EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0591

Deċiżjoni(UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030

PE/83/2021/REV/1

ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/591/oj

12.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/22


DEĊIŻJONI(UE) 2022/591 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ April 2022

dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 192(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-programmi ġenerali suċċessivi ta’ azzjoni ambjentali ggwidaw l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-politika ambjentali tal-Unjoni u pprovdew il-qafas għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima mill-1973.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbiliet is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (“is-seba’ EAP”). Is-seba’ EAP jistabbilixxi l-aġenda ambjentali tal-Unjoni għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2020 kif ukoll viżjoni fit-tul għall-2050.

(3)

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2019 dwar l-evalwazzjoni tas-seba’ EAP kkonkluda li l-viżjoni u l-objettivi prijoritarji tal-2050 għadhom validi; li s-seba’ EAP għen biex jipprovdi azzjoni aktar prevedibbli, rapida u kkoordinata fil-politika ambjentali u li l-istruttura u l-qafas ta’ abilitazzjoni tas-seba’ EAP għenu biex jinħolqu sinerġiji, u b’hekk il-politika ambjentali saret aktar effettiva u effiċjenti. Barra minn hekk, huwa kkonkluda li s-seba’ EAP antiċipa l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għal Żvilupp Sostenibbli (Aġenda 2030 tan-NU) bl-insistenza tiegħu li t-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali jiddependu fuq bażi ta’ riżorsi naturali b’saħħitha, iffaċilita t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (l-“SDGs”), ippermetta li l-Unjoni titkellem b’vuċi waħda fix-xena globali dwar kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali, iżda li l-progress relatat mal-ħarsien tan-natura, is-saħħa u l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f’oqsma oħra tal-politika ma kienx biżżejjed. Huwa kkonkluda wkoll li seta’ kien hemm aktar kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet soċjali fis-seba’ EAP, abbażi tar-rabtiet eżistenti bejn l-ambjent u l-politika soċjali, fir-rigward, pereżempju, l-impatt fuq il-gruppi vulnerabbli, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-inugwaljanza. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Kummissjoni nnota li, minkejja miri ambjentali dejjem aktar ambizzjużi f’ħafna oqsma ta’ politika, l-infiq fuq il-ħarsien tal-ambjent fl-Ewropa baqa’ kostanti għal ħafna snin (madwar 2 % tal-PDG) u li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali jiswa lill-ekonomija tal-Unjoni madwar EUR 55 biljun fis-sena fi spejjeż marbuta mas-saħħa u fi spejjeż diretti għall-ambjent. Ir-rapport tal-Kummissjoni nnota li l-implimentazzjoni tas-seba’ EAP setgħet ġiet imsaħħa b’mekkaniżmu ta’ monitoraġġ aktar b’saħħtu.

(4)

Skont l-Aġenzija Ambjentali Ewropea (EEA) fir-rapport tagħha “The European environment – state and outlook 2020, Knowledge for transition to a sustainable Europe” (“SOER 2020”), hemm tieqa unika ta’ opportunità għall-Unjoni biex fl-għaxar snin li ġejjin turi tmexxija globali fuq is-sostenibbiltà billi tindirizza l-isfidi urġenti ta’ sostenibbiltà li jirrikjedu soluzzjonijiet sistemiċi. Bidla sistemika tinvolvi forma ta’ bidla radikali, trasformattiva u trażversali li timplika trasformazzjoni maġġuri u riorjentazzjoni tal-għanijiet sistemiċi, l-inċentivi, it-teknoloġiji, il-prattiki u n-normi soċjali kif ukoll tas-sistemi tat-tagħrif u l-approċċi fil-governanza. Kif jingħad fis-SOER 2020, wieħed mill-aktar fatturi importanti sottostanti għall-isfidi ambjentali u ta’ sostenibbiltà persistenti tal-Ewropa huwa li dawn huma marbuta b’mod inseparabbli mal-attivitajiet ekonomiċi u mal-istili ta’ ħajja, b’mod partikolari s-sistemi soċjetali li jipprovdu lill-Ewropej ħtiġijiet bħal prodotti, enerġija u mobbiltà. L-iżgurar tal-koerenza tal-politika mal-politiki ambjentali eżistenti, u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, ikunu ta’ kontribut kbir biex l-Ewropa tilħaq l-għanijiet ambjentali tagħha sal-2030 u twettaq l-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs tagħha.

(5)

Il-Kummissjoni wieġbet għall-isfidi identifikati fis-SOER 2020 bl-adozzjoni tal-komunikazzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, strateġija ġdida għat-tkabbir għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja li għandha l-għan li tittrasforma lill-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija sostenibbli, kompetittiva, newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u tipproteġi, tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur. Il-prijorità jenħtieġ li tkun li jintlaħqu l-miri klimatiċi u ambjentali malajr filwaqt li jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri tal-persuni mir-riskji u l-impatti ambjentali u li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u inklużiva. Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) inaqqax fil-liġi l-mira tal-Unjoni li sa mhux aktar tard mill-2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika.

(6)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali, il-Parlament Ewropew issottolinja li azzjoni immedjata u ambizzjuża hija kruċjali u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni konkreta, inkluż billi tiżgura li l-proposti leġiżlattivi u baġitarji futuri relevanti kollha jkunu allinjati b’mod sħiħ mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 1,5 °C u li ma jkunux qed jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità, u billi tindirizza l-inkonsistenzi fil-politiki attwali tal-Unjoni dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali, b’mod partikolari permezz ta’ riforma estensiva tal-politiki tagħha dwar l-investiment agrikolu, kummerċjali, tat-trasport, tal-enerġija u tal-infrastruttura.

(7)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirfed il-Pjan ta’ Rkupru ta’ Next Generation UE, li jippromwovi l-investiment f’setturi kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, sabiex tinbena r-reżiljenza, u joħloq it-tkabbir u l-impjiegi f’soċjetà ġusta u inklużiva. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tixpruna l-irkupru ekonomiku tal-Unjoni mill-kriżi tal-COVID-19 flimkien mal-baġit tal-Unjoni għall-2021-2027, hija bbażata wkoll fuq l-objettivi prijoritarji stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Barra minn hekk, l-inizjattivi kollha taħt il-Pjan ta’ Rkupru ta’ Next Generation EU għandhom, fejn ikun applikabbli, jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” kif stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“ir-Regolament tat-Tassonomija”). Il-Pjan ta’ Rkupru ta’ Next Generation EU joffri opportunità importanti biex jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-ħarsien tal-ambjent.

(8)

Is-seba’ EAP skada fil-31 ta’ Diċembru 2020 u l-Artikolu 4(3) tiegħu kien jirrikjedi li l-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta għat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (it-tmien EAP) fil-ħin bil-ħsieb li jiġi evitat distakk bejn is-seba’ u t-tmien EAP. Fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ħabbret li t-tmien EAP se jinkludi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ġdid biex jiġi żgurat li l-Unjoni tibqa’ fit-triq it-tajba biex tissodisfa l-objettivi ambjentali tagħha.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 192(3) tat-TFUE, it-tmien EAP jistabbilixxi l-objettivi prijoritarji li jridu jinkisbu. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-tmien EAP iridu jiġu adottati skont l-Artikolu 192(1) jew (2) tat-TFUE.

(10)

Il-miżuri li jimplimentaw it-tmien EAP, bħal inizjattivi, programmi, investimenti, proġetti u ftehimiet jenħtieġ li jqisu l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament tat-Tassonomija.

