EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0337

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Renju tal-Belġju – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Deċiżjoni fiskali bil-quddiem (tax ruling) – Prassi amministrattiva stabbilita – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(d) – Kunċett ta’ ‘skema ta’ għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘dispożizzjoni’ – Kunċett ta’ ‘miżuri ta’ implimentazzjoni oħra’ – Definizzjoni tal-benefiċjarji ‘b’mod ġenerali u astratt’ – Appell inċidentali – Ammissibbiltà – Awtonomija fiskali tal-Istati Membri.
Kawża C-337/19 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:990

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑337/19 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju u

Magnetrol International

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem (tax rulings) – Aġġustament tal-profitt abbażi tal-hekk imsejħa profitti eċċessivi – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(d) – Skema ta’ għajnuna – Kunċett ta’ skema – Prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet tat-taxxa bħala skema – Prova, mill-Kummissjoni Ewropea, ta’ prassi amministrattiva stabbilita – Kampjun rappreżentattiv – Assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra – Definizzjoni ġenerali u astratta tal-kumpanniji benefiċjarji – Ammissibbiltà ta’ appell inċidentali”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE ( 2 ), jista’ jinkludi wkoll prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet fi Stat Membru? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet li għandhom jintalbu sabiex il-Kummissjoni Ewropea tipprova l-eżistenza ta’ tali prassi amministrattiva stabbilita?

2.

Dawn iż-żewġ mistoqsijiet jinsabu fil-qalba ta’ dan l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019 ( 3 ). Il-kuntest tat-tilwima huwa l-prassi tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, mill-2004 sal-2014, li tmur lil hinn minn dak li huwa previst mil-liġi hemmhekk u li bis-saħħa tagħha l-profitt ta’ kumpanniji fi gruppi transkonfinali jiġi aġġustat abbażi tal-hekk imsejħa profitti eċċessivi permezz ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem (tax rulings) (xi drabi magħrufa wkoll bħala eżenzjoni tal-profitti eċċessivi). F’dan il-kuntest, għall-finijiet tat-tassazzjoni, il-profitt ta’ kumpannija individwali paragunabbli ttieħed inkunsiderazzjoni, fuq talba, minflok il-profitt proprju tal-kumpanniji kkonċernati. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 ( 4 ), il-Kummissjoni kklassifikat dan bħala għajnuna pprojbita.

3.

F’dan ir-rigward, l-appell ma jirrigwardax il-punt dwar jekk tali deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem jikkostitwixxux, essenzjalment, għajnuna pprojbita ( 5 ). Għall-kuntrarju, l-unika kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-Kummissjoni tistax tikkritika numru kbir ta’ tali deċiżjonijiet fiskali “f’pakkett” bħala skema ta’ għajnuna u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet tista’ tagħmel dan. L-importanza prattika kbira ta’ din il-kwistjoni tirriżulta mill-fatt li dan il-każ jirrigwarda proċedura pilota sa fejn ir-rikorsi ta’ 28 benefiċjarju ieħor tal-għajnuna preżunta jinsabu sospiżi quddiem il-Qorti Ġenerali ( 6 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-kuntest ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni f’dan l-appell huwa kkostitwit mill-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll mir-Regolament 2015/1589.

5.

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589 jinkludi diversi definizzjonijiet. Skont il-paragrafu (d) tiegħu, l-espressjoni “‘skema ta’ għajnuna’ tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

6.

Skont l-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-Regolament, “‘għajnuna individwali’ tfisser għajnuna li ma tingħatax fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikabbli fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna”.

B. Id-dritt Belġjan

1.   Il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul

7.

Fil-Belġju, ir-regoli tat-tassazzjoni fuq id-dħul huma kkodifikati fil-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 92”). Skont l-Artikolu 1(1) taċ-CIR 92, bħala taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari, tiġi imposta taxxa fuq id-dħul globali tal-kumpanniji residenti, l-hekk imsejħa “taxxa fuq il-kumpanniji”.

8.

L-Artikolu 185 taċ-CIR 92 jipprevedi f’dan ir-rigward li l-kumpanniji għandhom jiġu intaxxati fuq l-ammont totali tal-profitti tagħhom, inklużi fuq id-dividendi mqassma.

2.   Il-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002

9.

Fl‑24 ta’ Diċembru 2002, il-Belġju adotta l-loi modifiant le régime des sociétés en matière d’impôts sur les revenus et instituant un système de décision anticipée en matière fiscale (il-Liġi li Temenda s-Sistema tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji u li Tistabbilixxi Sistema ta’ Deċiżjonijiet bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali) ( 7 ).

10.

L-Artikolu 20 ta’ din il-liġi jipprevedi li s-Service public fédéral des Finances (id-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi, il-Belġju) għandu jieħu pożizzjoni permezz ta’ deċiżjoni fiskali bil-quddiem dwar kwalunkwe talba li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġijiet fiskali. Deċiżjoni fiskali bil-quddiem hija ddefinita bħala l-att legali li permezz tiegħu d-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif il-liġi tkun ser tiġi applikata għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li ma jkunx għadhom kellhom effett fiskali. Id-deċiżjoni fiskali bil-quddiem ma tistax twassal għal eżenzjoni jew għal tnaqqis tat-taxxa.

11.

L-Artikolu 22 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 jipprevedi li ebda deċiżjoni fiskali bil-quddiem ma tista’ tingħata, b’mod partikolari, meta t-talba tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet jew tranżazzjonijiet identiċi għal dawk li diġà kellhom effetti fiskali fir-rigward tal-persuna li tressaq it-talba.

3.   Il-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 li Temenda ċ-CIR 92

12.

Permezz tal‑loi du 21 juin 2004, modifiant le CIR 92 et la loi du 24 décembre 2002 (il-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 li Temenda ċ-CIR 92 u l-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002) ( 8 ), il-Belġju introduċa dispożizzjonijiet fiskali ġodda dwar it-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ kumpanniji assoċjati fi grupp multinazzjonali, li jipprevedu b’mod partikolari aġġustament tal-profitti msejjaħ “aġġustament korrelattiv”.

13.

Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Gvern Belġjan lix-Chambre des députés (il-Kamra tad-Deputati, il-Belġju), din il-liġi kienet intiża, minn naħa, li temenda ċ-CIR 92 sabiex tinkludi fih espressament il-prinċipju ta’ distakkament rikonoxxut fuq livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002 kellha tinbidel sabiex tagħti lis-service des décisions anticipées (is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, il-Belġju) il-kompetenza li jadotta dawn id-deċiżjonijiet. Il-prinċipju ta’ distakkament ġie introdott fil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana biż-żieda tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 185 taċ-CIR 92, li huwa bbażat fuq it-test tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-kapital.

