EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0317

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Ungerija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Ungerija għal bejn l-2012 u l-2015

/* COM/2012/0317 final - 2012/ () */

52012DC0317

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Ungerija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Ungerija għal bejn l-2012 u l-2015 /* COM/2012/0317 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Ungerija għall-2012 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza tal-Ungerija għal bejn l-2012 u l-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli°121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,[4]

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[5], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta' politika nazzjonali ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi.

(3)       Fit-12 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat tal-Ungerija għal bejn l-2011 u l-2014.

(4)       Fit-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante tal-politiki, li huwa msejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta' Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE) 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6], fejn identifikat l-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li fil-konfront tagħhom kienet ser issir analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jitreġġgħu lura l-kundizzjonali normali ta' self lill-ekonomija, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fid-29 ta' Frar tal-2012, il-Parlament Ewropew u l-Ungerija skambjaw fehmiet f'konformità mal-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika.

(7)       Fit-2 ta' Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipanti fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(8)       Fit-23 ta' April 2012, l-Ungerija ressqet il-programm ta' konverġenza tagħha li jkopri l-perjodu bejn l-2012 u l-2015 u l-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk l-Ungerija hijiex milquta minn żbilanċi makroekonomiċi. Dan sar permezz ta' analiżi fid-dettall f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Il-Kummissjoni kkonkludiet l-analiżi fid-dettall[7] tagħha li l-Ungerija qiegħda tesperjenza Żbilanċi esterni u interni, għalkemm dawn mhumiex ta' natura eċċessiva.

(9)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza tal-2012 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa wieħed ottimist. Il-projezzjonijiet ta' tkabbir tal-awtoritajiet Ungeriżi għall-2012 u l-2013 huma madwar nofs punt perċentwali ogħla meta mqabbla mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2012 minħabba s-suppożizzjonijiet uffiċjali aktar ottimisti fir-rigward tad-domanda domestika, partikolarment fl-2013. L-għan tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm huwa l-iżgurar tal-korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2012 li ġiet stabbilita mill-Kunsill. Il-miri uffiċjali tad-defiċit u l-isforzi fiskali ppjanati huma konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Marzu tal-2012 skont l-Artikolu 126(7). Il-programm jikkonferma l-objettiv baġitarju preċedenti ta' nofs it-terminu (OTM) ta' 1.5% tal-PDG, li qiegħda tippjana li tilħqu sal-2013. L-OTM jirrefletti b'mod xieraq ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fuq il-bażi tal-bilanċ baġitarju strutturali[8] (rikalkulat), jidher li fl-2013 il-progress fl-ilħuq tal-OTM mhux ser ikun adegwat meta mqabbel mal-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2012, li tqis r-riskji fl-implimentazzjoni relatati ma' miżuri magħżula b'rabta mal-iffrankar u ma' xenarju makroekonomiku anqas pożittiv. Ir-rata ta' tkabbir tal-infiq tal-gvern, b'kunsiderazzjoni ta' miżuri ta' dħul diskrezzjonarju, hija konformi mal-punt ta' riferiment tan-nefqa tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2013, iżda mhux fl-2014 u l-2015. Skont il-pjani tal-gvern, fl-2015 id-dejn pubbliku ser jitnaqqas b'mod kontinwu matul il-perjodu tal-programm għal anqas minn 73% tal-PDG, iżda ser jibqa' ogħla minn 60% tal-valur referenzjarju tal-PDG. B'rabta mal-punt ta' riferiment tat-tnaqqis tad-dejn, bejn l-2013 u l-2014 l-Ungerija ser tkun f'perjodu tranżitorju u l-programm ikun jiżgura biżżejjed progress fl-ilħuq tal-punt ta' riferiment. Skont il-programm, il-punt ta' riferiment tat-tnaqqis tad-dejn jintlaħaq fi tmiem il-perjodu tranżitorju, fl-2015, u għaldaqstant għandu jgħin fit-tnaqqis tad-dejn estern u intern miġmugħ.

(10)     Ġew adottati regolamenti ġodda għall-implimentazzjoni tal-qafas kostituzzjonali tal-governanza fiskali, iżda wħud mill-fatturi tiegħu għadhom dgħajfa. L-ippjanar baġitarju fuq perjodu medju huwa biss wieħed indikattiv, ir-riżorsi tal-Kunsill Fiskali mhumiex proporzjonati mas-setgħa qawwija ta' veto li għadu kemm ingħata, u d-disponibbiltà ta' informazzjoni baġitarji għadha insuffiċjenti. It-tisħiħ tad-dimensjoni ta' ppjanar baġitarju fuq perjodu medju u t-twessigħ tal-mandat analitiku tal-Kunsill Fiskali jgħinu biex jiżguraw li l-qafas kostituzzjonali ġdid dwar il-governanaza fiskali jkun jista' jwettaq ir-rwol tiegħu.

