il-fatt li r-Regolament 2016/1103 għadu ma huwiex applikabbli lanqas ma huwa rilevanti. Meta dan tal-aħħar ikun applikabbli, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 ma jiġi bl-ebda mod immodifikat.

74.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 huwa ddefinit bl-Artikolu 1(1) tiegħu, li skontu dan ir-regolament għandu japplika għar-“reġimi tal-proprjetà matrimonjali”. Il-premessa 18 tiegħu tippreċiża li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tad-dritt ċivili tar-reġimi matrimonjali, li jirrigwardaw fost oħrajn “il-likwidazzjoni tar-reġim, li tirriżulta b’mod partikolari […] mill-mewt ta’ konjuġi”.

75.

Is-“suċċessjoni għall-patrimonju ta’ konjuġi deċedut” huwa madankollu eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103, konformement mal-Artikolu 1(2)(d) tiegħu. Dan l-element huwa kkonfermat mill-premessa 22 tar-Regolament 2016/1103, li skontu l-kwistjonijiet relatati mas-suċċessjoni ta’ konjuġi ddeċedut għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, inkwantu huma koperti mir-Regolament Nru 650/2012.

76.

Indikazzjonijiet oħra fir-rigward tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma pprovduti mid-dispożizzjonijiet relatati mal-portata tal-liġi applikabbli, fuq il-bażi tar-regoli ta’ kunflitt li jinsabu f’dawn ir-regolamenti. B’hekk, l-Artikolu 27(e) tar-Regolament 2016/1103 jipprovdi li l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali għandha tirregola, fost oħrajn, “ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u d-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà”. Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, il-liġi li sservi bħala bażi applikabbli għar-regoli ta’ kunflitt ta’ dan ir-regolament tirregola “id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti”.

77.

Konsegwentement, inqis li r-Regolament 2016/1103 għandu japplika fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta b’mod partikolari mad-determinazzjoni tad-drittijiet patrimonjali li jiġu inklużi (jew li ma jiġux inklużi) fis-suċċessjoni, iżda li ma għandux japplika fl-evalwazzjoni tad-drittijiet tal-konjuġi superstiti fuq l-elementi li diġà jagħmlu parti mis-suċċessjoni. Bħala eżempju, jekk il-konjuġi kienu suġġetti għar-reġim tal-komunità tal-akkwisti, fuq il-bażi tal-liġi indikata mir-regoli tar-Regolament 2016/1103, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit jekk proprjetà immobbli akkwistata matul iż-żwieġ tagħmilx parti jew le mill-patrimonju komuni u lil liema mill-konjuġi din għandha tiġi attribwita wara x-xoljiment tar-reġim imsemmi iktar ’il fuq.

78.

L-Artikolu 1371(1) tal-BGB ma jirrigwardax id-diviżjoni ta’ elementi patrimonjali bejn il-konjuġi, iżda l-kwistjoni tad-drittijiet tal-konjuġi superstiti fir-rigward tal-elementi li diġà jkunu ġew inklużi fil-patrimonju għas-suċċessjoni. Għaldaqstant dan huwa argument favur l-affermazzjoni li dispożizzjoni bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB (inkwantu kwistjoni marbuta mas-“suċċessjoni għall-patrimonju ta’ konjuġi deċedut”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament 2016/1103 u tal-premessa 22 ta’ dan ir-regolament) ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali.

79.

Il-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni fir-rigward tal-fatt li s-sehem dovut lill-konjuġi superstiti (taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB) ma għandux jitqies bħala kwistjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103, iżda bħala kwistjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

b)   Klassifikazzjoni tas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni

1) Osservazzjonijiet preliminari

80.

Il-Gvern Ġermaniż u dak Belġjan, kif ukoll il-Kummissjoni, jenfasizzaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li fl-għoti ta’ risposta għall-ewwel domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi analizzat l-Artikolu 1371(1) tal-BGB u li jiġi ddeterminat l-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Fuq din il-bażi, sussegwentement jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk din hijiex regola li taqa’ taħt il-portata tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali jew taħt il-portata tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Il-Gvern Pollakk jiddikjara lilu nnifsu wkoll favur tali approċċ; madankollu, l-imsemmi gvern jifformula konklużjoni finali differenti f’dan ir-rigward.

81.

Jien nikkondividi l-fehma li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika ma tistax issir b’mod iżolat, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni li teżerċita l-imsemmija dispożizzjoni. Fid-duttrina, huwa sostnut li regola l-għan tagħha huwa d-diviżjoni tal-beni tal-persuna ddeċeduta taqa’ taħt id-dritt applikabbli għas-suċċessjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-konjuġi superstiti li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tiegħu fl-inkrementazzjoni tal-patrimonju, għandha tiġi applikata l-liġi li tirregola r-reġim matrimonjali ( 16 ).

82.

Jidher li l-problematika ta’ kunflitt tal-liġi analizzata fil-kuntest ta’ din il-kawża tirrikjedi eżami f’iktar dettall tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-regoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Hija f’din il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-funzjoni tal-istituzzjonijiet ġuridiċi differenti, fost oħrajn għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regoli differenti ta’ ġurisdizzjoni.

2) Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali” fir-rigward tar-regoli dwar ġurisdizzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

83.

