EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1615

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1615 tat-8 ta' Settembru 2016 li jemenda ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

C/2016/5661

ĠU L 242, 9.9.2016, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1615/oj

9.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1615

tat-8 ta' Settembru 2016

li jemenda ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 222(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Minbarra serje ta' miżuri eċċezzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni diffiċli tas-suq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib fuq il-bażi tal-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni awtorizzat ftehimiet u deċiżjonijiet volontarji dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib sabiex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559 (2) u fil-każ ta' kooperattivi u forom oħra ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib skont ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2016/558 (3) għal perjodu ta' sitt xhur li jibda mit-13 ta' April 2016.

(2)

L-ebda ftehim jew deċiżjoni konġunta ma ġiet rappurtata s'issa, peress li dan is-settur jeħtieġ iż-żmien biex jorganizza ruħu ħalli juża dan l-istrument il-ġdid, filwaqt li s-settur tal-ħalib għadu jħabbat wiċċu ma' żbilanċ serju ħafna fis-suq minħabba l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda madwar id-dinja kollha, fejn għandha rwol l-estensjoni sa tmiem l-2017 tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni.

(3)

Il-prezzijiet tal-ħalib mal-ħruġ mill-azjenda agrikola naqsu bi 8 % fl-2015 u bi 15 % oħra fl-ewwel ħames xhur tal-2016. F'Mejju 2016, il-medja tal-prezzijiet tal-ħalib fl-Unjoni kienet ta' 22 % anqas mill-medja tal-aħħar ħames snin. B'mod parallel, id-distakk bejn l-Istati Membri kompla jikber, b'xi Stati Membri jirrappurtaw prezzijiet 30 % inqas mill-medja tal-Unjoni. Fuq il-bażi ta' analiżi tas-suq disponibbli, l-ebda tnaqqis sinifikanti fil-volumi tal-produzzjoni ma hu mistenni sa tmiem l-2017.

(4)

Sabiex is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib jiġi mgħejjun isib bilanċ ġdid fl-iżbilanċ prevalenti ħafna fis-suq u biex jiġu akkumpanjati l-aġġustamenti meħtieġa wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib, huwa xieraq li jiġu awtorizzati l-ftehimiet u d-deċiżjonijiet volontarji msemmija fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/559 u tar-Regolament (UE) 2016/558 għal perjodu ulterjuri ta' sitt xhur. Billi l-kundizzjonijiet kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku u tal-kontenut imsemmija fl-Artikolu 222(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-obbligi ta' notifika rilevanti diġà ġew speċifikati fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/559, huwa xieraq li jiġi emendat dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/559 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Minħabba l-ammont kbir ta' żbilanċ fis-suq u l-bżonn li jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċertezza legali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/559 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 152(3)(b)(i) u l-Artikolu 209(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huma hawnhekk awtorizzati:

(a)

matul perjodu ta' sitt xhur li jibda fit-13 ta' April 2016 jew it-13 ta' Ottubru 2016 li jikkonkludu ftehim konġunt volontarj u jieħdu deċiżjonijiet komuni b'validità li tintemm sa mhux aktar tard mit-12 ta' Ottubru 2016 jew it-12 ta' April 2017, rispettivament, dwar l-ippjanar tal-volum tal-ħalib li għandu jiġi prodott; jew

(b)

li tiġi estiża l-validità ta' tali ftehimiet jew deċiżjonijiet konklużi jew mittieħda matul il-perjodu li jibda mit-13 ta' April 2016 għal perjodu li ma jaqbiżx it-12 ta' April 2017.”

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Sa mhux aktar tard minn 25 jum wara tmiem kull perjodu ta' sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kkonċernati għandhom jikkomunikaw il-volum tal-produzzjoni attwalment kopert mill-ftehimiet jew mid-deċiżjonijiet lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”

(b)

Fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(b)

sa mhux aktar tard minn 30 jum wara tmiem kull perjodu ta' sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 1, ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet implimentati matul dak il-perjodu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/559 tal-11 ta' April 2016 li jawtorizza ftehimiet u deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-produzzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 96, 12.4.2016, p. 20).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/558 tal-11 ta' April 2016 li jawtorizzaw ftehimiet u deċiżjonijiet ta' kooperattivi u ta' tipi oħra ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib dwar l-ippjanar tal-produzzjoni (ĠU L 96, 12.4.2016, p. 18).


Top