EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0012

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2016.
Universal Music International Holding BV vs Michael Tétreault Schilling et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Artikolu 5(3) – Materji ta’ delitt jew kważi delitt – Effett tal-ħsara – Negliġenza tal-avukat waqt it-tfassil ta’ kuntratt – Post fejn l-effett tal-ħsara twettaq.
Kawża C-12/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:449

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Artikolu 5(3) — Materji ta’ delitt jew kważi delitt — Effett tal-ħsara — Negliġenza tal-avukat waqt it-tfassil ta’ kuntratt — Post fejn l-effett tal-ħsara twettaq”

Fil-Kawża C‑12/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

Universal Music International Holding BV

vs

Michael Tétreault Schilling,

Irwin Schwartz,

Josef Brož,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Universal Music International Holding BV, minn Chr. Kroes u S. Janssen, avukati,

għal Michael Tétreault Schilling, minn A. Knigge, P. A. Fruytier u L. Parret, avukati,

għal Josef Brož, minn F. Vermeulen u B. Schim, avukati,

għall-Gvern Grieg, minn A. Dimitrakopoulou, S. Lekkou u S. Papaïoannou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Universal Music International Holding BV (iktar ’il quddiem “Universal Music”), stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Michael Schilling, Irwin Schwartz u Josef Brož, it-tlieta li huma avukati, li jirrisjedu fir-Rumanija, fil-Kanada u fir-Repubblika Ċeka rispettivament, dwar negliġenza min-naħa ta’ J. Brož waqt it-tfassil, fir-Repubblika Ċeka, ta’ kuntratt ta’ xiri ta’ azzjonijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta ’ Brussell

3

L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), huwa fformulat kif ġej:

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

[...]

3)

f’materji ta’ delitt jew kważi-delitti, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq;

[...]”

Ir-Regolament Nru 44/2001

4

Il-premessi 11, 12, 15 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta; ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.

[...]

(19)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u tal-Protokoll [tal-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni ta’ Brussell] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

5

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jagħti ġurisdizzjoni ġenerali lill-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-konvenut, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Universal Music hija dar tal-mużika li tagħmel parti minn Universal Music Group. Universal Music International Ltd hija kumpannija oħt ta’ Universal Music, li tagħmel parti mill-istess grupp.

8

Matul is-sena 1998, Universal Music International Ltd ftehmet ma’ sieħba Ċeki, b’mod partikolari d-dar tal-mużika B&M spol. s.r.o. (iktar ’il quddiem “B&M”) u l-azzjonisti tagħha, li kumpannija waħda jew iktar fi ħdan Universal Music, li kellhom jiġu speċifikati, jixtru 70 % tal-azzjonijiet ta’ B&M. Il-partijiet ftehmu wkoll li, matul is-sena 2003, ix-xerrej jixtri l-azzjonijiet li jkun fadal, u l-prezz kellu jiġi ffissat matul dan l-aħħar xiri. Kien diġà sar ħlas minn qabel fuq il-prezz ta’ bejgħ. Il-ftehim u l-punti prinċipali ta’ dan il-proġett ta’ tranżazzjoni saru permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilit prezz ta’ bejgħ ekwivalenti għal ħames darbiet il-qligħ medju annwali ta’ B&M.

9

Sussegwentement, il-partijiet innegozjaw kuntratt dwar il-bejgħ u l-kunsinna ta’ 70 % tal-azzjonijiet ta’ B&M kif ukoll kuntratt dwar il-fakultà ta’ xiri tat-30 % tal-azzjonijiet li jkun fadal (iktar ’il quddiem il-“fakultà ta’ xiri tal-azzjonijiet”).

10

Fuq talba tad-dipartiment legali ta’ Universal Music Group, il-kuntratt dwar il-fakultà ta’ xiri tal-kumplament tal-azzjonijiet sar mill-uffiċċju tal-avukati Ċeki Burns Schwartz International. Diversi verżjonijiet ta’ dan il-kuntratt ġew skambjati bejn dan l-uffiċċju, id-dipartiment legali ta’ Universal Music Group u l-azzjonisti ta’ B&M.

