Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1031

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet Trans-Atlantiċi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika ta’ Fuq fis-settur tat-trasport bl-ajru – konverġenza regolatorja ġenwina (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 306, 16.12.2009, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 306/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet Trans-Atlantiċi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika ta’ Fuq fis-settur tat-trasport bl-ajru – konverġenza regolatorja ġenwina (opinjoni esploratorja)

    2009/C 306/01

    Nhar il-15 ta’ Diċembru 2008, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Presidenza Ċeka tal-Unjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

    ir-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika ta’ Fuq fis-settur tat-trasport bl-ajru – konverġenza regolatorja ġenwina.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2009. Ir-relatur kien is-Sur KRAWCZYK.

    Matul l-454 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-10 u l-11 ta’ Ġunju 2009 (seduta tal-11 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’143 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1

    Fil-kuntest tat-traffiku interkontinentali tal-passiġġieri tal-ajru, ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Amerika ta’ Fuq hija l-iktar waħda importanti. Fl-2007 ġew trasportati il fuq minn 60 miljun passiġġier u iktar minn 3.1 miljuni tunnellati ta’ merkanzija. Dan jgħodd bħala l-iktar ċirkolazzjoni sinifikanti tat-traffiku tal-ajru bejn iż-żewġ reġjuni dinjija.

    1.2

    L-UE u l-Kanada u l-UE u l-Istati Uniti fetħu negozjati dwar il-ħolqien ta’ Żoni Miftuħa tal-Avjazzjoni (ŻMA). Il-kunċett taż-Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni jestendi l-libertà sħiħa tal-ajru liż-żewġ partijiet.

    1.3

    Fit-30 ta’ April 2007, il-Kummissjoni ffirmat it-test tal-ewwel stadju komprensiv tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (ftehim tal-ewwel stadju) mal-Istati Uniti tal-Amerika.

    1.3.1

    Għalkemm il-ftehim tal-ewwel stadju kien suċċess kbir, ma laħaqx l-objettiv prinċipali – il-ħolqien ta’ ŻMA.

    1.4

    Fit-30 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill tat-Trasport adotta pożizzjoni politika li tapprova l-firma tal-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada. Fis-6 ta’ Mejju 2009, matul is-summit bejn l-UE u l-Kanada fi Praga, ġie approvat politikament it-test finali ta’ dan il-ftehim.

    1.4.1

    Il-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada huwa l-ewwel ftehim tal-UE li jikseb ftuħ sħiħ tas-swieq, għad-drittijiet tat-traffiku u l-investiment, u, fl-istess ħin, jilħaq livell li qatt ma ntlaħaq qabel fil-konverġenza regolatorja u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet.

    1.4.2

    Il-KESE jilqa’ l-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Kanada bħala l-ewwel żvilupp ġdid segwenti tal-politika barranija tal-UE b’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2005.

    1.4.3

    Il-KESE jappoġġja bil-qawwa sforz min-naħa tal-Kummissjoni biex tikseb riżultati simili fin-negozjati tat-tieni stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti.

    1.5

    In-negozjati tat-tieni stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti, li bdew fl-2008, skont l-Artikolu 21 tal-ftehim tal-ewwel stadju, ser jinkludu dawn il-punti ta’ interess ewlieni għal parti waħda jew iż-żewġ partijiet: il-liberalizzazzjoni addizzjonali tad-drittijiet tat-traffiku, opportunitajiet addizzjonali għall-investiment barrani, id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ambjentali u r-ristrezzjonijiet infrastrutturali fuq id-drittijiet tat-traffiku, aċċess addizzjonali għat-trasportazzjoni ffinanzjata mill-gvern, u l-provvista ta’ inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ. Il-partijiet interessati Ewropej jistennew li n-negozjati tat-tieni stadju għandhom isaħħu iktar il-konverġenza regolatorja.

