EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0660

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2023.
MK vs Lufthansa CityLine GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol part-time – Direttiva 97/81/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol part-time – Punt (1) tal-klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema part-time – Prinċipju ta’ pro rata temporis – Piloti – Remunerazzjoni għal sigħat addizzjonali ta’ xogħol – Limiti ta’ skattar identiċi għall-piloti li jaħdmu full-time u għall-piloti li jaħdmu part-time – Differenza fit-trattament.
Kawża C-660/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:789

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol part-time – Direttiva 97/81/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol part-time – Punt (1) tal-klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema part-time – Prinċipju ta’ pro rata temporis – Piloti – Remunerazzjoni għal sigħat addizzjonali ta’ xogħol – Limiti ta’ skattar identiċi għall-piloti li jaħdmu full-time u għall-piloti li jaħdmu part-time – Differenza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑660/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

MK

vs

Lufthansa CityLine GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MK, minn M. Mensching, Rechtsanwalt,

għal Lufthansa CityLine GmbH, minn C. Schalast, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, S. Heimerl u P.-L. Krüger, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. F. Kronborg, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn J. Lachowicz u A. Siwek-Ślusarek, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn I. Thue u T. Hostvedt Aarthun, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MK, pilota, u l-persuna li timpjegah, Lufthansa CityLine GmbH (iktar ’il quddiem “CLH”), trasportatur bl-ajru li jopera titjiriet qosra u twal, dwar id-dritt ta’ MK għall-ħlas ta’ remunerazzjoni għall-ħin ta’ servizz ta’ titjira addizzjonali li huwa wettaq.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, intitolata “L-Iskop”, tipprevedi, fil-punt (1) tagħha:

“Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

4

Il-klawżola 3 ta’ dan il-ftehim qafas, intitolata “Tifsiriet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1.

Il-kliem ‘ħaddiem part-time’ jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip.

2.

Il-kliem ‘ħaddiem full-time ta’ l-istess tip’ ifisser ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/kapaċità.”

5

Il-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi fil-punti 1 sa 3 tagħha:

“1. Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2. Meta approprjat [xieraq], il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.

3. L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b’kont meħud tal-leġislazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.”

Id‑dritt Ġermaniż

It‑TzBfG

6

Id-Direttiva 97/81 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge (Teilzeit- und Befristungsgesetz) (il-Liġi dwar Xogħol Part-time u Kuntratti ta’ Żmien Definit) tal‑21 ta’ Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1966).

7

Konformement mat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar Xogħol Part-time u Kuntratti ta’ Żmien Definit, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TzBfG”), “ħaddiem full-time tal-istess tip”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa “ħaddiem full-time tal-istabbiliment ikkonċernat li għandu l-istess tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol u li jeżerċita attività identika jew simili” għall-ħaddiem part-time ta’ dan l-istabbiliment.

8

Skont l-Artikolu 4(1) tat-TzBfG:

“Ħaddiem part-time ma għandux jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem full-time paragunabbli minħabba li jaħdem fuq bażi part-time, sakemm ma jkunx iġġustifikat trattament differenti għal raġunijiet oġġettivi. Il-ħaddiem part-time għandu jirċievi remunerazzjoni jew benefiċċju pro rata ieħor, li l-volum tiegħu għandu mill-inqas ikun jikkorrispondi mal-proporzjon tax-xogħol tiegħu kif imqabbel ma’ dak ta’ ħaddiem full-time paragunabbli.”

9

L-Artikolu 22(1) tat-TzBfG jipprovdi li ma tistax issir deroga, għad-detriment tal-ħaddiem ikkonċernat, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ din il-liġi.

Il‑ftehimiet kollettivi applikabbli

10

Il-ftehimiet kollettivi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol ikkonċernata (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet kollettivi applikabbli”) huma dawn li ġejjin:

– Il‑Ftehim Kollettiv Ġenerali Nru 4

11

Il-Ftehim Kollettiv Ġenerali Nru 4 dwar il-kollaboraturi li jagħmlu parti mill-membri tal-persunal tal-piloti ta’ CLH jipprevedi, fl-Artikoli 6 sa 8 tiegħu:

“Artikolu 6 Ħin tax-Xogħol

(1)   ‘Ħin tax-xogħol’ tfisser il-ħin li matulu l-kollaboraturi jipprovdu servizz taħt l-istruzzjonijiet ta’ CLH. Il-ħin tax-xogħol għandu jinkludi:

a)

il-ħin ta’ xogħol ta’ titjir (Artikolu 8),

b)

il-kompiti amministrattivi,

c)

il-ħin allokat għall-istituzzjoni ta’ kollegi ġodda, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid,

d)

l-iffatturar ta’ bejgħ abbord,

e)

l-eżamijiet mediċi u t-tilqim li jirrigwarda l-mediċina tal-avjazzjoni,

f)

il-ħin standby, sakemm dan ma jagħmilx parti mill-ħin tax-xogħol ta’ titjir,

g)

il-ħarsien ta’ passiġġiera (b’mod partikolari ta’ tfal jew ta’ persuni morda),

h)

il-missjonijiet u t-trasferimenti professjonali, sakemm dawn ma jagħmlux parti mill-ħin ta’ xogħol ta’ titjir,

i)

l-operazzjonijiet imwettqa mit-tmiem tal-imbark u l-perijodi fuq l-art matul il-waqfa ta’ titjira,

j)

l-attivitajiet neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 37 tal-Betriebsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Impriżi) tal‑15 ta’ Jannar 1972 (BGBl. 1972 I, p. 13) (sakemm dan l-artikolu japplika għall-membri tal-persunal tal-piloti ta’ CHL) sa fejn meħtieġ.

[…]

a)

Il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum (pawżi mhux inklużi) li jista’ jiġi meħtieġ minn kollaboratur ma jistax jaqbeż 14‑il siegħa fuq it-titjiriet qosra, ħlief bi qbil tal-kollaboratur ikkonċernat. Is-servizzi ta’ standby jingħaddu f’dan ir-rigward bħala nofs, safejn dawn ma għandhomx jitwettqu f’ajruport: il-ħin ta’ trasport imwettaq wara t-tmiem tax-xogħol ta’ titjir sabiex wieħed imur lura lejn id-dar uffiċjali tiegħu ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni.

b)

Meta kollaboratur ikun impjegat għal iżjed minn jumejn konsekuttivi għas-servizz fuq l-art, il-ħin tax-xogħol bażiku huwa stabbilit abbażi ta’ 38.5 siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa. Ix-xogħol addizzjonali eventwali għandu jiġi kkumpensat b’ħin liberu addizzjonali sal-aħħar tax-xahar sussegwenti.

(3)   Il-kollaboraturi huma impjegati fuq bażi ta’ rosters tal-ekwipaġġi tal-ajru. Bħala regola ġenerali, dawn jirrigwardaw perijodi ta’ erba’ ġimgħat u għandhom jiġu ppubblikati biżżejjed minn qabel. […]

(4)   Matul it-tfassil tal-iskeda tax-xogħol u tal-assenjazzjoni tal-kollaboraturi, għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi applikabbli u għandu jiġi żgurat, fil-limitu tal-possibbiltajiet raġonevoli fil-livell tal-impriża, oneru ta’ xogħol uniformi għall-kollaboraturi kollha fil-post ta’ assenjazzjoni rispettiv tagħhom, kemm bejn il-kollaboraturi fir-rigward tal-kategorija ta’ impjieg rispettiv tagħhom (ekwipaġġ tat-titjira u ekwipaġġ fuq l-art) kif ukoll meħud kont tal-iskeda tax-xogħol ta’ CLH u taċ-ċirkustanzi rispettivi ta’ kull każ partikolari, lil hinn minn perijodu ta’ tnax‑il xahar.

[…]

Artikolu 7 Ħin ta’ titjir

(1)   Il-ħin ta’ titjir, fis-sens ta’ dan il-ftehim kollettiv ġenerali, ikopri l-perijodu kollu bejn il-mument meta ajruplan jibda jiċċaqlaq bil-mezzi tiegħu stess jew b’mezzi esterni għall-finijiet tat-tlugħ sa meta jieqaf finalment fit-tmiem tat-titjira (ħin ta’ bblokkar).

(2)   Is-somma tal-ħin ta’ titjir (= ħin ta’ bblokkar) ta’ kull kollaboratur ma għandhiex taqbeż 1000 siegħa għal kull sena kalendarja.

Artikolu 8 Ħin ta’ xogħol ta’ titjir

(1)   Il-ħin ta’ xogħol ta’ titjir li jagħti lok għal remunerazzjoni jinkludi:

a)

il-perijodi ta’ kompiti preparatorji mid-dħul meħtieġ f’xogħol ta’ titjir sal-bidu tal-ħin ta’ bblokkar, kif iddefinit fil-manwal tal-operazzjonijiet (MO) jew, b’mod provviżorju, fuq struzzjoni individwali,

b)

il-ħin ta’ bblokkar,

c)

il-perijodi ta’ kompiti ta’ għeluq wara t-tmiem tal-ħin ta’ bblokkar, kif iddefinit fil-MO jew, b’mod provviżorju, fuq struzzjoni individwali, ta’ perijodu madankollu ta’ mill-inqas 15‑il minuta, fuq it-titjiriet twal ta’ mill-inqas 30 minuta,

