EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0228

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Ħidma tas-Sistema ta' Twissija u Tweġiba Bikrija tal-UE (EWRS) tan-Netwerk Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika u għall-kontroll ta' mard li jittieħed matul l-2006 u l-2007 (id-Deċiżjoni 2000/57/KE) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

/* KUMM/2009/0228 finali */

52009DC0228

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Ħidma tas-Sistema ta' Twissija u Tweġiba Bikrija tal-UE (EWRS) tan-Netwerk Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika u għall-kontroll ta' mard li jittieħed matul l-2006 u l-2007 (id-Deċiżjoni 2000/57/KE) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2009/0228 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.5.2009

KUMM(2009) 228 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ħidma tas-Sistema ta' Twissija u Tweġiba Bikrija tal-UE (EWRS) tan-Netwerk Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika u għall-kontroll ta' mard li jittieħed matul l-2006 u l-2007 (id-Deċiżjoni 2000/57/KE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Avvenimenti kkomunikati fl-2006 3

3. Reazzjoni u segwitu tal-avvenimenti ewlenin ikkomunikati fl-2006 3

3.1. Chikungunya f'La Réunion 3

3.2. Il-ħosba 4

3.3. Deni Lassa 4

3.4. Clostridium difficile 027 4

3.5. L-influwenza avjarja fil-bniedem 5

4. Avvenimenti kkomunikati fl-2007 5

5. Reazzjoni u segwitu tal-avvenimenti ewlenin ikkomunikati fl-2007 5

5.1. It-tuberkulosi 5

5.2. Chikungunya fl-Italja 6

5.3. Il-ħosba fil-Belġju 7

5.4. Il-leġjonellosi 7

6. Valutazzjoni tal-avvenimenti rrappurtati versu kritejri tal-komunikazzjoni 7

7. Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa l-ġodda (IHR) 9

8. Trasferiment tal-EWRS lill-ECDC 10

9. Konklużjonijiet 10

1. INTRODUZZJONI

L-intenzjoni ta' dan ir-rapport hija li jinforma lill-Kunsill u lill-Parlament dwar l-avvenimenti ta' rilevanza Komunitarja li ġraw minħabba mard li jittieħed u li ġew ikkomunikati matul l-2006 u l-2007 permezz tas-Sistema ta' Twissija u Reazzjoni Bikrija tal-UE (EWRS) skont id-Deċiżjoni 2119/98/KE[1] tal-Kunsill u tal-Parlament u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57/KE.

2. AVVENIMENTI KKOMUNIKATI FL-2006

Matul l-2006 total ta' 138 messaġġ ġew ippubblikati (2,6 messaġġi fil-ġimgħa), b'223 kumment. Mill-138 messaġġ, 37 kienu messaġġi ta' informazzjoni, 47 messaġġi b'livell ta' attivazzjoni 1, 22 b'livell ta' attivazzjoni 2, u żewġ messaġġi b'livell ta' attivazzjoni 3. Mit-30 messaġġ ippublikati bħala reazzjoni għal avvenimenti speċifiċi, 16 kienu dwar l-adozzjoni ta' miżuri, disgħa dwar koordinazzjoni ta' miżuri, u ħamsa dwar miżuri maħsuba jew ippjanati. Il-klassifikazzjoni tal-messaġġi skont il-pajjiż jew iż-żona tal-okkorrenza kienet: Il-Ġermanja (10 avvenimenti kkomunikati), Franza (8), l-Italja, Spanja, l-Iżvezja u d-Danimarka (7 kull wieħed), ir-Renju Unit u l-Awstrija (6), il-Belġju u s-Slovenja (5), il-Latvja u l-Iżrael (4) , il-Polonja, il-Litwanja u t-Turkija (3), il-Portugall, l-Estonja, il-Greċja, l-Olanda, in-Norveġja u Sierra Leone (2), u l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, ir-Rumanija, il-Gżejjer Faroe (id-Danimarka), La Réunion (Franza DOM-TOM), Saint Helena (ir-Renju Unit), il-Kroazja, il-Federazzjoni Russa, il-Mawritanja, l-Eġittu, it-Tuneżija, l-Iraq, l-Indja u t-Tajlandja (wieħed kull wieħed). Seba' avvenimenti involvew aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, u tnejn involvew aktar minn pajjiż wieħed barra l-UE. Erba' avvenimenti ma ġewx identifikati skont l-oriġini ġeografika. Tmienja u erbgħin messaġġ, li għandhom x'jaqsmu ma’ 16-il avveniment kienu ppubblikati permezz tal-mezz selettiv ta' skambju.

