EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XG0613(09)

Komunikazzjoni mill-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

ĠU C 187, 13.6.2017, p. 37–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 187/37


Komunikazzjoni mill-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali tal-Ungerija skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

(2017/C 187/12)

STEDINA PUBBLIKA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-OFFERTI GĦAL KONĊESSJONI GĦALL-PROSPETTAR, ESPLORAZZJONI U PRODUZZJONI TA’ IDROKARBURI TAĦT KONĊESSJONI FIŻ-ŻONA TA’ ŐRSÉG

F’isem l-Istat Ungeriż, il-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali (“l-Awtorità Kontraenti” jew “il-Ministru”) bħala l-Ministru responsabbli għall-minjieri u għas-sorveljanza tal-assi li huma proprjetà tal-istat-, hawnhekk qiegħed joħroġ stedina pubblika għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi b’kuntratt ta’ konċessjoni abbażi tal-Att CXCVI tal-2011 dwar l-assi nazzjonali (“l-Att dwar l-Assi Nazzjonali”), l-Att XVI tal-1991 dwar il-Konċessjonijiet (“l-Att dwar il-Konċessjonijiet”) u l-Att XLVIII tal-1993 dwar il-minjieri (“l-Att dwar il-Minjieri”), soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin.

1.

Il-Ministru se jippubblika l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti, jiġġudika l-offerti u jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (Magyar Bányászati és Földtani Hivatal) f’konformità mal-Att dwar il-Konċessjonijiet u l-Att dwar il-Minjieri. L-offerti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet se jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni mwaqqaf mill-Ministru.

Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni l-Ministru se joħroġ id-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni, li abbażi tagħha l-Ministru jista’ mbagħad jikkonkludi l-kuntratt ta’ konċessjoni mal-offerent rebbieħ skont it-Taqsima 5(1) tal-Att dwar il-Konċessjonijiet (1).

Il-lingwa tal-proċedura tal-offerti hija l-Ungeriż.

2.

Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti hija miftuħa għal kwalunkwe persuna fiżika domestika jew barranija u għal kwalunkwe organizzazzjoni transparenti skont it-tifsira tal-Att dwar l-Assi Nazzjonali, sakemm dawn jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet; huma permessi wkoll offerti konġunti. Fil-każ ta’ offerti konġunti għal din l-attività ta’ konċessjoni, l-offerenti għandhom jinnominaw wieħed minn fosthom bħala rappreżentant, imma jassumu obbligazzjoni in solidum għall-prestazzjoni tal-kuntratt ta’ konċessjoni. Skont il-proċedura tal-offerti, l-offerenti domestiċi u barranin se jiġu ttrattati fuq bażi ugwali.

Sabiex iwettaq l-attività soġġetta għall-konċessjoni, filwaqt li juża r-riżorsi tiegħu stess, l-offerent li jiffirma l-kuntratt ta’ konċessjoni (“id-Detentur tal-Konċessjoni”) għandu jwaqqaf kumpanija b’uffiċċju rreġistrat fl-Ungerija (“il-Kumpanija tal-Konċessjoni”) fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; id-Detentur tal-Konċessjoni għandu jkollu l-maġġoranza tal-ishma, tal-interessi tan-negozju u tad-drittijiet tal-vot fil-kumpanija meta tiġi mwaqqfa u sakemm tkun qed twettaq l-operat tagħha, u bħala sid, għandu jimpenja ruħu li jinforza r-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratt ta’ konċessjoni fi ħdan il-Kumpanija tal-Konċessjoni. Il-Kumpanija tal-Konċessjoni se tgawdi d-drittijiet u tkun soġġetta għall-obbligi skont il-kuntratt ta’ konċessjoni bħala operatur tal-minjieri.

3.

Id-durata tal-konċessjoni: 20 sena mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ konċessjoni; id-durata oriġinali tista’ tiġi estiża darba mingħajr ebda sejħa għall-offerti oħra għal massimu ta’ nofs id-durata oriġinali tagħha jekk id-Detentur tal-Konċessjoni u l-Kumpanija tal-Konċessjoni jkunu kkonformaw mal-obbligi kollha tagħhom skont il-kuntratt u fil-ħin.

4.

Id-dejta dwar iż-żona magħżula għall-konċessjoni:

Iż-żona magħżula għall-konċessjoni: iż-żona tinsab bejn il-muniċipalitajiet mogħtija fit-tabella ta’ hawn taħt fil-kontej ta’ Zala u Vas.