d)

il-ħin ta’ taħriġ fis-simulatur tat-titjira, inklużi l-perijodi msemmija fil-punti (a) u (c), u

e)

il-perijodi l-oħrajn kollha bejn l-attivitajiet preparatorji msemmija fil-punt (a) u l-attivitajiet ta’ għeluq imsemmija fil-punt (c),

f)

il-perijodi ta’ operazzjonijiet fi ħdan katina ta’ intervent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-livell ta’ 50 %. Minnhom huma esklużi l-perijodi bejn it-tmiem tal-operazzjoni kkonċernata u l-bidu tas-servizz jew bejn it-tmiem tas-servizz u l-bidu ta’ din l-operazzjoni. F’dan ir-rigward, ġurnata waħda mingħajr xogħol ma tikkostitwixxix interruzzjoni tal-katina ta’ intervent.

(2)   […]

(3)   

a)

Il-ħin mhux interrott ta’ xogħol ta’ titjir imwettaq mill-kollaboraturi bejn żewġ perijodi ta’ mistrieħ huwa ta’ għaxar sigħat. Fuq perijodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi, huwa awtorizzat li jsiru erba’ estensjonijiet suċċessivi tal-ħin ta’ xogħol ta’ titjir imsemmi fl-ewwel sentenza għal perijodu massimu rispettiv ta’ sagħtejn jew żewġ estensjonijiet suċċessivi għal perijodu massimu rispettiv ta’ erba’ sigħat. Fl-ebda każ is-somma tal-estensjonijiet f’perijodu ta’ sebat ijiem konsekuttivi ma tista’ taqbeż tmien sigħat.

b)

Il-perijodi ta’ sebat ijiem jibdew jiddekorru rispettivament f’00 h 00 UTC fl-ewwel jum u jieqfu f’24 h 00 UTC fl-aħħar jum.

(4)   […]

(5)   Il-ħin ta’ xogħol ta’ titjir ma għandux jaqbeż 210 sigħat, f’perijodu ta’ 30 jum konsekuttiv, u 1800 siegħa, f’perijodu ta’ sena kalendarja.”

– Il‑Ftehim Kollettiv Nru 6

12

Il-Ftehim Kollettiv Nru 6 fil-qasam ta’ remunerazzjonijiet li jirrigwardaw il-kollaboraturi li jagħmlu parti mill-membri tal-persunal tal-piloti ta’ CLH, jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu:

“Remunerazzjoni għal sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir

(1)   Mill‑106 siegħa fix-xahar ta’ xogħol ta’ titjir (konformement mal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim Kollettiv Ġenerali dwar il-membri tal-persunal tal-piloti Nru 1 (iktar ’il quddiem ‘MTV piloti Nru 1’)), għandha titħallas remunerazzjoni għas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir fl-ammont ta’ 1/100 tas-salarju mensili totali individwali (konformement mal-Artikolu 3) għal kull siegħa ta’ xogħol ta’ titjir.

(2)   Mill‑121 siegħa fix-xahar ta’ xogħol ta’ titjir (konformement mal-Artikolu 8(1) tal-MTV piloti Nru 1), għandha titħallas remunerazzjoni għas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir fl-ammont ta’ 1/85 tas-salarju mensili totali individwali (konformement mal-Artikolu 3) għal kull siegħa ta’ xogħol ta’ titjir.

(3)   Mill‑136 siegħa fix-xahar ta’ xogħol ta’ titjir (konformement mal-Artikolu 8(1) tal-MTV piloti Nru 1), għandha titħallas remunerazzjoni għas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir fl-ammont ta’ 1/73 tas-salarju mensili totali individwali (konformement mal-Artikolu 3) għal kull siegħa ta’ xogħol ta’ titjir.

(4)   […]

(5)   Il-kalkolu tad-dritt għal remunerazzjoni għas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir, imsemmi fil-paragrafi 1 sa 3, għandu jieħu inkunsiderazzjoni għall-benefiċċju tal-kollaboratur, għal kull xahar, għal kull jum sħiħ tal-kalendarju li ma jsirx xogħol fih minħabba leave jew it-taħriġ meħtieġ minn CLH, 3.5 sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir, mhux iktar madankollu minn 98 siegħa ta’ xogħol ta’ titjir fix-xahar.”