Tlieta u erbgħin avveniment kellhom x'jaqsmu mal-influwenza; 18 ma’ dijarea akuta; tmienja ma’ dijarea u salmonellożi; sebgħa ma' ħosba; sitta ma' leġjonellosi; ħamsa ma’ tuberkulożi; tnejn ma’ kolera, mewt ta' oriġini mhux spjegata, deni, avvelenament mill-ikel, deni emoraġiku, epatite, sindromu uremiku emolitiku, ħosba jew vCJD; u wieħed kull wieħed ma’ kampilobatterjożi, leptospirożi , listerjosi, settiċemija, xiġellosi, infezzjoni fit-tessuti rotob, infezzjoni trasmessa sesswalment, u deni tat-tifojde. Tmien messaġġi kienu kklassifikati bħala 'mhux applikabbli' u ħamsa bħala 'mhux imniżżla'.

3. REAZZJONI U SEGWITU TAL-AVVENIMENTI EWLENIN IKKOMUNIKATI FL-2006

3.1. Chikungunya f'La Réunion

Fi Frar 2006, Franza kkomunikat epidemija kbira tal-vajrus Chikungunya fid-dipartiment Franċiż ekstra Ewropew ta' La Réunion. Malajr inxtered ma’ gżejjer oħra fl-Oċean Indjan u wasal l-Indja. Ir-riskju li l-vajrus Chikungunya jiġi l-UE kien ivvalutat mill-ECDC biex l-Istati Membri jingħataw għażliet għal stat aktar għoli ta' tħejjija. Kienet ippreparata informazzjoni dwar valutazzjoni tar-riskju għal vjaġġaturi f'żoni u minn żoni milquta u ċċirkulata lill-Istati Membri. Issemma wkoll ir-riskju minn donaturi tad-demm li jirritornaw minn żoni milquta, u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika responsabbli minn kwistjonijiet ta' sikurezza ematoloġika ġew mgħarrfa biex jingħataw iċ-ċans li japplikaw politika ta' diferiment għal donaturi tad-demm.

3.2. Il-ħosba

F'Marzu 2006, il-Ġermanja kkomunikat numru ta' epidemiji ta' ħosba reġjonali fin-Nofsinhar u fil-Punent tal-pajjiż. Kienu rrappurtat epidemiji li involvew 58 każ fiż-żona ikbar ta' Stuttgart u 149 każ f' Land ta' North-Rhine-Westphalia. Investigazzjoni addizzjonali żvelat 1 018 każ ikkomunikati lill-awtoritajiet tas-saħħa bejn l-1 ta' Jannar u t-3 ta' Mejju 2006 f'North Rhine Westphalia, tfal ta’ età ikbar u adolexxenti kienu l-aktar affettwati. Dawn l-avvenimenti taw bidu għall-miżuri speċifiċi dwar saħħa pubblika bħala reazzjoni għall-avveniment (informazzjoni lill-awtoritajiet ta' saħħa lokali kollha, aktar kopertura dwar it-tilqim, kampanja ta' informazzjoni għal iskejjel, skejjel tat-trabi, ġenituri u tobba tal-familja).

3.3. Deni Lassa

Fil-21 ta' Lulju 2006, il-Ġermanja kkomunikat il-każ ta' pazjent b'deni Lassa li vjaġġa minn Freetown (Sierra Leone) għadda minn Abidjan (Ivory Coast) u Brussell għal Frankfurt. Il-pazjent kien ma jiflaħx matul it-titjiriet u kellu fuqu kateter urinarju li ma jiffunzjonax, li ħarġet l-awrina minnu għal mas-sit tal-ajruplan, kutri u l-ħwejjeġ tal-pazjent. Filwaqt li r-riskju għall-passiġġieri l-oħra kien iġġudikat mill-ECDC bħala baxx, ġew miftiehma proċeduri tal-ittraċċar tal-kuntatt għal persuni kkunsidrati li huma f'riskju aktar għoli, u ġie stabbilit mekkaniżmu ta' koordinazzjoni li jinkludi l-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC, l-Istitut Robert Koch, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika Belġjani, Sabena Airlines u l-WHO. Kitt ta' għodda u dokumenti ġie magħmul disponibbli b'mod mgħaġġel. Tnejn u disgħin persuna kienu mfittxija, 43 minnhom kienu mill-Istati Membri tal-UE (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, ir-Renju Unit, Franza u Spanja). Kull wieħed minn dawn il-pajjiżi rċevew lista ta' persuni li kellhom jiġu ttraċċati permezz tal-għodda ta' skambju selettiv ta' informazzjoni disponibbli fl-EWRS. Stqarrija għall-istampa kienet miftiehma li tagħti l-Istati Membri messaġġ konsistenti kemm-il darba jħossu l-ħtieġa li jinfurmaw il-pubbliku. Għalkemm ma ġie identifikat l-ebda każ sekondarju, l-avveniment wera biċ-ċar il-valur tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u żvela ħtiġijiet addizzjonali biex jintużaw ma' avvenimenti simili fil-futur.