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddedikat ħafna attenzjoni għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 17 ), li kien jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni l-kwistjonijiet relatatli mar-“reġimi matrimonjali”.

84.

Fis-sentenza de Cavel ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-esklużjoni relatata mar-“reġimi matrimonjali” (imsemmija fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell) ma kinitx tinkludi biss ir-reġimi patrimonjali fost il-konjuġi kkontemplati mid-dritt nazzjonali, iżda wkoll “ir-relazzjonijiet patrimonjali kollha li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx l-ipoteżi li r-raġuni għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali kienet il-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi. F’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari kienet tirrigwarda proċeduri ta’ divorzju.

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha espressa f’din id-deċiżjoni fis-sentenza tagħha W. ( 19 ). Il-kawża prinċipali kienet tirrigwarda t-talba magħmula minn wieħed mill-konjuġi, dwar radd lura ta’ codicillus li l-konjuġi l-ieħor kien approprja ruħu minnu bil-għan li juri, insostenn ta’ dan id-dokument, il-ġestjoni ħażina tal-patrimonju tiegħu mill-konjuġi tiegħu. Il-qorti tar-rinviju talbet b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tirrigwarda l-esklużjoni tal-applikabbiltà tal-Konvenzjoni għat-“testmenti u suċċessjonijiet” (l-ewwel domanda preliminari) u għar-“reġimi matrimonjali” (it-tieni domanda preliminari). Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat fl-ewwel lok it-tieni domanda preliminari u qieset li l-problematika tal-ġestjoni tal-patrimonju, ġaladarba kien marbut strettament mar-“relazzjonijiet patrimonjali kollha li jirriżultaw direttament mir-rabta ta’ żwieġ tagħhom” ( 20 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tas-sentenza de Cavel ( 21 ), kienet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 22 ).

86.

Fis-sentenza van den Boogaard ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet sussegwentement il-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni, mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ divorzju, li tordna l-ħlas ta’ somma f’daqqa kif ukoll it-trasferiment tal-proprjetà ta’ ċerti beni minn konjuġi lill-ex‑konjuġi tiegħu, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tibqax barra minnha, minħabba l-esklużjoni li tirrigwarda r-“reġimi matrimonjali” (punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell) ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni li tordna l-ħlas ta’ somma f’daqqa favur wieħed mill-konjuġi huwa obbligu ta’ manteniment, fil-mument li dan ikun intiż għas-sostenn ta’ konjuġi fil-bżonn jew jekk il-bżonnijiet u r-riżorsi ta’ kull wieħed mill-konjuġi jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ din is-somma. Meta dan il-ħlas ikun intiż biss għad-diviżjoni tal-beni bejn il-konjuġi, id-deċiżjoni tirrigwarda r-reġimi matrimonjali ( 25 ).

3) Fuq ir-riferiment għall-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-ħtiġijiet tal-interpretazzjoni tar-regoli previsti mir-Regolament Nru 650/2012

87.

Fil-fehma tiegħi, ma jissistux raġunijiet għall-adozzjoni ta’ interpretazzjoni differenti tal-kunċetti ta’ “reġimi matrimonjali” u ta’ “kwistjonijiet marbuta mar-reġimi matrimonjali” taħt ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġi (inkuż ir-Regolament Nru 650/2012) u tar-regoli dwar ġurisdizzjoni tal-Unjoni.

88.

Ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa s-suċċessur tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan tal-aħħar ma japplikax għal “relazzjonijiet [reġimi] matrimonjali”. Fid-digriet tagħha Iliev ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artiklu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 kien jikkoinċidi mal-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. F’dan l-istess digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll in-natura attwali tal-ġurisprudenza relatata mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali” fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 27 ). Fid-duttrina, huwa ddikjarat ukoll li l-kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 28 ).

89.

Il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Nru 650/2012, 2016/1103 u Nru 1215/2012 għandhom ikunu kumplimentari. F’dan is-sens inqis li l-esklużjoni tal-“kwistjonijiet relatati ma’ sistemi [reġimi] ta’ proprjetà matrimonjali”, imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-esklużjoni tar-“reġimi matrimonjali” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni).

90.

F’dan ir-rigward, ninsab kuxjenti tal-fatt li l-għan tar-regoli dwar ġurisdizzjoni u tar-regoli dwar kunflitt ta’ liġi (li fuqhom huwa bbażat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’dan il-każ) ma huwiex identiku. Madankollu, ir-Regolament Nru 650/2012 ma jinkludix biss regoli dwar kunflitt ta’ liġi, iżda wkoll regoli dwar ġurisdizzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 650/2012, iddefinit mill-Artikolu 1 tiegħu, jirreferi għal dawn iż-żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet. Fl-assenza ta’ raġunijiet imperattivi f’dan ir-rigward, ma teżisti ebda raġuni sabiex kunċetti ġenerali, li permezz tagħhom ir-regolamenti jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħhom, jiġu interpretati b’mod differenti, skont jekk dawn jirrigwardawx regoli dwar kunflitt ta’ liġi jew dwar ġurisdizzjoni.

4) Konklużjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-regoli dwar ġurisdizzjoni

91.