14.

L-għan tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 huwa li jiġi żgurat li l-bażi taxxabbli tal-kumpanniji, li huma suġġetti għat-taxxa fil-Belġju, tkun tista’ tiġi aġġustata permezz ta’ aġġustamenti fir-rigward tal-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan il-grupp, meta l-prezzijiet tat-trasferiment applikati ma jirriflettux il-mekkaniżmi tas-suq u l-prinċipju ta’ distakkament. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “aġġustament xieraq” introdott permezz tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 huwa ġġustifikat bl-għan li tiġi evitata jew imwaqqfa taxxa doppja (potenzjali). Huwa ppreċiżat ukoll li dan l-aġġustament għandu jsir każ b’każ abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li għandha tiġi pprovduta b’mod partikolari mill-persuna taxxabbli. Aġġustament korrelattiv għandu jitwettaq biss jekk l-amministrazzjoni fiskali tqis li l-aġġustament primarju magħmul fi Stat Membru ieħor huwa ġġustifikat kemm bħala prinċipju u kemm fir-rigward tal-ammont tiegħu.

15.

L-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 jipprovdi dan li ġej:

“[G]ħal żewġ kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom:

a)

meta ż-żewġ kumpanniji jkunu marbuta, fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, minn kundizzjonijiet miftiehma jew imposti fuqhom li huma differenti minn dawk li kienu jkunu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti li, f’dawn il-kundizzjonijiet, kienu jkunu ġġenerati minn waħda minn dawn il-kumpanniji, iżda li ma setgħux jiġu ġġenerati minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu jiġu inklużi fil-profitti ta’ din il-kumpannija;

b)

meta, fil-profitti ta’ kumpannija jkunu inklużi profitti li jkunu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra, u meta l-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jiġu ġġenerati minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti tal-ewwel kumpannija għandhom jiġu aġġustati b’mod xieraq.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika b’deċiżjoni fiskali bil-quddiem mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tat-Taxxa Doppja” ( 9 ).

4.   Fuq il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani

16.

Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani tirriżulta minn ċirkulari tal‑4 ta’ Lulju 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament kif ukoll minn diversi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari mogħtija mill-Ministru għall-Finanzi Belġjan ikkonċernat.

17.

Iċ-ċirkulari tal‑4 ta’ Lulju 2006 ntbagħtet lill-uffiċjali tal-amministrazzjoni ġenerali fiskali, f’isem il-Ministru għall-Finanzi, sabiex tingħata gwida dwar, b’mod partikolari, l-introduzzjoni tal-paragrafu 2 fl-Artikolu 185 taċ-CIR 92 u l-emendi korrispondenti ta’ dan il-kodiċi. Iċ-ċirkulari tindika li dawn l-emendi, li ilhom fis-seħħ mid‑19 ta’ Lulju 2004, huma intiżi sabiex jimplimentaw il-prinċipju ta’ distakkament fil-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana. Huma kienu jikkostitwixxu l-bażi legali sabiex jiġi aġġustat il-profitt taxxabbli li jirriżulta minn relazzjonijiet transkonfinali fi ħdan grupp multinazzjonali bejn kumpanniji assoċjati.

18.

Iċ-ċirkulari tesponi, minn naħa, li l-aġġustament pożittiv previst fl-Artikolu 185(2)(a) taċ-CIR 92 jippermetti żieda fil-profitti tal-kumpannija residenti li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali. Dan iservi sabiex jiġu inklużi l-profitti li l-kumpannija residenti kienet tiġġenera li kieku tranżazzjoni partikolari twettqet f’kuntest ta’ distakkament.

19.

Min-naħa l-oħra, l-aġġustament korrelattiv negattiv previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 għandu l-għan li tiġi evitata taxxa doppja (potenzjali). Dan l-aġġustament għandu jsir każ b’każ abbażi tal-informazzjoni disponibbli pprovduta b’mod partikolari mill-persuna taxxabbli. Aġġustament korrelattiv għandu jitwettaq biss jekk l-amministrazzjoni finanzjarja jew is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem iqisu li l-aġġustament huwa ġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu. Huwa speċifikat li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma japplikax jekk il-profitt iġġenerat fl-Istat assoċjat jiżdied b’tali mod li jkun ogħla mill-profitt li kien jiġi ġġenerat li kieku jiġi applikat il-prinċipju ta’ distakkament.

20.

Fit-13 ta’ April 2005, bi tweġiba għal mistoqsijiet parlamentari dwar is-sistema fiskali tal-profitti eċċessivi, il-Ministru għall-Finanzi Belġjan ikkonferma, l-ewwel, li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha tkun inħarġet deċiżjoni fiskali bil-quddiem b’applikazzjoni ta’ metodu li jippermetti li jiġi ġġenerat profitt konformi ma’ distakkament; it-tieni, li l-profitti ta’ grupp internazzjonali li jopera fil-Belġju, li jidhru fir-rapporti finanzjarji Belġjani u li jaqbżu l-profitti konformi ma’ distakkament, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli fil-Belġju; u, it-tielet, ma humiex l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani li għandhom jiddeterminaw liema kumpanniji barranin jenħtieġ li jinkludu dawn il-profitti eċċessivi mal-profitti tagħhom.

21.

Fil‑11 ta’ April 2007, fil-kuntest ta’ sensiela ġdida ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(a) u (b) taċ-CIR 92, il-Ministru għall-Finanzi spjega li sa dak l-istadju kienu waslu biss talbiet għal aġġustamenti negattivi. Barra minn hekk, huwa speċifika li, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet imwettqa, ir-riskji meħuda u l-assi allokati għal attivitajiet li ma kienx għad kellhom impatt fiskali fil-Belġju sabiex jiġi ddeterminat il-metodu intiż għall-istabbiliment tal-profitt konformi ma’ distakkament tal-kumpannija Belġjana. Għalhekk, il-profitt irreġistrat fil-Belġju permezz tar-rapporti finanzjarji Belġjani tal-grupp internazzjonali u li jaqbeż il-profitt konformi ma’ distakkament ma għandux jiġi inkluż fil-profitt taxxabbli fil-Belġju. Fl-aħħar nett, il-Ministru għall-Finanzi Belġjan indika mill-ġdid li ma kienx il-kompitu tal-awtorità tat-taxxa Belġjana li tiddetermina lil liema kumpanniji barranin kellu jiġi attribwit dan il-profitt eċċessiv. F’dan ir-rigward, huwa impossibbli li tiġi skambjata informazzjoni ma’ awtoritajiet tat-taxxa barranin.