Muniċipalità

Kontea

Muniċipalità

Kontea

Alsószenterzsébet

Zala

Magyarlak

Vas

Alsószölnök

Vas

Magyarszombatfa

Vas

Apátistvánfalva

Vas

Márokföld

Zala

Baglad

Zala

Nádasd

Vas

Bajánsenye

Vas

Nagyrákos

Vas

Belsősárd

Zala

Nemesmedves

Vas

Bödeháza

Zala

Nemesnép

Zala

Csesztreg

Zala

Orfalu

Vas

Csörötnek

Vas

Őrimagyarósd

Vas

Daraboshegy

Vas

Őriszentpéter

Vas

Felsőjánosfa

Vas

Pankasz

Vas

Felsőmarác

Vas

Rábagyarmat

Vas

Felsőszenterzsébet

Zala

Ramocsa

Zala

Felsőszölnök

Vas

Rátót

Vas

Gáborjánháza

Zala

Rédics

Zala

Gasztony

Vas

Resznek

Zala

Hegyhátszentjakab

Vas

Rönök

Vas

Hegyhátszentmárton

Vas

Szaknyér

Vas

Ispánk

Vas

Szakonyfalu

Vas

Ivánc

Vas

Szalafő

Vas

Kercaszomor

Vas

Szatta

Vas

Kerkafalva

Zala

Szentgotthárd

Vas

Kerkakutas

Zala

Szentgyörgyvölgy

Zala

Kerkáskápolna

Vas

Szijártóháza

Zala

Kétvölgy

Vas

Szőce

Vas

Kisrákos

Vas

Vasszentmihály

Vas

Kondorfa

Vas

Velemér

Vas

Külsősárd

Zala

Viszák

Vas

Lendvadedes

Zala

Zalalövő

Zala

Lendvajakabfa

Zala

Zalaszombatfa

Zala

Magyarföld

Zala

 

 

Is-saff fuqani taż-żona magħżula għall-konċessjoni: il-wiċċ u s-sodda ta’ blat: 5 000 metru taħt il-livell tal-Baħar Baltiku

Iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal minjiera stabbilita għall-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali ta’ idrokarburi mhumiex inklużi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni.

Wieħed jista’ jara l-koordinati tal-angoli li jiddelimitaw iż-żona magħżula għall-konċessjoni fis-Sistema tal-Projezzjoni Uniformi Nazzjonali, filwaqt li d-dejta dwar iż-żoni mnaddfa biex jagħmlu spazju għal minjiera stabbilita għall-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali ta’ idrokarburi, li mhumiex inklużi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni, tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) u/jew fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium).

Id-daqs taż-żona magħżula għall-konċessjoni: 668,313 km2.

Iż-żoni tal-minjiera li s-saff fuqani tagħhom jinsab fl-istess għoli jew f’pożizzjoni ogħla mis-saff fuqani taż-żona magħżula għall-konċessjoni u li għandhom sodda ta’ blat li tikkorrispondi għas-sodda ta’ blat taż-żona magħżula għall-konċessjoni, jew testendi tagħha, mhumiex inklużi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni.

5.

Il-miżata minima netta tal-konċessjoni: HUF 285 000 000 (mitejn u ħamsa u tmenin miljun forint) + VAT, iżda tista’ tiddaħħal offerta għal ammont fiss akbar fil-proċedura tal-offerti. Hekk kif ir-riżultat jiġi ppubblikat, l-offerent rebbieħ għandu jħallas il-miżata tal-konċessjoni għall-ammont, skont il-mod u sad-data kif speċifikat fil-kuntratt ta’ konċessjoni.

6.

Il-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni hija soġġetta għall-ħlas ta’ miżata għall-parteċipazzjoni ta’ HUF 10 000 000 (għaxar miljun forint) + VAT; dan l-ammont għandu jitħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

7.

Minbarra li jħallsu l-miżata għall-parteċipazzjoni, biex l-offerta tagħhom tkun valida, l-offerenti għandhom jippreżentaw garanzija tal-offerta ta’ HUF 50 000 000 (ħamsin miljun forint) sal-jum ta’ qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, bħala garanzija li l-offerta hija vinkolanti. Il-garanzija tal-offerta mħallsa tiġi ċeduta lill-Awtorità Kontraenti jekk l-offerent jirtira jew jekk l-offerent jikseb suċċess iżda mbagħad ma jikkonkludix il-kuntratt jew jonqos milli jħallas il-miżata tal-konċessjoni offruta, għall-ammont, skont il-mod u sad-data tal-iskadenza stipulata fil-kuntratt. Il-garanzija tal-offerta għandha titħallas skont il-mod speċifikat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

8.

L-aktar rata baxxa tar-royalty tal-minjieri pagabbli abbażi tal-kuntratt ta’ konċessjoni se tkun 16 % f’konformità mad-deċiżjoni tal-Ministru; fil-proċedura tal-offerti tista’ tiddaħħal offerta għal royalty ogħla tal-minjieri, li jekk ikun hemm qbil tiġi rreġistrata fil-kuntratt ta’ konċessjoni u għandha titħallas għad-durata tal-konċessjoni. Il-każijiet speċifikati fit-Taqsima 20(3)(e) u (i) u fit-Taqsima 20(5) tal-Att dwar il-Minjieri huma eċċezzjonijiet, fejn għandu japplika r-royalty tal-minjieri prevalenti speċifikat fl-Att dwar il-Minjieri.