(11)

It-tmien EAP jenħtieġ li jappoġġa l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew f’konformità mal-objettiv fit-tul li “ngħixu tajjeb, fi ħdan il-limiti planetarji” sa mhux aktar tard mill-2050, f’konformità ma’ dak li diġà huwa stabbilit fis-seba’ EAP. It-tmien EAP, bħala l-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali ġenerali tal-Unjoni li jibqa’ għaddej sa mhux aktar mill-2030, imur lil hinn mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP jistabbilixxu direzzjoni għat-tfassil tal-politika tal-Unjoni, li tibni fuq, iżda mhux biss, l-impenji tal-istrateġiji u l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari l-ġdid, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero.

(12)

Il-Ftehim ta’ Pariġi adottat fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (7) (“il-Ftehim ta’ Pariġi”) għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, inkluż billi ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u billi jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dan inaqqas b’mod sinifikanti r-riskji u l-effetti tat-tibdil fil-klima.

(13)

It-tmien EAP jifforma l-bażi biex jinkisbu l-objettivi relatati mal-ambjent u l-klima definiti fl-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs tagħha, u jenħtieġ li jkun allinjat mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Konvenzjoni ta’ Rio u ftehimiet internazzjonali rilevanti oħra. It-tmien EAP jippermetti wkoll bidla sistemika lejn ekonomija tal-Unjoni li tiżgura l-benesseri fi ħdan il-limiti planetarji fejn it-tkabbir ikun riġenerattiv u jenħtieġ li jiżgura wkoll li t-tranżizzjoni ekoloġika ssir b’mod ġust u inklużiv, filwaqt li jingħata kontribut għal tnaqqis fl-inugwaljanzi. Skont mudell żviluppat miċ-Ċentru ta’ Reżiljenza ta’ Stokkolma, it-twettiq tal-SDGs ambjentali u relatati mal-klima jirfed l-SDGs soċjali u ekonomiċi għax is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jiddependu fuq bijosfera b’saħħitha u għax l-iżvilupp sostenibbli jista’ jseħħ biss fi spazju operattiv sikur ta’ pjaneta stabbli u reżiljenti. It-twettiq tal-SDGs min-naħa tal-Unjoni u l-appoġġ tagħha għall-pajjiżi terzi biex jagħmlu l-istess se jkun essenzjali jekk l-Unjoni trid turi sens ta’ tmexxija globali fit-twettiq tat-tranżizzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà.

(14)

L-azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni trid issir id f’id mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(15)

Skont l-Artikolu 191(2) tat-TFUE, il-politika ambjentali tal-Unjoni hi li timmira għal livell għoli ta’ protezzjoni filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni u trid tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li jenħtieġ li tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara lill-ambjent, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn, u li min iniġġes iħallas.

(16)

It-tmien EAP jenħtieġ li jħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod ġust u inklużiv, lejn ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima, sostenibbli, mhux tossika, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, reżiljenti u kompetittiva li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu. It-tranżizzjoni ekoloġika jenħtieġ li ssir fil-kuntest ta’ ekonomija tal-benesseri sostenibbli fejn it-tkabbir ikun riġenerattiv u li tippermetti bidla sistemika, tirrikonoxxi li l-benesseri u l-prosperità tas-soċjetajiet tagħna jiddependu fuq klima stabbli, ambjent b’saħħtu u ekosistemi b’saħħithom u tipprovdi spazju operattiv sikur fi ħdan il-limiti planetarji. Filwaqt li l-popolazzjoni globali u d-domanda għar-riżorsi naturali qed ikomplu jikbru, l-attività ekonomika jenħtieġ li tiżviluppa b’mod sostenibbli li ma jagħmilx ħsara iżda, għall-kuntrarju, treġġa’ lura t-tibdil fil-klima, tipproteġi, tirrestawra u ttejjeb l-istat tal-ambjent inkluż billi twaqqaf u treġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità, tipprevjeni d-degradazzjoni ambjentali, tipproteġi s-saħħa u l-benesseri minn riskji u impatti ambjentali negattivi, tipprevjeni u timminimizza t-tniġġis u tirriżulta fiż-żamma u t-tisħiħ tal-kapital naturali u l-promozzjoni ta’ bioekonomija sostenibbli, biex b’hekk tiġi żgurata l-abbundanza ta’ riżorsi rinnovabbli u mhux rinnovabbli. Permezz tal-innovazzjoni u r-riċerka kontinwa, it-trasformazzjoni tal-produzzjoni u x-xejriet tal-konsum, kif ukoll l-adattament għal sfidi ġodda u l-ħolqien konġunt, l-ekonomija tal-benesseri ssaħħaħ ir-reżiljenza u tipproteġi l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

(17)

Jenħtieġ li t-tmien EAP jistabbilixxi objettivi tematiċi prijoritarji fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità terrestri u tal-baħar, ekonomija ċirkolari mhux tossika, ambjent bi tniġġis żero u minimizzazzjoni tal-pressjonijiet ambjentali mill-produzzjoni u l-konsum fis-setturi kollha tal-ekonomija. Dawk l-objettivi tematiċi prijoritarji, li jindirizzaw kemm l-ixprunaturi kif ukoll l-impatti tal-ħsara ambjentali, huma interkonnessi b’mod inerenti u għalhekk jirrikjedu approċċ sistemiku biex jinkisbu. Barra minn hekk, it-tmien EAP jenħtieġ li jidentifika l-kundizzjonijiet abilitanti biex jintlaħqu, b’mod koerenti, l-objettivi fit-tul u l-prijoritajiet tematiċi għall-atturi kollha involuti.

(18)

Jenħtieġ li l-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa fil-kuntest tat-tmien EAP iqisu l-firxa sħiħa tal-effetti immedjati u fit-tul fuq l-ambjent u l-klima bħala parti minn analiżi integrata tal-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inklużi l-effetti kumulattivi tagħhom, kif ukoll il-prezz tal-azzjoni u n-nuqqas ta’ azzjoni. Jenħtieġ li dawk il-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu bbażati fuq konsultazzjoni wiesgħa u trasparenti, u fi żmien tmien ġimgħat mill-għeluq ta’ konsultazzjoni pubblika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta feedback dettaljat dwar it-tweġibiet għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, b’distinzjoni bejn il-kontributi minn tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati.

(19)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-benesseri, fejn it-tkabbir ikun riġenerattiv, hija inkorporata fit-tmien EAP u hija minquxa fl-objettivi prijoritarji kemm għall-2030 kif ukoll għall-2050. Sabiex tiġi żgurata dik it-tranżizzjoni, huwa neċessarju li l-Unjoni tiżviluppa approċċ aktar olistiku għat-tfassil tal-politika, fost l-oħrajn bl-użu ta’ tabella sommarja li tkejjel il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali “lil hinn mill-PDG”. Indikatur sommarju stabbilit bħala parti mill-isforzi tal-Unjoni biex timplimenta l-Aġenda 2030 tan-NU jiġbor fil-qosor l-indikaturi eżistenti u l-proċessi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jagħti wkoll informazzjoni dwar id-distanza għall-mira, fejn possibbli, u fl-aħħar mill-aħħar iservi bħala sommarju politiku ta’ gwida għat-tfassil tal-politika. Għaldaqstant, l-iżvilupp ta’ tali sett ta’ indikaturi huwa inkluż bħala kundizzjoni abilitanti fit-tmien EAP.