22.

Fis‑6 ta’ Jannar 2015, il-Ministru għall-Finanzi Belġjan ikkonferma li l-prinċipju fundamentali li fuqu kienu bbażati d-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kien li jiġi intaxxat il-profitt li jikkorrispondi għal profitt konformi ma’ distakkament għall-kumpannija kkonċernata u kkonferma għal darba oħra t-tweġibiet mogħtija mill-predeċessur tiegħu, fil‑11 ta’ April 2007, dwar il-fatt li l-awtorità tat-taxxa Belġjana ma kellhiex il-kompitu li tistabbilixxi lil liema kumpannija barranija kellu jiġi attribwit il-profitt eċċessiv li ma jkunx intaxxat fil-Belġju.

III. Il-fatti u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

A. Il-fatti li wasslu għall-kawża

23.

Bejn l-2004 u l-2014, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana wettqet aġġustamenti negattivi tal-profitti ta’ 55 kumpannija ta’ “gruppi transkonfinali” stabbiliti fil-Belġju permezz ta’ 66 deċiżjoni fiskali bil-quddiem.

24.

F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Dan l-artikolu jippermetti li jiġu aġġustati l-profitti bejn żewġ kumpanniji assoċjati fi grupp li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti.

25.

Madankollu, skont il-Kummissjoni, ma kienx ħlas għal servizzi bejn żewġ kumpanniji assoċjati li ġie evalwat mill-ġdid abbażi tal-kriterju ta’ distakkament, kif previst fl-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, iżda l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani qabblu, bħala riżultat, il-profitt ta’ kumpannija integrata fi “grupp transkonfinali” ma’ dak ta’ kumpannija mhux assoċjata. B’mod konkret, dawn il-profitti eċċessivi ġew iddeterminati billi ġie evalwat il-profitt medju ipotetiku li kumpannija awtonoma li teżerċita attività paragunabbli kienet tagħmel f’sitwazzjoni paragunabbli u billi tnaqqas dan l-ammont mill-profitt effettivament iġġenerat mill-kumpannija Belġjana kkonċernata ( 10 ). Skont il-Belġju, l-ammont li jifdal huwa dovut għas-sinerġiji, ekonomiji ta’ skala jew vantaġġi oħra li jirriżultaw mill-appartenenza fi grupp multinazzjonali u li ma jkunux preżenti fil-każ ta’ kumpannija awtonoma u paragunabbli ( 11 ).

26.

B’deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni kkonstatat li l-aġġustamenti pprovduti mill-Belġju permezz ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, ibbażati fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern u li kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

27.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita fi stadju iktar tard mill-Belġju. Madankollu, mill-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżultaw diġà 55 benefiċjarju, fosthom Magnetrol International NV, Soudal BV, Esko‑Graphics BVBA, Flir Systems Trading Belgium BVBA, Anheuser‑Busch InBev SA/NV, Ampar BVBA, Wabco Europe BVBA, Atlas Copco Airpower NV, Atlas Copco AB u Celio International NV.

28.

Fil-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kklassifikat l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem inkwistjoni, fl-intier tagħha, bħala skema ta’ għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif applikat mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li dawn l-eżenzjonijiet kienu ngħataw mingħajr ma kienu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet bażiċi, sa fejn l-awtoritajiet Belġjani awtorizzaw id-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem abbażi ta’ approċċ sistematiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet kienu ddefiniti b’mod ġenerali u astratt mid-dispożizzjonijiet bażiċi tal-iskema. Fil-fatt, dawn kienu jkopru l-kumpanniji li kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati ( 12 ).

B. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

29.

Fit‑22 ta’ Marzu u fil‑25 ta’ Mejju 2016 rispettivament, il-Belġju u Magnetrol International ippreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li ġew magħquda mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-proċedura orali. L-Irlanda għamlet intervent insostenn tal-Belġju.

30.

Il-Belġju u Magnetrol International qajmu, essenzjalment, il-motivi li ġejjin:

indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenza esklużiva tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta;

konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna;

konstatazzjoni żbaljata li d-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem dwar il-profitti eċċessivi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

31.

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ndaħlet fis-sovranità fiskali tal-Belġju (punti 59 sa 74 tas-sentenza appellata). Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivi tal-Belġju u ta’ Magnetrol International dwar il-ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 fir-rigward tal-allegata eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna kienu fondati (punti 75 sa 135 tas-sentenza appellata). Għalhekk ma kienx iktar neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra (punt 136 tas-sentenza appellata).

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.

Il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2019.

33.

Fit-18 ta’ Lulju 2019, il-Belġju ppreżenta appell inċidentali.

34.

Permezz ta’ digrieti tal-15 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ lil Soudal, Esko-Graphics, Flir Systems Trading Belgium, Anheuser-Busch InBev u Ampar, Wabco Europe, Atlas Copco Airpower u Atlas Copco kif ukoll Celio International bħala intervenjenti insostenn ta’ Magnetrol International.

35.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sistema ta’ profitti eċċessivi ġiet ikkunsidrata inġustament fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi pendenti;

tordna li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

36.

Il-Belġju, Magnetrol International u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

37.

Fil-kuntest tal-appell inċidentali, il-Belġju jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv ippreżentat mill-Belġju u tiddeċiedi fuq dan il-motiv;

tikkonferma l-kumplament tas-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell inċidentali.

38.

Il-Kummissjoni titlob li l-appell inċidentali jiġi miċħud.

39.

Il-Kummissjoni, il-Belġju, Magnetrol International u l-intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-appell bil-miktub u oralment matul is-seduta tal-24 ta’ Settembru 2020 ( 13 ).

V. Evalwazzjoni

A. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

40.

Il-Belġju, Magnetrol International, Soudal, Esko-Graphics u Wabco Europe isostnu li l-appell tal-Kummissjoni huwa inammissibbli fl-intier tiegħu. Fl-ewwel lok, huma jikkritikaw it-talbiet tal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, huma jqisu li l-Kummissjoni qiegħda tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Fit-tielet lok, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma hijiex turi fejn jinsabu l-iżbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali.

1.   Fuq it-talbiet tal-Kummissjoni

41.

L-ewwel nett, Magnetrol International, Soudal, Esko-Graphics u Wabco Europe isostnu li t-talbiet tal-Kummissjoni huma inammissibbli. Il-Kummissjoni titlob li tiġi annullata biss il-parti tas-sentenza li tikkawżalha preġudizzju. Madankollu, il-parti kkontestata tad-dispożittiv, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, hija indiviżibbli.

42.