L-analiżi tal-ġurisprudenza dwar ir-regoli dwar ġurisdizzjoni msemmija fil-punti 84 sa 86, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati fil-punt 90 (iktar ’il fuq), tagħti lok għall-konklużjoni li ġejja: l-esklużjoni tar-“reġimi matrimonjali” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili essenzjalment jirrigwardaw ir-relazzjonijiet patrimonjali kollha li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment ta’ din ir-rabta, inkluża l-kwistjoni tal-inklużjoni ta’ elementi patrimonjali differenti fi ħdan il-patrimonju ereditarju jew il-kwistjoni tal-patrimonju li għandu jiġi diviż bejn il-konjuġi.

92.

Sabiex tkun tista’ tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, huwa neċessarju li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB jiġi kklassifikat bħala dispożizzjoni li għandha tapplika fil-kuntest ta’ ambitu li jirregola suċċessjoni jew tal-ambitu tar-reġim matrimonjali, fil-kuntest tar-regoli tal-Unjoni. Konsegwentement jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għan ta’ din ir-regola u, fuq din il-bażi, tal-għoti ta’ risposta għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju.

93.

Dispożizzjoni bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB għandha tapplika esklużivament f’każijiet ta’ mewt ta’ wieħed mill-konjuġi. Wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, huwa minnu li tkun għadha possibbli diviżjoni tal-beni bejn il-patrimonju ereditarju u l-patrimonju tal-konjuġi superstiti. Madankollu, fir-rigward tal-osservazzjonijiet magħmula fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 1371(1) tal-BGB ma jidhirx li għandu bħala għan fundamentali d-diviżjoni tal-elementi tal-patrimonju jew il-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali. Din id-dispożizzjoni sservi pjuttost sabiex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-konjuġi superstiti fil-konfront tal-werrieta l-oħra. Fil-fatt, hija tiddetermina l-entità tas-sehem tas-suċċessjoni dovut lill-konjuġi superstiti.

94.

L-assenza ta’ rabta bejn is-sehem dovut lill-konjuġi superstiti taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB u r-relazzjonijiet li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali tirriżulta li hi wisq iżjed evidenti meta wieħed jinnota l-fatt li din id-dispożizzjoni tapplika indipendentement mill-eżistenza ta’ bażi li tippermetti diviżjoni kwalunkwe ta’ beni, fid-dawl tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-reġim tal-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti ( 29 ).

95.

Barra minn hekk, konformement mal-osservazzjonijiet ifformulati fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-futur de cujus jista’ unilateralment jipprevjeni l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi jagħmel użu minn strumenti tad-dritt tas-suċċessjoni. Essenzjalment din hija n-natura tad-drittijiet ta’ suċċessjoni. Fil-fatt, id-dritt tas-suċċessjoni għandha bħala element karatteristiku l-fatt li de cujus jingħata libertà ta’ dispożizzjoni relattivament wiesa’ sabiex jiddisponi mis-suċċessjoni tiegħu, filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar ir-relazzjonijiet li jirriżultaw direttament mir-reġimi matrimonjali jkollhom bħala prinċipju jittieħdu miż-żewġ konjuġi.

96.

Konsegwentement inqis li l-għan fundamentali ta’ regola bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB huwa turija favur ir-rikonoxximent tagħha bħala dispożizzjoni li taqa’ taħt il-liġi tas-suċċessjoni u mhux taħt il-liġi tar-reġim matrimonjali.

c)   Effettività tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

97.

Il-kunċetti użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 huma, hekk kif diġà fakkart fil-punt 32 iktar ’il fuq, ta’ natura awtonoma. F’dan is-sens, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012, li għandu (skont l-osservazzjonijiet iddikjarati fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni fil-kuntest tas-suq intern u jiggarantixxi d-drittijiet tal-werrieta fi ħdan l-Istati Membri b’mod effettiv ( 30 ). Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi, konformement mal-premessa 8, ċertifikat uniformi: iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun kapaċi jippermetti, hekk kif tikkonferma l-premessa 67 tal-imsemmi regolament, li jirregola b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv suċċessjoni li għandha effett transkonfinali fi ħdan l-Unjoni.

98.

L-effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huma ddeterminati mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012. Dan iċ-ċertifikat iservi bħala attestazzjoni u jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha, mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jirrikorri għal ebda proċedura (Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 650/2012). L-elementi “stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi”, iddikjarati fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, igawdu minn preżunzjoni ta’ regolarità (Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012).

99.

It-tieni sentenza tal-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 jippreċiża li ċ-ċertifikat għandu qabel kollox saħħa probatorja u li jitqies li jiċċertifika fedelment l-eżistenza ta’ elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kull liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħall-validità fuq il-mertu tad-dispożizzjonijiet ta’ proprjetà minħabba mewt. Madankollu, konformement mat-tielet sentenza tal-premessa 71, tar-Regolament Nru 650/2012, is-saħħa probatorja taċ-ċertifikat ma għandhiex testendi ruħha għall-elementi li ma humiex irregolati mill-imsemmi regolament, bħall-kwistjoni tal-affiljazzjoni jew il-kwistjoni tal-appartenenza ta’ assi speċifika tal-persuna deċeduta.

100.