(20)

Il-Programm tan-NU għall-Ambjent u l-Forum Globali tal-OECD dwar l-Ambjent enfasizzaw li l-bidliet ambjentali jħallu effetti speċifiċi skont il-ġeneru. Ir-rwoli differenzjati skont il-ġeneru jikkawżaw ukoll vulnerabbiltajiet differenzjati fin-nisa u l-irġiel għall-effetti tat-tibdil fil-klima, u l-impatti tat-tibdil fil-klima jiggravaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri. Għaldaqstant teżisti l-ħtieġa ta’ perspettiva tal-ġeneru fir-rigward tal-azzjonijiet u l-għanijiet relatati mal-kisba tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP sabiex ikun żgurat li d-differenzi bejn il-ġeneri ma jiġux perpetwati.

(21)

L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jistipula li r-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija għandu jinkludi element dwar il-progress tal-Istati Membri lejn l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji tal-enerġija, partikolarment għall-fjuwils fossili. L-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat tal-Unjoni tal-Enerġija, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, inkluża metodoloġija għar-rapportar dwar it-tneħħija gradwali tas-sussidji tal-enerġija, partikolarment għall-fjuwils fossili. Barra minn hekk, abbażi tar-riżultati ta’ studju li għaddej bħalissa, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

(22)

Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, inklużi l-prijoritajiet ta’ investiment għal Natura 2000 u l-infrastruttura ekoloġika, il-Kummissjoni vvalutat li mill-inqas EUR 20 biljun fis-sena jenħtieġ li jiġu rilaxxati għall-infiq fuq in-natura. Dan se jirrikjedi l-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament privat u pubbliku fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ firxa ta’ programmi differenti.

(23)

F’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 intitolata ‘Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità’, it-tmien EAP jenħtieġ li jappoġġa l-isforzi tal-Unjoni biex tippromwovi l-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi permezz ta’ kooperazzjoni u sħubiji internazzjonali, f’fora bilaterali, reġjonali u multilaterali kif ukoll f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. F’konformità mal-impenji internazzjonali, l-Unjoni se tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni, inkluż billi temenda l-leġiżlazzjoni relevanti jekk u kif ikun meħtieġ.

(24)

Kemm fl-Unjoni kif ukoll globalment, l-art u l-ħamrija qed ikomplu jiġu degradati minn firxa wiesgħa ta’ attivitajiet min-naħa tal-bniedem, bħall-ġestjoni ħażina tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art, prattiki agrikoli insostenibbli, l-abbandun tal-art, it-tniġġis, prattiki forestali insostenibbli u l-issiġillar tal-ħamrija, u minħabba t-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, spiss flimkien ma’ fatturi oħra, u b’hekk jitnaqqsu l-kapaċità tal-art u tal-ħamrija li jipprovdu servizzi u funzjonijiet ekosistemiċi.

(25)

Is-sistema alimentari globali, inklużi l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura, għadha fost il-muturi ewlenin tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, inkluża d-deforestazzjoni globali. Fl-Unjoni, it-trasformazzjoni tas-sistema alimentari tal-Unjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP.

(26)

Skont ir-rapport tal-Workshop dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji tad-29 ta’ Ottubru 2020 maħruġ mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), il-kawżi sottostanti tal-pandemiji huma l-istess bidliet ambjentali globali li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, inkluż it-tibdil fl-użu tal-art, l-espansjoni u l-intensifikazzjoni agrikola, u l-kummerċ u l-konsum tal-organiżmi selvaġġi, u fatturi oħra. It-tibdil fil-klima ġie implikat fit-tfaċċar tal-mard u x’aktarx se jikkawża riskju pandemiku sostanzjali fil-futur, filwaqt li t-telf tal-bijodiversità huwa assoċjat ukoll mat-trasformazzjoni tal-pajsaġġi u f’xi każijiet jista’ jwassal għal żieda fir-riskju ta’ mard emerġenti. Skont ir-rapport, il-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni huwa ferm akbar mill-prezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġiji globali għall-prevenzjoni ta’ pandemiji bbażati fuq it-tnaqqis tal-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi u t-tibdil fl-użu tal-art u ż-żieda tas-sorveljanza ta’ “Saħħa Waħda”.

(27)

Il-pandemija tal-COVID-19, li wasslet għal kriżi ekonomika u sanitarja globali bla preċedent, reġgħet uriet l-importanza li jiġi applikat l-approċċ multisettorjali ta’ “Saħħa Waħda” fit-tfassil tal-politika, li jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem tiddependi fuq l-istat tal-ambjent u hija marbuta mal-komponenti u l-fatturi tagħha, inkluża s-saħħa tal-annimali, u li l-azzjonijiet biex jiġi indirizzat it-theddid għas-saħħa jenħtieġ li jqisu l-kumplessità tal-interrelazzjonijiet sanitarji u ambjentali. Jenħtieġ li t-tmien EAP jikkontribwixxi għall-integrazzjoni sħiħa tal-approċċ “Saħħa Waħda” fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika.

(28)

Il-progress lejn ir-rikonoxximent tad-dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni 48/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa kundizzjoni abilitanti biex jinkisbu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP.

(29)

It-terminu “approċċ ekosistemiku” li ġie stabbilit fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika huwa strateġija għall-ġestjoni integrata tal-art, l-ilma u r-riżorsi ħajjin li jippromwovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli b’mod ekwu sabiex jgħin biex jintlaħaq bilanċ bejn it-tliet objettivi ta’ dik il-Konvenzjoni, jiġifieri, il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji tad-diversità bijoloġika.

(30)

Skont ir-rapport tal-EEA “Nature-based solutions in Europe: Policy, knowledge and practice for climate change adaptation and disaster risk reduction”, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura (NBS) għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri huma azzjonijiet li jaħdmu man-natura u jtejbuha biex jirrestawraw u jipproteġu l-ekosistemi u jgħinu lis-soċjetà tadatta ruħha għall-impatti tat-tibdil fil-klima u tnaqqas il-pass ta’ tisħin ulterjuri, filwaqt li jipprovdu diversi benefiċċji addizzjonali. L-implimentazzjoni tal-NBS jenħtieġ li tkun koerenti mal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP.

(31)

Il-kontabbiltà tal-kapital naturali, għodda li għandha l-għan li tkejjel il-bidliet fl-istokk tal-kapital naturali f’varjetà ta’ skali u li tintegra l-valur tas-servizzi ekosistemiċi fis-sistemi tal-kontabbiltà u tar-rapportar, jenħtieġ li tappoġġa l-kejl tal-progress lejn miri u miżuri ambizzjużi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tiġi protetta u restawrata l-bijodiversità, li hija ma tistax tissostitwixxi.

(32)

L-ekosistemi marittimi u kostali, bħalma huma l-mangrovji, is-sikek tal-qroll, il-bwar salmastri u l-mergħat tal-algi, qed jiġu degradati u qed jintlaqtu negattivament minħabba prattiki dannużi, tniġġis u proċessi bħall-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni, li qed iħallu impatt fuq il-bijodiversità li jsostnu u s-servizzi u l-funzjonijiet tal-ekosistema li jipprovdu, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jaġixxu bħala bjar tal-karbonju. Hemm bżonn azzjoni urġenti biex jiġu protetti u rrestawrati l-ekosistemi marittimi u kostali, inkluż qiegħ l-oċean. Il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-oċeani jikkostitwixxu sfida globali u responsabbiltà kollettiva, u hemm bżonn li titqajjem kuxjenza u jitjieb il-litteriżmu dwar l-oċeani sabiex jitrawmu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi mil-livelli kollha tas-soċjetà u l-atturi tagħha.

