EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0021

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

COM/2020/21 final

Brussell, 14.1.2020

COM(2020) 21 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli





Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew


1.Introduzzjoni

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa r-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent, li huma l-kompitu li jiddefinixxi din il-ġenerazzjoni. Din hija strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prosperuża, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-2050, fejn l-ambjent u s-saħħa taċ-ċittadini jkunu protetti, u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun separat mill-użu tar-riżorsi.

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli huwa l-pilastru tal-investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ewropa sostenibbli teħtieġ sforz ta’ investiment sinifikanti fis-setturi kollha tal-ekonomija. Biex jintlaħqu l-miri tal-2030 1 dwar il-klima u l-enerġija hemm bżonn ta’ investimenti addizzjonali li jammontaw għal EUR 260 biljun fis-sena sal-2030 2 . Il-Kummissjoni diġà ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta pjan ta’ valutazzjoni tal-impatt biex tkompli żżid l-ambizzjoni tal-UE dwar il-klima għall-2030, u se jkunu meħtieġa investimenti addizzjonali biex jinkisbu l-objettivi ambjentali u soċjali usa’ li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha 3 .

Qed tiżdied il-ħajra tal-investituri għal opportunitajiet sostenibbli b’impatt li jista’ jitkejjel. Il-ħruġ globali annwali ta’ bonds ekoloġiċi ttriplika mill-2016 ’l hawn u fl-2019 laħaq madwar EUR 225 biljun skont l-istimi reċenti. Hemm bżonn ta' qafas li jnaqqas id-distakk bejn l-objettivi tal-politiki u r-riżorsi sinifikanti finanzjarji privati disponibbli.

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli se jimmobilizza, permezz tal-baġit tal-UE u permezz tal-istrumenti assoċjati, mill-inqas EUR 1 triljun ta’ investimenti sostenibbli pubbliċi u privati tul id-deċennju li ġej. Dan jippreżenta qafas komprensiv biex f’kull rokna tal-UE sseħħ tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. Dan il-qafas se jkollu fil-mira l-investimenti klimatiċi, ambjentali u soċjali, u dawn tal-aħħar meta jkollhom x’jaqsmu ma’ tranżizzjoni sostenibbli.

Madankollu hemm bżonn ta’ aktar minn hekk biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni. L-atturi privati jeħtieġ li jipprovdu l-livell. Il-Kummissjoni, permezz ta’ ġabra ta’ inizjattivi ġodda ta’ politika b’impenji msaħħin għal strumenti li għaddejjin bħalissa fi ħdan qafas ta’ politika uniku, qed tagħti spinta ġdida lill-politika f’dan il-qasam, u qed tiżgura impatt u koerenza aħjar fil-qafas tal-UE għall-investimenti sostenibbli. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq kif tista’ timmobilizza aktar ir-riżorsi biex tikseb l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku.

Illustrazzjoni 1. Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli se jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika b’impatt newtrali fuq il-klima fit-tliet dimensjonijiet li ġejjin:

·L-ewwel nett, il-Pjan se jimmobilizza mill-inqas EUR 1 triljun għall-investimenti sostenibbli matul l-għaxar snin li ġejjin permezz tal-baġit tal-UE. Il-baġit tal-UE se jiddedika sehem akbar minn qatt qabel mill-infiq pubbliku għall-klima u għall-ambjent. Se jinkludi l-finanzjament privat permezz ta’ garanziji u se jgħin biex it-tranżizzjoni tkun waħda ġusta billi jiffaċilita l-investimenti tas-settur pubbliku fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

·It-tieni, se joħloq qafas ta’ abilitazzjoni għall-investituri privati u għas-settur pubbliku. Dan se jkollu l-għan li jiżgura tranżizzjoni kosteffettiva, ġusta, kif ukoll tranżizzjoni soċjalment ibbilanċjata u ġusta. L-istituzzjonijiet finanzjarji u l-investituri privati jeħtieġu l-għodda biex jidentifikaw tajjeb l-investimenti sostenibbli. B’mod partikolari, it-tassonomija tal-UE, il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” u t-tħejjija għas-sostenibbiltà se jkunu kruċjali biex tiġi sfruttata l-qawwa tagħhom. Għas-settur pubbliku, is-Semestru Ewropew, ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u għall-Klima taħt l-Unjoni tal-Enerġija, u l-pjanijiet meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni ambjentali settorjali (pereż. dwar l-iskart, l-ilma, il-bijodiversità u l-arja) se jippermettu li jiġu identifikati b’mod xieraq il-ħtiġijiet tal-investiment. 

·It-tielet, il-Pjan se jipprovdi appoġġ imfassal apposta għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-promoturi ta’ proġetti biex jidentifikaw, jistrutturaw u jwettqu proġetti sostenibbli. L-appoġġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex jivvalutaw il-ħtiġijiet finanzjarji u jippjanaw l-investiment sussegwenti kif ukoll l-appoġġ dirett għal promoturi ta’ proġetti pubbliċi u privati se jiġu msaħħa.

Illustrazzjoni 2. Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Dan huwa konsistenti mal-impenn li ttieħed fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jitqiegħdu fil-qalba tat-tfassil tal-politika u tal-azzjoni tal-UE.

2.L-isfida tal-investimenti

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima, reżiljenti għat-tibdil fil-klima u ambjentalment sostenibbli se tkun teħtieġ investimenti sinifikanti. Sabiex jintlaħqu l-miri attwali tal-2030 għall-klima u l-enerġija hemm bżonn ta’ EUR 260 biljun ta’ investimenti addizzjonali annwali 4 . Din iċ-ċifra tinkludi prinċipalment investimenti relatati mal-enerġija, mal-bini u ma’ parti mis-settur tat-trasport (il-vetturi) 5 . Il-ħtiġijiet medji ta’ investiment ta’ kull settur 6 huma l-aktar sinifikanti għar-rinnovazzjoni tal-bini. Dawn il-flussi ta’ investiment jeħtieġ li jiġu sostnuti tul iż-żmien.

Se jkunu meħtieġa wkoll investimenti sinifikanti f’setturi oħra, b’mod partikolari fl-agrikoltura, biex jiġu indirizzati sfidi ambjentali usa’, inkluż it-telfien tal-bijodiversità u t-tniġġis, il-protezzjoni tal-kapital naturali u l-appoġġ għall-ekonomija blu u ċirkolari, kif ukoll għall-investiment soċjali u fil-kapital uman relatat mat-tranżizzjoni.

Id-diġitalizzazzjoni hija l-faċilitatur ewlieni tal-Patt Ekoloġiku. Investiment sostanzjali fil-kapaċitajiet diġitali strateġiċi Ewropej kif ukoll fl-iżvilupp u fl-użu wiesa’ ta’ teknoloġiji diġitali mill-aqwa se jwassal għal soluzzjonijiet intelliġenti, innovattivi u mfassla apposta biex jiġi indirizzat it-tħassib relatat mal-klima.

Il-pjan imħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew biex il-mira tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE għall-2030 tkompli tonqos se jissarraf fi ħtiġijiet ta’ investiment akbar. L-analiżi fil-fond li tirfed il-viżjoni strateġika fit-tul tal-Kummissjoni għal ekonomija tal-UE newtrali għall-klima diġà indikat li t-trasformazzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju tista’ tirrikjedi investimenti addizzjonali, sa 2 % tal-PDG sal-2040. Jista’ jkun hemm bżonn li din tiġi avvanzata biex diġà mill-2030 tintlaħaq ambizzjoni ogħla.

3.Fond: il-mobilizzazzjoni ta’ investiment sostenibbli mis-sorsi kollha

Bħala l-pilastru tal-investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli se jimmobilizza mill-inqas EUR 1 triljun ta’ investimenti sostenibbli tul id-deċennju li ġej. Dan l-ammont ta’ finanzjament għat-tranżizzjoni ekoloġika jinkiseb permezz tan-nefqa taħt il-baġit fit-tul tal-UE, li kwart minnu jmur għal skopijiet relatati mal-klima inkluż EUR 39 biljun li stmati li jmorru għan-nefqiet ambjentali. Barra minn hekk, il-pjan se jinkludi finanzjament privat addizzjonali billi tiġi pprovduta l-garanzija baġitarja tal-UE taħt il-Programm InvestEU.

Minbarra l-infiq tal-UE relatat mal-azzjoni klimatika u l-politika ambjentali, il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli jkopri wkoll l-ammonti użati taħt il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li se jgħinu lir-reġjuni l-aktar milquta li għaddejjin mit-tranżizzjoni.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jsir il-bank tal-klima tal-Unjoni. Dan ħabbar li gradwalment se jżid is-sehem tal-finanzjament tiegħu ddedikat għall-azzjoni klimatika u għas-sostenibbiltà ambjentali, li fl-2025 se jilħaq il-50 % tal-operazzjonijiet tiegħu. Il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra se tkun ukoll kruċjali.

Filwaqt li din il-kontribuzzjoni turi l-impenn tal-UE li tiffinanzja l-Patt Ekoloġiku Ewropew, waħidha mhux se tkun biżżejjed biex ikunu disponibbli l-investimenti meħtieġa. Se jkunu meħtieġa kontribuzzjonijiet imdaqqsa mill-baġits nazzjonali u mis-settur privat.

Illustrazzjoni 3: L-elementi ta’ finanzjament li jammontaw għal mill-inqas EUR 1 triljun fuq l-għaxar snin ġejjin 7 taħt il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli



Kif se jiġu mobilizzati mill-inqas EUR 1 triljun mill-baġit tal-UE matul id-deċennju li ġej?

Il-mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas EUR 1 triljun tul id-deċennju li ġej tirrikjedi taħlita ta’ fondi pprovduti mill-baġit tal-UE kif propost mill-Kummissjoni u aktar investimenti pubbliċi u privati skattati minnu.