11

Matul dawn in-negozjati, Universal Music inħatret bħala x-xerrejja skont il-kuntratt dwar il-fakultà ta’ xiri tal-azzjonijiet. Dan ġie ffirmat fil-5 ta’ Novembru 1998 minn Universal Music, B&M u l-azzjonisti tagħha.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan il-kuntratt jirriżulta li emenda proposta mid-dipartiment legali ta’ Universal Music Group ma ġietx riprodotta għalkollox minn J. Brož, kollabulatur tal-uffiċċju tal-avukati Burns Schwartz International, u dan wassal għal multiplikazzjoni għal ħames darbiet tal-prezz ta’ bejgħ meta mqabbel mal-prezz li kien previst inizjalment, prezz ta’ bejgħ li sussegwentement kellu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ azzjonisti.

13

Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2003, sabiex tissodisfa l-obbligu kuntrattwali tagħha li tixtri l-kumplament tal-azzjonijiet, Universal Music ikkalkolat il-prezz ta’ dawn tal-aħħar skont il-formula li kienet ipprevediet u waslet għal ammont ta’ CZK 10180281 (madwar EUR 313770). Billi invokaw il-mod ta’ kalkolu previst fil-kuntratt, l-azzjonisti ta’ B&M kienu qed jitolbu ammont ta’ CZK 1003605620 (madwar EUR 30932520).

14

It-tilwima tressqet quddiem kumitat ta’ arbitraġġ fir-Repubblika Ċeka, fejn il-partijiet waslu għal ftehim fil-31 ta’ Jannar 2005. B’eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, Universal Music ħallset is-somma ta’ EUR 2654280.03 (iktar ’il quddiem l-“ammont ta’ tranżazzjoni”) għat-30 % tal-azzjonijiet li kien għad fadal permezz ta’ trasferiment li jiddebita kont bankarju li hija għandha fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-trasferiment sar f’kont li l-azzjonisti ta’ B&M għandhom fir-Repubblika Ċeka.

15

Universal Music ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Utrecht (qorti ta’ Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi), skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex M. T. Schilling u I. Schwartz, bħala ex sieħba tal-uffiċċju tal-avukati Burns Schwartz International, kif ukoll J. Brož jiġu kkunannati in solidum għall-ħlas ta’ EUR 2767861.25 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż, dannu li hija tallega li ġarrbet wara n-negliġenza min-naħa ta’ dan tal-aħħar waqt it-tfassil tat-test tal-kuntratt dwar il-fakultà ta’ xiri tal-azzjonijiet. Id-dannu seħħ mid-differenza li rriżultat minn din in-negliġenza bejn il-prezz ta’ bejgħ pevist inizjalment u l-ammont ta’ tranżazzjoni flimkien mal-ispejjeż li Universal Music kellha ssostni fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ.

16

Insostenn tar-rikors tagħha, Universal Music sostniet li hija ġarrbet id-dannu f’Baarn (fil-Pajjiżi l-Baxxi), fejn hija kienet stabbilita.

17

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Mejju 2009, ir-rechtbank Utrecht (qorti ta’ Utrecht) iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża li kienet adita biha minħabba li l-post fejn id-dannu allegat minn Universal Music, li hija kklassifikat li huwa “dannu purament partimonjali dirett”, li seħħ f’Baarn, ma setax jitqies li huwa l-post tal-“effett tal-ħsara”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba l-assenza ta’ elementi ta’ rabta suffiċjenti li jippermettu li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża.

18

Adita b’appell minn Universal Music, il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (qorti tal-appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), ikkonfermat permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Din il-qorti qieset li fil-każ ineżami ma kienx hemm element ta’ rabta partikolarment stretta li għandu jeżisti bejn it-talba u l-qorti adita, li jikkostitwixxi kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-ammont ta’ tranżazzjoni kellu jiġi mġarrab minn kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Olandiża.

