EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0224

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina

/* COM/2012/0224 final - 2012/0112 (NLE) */

52012PC0224

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina /* COM/2012/0224 final - 2012/0112 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           Il-kuntest tal-proposta

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta hija dwar l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-kawżi konġunti C-191/09 P u C-200/09 P, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra Interpipe Nikopolsky Seamless Tube Plant Niko Tube ZAT u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT ("Interpipe"). Permezz tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet is-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar il-kawża T-249/06, li permezz tagħha ġie annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, sakemm id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea minn Interpipe kien ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni li kienu ġew aġġustati għal kummissjonijiet għal bejgħ permezz ta' kummerċjant affiljat.

Il-kuntest ġenerali

Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li skontu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li l-att tagħhom ġie ddikjarat null, ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina.

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati li tikkonċernahom l-implimentazzjoni diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-iżvelar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku).

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta' esperti esterni.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta ħarġet mill-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża konġunta C-191/09 P u C-200/09 P li hija dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.

3.           L-elementi legali tal-proposta

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina.

L-applikanti, il-grupp Interpipe, ikkontestaw ir-Regolament (KE) Nru 954/2006, fost l-oħrajn, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (QPI) fir-rigward tal-kalkolu tar-rata tad-dazju individwali tagħhom. Bis-sentenza tagħha tal-10 ta' Marzu 2009, il-QPI annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 sakemm id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet mill-applikanti jaqbeż dak li kien ikun applikabbli li kieku l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx ġie aġġustat għal kummissjoni meta sar il-bejgħ permezz ta' Sepco (kumpanija tal-bejgħ relatata mal-applikanti). Wara l-appelli tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u l-kontroappell tal-applikanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat l-aħħar deċiżjoni tagħha fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Frar 2012 ("is-Sentenza") billi rrifjutat l-appell u l-kontroappell u għalhekk ikkonfermat is-sentenza tal-QPI (illum il-Qorti Ġenerali).

Sabiex timplimenta is-Sentenza, ir-rata tad-dazju għall-grupp Interpipe inħadmet mill-ġdid u rriżultat f'rata tad-dazju antidumping differenti.

Għaldaqstant qed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) 954/2006.

Bażi legali

L-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali.

Mhix applikabbli indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini, jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat mal-għan tal-proposta.

L-għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: regolament.

Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in:

Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet oħra.

4.           L-implikazzjoni baġitarja

Il-proposta għandha implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni. Id-dazju antidumping emendat se jiġi applikat b'lura biex b'hekk iwassal għal rimborż tad-differenza fid-dazji miġbura abbażi tar-rata tad-dazju oriġinali u r-rata tad-dazju emendata. L-impatt finali fuq il-baġit ġie stmat li jlaħħaq EUR 3,5 miljun, ara d-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża.

2012/0112 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 266 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament bażiku"), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. IL-PROĊEDURA

(1)       F'Marzu 2005, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni[2] fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi ("SPT") li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Ukraina ("investigazzjoni oriġinali"). F'Ġunju 2006 ġew imposti dazji antidumping definittivi mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006[3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2008[4]. Barra minn hekk, fit-30 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jirrifletti bidla fl-isem ta' żewġ produtturi esportaturi Ukraini[5].

(2)       Fit-8 ta' Settembru 2006, Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant ("il-grupp Interpipe" jew "l-applikanti") ressqu talba[6] quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ("QPI") sabiex jiġi annullat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 safejn dan jaffettwa lilhom.

(3)       Fir-rigward ta' CJSC Nikopolosky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP), ġie mfakkar li l-ismijiet tal-kumpaniji tagħhom tbiddlu fi Frar 2007 għal CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, rispettivament[7]. Sussegwentement, CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube twaqqfet bħala entità legali u d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha tal-proprjetà u dawk li mhumiex tal-proprjetà ttieħdu minn LLC Interpipe Niko Tube, li ġiet stabbilita f'Diċembru 2007.

(4)       Bis-sentenza tagħha tal-10 ta' Marzu 2009[8], il-QPI annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 sakemm id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet mill-applikanti jaqbeż dak li kien ikun applikabbli kieku l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx ġie aġġustat għal kummissjoni meta sar il-bejgħ permezz tal-kumpanija tal-bejgħ relatata.

