EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0643

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova

COM/2017/0643 final - 2017/0297 (COD)

Brussell, 14.11.2017

COM(2017) 643 final

2017/0297(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tagħti ekwivalenza lil ċerti pajjiżi mhux tal-UE fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-produzzjoni taż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet imwettqa skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw iż-żerriegħa maħsuda u kkontrollata f'dawk il-pajjiżi joffru l-istess garanziji rigward il-karatteristiċi taż-żerriegħa u l-arranġamenti għall-eżami tagħha, għall-iżgurar tal-identifikazzjoni taż-żerriegħa, għall-immarkar u għall-kontroll, bħall-garanziji li joffru d-dispożizzjonijiet applikabbli għaż-żrieragħ maħsuda u kkontrollata fl-Unjoni Ewropea. Billi l-Brażil u l-Moldova mhumiex fost dawk il-pajjiżi mhux tal-UE, iż-żerriegħa li tinħasad fil-Brażil u fil-Moldova ma tistax tiġi importata fl-UE.

Il-Brażil ressaq talba lill-Kummissjoni biex iż-żerriegħa tagħha tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali jkunu koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza ta’ tali żerriegħa.

Il-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni biex iż-żerriegħa tagħha taċ-ċereali, tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra, u tal-ħxejjex tkun koperta mill-istess Deċiżjoni fir-rigward tal-ekwivalenza ta’ tali żerriegħa.

Bi tweġiba għal dawn it-talbiet, il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni tal-Brażil u tal-Moldova dwar is-suġġett. Wara dan, il-Kummissjoni vverifikat l-ispezzjonijiet fuq il-post u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa għaż-żerriegħa fil-Brażil u fil-Moldova. Ikkonkludiet li r-rekwiżiti u s-sistemi ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi huma ekwivalenti għal dawk tal-UE, u jagħtu l-istess garanziji.

Għaldaqstant, jixraq li ż-żerriegħa Brażiljana tiġi rikonoxxuta bħala ekwivalenti għaż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali maħsuda, prodotta u kkontrollata fl-UE. Dan jista’ jsir permezz ta’ Deċiżjoni li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

B’mod simili, jixraq li ż-żerriegħa Moldovana tiġi rikonoxxuta bħala ekwivalenti għaż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra, u tal-ħxejjex maħsuda, prodotta u kkontrollata fl-UE. Dan jista’ jsir permezz ta’ Deċiżjoni li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tar-rekwiżiti legali u l-kontrolli uffiċjali ta’ pajjiż mhux tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa huwa miżura teknika. Din il-miżura tinvolvi valutazzjoni tal-liġijiet u tas-sistema ta’ kontroll fis-seħħ, u b’hekk tal-kapaċità ta’ pajjiż mhux tal-UE partikolari biex iwettaq iċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa. Il-miżura titwettaq skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/17/KE. Billi ma tolqotx kwistjonijiet ta’ politika, ebda valutazzjoni tal-impatt mhi meħtieġa.

F’laqgħat ta’ konsulenza mal-partijiet ikkonċernati, u f’diversi laqgħat tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (PAFF), is-settur taż-żerriegħa tal-UE u l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fuq il-kwistjoni. Huwa mistenni li din id-Deċiżjoni tkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji taż-żerriegħa tal-UE li joperaw fil-Brażil u fil-Moldova, għall-importaturi potenzjali tal-UE taż-żerriegħa minn dawn il-pajjiżi, u għall-bdiewa tal-UE, li se jkollhom aċċess għal varjetà usa’ ta’ żerriegħa.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll konsultazzjoni pubblika ta’ erba’ ġimgħat, li ntemmet fit-22 ta’ Awwissu 2017, dwar il-pjan direzzjonali marbut ma’ din il-proposta. Il-ftit kummenti li waslu kienu kollha pożittivi u ta’ appoġġ għall-proposta. Ċerti partijiet ikkonċernati jantiċipaw li l-att jasal biex iħeġġeġ ir-reċiproċità fil-kummerċ taż-żerriegħa.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

L-għan ta’ din il-proposta huwa li timplimenta l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 66/401/KEE, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 66/402/KEE u l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/57/KE; li ddaħħal fid- Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE l-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2002/55/KE dwar ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, taċ-ċereali, tal-ħxejjex u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra maħsuda f’pajjiż mhux tal-UE fir-rigward ta’ garanziji u dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dik id-Direttiva; u li timplimenta l-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2002/55/KE.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ebda implikazzjoni baġitarja.

