EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0651

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Il-progress lejn l-ilħiq tal-miri ta’ Kjoto (meħtieġ skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto) {SEC(2008) 2636}

/* KUMM/2008/0651 finali */

52008DC0651

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Il-progress lejn l-ilħiq tal-miri ta’ Kjoto (meħtieġ skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto) {SEC(2008) 2636} /* KUMM/2008/0651 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.10.2008

KUMM(2008) 651 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

IL-PROGRESS LEJN L-ILĦIQ TAL-MIRI TA’ KJOTO

(meħtieġ skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto)

{SEC(2008) 2636}

WERREJ

1. SINTEŻI 3

2. IL-PROGRESS ATTWALI 1990-2006 5

2.1. Xejriet fl-emissjonijiet tal-GS 5

2.2. Emissjonijiet u intensitajiet tal-GS kull ras fl-2006 6

2.3. Emissjonijiet tal-GS fl-2006 mqabbla mal-2005 7

2.4. Xejriet tal-emissjonijiet fis-setturi ewlenin 8

3. PROJEZZJONIJIET TAL-PROGRESS LEJN L-ILĦIQ TAL-MIRA TA’ KJOTO 11

3.1. Projezzjonijiet mill-Istati Membri 11

3.1.1. L-UE-27 11

3.1.2. L-UE-15 11

3.1.3. L-UE-12 11

3.1.4. Pajjiżi kandidati 11

3.2. L-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew dwar il-Tibdil fil-Klima (ECCP) 14

3.3. L-implimentazzjoni tal-Iskema tal-UE tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) 15

3.3.1. L-ewwel perjodu ta’ skambju (2005 sal-2007) 15

3.3.2. It-tieni perjodu ta’ skambju tal-kwoti (2008 sal-2012) 15

3.3.3. Użu tal-JI u s-CDM mill-operaturi 16

3.4. Tbassir tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet 16

3.5. L-użu mbassar tal-bjar tal-karbonju 16

1. SINTEŻI

Fit-triq it-tajba biex nilħqu l-mira ta’ Kjoto, 2008-2012

Skont il-Protokoll ta’ Kjoto, l-UE-15 qablu li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra (GS) bi 8 % sal-2008-12, imqabbel mal-livelli fis-sena bażi1. Abbażi tal-aħħar dejta disponibbli fl-inventarju tal-20062, it-total tal-emissjonijiet tal-GS fl-UE-15 kien 2.7 % taħt l-emissjonijiet tas-sena bażi meta jiġu esklużi l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF). Mill-1990, l-ekonomija tal-UE-15 (espressa bħala PGD) kibret bi kważi 40 %. Fl-2006, l-emissjonijiet tal-GS tal-UE-15 naqsu b'0.8 % meta mqabbla mal-2005, filwaqt li l-ekonomija tal-UE-15 kibret bi 2.8 %.

Il-projezzjonijiet3 kif jidhru fil-Grafika 1 jindikaw li l-Komunità se tilħaq il-miri tagħha ta’ Kjoto. Barra minn hekk, is-setturi koperti bl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (EU ETS) huma wkoll mistennija jikkontribwixxu 3.3 % ta‘ tnaqqis – preżentament mhumiex inklużi kollha fl-estimi tal-projezzjonijiet (għad-dettalji ara t-Tabella 11 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD)).

Grafika 1: L-emissjonijiet attwali u l-projezzjonijiet għall-UE-15

[pic]

Sal-2010, tmien Stati Membri (SM) mill-UE-15, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Olanda, il-Portugall, l-Iżvezja u r-Renju Unit, preżentament qed jitbassar li jiksbu l-miri tagħhom billi jużaw il-politiki u l-miżuri eżistenti, il-bjar tal-karbonju u l-mekkaniżmi ta' Kjoto. Barra minn hekk, qed jitbassar li erba’ SM (l-Awstrija, il-Finlandja, Franza u l-Lussemburgu) jilħqu l-miri tagħhom waqt li jqisu wkoll politiki addizzjonali u miżuri ppjanati. Preżentament jitbassar li tliet SM (id-Danimarka, l-Italja u Spanja) ma jilħqux il-mira tagħhom ta’ Kjoto. Madankollu, id-differenzi bejn dawn il-projezzjonijiet tal-pajjiżi u l-miri rispettivi tagħhom tnaqqsu sostanzjalment mis-sena li għaddiet, b’mod partikolari fi Spanja u l-Italja. Barra minn hekk il-EU ETS u l-effetti tagħha fuq emissjonijiet nazzjonali fid-Danimarka u Spanja, li ma tqisux fil-projezzjonijiet ta’ din is-sena, għandhom jikkontribwixxu sostanzjalment għall-ilħiq tal-mira ta’ dawn il-pajjiżi.

Fl-2006, it-total ta’ emissjonijiet tal-GS tal-UE-27 kien ta’ 10.8 % taħt il-livelli tas-sena bażi mingħajr emissjonijiet u tneħħija permezz tal-LULUCF u 0.3 % anqas meta mqabbla mal-2005. Fl-2006, l-ekonomija tal-UE-27 kibret bi 3.0 %.

