EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0187

Kommunikazzjoni mill-KummissjonI lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka

/* KUMM/2010/0187 finali */

52010DC0187

Kommunikazzjoni mill-KummissjonI lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka /* KUMM/2010/0187 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 29.4.2010

KUMM(2010)187 finali

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IS-SEMPLIFIKAZZJONI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI QAFAS TAR-RIĊERKA

WERREJ

1. Daħla 3

2. Miżuri ta' semplifikazzjoni li diġà ġew implimentati, iżda… 4

3. Possibbiltajiet oħra għas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri 5

3.1. Parti 1: Semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-proposti u tal-għotjiet skont ir-regoli eżistenti 5

3.2. Parti 2: Adattament tar-regoli skont is-sistema bbażata fuq il-kostijiet reali 7

3.3 Parti 3: Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq il-kostijiet 9

4. Nagħtu ħarsa mill-ġdid lejn ix-xenarju tal-finanzjament għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-UE 11

5. It-triq għall-ġejjieni 12

6. Konklużjoni 13

1. DAħLA

Ir-riċerka u l-innovazzjoni jinsabu fil-qalba tal-inizjattiva tal-Kummissjoni "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv"[1]. B'segwitu għall-approvazzjoni, tal-elementi ewlenin tal-istrateġija, min-naħa tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, issa qegħdin jittieħdu passi konkreti sabiex jiġu elaborati l-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020. "Pjan Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni", l-inizjattiva ewlenija ta' "Unjoni għall-Innovazzjoni", se tistabbilixxi l-prijoritajiet u d-direzzjonijiet sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' qafas għar-riċerka tal-Ewropa u l-kapaċitajiet tagħha għall-kreattività u l-innovazzjoni. Jeħtieġ li azzjoni f'forma ta' sħubija tittieħed f'dan ir-rigward u b'mod deċiżiv daqs qatt qabel fid-dawl tat-tellieqa feroċi globali għall-għarfien u l-bdil ta' dan l-għarfien fi prodotti, proċessi u servizzi innovattivi li joħolqu l-impjiegi u li jkattru t-tkabbir.

Sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-istrateġija 2020, abbażi ta' sjieda komuni tal-istrateġija kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, jeħtieġ li l-inizjattivi ta' finanzjament reġjonali, nazzjonali u pubbliku Ewropew fir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu effikaċi kemm jista' jkun possibbli, bil-għan li tiġi promossa riċerka tal-ogħla kwalità. Għal impatt massimu tali inizjattivi fil-livell Ewropew għandhom għaldaqstant ikunu attraenti ħafna u aċċessibbli għall-aqwa riċerkaturi mad-dinja kollha, għall-industrija Ewropea u l-intraprendituri Ewropej, għall-universitajiet u għal atturi oħrajn involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Prerekwiżiti għal inizjattivi attraenti u aċċessibbli jinkludu ċ-ċarezza tal-għanijiet u l-istrumenti; li l-inizjattivi kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom, ikunu orjentati b'mod kumplessiv lejn il-parteċipanti; konsistenza u stabbiltà tar-regoli u l-kundizzjonijiet; u proċeduri u proċessi amministrattivi sempliċi u veloċi mill-fażi tal-applikazzjoni, kif ukoll fil-fażi tar-rappurtar u l-awditjar.

Din il-Komunikazzjoni tivvaluta l-pożizzjoni tagħna f'dak li għandu x'jaqsam mal-inizjattiva Ewropea attwali ta' finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, is-Seba' Programm Qafas (FP7). F'dak li għandu x'jaqsam ma' semplifikazzjoni sar u qiegħed isir ħafna b'segwitu għad-diskussjonijiet fil-Kunsill u l-Parlament, l-analiżi independenti tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-KER[2] u l-konsultazzjoni pubblika reċenti tal-partijiet interessati[3]. Miżuri konkreti oħra ta' semplifikazzjoni għal implimentazzjoni immedjata skont il-qafas legali attwali qegħdin jiġu ppreżentati.

Iżda x'seta' sar u x'jista' jsir aktar fid-dawl tal-inizjattiva ewlenija "Innovazzjoni għall-Unjoni" li hija imminenti? Din il-Komunikazzjoni tipprovdi wkoll direzzjonijiet possibbli għal semplifikazzjoni aktar radikali. Direzzjonijiet li sussegwentement ikunu jistgħu jitbiddlu f'azzjonijiet konkreti, jew skont il-qafas attwali inkella fil-forma ta' proposti leġiżlattivi ġodda. Uħud minn dawn id-direzzjonijiet madankollu jkunu jeħtieġu bilanċ politiku ġdid f'dak li għandu x'jaqsam ma' fiduċja u responsabbiltà u jistgħu probabbilment jiġu estiżi għal azzjonijiet oħra ta' finanzjamanet Ewropew fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, bħalma huma l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). L-għan tal-preżentazzjoni ta' dawn id-direzzjonijiet f'dan l-istadju huwa li jitħaffef id-dibattitu interistituzzjonali fil-qafas tal-proposti li jmiss tal-inizjattiva ewlenija "Unjoni għall-Innovazzjoni".

Is-semplifikazzjoni hija wkoll għan ewlieni tal-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-analiżi ta' kull tliet snin tar-Regolament Finanzjarju. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li taħtaf din l-opportunità sabiex tanalizza l-mekkaniżmi tal-eżekuzzjoni tal-baġit u tistabbilixxi regoli finanzjarji għall-qafas finanzjarju li jmiss. Minħabba li r-Regolament Finanzjarju jipprovdi l-qafas ġenerali għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, inkluża n-nefqa għar-riċerka, il-fatt li l-analiżi tiegħu titwettaq b'suċċess se jippermetti aktar semplifikazzjoni fil-qasam tar-riċerka, inkluż li dan jitfisser fil-leġiżlazzjoni settorjali tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTD). Għalhekk is-semplifikazzjoni se tkun waħda mill-elementi ewlenin tat-tħejjija tal-programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP8) tal-ġejjieni.