2017/0297 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex 3 , u b'mod partikolari l-Artikolu 37(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra 4 , u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE 7 tipprevedi li, skont ċerti kundizzjonjiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu għal ċerti uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni, u li skont ċerti kundizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet ta’ pjanti tal-għalf, ċereali, pitravi, u pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotta f’dawk il-pajjiżi, għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta skont il-liġi tal-Unjoni.

(2)Il-Brażil ressaq talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tiegħu ta’ spezzjonijiet fuq il-post taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali, kif ukoll liż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali prodotti u ċċertifikati fil-Brażil.

(3)Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Brażil, u fl-2016 wettqet verifika tas-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali fil-Brażil, u l-ekwivalenza tal-istess sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni 8 .

(4)Wara dik il-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali jitwettqu kif suppost, u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi tad-Direttivi 66/401/KEE u 66/402/KEE. Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fil-Brażil huma kompetenti u joperaw b’mod xieraq.

(5)Il-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet fuq il-post taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra, kif ukoll liż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti u ċċertifikati fil-Brażil.

(6)Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Moldova, u fl-2016 wettqet verifika tas-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fil-Moldova, u l-ekwivalenza tal-istess sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni 9 .

(7)Wara dik il-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra jitwettqu kif suppost, u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi tad-Direttivi 66/402/KEE, 2002/55/KE u 2002/57/KEE. Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fil-Moldova huma kompetenti u joperaw b’mod xieraq.

(8)Għaldaqstant, jixraq li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali prodotti fil-Brażil u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Brażiljani.

(9)Jixraq ukoll li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fil-Moldova, kif ukoll fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet Moldovani.

(10)Fl-Unjoni hemm domanda għall-importazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex minn pajjiżi terzi, inkluż mill-Moldova. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2003/17/KE jkopru ż-żerriegħa tal-ħxejjex imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE sabiex tiġi indirizzata d-domanda għal tali żerriegħa li toriġina mill-Moldova, kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra fil-ġejjieni.

(11)Sabiex din id-Deċiżjoni tkun bi qbil mar-regoli applikabbli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Testijiet taż-Żerriegħa (ISTA), jenħtieġ li tinħareġ stqarrija, bħala informazzjoni uffiċjali mill-pajjiż terz ikkonċernat, li ttieħdu kampjuni miż-żerriegħa u ġew ittestjati skont ir-regoli tal-ISTA għaċ-ċertifikati oranġjo jew blu, u jenħtieġ li l-lottijiet taż-żerriegħa jkunu akkumpanjati minn tali ċertifikat.

(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Emendi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE

Id-Deċiżjoni 2003/17/KE hija emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, il-frażi ta’ introduzzjoni tinbidel b’li ġej:

“L-ispezzjonijiet fuq il-post li jirrigwardaw l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I, imwettqa fil-pajjiżi terzi elenkati fl-istess Anness, għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, sakemm:”

(2)L-Artikolu 2 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 2

Iż-żerriegħa tal-ispeċjiet speċifikati fl-Anness I, prodotta fil-pajjiżi terzi elenkati fl-istess Anness u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet elenkati fl-istess Anness, għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa li tikkonforma mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-Anness II.”

(3)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

“1.Meta żerriegħa ekwivalenti tiġi ‘mogħtija t-tikketta mill-ġdid u marbuta mill-ġdid’ fil-Komunità, fit-tifsira tal-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali*, għandhom japplikaw b'analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward tal-għeluq mill-ġdid tal-pakketti prodotti fil-Komunità.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-OECD applikabbli għal tali operazzjonijiet.

