EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0087

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi

COM/2016/087 final

Brussell, 26.2.2016

COM(2016) 87 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi

{SWD(2016) 38 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi

1. Deskrizzjoni tal-isfond

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi 1 sar wieħed mill-aktar reati organizzati li jħalli qligħ fid-dinja. Huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika l-iskala eżatta tiegħu, iżda sorsi differenti 2 jikkalkulaw li dan it-traffikar iwassal għal qligħ ta’ bejn EUR 8 u 20 biljun fis-sena. Dan it-traffikar ikopri firxa wiesgħa ta’ speċijiet protetti, fosthom l-iljunfanti u r-rinoċeronti, il-qroll, il-pangolini, it-tigri u x-xadini l-kbar.

Problema li qiegħda tikber madwar id-dinja kollha…

Il-kummerċ illeċitu fl-avorju żdied b’aktar mid-doppju mill-2007 ’l hawn u issa huwa tliet darbiet iktar milli kien fl-1998. Bejn l-2007 u l-2013, il-kaċċa illegali għar-rinoċeronti żdiedet b’7 000 % fl-Afrika t’Isfel, tant li qiegħda tipperikola s-sopravivenza ta’ din l-ispeċi 3 . Bejn Novembru tal-2013 u April tal-2014 biss, l-awtoritajiet f’diversi pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni qabdu aktar minn 4 000 tunnellata ta’ injam skur tat-tip “rosewood”, li huwa f’periklu kbir li jinqered għal kollox, li kienu suspettati li kienu esportati illegalment mill-Madagaskar.

L-UE għandha rwol importanti fl-indirizzar ta’ dan it-traffikar, minħabba li l-Ewropa bħalissa hija suq destinatarju u ċentru għat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi li jkunu fi tranżitu lejn reġjuni oħrajn. L-Ewropa hija wkoll ir-reġjun minn fejn jinqabdu ċerti speċijiet għall-kummerċ illegali. F’dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri rrappurtaw, b’mod partikulari, li għamlu qabdiet tal-avorju u tal-qrejjen tar-rinoċeronti fi tranżitu u li kien hemm importazzjonijiet illegali ta’ rettili u għasafar eżotiċi ħajjin, filwaqt li bosta tunnellati ta’ sallur f’periklu kbir inbiegħu b’mod illegali mill-UE lejn l-Asja.

… li għandha implikazzjonijiet kbar għall-istat tad-dritt, għall-kriminalità u għas-sigurtà

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi għandu impatt qerriedi fuq il-bijodiversità, billi qed jhedded li jwassal għall-qerda ta’ xi speċijiet. Barra minn hekk, huwa joħloq inċentivi għal prassi korrotta u jiġi ffaċilitat minnhom, u b’hekk idgħajjef l-istat tad-dritt. B’mod partikulari f’xi reġjuni fl-Afrika, huwa għandu impatt negattiv ħafna fuq il-potenzjal għall-iżvilupp ekonomiku 4 .

Għall-kriminali, it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi huwa attraenti ħafna minħabba li jħalli ħafna qligħ u, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, ma jingħatax prijorità għolja għall-infurzar meta mqabbel ma’ forom oħrajn ta’ traffikar u għalhekk ir-riskju tagħhom li jinqabdu u li jkollhom iħallsu l-pieni għalih huwa limitat ħafna. Ġew irrappurtati regolarment rabtiet bejn dan it-tip ta’ traffikar u l-ħasil tal-flus u forom oħrajn tal-kriminalità organizzata, bħat-traffikar tad-droga u tal-armi tan-nar 5 . Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxa li t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-Afrika Ċentrali qiegħed iwassal għal kunflitti u jhedded is-sigurtà nazzjonali u reġjonali billi jipprovdi sors ta’ finanzjament għall-gruppi tal-milizzja 6 .

Profil internazzjonali ogħla…

Matul dawn l-aħħar snin żdiedet l-attenzjoni għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-livell politiku internazzjonali, minħabba ż-żieda fl-iskala u fl-impatt tiegħu. F’Lulju tal-2015, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat l-ewwel riżoluzzjoni tagħha dwar dan is-suġġett, li kienet ikkofinanzjata mill-Istati Membri kollha tal-UE 7 . Din il-kwistjoni ġiet indirizzata b’mod speċifiku wkoll f’avvenimenti internazzjonali importanti oħrajn li ġew organizzati dan l-aħħar, pereżempju fil-konferenza ta’ livell għoli li saret f’Kasane fil-Botswana f’Marzu tal-2015 8 u fis-Summit tal-G7 li sar f’Ġunju tal-2015 9 . Minħabba f’hekk, il-komunità internazzjonali, fosthom l-UE u l-Istati Membri tagħha, intrabtet b’mod konġunt li zżid l-azzjonijiet tagħha kontra t-traffikar.

Ġew adottati għadd kbir ta’ miżuri kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li hija trattat internazzjonali ewlieni li jirregola l-kummerċ internazzjonali fl-organiżmi selvaġġi li l-UE saret tifforma parti minnu fl-2015. L-Istati Uniti waqqfu Task Force Presidenzjali u adottaw strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Pajjiżi bi swieq ewlenin, bħaċ-Ċina, qegħdin juru involviment akbar, l-iktar permezz ta’ sforzi aktar b’saħħithom ta’ infurzar, kif ukoll ir-rieda li jikkooperaw aktar mill-qrib mal-UE fuq dawn il-kwistjonijiet. L-Unjoni Afrikana bdiet timplimenta strateġija mifruxa mal-kontinent kollu.

…li għandu jinbidel f’azzjonijiet konkreti

L-UE diġà wriet sens ta’ tmexxija fl-indirizzar tal-kummerċ illegali fir-riżorsi naturali billi adottat politiki ambizzjużi dwar il-prodotti tal-injam u tas-sajd. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE juri li l-UE hija lesta tilħaq l-aspettattivi u l-impenji internazzjonali tagħha, u li hija qiegħda tgħolli l-livell ta’ ambizzjoni tagħha fir-rigward tal-azzjonijiet kontra l-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi. Dan se jgħin ukoll biex jiġi żgurat li l-investimenti sinifikanti li saru fl-aħħar deċennji permezz tal-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp għall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi madwar id-dinja kollha ma jiġux imminati mill-attivitajiet kriminali.