L-infiq relatat mal-klima u mal-ambjent skont il-baġit tal-UE se jipprovdi EUR 503 biljun mill-2021 sal-2030 f’konformità mal-mira ta’ 25 % għall-integrazzjoni tal-klima proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-2021-2027 u inkluż l-infiq fuq l-ambjent fil-programmi kollha 8 . Dan se jiskatta l-kofinanzjament nazzjonali addizzjonali ta’ EUR 114-il biljun matul dan il-perjodu ta’ żmien għall-klima u l-ambjent.

Il-Fond InvestEU se jipprovdi madwar EUR 279 biljun ta’ investimenti privati u pubbliċi relatati mal-klima u mal-ambjent matul il-perjodu 2021-2030 billi jipprovdi garanzija baġitarja tal-UE għal tnaqqis fir-riskju għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment.

Sabiex ħadd ma jitħalla jibqa' lura, il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jinkludi finanzjament mill-baġit tal-UE, kofinanzjament mill-Istati Membri kif ukoll kontribuzzjonijiet minn InvestEU u mill-BEI biex jintlaħqu l-EUR 100 biljun ta’ investimenti li għandhom jiġu mobilizzati matul l-2021-27, li estrapolati fuq 10 snin se jilħqu l-EUR 143 biljun biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta.

Il-fondi għall-Innovazzjoni u l-Modernizzazzjoni, li mhumiex parti mill-baġit tal-UE li iżda huma ffinanzjati minn parti mid-dħul mill-irkantar tal-kwoti tal-karbonju skont l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, se jipprovdu mill-inqas madwar EUR 25 biljun għat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika.

3.1.Żieda fl-ambizzjoni tal-baġit tal-UE u l-programmi assoċjati

Il-Kummissjoni, permezz tal-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li jmiss, qed tissuġġerixxi li żżid l-ambizzjoni relatata mal-klima għal 25 %. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iżommu tal-anqas dan il-livell ta’ ambizzjoni fin-negozjati li għaddejjin.

Il-programmi differenti kif proposti mill-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tal-UE se jinkludu miżuri speċifiċi biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u l-objettiv ta’ Ewropa aktar ekoloġika u mingħajr karbonju, pereżempju:

·Il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mistennija li jinvestu mill-inqas EUR 108 biljun fi proġetti relatati mal-klima u l-ambjent matul is-seba’ (7) snin li ġejjin (2021-2027), aktar minn 30 % tal-pakkett totali.

·Il-Politika Agrikola Komuni futura se titfa’ 40 % tal-pakkett totali tagħha biex tappoġġa l-objettivi relatati mal-klima. Il-pagamenti diretti kollha se jkunu bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi jissaħħu.

·Mill-inqas 35 % tal-baġit ta’ Orizzont Ewropa (li huwa mistenni jilħaq il-EUR 35 biljun) se jappoġġa l-objettivi klimatiċi. Barra minn hekk, fl-aħħar sena ta’ Orizzont 2020, il-Kummissjoni qed tħejji sejħa addizzjonali ta’ madwar EUR 1 biljun allokati għall-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku, apparti l-allokazzjoni eżistenti ta’ EUR 1,35 biljun fl-2020.

·Il-pakkett tal-programm LIFE se jiżdied bi 72 % meta mqabbel mal-2014-2020, għal EUR 5,4 biljun. Aktar minn 60 % tal-pakkett tiegħu se jkunu għall-objettivi klimatiċi, inklużi EUR 0,95 biljun għall-azzjoni klimatika u EUR 1 biljun għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, u EUR 2,15 biljun għan-natura u għall-bijodiversità.

·Mill-inqas 60 % tal-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (li jappoġġa l-infrastrutturi tat-trasport, l-enerġija u diġitali) se jkun immirat biex jappoġġa l-objettivi klimatiċi.

·L-Fond Soċjali Ewropew+ se jappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ madwar 5 miljun ruħ għall-impjiegi ekoloġiċi u għall-ekonomija ekoloġika.

Il-baġit tal-UE se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi anki f’dak li jirrigwarda d-dħul. F’Mejju 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li kienet tinkludi pakkett dwar ir-Riżorsi Proprji ġodda. Wieħed mill-elementi ewlenin tagħha kien ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mhux riċiklat mill-imballaġġ, li se tikkontribwixxi għall-miri fl-UE kollha li hemm definiti fl-istrateġija dwar l-iskart. Barra minn hekk, skont il-proposta tal-Kummissjoni, 20 % tad-dħul mill-irkanti tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS) se jiġi allokat lill-baġit tal-UE bħala Riżorsa Proprja.

Ukoll, il-Fond għall-Modernizzazzjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet u l-Fond għall-Innovazzjoni, li t-tnejn li huma mhumiex ffinanzjati mill-baġit fit-tul tal-UE, se jgħaddu flus addizzjonali għat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Fond għall-Innovazzjoni se jappoġġa investimenti biex jiżdiedu t-teknoloġiji rivoluzzjonarji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-proċessi fl-enerġija rinnovabbli u fl-industriji intensivi fl-enerġija, inkluż il-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju, u l-ħżin tal-enerġija. L-għan huwa li jiġi kondiviż ir-riskju tal-innovazzjoni mal-promoturi tal-proġetti biex jingħata appoġġ lil proġetti ferm innovattivi li qatt ma jkunu saru qabel u biex l-industrija Ewropea ssir mexxejja globali f’dawn it-teknoloġiji nodfa. Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji l-ewwel sejħa għall-Fond għall-Innovazzjoni li għandu jitnieda f’nofs l-2020, bl-ammont ta’ EUR 1 biljun. Matul ix-xhur li ġejjin se jsiru diversi sessjonijiet ta’ ħidma biex jintlaħqu promoturi ta’ proġetti u investituri oħra pubbliċi u privati, bil-ħsieb li tinħoloq ġabra ta’ kriterji tal-għażla effettivi. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jappoġġa l-investimenti fil-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u f’sistemi usa’ tal-enerġija filwaqt li jagħti spinta lill-effiċjenza enerġetika f’10 Stati Membri bi dħul aktar baxx. Dan jista’ jappoġġa wkoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-persuni affettwati. Il-Kummissjoni dalwaqt se tikkonsulta dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-Kummissjoni se tirrevedi ż-żewġ strumenti bħala parti mir-reviżjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet u se tikkunsidra l-allokazzjoni ta’ dħul addizzjonali fil-baġit tal-UE biex issaħħaħ il-finanzjament għal tranżizzjoni ġusta.

F’konformità mal-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, sas-sajf tal-2020 il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ valutazzjoni tal-impatt biex iżżid il-miri fit-tnaqqis tal-UE rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030, inkluża analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment. Skont l-eżitu ta’ dan, jista’ jkun xieraq li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jiġu kkunsidrati bidliet potenzjali fil-miri relatati mal-klima.

Il-Kummissjoni se:

-Tiddefendi l-ambizzjoni klimatika għolja tagħha ta’ mill-inqas 25 % tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali fin-negozjati interistituzzjonali.

-Ittejjeb is-sistema ta’ traċċar għall-monitoraġġ tal-progress lejn din il-mira.

3.2.Tinkludi l-investimenti privati permezz ta’ InvestEU

Xi investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni jinvolvu riskju akbar minn dak li jiflaħ is-settur privat waħdu. Huwa proprju hawnhekk fejn il-fondi pubbliċi jistgħu jintużaw b’mod immirat sabiex il-proġetti jitneħħielhom ir-riskju u sabiex jiġi pprovdut il-finanzjament privat. Il-programm InvestEU, is-suċċessur tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u ta’ 13-il strument finanzjarju ieħor tal-UE, bl-għoti ta’ garanzija baġitarja tal-UE li tkopri parzjalment ir-riskju tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment, se jimmobilizza EUR 650 biljun fuq perjodu ta’ seba’ (7) snin. Sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jintuża l-potenzjal kollu ta’ InvestEU. Għaldaqstant huwa essenzjali li tintlaħaq mira klimatika ambizzjuża għal InvestEU fil-kuntest tan-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa. Il-Kummissjoni pproponiet il-mira ta’ mill-inqas 30 %, li tiskatta madwar EUR 195 biljun ta’ investiment għall-klima mill-2021 sal-2027, jiġifieri kważi EUR 28 biljun fis-sena u EUR 280 biljun fuq għaxar snin.

InvestEU se jappoġġa investimenti sostenibbli fis-setturi kollha tal-ekonomija. Se jxerred ukoll prattiki sostenibbli fost l-investituri privati u pubbliċi. Il-Kummissjoni se tippromwovi metodoloġija ta’ traċċar klimatiku biex titkejjel il-kontribuzzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment speċifiċi għall-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-programm. Barra minn hekk, hija se tistabbilixxi metodu għall-“ivverifikar tas-sostenibbiltà”, li abbażi tiegħu l-promoturi ta’ proġetti akbar minn ċertu daqs se jkunu meħtieġa jivvalutaw l-impatt ambjentali, klimatiku u soċjali ta’ dawk il-proġetti. Peress li dawn il-metodi se jiġu applikati mis-Sħab għall-Implimentazzjoni ta’ InvestEU (il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali) u se jkunu wkoll il-punt ta’ riferiment għall-investituri privati u għall-intermedjarji finanzjarji li jipparteċipaw fil-programm, huma mistennija li jmorru lil hinn mill-Programm InvestEU. Dawn il-metodi se jagħmlu użu xieraq mis-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli (“it-tassonomija tal-UE”) fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni se:

-Ittejjeb it-traċċar klimatiku u ambjentali kif ukoll il-gwida għall-ivverifikar tas-sostenibbiltà fit-tieni nofs tal-2020. Dawn id-dokumenti ta’ gwida se jużaw b’mod xieraq il-kriterji stabbiliti mit-tassonomija tal-UE wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

-Tiżviluppa, f’kooperazzjoni mas-Sħab għall-Implimentazzjoni ta’ InvestEU, prodotti finanzjarji li għandhom jiġu użati taħt InvestEU li jkollhom fil-mira s-sostenibbiltà ambjentali, klimatika u soċjali.