Is-saħħa probatorja taċ-ċertifikat għaldaqstant jirrigwarda biss elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli, identifikata skont ir-regoli armonizzati ta’ kunflitt ta’ liġi ddikjarati di ħdan ir-Regolament Nru 650/2012 ( 31 ). Konsegwentement dawn huma elementi li jaqgħu taħt il-qasam tal-liġi applikabbli, identifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 650/2012 (regoli dwar suċċessjoni) u tal-Artikoli 24 sa 28 tal-imsemmi regolament, li jirrigwardaw: l-ammissibbiltà u l-validità sostantiva ta’ dispożizzjoni ta’ proprjetà minħabba mewt minbarra ftehim dwar suċċessjoni (Artikolu 24), l-ammissibbiltà, il-validità sostantiva u l-effetti restrittivi bejn il-partijiet ta’ ftehim dwar suċċessjoni ta’ persuna waħda biss (Artikolu 25), il-validità fir-rigward tal-forma tad-dispożizzjonijiet ta’ properjetà minħabba mewt (Artikolu 27) u l-validità fir-rigward tal-forma tad-dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja (Artikolu 28).

101.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni nikkonkludi li l-effetti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jiġu rrikonoxxuti biss lill-elementi stabbiliti skont ir-regoli dwar suċċessjoni (Artikolu 23) u skont il-liġi applikabbli għal persuni oħra, li ġiet iddefinita fuq il-bażi tar-regoli ta’ kunflitt armonizzati tar-Regolament Nru 650/2012 (Artikoli 24 sa 28). Sussegwentement, dawn l-effetti ma jirrigwardawx l-elementi stabbiliti bl-għajnuna ta’ regoli nazzjonali ta’ kunflitt u ta’ regoli ta’ kunflitt tal-Unjoni, minbarra dawk tar-Regolament Nru 650/2012.

102.

Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala kwistjoni ta’ suċċessjoni tas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti skont l-Artikolu 1371(1) tal-BGB tippermetti li titniżżel l-informazzjoni dwar l-imsemmi sehem fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, bl-effetti kollha deskritti fl-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012. Barra minn hekk, li kieku wieħed kellu jqis din id-dispożizzjoni bħala kwistjoni li taqa’ taħt il-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali, l-informazzjoni dwar is-sehem attribwit lill-konjuġi superstiti ma tkunx tibbenefika mill-preżunzjoni ta’ regolarità.

103.

Għaldaqstant dan huwa argument addizzjonali favur klassifikazzjoni bħala kwistjoni ta’ suċċessjoni tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB. Huwa b’dan il-mod li tista’ tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li jistabbilixxi ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

d)   Konklużjonijiet dwar l-ewwel domanda preliminari

104.

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet esposti preċedentement, inqis li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB ma għandux jitqies bħala dispożizzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mar-reġimi matrimonjali u li, f’dan is-sens, dan l-artikolu ma għandux jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament.

105.

L-ewwel nett, din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax dak li jidħol (jew ma jidħolx) fil-kompożizzjoni tal-patrimonju tal-konjuġi ddeċedut. L-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda d-drittijiet tal-konjuġi superstiti meta mqabbel ma’ dak li tikkostitwixxi, b’mod inkontestabbli, komponenti tal-patrimonju ereditarju. B’hekk, dispożizzjoni bħal tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB tirrigwarda kwistjoni marbuta mas-“suċċessjoni għall-patrimonju ta’ konjuġi deċedut” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament 2016/1103, li għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li hija suġġetta għar-regoli ta’ kunflitt stabbiliti mir-Regolament Nru 650/2012.

106.

It-tieni nett, din id-dispożizzjoni tapplika esklużivament fil-każ ta’ mewt ta’ wieħed mill-konjuġi u dan, indipendentement mill-eżistenza ta’ bażijiet li jippermettu kwalunkwe qsim ta’ proprjetà, fid-dawl tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat fuq il-komunità limitata għall-valur residwu tal-akkwisti.

107.

It-tielet nett, il-klassifikazzjoni bħala kwistjoni ta’ suċċessjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB hija ġġustifikata bir-rieda li tiġi żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Il-klassifikazzjoni bħala kwistjoni ta’ suċċessjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-fatt tippermetti li tiġi inkluża fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni informazzjoni relatata mas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti, b’hekk l-effetti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012 fl-Istati Membri kollha.

108.

Fid-dawl tal-argumenti magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għall-ewwel domanda preliminari: l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu1(2)(d), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni testendi għal regola li, bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB, tiddetermina s-sehem tal-konjuġi superstiti fis-suċċessjoni, anki jekk l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-eżistenza ta’ reġim matrimonjali speċifiku u li s-sehem tal-konjuġi fis-suċċessjoni tissostitwixxi l-likwidazzjoni ta’ dan ir-reġim, sa fejn, fl-istess waqt, id-daqs ta’ dan is-sehem jiġi ddeterminat skont regoli totalment differenti minn dawk li jiddefinixxu l-metodu ta’ likwidazzjoni ta’ dan ir-reġim matrimonjali meta l-konjuġi jkunu għadhom ħajjin.

C. Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

109.

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, magħmula fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk is-sehem mill-wirt dovut lill-konjuġi superstiti taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB jistax jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, minkejja l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax kwistjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012. Fid-dawl tar-risposta proposta minni fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.