    1.5.1

    Il-KESE jixtieq ifakkar li l-ħin qed jagħfas u r-rappreżentanti awtorizzati mill-UE u l-Istati Uniti għandhom jerġgħu jibdew in-negozjati mill-iktar fis possibbli. Jekk ma jsir l-ebda progress sostanzjali sa Novembru 2010, l-UE tista’ tiddeċiedi li tissospendi ċerti drittijiet mogħtija lil-linji tal-ajru tal-Istati Uniti.

    1.5.2

    Il-kwistjonijiet marbuta max-xogħol għandhom jingħataw attenzjoni speċjali bħala parti importanti tan-negozjati tat-tieni stadju. L-appoġġ għall-impjegati huwa importanti ferm. Il-KESE jħeġġeġ lit-tieni Forum dwar ix-Xogħol, li ser jiġi organizzat f’Brussell f’Ġunju 2009, sabiex joħroġ b’riżultati tanġibbli f’forma ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet soċjali importanti.

    1.5.3

    L-implimentazzjoni ta’ Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni ser iżżid it-traffiku bejn l-UE u l-Istati Uniti u tista’ twassal għal konsegwenzi negattivi għall-ambjent. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi strateġika tal-impatt ambjentali tal-ftehim potenzjali.

    1.6

    Il-prijoritajiet tal-KESE għall-ftehim tat-tieni stadju – dan għandu jwassal għall-ingredjenti essenzjali ta’ ŻMA:

    it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq is-sjieda u l-kontroll,

    it-tneħħija ta’ kull prattika diskriminatorja fis-suq,

    id-dritt tal-istabbiliment, sabiex ikunu jistgħu jsiru mergers, akkwisti u dħul ġdid transkonfinali,

    kooperazzjoni regolatorja u konverġenza kemm jista’ jkun, b’limiti raġonevoli,

    it-tneħħija ta’ ostakoli mhux meħtieġa għall-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE minħabba miżuri eċċessivi tas-sigurtà imposti mill-Istati Uniti.

    1.7

    Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jappoġġja n-negozjati tat-tieni stadju billi jagħtihom prijorità politika għolja u jippermetti konsultazzjonijiet permezz tad-Djalogu Trans-Atlantiku dwar ix-Xogħol (TALD) u d-Djalogu Trans-Atlantiku dwar l-Ambjent (TAED) kif ukoll djalogi oħrajn affiljati uffiċjalment mal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.

    1.8

    Il-Ftehim dwar l-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Kanada għandu jservi bħala r-referenza għall-Ftehim tat-tieni stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-bidla tista’ sseħħ - dan huwa l-messaġġ prinċipali tan-negozjati bejn l-UE u l-Kanada.

    2.   Daħla

    2.1

    Skont id-data tal-Ewrostat għat-traffiku interkontinentali tal-passiġġieri tal-ajru, ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Amerika ta’ Fuq hija l-iktar waħda importanti. Fl-2007 ġew trasportati ’l fuq minn 60 miljun passiġġier (tkabbir ta’ 5.6 % meta mqabbel mal-2006; 22.3 % ta’ traffiku addizzjonali mill-UE-27).

    2.2

    Skont l-IATA, fir-rotta tal-Atlantiku ta’ Fuq bejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa (li tinkludi r-Russja), fl-2007 it-traffiku tal-passiġġieri żdied b’7.6 % għal 57.3 miljun passiġġier (meta mqabbel mal-2006). Dan jgħodd bħala l-iktar ċirkolazzjoni sinifikanti tat-traffiku bl-ajru bejn iż-żewġ reġjuni dinjija.

    2.3

    Fl-2007 ġew trasportati 3.1 miljuni tunnellatti ta’ merkanzija bejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa, u dan wassal sabiex din ir-rotta ssir waħda mit-tliet rotot globali prinċipali tat-trasport.

