EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0638

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Marzu 2017.
X u X vs État belge.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 810/2009 – Artikolu 25(1)(a) – Viża b’validità territorjali limitata – Ħruġ ta’ viża għal raġunijiet umanitarji jew sabiex jiġu onorati obbligi internazzjonali – Kunċett ta’ ‘obbligi internazzjonali’ – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Konvenzjoni ta’ Genève – Ħruġ ta’ viża fil-każ ta’ riskju kkonfermat ta’ ksur tal-Artikoli 4 u/jew 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Assenza ta’ obbligu.
Kawża C-638/16 PPU.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:173

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2017]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 810/2009 — Artikolu 25(1)(a) — Viża b’validità territorjali limitata — Ħruġ ta’ viża għal raġunijiet umanitarji jew sabiex jiġu onorati obbligi internazzjonali — Kunċett ta’ ‘obbligi internazzjonali’ — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Konvenzjoni ta’ Genève — Ħruġ ta’ viża fil-każ ta’ riskju kkonfermat ta’ ksur tal-Artikoli 4 u/jew 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Assenza ta’ obbligu”

Fil-Kawża C‑638/16 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

X u X

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça u M. Berger (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X u X, minn T. Wibault u P. Robert, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn C. L’hoir u M. Van Regemorter kif ukoll minn F. Van Dijck, esperti, u minn E. Derriks u F. Motulsky, avukati,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn N. Lyshøj u C. Thorning, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoet, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, bħala aġent,

għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Kamejsza u M. Pawlicka kif ukoll minn B. Majczyna, bħala aġenti,

għall-Gvern Sloven, minn V. Klemenc u T. Mihelič Žitko, bħala aġenti,

[kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Marzu 2017] għall-Gvern Slovakk, minn M. Kianička, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga kif ukoll minn G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1, u rettifika ĠU 2013, L 154, p. 10), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“kodiċi dwar il-viżi”), kif ukoll tal-Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, X u X u, min-naħa l-oħra, l-État belge dwar ir-rifjut ta’ ħruġ ta’ viżi b’validità territorjali limitata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem”:

“Il-Partijiet Għolja Kontraenti għandhom jassiguraw lil kull min jaqa taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom id-drittijiet u l-libertajiet kif msemmija fis-Sezzjoni I ta’ din il-[k]onvenzjoni.”

4

L-Artikolu 3 tal-KEDB, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”, li jinsab fis-sezzjoni I tagħha, jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena jew inumana jew degradanti.”

5

L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif issupplimentata bil-protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulment”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, rifuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.”

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

6

Skont l-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

7

Skont l-Artikolu 18 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għall-asil”:

“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

8

L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet [tal-Karta] huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. […]”

Il-kodiċi dwar il-viżi

9

Skont il-premessa 29 tal-kodiċi dwar il-viżi:

“Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[KEDB] u mill-[Karta].”

10

L-Artikolu 1 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jeċċedux id‑90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.”

11

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)

‘viża’ tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’:

a)

tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum;

b)

tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-Istati Membri;

[…]”

12

L-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, intitolat “Ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata” jipprevedi:

“1.   Viża b’validità territorjali limitata għandha tinħareġ eċċezzjonalment, fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta l-Istat Membru kkonċernat iqis li huwa meħtieġ, għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali:

i)

b’deroga mill-prinċipju li għandhom ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti [fir-Regolament (KE) Nru 562/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jamministraw il-moviment tal-persuni minn fruntiera għall-oħra (Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)],

ii)

biex tinħareġ viża minkejja l-oġġezjoni mill-Istat Membru kkonsultat skont l-Artikolu 22 għall-ħruġ ta’ viża uniformi; jew

iii)

biex tinħareġ visa għal raġunijiet ta’ urġenza […];

jew

b)

meta għal raġunijiet meqjusa ġustifikati mill-konsulat, tinħareġ viża ġdida għal soġġorn matul l-istess perjodu ta’ 180 jum lil applikant li, tul dan il-perjodu ta’ 180 jum, diġà jkun uża viża uniformi jew viża b’validità territorjali limitata li ppermettiet soġġorn ta’ 90 jum.