Skont l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv.

43.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja “tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-sistema ta’ profitti eċċessivi ġiet ikkunsidrata inġustament fid-deċiżjoni kontenzjuża bħala skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589”. F’dan ir-rigward, mit-talba tal-appell tal-Kummissjoni jirriżulta mingħajr ekwivoku li din it-talba hija intiża għall-annullament tad-dispożittiv li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. Dan jikkorrispondi għall-annullament sħiħ tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tilqa’ b’mod sħiħ ir-rikorsi tal-Belġju u ta’ Magnetrol International. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx dawn ir-rikorsi parzjalment.

44.

Sa fejn jirriżulta b’mod ċar li l-appell huwa intiż għall-annullament tas-sentenza appellata ( 14 ), it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma ammissibbli.

2.   Fuq l-ilment li l-Kummissjoni qiegħda tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali

45.

Il-Belġju, Soudal u Esko-Graphics jilmentaw ukoll li l-Kummissjoni qiegħda titlob evalwazzjoni ġdida tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni qiegħda tipprova tissostitwixxi b’mod definittiv il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

46.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell jista’ jsir biss fuq punti ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk punt ta’ liġi li bħala tali huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ appell, ħlief fil-każ li dawn ikunu ġew żnaturati ( 15 ).

47.

Madankollu, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha sabiex tikkritika preċiżament il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti tal-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, hija ssostni diversi drabi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha għal ilmenti fil-livell ta’ fatti, iżda tqajjem ukoll, kif ser nesponi iktar ’il quddiem ( 16 ), żbalji ta’ liġi.

3.   Fuq il-motivazzjoni suffiċjenti tal-appell

48.

Fl-aħħar nett, il-Belġju, Soudal u Esko-Graphics jallegaw li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’liema mod il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

49.

Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-deċiżjoni li l-annullament tagħha huwa mitlub, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi verbatim il-motivi u l-argumenti li jkunu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ( 17 ).

50.

Madankollu, il-Kummissjoni tikkritika ċerti elementi tas-sentenza appellata u tidentifika punti speċifiċi f’dan ir-rigward ( 18 ). Hija tispjega wkoll kif, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-diversi kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

51.

Għaldaqstant, l-appell huwa fondat suffiċjentement.

4.   Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà tal-appell

52.

Bħala konklużjoni, l-appell huwa ammissibbli.

B. Fuq il-mertu tal-appell

53.

L-appell tal-Kummissjoni jikkonsisti f’aggravju wieħed. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u, barra minn hekk, żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ skema ta’ għajnuna ma kinux ġew ippreċiżati.

54.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-prassi sistematika ta’ aġġustament tal-profitti mill-awtoritajiet Belġjani, li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna (punt 135 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni ma eżaminatx id-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem meħuda kollha, iżda eżaminat biss kampjun. Skont il-Qorti Ġenerali, hija b’dan il-mod ma stabbilixxietx li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani segwew approċċ sistematiku fid-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kollha (punt 134 tas-sentenza appellata).

55.

Skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, skema ta’ għajnuna hija skema li abbażi tagħha tista’ tingħata għajnuna individwali lil kumpanniji, li huma ddefiniti b’mod ġenerali u astratt f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

56.

Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-regolament, “għajnuna individwali” tfisser kull għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, jew li tingħata abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, iżda li għandha tiġi nnotifikata.

57.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 tissodisfa tliet kundizzjonijiet: l-ewwel, hija għandha tkun skema. It-tieni, l-għajnuniet individwali għandhom jingħataw mingħajr miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. It-tielet, l-iskema għandha tiddefinixxi l-kumpanniji benefiċjarji tal-għajnuniet b’mod ġenerali u astratt. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv.

58.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet issodisfatta. Il-Kummissjoni tqis li b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tliet kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(d) (l-ewwel sat-tielet parti tal-aggravju). Huwa biss jekk dan jgħodd għal kull waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet li l-appell tal-Kummissjoni jista’ finalment jintlaqa’.

59.

Mill-banda l-oħra, ir-raba’ u l-aħħar parti tal-aggravju, li tgħid li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-ratio legis tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, ma tikkostitwixxix fir-realtà parti awtonoma tal-aggravju. Għall-kuntrarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-ratio legis ta’ dispożizzjoni għall-interpretazzjoni ta’ kull waħda mill-kundizzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, din il-parti ser tiġi eżaminata mat-tliet partijiet l-oħra.

1.   Fuq l-ewwel kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ “skema” (l-ewwel parti tal-aggravju)

60.

Bl-ewwel parti tal-aggravju, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 78 et seq. tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri l-kunċett ta’ skema. Barra minn hekk, hija allegatament żnaturat il-premessi 94 sa 110 tad-deċiżjoni kontenzjuża billi qieset, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-atti msemmija fil-premessa 99 biss kienu jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema inkwistjoni.

61.

Fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, il-motivazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, iċ-ċirkulari tal‑4 ta’ Lulju 2006 u t-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kienu jikkostitwixxu l-atti li abbażi tagħhom kienet ġiet awtorizzata s-sistema fiskali tal-profitti eċċessivi.

62.

L-ewwel parti tal-aggravju hija maqsuma, min-naħa tagħha, f’żewġ argumenti. Minn naħa, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-kunċett ta’ skema fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 jista’ jinkludi prassi amministrattiva stabbilita (ara l-punt a). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Kummissjoni kienet ipprovat suffiċjentement din il-prassi amministrattiva stabbilita (ara l-punt b).

a)   Fuq il-kunċett ta’ skema

63.

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ skema. Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ skema jista’ jinkludi wkoll prassi amministrattiva stabbilita, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali.

64.

Il-kunċett ta’ skema fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 19 ). Filwaqt li ftit verżjonijiet lingwistiċi jindikaw li skema leġiżlattiva tista’ tkun neċessarja ( 20 ), il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ( 21 ) tidher li turi li huwa suffiċjenti li jkun hemm konsegwenza legali ( 22 ), kemm permezz tal-liġi kif ukoll b’xi mod ieħor.

65.

Anki l-effett utli tal-kontroll tal-għajnuniet jiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa. Filwaqt li l-punt (e) jirrigwarda każijiet individwali, il-punt (d) jipprevedi numru kbir ta’ każijiet simili. L-effettività tax-xogħol tal-Kummissjoni tkun kompromessa jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jostakolaw il-verifika ta’ skema ta’ għajnuna astratta billi jmexxuha mil-livell leġiżlattiv għal-livell amministrattiv. Il-Kummissjoni jkollha għalhekk tieħu kull waħda mid-deċiżjonijiet każ b’każ, anki jekk dawn ikunu simili.

