EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0709

Azzjoni konġunta 2009/709/PESK tal-Kunsill tal- 15 ta’ Settembru 2009 dwar il-missjoni ta’ konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

OJ L 246, 18.9.2009, p. 33–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/709/oj

18.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/33


AZZJONI KONĠUNTA 2009/709/PESK TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Settembru 2009

dwar il-missjoni ta’ konsulenza u assistenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3), tiegħu,

Billi:

(1)

Sa mit-2 ta’ Mejju 2005 l-Unjoni Ewropea (UE) qed twettaq missjoni ta’ konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) (EUSEC RD Congo). Il-mandat attwali tal-missjoni huwa speċifikat bl-Azzjoni Konġunta 2007/406/PESK (1) u jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2009.

(2)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SG/RGħ) għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (SĠ/RGħ) bagħat ittra lill-President tar-RDK bid-data tas-27 ta’ Lulju 2009 fejn stqarr l-impenn imġedded tal-Unjoni Ewropea. B’segwitu għal din l-ittra, jeħtieġ li jiġi adattat il-mandat tal-missjoni b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2009.

(3)

Konsegwentement għar-ratifika fl-2005 tal-Kostituzzjoni tat-tielet Repubblika Kongoliża, iż-żamma tal-elezzjonijiet fir-RDK fl-2006 mmarkat it-tmiem tal-proċess ta’ transizzjoni u ppermettiet fl-2007 l-formazzjoni ta’ gvern billi ġie adottat programm ta’ gvern, li b’mod partikolari ppreveda riforma globali tas-settur tas-sigurtà, l-elaborazzjoni ta’ kunċett nazzjonali kif ukoll ta’ azzjonijiet prijoritarji ta’ riforma fl-oqsma tal-pulizija, tal-forzi armati u tal-ġustizzja. L-iżvilupp ta’ Pjan rivedut tar-riforma tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC), approvata mill-President tar-Repubblika fl-aħħar ta’ Mejju 2009, juri l-interess tal-awtoritajiet Kongoliżi għar-rilanċ tal-proċess tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) fir-RDK.

(4)

In-Nazzjonijiet Uniti tennew l-appoġġ tagħhom għall-proċess ta’ transizzjoni u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u qegħdin imexxu fir-RDK l-missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) li tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż. Fit-22 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1856 (2008) li testendi l-mandat tal-MONUC u tippermetti l-kontribut tagħha f’koordinazzjoni mill-qrib mal-imsieħba internazzjonali l-oħrajn, u b’mod aktar partikolari l-Unjoni Ewropea (UE), għall-isforzi maħsubin sabiex jappoġġaw il-gvern fil-proċess tal-ippjanar tar-RSS.

(5)

L-UE tat appoġġ kontinwu għar-RSS fir-RDK, wieħed mill-elementi ta’ impenn l-aktar ġenerali tal-UE bl-għan li jiġu appoġġati l-iżvilupp u d-demokrazija fir-reġjun tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, filwaqt li tfittex li tippromovi linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, l-istandards demokratiċi u l-prinċipji tal-affarijiet pubbliċi, ta’ trasparenza u ta’ rispett għall-Istat tad-dritt.

(6)

Fis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill approva l-kunċett ġenerali rivedut dwar il-kontinwazzjoni ta’ missjoni sabiex jiġu pprovduti konsulenza u assistenza għar-RSS fir-RDK.

(7)

Fil-15 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/466/PESK li temenda u testendi għal perijodu addizzjonali ta’ 12-il xahar l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija tal-UE mwettqa fil-qafas tar-RSS u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (2).

(8)

Is-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, EUPOL RD Congo u EUSEC RD Congo, għandhom jibqgħu jiġu promossi.

(9)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koerenza tal-attivitajiet tal-UE fir-RDK, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni kemm jista’ jkun mill-qrib bejn l-atturi differenti tal-UE fil-Kinshasa kif ukoll fi Brussell, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti xierqa. Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar għandu jkollu rwol importanti f’dan ir-rigward, b’kont meħud tal-mandat tiegħu.

(10)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/128/PESK (3), li testendi l-mandat tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-RSUE għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani.