2. MIżURI TA' SEMPLIFIKAZZJONI LI DIġÀ ġEW IMPLIMENTATI, IżDA…

Meta mqabbel mal-predeċessuri tiegħu l-FP7 ġab miegħu għadd ta' semplifikazzjonijiet li huma rikonoxxuti b'mod wiesa'. Uħud ġejjin mill-bażi legali tal-FP7[4], oħrajn huma bbażati fuq l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb ir-regoli u l-proċessi ta' implimentazzjoni. Dawn il-kisbiet fl-FP7 jinkludu b'mod notevoli:

- Tnaqqis konsiderevoli ta' kontrolli ex-ante u miżuri riveduti ta' protezzjoni għal parteċipanti finanzjarjament dgħajfa mfassla sabiex iħaffu l-parteċipazzjoni ta' SMEs u negozji teknoloġiċi ħafna li jkunu għadhom fil-bidu. 80 % tal-parteċipanti fl-FP7 huma eżentati mill-kontroll tal-kapaċità finanzjarja ex-ante.

- Tnaqqis kbir fl-għadd ta' ċertifikati dwar dikjarazzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti mat-talbiet għall-kostijiet perjodiċi. 75 % tal-parteċipanti fl-FP7 huma eżentati milli jipprovdu tali ċertifikati.

- Introduzzjoni ta' faċilità tar-reġistrazzjoni unika, sabiex jiġu evitati talbiet ripetuti għall-istess tagħrif.

- Introduzzjoni tal-possibbiltà ta' ċertifikazzjoni ex-ante tal-metodoloġija tal-kontabilità għal parteċipanti rikorrenti (attwalment taħt kundizzjonijiet ristrettivi).

- Semplifikazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar tal-proġett.

- Progress li jwassal għal għodod tal-IT mtejba ("e-FP7") bħala mezz għar-razzjonalizzazzjoni tal-interazzjonijiet kollha.

- Titjib fis-servizzi u d-dokumenti ta' gwida għall-applikanti.

Dawn il-miżuri konkreti diġà wasslu għal tnaqqis fiż-żmien li jittieħed sa ma tingħata għotja u tal-isforz amministrattiv għall-ġestjoni tal-proġetti. Madankollu, l-opinjonijiet li ngħataw fil-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati juru li l-aċċess għall-programmi u l-preparazzjoni tal-proposti għadhom diffiċli wisq, b'mod partikolari għal kandidati ġodda, li l-piż amministrattiv għall-amministrazzjoni u l-kontabilità tal-proġett huwa interpretat bħala kbir u li ż-żmien li jittieħed sa ma tingħata għotja u ż-żmien li jittieħed sa ma jingħata ħlas għadhom twal wisq. Barra minn hekk, ir-rati ta' żbalji individwati f'awditi ex-post, b'mod partikolari għall-kostijiet tal-persunal u dawk indiretti, għadhom ogħla mil-livell tal-limitu tal-materjalità ddefinit mill-Qorti tal-Awdituri. Dan il-fatt ukoll qiegħed jesiġi aktar semplifikazzjoni tar-regoli.

3. POSSIBBILTAJIET OħRA GħAS-SEMPLIFIKAZZJONI TAR-REGOLI U L-PROċEDURI

Il-possibbiltajiet għal aktar semplifikazzjoni kif inhuma ppreżentati hawn taħt huma strutturati fi tliet partijiet differenti: l-ewwel parti bit-titjib u s-semplifikazzjonijiet li l-Kummissjoni se timplimenta taħt il-qafas legali u regolatorju attwali (fuq perjodu ta' żmien qasir), it-tieni parti bil-bidliet tar-regoli iżda xorta waħda skont il-mudell ibbażat fuq il-kostijiet reali, u t-tielet parti li tissuġġerixxi aktar bidliet estensivi orjentati lejn finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati bl-użu ta' somom ta' flus f'daqqa.

Taħt l-ewwel parti, hemm ippreżentat it-titjib prattiku fil-proċessi u l-għodod li l-Kummissjoni diġà bdiet timplimenta. Dan it-tijib se jwassal għal aktar tnaqqis fiż-żmien li jittieħed sa ma tingħata għotja u ż-żmien li jittieħed sa ma jingħata ħlas.

It-tieni parti tkopri l-bidliet fir-regoli eżistenti li jippermettu aċċettazjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali (inklużi l-kostijiet medji tal-persunal), it-tnaqqis fil-varjetà ta' kundizzjonijiet speċjali, dispożizzjoni għall-maniġers-sidien ta' SMEs u bidla fil-proċess tal-għażla tal-għotjiet. Dawn l-għażliet, minbarra li jaċċeleraw il-proċessi, se jikkontribwixxu għal tnaqqis fir-rata ta' żbalji fl-approċċ ibbażat fuq il-kostijiet.

Taħt it-tielet parti, hemm ippreżentati għażliet li jwittu t-triq għal bidliet aktar profondi fil-ġejjieni, bl-introduzzjoni ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati li jkun jinvolvi bidla kbira fl-isforzi tal-kontroll mil-lat finanzjarju għal dak xjentifiku-tekniku. Dan l-approċċ għandu jnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv għall-kontabilità u l-ħtieġa ta' kontrolli finanzjarji ex-ante u ex-post.

3.1. Parti 1: Semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-proposti u tal-għotjiet skont ir-regoli eżistenti

L-FP7 huwa wieħed mill-akbar programmi pubbliċi ta' għotjiet għar-riċerka fid-dinja b'baġit annwali li jiżdied sena wara sena, u li jilħaq € 10 biljun fl-2013. Dawn il-fondi jiġu allokati abbażi ta' eċċellenza fir-riċerka, u dan jinvolvi proċess fejn jintlaqgħu sa 30,000 proposta, il-konklużjonijiet ta' 6,000 għotja b'madwar 36,000 parteċipant u l-ħruġ ta' 10,000 pagament kull sena. Dan kollu għandu jintlaħaq filwaqt li tiġi żgurata responsabbiltà xierqa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni stabbiliet u qiegħda ttejjeb b'mod permanenti proċess kummerċjali kumpless li jeħtieġ riżorsi, strutturi ta' ġestjoni u ħiliet adattati b'mod xieraq. Il-Kummissjoni, appoġġata mill-aġenziji eżekuttivi, tfittex li tikseb implimentazzjoni kemm jista' jkun imtejba, li tibdel kwalunkwe qafas regolatorju partikolari f'sistema li tkun waħda mill-anqas ta' piż, mill-anqas komplessa u mill-aktar veloċi fil-ġestjoni tal-proposti u tal-għotjiet.