3.4. Clostridium difficile 027

Fit-28 ta' April 2006, Franza kkomunikat l-ewwel grupp ta' toxinotype III, marda assoċjata ma’ PCR-ribotype 027 Clostridium difficile fi sptar fit-tramuntana tal-pajjiż. L-informazzjoni wriet ix-xebh tal-grupp mal-varjanti epidemiċi diġa' iżolati minn epidemiji ta' marda assoċjata ma' Clostridium difficile f'pajjiżi oħra. Osservata fil-Kanada u fl-Istati Uniti sa mill-2003, PCR-ribotype 027 Clostridium difficile kienet involuta f'epidemiji fi sptarijiet fir-Renju Unit fl-2004 u fil-Belġju u fl-Olanda fl-2005. Miżuri ta' kontroll kienu implimentati fi Franzi fil-21 ta' Marzu 2006 mill-unità responsabbli mill-kontroll tal-infezzjoni u ma kien hemm l-ebda każ ieħor mill-11 ta' April 2006. Franza għaddiet l-esperjenza u l-lezzjonijiet li tgħallmet f'livell nazzjonali lill-Istati Membri l-oħra, u ġew diskussi għażliet ta' reazzjoni xierqa. Mill-2006, Clostridium difficile 027 kienet ukoll iżolata fil-Polonja, fil-Lussemburgu u fid-Danimarka.

3.5. L-influwenza avjarja fil-bniedem

Fit-Turkija t-trasmissjoni tal-vajrus tal-influwenza H5N1 lill-bniedem tat bidu għal traffiku ta' messaġġi sinifikanti. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika kienet aġġornata fuq bażi regolari f'każ ta' tixrid possibbli f'żoni ġeografiċi oħra. Għalkemm kien hemm aktar messaġġi dwar avvenimenti tal-influwenza avjarja minn avvenimenti oħra (43 messaġġ, jew 31,1 %), ħafna mill-informazzjoni kienet dwar każijiet ta' għasafar fl-UE u dwar miżuri meħuda f'livell nazzjonali biex jinfurmaw il-vjaġġaturi dwar iż-żoni milquta.

4. AVVENIMENTI KKOMUNIKATI FL-2007

Matul l-2007 kien hemm total ta' 85 messaġġ ippubblikat (1,6 messaġġi fil-ġimgħa), b'total ta' 300 kumment. Mill-85 messaġġ, 26 kienu messaġġi ta' informazzjoni, 32 messaġġi b'livell ta' attivazzjoni 1, tlieta b'livell ta' attivazzjoni 2, u wieħed kien messaġġ b'livell ta' attivazzjoni 3. Tlieta u għoxrin messaġġ kienu dwar miżuri meħuda bħala reazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi (12-il messaġġ dwar miżuri adottati, tmienja dwar miżuri ta' koordinazzjoni, u tlieta dwar miżuri maħsuba). L-oriġini ġeografika tal-inċidenti kienet: l-Italja (9); ir-Renju Unit (8); l-Indja (6); Spanja, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Ungerija (4 kull wieħed); Franza, l-Iżvezja, il-Portugall, il-Polonja, l-Estonja, il-Vjetnam, ir-Repubblika Ċeka, il-Kanada, Malta u l-Bulgarija (2); id-Danimarka, il-Belġju, il-Litwanja, it-Turkija, il-Latvja, in-Norveġja, il-Finlandja, it-Tajlandja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Domenikana, in-Niġerja, il-Lussemburgu, iċ-Ċina u l-Uganda (wieħed kull wieħed). Erba' avvenimenti involvew aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, u avveniment wieħed involva aktar minn pajjiż Ewropew wieħed barra mill-UE. Avveniment wieħed ma ġiex identifikat skont l-oriġini ġeografika. Mija disgħa u ħamsin messaġġ, li għandhom x'jaqsmu ma’ 14-il avveniment, kienu ppubblikati permezz tal-mezz selettiv ta' skambju.

Għaxar avveniment kellhom x'jaqsmu mat-tuberkolożi u l-influwenza; sebgħa ma' leġjonellosi; ħamsa ma’ dijarea u salmonellożi; erbgħa ma' kolera u ħosba; tlieta ma’ dijarea akuta; tnejn ma' deni, avvelenament mill-ikel, deni emoraġiku u tuberkolożi li hi reżistenti għal diversi mediċini; u wieħed kull wieħed ma' cryptosporidiosis, laryngitis, melioidosis, meninġite, gattone, pnewmonja, rabja, settiċemija, xigellosi, sifilide, trichinosis u vCJD. Sittax-il messaġġ kienu kwotati bħala 'mhux applikabbli' u wieħed kien 'mhux imniżżel'.