(11)

L-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK ġiet emendata diversi drabi sabiex tissaħħaħ il-missjoni, b’mod partikolari permezz tal-Azzjoni Konġunta 2007/406/PESK, emendata l-aħħar bl-Azzjoni Konġunta 2009/509/PESK (4) li testendi l-missjoni sat-30 ta’ Settembru 2009.

(12)

Għar-raġunijiet ta’ kjarezza, jaqbel li l-Azzjoni Konġunta 2007/406/PESK tiġi sostitwita minn Azzjoni Konġunta ġdida.

(13)

Huwa kunsiljabbli li Stati terzi jipparteċipaw fil-proġett, b’mod konformi mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew.

(14)

Is-sitwazzjoni attwali ta’ sigurtà fil-RDK tista’ tiħżien, b’riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq il-proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tas-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Impenn kontinwu tal-UE f’dak li hu sforz politiku u riżorsi jgħin sabiex tiġi msaħħa l-istabbiltà fir-reġjun,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea (UE) qed tmexxi missjoni ta’ konsulenza u assistenza dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), msemmija “EUSEC RD Congo”, bl-għan li tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-istabbiliment ta’ struttura ta’ difiża li tista’ tiggarantixxi s-sigurtà tal-Kongoliżi filwaqt li tirrispetta l-istandards demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt, il-prinċipji ta’ governanza tajba tal-affarijiet pubbliċi u t-trasparenza. Il-missjoni għandha tikkontribwixxi, f’kollaborazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment fuq perijodu qasir u medju ta’ orjentazzjonijiet deċiżi mill-awtoritajiet Kongoliżi fil-pjan rivedut tar-riforma tal-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC).

2.   Il-missjoni għandha timxi konformement mal-mandat previst fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat

1.   Il-missjoni għandha timmira, b’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi oħrajn tal-komunità internazzjonali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC), u waqt li ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, sabiex tipprovdi appoġġ konkret fil-qasam tar-RSS fir-RDK, b’enfasi fuq id-dimensjoni strateġika, hekk kif hu definit fil-kunċett ġenerali rivedut, inkluż:

l-appoġġ għall-implimentazzjoni ġenerali tal-pjan rivedut bis-sostenn u l-appoġġ tal-istrutturi stabbiliti mill-awtoritajiet Kongoliżi biex titmexxa l-implimentazzjoni tal-pjan rivedut;

l-implimentazzjoni tal-pjan rivedut tar-riforma tal-FARDC issir operattiva permezz tal-iżvilupp tal-pjani dettaljati għar-rikostruzzjoni tal-FARDC, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: l-amministrazzjoni, il-kapaċitajiet operattivi, il-baġit u l-finanzi, it-taħriġ, il-loġistika, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, u r-riżorsi umani;

l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ proġetti konkreti b’appoġġ għall-pjan rivedut tar-riforma tal-FARDC;

l-appoġġ għall-awtoritajiet Kongoliżi fil-proċess ta’ integrazzjoni ta’ ex-ġellieda fil-FARDC, inkluż il-proċess ta’ integrazzjoni aċċellerata tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tal-Poplu (CNDP) u tal-gruppi armati;

l-appoġġ għar-RSUE b’mod partikolari fil-qafas tan-negozjati ta’ paċi fil-Lvant tal-pajjiż;

l-appoġġ għall-attivitajiet trasversali b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

2.   Il-missjoni għandha tipprovdi konsulenza lill-Istati Membri u tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom f’oqsma li huma ta’ interess għall-missjoni u ta’ appoġġ għall-objettivi tagħha.

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni u żona ta’ skjerament

1.   Il-missjoni għandu jkollha Kwartieri Ġenerali f’Kinshasa magħmula minn:

(a)

it-tmexxija tal-missjoni;

(b)

dipartiment ta’ sostenn amministrattiv u loġistiku tal-missjoni,

(ċ)

dipartiment ta’ kunsilliera, fil-livell strateġiku, issekondati fl-istrutturi differenti tal-ministeru tad-difiża inkarigati biex jikkontribwixxu għall-ħidma relatata mar-RSS immexxija mill-amministrazzjoni Kongoliża, u

(d)

dipartiment ta’ esperti fil-qasam tad-difiża inkarigati li jassistu u jiggwidaw lill-Kongoliżi fit-tmexxija ta’ kisbiet konkreti fl-oqsma tal-amministrazzjoni, ir-riżorsi umani, il-finanzi, il-loġistika u t-taħriġ.

