EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0140

2011/140/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta' Lulju 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C 27/09 (ex N 34/B/09) Sussidju baġitarju għal France Télévisions li r-Repubblika Franċiża għandha l-ħsieb li timplimenta favur France Télévisions (notifikata bid-dokument numru C(2010) 4918) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 59, 4.3.2011, p. 44–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/140(1)/oj

4.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/44


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta' Lulju 2010

dwar l-għajnuna mill-Istat C 27/09 (ex N 34/B/09) Sussidju baġitarju għal France Télévisions li r-Repubblika Franċiża għandha l-ħsieb li timplimenta favur France Télévisions

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4918)

(It-test bil-Franċiż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/140/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont dawk l-Artikoli (1) u wara li rat dawn il-kummenti,

billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Bl'ittra tat-23 ta' Jannar 2009, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħmel allokazzjoni baġitarja ta' EUR 450 miljun li diġà kienet imniżżla fil-liġi tal-finanzi favur France Télévisions għas-sena 2009. Fit-13 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni talbitha informazzjoni addizzjonali, li r-Repubblika Franċiża pprovdiet fil-25 ta' Mejju 2009. f'dik l-ittra, ir-Repubblika Franċiża estendiet is-suġġett tan-notifika billi espremiet l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi mekkaniżmu permanenti u pluriannwali ta' finanzjament pubbliku għal France Télévisions, li parti minnu tikkonsisti f'sussidju annwali.

(2)

Bl'ittra tal-1 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni, minn naħa waħda, ikkunsidrat li s-sussidju baġitarju vvutat għas-sena 2009 kien kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“TFUE”) u, min-naħa l-oħra, infurmat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-mekkaniżmu ġdid ta' finanzjament pubbliku għal France Télévisions għas-snin li ġejjin.

(3)

Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat il-kummenti tagħha fis-7 ta' Ottubru 2009.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett mingħand il-partijiet interessati. Hija bagħtithom lir-Repubblika Franċiża, waqt li tatha l-possibbiltà li tikkummenta dwarhom, u rċeviet il-kummenti tagħha b'ittra tal-15 ta' Jannar 2010.

(6)

Fit-23 ta' April, id-19 ta' Mejju u t-22 ta' Ġunju 2010, ir-Repubblika Franċiża bagħtet lill-Kummissjoni kjarifiki jew informazzjoni addizzjonali.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MEKKANIŻMU TA' FINANZJAMENT

(7)

Il-mekkaniżmu ta' finanzjament pluriannwali li huwa s-suġġett ta' din id-deċiżjoni jinsab fil-kuntest ta' finanzjament tal-missjonijiet ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjonijiet tagħha tal-10 ta' Diċembru 2003 (3), tal-20 ta' April 2005 (4), tas-16 ta' Lulju 2008 (5) u tal-1 ta' Settembru 2009 (6). Dan madankollu jikkostitwixxi miżura distinta minn dawk li kienu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-2003, 2005 u 2008. b'mod aktar partikolari, is-sussidji baġitarji deskritti f'aktar dettall iktar 'il quddiem, jirrigwardaw ir-riżorsi pubbliċi allokati lil France Télévisions fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni għas-servizz pubbliku awdjoviżiv, li qabel kienet tissejjaħ liċenzja, li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2005 u li, bħala għajnuna eżistenti, mhijiex immodifikata mid-dispożizzjonijiet il-ġodda. Dawn iż-żewġ riżorsi pubbliċi għandhom ikopru l-ispiża tal-missjoni ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions, imnaqqsa mid-dħul kummerjali nett li jifdal.