110.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix l-opinjoni tiegħi fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, huwa neċessarju li t-tieni u t-tielet domandi jiġu eżaminati. Għaldaqstant, ser nipproponi wkoll risposta għal dawn id-domandi.

111.

Fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domandi, il-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn diversi ipoteżi, billi teżamina l-kwistjoni dwar jekk is-sehem dovut lill-konjuġi superstiti taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB jistax jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, minkejja li din ma hijiex kwistjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012. Dawn l-ipoteżi jirrigwardaw dubji dwar ir-relazzjoni bejn il-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament. F’dan is-sens inqis li t-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

1.   Fuq ir-relazzjoni bejn il-kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012

112.

Kif diġà fakkart preċedentement, il-kunsiderazzjonijiet diskussi hawnhekk huma ta’ natura ipotetika. Huma jibbażaw lilhom infushom fuq l-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix ir-risposta proposta minni fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari u jkunu jqisu li l-Artikolu 1371 tal-BGB ma tikkostitwixxix dispożizzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012. Anki f’din l-ipoteżi, inqis li s-sehem tal-wirt dovut lill-konjuġi superstiti taħt din id-dispożizzjoni jista’ jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

113.

L-ewwel nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jidhirx li jassumi li hija biss l-informazzjoni dwar l-elementi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 li tista’ tiġi indikata fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Din l-affermazzjoni hija kkonfermata bil-formulazzjoni tal-Artikolu 68(h) tar-Regolament Nru 650/2012. Fost l-informazzjoni li jinkludi ċ-ċertifikat, “sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ”, din id-dispożizzjoni telenka “informazzjoni dwar kuntratt taż-żwieġ li jkun daħal għalih id-deċedut”. Ma hemm l-ebda dubju li din il-kwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

114.

It-tieni nett, f’ċerti każijiet, l-ommissjoni ta’ informazzjoni dwar kwistjoni importanti għas-suċċessjoni, iżda li ma hijiex (fl-essenza tagħha) ta’ natura marbuta ma’ kwistjoni ta’ suċċessjoni, tkun tali li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jkun partikolarment mhux daqstant prattiku. Fil-fatt, tali ċertifikat ma jkunx jirrifletti s-sehem reali tal-konjuġi superstiti fis-suċċessjoni. Sitwazzjoni ta’ dan it-tip tqiegħed inkwistjoni l-effettività tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

115.

It-tielet nett, f’sitwazzjoni bħal din, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex f’pożizzjoni li jikkompeti fil-konfront ta’ dokumenti ta’ dritt intern (nazzjonali), użati għal finijiet simili fi ħdan l-Istati Membri, li jkunu jirriflettu b’mod sħiħ is-sehem tal-konjuġi superstiti fis-suċċessjoni. Iċ-ċertifikati nazzjonali maħruġa skont dispożizzjonijiet applikabbli fi Stat Membru għadhom jintużaw.

116.

Fid-dawl tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, inqis li s-sehem fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni tal-konjuġi superstiti skont l-Artikolu 1371 tal-BGB jista’ jiġi indikat fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

2.   Fuq l-effetti tal-indikazzjoni, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ta’ informazzjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012

117.

Il-possibbiltà li tiġi indikata informazzjoni speċifika fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma tfissirx waħedha li l-imsemmija informazzjoni tgawdi mill-karatteristiċi kollha rrikonoxxuti lill-informazzjoni indikata skont il-liġi applikabbli, stabbilita fuq il-bażi tar-regoli ta’ kunflitt tar-Regolament Nru 650/2012.

118.

Fil-fatt, diġà indikajt fil-punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet li s-saħħa probatorja taċ-Ċertifikat hija bbażata biss fuq l-elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli, iddeterminata skont ir-regoli ta’ kunflitt armonizzati li jinsabu fir-Regolament Nru 650/2012.

119.

Bħala tali, ir-Regolament Nru 650/2012 madankollu ma jipprekludix l-inklużjoni, fiċ-Ċertifikat, ta’ elementi li ma jibbenefikawx mill-effetti msemmija fl-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament. Dan il-punt huwa kkonfermat, fil-fehma tiegħi, mill-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 (imsemmija iktar ’il fuq), li tgħid li “[l]-effett evidenzjarju taċ-Ċertifikat ma għandux jestendi għal elementi li mhumiex irregolati minn dan ir-Regolament”.

120.

Inqis f’dan is-sens li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jista’ jinkludi: informazzjoni stabbilita minħabba r-regoli dwar suċċessjoni (Artikolu 23), informazzjoni stabbilita skont il-liġi applikabbli għal kwistjonijiet oħra, li ġiet iddefinita fuq il-bażi tar-regoli ta’ kunflitt armonizzati tar-Regolament Nru 650/2012 (Artikoli 24 sa 28), kif ukoll informazzjoni stabbilita skont il-liġi applikabbli, iddeterminata bil-għajnuna ta’ regoli nazzjonali ta’ kunflitt (jew ta’ regoli ta’ kunflitt inklużi fi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni). Huwa f’din l-aħħar kategorija li jeħtieġ li tiġi inkluża l-informazzjoni relatata mas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti bis-saħħa tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB (jekk jitqies li din ma taqax taħt ir-regoli dwar suċċessjoni). Madankollu dawn l-elementi ma għandhomx jibbenefikaw mill-effetti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012.