    2.4

    Ir-raġunijiet għall-kobor tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE u l-Istati Uniti huma ġeografiċi, kulturali u ekonomiċi. Fl-2007 l-UE u l-Istati Uniti waħidhom kienu jgħoddu għal 40 % tal-kummerċ dinji u 60 % tal-Investiment Barrani Dirett. M’hemm l-ebda dubju li l-avjazzjoni kkontribwixxiet għall-iżvilupp ta’ din l-ikbar relazzjoni fil-kummerċ u l-investiment fid-dinja. Ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Kanada hija b’saħħitha wkoll (l-UE hija t-tieni l-ikbar investitur dirett fil-Kanada).

    2.5

    Ir-relazzjoni ekonomika ġenerali bejn l-UE u l-Amerika ta’ Fuq hija appoġġjata minn kooperazzjoni regolatorja iktar stretta. Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, li twaqqaf fl-2007, iservi bħala forum ta’ livell għoli għad-diskussjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-kwistjonijiet ekonomiċi strateġiċi bil-għan ta’ konverġenza regolatorja addizzjonali u t-tisħiħ tal-kummerċ u l-investiment. Bħalissa qed isir taħdit preliminari dwar il-possibbiltà ta’ ftehim ta’ kummerċ bejn l-UE u l-Kanada.

    2.6

    Dan qed isir fil-kuntest tal-kooperazzjoni regolatorja u ekonomika bejn l-UE u l-Kanada u l-UE u l-Istati Uniti għall-ħolqien ta’ Żoni Miftuħa tal-Avjazzjoni (ŻMA). Skont studju li twettaq f’isem il-Kummissjoni (u li sar qabel il-kriżi attwali) Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, matul l-ewwel 5 snin, tista’ tfisser żieda ta’ iktar minn 25 miljun passiġġier addizzjonali, tista’ tiġġenera ’l fuq minn EUR 15-il biljun f’benefiċċji għall-konsumaturi u toħloq 80 000 impjieg ġdid fl-UE u l-Istati Uniti flimkien. Dan ikun possibbli permezz:

    tat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni (eżistenti fi żmien il-ftehimiet bilaterali għas-servizzi bl-ajru),

    tal-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni mtejba bejn il-linji tal-ajru permezz ta’ alleanzi iktar profondi,

    tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-linji tal-ajru minħabba iktar pressjoni mill-kompetizzjoni.

    2.6.1

    L-implimentazzjoni ta’ Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni ser iżżid it-traffiku bejn l-UE u l-Istati Uniti u dan jista’ jwassal għal konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent, li jinkludu: żieda fl-emissjonijiet, skart addizzjonali u iktar storbju. Fil-passat dawn il-fatturi ġew indirizzati flimkien ma’ kwistjonijiet ambjentali oħra, iżda ma tantx kellhom suċċess.

    2.7

    Il-kunċett taż-Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni jestendi l-libertà sħiħa tal-ajru liż-żewġ partijiet, ineħħi r-restrizzjonijiet fuq l-investiment minn entitajiet barranin u jippermetti l-kiri tal-ekwipaġġ (wet-leasing) tal-inġenji b’kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni u li jkunu trasparenti. Dan il-kunċett iħaddan impenn ġenerali għall-konverġenza regolatorja u għall-armonizzazzjoni tal-istandards tat-trasport fil-qasam tas-sikurezza, is-sigurtà u l-ambjent.

    3.   In-negozjati tal-ewwel stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti

    3.1

    Il-Kummissjoni tat bidu għan-negozjati ta’ ftehim tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq il-bażi ta’ mandat li nftiehem fil-Kunsill tat-Trasport tal-5 ta’ Ġunju 2003.

    3.2

    Fit-30 ta’ April 2007, il-Kummissjoni ffirmat it-test tal-ewwel stadju komprensiv tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (ftehim tal-ewwel stadju) mal-Istati Uniti tal-Amerika li ilu japplika mit-30 ta’ Marzu 2008. Dan il-ftehim jissostitwixxi l-ftehimiet bilaterali eżistenti li kkonkludew l-Istati Membri.