(33)

Id-degradazzjoni ambjentali u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima huma mistennija li jkomplu jiżdiedu fis-snin li ġejjin, u l-aktar impatt sever se jkun fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-popolazzjonijiet vulnerabbli. Sabiex tgħin fil-bini tar-reżiljenza u tappoġġa lill-pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom biex jimmitigaw, u jadattaw, għat-tibdil fil-klima, kif ukoll jipproteġu l-bijodiversità, l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni u l-Istati Membri lil pajjiżi terzi jenħtieġ li tippromwovi l-Aġenda 2030 tan-NU, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-qafas globali għal wara l-2020 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u tkun konformi mal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-Ftehim ta’ Pariġi u ftehimiet internazzjonali oħra dwar il-klima u l-ambjent jiġu implimentati b’modi li jirriflettu l-prinċipji ta’ ekwità u ta’ responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi, kif stabbilit ukoll fl-Artikolu 2(2) tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(34)

Id-diplomazija ekoloġika u l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u appoġġ lil governanza ambjentali globali tajba, inklużi l-promozzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, huma kruċjali biex jinkisbu l-SDGs kif ukoll l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni. Huwa wkoll essenzjali li jiġu żgurati sinerġiji u koerenza bejn il-politiki kollha interni u esterni tal-Unjoni, inklużi l-politiki u l-ftehimiet kummerċjali, u aderenza mal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli.

(35)

Billi l-politika ambjentali hija deċentralizzata ħafna, jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex jinkisbu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP f’livelli differenti ta’ governanza, jiġifieri fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, b’approċċ kollaborattiv għall-governanza f’diversi livelli. Monitoraġġ, implimentazzjoni, infurzar u kontabbiltà effiċjenti huma essenzjali, u l-governanza effettiva hija neċessarja sabiex tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki. L-approċċ integrat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika jenħtieġ li jissaħħaħ bil-ħsieb li jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi billi jiġu skrinjati sistematikament u, jekk ikun xieraq, evalwati l-kompromessi potenzjali bejniethom, kif ukoll jiġu evalwati sistematikament il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli u emarġinati. Jenħtieġ li dan l-approċċ deċentralizzat u integrat jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni urbani u rurali u r-reġjuni ultraperiferiċi. Barra minn hekk, l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali, kif ukoll l-aċċess għall-ġustizzja, inkluż id-djalogu trasparenti mal-awtoritajiet pubbliċi u bejniethom fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-atturi mhux governattivi u l-pubbliku ġenerali skont il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (9) (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), huma importanti biex jiġi żgurat is-suċċess tat-tmien EAP.

(36)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-progress fil-kisba tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP mill-Unjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tat-tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn is-sostenibbiltà, il-benesseri u r-reżiljenza fi ħdan il-limiti planetarji. Dan huwa konformi mat-talbiet tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri fid-dikjarazzjoni ta’ Porto, tal-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2019 dwar l-Ekonomija tal-Benesseri u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fid-Dokument ta’ Riflessjoni tiegħu “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” għall-kejl tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress tas-soċjetà “lil hinn mill-PDG”, u l-mixja lejn l-użu tal-benesseri bħala kumpass għall-politika, li hija appoġġata wkoll mill-OECD.

(37)

Il-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP għandha tirrifletti l-aħħar żviluppi fir-rigward tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data u l-indikaturi. Jenħtieġ li tkun koerenti mal-għodod ta’ monitoraġġ jew governanza u mingħajr preġudizzju għalihom, li jkopru aspetti aktar speċifiċi tal-politika ambjentali u klimatika, bħal b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2018/1999, ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, imħabbra mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2016 intitolata ‘It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta’ Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali’, u għodod ta’ monitoraġġ relatati ma’ ekonomija ċirkolari, mat-tniġġis żero, mal-bijodiversità, mal-arja, mal-ilma, mal-ħamrija, mal-iskart, jew ma’ kwalunkwe politika ambjentali oħra. Flimkien ma’ għodod użati fis-Semestru Ewropew, il-Monitoraġġ tal-SDGs tal-Eurostat u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020”, il-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP jenħtieġ li tifforma parti minn sett trasversali, koerenti u interkonness ta’ għodod ta’ monitoraġġ u governanza li jkopri mhux biss fatturi ambjentali iżda wkoll fatturi soċjali u ekonomiċi.

(38)

L-iżvilupp ulterjuri tal-bażi ta’ għarfien dwar il-limiti planetarji u l-impronti ambjentali, u l-iżvilupp ta’ settijiet ta’ indikaturi rilevanti, huma importanti fid-dawl tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP, b’mod partikolari l-objettiv prijoritarju tiegħu fit-tul.

(39)

Hemm bżonn data u indikaturi robusti u sinifikanti sabiex isir monitoraġġ tal-progress magħmul biex jinkisbu l-objettivi tat-tmien EAP. Il-Kummissjoni, l-EEA u aġenziji rilevanti oħra jenħtieġ li jaċċessaw, jużaw mill-ġdid u jibnu fuq id-data u l-indikaturi pprovduti mill-Istati Membri skont l-atti legali applikabbli tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jintużaw sorsi oħra ta’ data, bħal data satellitari u informazzjoni pproċessata meħuda mill-Programm ta’ Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus) tal-Unjoni, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa, is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art u s-Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar, u pjattaformi ta’ data bħan-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima u l-Pjattaforma ta’ Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi. L-applikazzjoni ta’ għodod diġitali moderni u intelliġenza artifiċjali tippermetti d-data tiġi ġestita u analizzata b’mod effettiv u b’hekk tnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li żżid il-puntwalità u l-kwalità. Biex jiġi vvalutat il-progress lejn il-kisba tal-objettivi ta’ prijorità tat-tmien EAP, jistgħu jintużaw miri li ma jkunux legalment vinkolanti flimkien ma’ miri legalment vinkolanti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

(40)

Barra minn hekk, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 2003/4/KE (10), 2007/2/KE (11) u (UE) 2019/1024 (12) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-data, l-informazzjoni u l-indikaturi rilevanti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-tmien EAP ikunu disponibbli liberament, mhux diskriminatorji, b’aċċess miftuħ, adegwat, ta’ kwalità għolja, komparabbli, aġġornati, faċli għall-utent u aċċessibbli faċilment online.

(41)

Sabiex jinkisbu l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP, l-EEA u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), kif ukoll l-Istati Membri, jenħtieġ li jkunu mgħammra b’kapaċità adegwata u riżorsi suffiċjenti biex jiżguraw bażi ta’ għarfien u evidenza soda, aċċessibbli u trasparenti biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-valutazzjoni tal-progress taħt it-tmien EAP. Fejn rilevanti, korpi u aġenziji oħra wkoll jenħtieġ li jkunu involuti u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-prijoritajiet strateġiċi u għal dik il-valutazzjoni tal-progress.

(42)

L-Artikolu 192(3), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE jipprevedi li huma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li għandhom jadottaw programmi ta’ azzjoni ġenerali li jistabbilixxu l-objettivi prijoritarji li jridu jinkisbu fil-qasam tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent. Peress li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew fiha pjan direzzjonali tal-azzjonijiet ewlenin relevanti għall-qasam ambjentali u klimatiku fis-snin li ġejjin, eċċezzjonalment din id-Deċiżjoni ma tiddefinixxix azzjonijiet biex jinkisbu l-objettivi prijoritarji tagħha għall-perijodu sal-2025. Madankollu, se jkun hemm bżonn li dan isir għall-perijodu ta’ wara l-istabbiliment tal-azzjonijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa mistenni li jseħħ sal-2024, biex jiġi żgurat li l-objettivi tematiċi prijoritarji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jkunu jistgħu jinkisbu u li t-tmien EAP ikompli jistabbilixxi l-viżjoni ġenerali tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Dan huwa meħtieġ ukoll sabiex jiġu rispettati l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skont l-Artikolu 192(3), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun hemm rieżami ta’ nofs it-terminu mwettaq mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024, segwit, fejn xieraq, sabiex jinkisbu l-objettivi tematiċi prijoritarji, sal-31 ta’ Marzu 2025, minn proposta leġislattiva li żżid anness ma’ din id-Deċiżjoni.