5. REAZZJONI U SEGWITU TAL-AVVENIMENTI EWLENIN IKKOMUNIKATI FL-2007

5.1. It-tuberkulosi

Għaxar avvenimenti li għandhom x'jaqsmu mat-tuberkulosi kienu kkomunikati fl-2007. Erbgħa kellhom x'jaqsmu ma’ titjiriet ta' aktar minn tmien siegħat (Franza, l-Italja (2) u l-Ġermanja). Avveniment wieħed involva persuna li taħdem fi skola tat-trabi li kienet tilqa' fiha tfal minn diversi pajjiżi tal-UE (il-Lussemburgu). Inċident wieħed ikkonċerna pazjent li kien qed jattendi kors tas-sajf f'kulleġġ internazzjonali (l-Italja). Żewġ avvenimenti kellhom x'jaqsmu ma' każijiet ta' tuberkulosi li hi reżistenti għal diversi mediċini (MDR-TB) li kienu qed jivvjaġġaw b'karozza tal-linja (l-Iżvezja u Franza). Żewġ inċidenti involvew vjaġġi qosra tal-ajru: wieħed b'MDR-TB (Malta), u wieħed b'tuberkulosi estensivament reżistenti għal diversi mediċini (XDR-TB) (l-Iżlanda).

Fost l-avvenimenti rrappurtati kien hemm każ ta' XDR-TB f'ċittadin Amerikan li kien qed jivvjaġġa fl-Ewropa, ikkomunikat fil-25 ta' Mejju mill-awtoritajiet ta' saħħa Taljani. Il-pazjent kien vjaġġa fuq titjira fit-tul mill-Atlanta (l-Istati Uniti) għal Pariġi (Franza). Huwa rritorna l-Kanada fuq titjira tal-Czech Airlines minn Praga għal Montreal u reġa' lura lejn l-Istati Uniti bil-karozza. Il-pazjent kien ddijanjostikat b'TB f'Marzu, u waqt li kien qed jivvjaġġa fl-Ewropa, kien infurmat, li t-tuberkulożi tiegħu kienet estensivament reżistenti għal diversi mediċini. L-ECDC għamlet valutazzjoni tat-theddida, u kkonkludiet li l-infettività tal-pazjent kienet baxxa ħafna u li ma kienx hemmx evidenza li XDR-TB hija aktar trasmissibbli mit-TB li hija sensittiva għal diversi mediċini. Madankollu, meta wieħed iqis is-serjetà tal-XDR-TB, l-ECDC irrakkomandat, bħala miżura prekawzjonarja, li tapplika l-linji ta' gwida tal-WHO fuq 'it-Tuberkolożi u l-Ivvjaġġar bl-Ajru' għaż-żewġ titjiriet trans-Atlantiċi (> titjiriet ta' tmien siegħat). Il-Kummissjoni ppresediet numru ta' laqgħat ta' koordinazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, l-ECDC, il-WHO, l-Istati Uniti, il-Kanada u d-Delagazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Uniti u l-Kanada, u ġew implimentati miżuri koordinati tal-ittraċċar. Meta tqieset l-attenzjoni għolja ħafna tal-midja tal-massa, ġie miftiehem li jkun hemm stqarrija għall-istampa. L-avveniment enfasizza l-bżonn li jissaħħaħ il-mekkaniżmu eżistenti għall-ittraċċar tal-kuntatt u li f'każ ta' bżonn tittieħed linja komuni mal-mezzi tal-massa.

Valutazzjoni tal-avvenimenti l-oħra tefgħet l-attenzjoni fuq kwistjonijiet bħal: (i) mistoqsijiet dwar ħarsien tad-dejta; (ii) il-potenzjal għal kreazzjoni ta' listi biex 'ma jtirux bihom' għall-UE; (iii) ir-responsabbilta' tal-linji tal-ajru u ta' kumpaniji tal-ivvjaġġar biex jiġbru, jipprovdu u jżommu d-dejta personali tal-ivvjaġġaturi għal miżuri ta' saħħa pubblika bħal dawn bħala ttraċċar tal-kuntatt; (iv) it-trasmissjoni ta' informazzjoni tal-passiġġieri lill-awtoritajiet ta' saħħa nazzjonali skont il-linji ta' gwida tal-WHO; u (v) ittraċċar tal-kuntatt biss f'każijiet ta' MDR/XDR-TB.

5.2. Chikungunya fl-Italja

L-awtorità tas-saħħa pubblika Taljana identifikat epidemija kkawżata mill-vajrus ta' Chikungunya fiż-żona ta' Ravenna u rrappurtat l-avveniment fit-30 ta' Awissu 2007. Saż-żmien tal-komunikazzjoni n-numru ta' każijiet kien 131 u l-kurva tat-tendenza epidemika kienet qed tonqos. Dan kien l-ewwel rapport ta' trasmissjoni indiġena tal-vajrus ta' Chikungunya fl-Italja u fl-Ewropa. L-epidemija kienet marbuta ma’ vjaġġatur li kien qed jirritorna mill-Indja. Trasmissjoni lokali kienet possibbli minħabba l-preżenza tan-nemusa Aedes albopictus fiż-żona. Ir-reazzjoni ta' malajr tal-awtorità tas-saħħa Taljana malajr temmet din l-epidemija. Informazzjoni kienet imxerrda b'mod ħafif permezz tal-EWRS, u l-Kummissjoni - flimkien mal-ECDC - għenet l-Istati Membri biex iqawwu t-tħejjija tagħhom, itejbu l-arranġamenti tagħhom ta' twissija u sorveljanza bikrija, iżidu l-kapaċità tagħhom biex jiddijanjostikaw Chikungunya, jimplimentaw miżuri ta' mira ta' sikurezza ematoloġika, u jintensifikaw l-iċċekkjar fuq oġġetti impurtati bħal lucky bambu u tajers użati (vettura probabbli għal importazzjoni tal-vector).