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa ta’ kontribut kbir għall-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli maqbula mill-kapijiet tal-Istati waqt Summit tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f’Settembru tal-2015. L-Għan numru 15, li għandu x’jaqsam mal-bijodiversità, jistabbilixxi l-mira li “tittieħed azzjoni urġenti sabiex jintemmu l-kaċċa illegali u t-traffikar ta’ speċijiet protetti tal-flora u tal-fawna u jiġu indirizzati kemm id-domanda u kemm il-provvista tal-prodotti illegali magħmula mill-organiżmi selvaġġi” 10 . 

Il-Parlament Ewropew appella għal Pjan ta’ Azzjoni f’riżoluzzjoni li huwa adotta f’Jannar tal-2014 11 . Waqt konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar l-approċċ tal-UE b’rabta mal-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi li l-Kummissjoni Ewropea nediet fi Frar tal-2014, ħafna Stati Membri tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs u negozji kkonċernati wkoll kienu favur Pjan ta’ Azzjoni tal-UE 12 .

Jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-problema flimkien. Regoli għall-UE kollha li jirregolaw il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi ilhom fis-seħħ fl-Istati Membri kollha mill-1983 13 , u dawn jimplimentaw is-CITES, u fl-2007 l-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni dwar l-infurzar 14 .

Madankollu, rapporti jiżvelaw li jeżistu differenzi sinifikanti fil-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw dawn ir-regoli komuni 15 . Dan jirrappreżenta riskju kbir; il-kriminali faċilment jistgħu jisfruttaw din is-sitwazzjoni billi jbiddlu r-rotot kummerċjali tagħhom skont il-bżonn, kif urew għadd ta’ każijiet f’dawn l-aħħar snin. Minn diversi rapporti u matul il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, irriżulta wkoll li n-nuqqas ta’ għarfien u ta’ involviment politiku wkoll huma ta’ xkiel kbir biex jiġi miġġieled b’mod effettiv it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi.

L-UE u l-Istati Membri tagħha ntrabtu b’mod konġunt, permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni, li jieħdu serje ta’ miżuri, li jimplimentaw l-impenji internazzjonali komuni u li jirrikonoxxu f’livell politiku l-importanza li tiġi indirizzata din il-problema, u dan huwa mod kif jiġi żgurat infurzar aktar uniformi fl-UE kollha. Dan se jgħin biex tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE madwar id-dinja kollha meta din titlob lis-sħab globali tagħha jieħdu azzjonijiet aktar b’saħħithom kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi.

Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, ser ikun essenzjali li jkun hemm ħidma mill-qrib mal-partijiet interessati, fosthom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mas-setturi kummerċjali rilevanti, fuq ħafna miżuri speċifiċi, sabiex l-għarfien u l-għarfien espert disponibbli jintużaw bl-aħjar mod possibbli u jiġi żgurat impatt massimu.

2. L-elementi tal-Pjan ta’ Azzjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE fih sensiela ta’ miżuri li l-istituzzjonijiet tal-UE u/jew l-Istati Membri tal-UE jridu jieħdu. Dawn il-miżuri huma deskritti fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni.

Jidher b’mod ċar li ser ikunu meħtieġa biżżejjed finanzi u riżorsi umani sabiex jiġu appoġġjati dawn il-miżuri. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi l-impetu u l-qafas biex ir-riżorsi eżistenti tal-UE jintużaw aħjar. Il-miżuri huma ddisinjati essenzjalment biex itejbu l-kooperazzjoni bejn il-parteċipanti kollha kkonċernati, biex l-għodod u l-politiki eżistenti jintużaw b’mod aktar effettiv u biex jissaħħu s-sinerġiji bejniethom sabiex it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jkun jista’ jiġi indirizzat b’mod aħjar fl-UE u mad-dinja kollha.

Il-miżuri, li huma ddisinjati biex jindirizzaw problema kumplessa b’mod olistiku billi jinvolvu lill-organizzazzjonijiet rilevanti kollha, huma bbażati fuq tliet prijoritajiet:
(1) il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu,
(2) l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti u l-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi, u
(3) it-tisħiħ tas-sħubija globali tal-pajjiżi tal-oriġini, konsumaturi u ta’ tranżitu kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi.

L-għanijiet u l-azzjonijiet relatati magħhom li jidħlu f’kull prijorità huma spjegati fid-dettall fit-tabella mogħtija fl-Anness.

Il-prijorità numru 1: Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu

Ser isiru sforzi sabiex titnaqqas id-domanda għall-prodotti illegali li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi u l-provvista tagħhom kemm fl-UE kif ukoll mad-dinja kollha billi jintużaw l-għodod multilaterali (tas-CITES) u l-għodod speċifiċi tal-UE disponibbli, billi jiġu appoġġjati kampanji speċifiċi u billi jkompli jiġi llimitat il-kummerċ fl-avorju fl-UE u minnha (l-għan 1.1 – ara t-tabella mogħtija fl-Anness). Mod importanti ta’ kif jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi huwa li jiġi żgurat li l-komunitajiet rurali fil-pajjiżi tal-oriġini jipparteċipaw aktar fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u li jibbenifikaw aktar minnha (l-għan 1.2).

Qasam ta’ prijorità ieħor huwa l-involviment b’mod aktar attiv mas-setturi kummerċjali rilevanti, li jvarjaw minn dawk attivi fil-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi jew li jużaw prodotti li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi għal dawk li jipprovdu servizzi għal dan il-kummerċ. Dan jirrifletti l-impenn tal-UE lejn il-ġestjoni responsabbli tal-ktajjen globali tal-provvista 16 (l-għan 1.3). Fl-aħħarnett, ser jittieħdu miżuri bilaterali u multilaterali sabiex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, li hija fattur abilitanti kruċjali għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi tul il-katina tal-infurzar (l-għan 1.4).