66.

Mill-banda l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni jidher li huwa bbażat fuq qari mhux komplut tas-sentenza appellata. Fl-ewwel stadju, il-Qorti Ġenerali vverifikat, fil-punti 80 et seq. tas-sentenza tagħha, jekk l-atti legali identifikati fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirrappreżentawx il-bażi għall-aġġustamenti negattivi mogħtija. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan fil-punt 96 tas-sentenza billi sostniet li dawn ma kinux jinkludu l-elementi essenzjali tal-iskema kkritikata mill-Kummissjoni. Fit-tieni stadju, il-Qorti Ġenerali vverifikat sussegwentement, fil-punti 121 et seq., jekk l-argument tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita jikkontestax din il-konklużjoni. Tali prassi amministrattiva stabbilita hija deskritta bħala “approċċ sistematiku” mill-Qorti Ġenerali.

67.

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali tirreferi ġustament, fil-punti 79 u 122 tas-sentenza appellata, għas-sentenza Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni. Minn din is-sentenza jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ att legali li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi li, meħuda flimkien, jippermettu li jiġi konkluż li teżisti skema ta’ għajnuna ( 23 ). Kuntrarjament għal dak li jsostnu ċerti partijiet, mis-sentenza Pleuger ( 24 ) ma jirriżultax madankollu li prassi amministrattiva tista’ tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna biss fin-nuqqas ta’ skema leġiżlattiva. Huwa minnu li, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi biss fuq sitwazzjoni li fiha ma seta’ jiġi identifikat ebda att legali, li fuqu kienet ibbażata l-iskema ta’ għajnuna. Madankollu, billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar każijiet li fihom att legali jiġi applikat lil hinn mill-formulazzjoni tiegħu, b’metodu partikolari u b’mod uniformi mill-amministrazzjoni. B’analoġija, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma teskludi li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna meta l-karatteristiċi ta’ approċċ sistematiku jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonkludiet, fil-punt 124, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita permezz ta’ tali approċċ sistematiku.

68.

Għaldaqstant, dan l-argument tal-Kummissjoni, imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju tagħha, huwa ineffettiv.

b)   Fuq il-prova tal-prassi amministrattiva stabbilita

69.

Għalhekk, huwa deċiżiv jekk, kif tikkritika l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta imponiet kundizzjonijiet stretti wisq sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 134 tas-sentenza tagħha, li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, li ġie segwit fid-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kollha.

70.

Kif tfakkar iktar ’il fuq ( 25 ), l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix, bħala prinċipju, punt ta’ liġi suġġett bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u fuq il-konsegwenzi legali li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali ( 26 ).

71.

B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ approċċ sistematiku b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi (punt 126 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni la ppreċiżat l-għażla ta’ dan il-kampjun u lanqas ir-raġunijiet li għalihom dan il-kampjun tqies bħala rappreżentattiv tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kollha (punt 127 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni użat eżempji sabiex tkopri d-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kollha, mingħajr ma ġġustifikat l-għażla u r-rappreżentattività tagħhom (punt 128 tas-sentenza appellata).

72.

Kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-istudju tal-kampjuni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ skema (ara l-punt 1). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkontestat l-għażla tal-kampjun mill-Kummissjoni (ara l-punt 2).

1) Fuq il-prova tal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna permezz ta’ kampjun

73.

Il-Kummissjoni tikkritika d-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem bħala għajnuna individwali ( 27 ). Madankollu, dan ma jeskludix li, anki fil-preżenza ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita segwita mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-awtoritajiet tat-taxxa jipproċedu sistematikament.

74.

Prassi amministrattiva tippreżenta ċertu livell ta’ prassi konsistenti u ġenerali ( 28 ). Tali prassi hija stabbilita meta tkun applikata b’mod li tagħti l-impressjoni li każijiet li jaqgħu taħt kategorija partikolari jiġu ttrattati dejjem b’dan il-mod.

75.

Il-prova tal-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita tippreżenta, min-natura tagħha, ċerti imperfezzjonijiet, b’mod partikolari meta l-Istat ma jkunx adotta dispożizzjonijiet amministrattivi f’dan ir-rigward. Madankollu, is-sempliċi apparenza ta’ prassi amministrattiva ma hijiex suffiċjenti. Għall-kuntrarju, fil-preżenza ta’ liġi, il-Kummissjoni hija meħtieġa turi li l-prassi amministrattiva eċċediet b’mod kostanti s-sempliċi eżerċizzju tal-kompetenzi legali. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-liġi stess tkun tikkostitwixxi l-iskema ta’ għajnuna.

76.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni takkuża lill-Belġju li l-awtoritajiet tat-taxxa tiegħu applikaw sistematikament l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 b’mod żbaljat. Fil-fatt, filwaqt li, skont din id-dispożizzjoni, aġġustament tal-profitti huwa possibbli għal ftehim bejn żewġ kumpanniji ta’ grupp, l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani setgħu jagħtu l-eżenzjoni indipendentement minn ftehim ta’ dan it-tip.

77.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, kien suffiċjenti li l-profitti jkunu marbuta ma’ sitwazzjoni ġdida, bħalma hija riorganizzazzjoni li twassal għall-istabbiliment tal-imprenditur ċentrali fil-Belġju, il-ħolqien ta’ impjiegi jew investimenti ( 29 ). L-awtoritajiet Belġjani esprimew saħansitra, kif reġgħet spjegat b’mod informattiv il-Kummissjoni matul is-seduta, il-possibbiltà ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem li wettqu aġġustament negattiv tal-profitti (imsejjaħ ukoll, xi drabi, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-profitti eċċessivi) ( 30 ).

78.

Madankollu, jekk, prima facie, diversi deċiżjonijiet jippreżentaw l-istess approċċ u l-istess motivazzjoni, dan ikun indizju ta’ prattika amministrattiva stabbilita.

79.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina d-deċiżjonijiet ikkontestati kollha separatament, iżda tista’ wkoll tibbaża ruħha fuq kampjun sabiex turi l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita ( 31 ). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika n-natura rappreżentattiva tal-għażla tal-kampjun tagħha. Il-kampjun għandu jkun sinjifikattiv biżżejjed għall-każ konkret ( 32 ). F’dan ir-rigward, il-kampjun jista’ jintgħażel b’mod purament aleatorju jew b’tali mod li minn kampjun parzjali partikolari tkun tista’ tinsilet konklużjoni, bl-iktar mod affidabbli possibbli, fir-rigward tal-massa totali.

80.