3.3.Il-kontribuzzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-mobilizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu wkoll rwol ewlieni fil-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Juża r-riżorsi proprji tiegħu u l-appoġġ baġitarju tal-UE taħt diversi programmi u faċilitajiet biex jiffinanzja l-azzjoni klimatika u l-investimenti ambjentali kemm fl-UE u kemm barra minnha. Fl-2018, kważi 30 % tal-operazzjonijiet iffirmati mill-BEI kkontribwew għal azzjoni klimatika, filwaqt li appoġġaw investimenti għall-mitigazzjoni u għall-adattament tat-tibdil fil-klima, għal tkabbir b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Għall-2019, il-BEI jistenna li din il-kontribuzzjoni kienet fil-medda ta’ 28-31 %. Tul il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli fuq għaxar snin, il-BEI huwa mistenni li jiffinanzja, mhux permezz tal-mandati tal-UE, madwar EUR 600 biljun ta’ investimenti klimatiċi fl-Istati Membri kollha.

Ir-rwol tal-BEI fil-finanzjament għal tranżizzjoni sostenibbli se jikber hekk kif isir il-bank tal-UE għall-klima. Il-BEI se jżid gradwalment is-sehem tal-finanzjament tiegħu ddedikat għall-azzjoni klimatika u għas-sostenibbiltà ambjentali biex jilħaq il-50 % sal-2025 u wara. Sehem sinifikanti ta’ dan se jitwettaq taħt il-Programm InvestEU, li se jippermetti lill-BEI biex jinvolvi ruħu fi proġetti aktar innovattivi u li jinkorporaw aktar politika, billi jkopri parti mir-riskju tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment. Barra minn hekk, il-Grupp tal-BEI se jallinja l-attivitajiet ta’ finanzjament tiegħu kollha mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi sa tmiem l-2020. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni kien l-adozzjoni tal-Politika l-ġdida dwar is-Self għall-Enerġija tal-14 ta’ Novembru 2019, li żżomm bħala prijorità l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u t-teknoloġiji ekoloġiċi ġodda kif ukoll tipi ġodda ta’ infrastrutturi tal-enerġija meħtieġa għas-sistema enerġetika futura b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-Politika riveduta dwar is-Self għall-Enerġija tipprevedi wkoll it-tneħħija gradwali tal-appoġġ għal proġetti tal-enerġija li jiddependu fuq il-fjuwils fossili wara l-2021, inkluż b’mod partikolari l-proġetti kollha tal-infrastruttura tal-gass naturali.

Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u Nazzjonali oħrajn se jkollhom rwol dejjem akbar fil-finanzjament tas-sostenibbiltà f’konformità mal-objettivi tal-politika tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib magħhom biex tesplora kif l-attivitajiet tagħhom jistgħu jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kummissjoni se:

-Tiżgura li l-operazzjonijiet tal-BEI li jiġu ffinanzjati skont il-mandati tal-UE jipprovdu valur addizzjonali għoli, kemm f’termini ta’ setturi koperti kif ukoll tal-profil tar-riskju tal-proġetti ffinanzjati. Dan se jsir b’mod partikolari bit-tisħiħ tas-sistema ta’ rappurtar u ta’ monitoraġġ, inkluża l-metodoloġija ta’ traċċar tal-klima.

-Tinvolvi ruħha ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u Nazzjonali oħra bil-għan li l-attivitajiet tagħhom jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

4.Tippermetti: il-ħolqien ta’ qafas biex jinħolqu investimenti pubbliċi u privati.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi direzzjoni ċara għal qafas ta’ politika komprensiv għat-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE. L-objettiv tal-2050 biex jitħalla impatt newtrali fuq il-klima se jkun minqux fil-leġiżlazzjoni u se tiżdied l-ambizzjoni għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030. Il-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jużaw taħlita ta’ regolamentazzjoni u inċentivi biex jiġu indirizzati l-esternalitajiet u biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, sabiex l-ispejjeż għas-soċjetà jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment. L-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet se tiġi rieżaminata u se tkompli tgħin biex jiġi żgurat ipprezzar effettiv tal-karbonju. Inizjattivi speċifiċi se jindirizzaw ostakli regolatorji speċifiċi għas-settur, bħall-ostakli għall-iffinanzjar u biex jitwettqu investimenti għall-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-bini. Is-swieq kompetittivi u integrati huma wkoll meħtieġa sabiex jinżammu baxxi l-ispejjeż u tiġi xprunata l-innovazzjoni. B’mod simili, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni taħt Orizzont Ewropa se jikkontribwixxi għall-investiment pubbliku-privat fl-innovazzjoni rivoluzzjonarja li tappoġġa l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

F’dan il-kuntest aktar wiesa’, il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli se jippermetti t-tranżizzjoni permezz ta’ azzjonijiet immirati f’oqsma li jittrattaw direttament id-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-investituri privati u tal-entitajiet pubbliċi.

4.1.Inpoġġu l-finanzjament sostenibbli fil-qalba tas-sistema finanzjarja

Peress li l-kumpaniji privati u l-unitajiet domestiċi se jkollhom jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-investimenti sostenibbli fid-deċennju li jmiss, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti sinjali ċari fuq perjodu ta’ żmien twil li jiggwidaw lill-investituri lejn investiment sostenibbli.

Sabiex jiġi indirizzat l-ammont sinifikanti ta’ investimenti li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima u dwar sostenibbiltà usa’, f’Marzu 2018 il-Kummissjoni pproponiet il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-finanzjament għal tkabbir sostenibbli 9 . Abbażi ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, li jikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, ġew stabbiliti pedamenti importanti għall-oqfsa li jwasslu biex jiġi mobilizzat il-finanzjament għal investimenti sostenibbli. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tat-tassonomija tal-UE, tad-divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà mis-settur finanzjarju, kif ukoll tal-punti ta’ riferiment dwar il-klima. Permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, pereżempju permezz tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzjament Sostenibbli, l-UE qed tippromwovi globalment approċċi koerenti u impatt imsaħħaħ għall-finanzjament sostenibbli.

Il-Kummissjoni tilqa’ b’mod partikolari l-ftehim politiku reċenti tal-koleġiżlaturi dwar ir-Regolament li jistabbilixxi qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli (it-tassonomija tal-UE), li għandu jkompli jiġi speċifikat permezz tal-atti delegati adottati mill-Kummissjoni. It-Tassonomija tal-UE se tiddetermina jekk l-attività ekonomika hijiex ambjentalment sostenibbli, abbażi ta’ kriterji ta’ prestazzjoni dwar x’kontribut tagħti għal mill-inqas wieħed mis-sitt objettivi ambjentali.

Il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif it-tassonomija tal-UE tista’ tintuża fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fis-settur pubbliku, lil hinn minn InvestEU. Filwaqt li inizjalment imfassla għall-investituri privati, it-tassonomija – ladarba tkun żviluppata biżżejjed – tista’ tintuża wkoll minn entitajiet tas-settur pubbliku. Huwa importanti li jkun hemm konverġenza tal-istandards bejn is-settur privat u l-banek/l-entitajiet pubbliċi, pereżempju l-Bank Ewropew tal-Investiment.

Filwaqt li tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 u fid-dawl tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija mġedda għall-finanzjament sostenibbli fit-tielet trimestru tal-2020, li għandha l-għan li tkompli żżid il-finanzjament sostenibbli. Il-kumpaniji se jkollhom bżonn iżidu d-divulgazzjoni tad-data klimatika u ambjentali tagħhom sabiex l-investituri jkunu infurmati għalkollox dwar l-opportunitajiet ta’ investiment sostenibbli u jkunu jistgħu jagħtu direzzjoni aħjar lill-investiment tagħhom biex jappoġġaw il-Patt Ekoloġiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju. Barra minn hekk, l-istrateġija mġedda se tkompli żżid l-opportunitajiet ta’ investiment billi tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ investimenti sostenibbli permezz ta’ tikketti ċari għal varjetà ta’ prodotti ta’ investiment sostenibbli u billi tiżviluppa u timplimenta standard għall-bonds ħodor tal-UE. 

Il-Kummissjoni se:

-Tħejji fl-2020 l-atti delegati dwar l-objettivi tat-tibdil fil-klima tat-Tassonomija tal-UE għall-2020, u l-atti delegati dwar l-objettivi ambjentali l-oħra tat-tassonomija tal-UE sa tmiem l-2021.

-Tesplora kif it-tassonomija tal-UE tista’ tintuża fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew mis-settur pubbliku, lil hinn minn InvestEU.

-Tniedi konsultazzjoni pubblika dwar strateġija ta’ finanzjament sostenibbli mġedda fl-ewwel trimestru tal-2020 bil-ħsieb li tippreżenta strateġija mġedda fit-tielet trimestru tal-2020.

-Tistabbilixxi Standard għall-Bonds Ħodor tal-UE fl-2020 u tesplora kif dan l-istandard, kif ukoll oqfsa ta’ abilitazzjoni oħra, jistgħu jżidu l-finanzjament pubbliku u privat għal investimenti sostenibbli.