2.   Viża b’validità territorjali limitata għandha tkun valida għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġha. Eċċezzjonalment hi tista’ tkun valida għat-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, suġġett għall-kunsens ta’ kull Stat Membru.

[…]

4.   Meta tkun inħarġet viża b’validità territorjali limitata fil-każijiet deskritti fil-paragrafu 1(a), l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru li joħroġha għandu jiċċirkola l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien […].

5.   Id-data […] għandha tiddaħħal [fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża] meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ tali viża.”

13

L-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi, intitolat “Ċaħda ta’ viża”, jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:

[…]

b)

jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar […] l-intenzjoni [tal-applikant] li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.”

Ir-Regolament (UE) 2016/399

14

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/399, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”, intitolat “Drittijiet Fundamentali”, huwa fformulat kif ġej:

“Meta jiġi applikat dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’rispett sħiħ tal-liġi relevanti tal-Unjoni, inklużi l-[Karta], il-liġi internazzjonali rilevanti, inkluża l-[Konvenzjoni ta’ Genève], l-obbligi marbutin mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, u d-drittijiet fundamentali. Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom jittieħdu fuq bażi individwali.”

15

L-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, jipprevedi:

“1.   Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum […], il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

a)

ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar […]

b)

huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta […]

ċ)

jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza […]

d)

ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert […] sabiex jiġi miċħud id-dħul

e)

mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika [ordni pubbliku], is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru […]

[…]

5.   B’deroga mill-paragrfu 1:

[…]

ċ)

Ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. […]”

Id-Direttiva 2013/32/UE

16

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60):

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal talbiet għall-asil diplomatiku jew territorjali preżentati lir-rappreżentanzi ta’ Stati Membri.

[…]”

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013

17

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31), intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida […].”

18

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – koppja miżżewġa – kif ukoll it-tlett itfal tagħhom minuri ta’ età żgħira huma ta’ nazzjonalità Sirjana u jgħixu f’Aleppo (is‑Sirja). Fit‑12 ta’ Ottubru 2016, huma ppreżentaw, abbażi tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, applikazzjonijiet għal viżi b’validità territorjali limitata fl-ambaxxata tal-Belġju f’Bejrut (il-Libanu), qabel irritornaw is-Sirja l-għada.

20

Insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali spjegaw li l-viżi mitluba kellhom l-għan li jippermettulhom jitilqu mill-belt assedjata ta’ Aleppo sabiex jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju. Wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjara, b’mod partikolari, li kien ittieħed minn grupp terrorista, wara msawwat u ttorturat, qabel fl-aħħar inħeles wara l-ħlas ta’ riskatt. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali insistew b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni ta’ sigurtà prekarja fis-Sirja b’mod ġenerali u f’Aleppo b’mod partikolari, kif ukoll fuq il-fatt li, peress li huma jħaddnu r-reliġjon Kristjana Ortodossa, kien hemm ir-riskju li jiġu ppersegwitati minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. Huma żiedu li kien impossibbli għalihom li jirreġistraw ruħhom bħala refuġjati fil-pajjiżi ġirien, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għeluq tal-fruntiera bejn il-Libanu u s-Sirja.

21

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Ottubru 2016, li ġew mgħarrfa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil‑25 ta’ Ottubru 2016, l-Uffiċċju għall-Barranin (il-Belġju) ċaħad l-imsemmija applikazzjonijiet. L-Uffiċċju għall-Barranin spjega, b’mod partikolari, li huma kien bi ħsiebhom jissoġġornaw għal iktar minn 90 jum fil-Belġju, li l-Artikolu 3 tal-KEDB ma kienx jimponi fuq l-Istati parti għal din il-konvenzjoni l-obbligu li jaċċettaw fit-territorji rispettivi tagħhom “il-persuni li qegħdin jgħixu f’sitwazzjoni katastrofika” u li l-uffiċċji diplomatiċi Belġjani ma kinux fost l-awtoritajiet li magħhom barrani jista’ jagħmel applikazzjoni għall-ażil. Skont l-Uffiċċju għall-Barranin, il-fatt li jiġi awtorizzat li lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinħarġilhom viża għal dħul sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju jkun ifisser li dawn jitħallew jagħmlu tali applikazzjoni f’uffiċċju diplomatiku.