Minkejja l-fatt li jitbassar li f'ħafna mill-SM ġodda tal-UE-12 l-emissjonijiet se jiżdiedu bejn l-2006 u l-2010, disgħa minnhom li għandhom mira ta' Kjoto qed ibassru li jilħqu jew anke jaqbżu sew il-miri tagħhom ta' Kjoto permezz ta' politiki u miżuri eżistenti biss. Is-Slovenja tbassar li se tilħaq il-mira tagħha ta’ Kjoto biss waqt li tqis ukoll politiki u miżuri addizzjonali ppjanati, l-użu ta' mekkaniżi ta' Kjoto u l-bjar tal-karbonju.

Jinħtieġu miżuri ġodda biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża tal-UE għall-2020

Fil-ħarifa tal-2007, il-Kunsill Ewropew adotta l-impenn unilaterali li jnaqqas l-emissjonijiet tal-GS tal-UE-27 b’talanqas b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u bi 30 %, sakemm pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis komparabbli ta’ emissjonijiet, u li l-pajjiżi l-aktar avvanzati ekonomikament fost dawk li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.

Bħala segwitu tal-impenn tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett tat-tibdil fil-klima u l-enerġija f’Jannar 2008 flimkien ma’ miżuri leġiżlattivi li jkopru setturi ewlenin tal-ekonomija tal-UE. Il-miżuri proposti jinkludu: a) sistema aħjar għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS), b) mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet mill-industriji li mhumiex koperti mill-ETS (eż. agrikoltura, bini, trasport, skart) – emissjonijiet koperti bl-EU ETS għandhom jitnaqqsu b’21 % mil-livelli tal- 2005 sal-2020 u dawk mhux koperti bl-EU ETS b’10 % b’miri differenzjati għal kull SM skont il-livelli relattivi ta’ PGD/kapita attwali u projettati, c) miri li huma legalment infurzati biex jiżdied is-sehem tal-enerġija li tiġġedded fit-taħlita tal-enerġiji, u d) regoli ġodda dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, u dwar is-sussidji ambjentali.

Flimkien mal-pakkett, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll strateġija komprensiva ġdida biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi u vannijiet ġodda mibjugħa fl-Unjoni Ewropea. L-istrateġija l-ġdida għandha tippermetti lill-UE li tilħaq il-mira tagħha, stabbilita żmien ilu, li tnaqqas l-emissjonijiet medji tas-CO2 għal 120 gramma kull km4 sal-2012 – tnaqqis ta’ madwar 25 % mill-livelli tal-lum. L-istrateġija l-ġdida ssegwiha reviżjoni tal-istandards tal-UE tal-kwalità tal-fjuwil. Id-Direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil5 mhux biss ser tagħmel il-fjuwils infushom ‘aktar indaf’, iżda se tippermetti wkoll l-introduzzjoni ta’ vetturi u makkinarju li jniġġsu anqas. Id-Direttiva hija mistennija twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GS ta’ 10 % bejn l-2011 u l-2020. Dan għandu jnaqqas l-emissjonijiet b’500 miljun tunnellata ta’ CO2 sal-2020.

Il-Grafika 2 turi differenza sostanzjali bejn il-projezzjonijiet tal-SM għall-2020 u l-miri tal-UE għall-2020 li jeżiġu li l-UE taqbad pass ta’ tnaqqis ħafna ogħla fl-emissjonijiet wara l-2012 meta mqabbel mal-1990. Skont il-mira vera, fl-2020 it-tnaqqis fl-emmissjonijiet għandu jammonta għal 1 000 – 1 500 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 meta mqabbel ma’ projezzjonijiet attwali. Dan jikkonferma l-ħtieġa li l-UE u l-SM tagħha jaddottaw u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida mill-aktar fis possibbli.

Grafika 2: Emissjonijiet attwali u dawk imbassra għall-UE-27

[pic]

2. IL-PROGRESS ATTWALI 1990-2006

2.1. Xejriet fl-emissjonijiet tal-GS

Ix-xejra ġenerali tal-emissjonijiet tal-GS fl-UE hija ddominata bis-sħiħ mill-akbar żewġ emittenti, il-Ġermanja u r-Renju Unit, responsabbli għal madwar terz tat-total tal-emissjonijiet tal-GS fl-UE-27. Dawn iż-żewġ SM laħqu tnaqqis totali tal-emissjonijiet tal-GS ta’ 339 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 meta mqabbel mal-1990.