Il-prijorità numru 2: L-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti u l-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi

Għalkemm ir-regoli tal-UE u internazzjonali eżistenti dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi b’mod ġenerali huma xierqa, bosta studji u rapporti jiżvelaw diffikultajiet sinifikanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom 17 . Dan jgħodd b’mod partikulari għall-fenomenu relattivament ġdid tal-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi. Għandhom jiġu analizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni għall-Istati Membri kollha u għandhom jiġu żviluppati strateġiji biex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati, sabiex jiġi żgurat li r-regoli eżistenti jiġu infurzati b’mod aktar konsistenti fl-UE kollha (l-għan 2.1).

L-iffissar b’mod konġunt tal-prijoritajiet tal-infurzar u l-għoti ta’ appoġġ iddedikat min-naħa tal-Europol u tal-Eurojust għall-każijiet transkonfinali ser jgħinu biex il-kontrolli u l-infurzar ikunu aktar strateġiċi fin-natura tagħhom. F’konformità mal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà, fl-2016 ser jinbeda eżerċizzju ta’ rieżami sabiex jiġi vvalutat jekk il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriminalità ambjentali, b’mod partikulari l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi, huwiex adattat għall-iskop tiegħu.

L-iskop tal-għan 2.2 huwa li jsaħħaħ il-kapaċità tal-oqsma kollha tal-katina tal-infurzar u tal-ġudikatura biex tkun tista’ tittieħed azzjoni effettiva kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-UE. Dan jirrikjedi azzjoni nazzjonali sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji u l-komunikazzjoni u l-fluss tad-dejta bejniethom permezz tal-iskambju tal-aqwa prassi fil-livell tal-UE. Jeħtieġ li tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar il-każijiet ta’ traffikar tal-organiżmi selvaġġi, u t-taħriġ huwa essenzjali.

Il-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata (l-għan 2.3) fil-qasam tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi teħtieġ sensibilizzazzjoni mmirata fost l-ispeċjalisti dwar il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha għandhom jimplimentaw l-impenji internazzjonali li ħadu sabiex jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar il-kriminalità organizzata jkunu jkopru t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u li jkunu jistgħu jiġu imposti l-pieni x-xierqa għat-traffikar. Fl-aħħarnett, trid tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-infurzar (l-għan 2.4) permezz tal-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet internazzjonali tal-infurzar tal-liġijiet, tal-assistenza teknika u ta’ appoġġ finanzjarju mmirat.

Il-prijorità numru 3: It-tisħiħ tas-sħubija globali tal-pajjiżi tal-oriġini, konsumaturi u ta’ tranżitu kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

Ser jittieħdu diversi miżuri sabiex jiżdied il-finanzjament għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex dawn jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, u sabiex dan l-appoġġ isir aktar effettiv u jibda jintuża b’mod aktar strateġiku. Dan ser isir permezz ta’ valutazzjonijiet komprensivi tal-ħtiġijiet u billi jkun hemm koordinazzjoni iktar effettiva tal-appoġġ ma’ donaturi oħrajn (l-għan 3.1). Sabiex tissaħħaħ is-sħubija globali kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, l-għodod diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, flimkien ma’ għodod oħrajn, b’mod partikulari l-politika kummerċjali tal-UE, għandhom jintużaw b’mod aktar effettiv fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-oriġini, konsumaturi u ta’ tranżitu ewlenin u mal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti (l-għan 3.2).

Għandhom jiġu żviluppati għodod aħjar sabiex jiġu indirizzati r-rabtiet li jeżistu f’xi reġjuni bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u s-sigurtà (l-għan 3.3). Fl-aħħarnett, għandhom jintużaw il-proċessi multilaterali eżistenti fil-ftehimiet u fil-fora internazzjonali sabiex din il-kwistjoni tinżamm fuq l-aġenda globali, sabiex jinżamm l-impenn politiku u sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-impenji. Il-Konferenza li jmiss tal-Partijiet tas-CITES, li ser issir f’Settembru tal-2016, ser tkun partikularment importanti għal dan l-iskop (l-għan 3.4).

3. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni jkopri l-ħames snin mill-2016 sal-2020. It-tabella mogħtija fl-Anness tassenja kull miżura lil attur tal-UE (is-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE, l-Europol u l-Eurojust) u/jew lill-Istati Membri u tistabbilixxi skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE ser jistabbilixxu tabella ta’ valutazzjoni sabiex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni.

Il-Grupp ta’ infurzar tal-UE b’rabta mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi, li twaqqaf bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u li huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri tal-UE, għandu jirrevedi l-progress li jkun qed isir darbtejn fis-sena. Sa Lulju tal-2018, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u dwar jekk il-prijoritajiet u l-għanijiet tiegħu humiex xierqa u rilevanti. Fl-2020 ser jiġu evalwati l-progress li jkun sar fit-trażżin tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u s-suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tqis x’azzjoni ulterjuri hija meħtieġa.

Grupp ta’ bejn is-servizzi fil-Kummissjoni se jikkoordina l-attivitajiet fl-oqsma kkonċernati u se jiżgura li s-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni u s-SEAE jwettqu l-kompiti allokati lilhom.

4. Ir-rabtiet ma’ inizjattivi u politiki oħrajn tal-UE

Il-Pjan ta’ Azzjoni ser jieħu post ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/425/KE li tidentifika sensiela ta’ azzjonijiet għall-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni ser jiġi implimentat b’tali mod li tiġi żgurata l-konsistenza mal-politiki eżistenti tal-UE li għandhom effett fuq il-kummerċ illegali fir-riżorsi naturali. Dawn jinkludu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT), il-politika tal-UE b’rabta mal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU) u l-inizjattivi tal-UE kontra t-traffikar tal-iskart, tad-droga, tal-oġġetti foloz, tal-armi tan-nar jew tal-bnedmin, il-ħasil tal-flus u l-flussi finanzjarji illeċiti.