II.1.   Bażijiet ġuridiċi prinċipali

(8)

Id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-mekkaniżmu ġdid ta' finanzjament pubbliku jinsabu fil-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar il-komunikazzjoni awdjoviżiva u s-servizz pubbliku ġdid tat-televiżjoni (loi no 2009-258 du 5 mars 2009 relative à lacommunication audiovisuelle et au nouveau service public de la télévision). L-għajnuna nnotifikata tagħmel parti minn riforma aktar wiesgħa tal-istrutturi u l-missjonijiet ta' interess ekonomiku ġenerali tas-servizz pubbliku awdjoviżiv previst mil-liġi. Il-liġi b'hekk temenda dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw il-missjonijiet ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions u, b'mod aktar partikolari, il-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 dwar il-libertà ta' komunikazzjoni (loi no 86-1067 du 30 septembre 1986 relative à la liberté de communication). Dawn il-missjonijiet huma spjegati f'aktar dettall fl-ispeċifikazzjonijiet u fil-kuntratt dwar l-objettivi u l-mezzi ta' France Télévisions, li huma approvati minn testi regolamentari adottati għall-applikazzjoni tal-liġi dwar il-libertà ta' komunikazzjoni. Il-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 tinkludi wkoll dispożizzjonijiet finanzjarji li jemendaw il-kodiċi tat-taxxa, minn naħa waħda, u li jistabbilixxu l-prinċipju ta' allokazzjoni baġitarja mniżżla fil-liġi dwar il-finanzi għal France Télévisions, min-naħa l-oħra.

II.2.   L-attivitajiet u l-finanzjament tal-benefiċjarja: France Télévisions

(9)

France Télévisions hija société anonyme maħluqa skont l-Artikolu 44-I tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 dwar il-libertà tal-komunikazzjoni. Din il-liġi kif emendata tistabbilixxi impriża waħda, France Télévisions, li tgħaqqad flimkien l-entitajiet ġuridiċi distinti ta' stazzjonijiet differenti li kienu jeżistu qabel. Hija soġġetta għall-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-Istat Franċiż. Il-kapital azzjonarju tagħha huwa maqsum f'ishma nominali li jistgħu jappartjenu biss lill-Istat. Il-bord tad-diretturi tagħha jinkludi, minbarra l-president, erbatax-il membru b'mandat ta' ħames snin, jiġifieri, żewġ deputati parlamentari nnominati mill-Kumitati għall-Affarijiet Kulturali tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat rispettivament, ħames rappreżentanti tal-Istat, ħames personalitajiet maħtura mill-Kunsill Superjuri tal-Awdjoviżiv u żewġ rappreżentanti tal-persunal.

(10)

France Télévisions hija l-grupp ewlieni awdjoviżiv Franċiż. Hija tħaddem madwar 11 000 persuna u tiġbor fi ħdanha l-istazzjonijiet France 2, France 3, France 4, France 5 u France Ô li jxandru fit-territorju Franċiż metropolitan, kif ukoll RFO, kumpanija li tgħaqqad it-televiżjonijiet u r-radji pubbliċi li jxandru fid-dipartimenti u t-territorji barranin. Il-grupp jinkludi wkoll dipartiment tar-riklami, għalkemm qed jiġi kkunsidrat irtirar minn dan il-qasam, u kumpaniji ddedikati għal attivitajiet ta' diversifikazzjoni. Ċerti stazzjonijiet ta' France Télévisions ixandru fuq medda wiesgħa f'diversi Stati Membri, b'mod partikolari fil-Belġju u l-Lussemburgu.

(11)

Il-fatturat ta' France Télévisions fl-2007, l-aħħar sena finanzjarja qabel it-tħabbir tar-riforma tas-servizz pubbliku awdjoviżiv, kien ta' EUR 2 927 miljun, li minnhom 64,2 % kienu miksuba mill-ħlas ta' liċenzji, 28,1 % minn dħul pubbliċitarju (riklami u sponsorships) u 7,7 % minn dħul ieħor. Bejn l-2003 u l-2007, is-sehem tad-diversi komponenti tal-fatturat baqa' relattivament stabbli, bid-dħul mir-riklami u sponsorships ivarjaw f'medda ta' bejn 30 % sa 28 %. Il-grupp kollu kellu riżultat nett kemmxejn pożittiv kull sena bejn l-2003 u l-2007, b'ammont totali ta' EUR 99 miljun għal dak il-perjodu.