Ir-raġunijiet ewlenin għax-xejriet favorevoli fil-Ġermanja huma ż-żieda fl-effiċjenza fl-impjanti tal-enerġija u tat-tisħin u r-ristrutturazzjoni ekonomika tal-ħames Länder ġodda wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GS fir-Renju Unit kien riżultat ta’ titjib sostenzjali tal-effiċjenza fl-enerġija ikkawżat minn firxa wiesgħa ta’ politiki fis-setturi ewlenin li jużaw l-enerġija, u parti minnu b’konsegwenza tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, il-bidla ewlenija minn fjuwils b’użu aktar intensiv tal-karbonju, bħall-faħam u ż-żejt, lejn ġenerazzjoni tal-elettriku b'anqas jew b'ebda karbonju, bħal gass, enerġiji nukleari u li jiġġeddu, kif ukoll miżuri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-N2O fil-produzzjoni tal-aċidu adipiku.

L-Italja u Franza huma t-tielet u r-raba’ l-akbar emittenti, it-tnejn b’sehem ta’ 11 %. L-emissjonijiet tal-GS tal-Italja fl-2006 kienu madwar 10 % fuq il-livelli tal-1990. Iż-żidiet osservati mill-1990 fl-emissjonijiet tal-GS fl-Italja huma primarjament ġejjin mit-trasport bl-art, il-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana u r-raffinar taż-żejt. Fl-2006, l-emissjonijiet ta’ Franza kienu 4 % taħt il-livelli tal-1990. Fi Franza, intlaħaq tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-N2O fil-produzzjoni tal-aċidu adipiku, iżda l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bl-art żdiedu b’mod konsiderevoli bejn l-1990 u l-2006.

Spanja u l-Polonja huma l-ħames u s-sitt l-ikbar emittenti fl-UE-27, it-tnejn responsabbli għal madwar 8 % tat-total tal-emissjonijiet tal-GS tal-UE-27. Spanja żiedet l-emissjonijiet b’51 % bejn l-1990 u l-2006. Dan ġara l-iktar minħabba żidiet fl-emissjonijiet mit-trasport bl-art, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku, u l-industriji tal-manifattura. Il-Polonja naqqset l-emissjonijiet tal-GS bi 12 % bejn l-1990 u l-2006 (-29 % mis-sena bażi, li hi l-1988 fil-każ tal-Polonja). Il-fatturi ewlenin għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-Polonja – bħalma hu fil-każ tal-SM l-oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – kienu t-tnaqqis tal-industrija kbira li kienet tuża l-enerġija b’mod ineffiċjenti u r-ristrutturar ġenerali tal-ekonomija lejn tmien it-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet. L-eċċezzjoni notevoli kienet it-trasport (speċjalment it-trasport bl-art) fejn l-emissjonijiet żdiedu.

Fl-2006, 10 SM kellhom emissjonijiet tal-GS ’il fuq mil-livelli tas-sena bażi filwaqt li l-15-il SM l-oħra kellhom emissjonijiet taħt il-livelli tas-sena bażi. Ċipru u Malta ma għandhomx impenji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet skont il-protokoll ta’ Kjoto. F’dawk il-pajjiżi, l-emissjonijiet fl-2006 kienu ’l fuq mil-livelli tal-1990. It-tibdil fil-perċentwal tal-emissjonijiet tal-GS mis-sena bażi għall-2006 jvarja minn -55.7 % (l-Estonja) sa +49.5 % (Spanja).

2.2. Emissjonijiet u intensitajiet tal-GS kull ras fl-2006

Fl-2006, ċittadin tal-UE kellu emissjoni medja ta’ 10.4 ekwivalenza tas-CO2. Fl-UE-15, il-medja kienet 10.7 tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 kull ras, tnaqqis ta’ 0.2 tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 mqabbel mal-2005. Madankollu, l-emissjonijiet tal-GS kull ras juru differenzi sostenzjali madwar il-pajjiżi Ewropej. L-emissjonijiet kull ras għandhom korrelazzjoni mal-intensità tal-enerġija (konsum primarju tal-enerġija kull ras) u t-taħlita tal-enerġija (li teffettwa l-livell tal-emissjonijiet skont l-unità tal-enerġija prodotta) ta’ kull pajjiż.

Fil-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali, iż-żieda fl-emissjonijiet kull ras tista’ tkun riżultat ta’ konsum ogħla tal-enerġija kull ras li toriġina minn livelli għoljin ta' għixien, filwaqt li t-tnaqqis fl-emissjonijiet kull ras jista' jkun riżultat ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u sehem akbar ta’ għejun ta’ enerġija li tiġġedded fit-taħlita tal-enerġija ta’ pajjiż.

Fid-disgħinijiet, ix-xejriet tal-emissjonijiet kull ras segwew ix-xejriet ġenerali ta' tnaqqis għall-emissjonijiet totali tal-GS. Madankollu, wara l-2000, l-emissjonijiet kull ras baqgħu jonqsu fl-UE-15, filwaqt li baqgħu jiżdiedu fl-SM tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (-3.2 % u +4.2 % bejn l-2000 u l-2006 rispettivament). Fl-UE, l-emissjonijiet tal-GS kull ras żdiedu l-iżjed mill-1990 fi Spanja, il-Portugall, Ċipru u Malta – għalkemm għadhom ma laħqux il-medja tal-UE.