4.2.Tipprovdi lis-settur pubbliku bi gwida u mezzi xierqa biex isiru investimenti sostenibbli

L-atturi pubbliċi huma l-investituri ewlenin f’ċerti setturi, speċjalment dawk tal-infrastruttura u tas-servizzi pubbliċi. F’ħafna każijiet l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jkollhom rwol ta’ gwida u ta’ koordinaturi għall-investimenti sostenibbli. L-awtoritajiet pubbliċi jista’ jkollhom ukoll bżonn jinvestu meta l-atturi tas-suq ma jkunux jistgħu jintervjenu, b’mod partikolari meta l-benefiċċji soċjali u ambjentali ma jkunux riflessi f’redditi privati, jew meta l-proġetti jitqiesu wisq riskjużi. Meta dawn l-investimenti jkollhom ta’ spiss natura transfruntiera u effetti kollaterali fuq l-Istati Membri, il-Kummissjoni jeħtieġ li jkollha rwol ta’ koordinatur fil-livell tal-UE.

Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li se jiffaċilitaw l-investiment meħtieġ għat-trasformazzjoni ekoloġika mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Is-Semestru jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ investiment u tal-ostakli f’kull Stat Membru. Ir-rapporti tal-pajjiżi se jqabblu s-sorsi ta' finanzjament disponibbli mill-fondi tal-UE mal-isfidi speċifiċi għall-pajjiż, fid-dawl tal-objettivi klimatiċi, ambjentali u tal-politika soċjali. Sforz konġunt bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jiżgura li l-investimenti huma diretti lejn l-aktar proġetti sostenibbli.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex il-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku jiġu mgħarbula u vvalutati skont punt ta’ riferiment. Dan se jagħmilha aktar faċli biex jiġi vvalutat sa liema punt il-baġits annwali u l-pjanijiet fiskali fuq terminu medju jieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti u r-riskji ambjentali, u jitgħallmu mill-aħjar prattiki. Ir-rieżami tal-qafas Ewropew tal-governanza ekonomika se jinkludi referenza dwar l-investiment pubbliku sostenibbli fil-kuntest tal-kwalità tal-finanzjament pubbliku. Dan se jkun il-pern tad-dibattitu dwar kif tista’ tittejjeb il-governanza fiskali tal-UE. L-eżitu tad-dibattitu se jifforma l-bażi ta’ kull pass possibbli fil-futur, inkluż kif jiġu ttrattati l-investimenti sostenibbli fi ħdan ir-regoli fiskali tal-UE, filwaqt li jinżammu s-salvagwardji kontra r-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn.

Il-Kummissjoni se tipproponi kriterji jew miri ekoloġiċi obbligatorji għall-akkwist pubbliku f’inizjattivi settorjali, għall-fondi tal-UE jew għal-leġiżlazzjoni speċifika għall-prodotti. Dawn il-kriterji minimi se jistabbilixxu “de facto” definizzjoni komuni ta’ x’inhu x-“xiri ekoloġiku”, filwaqt li jippermettu l-ġbir ta’ data komparabbli mingħand xerrejja pubbliċi u jistabbilixxu l-bażi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-akkwisti pubbliċi ekoloġiċi. L-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa se jkunu mħeġġa jintegraw il-kriterji ekoloġiċi u jużaw it-tikketti fl-akkwisti tagħhom. Il-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi permezz ta’ gwida, attivitajiet ta’ taħriġ u t-tixrid ta’ prattiki tajbin. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu applikati metodoloġiji tal-ikkostjar taċ-ċiklu tal-ħajja minn xerrejja pubbliċi kull meta jkun possibbli. Il-Kummissjoni tappella lill-atturi kollha, inkluża l-industrija, biex jiżviluppaw dawn il-metodoloġiji affidabbli.

Il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” jenħtieġ li jiġi applikat biex jiġi żgurat li l-effiċjenza enerġetika titqies kull fejn ikun rilevanti. Dan jgħin ukoll biex jiġi evitat li ma jkunx hemm ħela ta’ riżorsi marbuta mal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija li fil-fatt mhijiex meħtieġa. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar kif għandu jiġi applikat dan il-prinċipju.

Il-Kummissjoni se:

-Tinkludi s-sostenibbiltà ambjentali bħala parti integrali mir-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew, minn din is-sena.

-Tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-investiment sostenibbli tagħhom u l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati ta’ kull sena mill-2020.

-Tikkopera mal-Istati Membri biex il-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku jiġu mgħarbula u vvalutati skont punt ta’ riferiment.

-Tipproponi aktar leġiżlazzjoni u gwida għall-akkwist pubbliku ekoloġiku.

-Tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” bħala parti mid-deċiżjonijiet ta’ investiment.

4.3.Tagħmel possibbli investimenti sostenibbli permezz ta’ qafas tal-għajnuna mill-Istat li jkun ta' sostenn.

Ir-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat se jiġu riveduti sal-2021 fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u se jappoġġaw tranżizzjoni kosteffikaċi u soċjalment inklużiva għan-newtralità klimatika sal-2050. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat se jiġu riveduti biex jipprovdu qafas ta’ abilitazzjoni ċar, kompletament aġġornat u adattat għall-iskop tiegħu sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jilħqu dawn l-objettivi, filwaqt li jsir l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi limitati. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat se jappoġġaw it-tranżizzjoni billi jrawmu t-tip ta’ investiment u l-ammonti ta’ għajnuna xierqa. Huma se jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-użu ta’ teknoloġija ġdida li ma tagħmilx ħsara lill-klima fuq skala tas-suq. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll aktar faċilitazzjoni proċedurali biex tapprova l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tat-tranżizzjoni ġusta. Dawn se jiffaċilitaw ukoll l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili, b’mod partikolari dawk li jniġġsu l-aktar, biex b’hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern. Fost dawn se jkun hemm, b’mod partikolari, il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-Ambjent u l-Enerġija.

Sakemm issir ir-reviżjoni, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-flessibilità pprovduta permezz tar-regoli eżistenti biex jilħqu l-miri tagħhom għall-2030 u biex ikomplu jiddekarbonizzaw is-settur tal-elettriku u l-ekonomija sal-2050. Pereżempju, jistgħu jagħżlu li jżidu l-investimenti pubbliċi fl-iskemi tal-elettriku rinnovabbli għal enerġija orħos u aktar integrata mal-enerġija ekoloġika, jintroduċu infrastruttura ta’ imposti orħos u aċċessibbli għall-pubbliku jew skemi ta’ ekonomija ċirkolari bħall-użu mill-ġdid tas-sħana mitlufa jew ir-riċiklaġġ tal-iskart.

Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jserrħu fuq ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat biex itaffu l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni. Pereżempju, jistgħu jagħżlu li jappoġġaw lill-ħaddiema affettwati mill-għeluq tal-minjieri tal-faħam, jinvestu f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll f’negozji ġodda jew fil-bidu, u jħarrġu mill-ġdid lill-ħaddiema. Għat-teknoloġiji abilitanti essenzjali u għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu flimkien il-fondi tagħhom biex investimenti privati sinifikanti jiġu liberati ħalli proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew isiru realtà – inkluż fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika.

Fl-istess ħin, ir-regoli se jkomplu jippreżervaw l-integrità tas-suq intern u jirrispettaw l-objettivi tal-koeżjoni stabbiliti fit-Trattat tal-UE, li huma fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea. L-għan tagħhom huwa li jnaqqsu d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji, billi jiġu appoġġati r-reġjuni l-inqas vantaġġjati biex ilaħħqu mal-oħrajn. B’mod partikolari, dan ifisser li l-appoġġ pubbliku għall-investiment li jiġġenera d-dħul lil kumpaniji kbar irid ikompli jkun ta’ benefiċċju biss l-ifqar reġjuni li se jiġu affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika (l-Artikolu 107 (3) (a) u (c) tat-TFUE).

F’dan l-isfond, ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat se jiġu applikati bi flessibbiltà, b’enfasi fuq għadd ta’ oqsma li jidhru li huma kruċjali biex tinkiseb trasformazzjoni lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima.

4.3.1.Aktar flessibbiltà għall-għajnuna mill-Istat biex ikun hemm trasformazzjoni għal proċessi ta’ produzzjoni newtrali għall-klima

Il-Kummissjoni se tapprova l-appoġġ tal-Istati Membri għall-kumpaniji biex jiddekarbonizzaw jew jelettrifikaw il-proċessi ta’ produzzjoni, sakemm l-inċentivi ekonomiċi ma jiġġustifikawx diġà l-investiment ikkonċernat u l-kumpaniji jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent lil hinn mill-istandards jew il-punti ta’ riferiment tal-Unjoni.

Sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż għall-Istat, l-appoġġ pubbliku jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ. Il-Linji Gwida attwali tipikament jistabbilixxu l-ammont massimu ta’ għajnuna bbażat fuq l-ispejjeż żejda tal-investiment rilevanti meta mqabbel ma’ investiment alternattiv teoretiku li huwa inqas ekoloġiku. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk, fil-futur, għal investimenti li huma kompatibbli mat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika, tistax minflok tiddetermina l-ispejjeż eliġibbli b’referenza għad-diskrepanza tal-likwidità b’mod partikolari f’każijiet fejn ma jkunx hemm investiment alternattiv ipotetiku. Dan huwa ġġustifikat fid-dawl tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-fatt li investimenti bħal dawn jippreżentaw mod importanti biex titnaqqas il-marka tal-karbonju tal-installazzjonijiet ikkonċernati.

4.3.2.Għajnuna biex titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-bini

L-Istati Membri se jingħataw aktar spazju biex jinvestu fl-effiċjenza enerġetika tal-bini skont il-Linji Gwida għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija. B’mod partikolari, l-Istati Membri se jingħataw aktar flessibbiltà biex jappoġġaw arranġamenti ta’ finanzjament li huma vantaġġużi għall-konsumaturi tal-elettriku, bħall-Kuntratti għall-Prestazzjoni tal-Enerġija. F’arranġament bħal dan, il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija jinvestu fit-titjib tal-bini biex jagħmluh aktar effiċjenti fl-enerġija u jiġu remunerati permezz tal-iffrankar tal-enerġija fil-kontijiet tad-dawl tal-konsumaturi.