(12)

Dik ix-xejra nqelbet wara li tħabbret ir-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku f'Jannar 2008, inkluż b'mod partikolari l-waqfien tad-dħul minn messaġġi pubbliċitarji. Fis-sena finanzjarja 2008 kien hemm telf għall-grupp France Télévisions, b'riżultat nett negattiv ta' EUR [50-100] (*) miljun (li minnhom - EUR [50-100] miljun għall-perimetru tas-servizz pubbliku), dovut b'mod partikolari għal tnaqqis konsiderevoli fid-dħul mir-riklamar, li ma setax jiġi mrażżan għal kollox mill-injezzjoni kapitali eċċezzjonali ta' EUR 150 miljun li ġiet approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Lulju 2008. Għall-2009, malli daħlet fis-seħħ ir-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku, is-sussidju baġitarju finalment imħallas ta' EUR 415 miljun, ivvalidat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta' Settembru 2009, ippermetta li kważi jiġi kkumpensat it-tnaqqis fid-dħul pubbliċitarju u l-grupp France Télévisions kiseb profitt nett żgħir (EUR [10-20] miljun). Madankollu, il-perimetru tas-servizz pubbliku jagħmel telf żgħir ta' madwar EUR [0-5] miljun, bir-riżultat pożittiv attribwibbli għall-kumpaniji kummerċjali tal-grupp.

(13)

L-attivitajiet u l-ġestjoni ta' France Télévisions f'dawn l-aħħar snin 2004-2008 u l-pożizzjoni tal-impriża fil-perspettiva tar-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku kienu s-suġġett ta' rapport relattivament kritiku tal-Qorti tal-Awdituri Franċiża “France Télévisions u t-televiżjoni pubblika ġdida”. Ir-rapport, li għalih jirreferu wħud mill-partijiet terzi interessati fl-osservazzjonijiet tagħhom, ġie adottat wara diskussjoni u ġie ppubblikat fl-14 ta' Ottubru 2009, jew wara d-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura. Ir-rapport jindika l-eżistenza ta' marġni ta' progress mhux sfruttati fil-ġestjoni u fir-riżultati ta' France Télévisions sa dak iż-żmien u jinkludi rakkomandazzjonijiet għal titjib futur fil-kuntest il-ġdid tar-riforma.

II.3.   Il-missjonijiet tas-servizz pubbliku ta' France Télévisions

II.3.1.   Definizzjoni tal-missjonijiet ta' servizz pubbliku fil-liġi

(14)

L-Artikolu 43-11 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 emendata jiddikjara l-missjoni ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions, billi jistabbilixxi li l-istazzjonijiet pubbliċi “iwettqu, fl-interess ġenerali, missjonijiet ta' servizz pubbliku. Huma joffru lill-pubbliku, fil-komponenti kollha tiegħu, ġabra sħiħa ta' programmi u servizzi kkaratterizzati mid-diversità u l-pluraliżmu tagħhom, l-eżiġenza tagħhom ta' kwalità u innovazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi ddefiniti kostituzzjonalment. Huma joffru għażla diversifikata ta' programmi f'forma analogali u diġitali fl-oqsma tal-informazzjoni, il-kultura, it-tagħrif, id-divertiment u l-isport. Huma jippromwovu d-dibattitu demokratiku, l-iskambji bejn il-partijiet differenti tal-popolazzjoni kif ukoll l-integrazzjoni soċjali u ċ-ċittadinanza. Huma jimplimentaw azzjonijiet favur il-koeżjoni soċjali, id-diversità kulturali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u jipproponu skeda ta' programmi li tirrifletti d-diversità tas-soċjetà Franċiża. Huma jiżguraw il-promozzjoni tal-lingwa Franċiża u, jekk ikun il-każ, tal-lingwi reġjonali u jivvalorizzaw id-diversità tal-wirt kulturali u lingwistiku ta' Franza. Huma jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tixrid tal-kreazzjoni intellettwali u artistika u tal-għarfien ċiviku, ekonomiku, soċjali, xjentifiku u tekniku kif ukoll għall-edukazzjoni b'mezzi awdjoviżivi u bil-midja. Hima jipparteċipaw fl-edukazzjoni dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Huma jippromwovu, permezz ta' għodda adattati, l-aċċess għall-persuni nieqsa mis-smigħ u li għandhom problemi ta' smigħ għall-programmi li jxandru. Huma jiżguraw l-onestà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-informazzjoni kif ukoll l-espressjoni pluralista tax-xejriet fil-ħsieb u fl-opinjoni waqt li jiġi mħares il-prinċipju ta' trattament ugwali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv. L-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku tal-komunikazzjoni awdjoviżiva, għat-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, jikkontribwixxu għall-azzjoni awdjoviżiva esterna, għat-tixrid tal-Frankofonija u għat-tixrid tal-kultura u l-lingwa Franċiża fid-dinja. Huma impenjati li jiżviluppaw servizzi ġodda li jistgħu jseddqu jew jagħmlu aktar kompleta l-offerta ta' programmi tagħhom kif ukoll it-tekniki ġodda ta' produzzjoni u xandir tal-programmi u s-servizzi ta' komunikazzjoni awdjoviżiva. Kull sena, jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament sabiex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu”.

