EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0026

Direttiva 2008/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2003/6/KE dwar l-insider dealing u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

ĠU L 81, 20.3.2008, p. 42–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/26/oj

20.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 81/42


DIRETTIVA 2008/26/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2003/6/KE dwar l-insider dealing u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/6/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistipula li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li stabbilixxiet il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE li daħħlet proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b’elementi mhux essenzjali ġodda.

(3)

F’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE (6), sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li diġa’ daħlu fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/6/KE, sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dik id-Direttiva. Dawk il-miżuri huma mfassla sabiex jadottaw definizzjonijiet, jelaboraw jew jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva b’modalitajiet tekniċi għall-iżvelar ta’ informazzjoni interna, listi interni, rappurtaġġ ta’ tranżazzjonijiet mill-management suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti u biex ir-riċerka tiġi ppreżentata b’mod ġust. Billi dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2003/6/KE billi jissupplimentawha b’elementi mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2003/6/KE stipulat restrizzjoni ta’ ż-żmien għas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Fl-istqarrija tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li d-Deċiżjoni 2006/512/KE tipprovdi soluzzjoni orizzontali u sodisfaċenti għax-xewqa tal-Parlament Ewropew li janalizza l-implimentazzjoni ta’ l-istrumenti adottati taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni u li, f’konformità ma’ dan, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni mingħajr limitu ta’ żmien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw ukoll li huma se jiżguraw li l-proposti mmirati għat-tħassir tad-dispożizzjonijiet fl-istrumenti li jipprovdu għal limitu ta’ żmien għad-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun. Wara l-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi dak il-limitu ta’ żmien fid-Direttiva 2003/6/KE għandha titħassar.

(6)

Il-Kummissjoni għandha, b’intervalli regolari, tevalwa l-funzjonament tad-dispożizzjonijiet rigward is-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lilha biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddeterminaw jekk il-limitu ta’ dawn is-setgħat u r-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni humiex adegwati u jekk dawn jiżgurawx kemm l-effiċjenza kif ukoll ir-responsabilità demokratika.

(7)

Id-Direttiva 2003/6/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(8)

Ladarba l-emendi li saru permezz ta’ din id-Direttiva għad-Direttiva 2003/6/KE huma ta’ natura teknika u li jirrigwardaw biss il-proċedura ta’ kumitat, huma ma jeħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri. Għalhekk, mhux meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2003/6/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fl-ewwel paragrafu, il-punt 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.

‘Prattiki aċċettati tas-suq’ għandhom ifissru prattiki li huma raġonevolment mistennija f’suq finanzjarju wieħed jew iktar u huma aċċettati mill-awtorità kompetenti skond il-linji gwida adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 17(2a).”;

(b)

It-tieni subparagrafu għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

il-kliem “filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2),” għandhom jitħassru;

(ii)

is-sentenza li ġejja għandha tiżdied:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 17(2a).”.

(2)

L-Artikolu 6(10) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-kliem “skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2),” għandhom jitħassru;

(b)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 17(2a).”.

(3)

L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-kliem “adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2),” għandhom jitħassru;

(b)

is-sentenza li ġejja għandha tiżdied:

“Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 17(2a).”.

(4)

L-Artikolu 16(5) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Skond il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri ta’ ħidma għall-iskambju ta’ informazzjoni u għal spezzjonijiet transkonfinali hekk kif imsemmi f’dan l-Artikolu.”.

(5)

L-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

“2a.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

(b)

il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, u, wara din id-data, ta’ lanqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dawk is-setgħat. Dan ir-rapport għandu jeżamina, partikolarment, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi emendi għad-Direttiva preżenti sabiex tiżgura l-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Il-konklużjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta’ emenda jew le għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għal emenda tad-dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

(2)  ĠU C 39, 23.2.2007, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

(4)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emedata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top