    3.3

    L-elementi prinċipali tal-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti huma dawn:

    3.3.1

    Aċċess għas-Suq

    Il-kunċett ta’ “trasportatur Komunitarju” li jippermetti lil-linji tal-ajru tal-UE itiru lejn l-Istati Uniti minn kwalunkwe post fl-UE;

    it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq ir-rotot internazzjonali bejn l-UE u l-Istati Uniti;

    it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-ipprezzar tar-rotot kollha bejn l-UE u l-Istati Uniti;

    Code Sharing mingħajr restrizzjonijiet bejn l-UE, l-Istati Uniti u linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi;

    il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal-linji tal-ajru biex joffru l-kiri tal-ekwipaġġ (wet-leasing) tal-inġenji lil-linji tal-ajru Amerikani biex jintuża fir-rotot internazzjonali bejn l-Istati Uniti u kwalunkwe pajjiż terz ieħor.

    3.3.2

    Kooperazzjoni regolatorja

    Sigurtà: l-Istati Uniti aċċettat it-talba tal-UE li tikkunsidra l-miżuri ta’ sigurtà diġà applikati fl-UE;

    Sikurezza: proċeduri għall-konsultazzjoni f’każ ta’ problemi fis-sikurezza u r-rikonoxximent tal-iżvilupp tar-responsabbiltajiet ta’ sikurezza fil-livell tal-UE;

    Kumitat Konġunt: it-twaqqif ta’ Kumitat Konġunt li jkun responsabbli għas-soluzzjonijiet ta’ kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim, inklużi l-kwistjonijiet soċjali;

    kompetizzjoni: impenn biex jiġu promossi l-approċċi regolatorji kompatibbli;

    is-sussidji u l-appoġġ min-naħa tal-gvern: ir-rikonoxximent li s-sussidji mill-gvern jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni; Kumitat Konġunt għandu jżomm inventarju tal-kwistjonijiet li jqumu miż-żewġ naħat;

    l-ambjent: ir-rikonoxximent tal-possibbiltà li l-linji tal-ajru tal-Istati Uniti jistgħu jkunu soġġetti għat-tassazzjoni tal-karburant tal-avjazzjoni fuq ir-rotot bejn l-Istati Membri jekk żewġ Stati Membri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi Komunitarja li jneħħu l-eżenzjoni fiskali eżistenti.

    3.3.3

    Sjieda u kontroll

    Il-linji tal-ajru tal-Istati Uniti: garanziji dwar il-persentaġġ awtorizzat għas-sjieda minn ċittadini tal-UE, li jinkludu l-possibbiltà li tinqabeż il-50 % tal-ishma totali, garanzija ta’ kunsiderazzjoni ġusta u bla telf ta’ żmien ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu l-investiment tal-UE fil-linji tal-ajru tal-Istati Uniti;

    Il-linji tal-ajru tal-UE: id-dritt għal limitu fuq l-investiment mill-Istati Uniti fil-linji tal-ajru tal-UE b’mod reċiproku għal 25 % ta’ ishma b’poter ta’ votazzjoni, aċċettazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti ta’ kwalunkwe linja tal-ajru tal-UE b’sjieda jew kontroll minn ċittadini tal-UE jew tal-ECAA;

    Linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi: aċċettazzjoni unilaterali mill-Istati Uniti ta’ sjieda tal-UE u/jew kontroll ta’ kwalunkwe linja tal-ajru tal-EEA, l-ECAA u 18-il pajjiż Afrikan.