(5)       Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni, kif ukoll l-applikanti, ressqu appelli li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("ECJ") biex tħassar is-sentenza tal-QPI tal-10 ta' Marzu 2009. Fis-16 ta' Frar 2012, l-ECJ ċaħdet l-appelli u l-kontroappell ("is-Sentenza")[9] u għalhekk ikkonfermat is-sentenza tal-QPI (issa l-Qorti Ġenerali) tal-10 ta' Marzu 2009.

(6)       Konsegwentement l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 ġie annullat sakemm id-dazju antidumping impost fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta' oġġetti magħmula u esportati mill-grupp Interpipe ikun qabeż dak li kien ikun applikabbli li kieku l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx ġie aġġustat għal kummissjoni meta sar il-bejgħ permezz tal-kumpanija tal-bejgħ relatata.

(7)       Huwa rikonoxxut mill-Qrati[10] li, f'kawżi fejn il-proċediment fih bosta stadji, l-annullament ta' wieħed minn dawn l-istadji ma jannullax il-proċediment kollu. Il-proċediment antidumping huwa eżempju ta' proċediment b'bosta stadji. Għaldaqstant, l-annullament ta' partijiet tar-Regolament antidumping definittiv ma jimplikax l-annullament tal-proċediment kollu qabel l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jikkonformaw mas-Sentenza tal-Qrati tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jikkonformaw mas-Sentenza, għandhom il-possibbiltà li jirrimedjaw l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għall-annullament tiegħu, filwaqt li ma jbiddlux il-partijiet mhux ikkontestati li mhumiex affettwati mis-Sentenza[11].

(8)       Dan ir-Regolament jara li jiġu kkoreġuti l-aspetti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 R li nstab li kienu inkonsistenti mar-Regolament bażiku, u li għalhekk wasslu biex jiġu annullati partijiet ta' dak ir-Regolament. Is-sejbiet l-oħra kollha li saru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 jibqgħu validi.

(9)       Għalhekk, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta' dazju antidumping għall-grupp Interpipe ġiet ikkalkulata mill-ġdid abbażi tas-Sentenza.

B. VALUTAZZJONI ĠDIDA TAS-SEJBIET IBBAŻATA FUQ IS-SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

(10)     F'dan ir-Regolament, l-aspett indirizzat tas-Sentenza huwa l-kalkolazzjoni tal-marġni tad-dumping, b'mod iżjed speċifiku l-kalkolazzjoni tal-aġġustament li sar fil-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi fil-kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(11)     Kif spjegat fil-premessi (131) u (134) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, il-prezz tal-esportazzjoni kien aġġustat għal kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għal bejgħ li sar permezz tal-kumpanija tal-bejgħ relatata.

(12)     Il-QPI fis-Sentenza tagħha sabet, u iktar tard l-ECJ ikkonfermat, li l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-tqabbil tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni, ma kellhomx jagħmlu aġġustament għal kummissjonijiet f'dan il-każ partikolari.

(13)     Għalhekk, il-marġni tad-dumping ġie kkalkulat mill-ġdid mingħajr ma ġie aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi fil-kummissjonijiet.

(14)     It-tqabbil ta' dan il-prezz medju peżat tal-esportazzjoni li ġie kkalkulat mill-ġdid mal-medja peżata tal-valur normali kif misjub waqt l-investigazzjoni oriġinali skont it-tip tal-prodott meta joħroġ mill-fabbrika wera li jeżisti dumping. Il-marġni stabbilit tad-dumping, espress bħala persentaġġ tal-prezz tal-importazzjoni tas-CIF mal-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas huwa ta' 17,7 %.

C. L-IŻVELAR

(15)     Il-partijiet interessati kollha li huma kkonċernati bl-implimentazzjoni tas-Sentenza ġew mgħarrfa bil-proposta ta' reviżjoni tar-rati tad-dazju antidumping applikabbli għall-grupp Interpipe. Huma ngħataw ukoll perjodu li matulu setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

D. KONKLUŻJONI

(16)     Abbażi tar-rata tad-dazju applikabbli hawn fuq għall-grupp Interpipe għandha tiġi emendata kif xieraq. Ir-rata emendata għandha tapplika b'lura mid-data meta dak ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 daħal fis-seħħ, f'dan is-sens: ħlas lura u remissjoni jridu jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Pereżempju, jekk ħlas lura jew remissjoni jintalab skont l-Artiklolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali Komunitarju, fil-prinċipju, dan irid jingħata biss jekk it-talba tkun saret meta titressaq applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq f'perjodu ta' tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta' dawk id-dazji jkun ġie kkomunikat lid-debitur. (Pereżempju, jekk id-dazju nġabar ftit wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, u t-talba għal rimborż saret fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta' dazji jkun ġie kkomunikat lid-debitur, normalment it-talba għandha tingħata, sakemm din tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti l-oħra kollha.)