(43)

Sabiex jitqiesu l-objettivi politiċi li qed jevolvu u l-progress li sar, it-tmien EAP jenħtieġ li jiġi evalwat mill-Kummissjoni fl-2029. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fih is-sejbiet ewlenin ta’ dik l-evalwazzjoni, segwit, jekk xieraq, bi proposta leġiżlattiva għall-programm ta’ azzjoni ambjentali li jmiss. Tali proposta leġiżlattiva jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien utli, bil-ħsieb li jiġi evitat distakk bejn it-tmien u d-disa’ EAP.

(44)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-programm ta’ azzjoni propost, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta’ azzjoni ġenerali fil-qasam tal-ambjent għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2030 (“it-tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” jew “it-tmien EAP”). Dan jistabbilixxi l-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP u jidentifika l-kundizzjonijiet abilitanti meħtieġa għall-kisba ta’ dawk l-objettivi prijoritarji. Huwa jistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ biex jitkejjel il-progress tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha lejn il-kisba tal-objettivi prijoritarji tat-tmien EAP u mekkaniżmu ta’ governanza biex jiżgura l-kisba ta’ dawk l-objettivi prijoritarji.

2.   It-tmien EAP għandu l-għan li jħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija newtrali mil-lat ta’ klima, sostenibbli, mhux tossika, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, reżiljenti, kompetittiva u ċirkolari b’mod ġust, ekwu u inklużiv, u li tipproteġi, tirrestawra u ttejjeb l-istat tal-ambjent, anki fost oħrajn, billi twaqqaf jew treġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità. Huwa jappoġġa u jsaħħaħ approċċ integrat ta’ politika u ta’ implimentazzjoni, li jibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3.   It-tmien EAP huwa l-bażi għall-kisba tal-objettivi ambjentali u klimatiċi ddefiniti skont l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-SDGs tagħha, kif ukoll għal dawk segwiti mill-ftehimiet ambjentali u klimatiċi multilaterali.

4.   Il-qafas ta’ monitoraġġ tat-tmien EAP għandu jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Unjoni biex tkejjel il-progress lejn is-sostenibbiltà, il-benesseri u r-reżiljenza.

5.   It-tmien EAP għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju prekawzjonali, il-prinċipji tal-azzjoni preventiva u ta’ rettifika tat-tniġġis mis-sors u l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

Artikolu 2

Objettivi prijoritarji

1.   It-tmien EAP għandu jkollu l-objettiv prijoritarju fit-tul li sa mhux aktar tard mill-2050, il-persuni jgħixu tajjeb, fi ħdan il-limiti planetarji f’ekonomija tal-benesseri fejn ma jinħela xejn, it-tkabbir ikun riġenerattiv, tkun inkisbet in-newtralità klimatika fl-Unjoni u l-inugwaljanzi jkunu tnaqqsu b’mod sinifikanti. Ambjent b’saħħtu jirfed il-benesseri tal-persuni kollha u huwa ambjent li fih il-bijodiversità hija preservata u l-ekosistemi jiffjorixxu, u n-natura tiġi protetta u rrestawrata, li jwassal għal reżiljenza akbar għat-tibdil fil-klima, għad-diżastri relatati mat-temp u l-klima u riskji ambjentali oħra. L-Unjoni tistabbilixxi l-pass biex tiżgura l-prosperità tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri globalment, gwidata mir-responsabbiltà interġenerazzjonali.

2.   It-tmien EAP għandu jkollu s-sitt objettivi tematiċi prijoritarji interkonnessi li ġejjin għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2030:

(a)

it-tnaqqis mgħaġġel u prevedibbli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, fl-istess ħin, it-titjib tal-assorbimenti minn bjar naturali fl-Unjoni biex tinkiseb il-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, f’konformità mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni li ma tħalli lil ħadd lura;

(b)

progress kontinwu fit-titjib u l-integrazzjoni tal-kapaċità ta’ adattament, inkluż abbażi tal-approċċi tal-ekosistema, it-tisħiħ tar-reżiljenza u l-adattament u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-ambjent, is-soċjetà u s-setturi kollha tal-ekonomija għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tittejjeb il-prevenzjoni tad-diżastri relatati mat-temp u l-klima u t-tħejjija għalihom;

(c)

il-progress lejn ekonomija tal-benesseri li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu, u taċċellera t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari mhux tossika fejn it-tkabbir ikun riġenerattiv, ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u sostenibbli, u tiġi applikata l-ġerarkija tal-iskart;

(d)

li jiġi segwit “tniġġis żero”, anki fir-rigward ta’ kimiċi dannużi, sabiex jinkiseb ambjent mhux tossiku, inkluż għal dak li jikkonċerna l-arja, l-ilma u l-ħamrija kif ukoll it-tniġġis tad-dawl u dak akustiku, u li jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri tal-persuni, l-annimali u l-ekosistemi minn riskji u impatti negattivi relatati mal-ambjent;

(e)

il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar u tal- bijodiversità tal-art u l-bijodiversità tal-ilmijiet interni ġewwa u barra ż-żoni protetti billi, fost l-oħrajn, jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità u jittejjeb l-istat tal-ekosistemi u l-funzjonijiet tagħhom u s-servizzi li jipprovdu, u jittejjeb l-istat tal-ambjent, b’mod partikolari l-arja, l-ilma u l-ħamrija, kif ukoll billi jiġu miġġielda d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-ħamrija;

(f)

il-promozzjoni tal-aspetti ambjentali tas-sostenibbiltà u t-tnaqqis sinifikanti tal-pressjonijiet ambjentali u klimatiċi ewlenin relatati mal-produzzjoni u l-konsum tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, l-industrija, il-bini u l-infrastruttura, il-mobbiltà, it-turiżmu, il-kummerċ internazzjonali u s-sistema tal-ikel.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet li jippermettu li jinkisbu l-objettivi prijoritarji

Il-kisba tal-objettivi prijoritarji mniżżla fl-Artikolu 2 għandu jeħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-partijiet ikkonċernati, kif xieraq:

(a)

jiżguraw implimentazzjoni effettiva, rapida u sħiħa tal-leġislazzjoni u l-istrateġiji tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima u jistinkaw biex jiksbu l-eċċellenza fil-prestazzjoni ambjentali fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali inkluż billi jipprovdu kapaċità suffiċjenti fl-ambitu amministrattiv u ta’ assigurazzjoni tal-konformità, kif stipulat fir-Rieżami regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali, jappoġġaw u jikkooperaw man-networks tal-prattikanti, bħan-Network tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali, in-Network Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent u l-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent u n-Network Ewropew kontra l-Kriminalità Ambjentali;

(b)

jagħtu prijorità lill-infurzar tal-liġi ambjentali tal-Unjoni fejn l-implimentazzjoni tkun nieqsa, inkluż permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur, kif ukoll billi jiżguraw li jiġu allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għal dan l-iskop u li l-informazzjoni dwar dawk il-proċedimenti tkun kompluta u faċilment aċċessibbli, filwaqt jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni;