19

Universal Music ippreżentat appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (qorti tal-appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden) quddiem il-qorti tar-rinviju. M. T. Schilling u J. Brož ippreżentaw separatament appell ta’ kassazzjoni inċidentali.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” jista’ jitqies li huwa l-post fi Stat Membru fejn seħħ id-dannu, meta tali dannu jkun jikkonsisti esklużivament f’dannu patrimonjali, li huwa l-konsegwenza diretta ta’ att illegali li seħħ fi Stat Membru ieħor?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

a)

Fuq il-bażi ta’ liema kriterju jew ta’ liema fattur għandha l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tiddetermina jekk, f’dan il-każ, hemmx inkwistjoni dannu patrimonjali li jirriżulta direttament minn aġir illegali (“dannu patrimonjali inizjali” jew “dannu patrimonjali dirett”), jew inkella dannu patrimonjali li jirriżulta minn dannu inizjali li seħħ f’post ieħor jew dannu li huwa l-konsegwenza ta’ dannu li seħħ f’post ieħor (“dannu konsekuttiv” jew “dannu indirett”)?

b)

Fuq il-bażi ta’ liema kriterju jew ta’ liema fattur, il-qorti nazzjonali għandha, fl-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tiddetermina l-post fejn seħħ jew għandu jitqies li seħħ f’dan il-każ id-dannu patrimonjali, kemm dirett kif ukoll indirett?

3)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni f’dan il-każ fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandha tibbaża ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha, fuq l-argumenti rilevanti tar-rikorrent jew tal-applikant, jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-provi li l-konvenut ipproduċa sabiex jikkontesta dawn l-argumenti?

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jitqies li huwa “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” il-post, li jinsab fi Stat Membru, fejn seħħ id-dannu meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju li jirriżulta direttament minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor.

22

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi lill-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti tal-Komunità jkunu jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 18 kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 38).

23

Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma rilevanti għall-kawża preżenti huma fformulati f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Fid-dawl ta’ tali ekwivalenza, għandha tiġi żgurata, skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 19).

24

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludi kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punt 44). F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ elementi fid-deċiżjoni tar-rinviju intizi sabiex jindikaw l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, li għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-analiżi tagħha għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, li dwaru huma d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

25

Hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonjiet tiegħu, huwa biss b’deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa domiċiljat il-konvenut, li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament tipprevedi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik li tinsab fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (8). Sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn twettaq l-effett tal-ħsara jew hemm ir-riskju li jitwettaq, tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u restrittiv, u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-ipoteżijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punti 43 sa 45 kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ element ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq, fatt li jiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċeduri (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 47 kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’materji ta’ delitti jew kważi delitti, il-qorti tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq hija normalment l-iktar waħda adatta biex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità tat-tilwima u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi (sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 40 kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 74).

28

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dawn it-termini jkopru kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li minnu oriġina dan id-dannu, b’tali mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (ara fil-qasam tat-tniġġis, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, 21/76, EU:C:1976:166, punti 2425, fil-qasam ta’ falsifikazzjoni, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 46 kif ukoll, fil-qasam ta’ kuntratt ta’ direttur ta’ kumpannija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 72).

29

Għalkemm għall-partijiet fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li r-Repubblika Ċeka huwa l-post fejn seħħ l-avveniment kawżali, ma hemmx qbil bejniethom għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu.

30

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kuntratt konkluż fil-5 ta’ Novembru 1998 bejn B&M u l-azzjonisti tagħha, minn naħa, u Universal Music, min-naħa l-oħra, ġie nnegozjat u ffirmat fir-Repubblika Ċeka. Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ġew iddefiniti f’dan l-Istat Membru, inkluż l-obbligu ta’ Universal Music li tħallas ammont ogħla milli inizjalment previst għat-30 % tal-azzjonijiet li kien fadal. Dan l-obbligu kuntrattwali, li l-partijiet għall-kuntratt ma kellhomx l-intenzjoni li joħolqu, twieled fir-Repubblika Ċeka.

31

Id-dannu ta’ Universal Music li rriżulta mid-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ previst u dak imsemmi f’dan il-kuntratt sar ċert matul it-tranżazzjoni li fuqha ftiehmu l-partijiet quddiem il-kumitat ta’ arbitraġġ, fir-Repubblika Ċeka, fil-31 ta’ Jannar 2005, id-data meta l-prezz ta’ bejgħ effettiv ġie ddeterminat. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ ħlas kellu impatt irreversibbli fuq il-patrimonju ta’ Universal Music.