L-Istati Membri se jkollhom ukoll aktar flessibbiltà biex jappoġġaw it-titjib li jindirizza kemm l-effiċjenza enerġetika tal-bini kif ukoll l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għall-awtokonsum.

Għall-identifikazzjoni tal-kostijiet eliġibbli għal tali proġetti, il-Kummissjoni tista’ tqis il-fatt li f’ħafna każijiet ma hemm l-ebda investiment kontrofattwali.

4.3.3.Għajnuna għat-tisħin distrettwali

L-appoġġ li huwa limitat għan-netwerks ta’ distribuzzjoni tat-tisħin distrettwali jista’ taħt ċerti ċirkostanzi jitqies li jaqa’ barra mill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat bħala miżura ta’ infrastruttura li ma taffettwax il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta n-netwerks tat-tisħin distrettwali jitħaddmu bl-istess mod bħal infrastruttura oħra tal-enerġija permezz tas-separazzjoni mill-ġenerazzjoni tat-tisħin, l-aċċess għall-partijiet terzi u t-tariffi regolati.

Fil-każijiet l-oħra kollha fejn tkun preżenti l-għajnuna mill-Istat, il-Linji Gwida għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija jistabbilixxu serje ta’ kondizzjonijiet skont liem jistgħu jiġu approvati l-appoġġ għal proġetti ta’ tisħin distrettwali. B’mod partikolari, ir-regoli jirrikjedu li l-investiment iwassal għal sistema ta’ tisħin distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, kif definit fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Fir-rigward tal-ammonti li jistgħu jingħataw, il-Linji Gwida jiddifferenzjaw bejn intensitajiet ta’ għajnuna għall-ispejjeż tal-investiment għall-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali u l-hekk imsejjaħ metodu ta’ diskrepanza tal-likwidità għall-finanzjament ta’ kostruzzjoni jew titjib tan-netwerk ta’ distribuzzjoni.

Sabiex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal tat-tisħin distrettwali li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, fil-futur l-Istati Membri jistgħu jużaw approċċ ta’ diskrepanza tal-likwidità għall-ġenerazzjoni tat-tisħin distrettwali wkoll bħala alternattiva għall-massimu tal-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jitħallew jagħtu għajnuna mill-Istat lin-netwerks ta’ tisħin distrettwali li mhumiex parti minn sistemi ta’ tisħin distrettwali li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, jekk l-investimenti li jagħmlu l-ġenerazzjoni tas-sħana effiċjenti fl-użu tal-enerġija jibdew fi żmien tliet snin minn meta jiġi mmodernizzat in-netwerk.

4.3.4.Għajnuna għall-għeluq ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam

Il-ħruq tal-linjite huwa wieħed mill-mezzi li l-aktar li jniġġsu u li huma intensivi fid-CO2. Filwaqt li l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet se twassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-enerġija intensiva fil-karbonju, għadd ta’ Stati Membri qed jippjanaw li jaċċelleraw it-tneħħija gradwali tal-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u l-linjite. L-Istati Membri li jagħżlu li jipprovdu l-għajnuna biex jagħlqu l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, f’dan il-kuntest, pereżempju biex jikkumpensaw lill-operaturi għal profitti mitlufa peress li ma jistgħux ikomplu jbigħu l-elettriku fis-suq, jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn il-pjanijiet. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-għajnuna mill-Istat involuta fi proġetti bħal dawn direttament taħt it-Trattat.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se teżamina b’mod partikolari l-proporzjonalità ta’ tali appoġġ sabiex jiġi evitat kumpens żejjed. Dan ifisser li l-Istati Membri jridu juru li l-kumpens ma jmurx lil hinn mit-telf ta’ profitt li l-impjant jiffaċċja minħabba l-għeluq antiċipat tiegħu. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-miżura tkun strutturata b’tali mod li tillimita kull distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq.

Ta’ min ifakkar li kwalunkwe appoġġ mill-Istat li mhuwiex relatat mal-attività ekonomika, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-individwi (eż. l-għajnuna soċjali jew it-taħriġ mill-ġdid) jew il-finanzjament ta’ infrastruttura disponibbli pubblikament, ma jaqax taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm ma jagħtix vantaġġ indirett lil xi impriża.

4.3.5.Għajnuna għall-ekonomija ċirkolari

L-Istati Membri se jingħataw aktar spazju biex jappoġġaw il-miżuri meħtieġa għall-bidla minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari: ir-riċiklaġġ tal-iskart, l-użu mill-ġdid tas-sħana mitlufa, l-użu mill-ġdid tad-CO2, jew il-ġbir separat tal-flussi tal-iskart. Din il-flessibbiltà tkun tapplika dment li l-ammont ta’ għajnuna jiġi ddeterminat billi jitqies kwalunkwe dħul addizzjonali li jista’ jagħti l-investiment fl-ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni se:

-Tkompli l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li huma l-faċilitatur ewlenin għat-tranżizzjoni u tapplika r-regoli attwali bi flessibbiltà f’oqsma kruċjali għat-trasformazzjoni lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima;

-Tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sal-2021 biex jiġu riflessi l-objettivi tal-politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’appoġġ għal tranżizzjoni kosteffettiva għan-newtralità klimatika sal-2050.

5.Twettaq: il-ħolqien ta’ riżerva ta’ proġetti sostenibbli

Fil-kuntest attwali ta’ likwidità għolja tas-suq, l-isfida hija li tiġi żviluppata riżerva robusta ta’ proġetti ta’ investiment allinjati mal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew. Id-disponibbiltà ta’ proġetti ta’ investiment li huma kompatibbli mal-aspettattivi u r-rekwiżiti mill-investituri għadha ma tikkorrispondix mad-domanda. Ir-riżorsi ta’ finanzjament disponibbli ma ġewx eżawriti. L-appoġġ konsultattiv lill-promoturi tal-proġetti wera li huwa effettiv ħafna biex inaqqas id-distakk bejn kunċett u proġett li huwa ekonomikament b’saħħtu.

Abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti, l-assistenza teknika u l-appoġġ konsultattiv se jgħinu fl-identifikazzjoni u t-tħejjija ta’ proġetti sostenibbli u jipprovdu l-bini tal-kapaċità lill-promoturi tal-proġetti biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament. Dan se jiġi organizzat f’livelli differenti mill-appoġġ lill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiddefinixxu l-pjanijiet ta’ investiment tagħhom, għall-appoġġ għal promoturi individwali ta’ proġetti pubbliċi u privati biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-proġetti speċifiċi tagħhom.

5.3.1.Appoġġ lill-amministrazzjonijiet

Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (u s-suċċessur tiegħu, il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi) se jipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jgħinu fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi biex jinkisbu t-tranżizzjonijiet klimatiċi u diġitali. Il-kapaċità amministrattiva, il-kuxjenza u l-għarfien espert limitati dwar is-sostenibbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri huma fost l-akbar ostakli li jżommu lura l-investiment fl-infrastruttura sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent. Pereżempju, il-programm se jgħin biex jiġu identifikati l-potenzjali ta’ investiment f’enerġija nadifa, jew azzjonijiet immirati biex jiżdied il-pass tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-bini. Permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi, il-Kummissjoni tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari, l-ibbaġitjar ekoloġiku jew il-finanzjament u l-investimenti sostenibbli.

5.3.2.Appoġġ għall-promoturi ta’ proġetti

Fil-livell tal-promotur tal-proġett, iċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU u l-inizjattivi ta’ konsulenza żviluppati taħt il-Programm InvestEU b’baġit totali ta’ EUR 500 miljun kif propost mill-Kummissjoni, se jappoġġaw l-identifikazzjoni, it-tħejjija, l-iżvilupp, l-istrutturar, l-akkwist u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment. Fejn meħtieġ, jista’ wkoll itejbu l-kapaċità ta’ promoturi u intermedjarji finanzjarji li jimplimentaw operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment. Din l-offerta komprensiva ta’ servizzi se tqis l-aspetti relatati mas-sostenibbiltà.

Iċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU se jipprovdi punt ta’ dħul uniku kemm għal promoturi ta’ proġetti pubbliċi kif ukoll għal dawk privati, u għal intermedjarji finanzjarji li jimplimentaw operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għall-benefiċċju ta’ entitajiet li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzjament. JASPERS, l-inizjattiva konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment għall-iżvilupp ta’ proġetti għall-Fondi Strutturali se ssir parti miċ-Ċentru. L-inizjattivi konsultattivi rilevanti taħt iċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU jistgħu jinkludu l-kontinwazzjoni tal-programm għall-Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali taħt iċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU biex jiġu appoġġati proġetti lokali ta’ enerġija sostenibbli u ta’ trasport nadif. Din tista’ tinkludi wkoll inizjattivi konsultattivi oħra taħt is-Settur għall-Infrastruttura Sostenibbli li jipprovdu appoġġ għat-tfassil tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment ta’ proġetti sostenibbli f’oqsma ewlenin ta’ infrastruttura (it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, il-broadband u l-konnettività diġitali). Se tingħata wkoll attenzjoni speċifika lill-assistenza teknika għal appoġġ ta’ konsulenza għal proġetti li jippromwovu l-kapital naturali u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

L-investituri pubbliċi se jibbenefikaw minn appoġġ imfassal apposta dwar kif jimplimentaw il-proġetti tagħhom fil-prattika. Strument introdott ġdid “Skrinjar tal-Akkwisti Sostenibbli” – abbażi tal-mekkaniżmu volontarju ex-ante eżistenti għal proġetti infrastrutturali kbar – se jgħinhom jagħmlu użu mill-possibbiltajiet kollha biex jagħmlu l-akkwisti pubbliċi tagħhom u jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-proġett u r-rispett tal-ogħla standards ambjentali tul il-katina kollha tal-provvista.