ANNESS – Tabella ta’ azzjonijiet

Il-prijorità numru 1 – Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu

Azzjonijiet

Min hu responsabbli għall-azzjonijiet

Ir-riżultati mistennija

L-iskeda taż-żmien

L-għan 1.1

It-tnaqqis tad-domanda għall-prodotti illegali li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi u tal-provvista tagħhom

1. Żieda fl-appoġġ għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u għall-kampanji mmirati lejn it-tnaqqis tad-domanda fl-UE u madwar id-dinja kollha

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP 18 /

L-ISTATI MEMBRI

It-teħid ta’ azzjonijiet u l-provvediment ta’ finanzjament għas-sensibilizzazzjoni u għat-tnaqqis tad-domanda għall-prodotti illegali li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi f’pajjiżi importanti li mhumiex Stati Membri tal-UE u fl-UE, b’mod partikulari għal speċijiet innegozjati illegalment f’numri kbar fl-UE

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

Il-kondiviżjoni tal-għodod u tal-materjali ta’ sensibilizzazzjoni eżistenti fost l-Istati Membri

Fi tmiem l-2016

2. Iktar limitazzjoni tal-kummerċ fl-avorju fl-UE u minnha

IL-KUMMISSJONI

Il-ħruġ ta’ linji gwida min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata interpretazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE bil-għan li tiġi sospiża l-esportazzjoni tal-avorju mhux maħdum ta’ qabel il-Konvenzjoni u jiġi ggarantit li fl-UE jiġu nnegozjati biss oġġetti tal-avorju antiki legali

Fi tmiem l-2016

L-ISTATI MEMBRI

L-Istati Membri ma joħorġux dokumenti ta’ esportazzjoni jew ta’ riesportazzjoni għall-avorju mhux maħdum ta’ qabel il-Konvenzjoni

L-Istati Membri joħorġu biss ċertifikati għall-kummerċ fl-UE għall-oġġetti tal-avorju antiki abbażi tal-kriterji ddefiniti fil-linji gwida

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

3. It-tnaqqis jew il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet mhux sostenibbli tal-ispeċijiet fil-periklu fl-UE billi jiġi propost li dawn jitniżżlu fl-Appendiċijiet tas-CITES (pereżempju l-ispeċijiet tar-rettili rari)

IL-KUMMISSJONI

It-tressiq ta’ proposti ġodda għall-elenkar fl-Appendiċijiet tas-CITES sabiex dawn jitqiesu mill-Konferenzi tal-Partijiet (CoPs) tas-CITES

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq f’April tal-2016

L-għan 1.2

L-iżgurar li l-komunitajiet rurali fil-pajjiżi tal-oriġini jipparteċipaw fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u jibbenifikaw minnha

4. It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-komunitajiet rurali fil-ġestjoni u fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

Il-fatt li l-ħtieġa għal parteċipazzjoni xierqa tal-komunitajiet rurali fid-disinn u fl-implimentazzjoni tal-miżuri kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi tibda titqies bħala prijorità fil-politiki u fil-finanzjament rilevanti tal-Istati Membri u tal-UE

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

5. L-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ għajxien alternattiv u sostenibbli għall-komunitajiet li jgħixu fil-ħabitats tal-organiżmi selvaġġi jew qribhom

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

Il-fatt li l-għoti ta’ appoġġ għal attivitajiet ekonomiċi sostenibbli li minnhom jibbenifikaw il-komunitajiet rurali li jgħixu fil-ħabitats tal-organiżmi selvaġġi jew qribhom jibda jitqies bħala prijorità fil-politiki tal-Istati Membri u tal-UE dwar il-finanzjament tal-appoġġ għaż-żoni rurali fil-pajjiżi tal-oriġini

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-għan 1.3

Iż-żieda fl-involviment tas-settur kummerċjali fl-isforzi sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u jitħeġġeġ l-użu ta’ sorsi sostenibbli għall-prodotti li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi

6. Is-sensibilizzazzjoni tas-setturi kummerċjali li jinnegozjaw fil-prodotti li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi fl-UE jew minnha jew li jiffaċilitaw it-tali kummerċ

IL-KUMMISSJONI

L-identifikazzjoni tal-parteċipanti ewlenin fis-setturi kummerċjali marbutin mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi fil-livell tal-UE u t-twaqqif ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni regolari bejn dawn il-parteċipanti u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet marbutin mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi

Fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI

L-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet tal-Grupp ta’ infurzar tal-UE b’rabta mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi ma’ parteċipanti kummerċjali sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet speċifiċi (pereżempju l-mediċina tradizzjonali Ċiniża, l-annimali domestiċi eżotiċi, l-industrija ta’ lussu, it-turiżmu għall-kaċċa, it-trasport, il-kumpaniji tal-kurrieri u l-kummerċ elettroniku)

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

7. L-għoti ta’ appoġġ għall-inizjattivi tas-settur privat biex jitrażżan il-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi u jitħeġġeġ l-użu ta’ sorsi sostenibbli għall-prodotti li ġejjin mill-organiżmi selvaġġi fl-UE jew minnha

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

L-għoti ta’ appoġġ għall-inizjattivi mmexxija mis-settur privat u għas-sħubiji pubbliċi-privati eżistenti u l-kondiviżjoni tal-aqwa prassi sabiex jitħeġġu inizjattivi ġodda

Fi tmiem l-2017

L-għan 1.4

L-indirizzar tal-korruzzjoni marbuta mat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

8. L-għoti ta’ appoġġ għall-inizjattivi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni marbuta mat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP

L-inklużjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-politika u fl-għodod tal-UE kontra l-korruzzjoni (l-iktar bħala parti mid-djalogi ma’ pajjiżi terzi ewlenin li jirċievu appoġġ baġitarju)

