EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0523

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 523/2012 tal- 20 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti Regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi motorizzati, il-karrijiet tagħhom u sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati intiżi għalihom Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 160, 21.6.2012, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/07/2022; Impliċitament imħassar minn 32019R2144

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/523/oj

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 523/2012

tal-20 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti Regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi motorizzati, il-karrijiet tagħhom u sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati intiżi għalihom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (2), l-Unjoni aderixxiet għall-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, it-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jiġu użati fuq vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim tal-1958 Rivedut”).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 97/836/KE, l-Unjoni aderiet ukoll mar-Regolament tal-UNECE Nru 30 dwar it-tajers pnewmatiċi għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, ir-Regolament Nru 54 dwar it-tajers pnewmatiċi għal vetturi kummerċjali u t-trejlers tagħhom, u r-Regolament Nru 64 dwar l-użu temporanju ta’ unitajiet żejda, tajers run-flat, sistema run-flat u sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers.

(3)

Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (3) separata, l-Unjoni aderiet mar-Regolament tal-UNECE Nru 117 dwar l-emissjonijiet ta’ ħsejjes mit-tidwir tat-tajers u l-adeżjoni fuq uċuħ imxarrba.

(4)

Skont id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (4), il-manifatturi tal-vetturi li jridu l-approvazzjoni għas-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati tagħhom għandhom l-għażla li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ waħda mid-Direttivi relevanti jew ir-Regolamenti korrispondenti tal-UNECE. Il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti skont id-Direttivi dwar il-parts tal-vetturi huma meħuda mir-Regolamenti korrispondenti tal-UNECE. Hekk kif it-teknoloġija timxi ‘l quddiem, ir-Regolamenti tal-UNECE qegħdin jiġu emendati l-ħin kollu u d-Direttivi relevanti għandhom jiġu aġġornati regolarment biex jinżammu konformi mal-kontenut tar-Regolamenti rispettivi tal-UNECE. Sabiex tiġi evitata din id-duplikazzjoni, il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 irrakkomanda li bosta Direttivi jiġu sostitwiti mir-Regolamenti korrispondenti tal-UNECE.

(5)

Il-possibbiltà li jiġu applikati r-Regolamenti tal-UNECE għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-KE fuq bażi obbligatorja u li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi sostitwita minn dawk ir-Regolamenti tal-UNECE hija stipulata fid-Direttiva 2007/46/KE. Skont ir-Regolament (KE) Nru 661/2009, l-approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolamenti tal-UNECE li japplikaw fuq bażi obbligatorja se titqies bħala approvazzjoni tat-tip tal-KE skont dak ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu.

(6)

Is-sostituzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bir-Regolamenti tal-UNECE tgħin biex ma jkunx hemm duplikazzjoni mhux biss tar-rekwiżiti tekniċi iżda wkoll tal-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri amministrattivi. Barra minn hekk, l-approvazzjoni tat-tip li hija direttament ibbażata fuq standards li hemm qbil fuhom internazzjonalment għandha ttejjeb l-aċċess għas-suq fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari f’dawk li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jipprovdi għar-revoka ta’ bosta Direttivi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati, il-karrijiet tagħhom u sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati intiżi għalihom, li, għall-iskopijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE skont dak ir-Regolament għandhom jiġu sostitwiti bir-Regolament korrispondenti tal-UNECE biex jiġi żgurat li jinżammu d-dispożizzjonijiet tal-approvazzjoni tat-tip u jiġu ffaċilitati l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi.

(8)

Minħabba f’hekk, jixraq li r-Regolament tal-UNECE Nru 30, 54, 64 u 117 jiddaħħlu fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 661/2009, li jelenka l-listi tar-Regolamenti tal-UNECE li japplikaw fuq bażi obbligatorja.

(9)

Jixraq ukoll li jiġi ċċarat l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 661/2009, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 407/2011 (5), fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-UNECE Nru 13 dwar l-ibbrejkjar tal-vejikoli u t-trejlers, ir-Regolament Nru 13-H dwar l-ibbrejkar tal-karozzi tal-passiġġieri, ir-Regolament Nru 34 dwar il-prevenzjoni tar-riskju min-nirien (tankijiet tal-fjuwil likwidu) u r-Regolament Nru 55 dwar komponenti ta’ kkoppjar mekkaniku ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 għandu għaldaqstant jiġi emendat b’dan il-mod.

(11)

Ir-Regolamenti tal-UNECE elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw skont id-dati tal-implimentazzjoni stipulati fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 661/2009.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku — Vetturi bil-Mutur,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2012, ir-Regolament tal-UNECE Nru 30, suppliment 16 tat-02 serje ta’ emendi (6), u r-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje ta’ emendi (7), inklużi r-rekwiżiti dwar il-ħsejjes tat-tidwir tat-2 stadju stipulati fil-paragrafu 6.1.1, ir-rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab stipulati fil-paragrafu 6.2, u r-rekwiżiti tar-reżistenza għat-tidwir tal-istadju 1 stipulati fil-paragrafu 6.3.1 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandhom japplikaw għall-fini ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ tipi ġodda ta’ tajers tal-Klassi C1.