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar metodu, il-parametri kollha rilevanti għall-għażla tal-kampjun għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni kontenzjuża. L-argumenti, imressqa mill-Kummissjoni fl-appell, dwar in-natura rappreżentattiva tal-kampjun tressqu tard wisq u għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

2) Fuq il-prova tal-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita f’dan il-każ

81.

Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx ġustament, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma rnexxilhiex turi, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita.

82.

Il-Qorti Ġenerali tirrileva, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni eżaminat kampjun ta’ 22 mis-66 deċiżjoni fiskali bil-quddiem inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni la ppreċiżat l-għażla ta’ dan il-kampjun u lanqas il-motivi li għalihom dan il-kampjun kien ikkunsidrat bħala rappreżentattiv tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kollha. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tkopri l-perijodu tad-deċiżjonijiet ikkontestati permezz tad-deċiżjonijiet eżaminati.

83.

Barra minn hekk, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkritika n-nuqqas ta’ dettalji dwar il-motivi li għalihom sitt deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem meħuda minn dan il-kampjun ġew deskritti fil-qosor fid-deċiżjoni kontenzjuża. Id-deċiżjoni kontenzjuża lanqas ma tinkludi r-raġunijiet għaliex dawn is-sitt deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem huma suffiċjentement rappreżentattivi ta’ kull waħda mis-66 deċiżjoni fiskali bil-quddiem.

84.

Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax tiġi kkritikata sa fejn is-sitt deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem meħuda bħala eżempji huma “eżempji li setgħu jintużaw bħala rappreżentazzjoni” ( 33 ) biss, fit-termini użati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, eżempji li jistgħu jintużaw bħala rappreżentazzjoni ma humiex preċiżament il-motivi ta’ deċiżjoni, iżda jservu biss sabiex jispjegaw din id-deċiżjoni.

85.

Madankollu, fir-rigward tal-motivi essenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ġie espost iktar ’il fuq, l-għażla tal-Kummissjoni jeħtieġ li tkun rappreżentattiva. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri kollha li wasslu għall-għażla tal-kampjun. Dawn għandhom jiġu evalwati b’mod globali ( 34 ).

86.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni l-ewwel nett eżaminat 22 mis-66 deċiżjoni fiskali bil-quddiem inkwistjoni, b’tali mod li l-kampjun kien jinkludi terz ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Dan in-numru ma jistax jiġi kkritikat. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet kollha joriġinaw mill-istess emittent, jiġifieri l-amministrazzjoni Belġjana responsabbli għad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem.

87.

Barra minn hekk, kull waħda mit-22 deċiżjoni fiskali bil-quddiem magħżula u eżaminata kienet tkopri aġġustamenti ta’ profitti favur dawk li ressqu t-talba, li kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpanniji ta’ livell multinazzjonali. B’dan il-mod, l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani implimentaw, kif indikat mill-Kummissjoni, tassazzjoni fittizja tal-profitti għal kumpanniji partikolari li ma tirriżultax mill-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92.

88.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għażlet deċiżjonijiet meħuda fl-2004, fl-2007, fl-2010 u fl-2013. Ċertament, din l-informazzjoni tirriżulta biss mit-tielet premessa tad-deċiżjoni kontenzjuża. Din ma tinsabx fil-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-evalwazzjoni tal-miżura, iżda sempliċement tippreżenta l-proċedura.

89.

Madankollu, mit-tabella li tidher b’mod prominenti fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li dawn it-22 deċiżjoni tal-kampjun jirrappreżentaw id-deċiżjonijiet kollha meħuda għas-snin magħżula. Peress li ebda deċiżjoni ma ġiet adottata fl-2004, il-Kummissjoni rrikorriet għall-2005, l-ewwel sena tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem ta’ dan it-tip. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddokumentat korrettement, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, l-istqarrijiet tal-Kummissjoni li hija kopriet, permezz tal-eżami ta’ dawn is-snin, id-deċiżjonijiet meħuda fil-bidu, fin-nofs u fl-aħħar tal-perijodu.

90.

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni esponiet li l-kampjun huwa rappreżentattiv globalment u, għaldaqstant, suffiċjenti sabiex juri l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita.

91.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li talbiet individwali ġew irtirati wara l-fażi ta’ eżami preliminari. Skont il-punt 112 tas-sentenza appellata, madwar 50 % biss tat-talbiet finalment taw lok għal deċiżjoni fiskali bil-quddiem matul l-2014. In-nofs l-ieħor tat-talbiet ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni.

92.

Madankollu, dan il-fatt huwa irrilevanti, peress li, minn naħa, il-Kummissjoni ma inkludietx l-2014 fil-kampjun tagħha. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Belġjani informaw lill-Kummissjoni “li qatt ma rrifjutaw applikazzjoni għal deċiżjoni fiskali bil-quddiem biex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv minn meta ġiet introdotta l-iskema kkontestata” ( 35 ). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li hija kienet kopriet il-prassi deċiżjonali kollha tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani.

93.

Fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni tiddependi mill-kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Hija tista’ tindirizza talbiet għal informazzjoni lill-Istat Membru, skont l-Artikoli 5, 12 u 20 tar-Regolament 2015/1589. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tiddependi fuq il-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru tkun korretta u kompluta. Hija ma hijiex obbligata twettaq riċerki addizzjonali.

94.

Minn dan isegwi li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti l-għażla tal-kampjun u r-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat dan il-kampjun bħala rappreżentattiv tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem kollha. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta iktar fid-dettall għall-argument tal-Kummissjoni li sempliċi riferiment għad-deċiżjoni ta’ ftuħ fid-deċiżjoni kontenzjuża huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni meħtieġa ( 36 ).

95.

Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat b’mod żbaljat il-kampjun bħala mhux suffiċjentement rappreżentattiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita.

c)   Konklużjoni fuq l-ewwel parti tal-aggravju

96.

L-ewwel parti tal-aggravju hija għalhekk fondata.

2.   Fuq it-tieni kundizzjoni dwar l-assenza ta’ “miżuri ta’ implimentazzjoni oħra” (it-tieni parti tal-aggravju)

97.

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri li ma għandha tkun meħtieġa ebda miżura ta’ implimentazzjoni oħra.

98.

Fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet b’mod żbaljat li l-iskema fiskali Belġjana tal-profitti eċċessivi inkwistjoni ma kinitx teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

99.

Preċedentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddefinixxiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li għajnuna individwali għandha tingħata mingħajr miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. Għal dan il-għan, huwa importanti li l-elementi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li ġew identifikati bħala l-bażi ta’ din l-iskema.

100.