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

L-indirizzar tal-kwistjoni f’laqgħat bilaterali ma’ pajjiżi sħab ewlenin u fil-fora multilaterali rilevanti, fosthom fil-G7, fil-G20 u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

It-tressiq ta’ proposta rilevanti għal riżoluzzjoni biex din titqies waqt is-17-il Konferenza tal-Partijiet tas-CITES

F’April tal-2016

Il-prijorità numru 2 – L-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti u l-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi

Azzjonijiet

Min hu responsabbli għall-azzjonijiet

Ir-riżultati mistennija

L-iskeda taż-żmien

L-għan 2.1 L-iżgurar ta’ implimentazzjoni aktar uniformi tar-regoli tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi u l-iżvilupp ta’ approċċ aktar strateġiku għall-kontrolli u l-infurzar tar-regoli kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-livell tal-UE

9. L-iżvilupp ta’ strateġiji biex titjieb il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-organiżmi selvaġġi fil-livell nazzjonali

IL-KUMMISSJONI

It-twettiq ta’ valutazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar il-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi f’kull Stat Membru u t-tressiq ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jittejbu dawn in-nuqqasijiet

Fi tmiem l-2016

L-ISTATI MEMBRI

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-Istati Membri

Fl-2017

IL-KUMMISSJONI

Il-monitoraġġ b’mod proattiv tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-importazzjoni tat-trofej tal-kaċċa fl-UE sabiex ikun żgurat li t-tali trofej ikunu ta’ oriġini legali u sostenibbli

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

10. It-titjib fir-rata ta’ identifikazzjoni tal-attivitajiet illegali

L-ISTATI MEMBRI

Minbarra l-kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntiera meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, l-iżgurar tal-monitoraġġ u tal-infurzar tal-konformità fil-pajjiż, b’mod partikulari permezz ta’ kontrolli regolari fuq in-negozjanti u d-detenturi, bħall-ħwienet li jbiegħu l-annimali domestiċi, dawk li jnisslu l-annimali u l-pjanti u l-mixtliet

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

11. Iż-żieda fl-isforzi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-UE biex jinqerdu l-qtil, l-insib u l-kummerċ illegali tal-għasafar (li hija rilevanti wkoll fil-kuntest tal-prijorità numru 1)  

IL-KUMMISSJONI

Il-forniment ta’ finanzjament għat-Task Force Intergovernattiva dwar il-qtil illegali tal-għasafar fil-Mediterran stabbilita fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar l-Ispeċijiet Migratorji u l-organizzazzjoni tal-ewwel laqgħa ta’ din it-Task Force

F’nofs l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

It-teħid ta’ azzjonijiet sabiex jittejbu l-monitoraġġ u l-infurzar nazzjonali tal-konformità

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

12. Id-definizzjoni u l-valutazzjoni regolari tar-riskji ta’ prijorità

L-ISTATI MEMBRI

Id-definizzjoni fil-livell nazzjonali tal-prijoritajiet ta’ infurzar fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-prodotti fil-mira (bħas-sallur, l-avorju, il-qrejjen tar-rinoċeronti u r-rettili u l-għasafar ħajjin), tar-rotot tal-kummerċ u tal-metodi ta’ kuntrabandu

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-Europol/L-ISTATI MEMBRI

Qbil fuq prijoritajiet għall-UE kollha, abbażi ta’ valutazzjoni komuni bbażata fuq ir-riskji, milħuq fil-Grupp ta’ infurzar tal-UE b’rabta mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi, b’kooperazzjoni mal-Europol

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

13. It-titjib fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri b’rabta mal-każijiet ta’ traffikar transkonfinali tal-organiżmi selvaġġi

IL-KUMMISSJONI/

L-Europol/L-Eurojust

L-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi fl-Europol u fl-Eurojust sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol b’rabta mal-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-Europol/L-Eurojust/L-ISTATI MEMBRI

It-twettiq ta’ operazzjonijiet konġunti regolari mill-Istati Membri tal-UE li jinvolvu l-kooperazzjoni transkonfinali (iffaċilitati mill-Europol)

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-Europol/L-Eurojust/L-ISTATI MEMBRI

It-twaqqif ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti li fihom ikunu involuti l-Europol u/jew l-Eurojust

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

14. Ir-rieżami tal-politika tal-UE u tal-qafas leġiżlattiv tagħha b’rabta mal-kriminalità ambjentali f’konformità mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

IL-KUMMISSJONI

Analiżi tal-effettività tad-Direttiva 2008/99/KE, fosthom f’dak li għandu x’jaqsam mas-sanzjonijiet kriminali li japplikaw għat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-UE kollha

Fl-2016

L-għan 2.2 Iż-żieda tal-kapaċità tal-partijiet kollha tal-katina tal-infurzar u tal-ġudikatura biex ikun jista’ jiġi miġġieled it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

15. It-titjib tal-kooperazzjoni, tal-koordinazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-fluss tad-dejta bejn l-aġenziji tal-infurzar responsabbli fl-Istati Membri

L-ISTATI MEMBRI

Id-dħul fis-seħħ, f’kull Stat Membru, ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni (bħal task force bejn l-aġenziji u/jew Memorandum ta’ Qbil) bejn l-aġenziji rilevanti (jiġifieri d-dwana, is-servizzi ta’ spezzjoni, il-pulizija u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ infurzar tas-CITES), u l-fatt li l-awtoritajiet kollha b’responsabbiltà f’dan il-qasam ikollhom aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni rilevanti

F’nofs l-2017

L-ISTATI MEMBRI

Analiżi mill-Istati Membri tal-għażliet għall-iskambju tad-dejta bejn l-awtoritajiet responsabbli għal dan il-qasam skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali

F’nofs l-2017

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

Il-ġbir u l-kondiviżjoni fil-livell tal-UE tal-aqwa prassi għall-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u għall-monitoraġġ u l-infurzar effettivi tal-konformità fl-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ infurzar tal-UE b’rabta mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

