EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0601

Deċiżjoni (UE) 2015/601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' April 2015 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina

ĠU L 100, 17.4.2015, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/601/oj

17.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/1


DEĊIŻJONI (UE) 2015/601 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' April 2015

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA), ġie nnegozjat mill-2007 sal-2011. Huwa ġie inizjalat fl-2012 u ffirmat mill-Ukraina fil-21 ta' Marzu 2014 u mill-Unjoni fis-27 ta' Ġunju 2014. Mill-1 ta' Novembru 2014, partijiet importanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġew applikati proviżorjament fl-oqsma tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, id-djalogu politiku u r-riforma, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u l-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja.

(2)

Wara li reġgħet bdiet tapplika l-Kostituzzjoni tal-Ukraina tal-2004, fil-25 ta' Mejju 2014 u s-26 ta' Ottubru 2014 rispettivament saru b'suċċess elezzjonijiet presidenzjali kif ukoll parlamentari. Wara l-formazzjoni ta' gvern ġdid fit-2 ta' Diċembru 2014 li jirrifletti l-eżitu tal-elezzjonijiet parlamentari, l-Ukraina reġgħet ikkonfermat l-impenn tagħha lejn riformi politiċi u ekonomiċi skont il-qafas provdut mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ppreżentat Pjan ta' Azzjoni li jiddeskrivi r-riformi maħsuba.

(3)

Il-vjolazzjoni tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina u l-kunflitt militari li rriżulta kellhom effetti dannużi fuq l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja diġà prekarja tal-Ukraina. L-Ukraina qed tiffaċċa bilanċ tal-pagamenti diffiċli u l-pożizzjoni tal-likwidità marbuta mal-kunfidenza li qed tonqos u d-delokalizzazzjoni kapitali konkominanti, kif ukoll sitwazzjoni fiskali li sejra għall-agħar b'riżultat tal-ispejjeż baġitarji diretti tal-kunflitt, ir-reċessjoni aktar profonda milli mistenni u t-telf ta' dħul fiskali miż-żoni ġeografiċi kkontrollati mis-separatisti. Fl-istess ħin, id-dgħufijiet strutturali preeżistenti u tal-baġit u vulnerabbiltajiet finanzjarji esterni wkoll ikkontribwixxew għad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika.

(4)

F'dan il-kuntest, il-ħtiġijiet tal-finanzjament estern tal-Ukraina huma sostanzjalment akbar minn dak li kien identifikat inizjalment, u jeħtieġu għajnuna finanzjarja addizzjonali minn kredituri u donaturi internazzjonali. Fil-missjoni ta' rieżami tal-programm l-aktar reċenti tiegħu, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) identifika l-ħtieġa għal finanzjament sinifikanti lil hinn mill-fondi impenjati s'issa mill-komunità internazzjonali, li jinkludu l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE (3), id-Deċiżjoni Nru 646/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/215/UE (5).

(5)

F'okkażjonijiet varji, l-Unjoni ddikjarat l-impenn tagħha li tappoġġa lill-awtoritajiet il-ġodda tal-Ukraina fil-kisba tal-miri tagħhom li jistabbilizzaw s-sitwazzjoni u jsegwu l-perkors tar-riformi. L-Unjoni ddikjarat ukoll li hija lesta tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-komunità internazzjonali u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, speċjalment tal-FMI, fir-rigward ta' pakkett ta' assistenza internazzjonali mfassal biex jindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-Ukraina, bil-kundizzjoni ta' impenn ċar mill-Ukraina lejn ir-riformi. L-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni lill-Ukraina huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni kif stabbilit fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fis-Sħubija tal-Lvant. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew iddikjara li, wara t-tieni żborz tal-Kummissjoni f'Diċembru 2014 ta' EUR 500 miljun f'assistenza makrofinanzjarja, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jinsabu lesti biex ikomplu jiffaċilitaw u jappoġġaw il-proċess fir-riforma tal-Ukraina, flimkien ma' donaturi oħra u f'konformità mal-kundizzjonalità tal-FMI.

(6)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mingħajr deżinjazzjoni għall-bilanċ tal-pagamenti, li għandha l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u għandha tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu qasir.

(7)

Fit-30 ta' April 2014, l-awtoritajiet tal-Ukraina u l-FMI ftiehmu fuq Arranġament ta' Riżerva ta' Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (DSP) ta' sentejn ta' 10,976 biljun (madwar USD 17,01 biljun, 800 fil-mija tal-kwota) f'appoġġ għall-programm ta' aġġustament ekonomiku u riforma.

(8)

Fil-5 ta' Marzu 2014, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fl-Ukraina li ħżienet drastikament, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' sostenn, li kien approvat mill-Kunsill Ewropew straordinarju tas-6 ta' Marzu 2014. Dak il-pakkett jinkludi għajnuna finanzjarja ta' EUR 11-il biljun għall-perjodu 2014-2020, li tinkludi sa EUR 1,565 biljun f'għotjiet għall-istess perjodu mobilizzati skont l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, il-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u mill-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, kif ukoll l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni sa EUR 1,61 biljun għall-perjodu 2014-2015.

(9)

Fid-9 ta' Settembru 2014, fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi li kienu sejrin għall-agħar, l-Ukraina talbet għal aktar assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. Dik it-talba ġiet imtennija f'ittra oħra fil-15 ta' Diċembru 2014.