32

Għaldaqstant, it-telf ta’ partijiet mill-patrimonju seħħ fir-Repubblika Ċeka, peress li d-dannu seħħ hemmhekk. Is-sempliċi fatt li, fil-mument tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni li hija kienet ikkonkludiet quddiem il-kumitat ta’ arbitraġġ, fir-Repubblika Ċeka, Universal Music ħallset l-ammont ta’ tranżazzjoni permezz ta’ trasferiment li jiddebita kont bankarju li hija għandha fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni.

33

Għaldaqstant, is-soluzzjoni li tirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 30 sa 32 tas-sentenza preżenti tissodisfa r-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza imposti mir-Regolament Nru 44/2001, peress li l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati Ċeki hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċeduri.

34

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jitfakkar li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma tistax tiġi interpretata b’mod wiesa’ b’tali mod li tinkludi l-postijiet kollha fejn jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża dannu li effettivament seħħ f’post ieħor (sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari, C‑364/93, EU:C:1995:289, punt 14).

35

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-imsemmija espressjoni ma tirreferix għal post fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat jew fejn jinsab iċ-ċentru tal-patrimonju tiegħu, minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta mit-telf ta’ partijiet mill-patrimonju tiegħu li sar u ġġarrab fi Stat Membru ieħor (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 21).

36

Huwa minnu li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C-375/13, EU:C:2015:37), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 55 tar-raġunament tagħha, li l-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, sabiex jisimgħu tali kawża meta dan id-dannu jseħħ direttament f’kont bankarju ta’ dan ir-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom.

37

Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment irrileva fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijet tiegħu fil-kawża preżenti, din il-konstatazzjoni tagħmel parti mill-kuntest partikolari tal-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, li kienet ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jingħaqdu flimkien għall-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-imsemmija qrati.

38

Konsegwentement, dannu purament finanzjarju li jseħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent ma jistax, waħdu, jiġi kklassifikat bħala “element ta’ rabta rilevanti”, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi rrilevat li ma huwiex eskluż li kumpannija bħal Universal Music għandha l-għażla bejn diversi kontijiet bankarji li minnhom hija setgħet tħallas l-ammont ta’ tranżazzjoni, b’tali mod li l-post fejn jinsab dan il-kont ma jikkostitwixxix neċessarjament kriterju ta’ konnessjoni affidabbli.

39

Huwa biss fis-sitwazzjoni fejn iċ-ċirkustanzi partikolari l-oħra tal-kawża jingħaqdu wkoll flimkien sabiex jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn seħħ dannu purament finanzjarju, li tali dannu jista’, b’mod iġġustifikat, jippermetti lir-rikorrent jibda l-kawża quddiem din il-qorti.

40

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li huwa “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fl-assenza ta’ elementi oħrajn ta’ rabta, il-post li jinsab fi Stat Membru fejn seħħ dannu, meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju li jseħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent u li jirriżulta direttament minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor.

41

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula.

Fuq it-tielet domanda

42

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita b’kawża għandhiex tevalwa l-elementi kollha quddiemha, inklużi, skont il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut.

43

Hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju staqsiet din id-domanda biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, hemm interess li tingħata risposta għal din id-domanda peress li tirreferi għall-evalwazzjoni ġenerali tal-ġurisdizzjoni, u mhux biss sabiex isir magħruf jekk dannu patrimonjali huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni.

44

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita la għandha tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tidentifika biss l-elementi ta’ rabta mal-Istat tal-qorti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din il-qorti tista’ tqis bħala stabbiliti, għall-finijiet biss ta’ verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-allegazzjonijiet rilevanti tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 50 kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għalkemm il-qorti nazzjonali adita bil-kawża ma għandhiex l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni mill-konvenut tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent, li twettaq evalwazzjoni tal-provi fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jsostni lir-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll ir-rispett dovut lill-awtonomija tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha jeżiġu li l-qorti adita bil-kawża tkun tista’ teżamina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 64).

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita b’kawża għandha tevalwa l-elementi kollha li għandha quddiemha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li huwa “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fl-assenza ta’ elementi oħrajn ta’ rabta, il-post li jinsab fi Stat Membru fejn seħħ dannu, meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju li jseħħ direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent u li jirriżulta direttament minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor.

 

2)

Fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita b’kawża għandha tevalwa l-elementi kollha li għandha quddiemha, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top