16. It-titjib tal-bażi tal-għarfien dwar il-kontrolli, l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

L-ISTATI MEMBRI

Il-forniment aktar sistematiku, min-naħa tal-Istati Membri, tad-dejta kwalitattiva u statistika rilevanti, inkluża d-dejta dwar il-kontrolli, l-investigazzjonijiet, il-qabdiet, il-każijiet ta’ prosekuzzjoni u s-sentenzi, inklużi l-pieni imposti, lill-Kummissjoni u ta’ informazzjoni sistematika lill-Europol dwar il-każijiet kollha marbutin mal-kriminalità organizzata u/jew li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

Is-simplifikazzjoni tal-metodoloġija għall-ġbir tad-dejta fil-qasam tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi madwar l-UE kollha u s-sensibilizzazzjoni tal-gruppi ta’ esperti rilevanti dwar l-istatistika dwar il-kriminalità

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ENPE

It-twaqqif ta’ bażi tad-dejta fl-ENPE 19 li jkun fiha l-każistika dwar it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi mill-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-għarfien

F’nofs l-2017

17. Iż-żieda fit-taħriġ għall-partijiet kollha tal-katina tal-infurzar, fosthom l-attivitajiet konġunti tat-taħriġ

IL-KUMMISSJONI

L-inklużjoni tat-taħriġ dwar it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-programm tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ tal-UE bħas-CEPOL, l-ERA u oħrajn

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

Il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-materjal tat-taħriġ eżistenti fl-UE

Fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI

L-eliġibbiltà tat-taħriġ dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi għal appoġġ finanzjarju fil-qafas tad-diversi strumenti finanzjarji tal-UE rilevanti (LIFE, il-Fond għas-Sigurtà Interna, eċċ.)

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-ISTATI MEMBRI

L-għoti ta’ taħriġ regolari fl-Istati Membri għall-katina kollha tal-infurzar jew tal-ġudikatura, fosthom sessjonijiet konġunti tat-taħriġ li jlaqqgħu flimkien lill-aġenziji tal-infurzar rilevanti, lill-prosekuturi u lill-imħallfin

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

18. It-tisħiħ tan-netwerks ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam fil-livelli nazzjonali u reġjonali jew, fejn applikabbli, it-twaqqif tagħhom, u t-titjib tal-kooperazzjoni bejniethom

L-ISTATI MEMBRI

Appoġġ għat-twaqqif tan-netwerks nazzjonali rilevanti f’kull Stat Membru

F’nofs l-2017

IL-KUMMISSJONI

L-organizzazzjoni ta’ laqgħat konġunti tan-netwerks rilevanti tal-UE 20  

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

19. It-titjib tal-kura tal-pjanti jew tal-annimali ħajjin li jkunu nqabdu jew li jkunu ġew ikkonfiskati

L-ISTATI MEMBRI

Id-disponibbiltà, fl-Istati Membri kollha, ta’ faċilitajiet għaż-żamma temporanja tal-kampjuni ħajjin li jkunu nqabdu jew li jkunu ġew ikkonfiskati u d-dħul fis-seħħ ta’ mekkaniżmi għaż-żamma ta’ dawn il-kampjuni f’post ġdid għal żmien twil meta jkun hemm bżonn. L-għoti ta’ għajnuna lil Stati Membri oħrajn.

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-għan 2.3 Il-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi

20. Il-valutazzjoni regolari tat-theddida kkawżata mit-traffikar organizzat tal-organiżmi selvaġġi fl-UE

L-Europol

L-inklużjoni, fil-Valutazzjonijiet tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata (is-SOCTAs), ta’ valutazzjoni tat-theddid ikkawżat mit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, abbażi tad-dejta u, fejn ikun possibbli, tal-valutazzjonijiet nazzjonali tat-theddid ipprovduti mill-Istati Membri

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fl-ewwel sitt xhur tal-2017

21. It-tisħiħ tal-kapaċità tal-esperti rilevanti li jindirizzaw ir-rabtiet bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kriminalità organizzata, fosthom iċ-ċiberkriminalità u l-flussi finanzjarji illeċiti relatati magħhom

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

It-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fil-fora rilevanti (in-Netwerk tal-prosekuturi speċjalizzati fil-kriminalità organizzata (REFCO), u l-unitajiet nazzjonali li jaħdmu kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità u dawk tal-investigazzjoni finanzjarja)

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-ISTATI MEMBRI

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-unitajiet kompetenti li jindirizzaw it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi onlajn u l-iżgurar tal-eżistenza ta’ mezzi biex tinkiseb l-għajnuna mingħand unitajiet speċjalizzati fiċ-ċiberkriminalità f’każijiet speċifiċi (pereżempju fl-investigazzjonijiet dwar il-web inviżibbli u dwar l-abbuż tal-muniti virtwali).

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

It-tpoġġija tal-kwistjoni fuq l-aġenda tal-FATF 21 , tal-CARIN 22 u tal-Grupp Egmont tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

Fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-ISTATI MEMBRI

L-FATF intalbet tħejji gwida dwar ir-rabtiet bejn il-ħasil tal-flus u t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

Fi tmiem l-2016

L-ISTATI MEMBRI

L-organizzazzjoni ta’ taħriġ dwar l-investigazzjonijiet dwar il-flussi finanzjarji illeċiti marbutin mat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

22. L-iżgurar min-naħa tal-Istati Membri, f’konformità mal-impenji internazzjonali li jkunu ħadu, li t-traffikar organizzat tal-organiżmi selvaġġi jikkostitwixxi reat serju fl-UE kollha skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, jiġifieri li dan jiġi kkastigat b’sentenza massima ta’ mill-inqas erba’ snin il-ħabs

L-ISTATI MEMBRI

Analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u l-emendar tagħha fejn ikun hemm bżonn