2.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2014, ir-Regolament tal-UNECE Nru 30, suppliment 16 tat-02 serje ta’ emendi, u r-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje ta’ emendi, inklużi r-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-qabda fuq l-imxarrab stipulati fil-paragrafu 6.2 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandhom japplikaw għall-fini ta’ reġistrazzjoni, bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassi C1.

3.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2012, ir-Regolament tal-UNECE Nru 54, suppliment 17 tal-verżjoni oriġinali tar-Regolament (8), u r-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje ta’ emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar il-ħsejjes tat-tidwir tat-2 stadju stipulati fil-paragrafi minn 6.1.2 sa 6.1.3 u r-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għat-tidwir tal-istadju 1 stipulati fil-paragrafu 6.3.1 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandhom japplikaw għall-fini ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ tipi ġodda ta’ tajers tal-Klassijiet C2 u C3.

4.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2014, ir-Regolament tal-UNECE Nru 54 suppliment 17 tal-verżjoni oriġinali tar-Regolament, għandu japplika fuq bażi obbligatorja għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassijiet C2 u C3.

5.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2016, ir-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje tal-emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar il-ħoss tat-tidwir tat-2 stadju stipulati fil-paragrafi minn 6.1.1 sa 6.1.3 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandu japplika għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassijiet C1, C2 u C3.

6.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2014, ir-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje tal-emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għat-tidwir tal-1 stadju stipulati fil-paragrafu 6.3.1 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandu japplika għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassijiet C1 u C2.

7.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2016, ir-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje tal-emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għat-tidwir tal-1 stadju stipulati fil-paragrafu 6.3.1 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandu japplika għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassi C3.

8.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2016, ir-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje tal-emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għat-tidwir tat-2 stadju stipulati fil-paragrafu 6.3.2 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandu japplika għall-fini approvazzjoni tat-tip ta’ tipi ġodda ta’ tajers tal-Klassijiet C1, C2 u C3.

9.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2018, ir-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje tal-emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għat-tidwir tat-2 stadju stipulati fil-paragrafu 6.3.2 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandu japplika fuq bażi obbligatorja għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassijiet C1 u C2.

10.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2020, ir-Regolament tal-UNECE Nru 117, it-02 serje tal-emendi, inklużi r-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għat-tidwir tat-2 stadju stipulati fil-paragrafu 6.3.2 ta’ dak ir-Regolament tal-UNECE, għandu japplika għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ tajers ġodda tal-Klassi C3.

11.   Tajers ġodda tal-Klassijiet C1, C2 u C3 li kienu ġew manifatturati qabel id-dati stipulati fil-paragrafu 2 li jikkonċerna r-rekwiżiti ġenerali u l-prestazzjoni tal-qabda fuq wiċċ imxarrab, il-paragrafu 4 li jikkonċerna rekwiżiti ġenerali, il-paragrafu 5 li jikkonċerna ħoss tal-irrumblar tat-2 stadju, il-paragrafi 6 u 7 li jikkonċernaw rekwiżiti dwar ir-reżistenza għall-irrumblar tal-1 stadju, kif ukoll il-paragrafi 9 u 10 li jikkonċernaw ir-rekwiżiti dwar ir-reżistenza għall-irrumblar tat-2 stadju, u li ma jkunux konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, jistgħu jinbiegħu u jiddaħħllu fis-servizz għal perjodu addizzjonali li ma jaqbiżx it-30 xahar minn dawk id-dati.

Artikolu 3

1.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE lil tipi ġodda ta’ tajers għall-vetturi tal-kategorija M1 li ma jkunux mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers (TPMS) konformi mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-UNECE Nru 64, it-02 serje ta’ emendi, rettifika 1 (9).

2.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2014, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE lil tipi ġodda ta’ tajers għall-vetturi tal-kategorija M1 li ma jkunux mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers (TPMS) konformi mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-UNECE Nru 64, it-02 serje ta’ emendi, rettifika 1.

Artikolu 4

1.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2012, ir-Regolament tal-UNECE Nru 64, it-02 serje ta’ emendi, rettifika 1, għandu japplika għall-fini ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tajers ġodda għall-vetturi tal-kategoriji M1 u N1 f’każijiet fejn it-tali vetturi jkunu mgħammra b’apparat kopert minn dak ir-Regolament.

2.   B’effett mill-1 ta’ Novembru 2014, ir-Regolament tal-UNECE Nru 64, it-02 serje ta’ emendi, rettifika 1, għandu japplika fuq bażi obbligatorja għall-fini ta’ bejgħ u dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda tal-kategoriji M1 u N1, f’każijiet fejn it-tali vetturi jkunu mgħammra b’apparat kopert minn dak ir-Regolament.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

(3)  COM(2003) 635 finali — Adozzjoni permezz ta’ dokument mhux ippubblikat.

(4)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 108, 28.4.2011, p. 13.

(6)  ĠU L 201, 30.7.2008, p. 70.

(7)  ĠU L 231, 29.8.2008, p. 19.

(8)  ĠU L 183, 11.7.2008, p. 41.