(1) Appoġġ għall-utenti, gwida, trasparenza, għodod tal-IT u proċessi

Dokumenti li jinftiehmu faċilment, servizzi tal-għajnuna profiċjenti, għodod tal-IT effiċjenti u proċessi kummerċjali mtejba kemm jista' jkun għandhom potenzjal biex inaqqsu ż-żmien medju li jittieħed sa ma tingħata għotja u ż-żmien medju li jittieħed sa ma jingħata ħlas b'diversi xhur. Il-Kummissjoni se tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha li tipprovdi proċessi ta' ġestjoni tal-għotjiet kompjuterizzati u li jintużaw faċilment mill-utent. Il-Portal għall-Parteċipanti fir-Riċerka se jiġi żviluppat fi pjattaforma unika għall-interazzjonijiet kollha mal-benefiċjarji. Sal-aħħar tal-2010, il-proċessi kollha ta' ġestjoni tal-għotjiet kif ukoll sistema għall-evalwaturi esperti se jiġu integrati. Is-sottomissjoni u l-evalwazzjoni tal-proposti se jiġu integrati fl-2011-2012. Kull meta jkun possibbli flussi paralleli ta' verżjonijiet fuq il-karti se jinqatgħu bl-użu ta' firem elettroniċi li jissostitwixxu l-firem fuq il-karti, u dan se jinbeda fl-2010 bid-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Is-sistemi tal-IT se jipprovdu appoġġ għall-proċess ta' ħidma u għajnujna onlajn. Repożitorju tad-dokumenti bbażat fuq l-internet u sistema ta' traċċjar għal tranżazzjonijiet fil-ġestjoni tal-proposti u l-għotjiet se jiġu installati sal-aħħar tal-2011, sabiex il-parteċipanti jirċievu informazzjoni dwar l-istat tat-tranżazzjonijiet kollha u jkollhom aċċess għad-dokumentazzjoni kollha relatata mal-proposta jew l-għotja tagħhom.

Is-sistema l-ġdida tal-IT se tippermetti l-pubblikazzjoni u t-tixrid awtomatiċi ta' kwalunkwe rapport li jista' jiġi ppubblikat u r-riżultati tal-proġetti.

Uħud mis-servizzi tal-IT tal-programm qafas għar-riċerka jintużaw ukoll mill-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). Il-Kummissjoni se tesplora aktar il-possibbiltajiet li tipprovdi għodod tal-IT aktar uniċi għall-programmi Komunitarji għar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se taħdem fuq it-tijib taċ-ċarezza u l-aċċessibbiltà tad-dokumenti u s-servizzi ta' gwida, billi tissemplifika l-gwidi, tneħħi l-kliem tekniku mhux meħtieġ u tuża terminoloġija konsistenti – sabiex tnaqqas l-ostakoli għall-kandidati ġodda, b'mod partikolari l-SMEs.

(2) Applikazzjoni uniformi tar-regoli

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati jiżvelaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni diverġenti tar-regoli, u n-nuqqas ta' koordinazzjoni fl-ippjanar tal-awditi mis-servizzi differenti tal-Kummissjoni huma sors ta' irritazzjoni għall-benefiċjarji u joħolqu dubji dwar il-kredibbiltà tal-Kummissjoni. Fi ħdan il-limiti tal-qafas legali applikabbli, il-Kummissjoni tinsab impenjata sabiex tiżgura li l-istruttura organizzazzjonali tipprovdi interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli u l-proċeduri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi programmar ta' awditjar koerenti li jirrispetta l-approċċ ta' awditjar uniku.

(3) Titjib tal-istruttura u taż-żmien meta jsiru s-sejħiet għall-proposti

Xi drabi applikanti potenzjali jsibuha bi tqila sabiex isegwu l-iskeda tas-sejħiet u s-suġġetti. B'mod partikolari l-SMEs ġeneralment jippreferu sejħiet b'suġġetti usa' jew anke sejħiet miftuħa b'dati ta' skadenza sabiex jitqassar iż-żmien sal-applikazzjoni għall-finanzjament possibbli li jkun imiss. Il-Kummissjoni se tibni fuq l-esperjenza tagħha fl-implimentazzjoni ta' tali sejħiet sabiex tara jekk dan l-approċċ jistax jiġi estiż. Dan jista' jsir flimkien ma' sottomissjoni u evalwazzjoni f'żewġ stadji, fejn dan x'aktarx li jnaqqas il-problema ta' sottoskrizzjonijiet żejda u sforz eċċessiv għat-tħejjija tal-proposti.

L-applikanti jitolbu wkoll perjodi itwal li tulhom ikunu jistgħu jiffurmaw konsorzji u jħejju l-proposti. Kull meta jkun possibbli meta jitqiesu l-limitazzjonijiet loġistiċi u tal-baġit, il-Kummissjoni se żżid il-perjodu taż-żmien bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħa u l-iskadenza lil hinn minn dak standard ta' tliet xhur. Meta ma jkunux jistgħu jiġu evitati perjodi ta' tliet xhur, dawn għandhom jevitaw perjodi ewlenin ta' btajjel.

(4) Adattament tad-daqs tal-konsorzji

Fil-programmi ta' ħidma tal-ġejjieni, il-Kummissjoni se tieħu ħsieb tadatta l-indikazzjonijiet rigward id-daqs mistenni tal-proġetti għall-ħtiġijiet fl-oqsma speċifiċi, u tippermetti, fejn ikun xieraq, il-formazzjoni ta' konsorzji iżgħar. Il-ġestjoni iktar sempliċi ta' konsorzji iżgħar toffri potenzjal għal tnaqqis fiż-żmien medju li jittieħed sa ma tingħata għotja u ż-żmien medju li jittieħed sa ma jingħata ħlas.

(5) Użu aktar wiesa' tal-premjijiet

Ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-FP7 jipprovdu għall-premjijiet. Premju huwa għotja b'segwitu għal konkors. Il-premjijiet, minbarra li huma sempliċi mil-lat amministrattiv, għandhom il-vantaġġ ta' effett ta' influwenza qawwija – il-premju jitħallas biss lir-rebbieħ, i.e. l-isforz kumplessiv tar-riċerka stimolat mill-premju jista' jkun multiplu tal-ammont tal-premju[5]. Barra minn hekk, il-premjijiet jiffissaw miri xjentifiċi u tekniċi mingħajr ma jispeċifikaw it-triq li twassal għalihom jew id-dixxiplini xjentifiċi li jeħtieġ li jkunu involuti, b'hekk jinċitaw soluzzjonijiet li ma jkunux konvenzjonali kif ukoll il-multidixxiplinarità.