3.   Natura tal-informazzjoni dwar is-sehem dovut lill-konjuġi superstiti taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

121.

Tirriżulta għal darb’oħra l-kwistjoni tal-effetti marbuta mal-indikazzjoni, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ta’ informazzjoni fir-rigward tas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti skont l-Artikolu 1371(1) tal-BGB. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li, minkejja l-assenza ta’ bażi espliċita li tippermetti li jiġu rrikonoxxuti fil-konfront tal-informazzjoni relatata mas-sehem ikkonċernat l-effetti ddikjarati fl-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012, xorta waħda jeħtieġ li tiġi ammessa tali soluzzjoni u li b’xi mod jiġu estiżi l-effetti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni għall-informazzjoni relatata mas-sehem dovut lill-konjuġi superstiti konformement mal-Artikolu 1371(1) tal-BGB.

122.

Fid-duttrina, jitqies li s-sehem attribwit lill-konjuġi superstiti taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB – sa fejn dan jitqies li huwa element li jaqa’ taħt ir-regoli tar-reġim matrimonjali – jista’ jitniżżel fit-test taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għall-finijiet ta’ informazzjoni, fil-kuntest tal-“informazzjoni rigward is-sistema ta’ proprjetà matrimonjali” imsemmija fl-Artikolu 68(h) tar-Regolament Nru 650/2012, b’nota relatata mal-bażi li fuqha ġie stabbilit dan l-element ( 32 ). Perspettiva oħra, issuġġerita wkoll mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, tistrieħ fuq il-konvinzjoni li l-inkrementazzjoni patrimonjali li tirriżulta mill-Artikolu 1371(1) tal-BGB għandha tiġi indikata bħala informazzjoni dwar is-“sehem ta’ kull eredi”, fis-sens tal-Artikolu 68(l) ( 33 ).

123.

Fil-fehma tiegħi, indipendentement mill-kwistjoni dwar liema minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tapplika għall-indikazzjoni ta’ informazzjoni fir-rigward tal-inkrementazzjoni fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, din l-indikazzjoni għandha tinkludi riżerva espliċita fir-rigward tal-fatt li din l-inkrementazzjoni ġiet stabbilita skont il-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali. Fil-fatt, din ma għandhiex tkun il-liġi li nstabet li kienet applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità li quddiemha l-persuna kkonċernata tinvoka ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, maħruġ fi Stat Membru ieħor. Din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-assenza ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi armonizzati u komuni għall-Istati Membri kollha, li jidentifikaw il-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali.

124.

L-inklużjoni, fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ta’ riżerva li tispeċifika li s-sehem dovut lill-konjuġi superstiti konformement mal-Artikolu 1371(1) tal-BGB jaqa’ taħt il-portata tal-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali għandha tillimita fl-istess waqt il-possibbiltà li tiġi invokata l-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 69(3) u (4) tar-Regolament Nru 650/2012.

125.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għat-tieni u t-tielet domandi: L-Artikolu 68(l) u l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sehem tal-konjuġi superstiti, meta jirriżulta parzjalment minn inkrementazzjoni tas-sehem legali tiegħu applikata konformement ma’ regola ta’ natura patrimonjali bħall-Artikolu 1371(1) tal-BGB, jista’ jiġi indikat integralment fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni iżda biss għal skopijiet ta’ informazzjoni.

VI. Konklużjonijiet

126.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja):

“L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni testendi għal regola li, bħall-Artikolu 1371(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili), tiddetermina s-sehem tal-konjuġi superstiti fis-suċċessjoni, anki jekk l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-eżistenza ta’ reġim matrimonjali speċifiku u li s-sehem tal-konjuġi fis-suċċessjoni tissostitwixxi l-likwidazzjoni ta’ dan ir-reġim, sa fejn, fl-istess waqt, id-daqs ta’ dan is-sehem jiġi ddeterminat skont regoli totalment differenti minn dawk li jiddefinixxu l-metodu ta’ likwidazzjoni ta’ dan ir-reġim matrimonjali meta l-konjuġi jkunu għadhom ħajjin.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) ĠU 2012, L 201, p. 107.

( 3 ) Zob. wyrok z dnia 12 października 2017 r. (C-218/16, ECLI:EU:C:2017:755).

( 4 ) Matul il-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012, id-duttrina kienet tidher li tagħti preferenza lill-fehma (fil-qasam ta’ regoli nazzjonali ta’ kunflitt) li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB kien dispożizzjoni li japplika fil-kuntest tad-dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali (Dörner, H., “Internationales Erbrecht, Art. 25, 26 EGBGB”, fi Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, Einfuhrungsgesetz zum BGB, Berlin 2007, Art. 25, nb. 34; Riering, W., “Régime légal allemand et succession régie par la loi française”, fi Mélanges en l’honneur de Mariel Revillard, Pariġi, Editions Defrénois 2007, p. 258-263; Popescu, D.A., Guide on international private law in successions matters, Magic Print 2014, Onesti, p. 18 u l-litteratura ċċitata).