Il-Grafika 3 turi li l-emissjonijiet kemm fl-UE-15 kif ukoll fl-UE-27 qegħdin jonqsu, filwaqt li l-ekonomija kibret sontanzjalment. Dan jista’ jindika li kien hemm diżakkoppjar relattiv fl-UE-15 mill-1993, u fl-UE-27 mill-1996. Bejn l-1990 u l-2006, il-PGD fl-UE-27 żdied b’40 % waqt li l-emissjonijiet naqsu b’7.7 %,u matul l-istess perjodu fl-UE-15, iż-żieda fil-PGD kienet kważi 39 % bi tnaqqis ta’ 2.2 % fl-emissjonijiet tal-GS.

L-SM kollha tal-UE, ħlief il-Portugall, naqqsu sostanzjalment l-emissjonijiet tagħhom, filwaqt li l-ekonomija tagħhom kibret sew bejn l-1990 u l-2006. Ġew osservati tkabbir ekonomiku qawwi iżda wkoll emissjonijiet li naqsu fl-SM tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, minħabba trasformazzjonijiet fis-settur tal-manifattura bbażat fuq l-industrija kbira ineffiċjenti

Grafika 3: L-intensità tal-GS għall-UE-15 u l-UE-27, PGD, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 għall-UE-15

[pic]

2.3. Emissjonijiet tal-GS fl-2006 mqabbla mal-2005

Bejn l-2005 u l-2006, l-emissjonijiet fl-UE-27 naqsu b’14 Mt ta’ ekwivalenza tas-CO2. (0.3%). Dan it-tnaqqis ġenerali huwa rizultat ta’ żewġ xejriet differenti, filwaqt li l-emissjonijiet fl-UE-15 naqsu b’35 Mt ta’ ekwivalenza tas-CO2 (0.8 %), dawn żdiedu b’21 Mt ta’ ekwivalenza tas-CO2 (2.2 %) fl-SM l-oħra. L-emissjonijiet tal-GS naqsu jew kienu stabbli fl-UE-15 kollha ħlief fil-Finlandja u d-Danimarka. L-emissjonijiet żdiedu fi kważi l-SM l-oħra kollha, ħlief fl-Estonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.

L-emissjonijiet tal-GS mill-attivitajiet internazzjonali u domestiċi tal-avjazzjoni u t-trasport marittimu, komplew jiżdiedu malajr fl-2006. Il-kontribuzzjonijiet minn dawn is-setturi, attwalment mhux inklużi kollha taħt il-Protokoll ta’ Kjoto, żdiedu fl-UE-15 bi kważi 5.2 Mt tas-CO2 (avjazzjoni) u 11.4 Mt tas-CO2 (trasport marittimu).

L-emissjonijiet mit-trasport bl-art komplew jiżdiedu f’bosta pajjiżi, speċjalment fi Spanja u l-Polonja, filwaqt li naqsu notevolment fil-Ġermanja. Fi Spanja, iż-żieda kienet tirrifletti żieda fl-użu tad-diżil (5.1 %), li kien ipatti bil-wisq għat-tnaqqis fl-użu tal-petrol (-4.6 %). Fil-Polonja, il-konsum kemm tal-petrol kif ukoll tad-diżil żdied b'6.1 % u b'7.2 % rispettivament. It-tnaqqis Ġermaniż fl-emissjonijiet jirrifletti l-iktar konsum inqas ta’ petrol (-4.3 %).

Erba’ SM tal-UE-15 ikkontribwixxew sostanzjalment għat-tnaqqis ġenerali: Franza (14 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2), l-Italja (10 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2), Spanja (8 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2) u l-Belġju (5 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2). It-tnaqqis fl-emissjonijiet kien b’mod partikolari riżultat ta’ konsum anqas ta’ gass u żejt fid-djar u fis-servizzi. Dan kien ġej minn ħtiġijiet anqas ta’ tisħin fl-Ewropa minħabba sena aktar sħuna fl-2006, flimkien ma’ prezzijiet ogħla ta’ gass. Id-domanda għall-elettriku baqgħet ġeneralment stabbli fid-djar. Barra minn hekk, l-Italja naqqset sostanzjalment l-emissjonijiet tal-N2O mill-produzzjoni tal-aċidu adipiku minħabba tekniki ta’ mitigazzjoni (5 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2).

Fl-2006, it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-UE-15 kien l-aktar minħabba emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2 mill-produzzjoni pubblika tal-elettriku u s-sħana, id-djar u s-servizzi, u notevolment it-trasport fuq l-art.

L-emissjonijiet totali tal-GS żdiedu l-aktar fil-Polonja (14 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2), fil-Finlandja (11 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2) u fid-Danimarka (7 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2). Dawn iż-żidiet seħħew l-aktar fis-settur tal-provvista tal-enerġija u jirriflettu:

• żieda fil-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti tal-enerġija termali u konsum ogħla tal-fjuwils fossili minn djar fil-Polonja, kif ukoll żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija tal-ħadid u l-azzar;

• żieda fil-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam, tnaqqis fil-produzzjoni tal-elettriku mill-ilma u tnaqqis fl-importazzjoni netta tal-elettriku fil-Finlandja;

• żieda fil-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u tnaqqis fl-importazzjoni netta tal-elettriku fid-Danimarka .