Il-Kummissjoni se tagħti bidu għal azzjoni pilota taħt l-FP7.

3.2. Parti 2: Adattament tar-regoli skont is-sistema bbażata fuq il-kostijiet reali

(1) Aċċettazzjoni usa' tal-prattiki tal-kontabilità abitwali

Il-Kummissjoni tqis il-ħtieġa li fir-regoli għall-parteċipazzjoni jiġi ċċarat il- kunċett ta' kostijiet reali eliġibbli , b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli jekk jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-benefiċjarju skont il-prattika tal-kontabilità tiegħu abitwali b'mod konformi mal-istandards tal-kontabilità u tal-awditjar applikabbli. Tali approċċ jevita l-ħtieġa li l-benefiċjarji jistrutturaw sistemi separati ta' kontabilità, jipprovdi aktar ċertezza legali għall-benefiċjarji u jnaqqas ir-riskju ta' żbalji.

(2) Kostijiet medji tal-persunal

Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tal-kostijiet reali, ir-regoli għall-parteċipazzjoni jgħidu li l-kostijiet medji tal-persunal jitqiesu eliġibbli jekk ma jiddevjawx b'mod "sinifikanti" mill-kostijiet reali. Il-kriterji tal-aċċettabbiltà attwalment huma ddefiniti f'Deċiżjoni tal-Kummissjoni[6] ta' Ġunju 2009. Il-marġni ta' devjazzjoni ġie ddefinit fid-dawl tal-valuri tal-limitu tal-materjalità għal żbalji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-kriterji tal-aċettabbiltà attwali jistgħu jiġu ssodisfati biss minn għadd żgħir ħafna ta' benefiċjarji[7] u b'hekk l-impatt tas-semplifikazzjoni maħsub biċ-ċertifikazzjoni tal-kostijiet medji jiġi llimitat.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe metodoloġija ta' kostijiet medji tal-persunal applikata mill-benefiċjarju bħala prattika tal-kontabilità abitwali tista' tiġi aċċettata, sakemm din tkun ibbażata fuq il-kostijiet reali tal-persunal irreġistrati fil-kontijiet u jiġi eskluż kwalunkwe finanzjament doppju tal-kostijiet taħt kategoriji oħra ta' kostijiet. Din l-għażla għandha potenzjal ta' semplifikazzjoni kbir ħafna. Il-benefiċjarji jkunu jistgħu japplikaw fil-każijiet kollha l-prattika tal-kontabilità tagħhom abitwali bil-kundizzjoni unika li din tkun ibbażata fuq il-kostijiet tas-salarji rreġistrati fil-kontijiet statutarji. Dan l-approċċ ikun jinkludi l-maġġoranza tal-metodoloġiji, inklużi dawk ibbażati fuq "iċ-ċentri tal-kostijiet". B'mod inerenti għal dan l-approċċ, devjazzjonijiet bejn il-medji mitluba u l-kostijiet reali jiġu aċċettati, mingħajr ma jitqies id-daqs jew is-sens tad-devjazzjonijiet. Sabiex tiġi pprovduta assigurazzjoni akbar wieħed jista' jesiġi li l-metodoloġija tal-kostijiet medji li tiġi applikata trid tkun ġiet aċċettata fil-programmi għar-riċerka pubbliċi nazzjonali jew tkun ġiet iċċertifikata mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali.

Din il-proposta ssegwi l-istess linja tar-riżoluzzjoni tal-kwittanza għall-2007[8], fejn il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex l-FP7 tagħmlu kompatibbli mal-prattiki kummerċjali ġenerali.

It-twessigħ tal-kriterji tal-aċċettabbiltà attwali jista' jżid l-għadd ta' utenti potenzjali, iżda anki marġnijiet ogħla għal devjazzjoni ma jkunux ikopru prattiki mferrxa b'mod wiesgħa bħalma huwa l-approċċ ibbażat fuq "ċentru tal-kostijiet".

(3) Limitazzjoni tal-varjetà tar-regoli

Kif imsemmi hawn fuq, sors ieħor ta' komplikazzjoni huwa t-tendenza li għadd dejjem akbar ta' attivitajiet (eż. riċerka, dimostrazzjoni, ġestjoni) u tipi ta' parteċipanti (eż. organizzazzjonijiet tar-riċerka, universitajiet, organizzazzjonijiet li ma għandhomx għan ta' qligħ) jiġu koperti b'dispożizzjonijiet speċjali. B'konsegwenza ta' dan, l-atti leġiżlattivi, id-dokumenti ta' gwida, il-kontrolli ex-ante u s-sistemi kollha relatati mal-IT jsiru dejjem aktar komplikati, joħolqu konfużjoni u jesiġu saħansitra aktar gwida għall-applikanti u jnaqqsu aktar l-attività tal-proċessi. Sabiex din it-tendenza tinbidel, jidher li huwa xieraq li mmorru lura għal sett komuni ta' prinċipji bażiċi minflok approċċ "adattat b'mod perfett" , sakemm l-għanijiet politiċi jintlaħqu xorta waħda.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi b'mod partikolari żewġ possibbiltajiet, fejn it-tnejn li huma jkunu jwasslu għal tnaqqis konsiderevoli fil-komplessità, flimkien ma' potenzjal għal tqassir b'diversi ġimgħat taż-żmien medju li jittieħed sa ma tingħata għotja u ż-żmien medju li jittieħed sa ma jingħata ħlas:

- It-tnaqqis tal-għadd ta' kombinazzjonijiet bejn ir-rati ta' finanzjament, it-tipi ta' organizzazzjonijiet u t-tipi ta' attivitajiet . L-għażla preferuta mill-Kummissjoni tkun rata unika ta' rimbors għat-tipi ta' attivitajiet u għall-kategoriji tal-organizzazzjonijiet kollha; Għażla oħra tista' tkun rata uniformi ta' rimbors għat-tipi ta' attivitajiet kollha, sabiex jibqa' biss id-divrenzjar miż-żewġ kategoriji ta' organizzazzjonijiet ewlenin eżistenti.