(9)  ĠU L 310, 26.11.2010, p. 18.


ANNESS

L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 661/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-lista tar-Regolamenti tal-UNECE applikabbli fuq bażi obbligatorja hija emendata kif ġej:

(a)

L-annotazzjoni għar-Regolement Nru 13 tinbidel b’dan li ġej:

“13

Ibbrejkjar ta’ vetturi u trejlers

Is-Suppliment 5 mas-serje ta’ emendi 10

Il-Rettifiki 1 u 2 lir-Reviżjoni 6

ĠU L 257, 30.9.2010, p. 1

M, N, O (b)”

Is-Suppliment 3 mas-serje ta’ emendi 11

ĠU L 297, 13.11.2010, p. 183

(b)

Ir-Regolamnet Nru 30 li ġej jiddaħħal bejn ir-Regolament Nru 28 u r-Regolament Nru 31:

“30

Tajers pnewmatiċi għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom (Klassi C1)

Is-Suppliment 16 mas-serje 02 ta’ emendi

ĠU L 201, 30.7.2008, p. 70

ĠU L 307, 23.11.2011, p. 1

M, N, O”

(c)

L-annotazzjoni għar-Regolement Nru 34 tinbidel b’dan li ġej:

“34

Prevenzjoni tar-riskji tan-nar (tankijiet tal-fjuwil likwidu)

Is-Suppliment 2 mas-serje 02 ta’ emendi

ĠU L 194, 23.7.2008, p. 14

M, N, O (d)”

(d)

Ir-Regolamnet Nru 54 li ġej jiddaħħal bejn ir-Regolament Nru 48 u r-Regolament Nru 55:

“54

Tajers pnewmatiċi għal vetturi kummerċjali u t-trejlers tagħhom (Klassijiet C2 u C3)

Is-Suppliment 17 mal-verżjoni oriġinali tar-Regolament

ĠU L 183, 11.7.2008, p. 41

ĠU L 307, 23.11.2011, p. 2

M, N, O”

(e)

L-annotazzjoni għar-Regolement Nru 55 tinbidel b’dan li ġej:

“55

Komponenti tal-igganċjar mekkaniku ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi

Is-Suppliment 1 mas-serje 01 ta’ emendi

ĠU L 227, 28.8.2010, p. 1

M, N, O (e)”

(f)

Ir-Regolament Nru 64 li ġej jiddaħħal bejn ir-Regolament Nru 61 u r-Regolament Nru 66:

“64

Unitajiet żejda għal użu temporanju, sistema/tajers run-flat u sistema tal-monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers

Is-serje 02 ta’ emendi, rettifika 1

ĠU L 310, 26.11.2010, p. 18

M1, N1

(g)

Ir-Regolament Nru 117 li ġej jiddaħħal bejn ir-Regolament Nru 116 u r-Regolament Nru 118:

“117

Tajers fir-rigward ta’ emissjonijiet tal-ħsejjes tat-tidwir, adeżjoni fuq uċuh imxarrba u reżistenza għat-tidwir (Klassijiet C1, C2 u C3)

Serje 02 ta’ emendi

ĠU L 307, 23.11.2011, p. 3

M, N, O”

(2)

In-Noti mat-tabella huma emendati kif ġej:

(a)

In-Noti (b) u (c) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

L-attrezzar ta’ sistema ta’ kontroll tal-istabbilità elettroniku huwa meħtieġ skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Anness 21 tar-Regolament tal-UNECE Nru 13 hija obbligatorja għall-għanijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tipi ġodda ta’ vetturi kif ukoll għar-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda. Madankollu, id-dati tal-implimentazzjoni li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontroll tal-istabbiltà elettroniċi msemmija f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw minflok id-dati msemmija f’dak ir-Regolament tal-UNECE.

(c)

L-attrezzar ta’ sistema ta’ kontroll tal-istabbilità elettroniku huwa meħtieġ skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Parti A tal-Anness 9 tar-Regolament tal-UNECE Nru 13-H hija obbligatorja għall-għanijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tipi ġodda ta’ vetturi kif ukoll għar-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda. Madankollu, id-dati tal-implimentazzjoni li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontroll tal-istabbiltà elettroniċi msemmija f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw minflok id-dati msemmija f’dak ir-Regolament tal-UNECE.”

(b)

Jiżdiedu l-punti (d) u (e) li ġejjin:

“(d)

Il-konformità mal-Parti II tar-Regolament tal-UNECE Nru 34 hija obbligatorja.

(e)

Kull meta manifattur ta’ vettura jistqarr li vettura hija adatta biex tirmonka tagħbijiet (il-punt 2.11.5 tal-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE), l-ebda tagħmir tal-ikkoppjar attrezzat magħha ma għandu jgħatti xi komponent tad-dwal (eż. il-fanal ta’ wara ta’ kontra ċ-ċpar) jew l-ispazju għall-immuntar u t-twaħħil tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni ta’ wara, sakemm it-tagħmir tal-ikkoppjar mekkaniku ma jkunx jista’ jitneħħa jew jiġi ripożizzjonat bla ma tintuża l-ebda għodda, inklużi ċwievet tar-rilaxx.”


Top