5.3.3.Żgurar ta’ koerenza u viżibilità

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-appoġġ għall-amministrazzjoni pubblika għal kull proġett jiġu pprovduti b’mod koordinat, fejn xieraq. L-attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità u ta’ ppjanar strateġiku mill-Kummissjoni qed juru riżultati pożittivi li jistgħu jiġu replikati u mkabbra għall-iskop tal-Patt Ekoloġiku. Il-kooperazzjoni mill-qrib eżistenti bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti għal banek promozzjonali nazzjonali u proġetti ta’ investiment se tiġi estiża taħt il-programmi suċċessuri rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss biex tissaħħaħ il-ġenerazzjoni u r-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ proġetti ta’ investiment sostenibbli.

Il-portal ta’ InvestEU se jibni fuq il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment attwali u jkompli joffri portal mingħajr ħlas online li faċli jintuża, li jipprovdi lin-negozji tal-UE u l-promoturi tal-proġetti li qed ifittxu finanzjament bl-opportunitajiet ta’ finanzjament li huma jeħtieġu lejn l-investituri madwar id-dinja. Il-fokus tal-Portal għandu jkun ukoll il-forniment ta’ riżerva ta’ proġetti ta’ investiment ibbażati fl-UE lis-sħab ta’ implimentazzjoni ta’ InvestEU, li għandhom jeżaminaw il-proġetti li jaqgħu fl-ambitu ġeografiku u ta’ attività tagħhom.

Il-Kummissjoni se:

-Permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jgħinu fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi li jsaħħu t-tkabbir, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ investiment sostenibbli.

-Permezz taċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU tipprovdi servizzi konsultattivi mfassla apposta għal promoturi privati u pubbliċi ta’ proġetti sostenibbli.

-Tipproponi Strument ta’ Skrinjar tal-Akkwist Sostenibbli li jiżgura l-ekoloġizzazzjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura pubblika.

6.Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta

It-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u b’impatt newtrali fuq il-klima se tkun teħtieġ investiment sostanzjali madwar l-Ewropa kollha u rispons ta’ politika b’saħħitha fil-livelli kollha. Filwaqt li r-reġjuni kollha se jkunu jeħtieġu finanzjament għat-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni se toħloq sfida sinifikanti għal xi territorji. L-impatt newtrali fuq il-klima se jirrikjedi ristrutturar fundamentali tal-ekonomiji tagħhom, bidliet strutturali fil-mudelli tan-negozju, u rekwiżiti ta’ ħiliet ġodda. Dan għandu jiġi rikonoxxut u indirizzat fi tranżizzjoni li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

Ix-xogħol fil-minjieri u l-esplorazzjoni għal fjuwils fossili se jiffaċċjaw tnaqqis sinifikanti u attivitajiet intensivi ta’ gass b’effett ta’ serra se jgħaddu minn trasformazzjoni profonda. Ir-reġjuni u t-territorji dipendenti ħafna fuq dawn l-attivitajiet se jkollhom bżonn jirristrutturaw l-industriji tagħhom, jiżguraw li l-attivitajiet ekonomiċi ġodda jkunu jistgħu jżommu t-tessut ekonomiku u soċjali intatt u, jipprovdu t-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema kkonċernati biex isibu impjiegi ġodda. Mingħajr il-miżuri ta’ akkumpanjament meħtieġa, it-tranżizzjoni mhux se sseħħ, peress li la se tkun ġusta u lanqas soċjalment sostenibbli.

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw ċerti reġjuni, il-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta’ Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta li jipprovdi appoġġ immirat biex jiġu ġġenerati l-investimenti meħtieġa f’dawn it-territorji. Il-mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jikkonsisti fi tliet pilastri:

·Fond għal Tranżizzjoni Ġusta,

·skema ta’ tranżizzjoni ġusta ddedikata taħt InvestEU, u

·faċilità ġdida ta’ self għas-settur pubbliku għal investimenti addizzjonali li għandha tiġi ingranata mill-Bank Ewropew tal-Investiment.



Illustrazzjoni 4. Il-finanzjament ta’ Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta

Kull pilastru se jassisti bi strumenti ta’ għotjiet u ta’ finanzjament differenti sabiex joffri firxa sħiħa ta’ għażliet ta’ appoġġ f’konformità mal-ħtiġijiet biex jiġu mmobilizzati investimenti li jkunu ta’ benefiċċju għar-reġjuni l-aktar milquta. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn it-tliet pilastri, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jintuża biex jipprovdi primarjament l-għotjiet; l-iskema ta’ tranżizzjoni ddedikata taħt InvestEU se tinkludi l-investiment privat, u l-faċilità l-ġdida ta’ self għal tranżizzjoni ġusta fis-settur pubbliku se tingrana l-finanzjament pubbliku. Dawn il-miżuri se jkunu akkumpanjati minn assistenza konsultattiva u teknika ddedikata għar-reġjuni u l-proġetti kkonċernati. Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jinkludi qafas ta’ governanza b’saħħtu ċċentrat fuq pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

Meħuda flimkien, il-komponenti tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta jistgħu jgħinu jiġi mmobilizzat l-investiment fir-reġjuni l-aktar esposti għal sfidi ta’ tranżizzjoni ta’ madwar EUR 100 biljun matul il-perjodu 2021-2027. L-investimenti kollha ffinanzjati se jkunu koerenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tar-Regolamenti dwar il-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar sabiex tippermetti l-użu ta’ parti mill-assi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar f’likwidazzjoni. Dan se jgħin biex jinżamm il-programm annwali ta’ riċerka ta’ mill-inqas EUR 40 miljun kif ukoll biex ikun jista’ jsir il-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ riċerka u innovazzjoni tal-produzzjoni nadifa tal-azzar. L-attivitajiet ta’ riċerka fis-settur tal-faħam se jiffukaw fuq ir-reġjuni fi tranżizzjoni f’konformità mal-prinċipji tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

Barra minn hekk, il-Fond għall-Modernizzazzjoni tal-EU ETS se jikkomplementa l-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta. Fl-2021-2030 mal-EUR 14-il biljun addizzjonali (soġġetti għal livelli eventwali tal-prezz tal-karbonju) se jindirizzaw l-investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju fl-għaxar Stati Membri benefiċjarji (ir-Rumanija, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Kroazja).

6.1.Il-pilastru 1: Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Fund — JTF) se jkun mgħammar bil-pakkett tiegħu stess ta’ EUR 7,5 biljun fi ħdan il-baġit tal-UE, li jakkumpanja l-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss li sar mill-Kummissjoni f’Mejju 2018 10 . Il-Fond se jimmira biex itaffi l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima.

Il-Kummissjoni llum qed tadotta proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, kif ukoll proposta għal emendi mmirati għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Sabiex jiġi lliberat euro wieħed mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, kull Stat Membru se jkun mitlub jalloka minimu ta’ 1,5 euro u massimu ta’ 3 euros mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus. Dan l-infiq mill-baġit tal-UE se jkun issupplimentat minn kofinanzjament nazzjonali skont ir-regoli tal-politika ta’ koeżjoni. Dan jista’ jġib l-ammont totali ta’ fondi pubbliċi mmobilizzati permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għal bejn it-EUR 30 u l-EUR 50 biljun.

Se jibbenefikaw mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta dawk it-territorji b’rata għolja ta’ impjiegi fil-produzzjoni tal-faħam, il-linjite, ix-shale bituminuż u l-pit, kif ukoll it-territorji b’industriji li jużaw ħafna gassijiet serra, li jew se jitwaqqfu jew se jkunu affettwati b’mod sever mit-tranżizzjoni. Il-livell ta’ appoġġ se jirrifletti l-kobor tal-isfidi f’dawn it-territorji, f’termini ta’ kemm huma meħtieġa d-diversifikazzjoni ekonomika kif ukoll it-tranżizzjoni lejn attivitajiet b’livell baxx jew żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’potenzjal ta’ tkabbir, u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema sabiex ikunu mgħammra bil-ħiliet neċessarji biex ikollhom impjiegi ġodda.

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jgħin biex dawn ir-reġjuni jiġu ttrasformati, li se jkun essenzjali biex tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050. Se jġib flimkien l-infiq fuq l-azzjoni klimatika u l-appoġġ biex jingħelbu d-differenzi bejn l-Istati Membri u fihom. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għalhekk se jiġi implimentat skont il-politika ta’ koeżjoni, li hija l-politika ewlenija tal-UE li tnaqqas id-differenzi reġjonali u li tindirizza l-bidliet strutturali fir-reġjuni tal-Ewropa. Se jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni kondiviża f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-partijiet interessati. Dan se jiżgura s-sjieda u jipprovdi l-għodod u l-istrutturi għal qafas ta’ ġestjoni effiċjenti.

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri kollha, b’enfasi fuq dawk li se jkollhom l-akbar sfidi ta’ tranżizzjoni. Ir-riżorsi se jiġu allokati fost l-Istati Membri abbażi tal-iskala tal-isfida tad-dekarbonizzazzjoni tar-reġjuni bl-ogħla użu ta’ gassijiet serra (permezz tal-emissjonijiet industrijali korrispondenti), l-isfidi soċjali fid-dawl tat-telf potenzjali ta’ impjiegi fl-industrija, fl-estrazzjoni tal-faħam u tal-linjite u fil-produzzjoni tal-pit u l-estrazzjoni tax-shale bituminuż, u l-ħtieġa għal taħriġ mill-ġdid sussegwenti tal-ħaddiema. Biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u aċċettabbli għal kulħadd, l-allokazzjoni se tirrifletti l-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw din l-isfida skont il-livell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom.