- It-tnaqqis tal-għadd ta' metodi biex jiġu ddeterminati l-kostijiet indiretti . L-għażla preferuta mill-Kummissjoni bl-ogħla potenzjal ta' semplifikazzjoni tkun tinvolvi rata fissa unika għad-debitar tal-kostijiet indiretti għat-tipi ta' organizzazzjonijiet u skemi ta' finanzjament kollha. Dan l-approċċ jikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fir-rata tal-iżbalji individwata f'awditi ex-post, minħabba li l-esperjenza turi li l-kontabilità tal-kostijiet per se hija suxxettibbli għall-iżbalji. Għalkemm dan jista' jdgħajjef xi ftit il-motivazzjoni għall-universitajiet sabiex jgħaddu għal kontabilità analitika, jagħtihom ukoll il-possibbiltà biex jorganizzaw it-tali tranżizzjoni skont il-bżonnijiet tagħhom u dawk nazzjonali. L-opinjonijiet li ngħataw mill-assoċjazzjonijiet tal-universitajiet juru li l-bidla lejn kontabilità analitika f'ħafna każijiet tkun teħtieġ aktar żmien minn kif mistenni oriġinarjament.

(4) Interessi fuq prefinanzjament

Jeżisti wkoll potenzjal għal semplifikazzjoni fit-trattament tal- interessi miksuba minn ħlasijiet ta' prefinanzjament . Attwalment, il-koordinaturi huma obbligati jiftħu kontijiet tal-imgħax u l-imgħax miksub jiġi rkuprat mill-Kummissjoni. Minħabba li ċerti organizzazzjonijiet ma jistgħux jiftħu kontijiet tal-imgħax, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru ta' eċċezzjonijiet. It-tneħħija tal-obbligu li jinfetħu kontijiet tal-imgħax għandha telimina l-isforz amministrattiv relatat.

Semplifikazzjoni saħansitra akbar tista' tinkiseb billi b'mod sħiħ jew parzjali jitneħħa l-obbligu li jiġi rkuprat l-imgħax fuq il-prefinanzjament.

(5) Aktar elementi ta' somom ta' flus f'daqqa fl-approċċ ibbażat fuq il-kostijiet reali

Diġà jsir użu wiesa' tar-rimborsi ta' somom ta' flus f'daqqa fil-programm "Nies", u għażliet ta' somom ta' flus f'daqqa għal ċerti kategoriji ta' kostijiet jeżistu fi programmi oħra speċifiċi. Madankollu, opinjonijiet li ngħataw mill-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati juru li ħafna benefiċjarji jaraw potenzjal limitat ta' semplifikazzjoni fl-estensjoni ta' somom ta' flus f'daqqa għal aktar kategoriji ta' kostijiet (eż. kostijiet tal-ivvjaġġar, skali tal-kostijiet unitarji għall-persunal eċċ.). L-istabbiliment ta' skali ta' kostijiet unitarji għall-persunal, abbażi ta' analiżi tal-istatistika, tkun komplessa ħafna, meta titqies il-varjetà kbira ta' kostijiet tal-persunal bejn pajjiżi, reġjuni, setturi, fergħat tal-industrija eċċ. Madankollu, qegħdin jiġu ppreżentati ż-żewġ eċċezzjonijiet li ġejjin:

- Ir-reġistrazzjoni tal-ħin għall-kontabilità tal-kostijiet tal-persunal hija interpretata bħala partikolarment ta' piż minn uħud mill-benefiċjarji. Tali rekwiżit jista' jiġi eliminat jekk somom ta' flus f'daqqa għall-persunal għal kull benefiċjarju , ibbażati fuq stima ex-ante tal-kostijiet tal-persunal għal kull benefiċjarju għall-proġett, kellhom jiġu stabbiliti u miftiehma waqt in-negozjar tal-għotjiet.

- Bħala alternattiva għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni għall- SMEs , fejn is- sidien-maniġers iwettqu l-biċċa l-kbira tal-proġett huma stess mingħajr ir-reġistrazzjoni ta' salarju fil-kontijiet, il-Kummissjoni se tintroduċi somma ta' flus f'daqqa bbażata fuq l-iskali ta' kostijiet unitarji taħt il-programm speċifiku "Nies".

Għażliet aktar estensivi bbażati fuq l-abbandun totali tal-kostijiet reali u l-introduzzjoni ta' somom ta' flus f'daqqa għal proġetti sħaħ huma ppreżentati fil-Kapitolu 3.3.

(6) Aċċelerazzjoni tas-selezzjoni tal-proġetti

Taħt il-bażi legali għall-FP7, il-kumitati tar-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu opinjonijiet dwar il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijet ta' selezzjoni dwar proġetti individwali. Il-Kummissjoni tipproponi li dan ir-rekwiżit legali jitneħħa mill-programmi qafas tal-ġejjieni. Is-sistema komprensiva ta' fluss ta' informazzjoni lejn dawn il-kumitati jibdel dan il-pass f'wieħed li mhuwiex meħtieġ għall-ġejjieni. Dan iwassal għal tnaqqis fiż-żmien li jittieħed sa ma tingħata għotja b'diversi ġimgħat u għat-tneħħija ta' piż amministrattiv kemm għas-servizzi tal-Istati Membri kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

Għall-programmi qafas tal-ġejjieni l-Kummissjoni se tqis ukoll jekk f'ċerti oqsma l-introduzzjoni ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni minflok ftehimiet ta' għotja tkunx tista' tħaffef il-proċess.

3.3 Parti 3: Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq il-kostijiet

L-għażliet ta' hawn fuq diġà jipprovdu ħafna possibbiltajiet għas-semplifikazzjoni iżda mhumiex se jneħħu l-isforzi amministrattivi marbuta mar-rappurtar tal-kostijiet u l-awditjar finanzjarju. Bidla aktar profonda tkun dik li tgħaddi minn sistema bbażata fuq il-kostijiet li tiffoka fuq l-input għal sistema ta' finanzjament ibbażata fuq definizzjoni u aċċettazzjoni minn qabel tal-output/riżultati . F'dan il-kuntest, uħud mill-mistoqsijiet li għamlet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri[9] huma rilevant ħafna:

- Huwa possibbli li programmi jiġu rriformulati f'termini li ma jkunux ta' inputs eliġibbli iżda f'termini ta' outputs aċċettabbli, fejn il-proġetti jkunu bbażati fuq sett ta' għanijiet konkreti, u ħlasijiet marbuta mal-kisba tar-riżultati?