22

Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet, tispeċifika li huma talbu, skont il-proċedura nazzjonali msejħa “ta’ urġenza estrema”, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Issa, peress li l-ammissibbiltà ta’ tali talba hija inċerta fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, din il-qorti ddeċidiet li tadixxi lill-Cour constitutionnelle (qorti kostituzzjonali, il-Belġju) sabiex tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni. Fl-istennija tat-tweġiba li għandha tingħata mill-imsemmija qorti kostituzzjonali, il-qorti tar-rinviju qed tkompli l-eżami tal-kawża prinċipali skont il-proċedura ta’ urġenza estrema.

23

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw, essenzjalment, li l-Artikolu 18 tal-Karta jipprevedi obbligu pożittiv għall-Istati Membri li jiggarantixxu d-dritt għall-ażil u li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali huwa l-uniku mod li jiġi evitat ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan il-każ, peress li l-awtoritajiet Belġjani stess qiesu li s-sitwazzjoni tagħhom kienet ta’ natura umanitarja eċċezzjonali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tar-Renju tal‑Belġju, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi kienu ssodisfatti u minn dan huma jikkonkludu li huma kellhom, għal raġunijiet umanitarji, jingħataw il-viżi mitluba.

24

Min-naħa tiegħu, l-État belge jqis li ma huwiex obbligat, la abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB u lanqas abbażi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jaċċetta fit-territorju tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz, sa fejn l-uniku obbligu impost fuqu f’dan ir-rigward huwa obbligu ta’ non-refoulement.

25

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jużaw l-Artikolu 3 tal-KEDB biss jekk ikunu jinsabu taħt il-“ġurisdizzjoni” Belġjana. Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-implementazzjoni tal-politika tal-viżi tistax titqies bħala l-eżerċizzju ta’ tali ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi jekk dritt għal dħul jistax jirriżulta, bħala korollarju tal-obbligu li jittieħdu miżuri preventivi u tal-prinċipju ta’ non-refoulement, mill-Artikolu 3 tal-KEDB kif ukoll, mutatis mutandis, mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

26

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta ma jiddependix, kuntrarjament għall-Artikolu 3 tal-KEDB, mill-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni, iżda mill-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, la mit-Trattati u lanqas mill-Karta ma jirriżulta li l-imsemmija applikazzjoni hija limitata territorjalment.

27

Fir-rigward tal-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, il-qorti tar-rinviju tosserva li dan jipprevedi, b’mod partikolari, li viża tinħareġ meta Stat Membru “iqis” li dan huwa meħtieġ sabiex jonora obbligi internazzjonali. Dik il-qorti tistaqsi madankollu fuq il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni f’idejn l-Istati Membri f’dan il-kuntest u tqis li, fid-dawl tan-natura vinkolanti tal-obbligi internazzjonali u ta’ dawk li jirriżultaw mill-Karta, kull marġni jista’ jiġi eskluż f’dan ir-rigward.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

L-‘obbligi internazzjonali’, imsemmija fl-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, jirrigwardaw id-drittijiet kollha ggarantiti mill-Karta, fosthom, b’mod partikolari, dawk iggarantiti mill-Artikoli 4 u 18, u dawn ikopru wkoll l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri, fir-rigward tal-KEDB, u tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

2)

A.

B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għad-domanda Nru 1, l‑Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata, huwa obbligat joħroġ il-viża li għaliha saret applikazzjoni, meta jkun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 u/jew tal-Artikolu 18 tal-Karta, jew ta’ obbligu internazzjonali ieħor tiegħu?

B.