L-Istati Membri se jkollhom bżonn jidentifikaw it-territorji eliġibbli permezz ta’ pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusti ddedikati, fi djalogu mal-Kummissjoni u b’mod konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima. Dan id-djalogu se jkun ibbażat fuq valutazzjoni fuq it-territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima u l-isfidi tal-impjieg u ekonomiċi li se jiffaċċjaw, kif identifikat fis-Semestru Ewropew. L-Istati Membri se jqisu dik il-valutazzjoni għall-elaborazzjoni tal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta, li tiddeskrivi l-proċess ta’ tranżizzjoni u t-tipi ta’ operazzjonijiet previsti. Dawn il-pjanijiet se jiġu annessi mal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni li jinvolvu appoġġ għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u se jiġu adottati mill-Kummissjoni flimkien ma’ dawn il-programmi.

Biex jiġi żgurat l-aktar użu effettiv tar-riżorsi, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jkun kapaċi jappoġġa l-investimenti fit-trasformazzjoni tal-installazzjonijiet eżistenti, anki fis-setturi tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, biss meta dawn l-investimenti jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet, u se jagħti wkoll kontribut pożittiv fit-tul għas-sitwazzjoni tal-impjiegi fit-territorji kkonċernati, f’konformità mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali.

Pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta – il-qofol tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta

Il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta se jkunu fiċ-ċentru tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, u se jkunu referenza għall-pilastri kollha tiegħu. Dawn il-pjanijiet se jistabbilixxu l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jirriżultaw mit-tneħħija gradwali ta’ attivitajiet relatati mal-fjuwils fossili, jew id-dekarbonizzazzjoni ta’ proċessi jew prodotti b’intensità tal-gassijiet serra. Huma se jagħtu wkoll deskrizzjoni ġenerali tal-proċess ta’ transizzjoni sal-2030, inkluż l-iżvilupp, it-taħriġ mill-ġdid u l-ħtiġijiet ta’ riabilitazzjoni ambjentali u l-approċċ biex dawn jiġu indirizzati b’mod integrat, l-iskeda ta’ żmien tat-transizzjoni, it-tipi ta’ operazzjonijiet previsti u l-mekkaniżmi ta’ governanza. Dan ifisser li l-miżuri li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jistgħu jvarjaw fost l-Istati Membri u t-territorji fir-rigward tal-prijoritajiet u l-isfidi identifikati. Il-proċess ta’ programmazzjoni se jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni pprovduta fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’kont meħud ta’ din il-valutazzjoni, l-Istati Membri se jħejju pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta, li se jkunu parti mill-programmi taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. L-approvazzjoni tal-pjanijiet mill-Kummissjoni se tiftaħ il-bibien għal finanzjament iddedikat mhux biss mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (il-pilastru 1 tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta), iżda wkoll mill-iskema ddedikata ta’ tranżizzjoni ġusta skont InvestEU (il-pilastru 2) u l-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku mill-BEI (il-pilastru 3).

 

6.2.Il-pilastru 2: Skema ddedikata għal reġjuni ta’ tranżizzjoni ġusta taħt il-Fond InvestEU

Il-mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jinkludi wkoll skema ta’ tranżizzjoni ġusta skont InvestEU, biex jiġi ġġenerat investiment addizzjonali għall-benefiċċju tar-reġjuni l-aktar milquta. Dan se jippermetti li attivitajiet ekonomiċi ġodda jissostitwixxu dawk li jeħtieġ li jitneħħew gradwalment minħabba l-effett tagħhom fuq il-klima u l-ambjent. Meta mqabbel mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, dan se jippermetti wkoll investimenti f’firxa usa’ ta’ proġetti, f’konformità mal-eliġibbiltà usa’ tal-investimenti taħt InvestEU. InvestEU se jappoġġa l-finanzjament, fost l-oħrajn, ta’ proġetti għall-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport, inklużi l-infrastruttura tal-gass u t-tisħin distrettwali, iżda wkoll il-proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni, id-diversifikazzjoni ekonomika tar-reġjuni, l-infrastruttura soċjali u l-ħiliet. Dan se jippermetti wkoll li s-setturi affettwati jadattaw modi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Il-finanzjament taħt InvestEU jista’ jappoġġa investimenti ekonomikament vijabbli f’dawn iż-żoni, u jipprovdi komplementarjetà u sinerġiji mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

Il-Fond InvestEU, kif inhu, mistenni jiġġenera EUR 650 biljun ta’ investiment privat u pubbliku addizzjonali biex jappoġġa l-objettivi ta’ politika tal-UE fil-QFP li jmiss permezz ta’ garanzija tal-UE ta’ EUR 38 biljun. Din il-garanzija hija appoġġata minn taħlita ta’ baġit tal-UE ta’ EUR 15,2 biljun (jiġifieri rata ta’ proviżjonament ta’ 40 %) u obbligazzjonijiet kontinġenti għall-bqija tal-ammont.

Il-Fond InvestEU jista’ jkun għodda effiċjenti biex jiġu ġġenerati investimenti addizzjonali sinifikanti fi proġetti ta’ tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni kkonċernati. Għal dan il-għan, parti mill-finanzjament taħt il-Fond InvestEU se jkun iffukat fuq l-objettivi ta’ tranżizzjoni ġusta. Dan jista’ jiġġenera sa EUR 45 biljun ta’ investimenti matul il-perjodu 2021-2027 biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni fir-reġjuni kkonċernati, bil-għan li tiġi riflessa l-iskema nazzjonali ta’ allokazzjoni skont il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Madankollu, l-użu finali ta’ InvestEU se jibqa’ mmexxi mid-domanda u se jiddependi fuq is-sett ta’ proġetti. Il-kapaċità ta’ assorbiment tar-reġjuni kkonċernati se tkun kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet. Il-mira globali ta’ EUR 45 biljun tikkorrispondi għal proviżjonament ta’ madwar EUR 1,8 biljun mill-baġit tal-UE għall-Programm InvestEU. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkontribwixxu parti mill-allokazzjoni tagħhom tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jappoġġaw l-investiment permezz ta’ self garantit jew ekwità permezz tal-kompartiment tal-Istat Membru tagħhom. Se jkun hemm bżonn ta’ appoġġ ta’ konsulenza mfassal apposta biex tiġi żviluppata sensiela ta’ proġetti. Sabiex jinkiseb dan, huwa essenzjali li jiġi żgurat livell adegwat ta’ garanzija InvestEU fin-negozjati li għaddejjin dwar il-QFP.

Il-proġetti fir-reġjuni li għandhom pjan ta’ tranżizzjoni approvat skont ir-Regolament tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, jew proġetti li huma ta’ benefiċċju għal dawk ir-reġjuni (anke jekk dawn ma jinsabux fir-reġjuni stess), jistgħu jibbenefikaw mill-iskema, iżda biss meta l-finanzjament barra mit-territorji ta’ tranżizzjoni ġusta jkun essenzjali għat-tranżizzjoni f’dawk it-territorji. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari għal proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport jew tal-enerġija li jtejbu l-konnettività tat-territorji ta’ tranżizzjoni ġusta. L-investimenti li jsegwu l-objettivi ta’ tranżizzjoni ġusta jistgħu jingħaddu lejn l-objettivi klimatiċi u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi klimatiċi ta’ 30 % stabbiliti fil-Programm InvestEU.

Tali mmirar tal-garanzija InvestEU għall-għanijiet ta’ tranżizzjoni ġusta se jirrilaxxa investiment eliġibbli taħt l-erba’ fergħat ta’ politika kollha u se jkun rifless fil-prodotti finanzjarji sottostanti. Inċentivi ddedikati għas-Sħab ta’ Implimentazzjoni jistgħu jiġu offruti permezz ta’ tariffi jew kopertura tar-riskju aktar vantaġġuża għal proġetti li għandhom jiġu implimentati f’reġjuni ta’ tranżizzjoni. Il-mira ta’ tranżizzjoni ġusta se tkun inkluża fil-Linji Gwida dwar l-Investiment ta’ InvestEU u fil-ftehimiet ta’ garanzija mas-Sħab ta’ Implimentazzjoni. Barra minn hekk, is-sejħa/iet għal proposti indirizzati lis-sħab fl-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU se jagħtu prijorità lil dawk is-Sħab ta’ Implimentazzjoni li joffru prodotti finanzjarji li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ tranżizzjoni ġusta. Se tiġi pprovduta assistenza teknika ddedikata biex isiru investimenti ta’ proġetti permezz taċ-Ċentru tal-Konsulenza ta’ InvestEU, li għalihom se jkun disponibbli pakkett addizzjonali.

6.3.Il-pilastru 3: Faċilità ta’ self tas-settur pubbliku mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Faċilità ta’ self tas-settur pubbliku mal-Bank Ewropew tal-Investiment se tappoġġa ż-żieda fl-investiment fis-settur pubbliku fir-reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni tal-klima. Dan l-appoġġ se joffri self konċessjonali lis-settur pubbliku. Dan is-self jipprovdi lill-entitajiet tas-settur pubbliku bir-riżorsi biex jimplimentaw miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika. L-investimenti appoġġati se jvarjaw minn infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport, netwerks ta’ tisħin distrettwali, miżuri ta’ effiċjenza enerġetika inkluża r-rinnovazzjoni ta’ bini, kif ukoll infrastruttura soċjali, u jistgħu jinkludu wkoll setturi oħra. L-appoġġ tal-UE jista’ jieħu l-forma, fost l-oħrajn, ta’ sussidju tar-rata tal-imgħax jew għotja ta’ investiment, iffinanzjati mill-baġit tal-UE, li se jitħalltu flimkien ma’ self estiż mill-BEI għall-awtoritajiet muniċipali, reġjonali u pubbliċi oħrajn.