- Sakemm l-iskemi ta' nfiq jibqgħu jkunu bbażati fuq l-inputs, huwa possibbli li l-bażi tal-kalkolu tiġi ssemplifikata b'mod radikali? Tista' l-UE, pereżempju, tuża ħafna aktar is-sistema ta' somom ta' flus f'daqqa jew ħlasijiet b'rata fissa minflok ir-rimbors tal-kostijiet reali?

Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiġu esplorati t-tliet għażliet li ġejjin. Kollha kemm huma jinvolvu somma ta' flus f'daqqa għal kull proġett sħiħ sabiex jitneħħew il-kontrolli kollha fuq il-kostijiet reali mġarrba u bidla fl-isforzi tal-kontroll mil-lat finanzjarju għal dak xjentifiku. Is-somom ta' flus f'daqqa jkunu ammonti fissi li jkopru l-kostijiet kollha tal-implimentazzjoni ta' operazzjoni, u jneħħu l-obbligu tal-benefiċjarji li jippreżentaw dokumenti ta' evidenza b'rabta mal-infiq, u jippermettu wkoll semplifikazzjonijiet kbar fl-awditjar finanzjarju ta' proġetti.

Approċċi bbażati fuq ir-riżultati jesiġu definizzjoni attenta tal-output/riżultat fil-livell ta' kull proġett individwali u analiżi bir-reqqa sabiex jiġu ffissati somom ta' flus f'daqqa li jkunu bbażati fuq stima affidabbli ta' kostijiet eliġibbli meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett u tiġi ggarantita ġestjoni finanzjarja soda, u dawn jistgħu jtawlu ż-żmien li jittieħed sa ma tingħata l-għotja. Barra minn hekk, monitoraġġ xjentifiku/tekniku rinforzat, li jinkludi esperti esterni, ikun meħtieġ li jiġi installat bħala bażi għad-deċiżjonijiet ta' ħlas. L-implimentazzjoni tkun teħtieġ bilanċ differenti ta' ħiliet, approċċ ta' ġestjoni tal-proġetti adattat fil-Kummissjoni u kooperazzjoni estiża ma' esperti esterni. Il-ħlas tal-għotjiet ikun ibbażat b'mod sħiħ fuq il-valutazzjoni tal-outputs/riżultati.

Sabiex jiġu vvalutati aħjar l-opportunitajiet u d-diffikultajiet inerenti f'approċċi bbażati fuq ir-riżultati, azzjonijiet piloti f'oqsma magħżula għandhom jippreċedu l-applikazzjoni estiża tagħhom.

It-tliet għażliet issuġġeriti għall-esplorazzjoni tal-approċċi bbażati fuq ir-riżultati huma:

(1) Somom ta' flus f'daqqa speċifiċi għal proġetti bħala kontribut għall-kostijiet tal-proġett stmati matul l-evalwazzjoni/negozjar tal-għotja, u mħallsa skont output/riżultati li jkun hemm ftehim dwarhom:

F'dan l-approċċ, stima ex-ante ta' kostijiet totali eliġibbli xierqa tal-proġett u d-definizzjoni ta' output/riżultati li jistgħu jiġu kkwantifikati tkun parti mill-proċess tal-evalwazzjoni u n-negozjar. Somma ta' flus f'daqqa speċifika għal proġett tiġi stabbilita abbażi tal-kostijiet eliġibbli totali stmati. Is-somma ta' flus f'daqqa titħallas (kompletament jew parzjalment) abbażi tal-aċċettazzjoni tal-output/riżultati miftiehma minn qabel. Dan jista' jinkludi ħlasijiet interim.

(2) Il-pubblikazzjoni ta' sejħiet li jkollhom allokat somom ta' flus f'daqqa predefiniti għal kull proġett f'qasam ta' suġġett partikolari u s-selezzjoni tal-proposti li jippromettu l-ogħla output xjentifiku għas-somma ta' flus f'daqqa speċifikata:

Hawnhekk, l-evalwazzjoni tal-proposti tinkludi kriterju ta' għotja ta' premju: ir-riżorsi li l-konsorzju jkun lest li jinvesti huwa stess flimkien mas-somma ta' flus f'daqqa. L-approċċ jipprovdi inċentiv għal effett ta' influwenza aktar qawwija bil-fondi tal-UE.

(3) Approċċ ta' "għotja ta' premju" bbażat fuq fiduċja kbira li jikkonsisti fid-distribuzzjoni ta' somom ta' flus f'daqqa predefiniti għal kull proġett mingħajr aktar kontroll min-naħa tal-Kummissjoni:

Is-selezzjoni ta' dawk magħżula għall-premju tkun ibbażata fuq proċess kompetittiv ħafna. Wara s-selezzjoni, il-finanzjament jingħata bħala somma ta' flus f'daqqa mingħajr aktar kontrolli finanzjarji jew xjentifiċi min-naħa tal-Kummissjoni. Dan huwa approċċ ibbażat fuq fiduċja kbira u riskju għoli. Madankollu, in-nuqqas ta' kontroll min-naħa tal-Kummissjoni ma jkunx ifisser nuqqas totali ta' kontroll. L-approċċ ikun jiddependi fuq l-awtokontroll u l-motivazzjoni u struttura ta' inċentivi inerenti fil-komunità xjentifika. Sabiex din il-motivazzjoni u l-istruttura ta' inċentivi jaħdmu fir-realtà, dawk magħżula għall-premju għandhom jiġu obbligati jiżguraw trasparenza massima fil-konfront tal-pari tagħhom u tal-pubbliku ġenerali f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-fondi u r-riżultati miksuba. Ir-riskju ta' abbuż ikun jeżisti iżda nuqqas ta' mġiba tajba jikkomprometti bil-kbir il-karriera ta' individwu magħżul għall-premju bħala xjenzat. Dan ix-xenarju jkun l-aktar xieraq f'oqsma fejn il-mekkaniżmi ta' inċentivi msemmija hawn fuq ikunu l-aktar b'saħħithom i.e. b'mod partikolari fil-Kunsill Ewropew tar-Riċerka. Il-vantaġġi tal-approċċ huma ovvji: l-ebda ħtieġa ta' kontroll tal-kostijiet, sforz amministrattiv mill-anqas, ħeffa kbira.

