EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0721(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabilità aġġornat tal-Irlanda, 2011-2015

ĠU C 215, 21.7.2011, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

21.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 215/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabilità aġġornat tal-Irlanda, 2011-2015

2011/C 215/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(3)

Fis-7 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (3) dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda għal perjodu ta' tliet snin skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (4) Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjaha, iffirmat fis-16 ta' Diċembru 2010, u l-ewwel aġġornament tiegħu, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li fuqhom huwa bbażat l-għoti tal-għajnuna finanzjarja. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/326/UE (5) L-ewwel aġġornament tal-Memorandum ta' Qbil kien iffirmat fit-18 ta' Mejju 2011.

(4)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex ikunu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(7)

Fid-29 ta’ April 2011, l-Irlanda ressqet l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabilità tagħha li jkopri l-perjodu bejn l-2011 u l-2015 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2011. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, dawn il-programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)

Il-kriżi ġabet magħha korrezzjoni maġġuri tal-iżbilanċi kbar li kienu nbnew matul is-snin preċedenti ta' tkabbir qawwi ekonomiku. Bejn l-2007 u l-2010, il-PDG reali niżel bi 12 % u l-impjiegi bi kważi 13 %, bil-qgħad jiżdied minn 4,6 % fl-2007 għal 13,6 % fl-2010. Dan wassal ukoll għal deterjorament drastiku fil-finanzi pubbliċi, bil-proporzjon tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jilħaq livelli ta' ċifri b'żewġ figuri fl-2008 u l-2009. Fl-2010, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq it-32,4 % tal-PDG, inkluż il-miżuri ta' appoġġ għas-settur finanzjarju ta' 20,5 % tal-PDG. Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG żdied minn 25 % fl-2007 għal 96 % fl-2010.

(9)

L-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna finanzjarja UE-FMI qed isseħħ kif pjanat. Il-miżuri fiskali li sar qbil dwarhom ġew implimentati, fl-2010 intlaħqet il-mira fiskali u l-eżiti fiskali fl-ewwel kwart tal-2011 ukoll kien jaqblu mal-miri tal-programm ta’ assistenza. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2011 huwa mbassar li se jibqa' taħt il-livell massimu tal-programm ta’ assistenza, minkejja reviżjoni 'l isfel fit-tbassir li jikkonċerna l-PDG nominali fl-2011. Seħħ progress importanti billi saret ir-riforma tas-sistema bankarja u ttieħdu passi biex jintlaħqu l-objettivi tar-riforma strutturali.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabilità aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabilità huwa plawsibbli. L-istrateġija baġitarja tal-Programm ta’ Stabilità fuq terminu medju għandha twassal id-defiċit nominali tal-amministrazzjoni pubblika sabiex ikun inqas minn 3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG sad-data ta' skadenza prevista fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2010. Il-Programm ta’ Stabilità jimmira d-defiċits ta' 10 % tal-PDG fl-2011, 8,6 % fl-2012, 7,2 % fl-2013, 4,7 % fl-2014 u 2,8 % sal-aħħar tal-perjodu tal-Programm ta’ Stabilità fl-2015. Dan il-perkors huwa msejjes fuq miżuri ta' konsolidazzjoni ta' 3,8 % tal-PDG implimentati fil-baġit għall-2011, u miżuri ta' konsolidazzjoni ġenerali ta' 5,9 % tal-PDG fl-2012-14 kif ukoll sforz ta' konsolidazzjoni ieħor li mhuwiex speċifikat ta' aktar minn 1 % tal-PDG fl-2015. Il-Programm ta’ Stabilità jerġa' jiddikjara l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) għall-pożizzjoni baġitarja ta' – 0,5 % tal-PDG, li ma jintlaħaqx fil-perjodu tal-Programm ta’ StabilitàSkont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma għoljin. Huma meħtieġa l-ilħuq ta' surplus primarju suffiċjenti fuq terminu medju flimkien ma' aktar riforma fis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Irlanda biex ikun hemm titjib fis-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi.

(11)

L-Irlanda ħadet numru ta' impenji skont il-Patt Euro Plus, li ġew sottomessi fit-3 ta' Mejju 2011. Dawn jinkludu miżuri konkreti li jħeġġu l-kompetittività inkluż ir-riforma ta' mekkaniżmi tal-iffissar ta' pagi, il-ftuħ ta' ċerta servizzi professjonali għall-kompetizzjoni, it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja, b'mod partikolari mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, u t-titjib tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi permezz ta' qafas baġitarju għal terminu medju, ir-riforma tal-pensjonijiet u ż-żieda tal-età tal-pensjoni.

(12)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabblità u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-impenji tal-Patt Euro Plus. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Irlanda imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-urġenza biex ikunu implimentati l-miżuri ppjanati għall-konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE.

(13)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta titqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tas-7 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabilità tal-Irlanda u l-opinjoni 6 tiegħu (6). Wara li ġew ikkunsidrati l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Irlanda,

JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda:

Timplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE, hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/326/UE, u speċifikata aktar fil-Memorandum ta' Qbil tas-16 ta' Diċembru 2010 u l-aġġornament tiegħu tat-18 ta' Mejju 2011.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

(4)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 147, 2.6.2011, p. 17.

(6)  Previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top