(c)

itejbu l-gwida u r-rakkomandazzjonijiet, anki dawk dwar penali effettivi, dissważivi u proporzjonati biex inaqqsu r-riskji tan-nuqqas ta’ konformità mad-dritt ambjentali tal-Unjoni, kif ukoll isaħħu l-azzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali u tar-rispons għan-nuqqas ta’ konformità, u jsaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-kriminalità ambjentali kif stipulat fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(d)

isaħħu l-approċċ integrat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika, b’mod partikolari billi:

(i)

jintegraw l-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2, kif ukoll, meta rilevanti, fl-SDGs, fl-istrateġiji, l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, il-programmi, l-investimenti u l-proġetti kollha rilevanti fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex kif ukoll fil-ftehimiet internazzjonali rilevanti konklużi mill-Unjoni wara t-2 ta’ Mejju 2022, sabiex jiġi żgurat li dawk l-istrateġiji, l-inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi, il-programmi, l-investimenti, il-proġetti u l-ftehimiet internazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom ikunu konsistenti mal-objettivi prijoritarji u jikkontribwixxu għalihom, fejn rilevanti, u ma jagħmlu l-ebda ħsara lil xi wieħed mill-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2;

(ii)

jimmassimizzaw il-benefiċċji mill-implimentazzjoni tad-Direttivi 2011/92/UE (14) u 2001/42/KE (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(iii)

jiskrinjaw u, fejn xieraq, jevalwaw b’mod sistematiku s-sinerġiji u l-kompromessi potenzjali bejn l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi għall-inizjattivi kollha sabiex jiġi żgurat li l-benesseri tal-persuni, u b’mod partikolari l-ħtiġijiet tagħhom għal ambjent tajjeb għas-saħħa, arja nadifa, ikel, ilma, enerġija, akkomodazzjoni, infrastruttura ekoloġika u mobbiltà li jkunu għal but ta’ kulħadd u jkunu ta’ kwalità tajba u aċċessibbli jintlaħqu b’mod sostenibbli li ma jħalli lil ħadd lura;

(iv)

jadottaw approċċ “L-Ewwel Aħseb fis-Sostenibbiltà”, anki billi jintegraw, fejn rilevanti, l-SDGs fil-linji gwida u s-sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar, kif ukoll jissimplifikaw u jrendu operattiv il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”;

(v)

iwettqu evalwazzjoni regolari tal-politiki eżistenti u, fejn xieraq, jipproponu leġiżlazzjoni ġdida, abbażi, meta rilevanti, ta’ valutazzjonijiet tal-impatt li huma bbażati fuq konsultazzjonijiet wiesgħa u trasparenti li jsegwu proċeduri li jkunu responsabbli, inklużivi, infurmati u sempliċi biex jiġu implimentati, u li jqisu l-medda sħiħa tal-impatti immedjati u fit-tul fuq l-ambjent u l-klima, bħala parti minn analiżi integrata ta’ impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, inklużi l-effetti kumulattivi tagħhom, kif ukoll l-ispiża tal-azzjoni u tan-nuqqas ta’ azzjoni;

(vi)

jippreżentaw, fi żmien tmien ġimgħat mill-għeluq ta’ konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni, feedback dettaljat dwar it-tweġibiet tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u jagħmlu distinzjoni bejn il-kontributi minn tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati;

(e)

jiżviluppaw tabella operattiva sommarja u sett ta’ indikaturi li jkejlu “lil hinn mill-PDG”, abbażi, fost l-oħrajn, konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha kif ukoll rapport li jidentifika l-interkonnessjonijiet bejn is-settijiet ta’ indikaturi eżistenti, l-oqfsa u l-proċessi ta’ monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni li jkejlu l-progress soċjali, ekonomiku u ambjentali u li jipproponi azzjoni dwar kif it-tabelli operattivi u s-settijiet ta’ indikaturi eżistenti jistgħu jiġu ssimplifikati;

(f)

jiżguraw li l-inugwaljanzi soċjali li jirriżultaw mill-impatti u l-politiki relatati mal-klima u l-ambjent jiġu minimizzati u li l-miżuri meħuda biex jipproteġu l-ambjent u l-klima jitwettqu b’mod soċjalment ġust u inklużiv;

(g)

jintergraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha relatati mal-klima u l-ambjent, anki billi jinkorporaw perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istadji kollha tal-proċess tat-tfassil tal-politika;

(h)

isaħħu l-inċentivi ambjentalment pożittivi kif ukoll jeliminaw b’mod gradwali s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari s-sussidji għall-fjuwils fossili, fil-livell tal-Unjoni u fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali mingħajr dewmien, fost oħrajn billi:

(i)

jistabbilixxu qafas vinkolanti għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-progress tal-Istati Membri fit-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili abbażi ta’ metodoloġija miftiehma;

(ii)

jiffissaw data ta’ skadenza għat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, konsistenti mal-ambizzjoni li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C;

(iii)

issir metodoloġija li tkun stabbilita mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, sal-2023, għall-identifikazzjoni ta’ sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent. L-Istati Membri għandhom, abbażi ta’ dik il-metodoloġija, jidentifikaw sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent u jirrappurtawhom regolarment lill-Kummissjoni, biex b’hekk jiffaċilitaw rapport tal-Kummissjoni dwar il-livell u t-tip ta’ tali sussidji fl-Unjoni, u dwar il-progress li jkun sar fit-tneħħija gradwali tagħhom;

(i)

jintegraw l-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni u jikkontribwixxu għall-kisba tal-ambizzjoni ġenerali li 7,5 % tal-infiq annwali fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % tal-infiq annwali fl-2026 u fl-2027, u tali infiq jiġi mmonitorjat permezz ta’ metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva, filwaqt li jqisu s-sovrapożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk tal-bijodiversità.

(j)

jiżguraw li d-dimensjonijiet tal-klima u l-bijodiversità jiġu integrati u vverifikati b’mod effettivi fil-baġit tal-Unjoni u jiżguraw il-konsistenza bejn il-finanzjament għall-klima u dak għall-bijodiversità;

(k)

jippromwovu l-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi fil-livell internazzjonali, filwaqt li jippromwovu wkoll it-tneħħija gradwali u globali ta’ sustanzi li mhumiex awtorizzati fl-Unjoni;

(l)

jissostitwixxu b’mod rapidu s-sustanzi ta’ tħassib, inklużi s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, is-sustanzi kimiċi persistenti ħafna, in-newrotossikanti u l-immunotossikanti, kif ukoll jindirizzaw l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, in-nanoforom tas-sustanzi u l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi mill-prodotti, jivvalutaw l-impatti tagħhom fuq is-saħħa u l-ambjent, inkluż il-klima, u l-bijodiversità, filwaqt li jippromwovu kimiċi u materjali sikuri u sostenibbli mit-tfassil tagħhom, u jżidu u jikkoordinaw l-isforzi biex jippromwovu l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali;

(m)

jindirizzaw id-degradazzjoni tal-art u jiggarantixxu l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija, inkluż permezz ta’ proposta leġiżlattiva speċifikament dwar is-saħħa tal-ħamrija sal-2023;

(n)

jittrasformaw is-sistema tal-ikel tal-Unjoni, sabiex, fost l-oħrajn, tikkontribwixxi għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fl-Unjoni u lil hinn minnha, u jiżguraw livell għoli ta’ benesseri tal-annimali filwaqt li jiżguraw tranżizzjoni ġusta għall-partijiet ikkonċernati affettwati;

(o)

jirrikonoxxu b’mod olistiku l-interkonnessjonijiet bejn is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent permezz tal-integrazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda” fit-tfassil tal-politika;