4. NAGħTU ħARSA MILL-ġDID LEJN IX-XENARJU TAL-FINANZJAMENT GħAR-RIċERKA U L-INNOVAZZJONI FL-UE

In-natura transnazzjonali tal-kollaborazzjoni fir-riċerka mrawma taħt l-FP7 timplika livell inerenti ta' komplessità minħabba d-diversità tas-sistemi legali nazzjonali, tal-prattiki tal-kontabilità u tal-kulturi ta' ġestjoni.

L-FP attwali jinkorpora kostellazzjoni ta' għanijiet, kotra ta' mekkaniżmi ta' intervent b'regoli speċifiċi, diversità ta' rati ta' rimbors u l-kundizzjonijiet speċjali għal ċerti tipi ta' organizzazzjonijiet. B'mod kollettiv dan l-approċċ diversifikat ifisser komplessità.

Id-definizzjoni ta' sett komuni ta' prinċipji bażiċi aktar milli l-approċċ attwali diversifikat mingħajr dubju twassal għal regoli, proċessi u sistemi tal-IT mqassra u ssemplifikati b'mod konsiderevoli. Analiżi dettaljata hija meħtieġa sabiex tanalizza sa liema punt dan jista' jintlaħaq u li tippermetti approċċi adattati b'mod perfett biss meta l-għanijiet politiċi jiġġustifikawhom.

Taħt l-FP7, l-għadd ta' mekkaniżmi ta' intervent żdied bil-parteċipazzjoni tal-UE fi programmi li twettqu b'mod konġunt minn diversi Stati Membri u l-ħolqien ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK). Minħabba li r-regoli għall-parteċipazzjoni tal-FP7 ma japplikawx għal dawn il-mekkaniżmi ta' intervent, kull mekkaniżmu għandu r-regoli distinti tiegħu stess, fejn jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta' kull mekkaniżmu. Dawn ir-regoli jistgħu jvarjaw b'mod sostanzjali mir-regoli għall-parteċipazzjoni tal-FP7.

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-kwittanza għall-2007[10], jindika din iż-żieda fid-diversità u jitlob valutazzjoni tal-problemi assoċjati għall-benefiċjarji, inkluż in-nuqqas ta' trasparenza.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li tnaqqis fil-komplessità tax-xenarju tal-finanzjament għar-riċerka fl-UE jista' jkun ukoll sors ewlieni ta' semplifikazzjoni. Bi tħejjija għall-programmi qafas li jmiss għandha għalhekk tingħata attenzjoni b'mod partikolari għaż-żewġ kwistjonijiet li ġejjin:

- Kemm dawn il-mekkaniżmi ta' intervent huma adattati u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti;

- Ix-xewqa jew il-ħtieġa li r-regoli ta' finanzjament applikabbli jew tal-anqas partijiet minnhom ikunu identiċi.

Fir-rigward tas-sħubiji pubbliċi-privati (PPPs), inklużi l-ITK u l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tal-EIT, hemm ħtieġa li tiġi esplorata l-aqwa struttura istituzzjonali possibbli li tippermetti li dawn il-korpi jiksbu l-għanijiet tagħhom b'mod effiċjenti u effikaċi (il-kunċett "ta' residenza ideali" għall-ITK tal-ġejjieni). Ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Grupp Sherpa dwar l-ITK[11] se jkunu importanti f'dan ir-rigward.

5. IT-TRIQ GħALL-ġEJJIENI

Il-biċċa l-kbira tal-għażliet proposti skont it-tieni u t-tielet parti jesiġu bidliet fir-regoli u għalhekk se jiġu indirizzati fl-analiżi ta' kull tliet snin tar-Regolament Finanzjarju u, abbażi ta' dan fl-analiżi tal-qafas regolatorju tal-politika tar-riċerka li se ssir fil-futur qrib.

Madankollu, skont il-konsensus li jinkiseb b'reazzjoni għal din il-Komunikazzjoni rigward miżuri speċifiċi, il-Kummissjoni tista' tippreżenta emendi għall-FP7, b'segwitu għall-evalwazzjoni interim tiegħu. Emenda bikrija għar-regoli tal-FP7 tista' b'mod partikolari tiġi prevista għar-regoli dwar il-kostijiet medji tal-persunal ippreżentati taħt il-Kapitolu 3.2.

Kwalunkwe bidla tali għar-regoli tal-FP7 jeħtieġ li tqis il-kundizzjonijiet importanti li ġejjin.

Il-valur ta' kwalunkwe semplifikazzjoni jeħtieġ li jkun ogħla mill-valur tal-kostijiet tal-implimentazzjoni tagħha; l-istabbiltà tar-regoli eżistenti hija interpretata bħala importanti ħafna għall-utenti kollha tal-FP u tiġi ppreferuta mill-bidla li twassal biss għal regoli ftit aktar sempliċi. Bidliet fl-atti legali bażiċi jesiġu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja ("il-kodeċiżjoni"), u l-perjodu ta' żmien assoċjat ma' din il-proċedura huwa tal-anqas sena. Konsegwentement, il-bidliet relatati jkunu japplikaw biss għall-aħħar mewġa ta' sejħiet tal-FP7. Tkun meħtieġa ġestjoni ta' żewġ sistemi paralleli ta' regoli, proċessi u sistemi tal-IT. Il-komplessità addizzjonali kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għas-servizzi tal-Kummissjoni għandha titqies.