– Id-Dokument ta’ Gwida “Jump”

13

Ftehim kollettiv ieħor, konkluż bejn l-imsieħba soċjali fid‑29 ta’ Novembru 2014 u intitolat “Dokument ta’ Gwida ‘Jump’” (“Eckpunktepapier ‘Jump’”), jipprovdi, fil-punt (6) tal-paragrafu III tiegħu:

“Remunerazzjoni għal sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir

Għar-remunerazzjoni tas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir fil-qasam tat-titjiriet interkontinentali fuq ajruplani tat-tip Airbus A 340 fil-qafas tal-proġett ‘Jump’, il-limiti ta’ skattar huma stabbiliti kif ġej:

L-ewwel livell: 93 siegħa

It-tieni livell: 106 sigħat

It-tielet livell: 120 siegħa

L-allowance msemmija fl-Artikolu 4(5) tal-Ftehim Kollettiv Nru 6 tammonta, għal kull jum kalendarju sħiħ, għal 3.1 siegħa ta’ xogħol ta’ titjir, mhux iktar madankollu minn 87 siegħa ta’ xogħol ta’ titjir fix-xahar.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ilu, mis-sena 2001, impjegat minn CLH bħala pilota u first officer. Mis-sena 2010, jaħdem part-time fl-ammont ta’ 90 % tal-ħin tax-xogħol ta’ pilota li jaħdem full-time abbażi ta’ ftehim industrijali konkluż bejn CLH u l-kumitat tax-xogħlijiet tagħha. Ir-remunerazzjoni bażika tiegħu, inklużi l-bonuses tal-pożizzjoni, hija mnaqqsa b’10 % u r-rikorrent fil-kawża prinċipali jingħata 37 jum ta’ leave addizzjonali fis-sena. Madankollu, l-għadd ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ titjir tiegħu matul il-jiem ta’ xogħol tiegħu ma jitnaqqasx.

15

Konformement mal-ftehimiet kollettivi applikabbli, il-ħin tax-xogħol ta’ titjir huwa element kostitwenti tal-ħin tax-xogħol li huwa rremunerat permezz tar-remunerazzjoni bażika. Ħaddiem jirċievi remunerazzjoni għas-sigħat addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir, minbarra din ir-remunerazzjoni bażika (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni addizzjonali”), meta huwa jkun wettaq f’xahar ċertu numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ titjir u jkun qabeż il-limiti stabbiliti għall-“iskattar” tar-remunerazzjoni addizzjonali. Għal dan l-għan, dawn il-ftehimiet kollettivi jipprevedu “tliet rati miżjuda ta’ salarju”, li huma ogħla minn dik ikkalkolata mir-remunerazzjoni bażika.

16

B’mod iktar partikolari, dawn it-tliet rati huma applikabbli għall-kalkolu tar-remunerazzjoni, fir-rigward tat-titjiriet qosra, meta l-ħaddiem ikkonċernat ikun ipprovda, rispettivament, 106, 121 u 136 siegħa ta’ xogħol ta’ titjir fix-xahar (iktar ’il quddiem il-“limiti ta’ skattar”). Fir-rigward tat-titjiriet twal, japplikaw limiti ta’ skattar rispettivi mnaqqsa ta’ 93, 106 u 120 siegħa ta’ xogħol ta’ titjir fix-xahar.

17

Madankollu, il-ftehimiet kollettivi applikabbli ma jipprevedux tnaqqis ta’ dawn il-limiti ta’ skattar għall-ħaddiema part-time skont il-proporzjon tagħhom ta’ ħin ta’ xogħol part-time, liema limiti ta’ skattar huma għalhekk identiċi għall-piloti li jaħdmu full-time u għal dawk li jaħdmu part-time.

18

Fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, sabiex tkun tista’ tiddetermina r-remunerazzjoni addizzjonali, CLH tikkalkula limitu ta’ skattar individwali li jieħu inkunsiderazzjoni x-xogħol part-time tal-persuna kkonċernata. Għas-sigħat ta’ xogħol ta’ titjir li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jaħdem iktar minn dan il-limitu ta’ skattar individwali, huwa jirċievi remunerazzjoni fis-siegħa kkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni bażika. Huwa biss meta l-ħin ta’ xogħol ta’ titjir imwettaq mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqbeż il-limiti ta’ skattar applikabbli għall-ħaddiema full-time li huwa jirċievi r-remunerazzjoni addizzjonali.

19

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqis li huwa għandu dritt għar-remunerazzjoni addizzjonali minn meta huwa jaqbeż il-limiti ta’ skattar jekk dawn ġew imnaqqsa skont il-proporzjon tiegħu ta’ xogħol part-time u jitlob lil CLH għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni diġà mħallsa u r-remunerazzjoni miżjuda abbażi tal-limiti mnaqqsa ta’ skattar, skont il-ħin addizzjonali ta’ xogħol ta’ titjir li huwa ħadem. B’mod iżjed partikolari, huwa jitlob għall-ħlas ta’ din id-differenza ta’ remunerazzjoni għax-xhur ta’ Diċembru 2014 sa Novembru 2018. F’dan ir-rigward, huwa jargumenta li huwa qiegħed jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem full-time, li ma huwiex qiegħed jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-pro rata temporis u li ebda raġuni oġġettiva ma tiġġustifika din id-differenza fit-trattament. Barra minn hekk, billi pprevedew ir-remunerazzjoni addizzjonali, l-imsieħba soċjali ma kellhomx, skont hu, l-għan li jikkumpensaw oneru ta’ xogħol partikolari iżda biss li jipproteġu l-ħin liberu tal-ħaddiema.