5.3. Il-ħosba fil-Belġju

Fit-30 ta' Ottubru 2007 il-Belġju kkomunikat epidemija ta' 22 każ ta' ħosba fost il-komunità ta' Lhud ortodossi f'Antwerp. L-indiċi tal-każ kien student Amerikan ta' 17-il sena, li kien qed jistudja f'Londra u jżur il-familjari tiegħu f'Antwerp. Epidemiji preċedenti ta' ħosba fil-komunitajiet Lhud ultra-ortodossi kienu ġew irrappurtati fir-Renju Unit u fl-Iżrael (importati mir-Renju Unit). Il-kopertura baxxa tat-tilqim kontra l-ħosba fil-komunità Lhudija ultra-ortodossa kienet apparentament il-kawża tal-epidemija. L-informazzjoni kienet iċċirkolata b'mod mgħaġġel mill-Belġju u nfirxet sew. Kollaborazzjoni mill-viċin mal-Kunsill Ewropew Lhudi kienet ta' valur importanti fil-mod ta' kif intlaħaq il-grupp vulnerabbli f'dawk il-komunitajiet fl-Unjoni Ewropea, li s-soltu jkollha għarfien baxx tar-riskju marbut ma’ kopertura baxxa dwar it-tilqim.

5.4. Il-leġjonellosi

F'Jannar, il-punti ta' kuntatt tal-EWRS fl-Isvezja, fil-Finlandja u fin-Norveġja kkomunikaw erba' każijiet tal-marda ta' Leġjonellosi ddijanjostikati f'mistiedna li qagħdu fl-istess lukanda fil-Phuket (it-Tajlandja). Il-każijiet kollha kienu rrappurtati lill-Grupp ta' Ħidma Ewropew għall-Infezzjonijiet tal-Leġjonella (EWGLI). Inħarġet stqarrija għall-istampa dwar miżuri adottati mill-Finlandja. L-istituti Nordiċi ħadmu mill-viċin mal-EWGLI u operaturi turistiċi, li nformaw lill-awtorità responsabbli f'livell lokali sabiex jidentifikaw u jittrattaw is-sors ta' infezzjoni biex jipprevjenu aktar każijiet. Ġiet stabbilita b'mod mgħaġġel proċedura tal-ittraċċar tal-kuntatt: Fejn possibbli kienu identifikati u kkuntattjati 284 turist Ewropew minn 11-il Stat Membru tal-UE. Il-persuni kkuntattjati kienu infurmati dwar l-espożizzjoni possibbli u mogħtija parir li jfittxu kura medikali kemm-il darba jiżviluppaw sintomi li jissuġġerixxu leġjonellosi. Passi simili kienu meħuda wara grupp tal-marda ta' Leġjonellosi f'lukanda Bulgara f'Lulju 2007.

6. VALUTAZZJONI TAL-AVVENIMENTI RRAPPURTATI VERSU KRITEJRI TAL-KOMUNIKAZZJONI

L-ECDC kienet mitluba mill-Kummissjoni biex tagħmel valutazzjoni ta' jekk l-avvenimenti rrappurtati skont id-Deċiżjoni 2119/98/KE qablux mal-kriterji speċifikati fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2000/57/KE. L-għan kien li jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'evidenza xjentifika biex jissaħħu l-arranġamenti ta' rappurtaġġ skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar mard li jittieħed u biex tiġi pprovduta bażi għall-użu aktar effiċjenti tal-għodda tal-IT. Ir-rapport sħiħ dwar il-valutazzjoni kien ippreżentat mill-ECDC u diskuss mal-Istati Membri u huwa disponibbli fuq talba. Il-figuri ewlenin huma spjegati fil-qosor hawn taħt.

Total ta' 195 inċident (livelli ta' attivazzjoni 1, 2, u 3) ikkomunikati permezz tal-EWRS bejn Mejju 2004 u Diċembru 2007 kienu rriveduti indipendentament minn tliet esperti tal-ECDC. Kull inċident kien ivvalutat biex jaraw jekk jaqbilx mal-erba’ kriterji fl-Anness I[2] mad-Deċiżjoni 2000/57/KE.

Mill-195 messaġġ li ċċirkolaw, 163 (83,6 %) qablu ma' tal-inqas wieħed mill-erba' kriterji f'Anness I. Tnejn u tletin (16,4 %) ma qablu mal-ebda kriterju. Ħafna mill-avvenimenti (104 -53,3 %) qablu ma’ kriterja waħda. Il-klassifikazzjoni ta' messaġġi ppubblikati skont in-numru tal-kriterji li qablu magħha hija mniżżla fit-tabella li ġejja.