Is-semplifikazzjoni hija marbuta b'mod intimu mal-parametri tar-responsabbiltà li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-politiki tar-riċerka. Il-Kummissjoni tiddependi fuq strateġija ta' kontroll komprensiva inklużi għadd kbir ħafna ta' proġetti ta' awditjar fil-post u l-irkupru ta' kwalunkwe ammont imħallas żejjed sabiex tikseb assigurazzjoni raġonevoli li l-ħlasijiet huma konformi mar-regoli. Il-Kummissjoni tista' tikseb tali dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni pożittiva mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biss meta l-livell ta' żbalji jkun taħt 2 %. L-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija ta' kontroll iggravat il-mod kif diġà kienet qed tiġi interpretata l-komplessità tar-rekwiżiti għall-għotjiet tar-riċerka tal-UE u tista' tiskoraġġixxi lir-riċerkaturi u l-industrija milli jipparteċipaw fil-programmi ta' finanzjament tar-riċerka komunitarji. Sakemm is-semplifikazzjoni profonda tar-regoli tal-finanzjament tar-riċerka jidħlu fis-seħħ, l-implimentazzjoni ta' riskju ta' żball tollerabbli (TRE) speċifiku għar-riċerka jippermetti lill-Kummissjoni tanalizza l-istrateġija ta' kontroll tagħha. L-għan ta' dan il-kunċett huwa li jkun żgurat bilanċ xieraq bejn l-effikaċja tal-kontrolli u tal-politiki. Proposta konkreta għal livell ta' TRE speċifiku għan-nefqa fir-riċerka se tiġi ppreżentata f'Komunikazzjoni mill-Kummissjoni skedata għal Mejju 2010 li se takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni ta' kull tliet snin tar-Regolament Finanzjarju. L-aċċettazzjoni ta' dan il-kunċett għar-riċerka mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tippermetti lill-Kummissjoni tanalizza l-istrateġija ta' kontroll attwali tagħha filwaqt li żżomm ġestjoni finanzjarja soda. B'mod partikolari l-ampjezza tal-kontrolli (il-kopertura tal-awditjar u l-aġġustamenti sussegwenti) tista' tiġi indirizzata bil-għan li jitnaqqas il-piż tal-kontrolli. Tali strateġija ta' kontroll riveduta tista' tiffoka b'mod aktar qawwi fuq awditi fil-mira bbażati fuq ir-riskji u kontrolli ta' prevenzjoni ta' frodi, filwaqt li titqies l-esperjenza operattiva tas-servizzi tal-Kummissjoni kontra l-frodi. Fuq tali bażi, jista' jiġi żgurat qafas ta' responsabbiltà solida filwaqt li jinżamm deterrent xieraq għall-użu irregolari tal-fondi tal-UE għar-riċerka.

Fl-aħħarnett, kwalunkwe proposta leġiżlattiva sussegwenti għall-introduzzjoni ta' semplifikazzjonijiet se tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-riskju bl-akbar reqqa bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt ex-ante kumplessiv, u l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-immunità kontra l-frodi.

6. KONKLUżJONI

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta miżuri u alternattivi għas-semplifikazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka fl-UE, sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament għar-rieċerka fl-UE jippromwovi riċerka tal-ogħla kwalità. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposta dwar l-analiżi ta' kull tliet snin tar-Regolament Finanzjarju, fejn uħud mill-ideat ta' semplifikazzjoni mressqa f'din il-Komunikazzjoni se jitbiddlu fi proposti legali. Aktar potenzjal għas-semplifikazzjoni jista' jiġi żvelat bl-evalwazzjoni interim tal-FP7 li għandha tiġi ppreżentata f'Ottubru 2010.

Aktar semplifikazzjoni tista' tinkiseb biss bl-impenn sħiħ u l-appoġġ politiku tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, b'mod partikolari l-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Jeħtieġ li jsiru kompromessi diffiċli sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn fiduċja u kontroll u bejn it-teħid ta' riskji u l-evitar tar-riskji, filwaqt li tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda. Id-dibattitu dwar Riskju ta' Żball Tollerabbli (TRE) speċifiku għar-riċerka joffri opportunità f'dan ir-rigward.

Fi kwalunkwe ċirkostanza l-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta' amministratriċi tal-flus mit-taxxi tal-poplu tal-UE se żżomm kundizzjonijiet xierqa sabiex tiżgura ġestjoni finanzjarja soda, inklużi miżuri xierqa ta' prevenzjoni ta' frodi, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tar-riskji filwaqt li titqies kull parti. Is-semplifikazzjoni u t-TRE ma għandhomx jikkompromettu dan il-prerekwiżit.

Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex jikkontribwixxu għad-dibattitu u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-għażliet deskritti b'mod ġenerali f'din il-Komunikazzjoni, fid-dawl tal-mod kif se jiġi mmudellat il-finanzjament għar-riċerka fl-UE għall-ġejjieni.

Ir-riżultati ta' dan id-dibattitu se jiġu introdotti fil-proposti tal-Kummissjoni għall-inizjattiva ewlenija "Unjoni għall-Innovazzjoni" taħt l-istrateġija Ewropa 2020 u fil-mod kif se jiġu mmudellati l-programmi qafas li jmiss.

Skont il-konsensus li jinkiseb b'reazzjoni għal din il-Komunikazzjoni rigward miżuri speċifiċi, il-Kummissjoni għadha tista' tippreżenta emendi għall-FP7, b'segwitu għall-evalwazzjoni interim tiegħu.

[1] COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[2] Rapport tal-panel ta' esperti indipendenti għall-analiżi tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-KER; It-23 ta' Lulju 2009 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2009) 552, 22.10.2009.

[3] Konsultazzjoni dwar ideat għas-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTD) fl-UE, 24.7.-30.9.2009, http://ec.europa.eu/research/consultations/fp-simplification/consultation_en.htm; Konsultazzjoni dwar l-analiżi tar-regolamentazzjoni finanzjarja, 19.10.-18.12.2009 http://ec.europa.eu/budget/consultations/FRconsult2009_en.htm.

[4] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1; ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1; OJ L 400, 30.12.2006, p. 1.

[5] Eżempju: Premju ta' US$ 10 miljun tal-fondazzjoni tal-Premju X (http://www.xprize.org) għal inġenji spazjali kummerċjali stimola investimenti privati ta' Riċerka u Żvilupp ta' aktar minn US$ 100 miljun.

[6] C(2009) 4705.

[7] Madwar disa' organizzazzjonijiet minn kull għaxra li jużaw il-kostijiet medji tal-persunal bħala l-prattika tal-kontabilità abitwali ma jissodisfawx il-kriterji attwali. Sa Marzu 2010, il-Kummissjoni aċċettat biss il-metodoloġiji ċċertifikati ta' tnax-il organizzazzjoni għall-użu tal-kostijiet medji.

[8] OJ L 255, 26.9.2009, p. 24.

[9] Reazzjoni min-naħa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Nirriformaw il-Baġit, Nibdlu l-Ewropa' [ traduzzjoni mhux uffiċjali ].

[10] OJ L 255, 26.9.2009, p. 24.

[11] "Flimkien infasslu 'residenza ideali' għal sħubiji pubbliċi-privati fir-Riċerka Ewropea", Rapport finali tal-Grupp Sherpa dwar l-ITK, Jannar 2010.

Top