20

CLH tikkontesta li għandha twettaq il-ħlas mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, billi tqis li teżisti raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time. Peress li r-remunerazzjoni addizzjonali hija intiża li tikkumpensa oneru ta’ xogħol partikolari, din tkun dovuta biss meta jinqabżu l-limiti ta’ skattar.

21

Fl-ewwel istanza, l-Arbeitsgericht München (it-Tribunal Industrijali ta’ München, il-Ġermanja) laqa’ t-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Il-Landesarbeitsgericht München (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), fl-appell, madankollu ċaħdet din it-talba. Fir-rikors għal reviżjoni tiegħu, awtorizzat minn din il-qorti tal-aħħar, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali żamm l-imsemmija talba.

22

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut li jitnaqqsu l-limiti ta’ skattar proporzjonalment għat-tul tal-ħin ta’ xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas.

23

Dik il-qorti tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, bħala prinċipju, jistgħu jiġu distinti żewġ approċċi differenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, skont l-ewwel approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, skont il-qorti tar-rinviju, fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Helmig et (C‑399/92, C‑409/92, C‑425/92, C‑34/93, C‑50/93 u C‑78/93, EU:C:1994:415, punti 26 et seq.), li jkun hemm differenza fit-trattament kull darba li, għal numru ta’ sigħat indaqs maħduma minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bis-salarju, ir-remunerazzjoni globali mħallsa lill-ħaddiema full-time tkun ogħla minn dik imħallsa lill-ħaddiema part-time. Skont l-imsemmija qorti, applikat għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, dan il-paragun tar-remunerazzjonijiet globali jkun iwassal għall-konstatazzjoni li ma hemmx trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, jiġifieri l-piloti part-time u l-piloti full-time li jirċievu l-istess remunerazzjoni għall-ħin ta’ xogħol ta’ titjir li jaqbeż il-limiti ta’ skattar individwali tal-ħaddiem part-time.

24

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni approċċ, fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2004, Elsner-Lakeberg (C‑285/02, EU:C:2004:320), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikjediet, skont il-qorti tar-rinviju, bħala metodu ta’ verifika tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema ta’ sess maskili u ħaddiema ta’ sess femminili, li kull element tar-remunerazzjoni jiġi eżaminat separatament fid-dawl ta’ dan il-prinċipju u li ma ssirx biss evalwazzjoni globali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’dik is-sentenza, skont l-imsemmija qorti tar-rinviju, trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, għaliex, għal dawn tal-aħħar, in-numru ta’ sigħat addizzjonali li kien jagħti lok għal remunerazzjoni addizzjonali ma kienx imnaqqas b’mod proporzjonali għat-tul tal-ħin ta’ xogħol tagħhom.

25

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li jekk it-tieni approċċ jiġi adottat fil-kawża prinċipali, dan ikun iwassal għall-konstatazzjoni ta’ differenza fit-trattament li tkun tirriżulta mill-fatt li l-piloti li jaħdmu part-time jgawdu mir-remunerazzjoni addizzjonali biss meta jkunu ħadmu, mingħajr żieda fir-remunerazzjoni, is-sigħat ta’ xogħol ta’ titjir inklużi bejn l-ewwel livell tal-limitu ta’ skattar individwali tagħhom, li huwa mnaqqas skont il-proporzjon tagħhom ta’ xogħol part-time, u l-limiti ta’ skattar fissi.

26

Ħaddiem part-time għalhekk ma jirċevix ir-remunerazzjoni addizzjonali mill-ewwel siegħa meta jinqabeż l-ewwel livell tal-limitu ta’ skattar individwali, iżda biss meta jinqabeż il-limitu applikabbli għall-ħaddiema full-time. Dan japplika, b’analoġija, għat-tieni u għat-tielet livell ta’ limiti ta’ skattar. Peress li, għall-ħaddiema part-time, il-limitu li minnu jinsilet dritt ma jiġix redott skont it-tul tal-ħin tagħhom ta’ xogħol individwali, jirriżultaw konsegwenzi sfavorevoli għal dawn il-ħaddiema f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv ta’ dan tal-aħħar, li jwasslu għalhekk għal differenza fit-trattament bejn l-imsemmija ħaddiema u l-ħaddiema full-time.