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-entrata dwar CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, fit-tabella tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, għandha tinbidel b'dan li ġej:

Kumpanija || Dazju antidumping || kodiċi addizzjonali TARIC

LLC Interpipe Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (Interpipe NTRP) || 17,7% || A743

Artikolu 2

Abbażi ta' dan, ir-rata tad-dazju applikabbli għall-grupp Interpipe għandha tiġi emendata kif xieraq. Ħlas lura u remissjoni jridu jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President                                                                        […]

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU LIMITAT ESKLUSSIVAMENT FUQ IN-NAĦA TAD-DĦUL

1.           ISEM IL-PROPOSTA:

Ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina.

2.           IL-LINJI TAL-BAĠIT:

Il-Kapitolu u l-Artikolu: 120

L-ammont stmat għas-sena kkonċernata: EUR 19 171 200 000

3.           L-IMPATT FINANZJARJU

Il-proposta ma għandhiex impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

(EUR miljun b'post deċimali wieħed)

|| ||

Il-linja tal-baġit || Id-dħul[12] || 2012 || 2013

L-Artikolu 120 || Impatti fuq ir-riżorsi proprji || -2.6 || 0

4.           MIŻURI KONTRA L-FRODI

Mhux applikabbli.

5.           RIMARKI OĦRA

Il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat parzjalment l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 safejn għandu x'jaqsam mal-grupp Interpipe ("l-applikanti", jiġifieri CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant). Wara l-appell tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u l-kontroappell tal-applikanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat id-deċiżjoni finali tagħha fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Frar 2012 billi rrifjutat l-appell u l-kontroappell u għalhekk ikkonfermat is-sentenza tal-QPI (illum il-Qorti Ġenerali). Minħabba f'hekk, id-dazju antidumping definittiv għall-applikanti jonqos minn 25,1 % għal 17,7 %. Ir-rati l-ġodda tad-dazju għandhom, f'konformità mas-sentenza tal-qorti, jiġu applikati b'lura mid-data meta daħal fis-seħħ id-dazju antidumping, jiġifieri it-30 ta' Ġunju 2006.

L-ammonti ta' dazji li tħallsu mill-impożizzjoni tal-miżuri antidumping sal-aħħar ta' Frar 2012 ġew stmati skont l-informazzjoni li toħroġ mill-bazi ta' dejta tal-istatistiki dwar l-importazzjonijiet.

Għaldaqstant jidher li l-ammonti eliġibbli għal rimborż huma ta' madwar EUR 3,5 miljun. Ir-rimborż għandu jintalab mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli tal-Unjoni u għalhekk l-ammont proprju se jiddependi fuq l-ammonti mitluba mill-importaturi.

Abbażi ta' dak ta' hawn fuq, l-impatt finali fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit huwa ta' EUR 2,6 miljun, jiġifieri l-ammont eliġibbli wara li jitnaqqsu 25 % tal-ispejjeż tal-ġbir.

[1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2]               ĠU C 77, 31.3.2005, p. 2.

[3]               ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4.

[4]               ĠU L 220, 15.8.2008, p. 1.

[5]               ĠU C 288, 30.11.2007, p. 34.

[6]               ĠU C 261, 28.10.2006, p. 28.

[7]               ĠU C 288, 30.11.2007, p. 34.

[8]                      Il-kawża T-249/06 - Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP versus il-Kunsill [2009] II-00383

[9]               ĠU C 98, 31.03.2012, p. 2.

[10]             Il-kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [1998] ECR II-3939.

[11]             Il-kawża C-458/98 P IPS v il-Kunsill [2000] ECR I-08147.

[12]             F'dak li għandu x'jaqsam ma' riżorsi proprji tradizzjonali (dazji agrikoli, imposti fuq iz-zokkor, dazji tad-dwana) l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara li jitnaqqsu 25 % tal-ispejjeż tal-ġbir.

Top