Madankollu, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, kif stabbilit iktar ’il fuq ( 37 ), għandu impatt ukoll fuq din il-parti tal-aggravju. Peress li qieset li l-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx ipprovata b’mod suffiċjenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kundizzjoni tal-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni biss fid-dawl tal-bażi legali tal-aġġustamenti tal-profitti li tinsab fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92.

101.

Jekk l-iskema ta’ għajnuna hija bbażata fuq liġi, l-applikazzjoni tagħha mill-amministrazzjoni tikkostitwixxi possibbilment, b’mod klassiku, miżura ta’ implimentazzjoni oħra. Madankollu, ma jkunx hemm tali miżuri ta’ implimentazzjoni oħra meta għajnuna individwali tingħata diġà abbażi tal-liġi, mingħajr is-setgħa ta’ deċiżjoni individwali tal-amministrazzjoni.

102.

Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra bħala prinċipju, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandu jkollhom ebda “marġni ta’ diskrezzjoni”. Għall-kuntrarju, il-kompetenza tagħhom jeħtieġ li tkun limitata għal applikazzjoni teknika. Huwa biss b’dan il-mod li jista’ jiġi eskluż li jeżistu miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. Għalhekk huwa importanti li jkun magħruf jekk l-awtoritajiet għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni reali jew kompetenza limitata biss. In-neċessità ta’ talba mill-persuna taxxabbli ma taffettwax il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, kif ġustament tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata.

103.

Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, prassi amministrattiva stabbilita tkun skema, normalment ma jkunx hemm miżuri ta’ implimentazzjoni oħra, peress li l-prassi amministrattiva stabbilita tikkonsisti diġà f’numru ta’ miżuri għall-għoti ta’ għajnuna individwali.

104.

Fil-preżenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita, miżura ta’ implimentazzjoni oħra tista’ biss tikkonsisti f’li tagħti lil kull uffiċjal amministrattiv, fil-kuntest ta’ din il-prassi, setgħa ta’ deċiżjoni individwali, li tippermettilu jidderoga mit-trattament li huwa jipprattika.

105.

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Sa fejn l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani wettqu analiżi komparattiva tal-profitti ta’ kumpannija mhux integrata fi grupp, lil hinn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, dejjem sar aġġustament mal-profitt komparabbli iktar inferjuri ta’ kumpannija mhux integrata fi grupp. Peress li dan l-aġġustament sar mingħajr eċċezzjoni skont l-istess metodu, ma kien hemm għalhekk ebda marġni ta’ diskrezzjoni individwali u awtonomu fi ħdan l-awtorità.

106.

B’mod partikolari, xejn ma jindika fil-kuntest ta’ din il-proċedura li l-awtoritajiet finanzjarji Belġjani jistgħu jwettqu aġġustamenti ta’ profitt differenti meta żewġ kumpanniji identiċi fi grupp jitolbu deċiżjoni fiskali bil-quddiem, peress li huma jqisu li kumpannija għandha tkun iktar ippreferuta mill-oħra.

107.

F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kienu neċessarji f’dan il-każ hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tieni parti tal-aggravju hija fondata wkoll.

3.   Fuq it-tielet kundizzjoni dwar id-definizzjoni ġenerali u astratta tal-benefiċjarji fl-iskema (it-tielet parti tal-aggravju)

108.

Permezz tat-tielet parti tal-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod żbaljat it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-benefiċjarji, u li żnaturat il-premessi 66, 102 u 103, 109 kif ukoll 139 u 140 tad-deċiżjoni kontenzjuża billi qieset li miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kienu neċessarji sabiex jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

109.

Id-definizzjoni tal-benefiċjarji hija indirizzata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 114 sa 119 tas-sentenza appellata. Hija tikkonkludi, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li d-definizzjoni tal-benefiċjarji neċessarjament issir permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni oħra. Skont il-punt 115 tas-sentenza appellata, il-benefiċjarji ma jistgħux jiġu identifikati abbażi tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 biss. Skont il-punt 116 tas-sentenza appellata, il-benefiċjarji tal-iskema identifikati mill-Kummissjoni jikkorrispondu, skont il-premessa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għal kategorija ħafna iktar speċifika minn kif definit mil-liġi. Madankollu, l-atti legali l-oħra identifikati mill-Kummissjoni ma kinux jinkludu dettalji addizzjonali (punt 117 tas-sentenza appellata).

110.

Hawnhekk ukoll, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Huwa minnu li, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, tapplika l-kriterju adegwat għad-definizzjoni ġenerali u astratta tal-benefiċjarji fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Tali definizzjoni hija ġenerali u astratta meta l-benefiċjarji jkunu jistgħu jiġu identifikati abbażi tal-iskema biss, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħra.

111.

Fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll ġustament li, skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, il-benefiċċju tas-sistema fiskali huwa limitat għall-kumpanniji li jappartjenu għal “grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati”. F’dan ir-rigward, il-kliem analogu tal-premessa 109 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma ġiex żnaturat.

112.

Madankollu, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat li l-formulazzjoni ddettaljata tal-benefiċjarju fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża tagħmel hija stess parti mill-iskema ta’ għajnuna ( 38 ). Il-fatt li l-benefiċjarji tal-iskema identifikati mill-Kummissjoni huma differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 jirriżulta sempliċement mill-fatt li l-Kummissjoni ma kklassifikatx l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 bħala skema ta’ għajnuna, iżda, minflok, il-prassi amministrattiva stabbilita.

113.

Huwa għalhekk li b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali qieset li d-definizzjoni tal-benefiċjarji fl-iskema, f’dan il-każ il-prassi amministrattiva stabbilita, ma hijiex ġenerali u astratta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-aggravju hija fondata wkoll.

4.   Konklużjoni fuq il-fondatezza tal-appell

114.

Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 ma kinux issodisfatti f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li l-prassi Belġjana ta’ aġġustament negattiv tal-profitti ta’ kumpanniji multinazzjonali fi grupp tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589. Minn dan isegwi li l-appell huwa fondat.

C. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

115.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew inkella tista’ tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

116.

F’dan il-każ, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Fil-fatt, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-kundizzjonijiet kollha ta’ skema ta’ għajnuna huma ssodisfatti, il-Qorti Ġenerali tkun għad trid tevalwa jekk id-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem dwar l-aġġustament negattiv tal-profitti jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u jekk l-irkupru tal-allegata għajnuna huwiex kuntrarju għall-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, b’mod partikolari sa fejn din ġiet ordnata b’mod żbaljat.

117.

Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motivi invokati f’dan ir-rigward. Fil-proċeduri sospiżi konnessi ma’ din il-proċedura pilota, il-motivi korrispondenti lanqas ma kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali. L-eżami tagħhom jeħtieġ miżuri oħra ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ( 39 ). Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni.

D. Fuq l-inammissibbiltà tal-appell inċidentali

118.

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-appell inċidentali ppreżentat mill-Belġju huwiex ammissibbli.

119.

Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut, parti li tkun tilfet parzjalment jew għalkollox fit-talbiet tagħha tista’ tippreżenta appell. F’dan il-każ, it-talba tal-Belġju hija intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv tal-Belġju.

120.

Għalkemm, skont l-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tal-appell inċidentali jistgħu “[i]kunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li l-appell għandu jkun indirizzat kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun intiż biss għall-emenda ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni huwa prinċipju fundamentali fil-qasam tal-appell ( 40 ).

121.

Dan jikkorrispondi wkoll għall-formulazzjoni użata fid-dispożizzjoni ġenerali dwar it-talbiet tal-appell, imsemmija fl-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, appell li ma huwiex intiż sabiex jikseb annullament, anki parzjali, tas-sentenza appellata, jiġifieri tad-dispożittiv tagħha, iżda jkun intiż sempliċement għal emenda ta’ parti mill-motivazzjoni tagħha, huwa inammissibbli ( 41 ).

122.

L-isfond huwa li kull appellant jeħtieġ li jkollu bżonn ta’ protezzjoni legali. Dan jirriżulta diġà mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi statut u japplika wkoll għall-appelli inċidentali.

123.

Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, jew l-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud u l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jsir legalment vinkolanti, fis-sens tat-talbiet tal-Belġju, jew inkella l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa biss f’appell ieħor li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar is-sovranità fiskali tal-Istati Membri.

124.

Għaldaqstant, l-appell inċidentali tal-Belġju huwa inammissibbli.

VI. Fuq l-ispejjeż

125.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Peress li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, l-ispejjeż huma rriżervati.

VII. Konklużjoni

126.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

L-appell inċidentali tar-Renju tal-Belġju huwa miċħud bħala inammissibbli.

2.

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Frar 2019, Il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91), hija annullata.

3.

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-motivi li fadal.

4.

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 3 ) Il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91).

( 4 ) Deċiżjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) (ĠU 2016, L 260, p. 61), Artikolu 1.

( 5 ) Ara f’dan ir-rigward il-kawżi pendenti C‑885/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni; C‑898/19 P, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni et; u C‑465/20 P, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et.

( 6 ) Ara r-rikorsi tal-intervenjenti f’dan l-appell T‑201/16, Soudal vs Il-Kummissjoni; T‑278/16, Atlas Copco Airpower u Atlas Copco vs Il-Kummissjoni; T‑335/16, Esko-Graphics vs Il-Kummissjoni; T‑370/16, Anheuser-Busch Inbev u Ampar vs Il-Kummissjoni; T‑467/16, Flir Systems Trading Belgium; T‑637/16, Wabco Europe vs Il-Kummissjoni; u T‑832/16, Celio International vs Il-Kummissjoni.

( 7 ) Moniteur belge Nru 410 tal‑31 ta’ Diċembru 2002, it-tieni edizzjoni, p. 58817.

( 8 ) Moniteur belge tad‑9 ta’ Lulju 2004.

( 9 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 huwa nieqes mill-punt 8 tas-sentenza appellata, iżda jinsab fil-premessa 29 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 10 ) Premessa 13 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 11 ) Premessa 14 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 12 ) Ara l-punt 17 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Celio International dehret biss fis-seduta.

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Akhras vs Il-Kunsill (C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 34).

( 15 ) Ara s-sentenzi reċenti tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni (C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 32); tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il-Kummissjoni (C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punt 67); u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Asociación de fabricantes de morcilla de Burgos vs Il-Kummissjoni (C‑309/19 P, EU:C:2020:401, punt 10).

( 16 ) Punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara s-sentenza reċenti tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 33), kif ukoll id-digrieti tal‑15 ta’ Jannar 2020, BS vs Il‑Parlament (C‑642/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:32, punt 17), u tat‑3 ta’ Settembru 2020, ZW vs BEI (C‑50/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:652, punt 15).

( 18 ) Ara punti 17 sa 20 għal ħarsa ġenerali lejn l-appell.

( 19 ) Ara b’mod partikolari l-verżjonijiet lingwistiċi bl-Ingliż “act”, bit-Taljan “atto” u bil-Portugiż “ato”.

( 20 ) Bl-Ispanjol “dispositivo” u bil-Franċiż “disposition”.

( 21 ) Bid-Daniż “retsakt”, bil-Ġermaniż “Regelung”, bl-Olandiż “regeling” u bl-Isvediż “rättsakt”.

( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:229, punti 34 et seq.).

( 23 ) Sentenza tat‑13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni (C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14, 1523).

( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il‑Kummissjoni (C‑324/90 u C‑342/90, EU:C:1994:129, punti 14, 1523).

( 25 ) Punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China) (C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 33); tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 47); u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 93).

( 27 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Settembru 2019, L-Olanda et vs Il-Kummissjoni (T‑760/15, EU:T:2019:669), kif ukoll il-kawżi pendenti C‑885/19 P, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni; C‑898/19 P, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni et; u C‑465/20 P, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et.

( 28 ) Sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑387/99, EU:C:2004:235, punt 42), u tas‑26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 28).

( 29 ) Punt 90 tas-sentenza appellata u l-premessi 103 u 139 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 30 ) Nota ta’ qiegħ il-paġna 52 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 31 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, EU:C:1987:437, punt 18), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑81/16 P, EU:C:2017:1003, punt 77).

( 32 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑81/16 P, EU:C:2017:1003, punt 77).

( 33 ) Punt 128 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Ara, b’mod ġenerali, dwar il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63); tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 43); tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16); u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 57).

( 35 ) “Nispeċifikaw li ma ngħatat ebda deċiżjoni negattiva”: premessa 59 tad-deċiżjoni kontenzjuża jew in-nota ta’ qiegħ il-paġna 41.

( 36 ) Ma huwiex evidenti li tali ċirkustanza tagħmel parti mill-kuntest tad-deċiżjoni kontenzjuża. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ u d-deċiżjoni negattiva huma żewġ atti legali differenti f’mumenti differenti, meħuda minn perspettivi differenti, u huma suġġetti għal kriterji ta’ stħarriġ ġudizzjarju differenti.

( 37 ) Punti 81 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130), għas-sitwazzjoni opposta.

( 40 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 51); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services (C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 41); u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 57).

( 41 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 4450), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services (C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punti 4243).

Top