Ir-Rumanija (5 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2) u r-Repubblika Ċeka (2 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2) ukoll ġarrbu żidiet notevoli fl-emissjonijiet totali tal-GS, li seħħew l-aktar fis-settur tal-provvista tal-elettriku (ir-Rumanija) u l-industrija kimika (ir-Repubblika Ċeka). Dawn iż-żewġ pajjiżi, flimkien mal-Italja, ġarrbu żidiet fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija tal-ħadid u l-azzar.

2.4. Xejriet tal-emissjonijiet fis-setturi ewlenin

Is-settur l-aktar importanti, kif spjegat fil-Grafika 4, huwa dak tal-enerġija (inkluż it-trasport) li fl-2006 kien kawża ta’ 80 % tal-emissjonijiet totali tal-UE-15. It-trasport jikkawża 21 % tal-emissjonijiet totali tal-GS, l-agrikoltura 9 %, il-proċessi industrijali 8 % u l-iskart 3 %.

It-tnaqqis sostanzjali f'kategoriji oħra ta’ sorsi għajr it-trasport kien ipatti għaż-żieda fis-settur tat-trasport (għal aktar dettalji ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Fil-qosor, meta mqabbel mal-1990, l-emissjonijiet tal-UE-15:

- mill-enerġija (għajr it-trasport) naqsu b’4 %,

- mit-trasport naqsu b’26 %,

- mill-proċessi industrijali naqsu bi 12 % l-aktar minħabba anqas emissjonijiet fil-produzzjoni tal-aċidu adipiku u l-produzzjoni tal-ħalokarboni u l-eżafluworidu tal-kubrit, iżda wkoll minħabba emissjonijiet anqas mill-produzzjoni tal-aċidu nitriku u mill-ħadid u l-azzar.

- mill-agrikoltura naqsu bi 11% minħabba tnaqqis fl-għadd ta’ baqar u tnaqqis fl-użu tal-fertilizzant minerali u d-demel,

- mill-iskart naqsu b’39 % minħabba emissjonijiet anqas tas-CH4 minn miżbliet ikkontrollati.

Grafika 4: Tibdil fl-emissjonijiet tal-GS tal-UE-15 skont is-settur u s-sehem tas-setturi fl-2006

[pic] Sors: EEA.

3. PROJEZZJONIJIET TAL-PROGRESS LEJN L-ILĦIQ TAL-MIRA TA’ KJOTO

3.1. Projezzjonijiet mill-Istati Membri

3.1.1. L-UE-27

Huwa mbassar li, sas-sena 2010, it-total tal-emissjonijiet tal-GS tal-UE-27 se jkun madwar 10.1% taħt il-livelli tas-sena bażi (ara t-Tabelli 7 u 8 tal-Anness). Din il-projezzjoni hija bbażata fuq l-istimi maħduma tal-SM stess li jqisu l-politiki u l-miżuri domestiċi kollha eżistenti. It-tnaqqis imbassar huwa ta’ 13.4 % meta jitqies l-effett tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto u l-bjar tal-karbonju u jista’ jilħaq 16.3 % jekk il-politiki u l-miżuri domestiċi addizzjonali li qed jiġu diskussi bħalissa kellhom jiġu implimentati fil-ħin u jagħtu r-riżultati kif stmat.

3.1.2. L-UE-15

It-tbassir kollu bbażat fuq il-politiki u l-miżuri domestiċi eżistenti juri li l-emissjonijiet tal-GS tal-UE-15 fl-2010 se jkunu 3.6 % taħt il-livelli tas-sena bażi (distanza ta’ 4.4 % mill-mira ta’ Kjoto). Meta jiġi inkluż,

1. l-użu mill-gvern tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto li mistennija li jrendu tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta’ 3 %, u

2. it-tneħħija totali minħabba l-attivitajiet tal-Artikolu 3.3 u 3.4 fl-UE-15 li tikkorispondi għal tnaqqis ta’ 1.3 %,

huwa mbassar li l-UE-15 inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 8.0 % sal-2010, u b’hekk jilħqu l-mira ta’ Kjoto. Għaldaqstant, minħabba l-inċertezzi eżistenti u l-mira ambizzjuża tal-UE ta‘ tnaqqis ta’ 20 % sal-2020, l-SM jridu bilfors mhux biss jiżguraw li t-tnaqqis fl-emissjonijiet jitwettaq fil-ħin permezz tal-politiki u miżuri eżistenti, izda wkoll li jgħaġġlu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni sħiħa tal-politiki u miżuri ppjanati tagħhom. Jekk nassumu li dawn il-miżuri jirrendu kif mistenni, it-tnaqqis globali projettat fl-emissjonijiet tal-GS jista' jitla' sa 11.3 % mqabbel mal-livelli tas-sena bażi.