(p)

jagħmlu progress lejn ir-rikonoxximent ta’ dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli fuq livell internazzjonali;

(q)

jagħmlu użu sħiħ mill-approċċi tal-ekosistema u l-infrastruttura ekoloġika, inklużi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jiffavorixxu l-bijodiversità filwaqt li jiżguraw ukoll li l-implimentazzjoni tagħhom tirrestawra l-bijodiversità u ssaħħaħ l-integrità u l-konnettività tal-ekosistema, ikollha kobenefiċċji soċjetali ċari, li jeħtieġu impenn sħiħ mal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali u l-kunsens għalihom, u ma tissostitwix jew timmina l-miżuri meħuda biex tiġi protetta l-bijodiversità jew jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni;

(r)

jagħmlu użu mill-għodod u l-metodoloġiji eżistenti u jtejbu aktar il-metodi ta’ monitoraġġ, l-għodod ta’ evalwazzjoni u l-indikaturi li jistgħu jitkejlu għal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura;

(s)

inaqqsu b’mod sinifikanti l-impront materjali u tal-konsum tal-Unjoni biex jinġiebu konformi mal-limiti tal-pjaneta malajr kemm jista’ jkun, anki bl-introduzzjoni tal-miri ta’ tnaqqis tal-Unjoni għall-2030, kif xieraq;

(t)

jintegraw b’mod effettiv l-SDGs kif ukoll tal-objettivi klimatiċi u ambjentali fis-Semestru Ewropew tal-governanza ekonomika, mingħajr preġudizzju għall-iskop oriġinali tiegħu, inkluż fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza;

(u)

jimmobbilizzaw riżorsi u jiżguraw biżżejjed investimenti sostenibbli minn sorsi pubbliċi u privati, inkluż fondi u strumenti disponibbli taħt il-baġit tal-Unjoni, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment u fil-livell nazzjonali, b’mod konsistenti mal-aġenda ta’ politika tal-Unjoni għall-finanzi sostenibbli;

(v)

jagħmlu l-aħjar użu tat-tassazzjoni ambjentali, strumenti bbażati fuq is-suq u għodod ta’ bbaġitjar u ta’ finanzjament ekoloġiċi, inklużi dawk meħtieġa biex tiġi żgurata tranżizzjoni soċjalment ġust, u jappoġġaw lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ prattiki standardizzati ta’ kontabbiltà tal-kapital naturali;

(w)

jiżguraw li l-politiki u l-azzjoni ambjentali fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, ikunu bbażati fuq l-aħjar għarfien xjentifiku u teknoloġiji disponibbli u jsaħħu l-bażi tal-għarfien ambjentali, inkluż l-għarfien indiġenu u lokali, u l-adozzjoni tagħha, inkluż permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni, it-trawwem tal-ħiliet ekoloġiċi, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, u l-bini ulterjuri tal-kontabbiltà ambjentali u tal-ekosistemi;

(x)

jiżviluppaw u jikkonsolidaw il-bażi ta’ għarfien, fost l-oħrajn, dwar ir-rekwiżiti għal bidla sistemika, kif wieħed jista’ jaqleb minn fokus politiku kkompartimentalizzat u bbażat fuq is-settur għal approċċ sistemiku għall-koerenza tal-politika, kif ukoll il-kapaċità ta’ ekosistemi differenti li jaġixxu bħala bjar u stokks ta’ gassijiet serra;

(y)

jisfruttaw il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tad-data biex jappoġġaw il-politika ambjentali, inkluż billi titwassal data f’ħin reali, fejn possibbli, u informazzjoni dwar l-istat tal-ekosistemi, filwaqt li jżidu l-isforzi biex jimminimizzaw l-impronta ambjentali ta’ dawn it-teknoloġiji, u jiżguraw it-trasparenza, l-awtentiċità, l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà għall-pubbliku tad-data u tal-informazzjoni;

(z)

jagħlqu l-lakuni fis-settijiet ta’ indikaturi rilevanti, u jottimizzawhom, bħal dawk relatati ma’ bidla sistemika, limiti planetarji u l-impront tal-produzzjoni u l-konsum tal-Unjoni, kif ukoll dawk li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-fatturi ambjentali u soċjoekonomiċi, bħall-inugwaljanzi li jirriżultaw minn tibdil ambjentali, filwaqt li jiżguraw li s-settijiet ta’ indikaturi jkunu komparabbli fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika;

(aa)

jimmobilizzaw appoġġ wiesa’ mis-soċjetà ċivili billi jaħdmu man-negozji, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, is-sħab soċjali, iċ-ċittadini, il-komunitajiet u partijiet ikkonċernati oħra;

(ab)

iqajmu kuxjenza dwar l-importanza li jintlaħqu l-objettivi prijoritarji mniżżla fl-Artikolu 2, u jsaħħu l-kapaċità taċ-ċittadini li jaġixxu permezz tal-promozzjoni, fost l-oħrajn, tad-dibattitu u l-komunikazzjoni fil-livelli kollha, l-edukazzjoni ambjentali tul il-ħajja, l-involviment ċiviku u l-azzjoni mmexxija mill-komunità;

(ac)

jikkontribwixxu għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċittadini u l-komunitajiet, is-sħab soċjali u s-settur privat fl-identifikazzjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali, fl-evalwazzjoni tal-impatt tagħhom u fit-teħid ta’ azzjoni biex jipprevjenu, jimmitigaw u jadattaw għal tali riskji, kif ukoll irawmu l-impenn tagħhom biex jagħlqu l-lakuni fl-għarfien billi, fost l-oħrajn, jinkoraġġixxu l-osservazzjoni u r-rappurtar taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ambjentali u lakuni ta’ konformità, inkluż il-promozzjoni ta’ prattiki tajba tax-xjenza miċ-ċittadini bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali;

(ad)

jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji, politiki jew leġislazzjoni relatati mat-tmien EAP u jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f’żoni urbani u rurali inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi fid-dimensjonijiet kollha tat-tfassil tal-politika ambjentali permezz ta’ approċċ kollaborattiv u f’diversi livelli u jiżguraw li l-komunitajiet reġjonali u lokali jkollhom riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni fil-prattika;

(ae)

isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni fir-rigward tal-politika ambjentali u klimatika, inkluż bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa tagħhom, u jesploraw kif jistgħu jittejbu d-djalogu u l-ġbir flimkien tal-informazzjoni;

(af)

japplikaw b’mod effettiv standards għoljin għat-trasparenza, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-aċċess għall-ġustizzja skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri;

(ag)

irendu d-data u l-evidenza marbuta mal-implimentazzjoni tat-tmien EAP disponibbli pubblikament, faċilment aċċessibbli u komprensibbli, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità fil-leġiżlazzjoni speċifika għall-qasam;

(ah)

jappoġġaw l-adozzjoni globali tal-objettivi prijoritarji mniżżla fl-Artikolu 2, filwaqt li jiżguraw il-koerenza bejn l-approċċi interni u esterni u l-azzjoni koordinata, b’mod partikolari fir-rigward:

(i)

tal-involviment ma’ pajjiżi terzi dwar azzjoni klimatika u ambjentali, l-inkoraġġiment u l-appoġġ tagħhom biex jadottaw u jimplimentaw regoli f’dawk l-oqsma li jkunu tal-anqas ambizzjużi daqs dawk tal-Unjoni, u l-iżgurar li l-prodotti kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tat-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-art;

(ii)

tat-trawwim ta’ governanza korporattiva sostenibbli, inkluż l-istabbiliment ta’ rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta obbligatorji fil-livell tal-Unjoni, u l-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ mġiba responsabbli fin-negozju fil-politiki esterni tal-Unjoni, inkluż fil-politika kummerċjali;