(11)     It-tweġibiet ta' politika għall-indirizzar tar-riforma tat-taxxa fuq il-ħaddiema b'pagi baxxi (żieda fil-paga minima, skema ta' sussidju tal-paga) ma ħallew l-ebda effett fuq l-impjiegi, filwaqt li l-miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huma pass ċkejken fid-direzzjoni t-tajba. Jekk it-tassazzjoni tax-xogħol issir waħda aktar favorevoli għall-impjiegi u jekk jittieħdu miżuri aktar b'saħħithom favur il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, partikolarment permezz ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u faċilitajiet ta' edukazzjoni preprimarja, tkun qed tingħata għajnuna biex tittejjeb ir-rata tal-impjiegi.

(12)     Is-servizz tal-impjiegi pubbliċi ġie riorganizzat u dan irriżulta fi tnaqqis ġenerali fin-numru ta' ħaddiema. Dan il-fatt imur kontra dak li kien ġie rrakkomandat fl-2011. Fil-qasam tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, ċerti miżuri bil-għan li jipprovdu servizzi mfassla speċifikament għal gruppi żvantaġġjati, pereżempju, fi ħdan il-programm tal-FSE, jidhru li huma kredibbli u relevanti. Madanakollu, miżuri oħrajn mmirati għal gruppi żvantaġġjati (eż. xogħlijiet pubbliċi) x'aktarx li ma jħallu l-ebda effett fuq it-titjib tal-aċċess tal-parteċipanti fis-suq tax-xogħol miftuħ. Għandhom jittieħdu passi serji u mingħajr dewmien għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizz pubbliku tal-impjiegi. Fl-istess waqt għandu jinżamm l-aħjar bilanċ bejn xogħlijiet pubbliċi u politiki attivi oħrajn marbuta mas-suq tax-xogħol, sabiex jiġi megħjun il-funzjonament tas-suq tax-xogħol u tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni. Iż-żieda fil-potenzjal tat-tkabbir permezz ta' riformi strutturali fis-suq tax-xogħol tkun importanti wkoll għal tnaqqis sostnut tal-vulnerabbiltajiet li joħorġu mill-istokk kbir ta' dejn estern u intern. Barra minn hekk, l-istrateġija nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Roma ma ġietx inkluża f'politiki oħrajn.

(13)     Fil-parti l-kbira tagħhom, il-miżuri għat-titjib tal-ambjent kummerċjali mixjin fid-direzzjoni t-tajba, iżda għadu jista' jsir progress sinifikanti. L-isforzi għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament mhux bankarju wkoll mixjin fid-direzzjoni t-tajba, iżda għadha ma saritx valutazzjoni komprensiva tal-politiki tal-SME. L-Ungerija tikklassifika fil-baxx ħafna fir-rigward ta' bosta indikaturi li jkejlu t-trasparenza u l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika. Progress f'dawn l-oqsma jgħin biex tittejjeb l-istabbiltà tal-ambjent istituzzjonali u ta' politika. Min-naħa tiegħu, dan jista' jtejjeb il-kundizzjonijiet għal investiment dirett barrani u jgħin fit-tnaqqis tal-iżbilanċi sinifikanti fil-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali nett: b'mod partikolari, fl-2009 u fl-2010 l-proporzjon ta' profitti riinvestiti naqas b'mod drammatiku parzjalment minħabba l-kriżi iżda wkoll minħabba għadd ta' bidliet kontroversjali u imprevedibbli fl-ambjent fiskali u tal-politika u fis-sistema legali u istituzzjonali. Ix-xejra reċenti fil-finanzjament pubbliku tar-riċerka u l-innovazzjoni (minn nofs l-2010) mhijiex konformi mal-prijorità tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 rigward konsolidazzjoni fiskali favorevoli għat-tkabbir.

(14)     Il-gvern Ungeriż wettaq riforma tal-edukazzjoni għolja li introduċiet tibdil fil-istruttura u l-finanzjament tal-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li ċerti elementi tal-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-edukazzjoni fl-iskejjel iwasslu għal żieda fl-għadd ta' persuni li joħorġu mis-sistema edukattiva kmieni u fis-segregazzjoni tas-sistema tal-iskejjel Ungeriża. Il-kwistjoni, li hija tant importanti wkoll, tat-tagħlim tul il-ħajja mhijiex indirizzata biżżejjed. It-titjib tal-edukazzjoni fil-livelli kollha ser tkun importanti biex tiżdied il-kompetittività tal-forza tax-xogħol tal-Ungerija.

(15)     In-nuqqas ta' progress fir-ristrutturar tat-trasport pubbliku kien raġuni importanti għaliex f'dawn l-aħħar snin ma ntlaħqux il-miri baġitarji. Il-parti l-kbira tal-kumpaniji ferrovjarji u tat-trasport pubbliku laħqu l-limiti tal-utilità tagħhom. Żieda fil-kapaċità transfruntiera tan-netwerk tal-elettriku tista' tiffaċilita żieda potenzjali fil-kummerċ mal-pajjiżi ġirien. Ir-regolatur nazzjonali tal-enerġija ma għandux is-setgħa li jorganizza l-istrutturi tiegħu b'mod awtonomu u jonqsu l-kompetenza esklużiva li jistabbilixxi tariffi tan-netwerk fosthom ir-rata ta' redditu li l-operaturi tan-netwerk jitħallew jagħmlu. Il-prezzijiet regolati għandhom japplikaw biss għal konsumaturi vulnerabbli.