II.3.2.   L-inkorporazzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku fl-attivitajiet ta' France Télévisions

(15)

Fir-rigward tal-inkorporazzjoni konkreta ta' dawn il-missjonijiet, il-paragrafu I tal-Artikolu 44 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986, jippreċiża li France Télévisions hija inkarigata li tikkonċepixxi u tipprogramma x-xandiriet televiżivi u s-servizzi ta' komunikazzjoni awdjoviżiva li jissodisfaw il-missjonijiet ta' servizz pubbliku ddefiniti fl-Artikolu 43-11 u fl-ispeċifikazzjonijiet previsti mill-Artikolu 48 tal-imsemmija liġi.

(16)

Id-digriet nru 2009-796 tat-23 ta' Ġunju 2009 jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet ta' France Télévisions li issa huma uniċi. L-ispeċifikazzjonijiet jinkwadraw l-attività tal-istazzjonijiet ta' France Télévisions, flimkien ma' impenji vinkolanti dwar l-ipprogrammar tax-xandir, spiss fis-sigħat meta jkun hemm l-aktar telespettaturi, fir-rigward tax-xandiriet kulturali ta' kuljum, ix-xandiriet mużikali b'mod partikolari l-mużika klassika billi ssir diversifikazzjoni tal-orkestri Ewropej jew reġjonali, l-ispettakli ta' espressjoni teatrali jew il-popolarizzazzjoni tax-xjenza (Artikoli 4 sa 7 tal-ispeċifikazzjonijiet). France Télévisions hija obbligata wkoll li tintegra d-dimensjoni Ewropea fil-programmi kollha tagħha, b'mod partikolari billi xxandar rapportaġġi dwar l-istili ta' ħajja jew id-drawwiet kulturali ta' Stati Membri oħrajn u li xxandar programmi ta' natura reliġjuża dwar ir-reliġjonijiet ewlenin ipprattikati fi Franza (Artikoli 14 u 15 tal-ispeċifikazzjonijiet). Huwa ddikjarat ukoll l-obbligu li tinġabar udjenza wiesgħa u bilanċjata fil-firxa sħiħa tal-pubbliku (Artikolu 18).

(17)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 53 tal-liġi nru 86-1067 dwar il-libertà tal-komunikazzjoni, kuntratti pluriannwali ta' objettivi u mezzi huma konklużi bejn l-Istat u France Télévisions għal terminu ta' bejn tliet snin u ħames snin. Il-kuntratti ta' objettivi u mezzi jiddeterminaw b'mod partikolari, fil-ħarsien tal-missjonijiet ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions:

l-assi prijoritarji tal-iżvilupp tagħha;

l-impenji mogħtija abbażi tad-diversità u l-innovazzjoni fil-kreazzjoni;

l-ammonti minimi ta' investimenti ta' France Télévisions fil-produzzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi Ewropej u ta' espressjoni oriġinali Franċiża, bħala perċentwali tad-dħul tagħha f'valur assolut;