27

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, mill-għoti tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2018, 10 AZR 231/18, hija kkonformat ruħha ma’ dan it-tieni approċċ.

28

Madankollu, qrati oħrajn u parti mid-duttrina nazzjonali esprimew riżervi dwar l-imsemmi tieni approċċ. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li ma tistax tibqa’ tqis li ma jeżisti ebda dubju raġonevoli dwar din il-kwistjoni.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Dispożizzjoni legali nazzjonali titratta ħaddiema part-time b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full-time paragunabbli, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas […], meta hija tippermetti li remunerazzjoni addizzjonali għall-ħaddiema parti-time u għall-ħaddiema full-time tiġi suġġetta b’mod uniformi għall-kundizzjoni li l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ikun inqabeż, u għalhekk tawtorizza li tittieħed bħala bażi r-remunerazzjoni globali u mhux l-komponent tar-remunerazzjoni li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni addizzjonali?

2)

Sa fejn l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv:

Dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti li dritt għal remunerazzjoni addizzjonali jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ikun inqabeż b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time hija kompatibbli mal-punt 1 tal-klawżola 4, u mal-prinċipju tal-pro rata temporis stabbilit fil-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas […], meta r-remunerazzjoni addizzjonali jkollha bħala għan li tikkumpensa volum ta’ xogħol partikolari?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time paragunabbli, għal li jinħadem l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ attività partikolari bħax-xogħol ta’ titjir ta’ pilota, għandha titqies bħala trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas.

32

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni nnifisha tal-punt (1) tal-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, skont liema dan il-ftehim qafas japplika għall-“ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”, isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa fformulat b’mod wiesa’ (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 37).

33

Barra minn hekk, il-punt (1) tal-klawżola 3 tal-imsemmi ftehim qafas jiddefinixxi l-ħaddiem part-time bħala “ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip”.

34

F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ CLH li għalih japplikaw il-ftehimiet kollettivi msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza. Anki jekk l-ammont ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ dan tal-aħħar ma huwiex stabbilit minħabba n-natura partikolari tal-professjoni tiegħu, huwa stabbilit ukoll li huwa jaħdem, skont dan il-kuntratt ta’ xogħol, inqas sigħat fis-sena minn pilota full-time, peress li, permezz ta’ tnaqqis tas-salarju ta’ 10 %, jingħatawlu 37 jum ta’ leave addizzjonali sabiex jingħata effett għat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tiegħu. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu għalhekk jitqies bħala “ħaddiem part-time”, fis-sens tal-punt (1) tal-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas.

35

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas.

36

Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar huwa intiż, minn naħa, li jippromwovi x-xogħol part-time u, min-naħa l-oħra, li jelimina d-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fil-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jaqa’ taħt il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, din il-klawżola għandha tinftiehem bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Konformement mal-għan ta’ tneħħija ta’ diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time, l-imsemmija klawżola tipprekludi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod “inqas favorevoli” mill-ħaddiema full-time paragunabbli, għar-raġuni biss li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża sabiex tapplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema part-time sabiex jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema full-time (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, ir-remunerazzjoni addizzjonali taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmi fil-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-kundizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet (sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 36, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fil-kuntest tad-determinazzjoni kemm tal-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni kif ukoll tal-livell ta’ dawn l-elementi, il-qrati nazzjonali kompetenti huma obbligati japplikaw għall-ħaddiema part-time l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, b’teħid inkunsiderazzjoni, meta dan ikun xieraq, tal-prinċipju tal-pro rata temporis (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għaldaqstant, għandu jitqies li r-remunerazzjoni addizzjonali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

44

Fir-rigward tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-piloti full-time u part-time ta’ CLH, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim Qafas, għandu, konformement mal-punt (2) tal-klawżola 3, u mal-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-ħaddiema jistgħux jitqiesu bħala li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi Universitarji), C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Jekk jiġi stabbilit li, meta jkunu impjegati, il-ħaddiema part-time jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna li timpjega full-time jew li jokkupaw l-istess pożizzjoni bħalhom, ikun hemm lok, bħala prinċipju, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu bħala paragunabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi Universitarji), C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

46

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-piloti full-time u dawk part-time ta’ CHL iwettqu l-istess xogħol u, b’mod partikolari, l-istess xogħol ta’ titjir, b’tali mod li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, bħala pilota part-time, hija paragunabbli għal dik tal-piloti li jaħdmu full-time, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tat-TzBfG, moqri flimkien mat-tielet sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, suġġett għal verifika finali li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq.