2.   Iż-żona ta’ skjerament prinċipali għandha tkun Kinshasa. Għandhom ikunu skjerati wkoll kunsilliera ssekondati fl-erba’ reġjuni militari tal-Lvant tar-RDK. Jistgħu jiġu organizzati kemm is-sekondar ta’ esperti kif ukoll il-preżenza temporanja tagħhom fir-reġjuni militari, jekk ikun hemm il-ħtieġa, fuq istruzzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

Ippjanar

Il-kap ta’ missjoni għandu jħejji pjan rivedut ta’ implimentazzjoni tal-missjoni (OPLAN), u jippreżentah għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jgħinu f’dan il-kompitu.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu f’idejh il-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni. Huwa għandu jkun responsabbli għall-persunal u għall-kwistjonijiet dixxiplinari.

2.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat ta’ oriġini jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kap tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji li jirrigwardaw lill-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali konċernati jew mill-istituzzjoni konċernata tal-UE.

4.   Fil-qafas tal-mandat tal-missjoni kif previst fl-Artikolu 2, il-Kap tal-Missjoni huwa awtorizzat jirrikorri għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ proġetti identifikati li jikkompletaw b’mod koerenti l-azzjonijiet l-oħrajn tal-missjoni, f’żewġ każijiet preċiżi. Jew il-proġett huwa previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja tal-Azzjoni Konġunta attwali, jew inkella l-proġett jiġi inkluż matul il-mandat permezz ta’ emenda tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

Wara, il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonkludi arranġament mal-Istati Membri kkonċernati. Dan l-arranġament jirregola b’mod partikolari l-metodi speċifiċi dwar kwalunkwe tweġiba li tiġi minn pajjiż terz dwar il-ħsarat ikkawżati minn atti jew nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu mill-Istati Membri kontribwenti.

F’ebda każ ma tista’ tiġi impenjata r-responsabbiltà tal-UE jew tas-SĠ/RGħ, mill-Istati Membri kontribwenti għall-atti jew in-nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi ta’ dawn l-Istati.

5.   Sabiex il-baġit tal-missjoni jiġi implimentat, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkollabora mill-viċin mar-RSUE.

Artikolu 6

Persunal

1.   L-esperti tal-missjoni għandhom jiġu ssekondati mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE. Ħlief għall-Kap tal-Missjoni, kull Stat Membru jew istituzzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-esperti ssekondati, inklużi l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, is-salarji u l-kopertura medika, u l-benefiċċji minbarra l-benefiċċji ta’ kuljum.

2.   Il-persunal ċivili internazzjonali u dak lokali għandu jiġi rreklutat fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni kif meħtieġ.

3.   L-esperti tal-missjoni għandhom jibqgħu taħt l-awtorità tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kompetenti, u għandhom jaqdu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess tal-missjoni. Kemm waqt, kif ukoll wara l-missjoni, l-esperti tal-missjoni għandhom jeżerċitaw l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mal-missjoni.

Artikolu 7

Linja ta’ kmand

1.   Il-missjoni għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika.

3.   Is-SĠ/RGħ għandu jagħti gwida politika lill-Kap tal-Missjoni permezz tar-RSUE.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-missjoni u jiżgura l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skont l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni tinkludi s-setgħa għall-modifika tal-OPLAN, u tal-linja ta’ kmand. Għandha tinkludi wkoll il-kompetenzi meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandha tibqa’ mal-Kunsill, megħjun mis-SĠ/RGħ.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni f’intervalli regolari. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal laqgħat tiegħu, skont il-ħtieġa.

4.   Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni bil-gwida politika meħtieġa sabiex iwettaq dmirijietu fil-livell lokali.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-ispiża relatata mal-missjoni għandu jkun ta’ 10 900 000 EUR.

2.   Fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont previst fil-paragrafu 1, għandu japplika dan li ġej:

(a)

l-ispiża għandha tiġi amministrata skont ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità applikabbli għall-baġit. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma awtorizzati li jissottomettu sejħiet għall-offerti;

(b)

il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta bis-sħiħ lill-Kummissjoni li tissorvelja l-azzjoni tiegħu, dwar l-attivitajiet intrapriżi fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.   Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir.