Fi tmiem l-2017

23. L-analiżi, min-naħa tal-Istati Membri, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-AĠNU, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħasil tal-flus biex ikun żgurat li r-reati marbutin mat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jkunu jistgħu jiġu ttrattati bħala reati predikati u tkun tista’ tittieħed azzjoni dwarhom skont il-leġiżlazzjoni domestika dwar ir-rikavat mill-attività kriminali

L-ISTATI MEMBRI

Analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u l-emendar tagħha fejn ikun hemm bżonn

Fi tmiem l-2017

L-għan 2.4 It-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-infurzar tar-regoli kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

24. Iż-żieda fil-kooperazzjoni dwar l-infurzar bejn l-Istati Membri u l-atturi tal-infurzar tal-UE u pajjiżi ewlenin li mhumiex Stati Membri tal-UE u netwerks reġjonali oħrajn għall-infurzar tar-regoli marbutin mal-organiżmi selvaġġi u netwerks globali rilevanti (il-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Organiżmi Selvaġġi (l-ICCWC) 23 u n-Netwerk Internazzjonali għall-Konformità mar-regoli ambjentali u għall-Infurzar tagħhom (l-INECE))

IL-KUMMISSJONI/

L-Europol

L-organizzazzjoni ta’ laqgħat konġunti li jinvolvu lill-Europol, lill-Grupp ta’ infurzar tal-UE b’rabta mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi u lin-netwerks reġjonali rilevanti għall-infurzar tar-regoli (pereżempju l-ASEAN-WEN u t-Task Force tal-Ftehim ta’ Lusaka), kif ukoll lill-INECE.

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI

Il-kondiviżjoni tal-aqwa prassi fil-kooperazzjoni dwar l-infurzar

Fi tmiem l-2016

L-ISTATI MEMBRI/

L-Europol

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’operazzjonijiet konġunti tal-infurzar tal-liġi internazzjonali, bl-għajnuna tal-Europol

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

25. L-appoġġ għall-bini tal-kapaċità għall-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi ewlenin tal-oriġini u ta’ destinazzjoni, fosthom l-infurzar f’siti protetti

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju kontinwu għall-attivitajiet tal-ICCWC, fosthom l-evalwazzjonijiet tas-sistemi tal-infurzar ibbażati fuq il-Manwal tal-ICCWC dwar il-kriminalità b’rabta mal-foresti u mal-organiżmi selvaġġi

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

Il-kunsiderazzjoni tar-riżultati tar-rakkomandazzjonijiet tal-Manwal tal-ICCWC fl-appoġġ immirat mogħti lil pajjiżi terzi

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

Il-prijorità numru 3 - It-tisħiħ tas-sħubija globali tal-pajjiżi tal-oriġini, konsumaturi u ta’ tranżitu kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

Azzjonijiet

Min hu responsabbli għall-azzjonijiet

Ir-riżultati mistennija

L-iskeda taż-żmien

L-għan 3.1

L-għoti ta’ aktar appoġġ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jkun aktar effettiv u ffukat b’mod iktar strateġiku

26. L-iżgurar li t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jitqies għall-finanzjament tal-UE fil-kuntest tal-programmi rilevanti fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali, tal-ambjent, tal-kriminalità organizzata, tas-sigurtà u tal-governanza

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP

L-“Approċċ Strateġiku għall-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi fl-Afrika” 24 jservi bħala l-bażi għall-programmazzjoni tal-appoġġ għall-iżvilupp rilevanti

L-iżvilupp ta’ aktar approċċi strateġiċi tematiċi jew reġjonali

Il-mobilizzazzjoni ta’ flussi ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-FEŻ), l-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi u strumenti finanzjarji oħrajn bħall-Istrument ta’ Sħubija, għall-ħidma kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, fil-limiti tal-pakketti finanzjarji maqbula tal-programmi kontributuri, u l-esplorazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament possibbli oħrajn

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

27. Iż-żieda fl-effettività tal-appoġġ finanzjarju għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

L-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari fil-pajjiżi ewlenin biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet tad-donaturi

Il-pajjiżi benefiċjarji jintalbu jirrappurtaw dwar kif il-miżuri kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi ffinanzjati mill-UE kienu effettivi biex tiġi indirizzata l-problema (bl-użu ta’ indikaturi bħan-numru ta’ qabdiet u n-numru ta’ prosekuzzjonijiet imwettqa b’suċċess)

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016 

L-għan 3.2

It-tisħiħ tal-azzjonijiet kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kawżi prinċipali tiegħu u l-koordinazzjoni aħjar tagħhom mal-pajjiżi rilevanti tal-oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni

28. Iż-żieda fid-djalogu mal-pajjiżi ewlenin tal-oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, fosthom id-djalogu mal-komunitajiet lokali, mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

L-identifikazzjoni tal-pajjiżi ta’ prijorità

It-twaqqif ta’ strutturi speċifiċi għad-djalogu u għall-kooperazzjoni teknika

L-inklużjoni b’mod sistematiku ta’ dan is-suġġett fl-aġenda tad-djalogi politiċi u settorjali u tal-laqgħat ta’ livell għoli ma’ pajjiżi jew reġjuni terzi ewlenin

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

It-twaqqif tan-netwerk tal-punti fokali fid-delegazzjonijiet u fl-ambaxxati fil-pajjiżi rilevanti, filwaqt li jintużaw, fejn xieraq, l-istrutturi eżistenti bħan-Netwerk Diplomatiku Ekoloġiku

Fi tmiem l-2016

29. L-użu proattiv tal-istrumenti u tal-politiki kummerċjali tal-UE biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP

Impenji ambizzjużi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi proposti mill-UE biex jiġu inklużi fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles fil-ġejjieni, pereżempju mal-Ġappun u mal-Istati Uniti tal-Amerka (is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP))

Il-monitoraġġ proattiv tal-implimentazzjoni tal-impenji assoċjati mat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi inklużi fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles eżistenti u fis-sistema GSP+