Tip ta' messaġġ | Nru ta' messaġġi li jaqblu mal-kriterji fl-Anness I | Total |

0 | 1 | 2 | 3 |

Livell ta' attivazzjoni 1 tal-EWRS | 22 | 85 | 30 | 4 | 141 |

Livell ta' attivazzjoni 2 tal-EWRS | 10 | 17 | 21 | 48 |

Livell ta' attivazzjoni 3 tal-EWRS | 2 | 4 | 6 |

Total | 32 | 104 | 55 | 4 | 195 |

Mill-195 messaġġ ippubblikati, 11-il messaġġ qablu ma' kriterja 1 (5,6 %), 87 messaġġ ma' kriterja 2 (44,6 %), 36 messaġġ ma’ kriterja 3 (18,5 %) u 92 messaġġ ma' kriterja 4 (47,1 %).

L-erba’ raġunijiet ewlenin għal rappurtaġġ kienu: 66 messaġġ (33,8 %) kienu ppubblikati minħabba fatturi li indikaw potenzjal għal propagazzjoni internazzjonali; 35 messaġġ (17,9 %) biex jistaqsu jekk ġewx osservati jew irrappurtati riċentament f'pajjiż ieħor każijiet relatati b’mod epidemjoloġiku tal-istess marda; 26 (13,3 %) biex isiru jafu jekk kienx issuspettat li s-sors tal-epidemija huwa xi prodott tal-ikel jew oġġetti oħra li ġew impurtati jew esportati lejn/minn pajjiżi oħra; u 23 (11,8 %) minħabba li l-avveniment attira jew kien probabbli li jattira livell għoli ta' midja tal-massa internazzjonali jew attenzjoni politika.

Konformità mal-kriterji tal-komunikazzjoni fid-Deċiżjoni 2000/57/KE tidher li hija tajba, għalkemm hemm spazju sinifikanti għal titjib. Il-valutazzjoni żvelat xi ftit diffikultajiet fl-evalwazzjoni ta' jekk l-avvenimenti rrappurtati qablux mal-kriterji tal-EWRS fuq bażi esklussiva tal-informazzjoni pprovduta fil-qofol tal-messaġġ. Iż-żewġ kriterji ewlenin assoċjati mal-proċess ta' rappurtaġġ huma l-iggruppar ta' każijiet spazjali jew temporali tal-marda b'riskju ta' propagazzjoni bejn l-Istati Membri fil-Komunità (kriterju 2) u l-okkurrenza ta' marda li tista' teħtieġ azzjoni kkoordinata u fil-ħin mill-Komunità biex tiġi kkontrollata (kriterju 4). Huwa interessanti li wieħed jinnota li waħda mir-raġunijiet ewlenin għal rappurtaġġ hija l-attenzjoni politika jew tal-mezzi tal-massa li l-avveniment jista' jiġġenera. Se jkun meħtieġ xogħol addizzjonali biex tiġi analizzata t-tendenza tal-inċident irrappurtat (u mhux sempliċiment il-messaġġ) fuq medda ta' żmien biex ikun hemm aktar dettalji dwar progress fl-implimentazzjoni tal-proċess ta' komunikazzjoni u biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jingħataw għażliet dwar kif jistgħu jtejbuha. Aktar valutazzjoni tal-avvenimenti mhux irrappurtati permezz tal-EWRS se tkun ta' importanza kruċjali sabiex ikun hemm stampa sħiħa u biex tiġi vvalutata l-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament 2119/98/KE u mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/57/KE.

7. IR-REGOLAMENTI INTERNAZZJONALI TAS-SAħħA L-ġODDA (IHR)

Ir-Regolamenti Internazzjoni tas-Saħħa l-ġodda (IHR) ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fit-22 ta' Mejju 2005 u daħlu fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2007. L-Annessi mad-Deċiżjonijiet 2119/98/KE. 2000/96/KE 2000/57/KE ġew emendati biex jadattaw il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar mard li jittieħed għall-IHR il-ġodda. B'mod partikolari ġie introdott l-obbligu ta' rappurtaġġ, permezz tal-EWRS, tal-avveniment kollha li ġraw minħabba mard li jittieħed u li ġew ikkomunikati lill-WHO skont l-IHR (id-Deċiżjoni tat-28 ta' April 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2000/57/KE). Fl-interessi tal-konsistenza bejn il-komunikazzjonijiet lin-Netwerk Komunitarju u mill-Istati Membri lill-WHO skont l-IHR il-ġodda, ġiet żviluppata funzjoni ta' IT fl-EWRS biex tinforma lill-WHO dwar avvenimenti kkomunikati skont id-Deċiżjoni 2119/98/KE.