    3.3.4

    Kwistjonijiet oħra

    Ground handling: dispożizzjonijiet tradizzjonali li jiggarantixxu l-aċċess għas-servizzi tal-ground handling;

    Kwistjonijiet marbuta mal-attività ekonomika: dispożizzjonijiet marbuta, pereżempju mad-dritt ta’ stabbiliment ta’ uffiċċji, ta’ żamma ta’ persunal, u li jiġi ngaġġat persunal għall-bejgħ fit-territorju tal-parti l-oħra;

    Sistemi ta’ riżervazzjonijiet elettroniċi: l-Istati Uniti aċċettat id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-provvedituri Ewropej ta’ dawn ir-riżervazzjonijiet id-dritt li joperaw fl-Istati Uniti, fejn l-Istati Uniti għad trid tikkommetti ruħha fil-kuntest tal-GATS/WTO.

    3.4

    Il-ftehim tal-ewwel stadju kien pass importanti fit-triq lejn il-ħolqien ta’ ŻMA. Dan stabbilixxa prinċipji importanti għall-kooperazzjoni regolatorja, u waqqaf il-Kumitat Konġunt biex jissorvelja l-progress. Il-ftehim ikkontribwixxa għat-tneħħija ta’ xi ostakoli għall-aċċess tas-suq.

    3.5

    Għalkemm il-ftehim tal-ewwel stadju kien suċċess kbir, ma laħaqx l-objettiv prinċipali – il-ħolqien ta’ ŻMA. B’mod partikolari, il-ftehim tal-ewwel stadju mhuwiex ibbilanċjat f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess tas-suq għal-linji tal-ajru Amerikani – dawn jingħataw id-drittijiet tal-ħames libertà mingħajr restrizzjonijiet fl-UE, iżda l-linji tal-ajru tal-UE ma jibbenefikawx minn drittijiet reċiproċi fis-suq Amerikan (id-drittijiet tal-5 libertà jagħtu lil-linji tal-ajru d-dritt li jittrasportaw il-passiġġieri tagħhom minn pajjiżhom lejn il-parti l-oħra u wara dan lejn pajjiżi terzi). Ċerti prattiki tas-suq għadhom jiffavorixxu l-linji tal-ajru Amerikani (pereżempju il-programm Fly America). Finalment, dan jippermetti lill-investituri tal-Istati Uniti biex ikollhom sehem akbar fl-ishma b’poter ta’ votazzjoni fil-linji tal-ajru tal-UE (49 %) milli jista’ jkollhom l-investituri tal-UE fil-linji tal-ajru Amerikani (25 %).

    3.6

    Iż-żewġ naħat ftiehmu li jkomplu bit-tieni stadju tan-negozjati li jibdew 60 ġurnata wara li jkun daħal fis-seħħ l-ewwel stadju.

    4.   Il-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Kanada

    4.1

    Fil-bidu ta’ Ottubru 2007, wara l-konklużjoni tal-ftehim tal-ewwel stadju mal-Istati Uniti, il-Kummissjoni rċeviet mandat ta’ negozzjazzjoni mill-Kunsill biex tagħti bidu għal negozjati dwar il-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Kanada. Wara erba’ sessjonijiet ta’ negozjati, u wara l-istruzzjoni li ngħatat mis-summit bejn l-UE u l-Kanada fl-2008 f’Quebec, l-abbozz ta’ ftehim dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Kanada inbeda mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2008. Fit-30 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill tat-Trasport adotta pożizzjoni politika li tapprova l-firma tal-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada. Fis-6 ta’ Mejju 2009, matul is-summit bejn l-UE u l-Kanada fi Praga, ġie approvat politikament it-test finali ta’ dan il-ftehim.

    4.2

    Il-punti prinċipali ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim huma dawn:

    4.2.1

    Kooperazzjoni regolatorja:

    Sigurtà f’post uniku (one-stop security) u kooperazzjoni stretta,

    Artikolu b’saħħtu dwar il-kooperazzjoni ambjentali: ftehim dwar l-importanza tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam u l-libertà tal-partijiet li jieħdu l-miżuri,

    Ftehim ċar dwar l-importanza ta’ kwistjonijiet soċjali, kooperazzjoni fuq affarijiet soċjali permezz tal-Kumitat Konġunt,

    Ir-rwol tal-Kumitat Konġunt li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim,

    Rikonoxximent reċiproku tal-istandards tas-sikurezza u l-kooperazzjoni stretta,

    Mekkaniżmu tal-kummerċ li jippermetti li jittieħdu miżuri f’każ ta’ prattiki diskriminatorji u trattament inġust.