47

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk teżistix differenza fit-trattament bejn pilota li jaħdem part-time, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u l-piloti li jaħdmu full-time, mill-eżami tal-elementi tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati, kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, isegwi li pilota part-time ma jirċevix ir-remunerazzjoni addizzjonali għall-ewwel siegħa li taqbeż l-ewwel livell tal-limitu ta’ skattar individwali tiegħu, iżda jirċeviha biss meta jinqabeż l-ewwel livell ta’ limitu ta’ skattar applikabbli għall-piloti full-time. Dan japplika b’analoġija għat-tieni u għat-tielet livell ta’ limiti ta’ skattar. Għalhekk, il-pilota part-time għandu jwettaq l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ titjir bħal pilota full-time sabiex ikun jista’ jgawdi minn din ir-remunerazzjoni mingħajr ma dan il-livell jitnaqqas skont in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol individwali tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-piloti part-time ma jilħqux, jew hemm ċans ħafna iżgħar li jilħqu, mill-piloti full-time, il-limiti ta’ skattar meħtieġa sabiex jibbenefikaw mir-remunerazzjoni addizzjonali.

48

Fil-fatt, għalkemm ir-remunerazzjoni għal kull siegħa ta’ titjir għaż-żewġ kategoriji ta’ piloti tidher li hija ndaqs sa dawn il-limiti ta’ skattar, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-imsemmija livelli ta’ skattar identiċi jirrappreżentaw, għall-piloti part-time, ammont ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ titjir ikbar milli għall-piloti full-time meta mqabbel mal-ħin tax-xogħol totali tagħhom u, għaldaqstant, għal oneru ikbar milli għall-piloti full-time (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2004, Elsner-Lakeberg, C‑285/02, EU:C:2004:320, punt 17). Tali sitwazzjoni twassal għalhekk għal konsegwenzi sfavorevoli għall-piloti part-time f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv ta’ dan tal-aħħar.

49

Peress li għalhekk huwa inqas komuni li l-ħaddiema part-time jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dritt għar-remunerazzjoni addizzjonali, għandu jitqies li pilota part-time, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa s-suġġett ta’ differenza fit-trattament meta mqabbel mal-piloti full-time komparabbli, ipprojbita mill-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn “raġuni oġġettiva” fis-sens ta’ din il-klawżola.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-riposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time komparabbli, għal li jinħadem l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ attività partikolari bħax-xogħol ta’ titjir ta’ pilota, tikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

51

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time komparabbli, għal li jinħadem l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ attività partikolari bħax-xogħol ta’ titjir ta’ pilota, sabiex jiġi kkumpensat piż ta’ xogħol partikolari għal din l-attività.

52

Konformement mal-għan li tiġi eliminata diskriminazzjoni bejn ħaddiema part‑time u ħaddiema full‑time, il-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas jipprekludi, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-ħaddiema part‑time jiġu ttrattati b’mod “inqas favorevoli” mill-ħaddiema full‑time paragunabbli għar-raġuni biss li huma jaħdmu part‑time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

53

Ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema part‑time għandha tkun ekwivalenti għal dik tal-ħaddiema full‑time, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pro rata temporis stabbilit fil-punt (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 64).

54

F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ftehimiet kollettivi applikabbli, li jissuġġettaw il-ħlas tar-remunerazzjoni addizzjonali għal limiti ta’ skattar identiċi għall-piloti part-time u għal dawk full-time u li ma japplikawx dan il-prinċipju, jikkostitwixxu differenza fit-trattament ipprojbita skont il-punti (1) u (2) ta’ din il-klawżola, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn “raġuni oġġettiva”.

55

Fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Minn din il-perspettiva, hija l-qorti tar-riviju li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies bħala ġġustifikata minn “raġuni oġġettiva”. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, dik il-qorti ser tiġi obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għall-kuntrarju, dan il-kunċett jeżiġi li d-differenza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg ikkonċernata, fil-kuntest partikolari li tidħol fih, u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex wieħed ikun jista’ jiżgura ruħu li din id-differenza tissodisfa bżonn ġenwin, tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u tkun neċessarja għal dan l-għan. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi kuntratti part-time u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, EU:C:2019:858, punt 47).

59

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, sabiex jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, CLH u l-Gvern Ġermaniż jinvokaw l-għan li jiġi kkumpensat piż ta’ xogħol partikolari għax-xogħol ta’ titjir fuq is-saħħa tal-piloti kif ukoll, b’mod marbut mill-qrib għal dan l-għan, dak li l-kumpanniji tal-ajru jiġu skoraġġuti milli jimmobilizzaw lil dawn tal-aħħar b’mod eċċessiv.