(16)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija. Hija vvalutat li l-programm ta' konverġenza u l-programm nazzjonali ta' riforma, u ppreżentat analiżi fid-dettall. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-ġejjieni. Ir-rakkomandazzjoni tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) aktar 'l isfel.

(17)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza tal-Ungerija, u l-opinjoni[9] tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkamondazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(18)     Fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi fid-dettall tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' riforma nazzjonali tal-2012 u l-programm ta' konverġenza tal-Ungerija. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3), (4) u (5) aktar 'l isfel;

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex:

1.           Issib soluzzjoni dejjiema għall-baġit eċċessiv sal-2012 billi timplimenta l-baġit tal-2012 u tnaqqas id-dipendenza fuq miżuri ta' darba. Minn hemm 'il quddiem, hija għandha tispeċifika l-miżuri strutturali kollha meħtieġa biex issib soluzzjoni dejjiema għad-defiċit eċċessiv u biex tikseb progress suffiċjenti fl-ilħuq ta' objettivi baġitarji ta' terminu medju (OTM), fosthom l-issodisfar tal-punt ta' riferiment tan-nefqa, u tiżgura li jsir biżżejjed progress b'rabta mal-konformità mal-punt ta' riferiment tat-tnaqqis tad-dejn. Sabiex ittaffi l-iżbilanċi makroekonomiċi miġmugħa, hija għandha tnaqqas il-proporzjon tad-dejn pubbliku.

2.           Tirrevedi l-liġi kardinali dwar l-istabbiltà ekonomika billi tpoġġi r-regoli numeriċi l-ġodda f'qafas baġitarju fuq perjodu medju vinkolanti. Tissokta bit-twessigħ tal-mandat analitiku tal-Kunsill Fiskali, bil-għan li żżid it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi.

3.           Tieħu miżuri biex it-tasssazzjoni tax-xogħol issir aktar favorevoli għall-impjiegi billi ttaffi l-impatt tat-tibdil fit-taxxa li saru fl-2011 u fl-2012 għall-ħaddiema b'paga baxxa b'mod sostenibbli u newtrali fuq il-baġit, pereżempju billi titfa' parti mill-piż fiskali fuq taxxi fuq l-enerġija u taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Isaħħaħ il-miżuri biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Partikolarment billi tespandi l-faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal u dawk ta' edukazzjoni preprimarja.

4.           Issaħħaħ il-kapaċità tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi biex iżżid il-kwalità u l-effikaċja tat-taħriġ, l-assistenza għat-tfittxija għax-xogħol u s-servizzi individwalizzati, b'mod partikolari fir-rigward ta' gruppi żvantaġġjati. Issaħħaħ l-element ta' attivazzjoni fl-iskema tax-xogħol pubbliku permezz ta' taħriġ effettiv u assistenza fit-tfittxija għax-xogħol. Timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Roma, filwaqt li tinkludiha f'politiki oħrajn.

5.           Timplimenta miżuri previsti li jnaqqsu l-piż amministrattiv. Tiżgura li l-akkwist pubbliku u l-proċess leġiżlattiv jappoġġjaw il-kompetizzjoni fis-suq u jiżguraw ambjent regolatorju stabbli u favorevoli għan-negozju għall-impriżi finanzjarji u mhux finanzjarji, fosthom l-investituri barranija diretti. Tnaqqas il-kosti tal-konformità tat-taxxa u tistabbilixxi qafas stabbli, legali u bla ebda distorsjoni fir-rigward tat-tassazzjoni korporattiva. Tneħħi restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq it-twaqqif ta' stabbilimenti ta' bejgħ u xiri bl-imnut. Tipprovdi skemi speċifiċi u mmirati sew bħala appoġġ għal SMEs innovattivi fl-istrateġija l-ġdida dwar l-innovazzjoni.

6.           Tħejji u timplimenta strateġija nazzjonali dwar it-tluq bikri mill-iskola billi tiżgura finanzjament adegwat. Tiżgura l-implimentazzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni għolja ttejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni min-naħa ta' gruppi żvantaġġjati.

7.           Tirriforma s-sistema tat-trasport pubbliku u tagħmilha aktar kosteffettiva. Iżżid il-kapaċitajiet transfruntieri tan-netwerk tal-elettriku, tiżgura l-indipendenza tar-regolatur tal-enerġija u gradwalment tneħħi l-prezzijiet tal-enerġija rregolati.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25

[3]               COM(2012)317 finali

[4]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta' April 2012

[6]               COM(2012)68 finali

[7]               SWD(2012)157 finali

[8]               Bilanċ nett ta' miżuri ta' darba u temporanji aġġustat fuq bażi ċiklika, rikalkulat mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-programm, permezz ta' metodoloġija miftiehma bejn kulħadd.

[9]               Fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top