    4.2.2

    Id-drittijiet tat-traffiku u l-investiment: il-ftehim jipprevedi ftuħ gradwali tal-limiti tad-drittijiet tat-traffiku u s-sistema tal-investiment u l-kontroll f’erba’ stadji kif ġej:

    fl-ewwel stadju, il-limitazzjonijiet kollha eżistenti għat-traffiku bejn l-UE u l-Kanada ser jitneħħew,

    fit-tieni stadju, in-naħa Kanadiża tiftaħ l-investiment fil-linji tal-ajru tagħha sa 49 % u mbagħad il-linji tal-ajru Kanadiżi jingħataw drittijiet addizzjonali għat-traffiku,

    fit-tielet stadju ż-żewġ naħat jippermettu lil-linji tal-ajru tal-parti l-oħra li jistabbilixxu ruħhom fit-territorji rispettivi tagħhom, il-linji tal-ajru ser jirċievu d-dritt li jittrasportaw il-passiġġieri tagħhom minn pajjiżhom lejn il-parti l-oħra u wara lejn pajjiżi terzi (drittijiet sħaħ għall-5 libertà),

    ir-raba’ stadju – id-dritt tas-sjieda u 100 % kontroll tal-linji tal-ajru tal-parti l-oħra u d-dritt għall-kabotaġġ.

    4.3

    Il-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada huwa l-ewwel ftehim tal-UE li jikseb ftuħ sħiħ tas-swieq, għad-drittijiet tat-traffiku u l-investiment, u, fl-istess ħin, jilħaq livell li qatt ma ntlaħaq qabel fil-konverġenza regolatorja u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet.

    4.4

    Il-KESE jilqa’ l-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Kanada bħala l-ewwel żvilupp ġdid suċċessiv tal-politika barranija tal-UE b’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2005.

    4.5

    Il-KESE jappoġġja bil-qawwa sforz min-naħa tal-Kummissjoni biex jinkisbu riżultati simili fin-negozjati tat-tieni stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti.

    5.   In-negozjati tat-tieni stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti

    5.1

    Permezz tal-Artikolu 21 tal-ftehim tal-ewwel stadju, in-negozjati tat-tieni stadju ser jinkludu l-punti li ġejjin li huma ta’ interess prijoritarju għal parti waħda jew iż-żewġ partijiet:

    il-liberalizzazzjoni addizzjonali tad-drittijiet tat-traffiku;

    l-opportunitajiet addizzjonali għall-investiment barrani,

    l-effett tal-miżuri ambjentali u l-limitazzjonijiet infrastrutturali fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku,

    l-aċċess addizzjonali għat-trasportazzjoni ffinanzjata mill-gvern, u

    il-provvista ta’ inġenji bl-ekwipaġġ.

    5.2

    Kif jurina l-proċess ta’ konsultazzjoni, il-partijiet interessati Ewropej jistennew li t-tieni stadju għandu jsaħħaħ iktar il-konverġenza regolatorja.