Biex tissodisfa l-ħtieġa espressa mill-Istati Membri għal forum ta' diskussjoni għall-koordinament tal-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-IHR, il-Kummissjoni stabbilixxiet, minbarra l-punti ta' kuntatt tal-EWRS, grupp ta' Punti Fokali Nazzjonali tal-IHR fl-Unjoni Ewropea, li ltaqa' għall-ewwel darba fi Stokkolma fil-31 ta' Mejju 2007. Il-maġġoranza tal-Istati Membri (23 mis-27), in-Norveġja u l-Iżlanda appuntaw bħala Punti Fokali Nazzjonali tal-IHR l-istess istituzzjonijiet magħżula bħala punti ta' kuntatt tal-EWRS. Il-Kummissjoni tippresedi dan il-grupp darbtejn fis-sena; il-WHO tipparteċipa f'dawn il-laqgħat, li jistgħu wkoll joffru opportunità li jirrevedu l-avvenimenti kkomunikati permezz tal-EWRS u jiddiskutu l-implikazzjonijiet tagħhom għal notifikazzjoni permezz tal-IHR. Il-Kummissjoni tipprevedi li toffri soluzzjonijiet addizzjonali biex issaħħaħ in-komunikazzjonijiet tal-IHR, li se jkunu assoċjati mill-viċin mas-sistemi eżistenti ta' komunikazzjoni elettroniċi tal-UE u li jkunu rrikonoxxuti sew mill-WHO.

8. TRASFERIMENT TAL-EWRS LILL-ECDC

Skont ir-Regolamenti bażi tagħha l-ECDC ilha mis-17 ta' Novembru 2007 tuża l-applikazzjoni tal-EWRS. Bħal fl-imgħoddi l-Kummissjoni tibqa' responsabbli għall-aspetti l-oħra, inkluża l-'awtorizazzjoni ta' ġestjoni ta' min juża s-servizz'. Il-punti ta' kuntatt tal-EWRS fl-Istati Membri għadhom appuntati b'mod formali billi jindirizzaw il-ħatriet u t-talbiet għal aċċess għall-Kummissjoni permezz ta' Rappreżentazzjonijiet Permanenti.

L-applikazzjoni attwali mhijiex differenti mill-applikazzjoni tal-EWRS preċedenti, u għalhekk ma hemmx differenza fl-użu tas-sistemà ħlief għal passwords u logins, billi politika ġdida dwar password ġiet introdotta biex issaħħaħ is-sigurtà (l-applikazzjoni l-ġdida hija issa aċċessibbli permezz tal-internet). Din l-applikazzjoni l-ġdida ilha aċċessibbli mis-17 ta' Novembru 2007 f': https://ewrs.ecdc.europa.eu.

9. KONKLUżJONIJIET

Ċifri għall-EWRS fl-2006 u fl-2007 jikkonfermaw it-tendenzi tas-snin preċedenti. In-numru u t-tipoloġija tal-messaġġi kkomunikati kienu kumparabbli mal-2004 u l-2005. Messaġġi ta' 'livell ta' informazzjoni' kienu l-maġġoranza tal-messaġġi tal-EWRS. In-numru totali ta' messaġġi li ġew iċċirkolati fl-2007 kien inqas minn dak tal-2006. Dan probabbilment jirriżulta min-numru akbar ta' messaġġi li għandhom x'jaqsmu mal-avvenimenti ta' influwenza avjarja kkomunikati fl-2006 aktar milli minn bidla fil-proċess ta' komunikazzjoni. Hija ppjanata analiżi addizzjonali tal-messaġġi kkomunikati minn meta kien hemm it-tnedija tal-għodda ta' IT tal-EWRS (1999) u għandha tiġġenera aktar evidenza dwar it-tendenza tal-użu tal-EWRS fuq medda ta' żmien u se tkun strumentali fl-armonizzazzjoni tal-użu tas-sistema, li tiffoka aktar fuq kwistjonijiet ta' ġestjoni milli fuq valutazzjoni.

Bħal fi snin preċedenti, numru limitat ta' avvenimenti rrappurtati fl-2006 u fl-2007 biss kellhom bżonn ta' koordinazzjoni madwar il-Komunità. Ir-rapport preżenti ffoka fuq l-avvenimenti li taw bidu għal din ir-reazzjoni f'livelli differenti u li enfasizzaw numru ta' żoni speċifiċi li għandhom bżonn aktar attenzjoni.

L-epidemija ta' Chikungunya fl-Italja enfasizzat ir-rwol potenzjali tal-bidla fil-klima fil-bdil tal-epidemjoloġija tal-marda li tinġarr minn vektor fl-UE u l-bżonn ta' approċċ reġjonali għal monitoraġġ u r-reazzjoni għal dawn il-mard (eż. vajrus tal-Punent tan-Nil). B'mod partikolari, dan wera li marda li għadha qatt ma ġiet irrappurtata fl-UE tista' dejjem tisfida l-kapaċitajiet għar-reazzjoni u l-koordinament f'livell Komunitarju.