(10)

Minħabba li l-Ukraina hija pajjiż kopert mill-PEV, għandha titqies bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(11)

Minħabba li għad hemm diskrepanza residwa sinifikanti fil-finanzjament estern fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ukraina lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li se tingħata lill-Ukraina (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala reazzjoni xierqa għat-talba tal-Ukraina għal appoġġ għall-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tal-Ukraina, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ukraina, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

(13)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Ukraina u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-użu preeżistenti ta' strumenti ta' finanzjament esterni oħra tal-Unjoni fl-Ukraina u l-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji, l-objettivi u l-miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward l-Ukraina. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(16)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-impenn tal-Ukraina lejn valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom dawk tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis fil-faqar, kif ukoll l-impenn tal-Ukraina lejn il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ġust u bbażat fuq ir-regoli.

(17)

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukraina tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi — inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti — l-istat tad-dritt u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkunu li jissaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fl-Ukraina, u li jiġu promossi r-riformi strutturali bil-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. Kemm l-issodisfar tal-prekundizzjonijiet kif ukoll il-ksib ta' dawk l-objettivi jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(18)

Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu mħarsa b'mod effiċjenti, l-Ukraina għandha tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma' dik l-assistenza. Barra minn hekk, isir provvediment biex il-Kummissjoni twettaq kontrolli u biex il-Qorti tal-Awdituri twettaq awditi.

(19)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (bħala awtorità baġitarja).

(20)

L-ammonti meħtieġa għall-provvediment tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(21)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi mmaniġġjata mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(23)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet Ukraini taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dak ir-Regolament bħala regola ġenerali għandha tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa adatt li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ukraina, il-proċedura ta' eżami għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, jew għal kwalunkwe tnaqqis, suspensjoni jew tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukraina assistenza makrofinanzjarja (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) f'ammont massimu ta' EUR 1,8 biljun, sabiex jiġu appoġġati l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ukraina u aġenda ta' riformi sostantivi. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ukraina kif identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jingħata lill-Ukraina fil-forma ta' self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u ssellifhom lill-Ukraina. Is-self jkollu maturità massima ta' 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew fehimiet milħuqa bejn l-FMI u l-Ukraina u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina miftiehma skont il-PEV.

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien dovut.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli, għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-Ukraina jonqsu b'mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborz tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni b'paragun mal-projjezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukraina tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi — inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti — u l-istat tad-dritt u li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li din il-prekundizzjoni tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (7).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Ukraina dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li tkun soġġetta għalihom l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, li jitniżżlu f'Memorandum ta' Qbil (“il-Memorandum ta' Qbil”) li jinkludi perjodu taż-żmien għas-sodisfar ta' dawk il-kundizzjonijiet.

Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew fehimiet imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi tal-aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-Ukraina, bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi fl-Ukraina, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħra fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni jitqiesu wkoll kif dovut fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fil-ksib ta' dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li jiġi miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ukraina.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż li l-politiki ekonomiċi tal-Ukraina jkunu f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fi tliet pagamenti akkont ta' self. Id-daqs ta' kull pagament akkont ta' self għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (8).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti akkont ta' self soġġett għas-sodisfar tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu tal-Ukraina fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'sodi appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil f'perjodu ta' żmien speċifiku.

4.   L-iżborż tat-tieni pagament akkont ta' self ma għandux isir f'jum li jiġi qabel tliet xhur wara l-jum tal-ewwel pagament akkont ta' self.

L-iżborż tat-tielet pagament akkont ta' pagament ma għandux isir f'jum li jiġi qabel tliet xhur wara l-jum tat-tieni pagament akkont ta' self.

5.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew it-tħassir.

6.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborzata lill-Bank Nazzjonali tal-Ukraina. Suġġetti għad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi tal-Ukraina, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ukraina bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta' teħid u għoti ta' self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk l-Ukraina titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar repagament bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk l-Ukraina titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirrifinanzja t-teħid ta' self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament jew ta' ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-paragrafi 1 u 4 u ma għandhomx ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data ta' rifinanzjament jew ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ukraina.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar kwalunkwe żvilupp fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (10).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt maniġment dirett.

3.   Il-Memorandum ta' Qbil u l-Ftehim tas-Self għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li l-Ukraina tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew miżapproprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (11), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu biex iwettqu verifiki, inklużi spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; u

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ripagament bikri tas-self meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-maniġment tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, l-Ukraina wettqet kwalunkwe att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja, permezz ta' valutazzjonijiet operazzjonali, il-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ukraina, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukraina, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ukraina u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti akkont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ex post, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni wara li tkun spiċċat u sa liema punt din ikkontribwixxiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, il-15 ta' April 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2015 (għadha ma gietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2015.

(2)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE tat-12 ta' Lulju 2002 li tagħti għajnuna makrofinanzjarja supplimentari lill-Ukraina (ĠU L 209, 6.8.2002, p. 22).

(4)  Deċiżjoni Nru 646/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 li tipprovdi l-għajnuna makrofinanzjarja lill-Ukraina (ĠU L 179, 14.7.2010, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/215/UE tal-14 ta' April 2014 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina (ĠU L 111, 15.4.2014, p. 85).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(9)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(12)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(13)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


Top