Barra minn hekk, huwa stmat li d-deċiżjonijiet tal-Pjan Nazzjonali ta' Azzjoni (NAP) dwar l-allokazzjonijiet għat-tieni perjodu ta’ skambju skont l-EU ETS għandhom jikkontribwixxu madwar 3.3 % tal-mira ta’ Kjoto tal-UE-15 li sa issa għadu ma ddaħħalx għal kollox fil-projezzjonijiet tal-SM.

3.1.3. L-UE-12

L-emissjonijiet kollha mit-12-il SM l-oħra huma mbassra li jiżdiedu wara l-2006 iżda se jibqgħu 28.4 % taħt il-livelli tas-sena bażi tagħhom sal-2010. Madankollu, permezz ta’ miżuri addizzjonali, l-emissjonijiet huma mbassra li jitnaqqsu bi 2 % aktar. Is-Slovenja huwa l-uniku SM mill-UE-12 li għandu l-ħsieb li jinvesti f’mekkaniżmi ta’ Kjoto. Is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja beħsiebhom iqisu l-bjar tal-karbonju.

3.1.4. Pajjiżi kandidati

Fl-2006, l-emissjonijiet tal-Kroazja kienu kważi 31 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2, 14.4 % taħt l-emissjonijiet tas-sena bażi. Huwa projettat li l-Kroazja se teċċedi kemm kemm il-mira tagħha ta’ Kjoto meta jitqiesu l-miżuri eżistenti u l-bjar tal-karbonju, iżda għandha tilħaq u anke taqbeż il-mira bl-effett tal-miżuri (addizzjonali) ippjanati.

Fl-2006, l-emissjonijiet tat-Turkija kienu 332 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 meta mqabbla ma’ 170 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 fl-1990, żieda ta’ 95.1 %/ It-Turkija hija msieħba bħala Parti għall-Anness I fil-Qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Tibdil fil-Klima, iżda ma għandhiex obbligi ta’ tnaqqis skont l-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto. It-Turkija għadha ma rratifikatx il-Protokoll ta’ Kjoto.

Bejn l-1990 u l-2006, l-emissjonijiet tal-GS kull ras żdiedu kemm fit-Turkija kif ukoll fil-Kroazja. Madankollu, b’4.6 tunnellata fis-sena, l-emissjonijiet kull ras tat-Turkija huma inqas min-nofs il-medja tal-emissjonijiet kull ras tal-UE-27. Fiż-żewġ pajjiżi, il-livell tal-emissjonijiet kull PGD naqas ukoll, li jindika diżakkopjament bejn it-tkabbir ekonomiku u l-konsum tar-riżorsi.

Fil-preżent, mhemm l-ebda tagħrif disponibbli għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Grafika 5: Id-differenza relattiva bejn it-tbassir tal-GS għall-2010 (aktar jew anqas) u l-miri rispettivi għall-2010 bbażati fuq politiki u miżuri domestiċi ‘eżistenti’ u ‘addizzjonali’, l-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto u l-bjar tal-karbonju, u parti mill-effett tal-EU ETS.[pic]

3.2. L-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew dwar il-Tibdil fil-Klima (ECCP)

Fl-UE-27, valutazzjoni tal-politiki u l-miżuri tal-Istati Membri identifikat tmien Politiki u Miżuri Komuni u Kordinati (CCPMs) li huma kemm mifruxa u kif ukoll mbassra li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-GS fl-UE. Din hija d-Direttiva dwar l-EU ETS (effett smat mill-SM li qed jirraporta: 123 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2), fis-settur tal-provvista tal-enerġija, id-Direttiva dwar l-Enerġija li tiġġedded (RES-E) (relatatata mal-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded), fis-settur tat-trasport id-Direttiva dwar il-bijofjuwils u l-ftehim li jħaddan l-UE kollha (ACEA) ma’ manifatturi tal-karozzi, fis-settur tad-domanda għall-enerġija, id-Direttivi dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, it-taxxi fuq l-enerġija u l-promozzjoni tal-koġenerazzjoni (sħana u elettriku flimkien), u finalment il-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta’ Kjoto.

Flimkien ma’ dawn it-tmien politiki u miżuri ewlenin, kien hemm identifikati ħames CCPMs oħra li jitbassar li se jwasslu għal tnaqqis importanti fl-emissjonijiet madwar l-UE (minn 4 sa 7 miljun tunnellata ekwivalenza tas-CO2 għal kull politika). Dawn il-ħames politiki huma d-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma [landfills], ir-rekwiżiti għall-effiċjenza ta' bojlers tal-misħun ġodda, id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll Integrat ta' Tniġġis (IPPC), id-Direttiva dwar it-tikkettjar ta' apparat u l-programm dwar l-isfida tal-Mutur, immirat li ttejjeb l-effiċjenza fil-muturi industrijali tal-elettriku.

L-aqwa tmien politiki jwasslu għal 86 % tat-tnaqqis totali attribwit lis-CCPMs fl-UE-27. Dan juri l-importanza ta’ dawn il-politiki ewlenin biex jgħinu l-SM jiksbu l-impennji tagħħom għal tnaqqis fl-emissjonijiet.