L-inklużjoni tal-kwistjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-aġenda tad-djalogi kummerċjali bilaterali tal-UE mas-sħab ewlenin u fl-aġenda tal-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

30. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ħidma kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi ma’ organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, bħall-Unjoni Afrikana, is-SADC, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-ASEAN, u f’fora multilaterali rilevanti, bħall-ASEM

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP

L-inklużjoni regolari ta’ dan is-suġġett fl-aġenda tal-laqgħat ta’ livell għoli

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-għan 3.3

L-indirizzar tad-dimensjoni tas-sigurtà tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

31. It-titjib tal-bażi tal-għarfien u l-iżvilupp ta’ strateġiji biex jiġu indirizzati r-rabtiet bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u s-sigurtà

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP

It-tnedija ta’ studju biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar ir-rabtiet bejn it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u forom oħrajn tal-kriminalità organizzata u l-finanzjament ta’ gruppi tal-milizzja jew ta’ gruppi terroristiċi

F’nofs l-2016

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

Abbażi tar-riżultati, isir qbil dwar il-passi li jmiss fil-fora rilevanti tal-UE

F’nofs l-2017

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

Il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni tas-sigurtà tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-valutazzjonijiet globali tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi rilevanti li mhumiex Stati Membri tal-UE

Fi tmiem l-2016 

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

Iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-UE dwar il-kummerċ illegali fl-organiżmi selvaġġi fil-kuntest taż-żamma tal-paċi u tal-ġestjoni tal-kriżijiet

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

L-għan 3.4

It-tisħiħ tal-isforzi multilaterali biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi

32. L-għoti ta’ appoġġ għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet, riżoluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet politiċi qawwija dwar it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fl-istrumenti internazzjonali u fil-fora multilaterali

IL-KUMMISSJONI/

L-HRVP/

L-ISTATI MEMBRI

Indirizzar tal-kwistjoni fil-kuntest ta’ dawn li ġejjin:

is-CITES – inkluż, fejn ikun meħtieġ, billi jingħata appoġġ għas-sanzjonijiet kummerċjali fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

il-Konvenzjoni dwar l-Ispeċijiet Migratorji – il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tuneż għall-2013 sal-2020 dwar il-qerda tal-qtil, l-insib u l-kummerċ illegali tal-għasafar selvaġġi skont il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Konservazzjoni tal-Annimali Selvaġġi u tal-Abitati Naturali Ewropej;

l-inizjattivi multilaterali rilevanti fil-livell globali (in-Nazzjonijiet Uniti, il-proċessi ta’ segwitu ta’ Londra u ta’ Kasane, il-G7, il-G20, eċċ.)

Il-monitoraġġ regolari, min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, tal-implimentazzjoni tal-impenji meħudin f’dawn il-fora

Azzjoni kontinwa, bl-ewwel pass importanti jintlaħaq fi tmiem l-2016

(1)

     Dan huwa ddefinit bħala l-kummerċ illegali, internazzjonali u mhux, ta’ annimali u pjanti selvaġġi u ta’ prodotti dderivati minnhom, u reati interkonnessi mill-qrib magħhom bħall-kaċċa illegali.

(2)

      https://www.unodc.org/unodc/en/frontpage/2014/May/wildlife-crime-worth-8-10-billion-annually.html

https://cites.org/eng/international_dimension_of_illegal_wildlife_trade   http://www.gfintegrity.org/report/briefing-paper-transnational-crime/

(3)

     Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni (SWD(2016) 38) juri f’aktar dettall l-iskala tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi madwar id-dinja u r-rwol tal-UE fil-kummerċ illegali.

(4)

     Ara d-dokument SWD(2016) 38.

(5)

     Ara d-dokument SWD(2016) 38.

(6)

     Ir-Riżoluzzjoni 2134 (2014) u r-Riżoluzzjoni 2136 (2014); “Rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar is-sitwazzjoni fl-Afrika Ċentrali u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Afrika Ċentrali”, tat-30 ta’ Novembru 2015.

(7)

     Ir-Riżoluzzjoni 69/314.

(8)

      https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/417231/kasane-statement-150325.pdf  

(9)

      https://www.g7germany.de/Content/EN/_Anlagen/G7/2015-06-08-g7-abschluss-eng_en.pdf?__blob=publicationFile&v=3 , p. 11.

(10)

     Il-Mira 15.7.

(11)

     Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2014 (2013/2747(RSP)).

(12)

     Ara d-dokumenti COM (2014) 64 u SWD (2014) 347.

(13)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97. 

(14)

     ĠU L 159, 20.6.2007, p. 45.

(15)

     Ara d-dokument SWD(2016) 38.

(16)

     Ara d-dokument COM (2015) 497, “Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”.

(17)

     Ara d-dokument SWD(2016) 38.

(18)

     Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea. 

(19)

     In-Netwerk tal-prosekuturi Ewropej fil-qasam tal-ambjent.

(20)

     Bħal, pereżempju, il-Grupp ta’ infurzar tal-UE b’rabta mal-kummerċ fl-organiżmi selvaġġi, in-Netwerk tal-prosekuturi Ewropej fil-qasam tal-ambjent (l-ENPE), il-Forum Ewropew tal-imħallfin fil-qasam tal-ambjent (l-EUFJE), l-IMPEL, il-Grupp tal-Proġett għall-Koordinazzjoni tal-attivitajiet marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa, tal-wirt kulturali u tal-ambjent (PARCS), u l-EnviCrimeNet.

(21)

     It-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

(22)

     In-Netwerk tal-Interaġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi.

(23)

     Dan jinkludi lill-Interpol, lis-Segretarjat tas-CITES, lill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, lill-UNODC u lill-Bank Dinji.

(24)

     Id-dokument ippubblikat fl-2015 mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea msejjaħ “Akbar mill-iljunfanti – Kontributi għal approċċ strateġiku tal-UE għall-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi fl-Afrika – Sinteżi”.

Top