L-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-applikant u l-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal viża (per eżempju, rabtiet familjari, familji ospitanti, garanti u sponsors, eċċ.) taffettwa r-risposta għal din id-domanda?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

29

Il-qorti tar-rinviju talbet sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju invokat, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni drammatika tal-kunflitt armat fis-Sirja, l-età żgħira tat-tfal tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-profil partikolarment vulnerabbli ta’ dawn tal-aħħar, marbut mal-appartenenza tagħhom fil-komunità Kristjana Ortodossa u, fi kwalunkwe każ, il-fatt li hija ġiet adita fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sospensjoni ta’ urġenza estrema.

31

Il-qorti tar-rinviju speċifikat, f’dan ir-rigward, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kellu l-effett li jissospendi l-proċedura li hija kienet adita biha.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, iqajjem kwistjonijiet dwar l-oqsma koperti mit-Titolu V, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, tat-tielet parti tat-Trattat FUE. Għaldaqstant dan jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

33

Fit-tieni lok, ma huwiex ikkontestat li, għall-inqas fid-data tal-eżami tat-talba intiża li tissuġġetta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, kien hemm riskju reali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu suġġetti għal trattamenti inumani jew degradanti, fatt li għandu jitqies li huwa element ta’ urġenza li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 et seq tar-Regoli tal-Proċedura.

34

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑15 ta’ Diċembru 2016, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tiġi assenjata lill-Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija kkontestata, b’mod partikolari, mill-Gvern Belġjan għar-raġuni li l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, li tiegħu qed tintalab l-interpretazzjoni, ma huwiex applikabbli għall-applikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mingħajr dubju li l-imsemmija applikazzjonijiet tressqu, għal raġunijiet umanitarji, abbażi tal-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi.

37

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dan il-kodiċi huwiex applikabbli għal talbiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil fit-territorju ta’ Stat Membru, din hija marbuta strettament mar-risposti li għandhom jingħataw għal din id-domanda għal deċiżjoni preliminari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal din id-domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq id-domandi preliminari

38

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi internazzjonali li huwa jkopri jinkludux ir-rispett, minn Stat Membru, tad-drittijiet kollha ggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 4 u 18 tagħha, kif ukoll mill-KEDB u mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda tagħha, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru adit b’applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata għandux l-obbligu li joħroġ il-visa mitluba meta hemm riskju ta’ ksur tal-Artikoli 4 u/jew 18 tal-Karta jew ta’ obbligu internazzjonali li dan l-Istat Membru huwa obbligat jonora. Jekk ikun il-każ, hija tixtieq tkun taf jekk l-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-applikant u l-Istat Membru adit bl-applikazzjoni għal viża għandhiex xi effetti f’dan ir-rigward.

39

Għandu jitfakkar fl-ewwel lok li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda billi għamlet riferiment biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hja adita biha, irrispettivament minn jekk hija għamlitx jew le riferiment għalihom fit-test tad-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad‑deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Oil Trading Poland, C‑349/13, EU:C:2015:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kodiċi dwar il-viżi ġie adottat abbażi tal-punt 2(a) u (b)(ii) tal-Artikolu 62 tat-Trattat KE, li jipprevedi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jistabbilixxi miżuri dwar il-viżi għas-soġġorni ta’ massimu ta’ tliet xhur, b’mod partikolari l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi mill-Istati Membri.

41

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-kodiċi dwar il-viżi għandu l-għan li jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżiti mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum. Il-punt 2(a) u (b) tal-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “viża”, għall-finijiet tal-imsemmi kodiċi, bħala“awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru” bl-għan, rispettivament, ta’ “tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum” u “tranżitu miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-Istati Membri”.

42

Issa, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-elementi fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, fl-ambaxxata tal-Belġju fil-Libanu, applikazzjonijiet għal viżi għal raġunijiet umanitarji, ibbażati fuq l-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, bl-intenzjoni li jitolbu l-ażil fil-Belġju malli jaslu f’dan l-Istat Membru u, sussegwentement sabiex jinħarġilhom permess ta’ soġġorn li l-perijodu ta’ validità tiegħu ma huwiex limitat għal 90 jum.