Iż-żieda qawwija f'każijiet ta' ħosba rrappurtati minn numru ta' Stati Membri tenfasizza l-importanza li jkun hemm approċċ ikkoordinat biex jinkiseb u jinżamm livell għoli ta' kopertura dwar it-tilqim madwar l-Ewropa, bil-ħsieb tal-mira li tiġi eliminati l-ħosba sal-2010.

Proċeduri tal-ittraċċar tal-kuntatt kienu implimentati f'okkażjonijiet diversi. Ir-riżultati żvelaw li, għalkemm proċeduri ta' koordinazzjoni ġew stabbiliti b'mod mgħaġġel, mekkaniżmi għandhom jissaħħu sabiex jiġu traċċati malajr il-persuni kkonċernati u fl-istess ħin ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-ħarsien ta' data personali. Id-diffikultajiet maġġuri fil-ksib ta' data minn linji tal-ajru għadhom jeżistu.

Numru ta' avvenimenti kellhom bżonn ftehim dwar messaġġi tal-mezzi tal-massa indirizzata lil udjenzi kbar. Laqgħat ta' koordinazzjoni tal-awtoritajiet tal-EWRS fl-Istati Membri kienu partikolarment ta' użu għall-firxa ta' linji komuni li kellhom jittieħdu mal-mezzi tal-massa; madankollu, kien ċar li biex tiġi żviluppata forma ta' reazzjoni aktar strutturata hemm bżonn ta' aktar xogħol.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, megħjuna mill-ECDC, adattaw malajr għall-isfida tal-IHR il-ġodda. Leġiżlazzjoni eżistenti dwar mard li jittieħed diġà ġiet adattata u se tkun segwita fl-2010 minn proposta għal pakkett ta' strumenti legali li jkopru theddid għas-saħħa minn mard li ma jittieħedx. Fuq medda qasira ta' żmien, se jiġu proposti strumenti speċifiċi biex isaħħu l-ittraċċar tal-kuntatt għal skopijiet ta' saħħa pubblika. Ġew attivati mekkaniżmi biex jindirizzaw id-dimensjoni globali tal-avvenimenti rrapurtati barra mill-UE imma b'impatt possibbli f'livell Komunitarju, meta meħtieġ, sabiex tkun iffaċilitata u msaħħa l-ġestjoni ta' dawk l-avvenimenti filwaqt li jittieħed kont tar-riżorsi disponibbli bħall-Programm Ewropew għat-Taħriġ fl-Epidemjoloġija tal-Intervent (EPIET ) , li huwa issa kkoordinat mill-ECDC b'kollaborazzjoni mill-viċin tal-WHO.

Huwa ppjanat titjib sostanzjali tal-applikazzjoni tal-IT tal-EWRS sabiex tinkiseb konsistenza mal-għanijiet ewlenin ġodda ta' komunikazzjoni li l-Kummissjoni u l-ECDC qed jiżviluppaw. B'mod partikolari, ir-rabta mal-għan ewlieni EPIs tal-ECDC[3] se tipprovdi bażi soda għal skambju ta' informazzjoni epidemjoloġika dwar avvenimenti speċifiċi. L-għodda li l-Kummissjoni tuża biex tgħin lill-Istati Membri biex jifirxu data u informazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi se jgħinu lill-EWRS biex taħdem bla xkiel kull meta numru kbir ta' messaġġi jkunu ppubblikata permezz tas-sistema.

Finalment, xi ftit tibdiliet żgħar fl-applikazzjoni 'tfittxija sempliċi' (għeluq tal-avvenimenti, kontenut tal-messaġġ, sindromu/marda, patoġenu, raġuni ta' rappurtaġġ, u pajjiż tal-okkurrenza) huma neċessarji u se jiġu introdotti dalwaqt. Il-bżonn ta' dawn it-tibdiliet 'żgħar' kien identifikat wkoll fir-rapport preċedenti, iżda l-fażi tat-trasferiment tal-EWRS ippreveniet dan it-tip ta' titjib. [pic][pic][pic][pic][pic]

[1] ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.

[2] Avveniment għandu jiġi rrappurtat lill-EWRS jekk waħda jew aktar mill-kriterji li ġejjin ikunu sodisfatti:1. Epidemiji ta' mard li jittieħed li jestendi għal aktar minn Stat Membru wieħed tal-Komunità.2. Gruppi spazjali jew temporali ta' każijiet ta' mard ta' tip simili, jekk l-aġenti patoġeniċi jkunu l-kawża possibbli u jkun hemm ir-riskju ta' propagazzjoni bejn l-Istati Membri ġewwa l-Komunità.3. Gruppi spazjali jew temporali ta' każijiet ta' mard ta' tip simili barra l-Komunità, jekk l-aġenti patoġeniċi jkunu l-kawża possibbli u jkun hemm ir-riskju ta' propagazzjoni lejn il-Komunità.4. Il-feġġa jew il-qawmien mill-ġdid ta' mard li jittieħed jew ta' mikrobu li jinfetta li jista' jeħtieġ azzjoni fil-pront u koordinata tal-Komunità biex jiġi kontrollat.

[3] .

Top