    5.3

    Jista’ jkun li l-partijiet jistgħu jiksbu iktar progress fit-tieni stadju fl-oqsma tal-kooperazzjoni li nbdew fl-ewwel stadju, pereżempju:

    Kooperazzjoni fis-sigurtà: f’dan il-qasam jeħtieġ li jsir iktar xogħol biex tinkiseb aċċettazzjoni reċiproka sħiħa tal-miżuri ta’ sigurtà ta’ kull parti,

    Sikurezza: ġew mifthiema abbozzi separati tal-ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, iżda dawn iltaqgħu ma’ dewmien minħabba t-tħassib min-naħa tal-Istati Uniti dwar stazzjonijiet barranin ta’ tiswija u l-miżati u n-nollijiet tal-EASA,

    Ambjent: iż-żewġ naħat ser jesploraw konformità iktar stretta fuq kwistjonijiet ambjentali matul it-tieni stadju,

    Kompetizzjoni: progress addizzjonali huwa importanti ħafna, iżda jaf ikun diffiċli minħabba l-proċeduri differenti fl-UE u l-Istati Uniti,

    Kumitat Konġunt: fid-dawl tal-esperjenza tal-ftehim tal-ewwel stadju l-Kumitat Konġunt għandu jingħata iktar poteri biex jieħu azzjoni fuq kwistjonijiet regolatorji marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi jew is-sussidji u l-għajnuna mill-gvern.

    6.   Kwistjonijiet marbuta max-xogħol

    6.1

    Il-kwistjonijiet marbuta max-xogħol għandhom jingħataw attenzjoni speċjali bħala parti importanti tan-negozjati tat-tieni stadju. B’mod partikolari, il-forum tal-avjazzjoni promettenti tal-UE u l-Istati Uniti dwar Il-liberalizzazzjoni u x-xogħol: il-passat, il-preżent u l-futur, li sar f’Washington DC f’Diċembru 2008 għandu jiġi elaborat iktar u r-riżultati għandhom jiġu kkunsidrati kemm jista’ jkun f’oqsma bħall-ftehimiet kollettivi, id-drittijiet individwali fil-kuntest tal-kuntratti, il-ħinijiet tax-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali, il-benefiċċji soċjali u r-rappreżentanza mit-trejdjunjins.

    6.2

    Il-KESE jħeġġeġ lit-tieni Forum dwar ix-Xogħol, li ser jiġi organizzat fi Brussell f’Ġunju 2009, sabiex joħroġ b’riżultati tanġibbli f’forma ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet soċjali importanti marbuta mal-implimentazzjoni futura ta’ ŻMA. L-appoġġ għall-impjegati huwa importanti ferm għas-suċċess tal-implimentazzjoni tan-negozjati tat-tieni stadju.

    6.3

    Id-Djalogu Trans-Atlantiku dwar ix-Xogħol (TALD) għandu jiġi involut fin-negozjati tat-tieni stadju. Fl-opinjoni tiegħu dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi: kif għandha tittejjeb il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili” (1), il-KESE wera l-appoġġ qawwi tiegħu għat-twaqqif mill-ġdid tat-TALD bħala parti mid-djalogu istituzzjonalizzat bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-KESE rrakkomanda wkoll it-tkabbir tal-grupp ta’ konsulenza tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biż-żieda tat-TALD u d-Djalogu Trans-Atlantiku Ambjentali.

    7.   L-isfida tal-ħin

    7.1

    Kif ftehmu l-partijiet tal-ftehim tal-ewwel stadju, hemm skeda ta’ żmien li fiha jridu jintemmu n-negozjati tat-tieni stadju:

    STADJU 1. (Mejju 2008 – Marzu 2009). Il-bidu tan-negozjati;

    STADJU 2. (Marzu 2009 - Novembru 2010). Il-formulazzjoni ta’ deċiżjoni fattibbli mill-amministrazzjoni Amerikana dwar is-sospensjoni potenzjali tad-drittijiet;

    STADJU 3. (Novembru 2010 – Marzu 2012). Deċiżjoni dwar is-sospensjoni potenzjali tad-drittijiet tat-traffiku – implimentazzjoni potenzjali f’Marzu 2012.