( 5 ) F’sentenza mogħtija fil‑5 ta’ Awwissu 2011 (2 Wx 115/11, Zeitschrift für das gesamte Familienrecht 2012, 819), l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja) esprimiet il-perspettiva li l-konjuġi sopravissut ma jiksibx sehem mill-wirt taħt l-Artikolu 1371(1) tal-BGB meta l-liġi applikabbli għall-proprjetà matrimonjali tkun id-dritt Ġermaniż u l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tkun id-dritt Tork. Sussegwentement, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2012 (31 Wx 45/12, Neue Juristische Wochenschrift-Rechtsprechungs-Report 2012, 1096), l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) sostniet l-idea li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB tapplika għal kollox anki meta d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni jkun id-dritt Iranjan. B’mod definittiv, skont ir-regoli ta’ kunflitt Ġermaniżi, f’sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, IV ZB 30/14 (Neue Juristische Wochenschrift 2015, 2185), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tat deċiżjoni, billi ddikjarat li l-Artikolu 1371(1) tal-BGB għandu japplika bħala regola ta’ dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali. F’din is-sentenza, l-imsemmija qorti indikat ukoll li, anki meta d-dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali jkun id-dritt Ġermaniż, meta d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni jkun dak ta’ Stat ieħor, il-konjuġi superstiti dejjem ikollu dritt għal sehem mill-wirt bis-saħħa tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB.

( 6 ) Id-duttrina ma hijiex unanima fir-rigward tal-kwalifika tal-Artikolu 1371(!) tal-BGB fid-dawl tar-Regolament Nru 650/2012. Ċerti awturi jsostnu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola ta’ dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali (ara l-litteratura ċċitata minn Bonomi, A., “Article 1 - Champ d’application”, f Bonomi, A., Wautelet, P., Le droit européen des successions, Commentaire du règlement (UE) no650/2012, du 4 juillet 2012, Bruylant, Brussell, 2016, p. 89; Reis, A., “Succession and Family Law”, f’ Bariatti, S., Viarengo, I., Villata, F.C., Towards the Entry into Force of the Sucession Regulation: Building Future Uniformity upon Past Divergencies, JUST/2013/JCIV/AG/4666, p. 45), filwaqt li awturi oħra jsostnu li jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi kkwalifikata bħala regola ta’ wirt (Lagarde, P., “(Heinrich) Dörner: Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche/IPR. Art. 25, 26 EGBGB. Anhang zu Art. 25 f EGBGB: Ausländische Rechte”, Revue critique de droit international privé, 1996, p. 389; Margoński, M., “Anmerkung zum Vorlagebeschluss des Kammergerichts an den EuGH vom 25. Oktober 2016, 6 W 80/16 in der Rs. C‑558/16, Mahnkopf”, Zeitschrift für Erbrecht und Vermögensnachfolge, vol. 4, 2017, p. 212 u 213.).

( 7 ) Ara, għal iktar dettalji: Martiny, D., Dethloff, N., Property relationship between spousesGermany, Awwissu 2008.

( 8 ) Droz, G.A.L., “Les régimes matrimoniaux en droit international privé comparé”, Recueil des cours de l’Académie de la Haye, vol. 143, 1974, p. 98.

( 9 ) L-awtur segwenti jippreżenta perspettivi eżistenti fid-duttrina Ġermaniża fir-rigward ta’ din il-kwistjoni: Zimmermann, R., “Intestate Succession in Germany”, f’Reid, K.G.C., de Waal, M., Zimmermann, R., Comparative Succession Law. Volume II. Intestate Succession, Oxford University Press, Oxford 2015, p. 213.

( 10 ) Graue, E.D., “The Rights of Surviving Spouses under Private International Law”, The American Journal of Comparative Law, vol. 15, 1966‑1967, p. 164 u 165.

( 11 ) Ara Kohler, Ch.,, “L’autonomie de la volonté en droit international privé”, Recueil des Cours de l’Académie de la Haye, vol. 359, 2013, p. 443.

( 12 ) Pereżempju, meta d-dritt applikabbli għar-reġimi matrimonjali jipproteġi lill-konjuġi superstiti bl-għajnuna ta’ dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tas-suċċessjoni, filwaqt li d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni jirrikorri, għal dan il-għan, għal dispożizzjonijiet relatati mar-reġimi matrimonjali, jeħtieġ, fil-fehma ta’ ċerti awturi, li l-kwistjonijiet relatati mal-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali jiġu ssuġġettati għad-dritt relatat mas-suċċessjoni. B’hekk, fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi d-ħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012, ara Bucher, A., “La dimension sociale du droit international privé. Cours général”, Recueil des Cours de l’Académie de la Haye, vol. 341, 2010, p. 243.

( 13 ) Matul il-perijodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012, ġie sostnut xi drabi li, meta l-liġi applikabbli għall-patrimonju matrimonjali kienet id-dritt Ġermaniż, filwaqt li s-suċċessjoni kienet suġġetta għal dritt ieħor, ma kienx japplika l-Artikolu 1371(1) tal-BGB. F’sitwazzjoni bħal din, kien meħtieġ li jiġi applikat l-Artikolu 1371(2) tal-BGB u li ssir likwidazzjoni matematika tal-valur residwu, skont ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ divorzju (Droz, G.A.L., “Les régimes matrimoniaux en droit international privé comparé”, Recueil des cours de l’Académie de la Haye, vol. 143, 1974, p. 98; Coester, M., “International Aspects of German Estate Law”, Loyola of Los Angeles International and Comparative Law Review, vol. 53, 1981, p. 66). Din il-fehma bħala prinċipju twassal għall-pożizzjoni li l-formulazzjoni “konjuġi superstiti li ma [huwiex] werriet […]”, għandha tinfthiem bħala “il-konjuġi superstiti la ma huwiex werriet li jibbenefika mis-suċċessjoni fis-sens tad-dritt Ġermaniż”. Graue, E.D., f’Comparative law of matrimonial property: a Symposium at the International Faculty of Comparative Law at Luxembourg on the laws of Belgium, England, France, Germany, Italy and the Netherlands, red. A. Kiralfy, Leiden, A.W. Sijthoff 1972, p. 144.