4.   In-nefqa relatata mal-missjoni għandha ssir eliġibbli mad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku tagħha, xi Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jagħtu kontribuzzjoni għall-missjoni bil-ftehim li huma jħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi l-pagi, l-assigurazzjoni tar-“riskji kollha”, il-benefiċċji ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li huma jikkontribwixxu kif xieraq għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni.

2.   L-Istati terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lill-missjoni għandhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni daqs l-Istati Membri.

3.   Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u biex joħloq Kumitat tal-Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja dawn l-arranġamenti f’isem din tal-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat terz f’xi operazzjonijiet tal-UE ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-qafas tal-missjoni.

Artikolu 11

Koerenza u koordinazzjoni

1.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skont il-kompetenzi tiegħu, il-koerenza tal-Azzjoni Konġunta attwali mal-attivitajiet esterni tal-Komunità, f’konformità mal-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jikkooperaw għal dan l-għan. Mekkaniżmi dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-UE fir-RDK għandhom ikunu stabbiliti kemm f’Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi wkoll f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo u l-Kap tal-Missjoni EUPOL RD Congo għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet tagħhom u jfittxu s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-aspetti orizzontali tar-RSS fir-RDK, kif ukoll fil-qafas tal-bidla tal-funzjonijiet bejn iż-żewġ missjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiggarantixxi li l-EUSEC RD Congo tikkoordina l-azzjoni tagħha mill-qrib mal-gvern tar-RDK, man-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-missjoni MONUC, u mal-Istati Terzi impenjati fis-settur tar-RSS fir-RDK.

5.   F’konformità mal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jiżgura l-koerenza tal-azzjonijiet li jsiru mill-missjoni EUSEC RD Congo u l-missjoni EUPOL RD Congo. Hu għandu jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni mwettqa mal-atturi internazzjonali l-oħrajn impenjati fir-RSS fir-RDK.

Artikolu 12

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni, f’konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (5).

2.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, skont il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni, f’konformità mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għal dan l-għan ser ikunu stabbiliti arranġamenti lokali.

3.   F’każ ta’ bżonn operattiv speċifiku u immedjat, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni, f’konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u d-dokumenti jkunu kkomunikati lill-Istat ospitanti skont il-proċeduri adegwati fil-livell ta’ kooperazzjoni tal-Istat ospitanti mal-UE.

4.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati tal-UE dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li huma koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1), tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill (6).

Artikolu 13

L-istatus tal-missjoni u tal-persunal tagħha

1.   L-istatus tal-persunal tal-missjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni u għat-twettiq tajjeb tal-missjoni, għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja dawn l-arranġamenti f’isem din tal-aħħar.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni għandu/ha i/tkun responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

Artikolu 14

Sigurtà

1.   Il-Kap tal-Missjoni hu responsabbli mis-sigurtà tal-missjoni EUSEC RD Congo.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà f’konformità mad-direttivi tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal tal-UE li jintbagħat lil hinn mit-territorju tal-UE f’missjoni operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat u d-dokumenti relatati.

3.   Ser jingħata taħriġ adegwat għall-miżuri ta’ sigurtà lill-membri kollha tal-persunal, f’konformità mal-OPLAN. L-uffiċjal tal-EUSEC RD Congo responsabbli mis-sigurtà ser ifakkar spiss l-istruzzjonijiet relatati mas-sigurtà.

Artikolu 15

Reviżjoni tal-missjoni

Il-KPS għandu japprova abbażi ta’ rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jippreżenta sa mhux aktar tard minn Marzu 2010, rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill bil-għan li tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tar-riforma tal-FARDC u jiġu evalwati l-effetti tal-missjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti b’appoġġ għall-pjan rivedut tar-riforma tal-FARDC, ibbażat fuq indikaturi strateġiċi kif ukoll fuq indikaturi operattivi li jinsabu fil-pjan ta’ implimentazzjoni tal-missjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2009.

Hija għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2010.

Artikolu 17

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 52.

(2)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 40.

(3)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 36.

(4)  ĠU L 172, 2.7.2009, p. 36.

(5)  Deċiżjoni 2001/264/KE (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(6)  Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47).


Top