9.

Il-kundizzjonijiet legali, finanzjarji, tekniċi u kundizzjonijiet oħra u informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti jistgħu jinsabu fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

10.

Id-Dokument tal-Istedina għall-Offerti jista’ jinġabar sal-jum ta’ qabel id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-offerti, fuq preżentazzjoni ta’ prova dokumentarja adegwata li l-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti jkun tħallas. Ix-xerrej se jingħata ċertifikat f’ismu li jikkonferma li hu rċieva d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

Meta jixtri d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti, sabiex jiġi kkuntattjat u sabiex jirċievi l-informazzjoni, ix-xerrej għandu jippreżenta wkoll Skeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent tal-Konċessjoni, li tista’ titniżżel mis-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) billi wieħed jikklikkja fuq l-għażla “Koncessziós pályázatok közzététele” [“Avviżi dwar l-offerti għall-konċessjonijiet”] fil-menu li jinżel imsejjaħ “Koncesszió” [“Konċessjonijiet”] u/jew mis-sit web tal-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium).

11.

Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti huwa ta’ HUF 100 000 (mitt elf forint) + VAT, li għandu jitħallas permezz ta’ trasferiment bankarju. Il-messaġġ li jakkumpanja t-trasferiment għandu juri l-kodiċi ORCHDV u l-isem tal-parti li qed tixtri d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. Il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti ma jistax jitħallas fi flus kontanti u la jista’ jiġi rimborżat parzjalment u lanqas b’mod sħiħ. Jekk id-Dokument tal-Istedina għall-Offerti ma jiġix riċevut, il-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti jitħallas lura lill-pagatur fi żmien ħamest ijiem mid-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni.

L-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-prezz tax-xiri tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti u dwar l-irċevuta tad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti tista’ titniżżel mis-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) u/jew il-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium).

12.

L-offerti jistgħu jiġu ppreżentati biss minn persuni li xtraw id-Dokument tal-Istedina għall-Offerti u li ħallsu kemm il-miżata tal-parteċipazzjoni kif ukoll il-garanzija tal-offerta. Jekk tiġi ppreżentata offerta konġunta, huwa biżżejjed li wieħed mill-offerenti jixtri d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

13.

L-offerti għandhom jiġu ppreżentati personalment fis-26 ta’ Settembru 2017 bejn l-10:00 u 12:00, bl-Ungeriż, kif speċifikat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti. Aktar informazzjoni dwar il-post tal-preżentazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija (www.mbfh.hu) u/jew tal-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali (www.kormany.hu/hu/nemzeti-fejlesztesi-miniszterium).

14.

Hekk kif l-offerta tiġi ppreżentata din issir vinkolanti fuq l-offerent u tibqa’ vinkolanti sakemm il-proċedura tal-offerti tispiċċa. L-offerenti ma jistgħux jeskludu r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità mal-offerta tagħhom.

15.

Il-Ministru jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-proċedura tal-offerti għall-konċessjoni ma kinitx ta’ suċċess. Ma tista’ titressaq l-ebda pretensjoni li tirriżulta mill-proċedura tal-offerti li tkun ġiet iddikjarata li ma kinitx ta’ suċċess kontra l-Ministru, l-Istat Ungeriż rappreżentat mill-Ministru, jew il-Ministeru għall-Iżvilupp Nazzjonali bħala l-post tax-xogħol tal-Ministru.

16.

L-offerent rebbieħ jakkwista d-dritt esklussiv għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni tal-idrokarburi fiż-żona magħżula għall-konċessjoni għad-durata tal-konċessjoni permezz tal-Kumpanija tal-Konċessjoni, imwaqqfa b’mod obbligatorju għal dak l-iskop. Ladarba d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit għax-xogħol tal-minjieri ssir finali u infurzabbli, id-dritt ta’ konċessjoni għaż-żona għall-prospettar ikun limitat għaż-żona tas-sit għax-xogħol tal-minjieri.

17.

Kull offerent jista’ jippreżenta offerta waħda biss.

18.

Il-limitu ta’ żmien għall-aġġudikazzjoni tal-offerti għall-konċessjoni: fi żmien 90 jum mid-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti.

19.

L-awtorità Kontraenti se tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u mhi se tapplika l-ebda kriterju preferenzjali.

20.

Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni tal-offerta:

I)

Il-kriterji ta’ valutazzjoni relatati mal-kontenut tal-Programm ta’ Xogħol ta’ Riċerka soġġett għall-konċessjoni:

il-merti professjonali tal-Programm ta’ Xogħol ta’ Riċerka (it-tfassil tal-programm li jimmira għall-prospettar massimu tal-idrokarburi);

id-durata ppjanata għar-riċerka;

l-impenn finanzjarju mwettaq fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Xogħol ta’ Riċerka;

kemm huma aġġornati s-soluzzjonijiet tekniċi previsti;

il-miżuri previsti għall-protezzjoni tal-ambjent u l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara matul ix-xogħol soġġett għall-konċessjoni;

kemm huwa previst malajr il-bidu tal-produzzjoni (skont il-liġi, f’inqas minn ħames snin).

II)

Il-kriterji ta’ valutazzjoni relatati mal-kapaċità tal-offerent li jwettaq il-kuntratt ta’ konċessjoni:

il-kapaċità finanzjarja tal-offerent, id-disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa biex jiġi ffinanzjat ix-xogħol li għandu jitwettaq skont il-konċessjoni, u l-proporzjon ta’ dan kostitwit minn riżorsi proprji;

il-valur totali tax-xogħol imwettaq f’konnessjoni ma’ minjieri tal-idrokarburi fit-tliet snin ta’ qabel l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.

III)

Il-kriterji ta’ valutazzjoni relatati mal-obbligi ta’ pagament meħuda fil-kuntratt ta’ konċessjoni:

il-miżata netta tal-konċessjoni offruta meta mqabbla mal-miżata minima tal-konċessjoni stabbilita mill-Ministru;

l-ammont tar-royalty tal-minjieri offruta meta mqabbla mar-royalty minima tal-minjieri stabbilita mill-Ministru.

Il-kriterji tal-aġġudikazzjoni dettaljati u l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura tal-awtorizzazzjoni tax-xogħol ta’ konċessjoni u kif din għandha ssir u titlesta huma speċifikati fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

21.

Il-kuntratt ta’ konċessjoni

Il-kuntratt ta’ konċessjoni għandu jiġi konkluż fi żmien 90 jum wara li jitħabbar ir-riżultat. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Ministru darba biss, b’massimu ta’ 60 jum.

L-offerent rebbieħ huwa intitolat li jwettaq l-attività ekonomika esklussiva kkontrollata mill-istat (il-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi f’żona delimitata) permessa skont il-konċessjoni għad-durata tal-konċessjoni skont il-leġiżlazzjoni rilevanti u l-kuntratt ta’ konċessjoni.

Meta jippreżentaw l-offerta, l-offerenti għandhom iqisu t-Taqsima 22/A(13) tal-Att dwar il-Minjieri, li tiddikjara li fil-każ tal-idrokarburi d-dritt tal-operatur tal-minjieri għall-prospettar jew il-permess tiegħu għall-prospettar jista’ jkopri total ta’ mhux aktar minn 15 000 km2 ta’ territorju għall-prospettar. Meta jiġi stabbilit it-territorju għall-prospettar, għandu jitqies ukoll it-territorju għall-prospettar tal-operatur tal-minjieri li jikkontrolla – skont it-tifsira tal-Kodiċi Ċivili – l-operatur tal-minjieri li jixtieq jikseb id-dritt jew il-permess għall-prospettar. Fil-każ ta’ offerti konġunti, kull wieħed mill-offerenti għandu jissodisfa dan il-kriterju individwalment.

L-abbozz tal-kuntratt ta’ konċessjoni huwa anness mad-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

22.

Wara li jinxtara d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti, l-informazzjoni dwar il-proċedura tal-offerti tista’ tintalab esklussivament bil-miktub fil-lingwa Ungeriża, skont il-mod stipulat fid-Dokument tal-Istedina għall-Offerti; it-tweġibiet se jkunu disponibbli għall-partijiet kollha mill-Uffiċċju Ungeriż għall-Minjieri u l-Ġeoloġija permezz tal-indirizz tal-posta elettronika indikat fuq l-Iskeda għall-Identifikazzjoni tal-Offerent li ġiet ippreżentata meta nxtara d-Dokument tal-Istedina għall-Offerti.

Budapest, Frar 2017

Dr Miklós SESZTÁK

Ministru


(1)  Fid-data li fiha din l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti qiegħda tiġi ppubblikata, il-membru tal-Gvern responsabbli għas-sorveljanza tal-assi li huma proprjetà tal-istat u għall-minjieri huwa l-Ministru għall-Iżvilupp Nazzjonali f’konformità mat-Taqsima 109(3) u (5) tad-Digriet tal-Gvern Nru 152/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jirregola d-dmirijiet u s-setgħat ta’ ċerti Ministri u membri tal-Gvern.


Top