( 14 ) ĠU 2016, L 183, p. 1.

( 15 ) F’dan is-sens, fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243) u tar-Regolament Nru 650/2012, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:428, punt 31). Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat fehma analoga fis-sentenza f’din il-kawża, billi indikat li l-ġurisprudenza tagħha għandha t-tendenza li tevita kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt li dawn it-testi jiddikjaraw u kull lakuna ġuridika. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:653, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Solomon, D., “The boundaries of the law applicable to succession”, Anali Pravnog Fakulteta Univerziteta u Zenici, edizzjoni 18, 2016, p. 200.

( 17 ) Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”.

( 18 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, EU:C:1979:83, punt 7).

( 19 ) Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1982, W. (25/81, EU:C:1982:116, punt 6).

( 20 ) Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1982, W. (25/81, EU:C:1982:116, punt 7).

( 21 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, EU:C:1979:83).

( 22 ) Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1982, W. (25/81, EU:C:1982:116, punt 9)

( 23 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 1997, van den Boogaard (C‑220/95, EU:C:1997:91).

( 24 ) Jeħtieġ li jiġi indikat li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kinitx teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-“obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ jew ta’ affinità”, kuntrarjament għall-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). B’hekk, il-fatt li t-tilwima (li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni) titqies li taqa’ taħt il-qasam tal-obbligi ta’ manteniment ippermetta l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Illum, kawża ta’ dan it-tip tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat‑18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1).

( 25 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 1997, van den Boogaard (C‑220/95, EU:C:1997:91, punt 22).

( 26 ) Digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Iliev (C‑67/17, EU:C:2017:459, punt 24).

( 27 ) Digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Iliev (C‑67/17, EU:C:2017:459, punti 25 sa 30).

( 28 ) Rogerson, P., f’Magnus, U., Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation, Köln, Otto Schmidt 2016, p. 71.

( 29 ) Bħala eżempju, nieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fejn il-patrimonju tad-de cujus, li fil-mument tal-ħolqien tar-reġim matrimonjali kellu valur ta’ 100000 unità monetarja, ma kienx suġġett għal akkrexximent matul l-eżistenza ta’ dan ir-reġim. Maż-żmien, il-konjuġi superstiti jkun akkumula, matul l-eżistenza ta’ dan ir-reġim, somma ta’ 50000 unità monetarja. F’sitwazzjoni bħal din, fil-każ ta’ diviżjoni matematika, il-konjuġi superstiti ma jkollux dritt għall-valur residwu tal-assi. Fil-każ ta’ divorzju, is-sitwazzjoni tkun differenti. Il-konjuġi superstiti jkollu l-obbligu jħallas lill-konjuġi tiegħu somma ta’ 25000 unità monetarja. Min-naħa tagħha, l-applikazzjoni tal-Artikolu 1371(1) tal-BGB twassal għal sitwazzjoni li fiha l-konjuġi superstiti jkun dovut is-somma ta’ 25000 unità monetarja, li jikkorrispondi għal kwart tal-wirt tal-persuna ddeċeduta.

( 30 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat pożizzjoni fidili għal dan l-ispirtu, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, ECLI:EU:C:2017:755, punt 56), billi ddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 (imsemmija fl-istess sentenza) jissodisfaw l-għan li jrid jilħaq l-imsemmi regolament, li skontu dan huwa intiż li jiffaċilita l-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern billi jneħħi l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jridu jinvokaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn suċċessjoni transkonfinali.

( 31 ) Wautelet, P., “Article 69 – Effets du certificat”, f’ Bonomi, A., Wautelet, P., (ed.), Le droit européen des succession, Commentaire du règlement (UE) no 650/2012, du 4 juillet 2012, Brussell, Bruylant 2016, p. 880. Fir-rigward tal-abbozz għar-Regolament Nru 650/2012, ara wkoll: Basedow, J., Dutta, A., Bauer, C., et al., Max Planck Institute for Comparative and International Private Law, Comments on the European Commission’s Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on jurisdiction, applicable law, recognition and enforcement of decisions and authentic instruments in matters of succession and the creation of a European Certificate of Succession, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, vol. 74, 2010, nb. 323.

( 32 ) Ivanc, T., Kralijć, S., “European Certificate of Succession – Was there a need for a European intervention?”, Anali Pravnog Fakulteta Univerziteta u Zenici, vol. 18, 2016, p. 266.

( 33 ) Stamatiadis, D., f’Pamboukis, H., EU Succession Regulation No 650/2012: A Commentary, C.H. Beck, Hart Publishing, Oxford, 2017, p. 633.

Top