(iii)

tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-gvernijiet, in-negozji, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili f’pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiffurmaw sħubiji u alleanzi għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni dwar it-tibdil ambjentali u klimatiku, anki fil-G7 u l-G20;

(iv)

tat-turija ta’ rwol mexxej fil-fora internazzjonali billi, fost l-oħrajn, il-kisba tal-SDGs mill-Unjoni kif ukoll tal-objettivi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u ftehimiet ambjentali multilaterali oħrajn, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tagħhom, u l-appoġġ lil pajjiżi terzi biex jagħmlu l-istess, inkluż billi jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tal-progress dwar l-impenji li saru skont dawk il-ftehimiet;

(v)

tat-tisħiħ tal-governanza ambjentali internazzjonali billi jitneħħew il-lakuni li fadal u jissaħħaħ ir-rispett għal, u l-applikazzjoni ta’, prinċipji ambjentali internazzjonali rikonoxxuti;

(vi)

tal-iżgurar li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri lil pajjiżi terzi tippromwovi l-Aġenda 2030 tan-NU.

Artikolu 4

Qafas ta’ monitoraġġ u governanza

1.   Il-Kummissjoni, appoġġata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tagħhom, għandha timmonitorja, tivvaluta u tirrapporta dwar il-progress tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-kisba tal-objettivi prijoritarji stabbiliti fl-Artikolu 2 fuq bażi annwali, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3, u l-għan ġenerali li tinkiseb bidla sistemika. L-informazzjoni li tirriżulta minn dak il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli.

2.   Il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rapportar msemmija fil-paragrafu 1 għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-komunikazzjoni politika strateġika ta’ livell għoli. Wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, il-Kummissjoni għandha, sat-2 ta’ Mejju 2022, tippreżenta qafas ta’ monitoraġġ, ibbażat fuq għadd limitat ta’ indikaturi ewlenin, li jinkludu, fejn disponibbli, indikaturi sistemiċi li jindirizzaw, fost oħrajn, ir-rabta ambjentali — soċjali u ambjentali — ekonomika. Il-lista ta’ indikaturi ewlenin għandha tibqa’ stabbli biex tiżgura l-obbligu ta’ rendikont. Madankollu, għandha tiġi aġġornata fejn xieraq biex tirrifletti l-aħħar żviluppi f’termini ta’ politika u ta’ indikaturi.

3.   Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirriflettu l-aħħar żviluppi fir-rigward tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data u l-indikaturi u għandhom jibnu fuq id-data disponibbli fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari d-data u l-indikaturi prodotti mill-EEA u s-Sistema Statistika Ewropea, bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Din il-valutazzjoni għandha tkun koerenti ma’, u mingħajr preġudizzju, għall-oqfsa u l-eżerċizzji l-oħra ta’ monitoraġġ, rapportar u governanza li jkopru l-politika ambjentali u klimatika. Din għandha tkun ibbażata fuq metodoloġija li tippermetti, fejn possibbli, il-kejl tad-distanza mill-miri fir-rigward tal-objettivi prijoritarji mniżżla fl-Artikolu 2 u l-indikaturi ewlenin magħżula.

4.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iqisu u jiskambjaw opinjonijiet kull sena dwar il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll azzjonijiet meħuda u azzjonijiet futuri possibbli.

5.   L-EEA u l-ECHA għandhom jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-titjib tad-disponibbiltà u r-rilevanza tad-data, l-indikaturi u l-għarfien, b’mod partikolari billi jwettqu dan li ġej:

(a)

il-ġbir, l-ipproċessar u r-rapportar ta’ data u evidenza b’għodod diġitali moderni, filwaqt li jtejbu l-metodoloġiji għall-ġbir u t-trattament tad-data u biex jiżviluppaw indikaturi armonizzati;

(b)

it-tisħiħ u l-għoti ta’ appoġġ għar-riċerka bażika, għall-immappjar u għall-monitoraġġ;

(c)

ħidma lejn l-għeluq tal-lakuni rilevanti tad-data ta’ monitoraġġ, flimkien mal-Istati Membri u b’kont meħud tal-ħtieġa għal bidla sistemika;

(d)

it-twettiq ta’ analiżijiet sistemiċi u rilevanti għall-politika, u l-kontribut għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ politika fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, inkluż billi jiġu proposti rakkomandazzjonijiet biex jissaħħaħ il-progress fil-kisba tal-objettivi;

(e)

l-integrazzjoni tad-data dwar l-impatti ambjentali, fuq is-saħħa, soċjali u ekonomiċi, u l-isfruttar sħiħ ta’ data u servizzi disponibbli oħra, bħal dawk mogħtija minn Copernicus;

(f)

il-kontribut biex jingħalqu l-lakuni kritiċi fl-għarfien dwar il-punti ta’ protezzjoni ekoloġiċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi ġeografiċi u ekoloġiċi bejn ir-reġjuni;

(g)

l-iżvilupp ta’ għodod kwantitattivi u kwalitattivi, inkluż tbassir u mudelli, li jistgħu jipprovdu, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar l-impatti futuri potenzjali fuq is-sistema kollha ta’ politiki relatati mal-ambjent u l-klima u dwar “id-distanza għall-miri”;

(h)

it-titjib ulterjuri tad-disponibbiltà u l-interoperabbiltà tad-data u tal-aċċess għad-data permezz tal-programmi tal-Unjoni;

(i)

l-iżgurar tat-trasparenza u tar-responsabbiltà.

6.   Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment il-ħtiġijiet tad-data u l-għarfien fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, inkluża l-kapaċità tal-EEA u tal-ECHA kif ukoll ta’ korpi u aġenziji Ewropej oħra, fejn rilevanti, li jwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

Artikolu 5

Rieżami ta’ nofs it-terminu

1.   Sal-31 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ nofs it-terminu tal-progress miksub fil-kisba tal-objettivi tematiċi prijoritarji definiti fl-Artikolu 2(2), filwaqt li tqis l-istatus tal-kundizzjonijiet abilitanti stabbiliti fl-Artikolu 3, u l-progress li jkun sar lejn il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-bidla sistemika. Il-Kummissjoni għandha tipproponi, fejn xieraq, bidliet fl-indikaturi ewlenin imsemmija fl-Artikolu 4(2) fid-dawl tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 4(1) u fuq kwalunkwe konstatazzjoni rilevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Fid-dawl tar-rieżami ta’ nofs it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u r-rispons possibbli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal dak ir-rieżami, ta’ żviluppi ta’ politika rilevanti oħra, u tal-aħħar rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-istat u l-prospetti tal-ambjent Ewropew, sabiex jinkisbu l-objettivi tematiċi prijoritarji, kif imniżżla fl-Artikolu 2(2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġislattiva biex jiżdied anness għat-tmien EAP, għall-perijodu wara l-2025, li jkun fiha lista ta’ azzjonijiet bil-ħsieb li jintlaħqu dawk l-objettivi, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien rispettiva għal dawk l-azzjonijiet rispettivi.

Artikolu 6

Evalwazzjoni

Sal-31 ta’ Marzu 2029, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tat-tmien EAP. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jkun fih is-sejbiet ewlenin ta’ dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, segwit, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva għall-programm ta’ azzjoni ambjentali li jmiss sal-31 ta’ Diċembru 2029.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. BEAUNE


(1)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 76.

(2)  ĠU C 106, 26.3.2021, p. 44.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Marzu 2022.

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(7)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(9)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

(10)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(11)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(13)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(14)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).


Top