Il-kopertura ġeografika se tkun l-istess bħal dik taħt l-iskema ta’ tranżizzjoni ġusta ta’ InvestEU (il-pilastru 2 tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta), jiġifieri proġetti fir-reġjuni bi pjanijiet ta’ tranżizzjoni approvati iżda wkoll fi proġetti li jibbenefikaw minnhom dawk ir-reġjuni, iżda biss meta l-finanzjament barra mit-territorji ta’ tranżizzjoni ġusta jkun kruċjali għat-tranżizzjoni f’dawk it-territorji. Il-faċilità ta’ self għal tranżizzjoni tas-settur pubbliku hija intenzjonata li toffri kundizzjonijiet ta’ finanzjament preferenzjali sabiex tappoġġa l-investiment tas-settur pubbliku għall-benefiċċju tar-reġjuni l-aktar milquta. Se tinkludi wkoll appoġġ ta’ konsulenza sabiex tgħin fil-ġenerazzjoni ta’ riżerva ta’ proġetti.

L-appoġġ taħt il-faċilità ta’ self pubbliku se jkun komplementari għall-prodotti offruti mill-iskema ta’ tranżizzjoni ġusta ta’ InvestEU. Dan se japplika għall-proġetti li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta’ dħul fis-suq u li inkella ma jiġux iffinanzjati mingħajr element ta’ sussidju. 

Permezz tal-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE ta’ EUR 1,5 biljun u s-self tal-BEI ta’ EUR 10 biljuni f’riskju proprju, il-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku tista’ timmobilizza bejn EUR 25 u EUR 30 biljun f’investimenti pubbliċi matul il-perjodu 2021-2027. Dan jirrifletti l-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni nazzjonali skont il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, biex jappoġġa t-tranżizzjoni fir-reġjuni kkonċernati. Il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva biex tistabbilixxi din il-faċilità ġdida ta’ self għas-settur pubbliku f’Marzu 2020. Maż-żmien, il-Kummissjoni tista’ tesplora l-kooperazzjoni ma’ sħab implimentattivi addizzjonali hekk kif il-ħtiġijiet tas-settur pubbliku jevolvu.

6.4.Assistenza teknika u appoġġ ta’ konsulenza

It-tranżizzjoni ġusta mhux biss se tiddependi fuq il-flus disponibbli biex tappoġġa l-investiment, iżda wkoll fuq l-allokazzjoni ta’ dawn il-flus lejn il-proġetti t-tajba. Se tingħata assistenza lill-Istati Membri u lir-reġjuni permezz ta’ Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li se tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Il-pjattaforma se tkun qed tibni fuq u tespandi l-ħidma tal-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni, li diġà tappoġġa reġjuni li jipproduċu l-fjuwils fossili madwar l-UE kollha biex tinkiseb tranżizzjoni ġusta. Se tipprovdi appoġġ tekniku u konsultattiv għall-elaborazzjoni tal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali permezz ta’ netwerk ta’ esperti li jiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-aġenziji u l-partijiet interessati. Il-Kummissjoni se tniedi sejħa, diġà fl-ewwel kwart tal-2020, għal talbiet taħt il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali biex tgħin lill-Istati Membri jħejju l-pjanijiet tagħhom ta’ tranżizzjoni territorjali fejn meħtieġ. Il-mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jipprovdi wkoll appoġġ ta’ konsulenza u assistenza teknika permezz tal-istess mezzi kif deskritt fit-taqsima 5.1.2. 

Il-Kummissjoni se:

- Tikkollabora mal-koleġiżlaturi sabiex issir ħidma favur l-adozzjoni rapida tar-Regolament dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-emendi korrispondenti tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni.

-Taħdem mal-Grupp tal-BEI u sħab ta’ implimentazzjoni oħra biex tiġi implimentata l-iskema ta’ tranżizzjoni ġusta ta’ InvestEU ladarba tiġi adottata.

- Tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida għal faċilità ta’ self tas-settur pubbliku mal-BEI f’Marzu 2020.

- Tassisti lill-Istati Membri u lir-reġjuni fit-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ tranżizzjoni territorjali.

- Tipprovdi assistenza teknika u ta’ konsulenza sabiex tiġi ġġenerata riżerva robusta ta’ proġetti għall-benefiċċju ta’ reġjuni ta’ tranżizzjoni ġusta.

7.Konklużjoni u l-passi li jmiss

Il-pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli huwa strumentali biex jimmobilizza l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Billi timpenja ruħha li timmobilizza mill-inqas EUR 1 triljun ta’ investimenti sostenibbli matul l-għaxar snin li ġejjin permezz tal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-objettiv ferm konkret tagħha stess, li permezz tiegħu se jiġi mmonitorjat il-progress. Il-pjan jinkludi wkoll impenn biex jintużaw il-lievi tal-politika kollha rilevanti, sabiex l-investituri privati u pubbliċi jiġu pprovduti b’qafas li jippermetti investimenti sostenibbli kemm jista’ jkun possibbli. Tinvolvi wkoll impenn imġedded biex jiġu pprovduti l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-proġetti meħtieġa lill-awtoritajiet u l-promoturi tal-proġetti. Minħabba l-kobor tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tesplora dwar kif tista’ timmobilizza finanzjament addizzjonali biex tikseb l-objettivi Ewropej tal-Ftehim Ekoloġiku.

Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta inkluż fil-Pjan se jgħin biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli ma tħalli lil ħadd lura. Ir-reġjuni li huma l-aktar esposti għal sfidi ta’ tranżizzjoni se jkunu megħjuna, kemm finanzjarjament kif ukoll amministrattivament, f’dan l-isforz.

Is-suċċess tal-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli se jiddependi fuq l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha fl-implimentazzjoni tagħha. Se jkun vitali li l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew iżommu l-ambizzjoni għolja tal-proposta tal-Kummissjoni matul in-negozjati dwar il-qafas finanzjarju li jmiss. Il-komunità tal-investituri, inklużi l-investituri istituzzjonali, il-banek, l-istituzzjonijiet promozzjonali u l-fondi ta’ ekwità privata, huma mistiedna jagħmlu użu sħiħ mill-qafas emerġenti għall-investimenti sostenibbli. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkollhom jieħdu rwol attiv fl-identifikazzjoni, il-promozzjoni u, fejn meħtieġ, il-kofinanzjament ta’ tali investimenti.

Kull sena l-Kummissjoni se torganizza Summit dwar l-Investiment Sostenibbli, li jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha. Is-Summit se jkun opportunità biex jittieħed kont tal-progress fost il-flussi ta’ ħidma differenti inklużi fil-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, u jiġu identifikati toroq ġodda għal azzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora mas-sħab rilevanti sorsi addizzjonali li jistgħu jiġu mmobilizzati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament fit-tul tat-tranżizzjoni, u modi innovattivi biex isir dan. Barra minn hekk, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni se tiżviluppa u tipprovdi valutazzjonijiet regolari tal-impatti ambjentali u soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati biex jiġu indirizzati dawn l-impatti, fejn meħtieġ.

(1)      Il-miri ewlenin għall-2030 huma: minn tal-inqas tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (mil-livelli tal-1990), sehem ta’ mhux anqas minn 32 % għall-enerġija rinnovabbli u minn tal-inqas titjib ta’ 32,5 % fl-effiċjenza enerġetika.
(2)      Meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza Ningħaqdu flimkien biex inwettqu l-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika - Nistabbilixxu l-pedamenti għal tranżizzjoni b’suċċess lejn l-enerġija nadifa, (COM(2019) 285).
(3)      Il-Kummissjoni tipprevedi li lil hinn mill-miżuri relatati mal-klima, id-diskrepanza wiesgħa fl-investiment ambjentali sostenibbli hija ta’ bejn EUR 100 biljun u EUR 150 biljun fis-sena, inkluża l-protezzjoni ambjentali u l-ġestjoni tar-riżorsi. Fir-rigward tal-investimenti soċjali, it-Task Force ta’ livell għoli dwar l-investiment fl-infrastruttura soċjali stmat li se jkunu meħtieġa EUR 142 biljun addizzjonali fis-sena għal akkomodazzjoni affordabbli, għall-kura tas-saħħa u fit-tul, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ tul il-ħajja. Dawn mhumiex relatati esklużivament mal-ispiża biex tiġi appoġġata it-tranżizzjoni ekoloġika.
(4)      Meta mqabbel ma’ xenarju ta’ referenza - COM(2019) 285.
(5)    Għat-trasport, id-data tinkludi n-nefqa totali tal-investiment f’assi mobbli, iżda mhux l-investiment fl-infrastruttura u f’sistemi li jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta’ vetturi eċċ. Iċ-ċifri ma jinkludux is-suppożizzjonijiet aġġornati tal-ispejjeż tat-teknoloġija użati għall-istrateġija fit-tul.
(6)      Dawn għandhom jitqiesu bħala stimi konservattivi. Peress li attwalment hemm nuqqas ta’ data ma humiex inklużi l-ħtiġijiet importanti ta’ investiment fl-agrikoltura jew fl-adattament klimatiku, jew għall-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u tal-bijodiversità.
(7)

Iċ-ċifri stmati huma sempliċi estrapolazzjoni, fuq 10 snin, tal-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 mingħajr ma jkun preġudikat il-QFP futur ta’ wara l-2027, filwaqt li jiġi preżunt li l-ambizzjoni klimatika se tibqa’ mill-inqas kif inhi.

(8)      Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, l-Orizzont Ewropa u l-fondi LIFE.
(9)      COM(2018) 97 final.
(10)      COM(2019) 456 final.
Top