    7.2

    Jekk ma jsir l-ebda progress sostanzjali sa Novembru 2010, l-UE tista’ tiddeċiedi li tissospendi ċerti drittijiet mogħtija lil-linji tal-ajru tal-Istati Uniti. Il-KESE jixtieq ifakkar li l-ħin qed jagħfas u r-rappreżentanti awtorizzati mill-UE u l-Istati Uniti għandhom jerġgħu jibdew in-negozjati mill-iktar fis possibbli.

    8.   Il-prijoritajiet tal-KESE għall-ftehim tat-tieni stadju

    8.1

    Il-ftehim tat-tieni stadju għandu jwassal għall-ingredjenti essenzjali ta’ ŻMA:

    it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq is-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru tal-UE u l-Istati Uniti mill-UE u l-investituri Amerikani. It-tneħħja tar-restrizzjonijiet attwali tkun konsistenti għal kollox mal-Ftehim Qafas li ntlaħaq fis-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f’April 2007 li talab it-tneħħija ta’ ostakoli mhux neċessarji għall-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti;

    it-tneħħija ta’ kull prattika diskriminatorja fis-suq, b’mod partikolari il-programm Fly America;

    id-dritt tal-istabbiliment, sabiex ikunu jistgħu jsiru mergers, akkwisti u dħul ġdid transkonfinali;

    kooperazzjoni regolatorja u konverġenza kemm jista’ jkun, b’limiti raġonevoli;

    l-indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati max-xogħol li jinħolqu mill-implimentazzjoni tal-ftehim tal-ewwel stadju;

    it-tneħħija ta’ ostakoli mhux neċessarji għall-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE minħabba miżuri eċċessivi għas-sigurtà imposti mill-Istati Uniti.

    8.2

    In-negozjati tat-tieni stadju – minħabba l-importanza tagħhom – għandhom jingħataw l-ikbar attenzjoni billi jiġu inkorporati fl-aġenda tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku. Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku biex jappoġġja n-negozjati tat-tieni stadju billi jagħtihom prijorità politika għolja u jippermetti lill-konsultazzjonijiet permezz tat-TALD u djalogi oħrajn affiljati uffiċjalment mal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.

    8.3

    Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex (fil-bidu tan-negozjati tat-tieni stadju) twettaq analiżi strateġika tal-impatt ambjentali. Analiżi strateġika tal-impatt li tidentifika l-konsegwenzi negattivi potenzjali għall-ambjent tista’ tgħin, tneħħi jew tnaqqas kemm jista’ jkun dawk l-effetti negattivi fin-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti.

    8.4

    Il-Ftehim dwar l-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Kanada għandu jservi bħala r-referenza għall-Ftehim tat-tieni stadju bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-bidla tista’ sseħħ - dan huwa l-messaġġ prinċipali tan-negozjati bejn l-UE u l-Kanada.

    8.5

    L-implimentazzjoni b’suċċess tal-ftehim bejn l-UE u l-Kanada u l-konklużjoni pożittiva tan-negozjati tat-tieni fażi bejn l-UE u l-Istati Uniti jista’ jkollha influwenza pożittiva fuq żviluppi addizzjonali fil-ftehimiet tat-trasport bl-ajru bejn il-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-UE.

    9.   L-aspetti internazzjonali tal-ftehim potenzjali

    9.1

    Minħabba l-importanza taż-żewġ swieq rispettivi, il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu l-potenzjal li jwassal għal era ġdida fl-avjazzjoni, wara dik ta’ Chicago.

    9.2

    Billi jifforma “oasi” ta’ konverġenza regolatorja u ftuħ, miftuħ ukoll għal membri ġodda, il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu l-potenzjal li jissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-1994 ta’ Chicago billi jinfirex biex jinkludi Stati oħrajn tal-istess orjentazzjoni, u eventwalment li jitħeġġu iktar u iktar pajjiżi biex jirrevedu l-politiki tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-prinċipji ta’ dan il-ftehim.

    Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2009.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU C 228, 22.09.2009, p. 32.


    Top