L-istimi tal-2007 u l-2008 jixxiebħu ħafna. Fl-2007, 95 % tat-tnaqqis kollu mis-CCPMs kien kawża tal-aqwa 13-il politika, filwaqt li fl-2008 ċ-ċifra kienet 94 %.

Żviluppi riċenti

Il-pakkett dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija kien introdott f’Jannar 2008 u kien jinkludi:

3. il- EU ETS : Proposta leġiżlattiva6 biex twessa’, issaħħaħ u ttejjeb il-funzjonament tal-EU ETS wara l-2012.

4. Il- Qsim tal-Isforz : Proposta leġiżlattiva7 għal qafas għall-impennji nazzjonali biex jitnaqqsu l-emisssjonijiet li huma barra mill-ambitu tal-EU ETS.

5. L- Enerġiji li Jiġġeddu : Proposta leġiżlattiva8 biex is-sehem tal-enerġija li tiġġedded fil-konsum finali tal-enerġija fl-UE jiżdied b’20 % sal-2020, u dak tal-bijofjuwils fit-trasport jiżdied b’10 %.

6. Is- CCS: Il-politiki9 biex jixprunaw id-dimostrazzjoni bikrija tal-qbid u l-ħżin ġeoloġiku tal-karbonju, inkluż proposta leġiżlattiva għal qafas regolatorju10.

Żviluppi importanti oħrajni kienu jinkludu:

7. L- avjazzjoni: proposta leġiżlattiva adottata mill-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Lulju 2008 li tintegra l-avjazzjoni fl-EU ETS. Huwa stmat li total ta’ 183 miljun tunnellata ta’ CO2 se jitnaqqsu kull sena minn fuq it-titjiriet koperti bl-iskema li jiġu tnaqqis ta’ 46 % sal-2020 meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif kienet qabel.

8. Il- gassijiet fuworinati: l-adozzjoni ta’ Regolament u Direttiva (Lulju 2006) biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet fuworinati, inkluż dawk mill-arja kundizzjonati fil-karozzi. L-effett stmat tar-Regolament u d-Direttiva sal-2020 huwa ta’ madwar 40-50 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2 kull sena b’benefiċċji sħaħ tal-tneħħija għal kollox tal-HFC-134a fl-arja kundizzjonata.

9. Is- CO 2 u l-karozzi: Il-Komunikazzjoni (Frar 2007) li tistipula strateġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-proposta leġiżlattiva (Diċembru 2007) biex tistipula standards għall-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi.

10. Il- Fjuwils għat-trasport : proposta leġiżlattiva (Jannar 2007) biex tirrevedi d-Direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil li tinkludi miri għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GS assoċjati mal-produzzjoni ta’ petrol u dijżil.

11. L- Effiċjenza fl-Enerġija: Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija (Ottubru 2006), li tistipula 10 azzjonijiet ta’ prijorità biex jinkiseb tnaqqis sa 20 % fl-enerġija sal-2020.

12. Ir- Riċerka: il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija fl-Enerġija (SET Plan)11 (Novembru 2007) li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jaċċellera l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ karbonju baxx, billi dawn għandhom rwol kruċjali fil-kisba tal-miri tagħna dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima.

3.3. L-implimentazzjoni tal-Iskema tal-UE tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS)

Fl-2007, l-ammont totali ta’ emissjonijiet verifikati mill-installazzjonijiet tal-EU ETS fl-UE-27 kien 2.050 biljun tunnellata tas-CO2, 0.8 % ogħla mit-2.034 biljun tunnellata rreġistrati fl-2006. Madankollu, bl-aġġustament għad-dħul u l-għeluq ta’ installazzjonijiet mill-2006, li rriżultaw f’żieda netta ta’ 581 installazzjoni fis-sistema, l-emissjonijiet totali żdiedu biss b’0.68 % s-sena l-oħra.

3.3.1. L-ewwel perjodu ta’ skambju (2005 sal-2007)

Fil-medja, 10 675 installazzjoni pparteċipaw fl-ewwel perjodu ta’ skambju. Dawn l-installazzjonijiet irċevew drittijiet tal-emissjonijiet ta’ 2,155 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena u kkawżaw medja ta’ 3 %12 anqas ta’ emissjonijiet (2,084 miljun tunnellata tas-CO2 fis-sena). Is-sehem tal-EU ETS fl-2005 kien madwar 41% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE-25. Kważi żewġ terzi mill-installazzjonijiet kollha huma kklassifikati bħala installazzjonijiet tal-kombustjoni13 u dawn huma responsabbli għal 72 % tal-emissjonijiet globali. L-emissjonijiet verifikati kienu ogħla mill-allokazzjonijiet f’sitt SM biss (l-Awstrija, l-Irlanda, l-Italja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit).