60

Issa, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet kollettivi applikabbli ma jsemmu l-ebda raġuni oġġettiva li tippermetti li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li huwa abbażi tal-istruttura ġenerali tagħhom li dik il-qorti tqis li l-għan imfittex mill-imsieħba soċjali jista’ jkun dak invokat minn CLH u l-Gvern Ġermaniż, aspett li hija l-imsemmija qorti li għandha tivverifika.

61

It-tieni, għalkemm dawn il-partijiet qajmu l-limitazzjonijiet inerenti għall-attività ta’ titjir, li madankollu tikkostitwixxi l-attività essenzjali ta’ pilota, huma kkonfermaw matul is-seduta li l-limiti ta’ skattar tas-sigħat ta’ xogħol ta’ titjir previsti mill-ftehimiet kollettivi applikabbli ma kinux ibbażati fuq valuri ddeterminati b’mod oġġettiv jew fuq għarfien xjentifiku, u lanqas fuq data sperimentali ġenerali, pereżempju dwar l-effetti tal-akkumulazzjoni tan-numru mensili ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ titjir. Għalhekk ma jidhirx li jeżistu kriterji oġġettivi u trasparenti li jippermettu li jiġi żgurat li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-applikazzjoni ta’ limiti uniformi għall-piloti li jaħdmu part-time kif ukoll għall-piloti li jaħdmu full-time komparabbli jkunu jissodisfaw ħtieġa reali konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, aspett li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

62

It-tielet, skont din il-ġurisprudenza, minbarra li tali differenza fit-trattament għandha tissodisfa ħtieġa reali, din għandha tkun ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex u tkun neċessarja għal dan l-għan. Barra minn hekk, dan l-għan għandu jitfittex b’mod koerenti u sistematiku, f’konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 32).

63

Issa, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament ikkonstatata hijiex ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan l-għan, fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza, jeżistu dubji, bħalma tosserva l-qorti tar-rinviju, dwar in-natura xierqa u koerenti tal-iffissar ta’ limiti ta’ skattar uniformi għall-piloti, sabiex pilota jkun jista’ jibbenefika mir-remunerazzjoni addizzjonali, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa ta’ dawn tal-aħħar kontra piż ta’ xogħol eċċessiv. Fil-fatt, l-iffissar ta’ limiti ta’ skattar uniformi jwassal sabiex jiġu injorati, bħala prinċipju, ir-riperkussjonijiet individwali li jistgħu joħorġu mill-piż ta’ xogħol u mil-limitazzjonijiet partikolari marbuta max-xogħol ta’ titjir. Dan iwassal ukoll sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li jiffurmaw il-bażi nnifisha tal-istituzzjoni tax-xogħol part-time, bħal piżijiet potenzjali li ma humiex professjonali tal-pilota kkonċernat.

64

Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li, f’dan il-kuntest, sistema ta’ rkupru ta’ sigħat tax-xogħol, ta’ jiem ta’ mistrieħ, jew anki l-iffissar ta’ limiti ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ titjir fil-ġimgħa milli fix-xahar, tista’ tikkostitwixxi miżura iżjed xierqa u koerenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

65

Barra minn hekk, l-iffissar ta’ limiti ta’ skattar uniformi sabiex tinkiseb ir-remunerazzjoni addizzjonali minflok l-introduzzjoni ta’ limiti ta’ skattar individwalizzati skont il-kuntratt tax-xogħol iqajjem problema ta’ koerenza fid-dawl tal-għan intiż sabiex il-kumpanniji tal-ajru jiġu skoraġġuti milli jħaddmu lill-piloti b’mod eċċessiv, fir-rigward tal-piloti part-time. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji jħallsu din ir-remunerazzjoni addizzjonali biss lil hinn mil-limitu ta’ skattar li jikkorrispondi mal-ħin ta’ xogħol tal-piloti full-time.

66

Fl-aħħar nett, safejn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi huma fil-bażi tal-adozzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll tar-rifjut li jiġi applikat il-prinċipju tal-pro rata temporis fis-sitwazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jsegwi li l-amministrazzjoni stretta tal-persunal taqa’ taħt kunsiderazzjonijiet dwar il-baġit u għaldaqstant ma tistax tiġġustifika diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time komparabbli, għal li jinħadem l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ attività partikolari bħax-xogħol ta’ titjir ta’ pilota, sabiex jiġi kkumpensat piż ta’ xogħol partikolari għal din l-attività.

Fuq l‑ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt (1) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time komparabbli, għal li jinħadem l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ attività partikolari bħax-xogħol ta’ titjir ta’ pilota, tikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Il-punti (1) u (2) tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali, b’mod uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time komparabbli, għal li jinħadem l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ attività partikolari bħax-xogħol ta’ titjir ta’ pilota, sabiex jiġi kkumpensat piż ta’ xogħol partikolari għal din l-attività.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top