______________

*L-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, http://www.oecd.org/tad/code/seeds.htm”

(b)Il-punt (b) tal-paragrafu 2 jinbidel b’li ġej:

“(b)għall-pakketti żgħar KE fit-tifsira tad-Direttivi 66/401/KEE, 2002/54/KE jew 2002/55/KE.”

(4)L-Annessi huma emendati skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3
Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66.
(2) ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66.
(3) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.
(4) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74.
(5) ĠU C , p. .
(6) ĠU C , p. .
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 10.14.1, p. 2003).
(8) Rapport finali ta’ verifika mwettqa fil-Brażil mill-11 sad-19 ta’ April 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tas-sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea.
(9) Rapport finali ta’ verifika mwettqa fir-Repubblika tal-Moldova mill-14 sal-21 ta’ Ġunju 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea.
Top

Brussell, 14.11.2017

COM(2017) 643 final

ANNESS

tal-proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova


ANNESS

L-Annessi I u II huma emendati kif ġej:

(1)L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)Fit-tabella, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin f’ordni alfabetika:

BR

Ministry of Agriculture, Livestock and Food Supply

Esplanada dos Ministérios, bloco D

70.043-900 Brasilia-DF

66/401/KEE

66/402/KEE”

“MD

National Agency for Food Safety (ANSA)

str. Mihail Kogălniceanu 63,

MD-2009, Chisinau

66/402/KEE

2002/55/KE

2002/57/KE

(b)Fin-nota f’qiegħ il-paġna tal-istess tabella, jiddaħħlu t-termini li ġejjin f’ordni alfabetika: “BR – il-Brażil”, “MD – il-Moldova”.

(2)L-Anness II huwa emendat kif gej:

(a)fil-paragrafu 1 tal-punt A, il-ħames inċiż huwa sostitwit b'li ġej:

“–iż-żerriegħa tal-qamħirrun u tas-sorgu, fil-każ taż-Zea mays u s-Sorghum spp. imsemmija fid-Direttiva 66/402/KEE,

iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.”

(b)Il-punt B hu emendat kif ġej:

(i)fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-ħames inċiż jinbidel b’li ġej:

“–iż-żerriegħa tal-qamħirrun u tas-sorgu, fil-każ taż-Zea mays u s-Sorghum spp. imsemmija fid-Direttiva 66/402/KEE,

iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.”

(ii)fil-paragrafu 2.1, l-inċiżi jinbidlu b’li ġej:

“–id-Direttiva 66/401/KEE, Anness II,

id-Direttiva 66/402/KEE, Anness II,

id-Direttiva 2002/54/KE, Anness I(B),

id-Direttiva 2002/55/KE, Anness II,

id-Direttiva 2002/57/KE, Anness II.”

(iii)fil-paragrafu 2.2, l-inċiżi jinbidlu b’li ġej:

“–id-Direttiva 66/401/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

id-Direttiva 66/402/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

id-Direttiva 2002/54/KE, Anness II, it-tieni linja,

id-Direttiva 2002/55/KE, Anness III,

id-Direttiva 2002/57/KE, Anness III, kolonni 3 u 4.”

(iv)fil-paragrafu 3.1, it-tieni inċiż jinbidel b’li ġej:

“−stqarrija li ttieħdu kampjuni miż-żerriegħa u ġew ittestjati skont metodi internazzjonali attwali: “Ikkampjunati u analizzati skont ir-regoli tal-ISTA għaċ-ċertifikati oranġju jew blu minn ... (l-isem jew l-inizjali tal-istazzjoni tal-ittestjar taż-żerriegħa tal-ISTA)”,”

(v)il-paragrafu 4 jinbidel b’li ġej:

“4.Il-lottijiet taż-żerriegħa għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat oranġjo jew blu tal-ISTA li jagħti t-tagħrif marbut mal-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2.”

Top