3.3.2. It-tieni perjodu ta’ skambju tal-kwoti (2008 sal-2012)

Wara l-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni, il-limitu tal-UE kollha għall-2008 sal-2012 huwa ta’ 2.08 biljun allokazzjoni fis-sena, 10.4 % jew 243 miljun tunnellata tas-CO2 anqas minn dak propost fil-bidu fil-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Dan jimplika tnaqqis ta’ 6 % meta mqabbel mal-medja tal-emissjonijiet fl-2005 sal-2007. Dan jikkorrispondi għal tnaqqis medju li fil-fatt sar ta’ 12.7 % mill-allokazzjonijiet totali għal 23 SM u l-aċċettazzjoni tal-NAPs mingħajr qtugħ għal erba’ SM (id-Danimarka, Franza, is-Slovenja u r-Renju Unit).

3.3.3. Użu tal-JI u s-CDM mill-operaturi

Bħala parti mit-tieni NAPs, ġie stipulat limitu minn kull Stat Membru għall-użu massimu tal-krediti bbażati fuq proġetti mill-operaturi (JI u CDM). Total ta’ madwar 278 miljun ta’ CERs jew ERUs jistgħu jintużaw kull sena mill-installazzjonijiet tal-ETS mill-SM kollha fit-tieni perjodu ta’ skambju. Dan jikkorrispondi għal 13.4% tal-limitu tal-UE kollha għat-tieni perjodu ta’ skambju. Fil-verità jidher li aktarx li dan il-limitu sħiħ mhux se jintlaħaq.

3.4. Tbassir tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet

Tlettax-il SM pprovdew informazzjoni aġġornata jew konfermata fuq l-użu intenzjonat tagħhom tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto fl-2008 permezz ta’ kwestjonarju skont id-deċiżjoni tal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-KE. Għall-SM li jibqa’, intużat informazzjoni mogħtija qabel permezz tal-kwestjonarju dwar l-użu tal-mekkaniżmi ta' Kjoto kif indikat fit-tieni pjan ta’ allokazzjoni nazzjonali tad-Direttiva tal-ETS (2003/87/KE) (it-Tabella 12 tal-SWD).

10 SM tal-UE-15 u s-Slovenja ddeċidew li jużaw il-mekkaniżmi ta’ Kjoto biex jilħqu l-miri tagħhom ta’ Kjoto. Flimkien, dawn l-SM tal-UE-15 għandhom jilħqu 126.5 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza tas-CO2- kull sena bħala konfomità mal-ewwel perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kjoto. Dan jirrappreżenta madwar 3 % lejn il-mira ta’ Kjoto tal-UE-15 ta’ -8 %.

Dawn il-11-il SM flimkien iddeċidew li jinvestu madwar EUR 2.95 biljun biex ikollhom unitajiet permezz tal-JI, is-CDM jew l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. L-Awstrija, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall u Spanja allokaw l-akbar baġits ta’ (EUR 531 miljun, EUR 400 miljun, EUR 505 miljun, EUR 354 miljun u EUR 384 miljun, rispettivament, għall-perjodu ta’ impenn ta’ ħames snin).

3.5. L-użu mbassar tal-bjar tal-karbonju

B’żieda mal-politiki u l-miżuri li jimmiraw lejn is-sorsi varji tal-emissjonijiet tal-GS, l-SM jistgħu jagħmlu użu mill-bjar tal-karbonju (ara t-Tabella 13 fl-SWD). Fl-2008, ħdax-il SM ppreżentaw stimi aġġornati waqt li informazzjoni għal disa’ SM addizzjonali kienu ppreżentati fis-snin ta’ qabel. Seba’ SM qatt ma ppreżentaw il-kwestjonarju volontarju.

L-informazzjoni pprovduta sa issa tindika li s-sekwestrazzjoni totali netta matul il-perjodu ta’ impenn mill-attivitajiet ta’ afforestazzjoni u afforestazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 3.3 tal-Protokoll ta’ Kjoto se jkun ta’ madwar 23.9 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena; sekwestrazzjoni addizzjonali ta’ 0.4 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena ġiet irraportata mis-Slovenja. Barra minn hekk, l-użu tal-attivitajiet skont l-Artikolu 3.4 huwa mbassar li jikkontribwixxi 25.7 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena għall-perjodu ta’ impenn fl-UE-15. Dawn il-figuri jqisu l-allokazzjoni massima għall-ġestjoni ta’ foresti iżda ma jinkludux lil Spanja minħabba n-nuqqas ta’ dejta dettaljata. Flimkien mat-total ta’ Spanja, l-attivitajiet kollha skont l-Artikolu 3.3 u 3.4 fl-SM tal-UE-15 huwa mbassar li jnaqqsu l-emissjonijiet b'57.5 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena għall-perjodu ta’ impenn ekwivalenti għal kważi 17 % tal-impenn tat-tnaqqis tal-UE-15 ta’ 341 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena matul il-perjodu ta’ impenn imqabbel mal-emissjonijiet ta’ sena bażi. Ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovenja qed jistennew tnaqqis addizzjonali ta’ 5.9 miljun tunnellata tas-CO2 kull sena matul il-perjodu ta’ impenn.

Top