43

Konformement mal-Artikolu 1 tal-kodiċi dwar il-viżi, tali applikazzjonijiet, anki jekk ġew ippreżentati formalment abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi kodiċi, b’mod partikolari tal-Artikolu 25(1)(a) tiegħu, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju f’relazzjoni mal-kunċett ta’ “obbligi internazzjonali” previst f’din id-dispożizzjoni.

44

Barra minn hekk, peress li, bħalma osservaw il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, sal-lum, il-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma adotta l-ebda att abbażi tal-Artikolu 79(2)(a) TFUE f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-ħruġ, mill-Istati Membri, ta’ viżi jew ta’ permessi ta’ soġġorn għal żmien twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet umanitarji, l-applikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali biss.

45

Peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex, għaldaqstant, irregolata mid-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari dawk tal-Artikoli 4 u 18 tagħha, imsemmija fid-domandi tal-qorti tar-rinviju, ma humiex applikabbli għaliha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Il-konklużjoni preċedenti ma hijiex imminata mill-fatt li l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi jistabbilixxi bħala raġuni għaċ-ċaħda ta’ viża, u mhux minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, l-eżistenza ta’ “dubji raġonevoli dwar […] l-intenzjoni [tal-applikant] li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni”.

47

Fil-fatt, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ tali dubji, iżda minn applikazzjoni li għandha għan differenti minn dik ta’ viża għal żmien qasir.

48

Għandu jiżdied li konklużjoni kuntrarja tkun tfisser, minkejja li l-kodiċi dwar il-viżi kien maħsub għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni fit-territorju tal-Istati Membri li ma jeċċedux 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu awtorizzati jippreżentaw, billi jibbażaw ruħhom fuq dan il-kodiċi, applikazzjonijiet għal viża bil-għan li jiksbu l-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom, sitwazzjoni li timmina l-istruttura ġenerali tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 604/2013.

49

Għandu jiġi rrilevat ukoll li tali konklużjoni kuntrarja tkun timplika li l-Istati Membri huma obbligati, abbażi tal-kodiċi dwar il-viżi, li jippermettu, fir-realtà, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’rappreżentanzi ta’ Stati Membri li jinsabu fit-territorju ta’ pajjiż terz. Issa, minkejja li l-kodiċi dwar il-viżi ma għandux l-għan li jarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-atti tal-Unjoni adottati abbażi tal-Artikolu 78 TFUE li jirregolaw il-proċeduri applikabbli għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma jipprevedux tali obbligu u, kuntrarjament, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-applikazzjonijiet ippreżentati f’ambaxxati tal-Istati Membri. Għaldaqstant, mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din id-direttiva hija applikabbli għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fit-territorju tal-Istati Membri, inklużi mal-fruntiera, fl-ibħra territorjali jew f’żona ta’ tranżitu, iżda mhux għall-applikazzjonijiet għal ażil diplomatiku jew territorjali ppreżentati f’rappreżentanzi tal-Istati Membri. Bl-istess mod, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li dan ir-regolament jimponi fuq l-Istati Membri biss l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu, u li l-proċeduri previsti mill-imsemmi regolament japplikaw biss għal tali applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Belġjani b’mod żbaljat ikklassifikaw l-applikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala applikazzjonijiet għal viżi għal perijodu qasir.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1 tal-kodiċi dwar il-viżi għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet umanitarji, abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, quddiem rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li tinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, bl-intenzjoni li jippreżenta, mal-wasla tiegħu f’ dan l-Istat Membru, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, sussegwentement, li jissoġġorna fl-imsemmi Stat Membru għal iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi kodiċi, iżda, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt nazzjonali biss.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet umanitarji, abbażi tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, quddiem rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li tinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, bl-intenzjoni li jippreżenta, mal-wasla tiegħu f’ dan l-Istat Membru, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, sussegwentement, li jissoġġorna fl-imsemmi Stat Membru għal iktar minn 90 jum f’perijodu ta’ 180 jum, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi kodiċi, iżda, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, taħt id-dritt nazzjonali biss.

 

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top