l-impenji li jippermettu li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-persuni b'diżabilità, l-adattament tal-programmi televiżivi kollha għal persuni nieqsa mis-smigħ jew bi problemi ta' smigħ;

l-impenji li jippermettu li jiġi żgurat ix-xandir ta' programmi televiżivi li, permezz ta' strumenti adattati, huma aċċessibbli għall-persuni għomja jew li ma jarawx sew;

l-ispiża prevista tal-attivitajiet tagħha għall kull waħda mis-snin ikkonċernati, u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi ta' eżekuzzjoni u tar-riżultati adottati;

l-ammont ta' riżorsi pubbliċi li għandhom jiġu allokati lilha billi jiġu identifikati dawk iddedikati bi prijorità għall-iżvilupp tal-baġits ta' programmi;

l-ammont tal-prodott mistenni mid-dħul proprju, b'distinzjoni minn dak li jirriżulta mir-riklamar u sponsorships;

il-perspettivi ekonomiċi għas-servizzi li jagħtu lok għall-ħlas ta' prezz;

jekk ikun il-każ, il-perspettivi fir-rigward tar-ritorn għal ekwilibriju finanzjarju.

(18)

Preżentament, l-obbligi ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions huma s-suġġett ta' kuntratt ta' objettivi u mezzi 2007-2010 “France Télévisions, l-ewwel ġabra ta' stazzjonijiet b'xejn fl-era diġitali” tal-24 ta' April 2007, iffirmat mill-Ministri responsabbli u l-president ta' France Télévisions. Taħt l-intestatura tal-objettiv I.2 “Promozzjoni tal-valuri li jidentifikaw is-servizz pubbliku”, il-kuntratt jistipula objettivi li għandhom jissarrfu f'azzjonijiet konkreti, flimkien ma' indikaturi kwalitattivi jew kwantitattivi li għandhom jintlaħqu f'oqsma bħal:

l-iffaċilitar tal-aċċess għal pubbliku akbar għall-programmi kulturali u f'perspettiva ta' demokratizzazzjoni tal-kultura, billi jixxandar programm kulturali ta' mill-inqas matul il-ħinijiet l-aktar segwiti;

ir-riflessjoni tal-pluraliżmu fl-informazzjoni u fid-dibattitu ċiviku;

l-offerta ta' firxa wiesgħa ta' dixxiplini sportivi, b'enfasi fuq l-isports li jingħataw inqas prominenza fuq l-istazzjonijiet privati;

ir-riflessjoni tad-diversità u t-titjib tal-viżibbiltà tal-komponenti tas-soċjetà Franċiża.

l-iffaċilitar tad-difiża tal-identità kulturali Franċiża u Ewropea, il-fehim tad-difiża tal-identità kulturali Franċiża u Ewropea, il-fehim tal-funzjonament tal-Unjoni u l-kontribut tagħha kif ukoll it-tagħlim ta' lingwi barranin.

(19)

Il-kuntratt jipprevedi wkoll sezzjoni finanzjarja pluriannwali, li tinkludi klawsola ta' aġġustament li tipprevedi li, skont l-iżviluppi fid-dħul mir-riklamar, l-Istat u l-Grupp jiftiehmu li jikkoordinaw saqbiex jaġġustaw il-bżonn ta' riżorsi pubbliċi, waqt li huwa miftiehem li fondi żejda minn riżorsi pubbliċi mhux użati għat-tnaqqis ta' dawk il-bżonnijiet għandhom jiġu allokati għal spejjeż favur il-kreazzjoni awdjoviżiva.

(20)

Wara r-riforma, il-kuntratt ta' objettivi u mezzi fis-seħħ kien soġġett għal approvazzjoni għall-perjodu 2009-2012. Dik l-approvazzjoni, li hija deskritta f'aktar dettall iktar 'il quddiem fis-sezzjoni finanzjarja tagħha, tkompli ssaħħaħ il-valuri ta' identità tas-servizz pubbliku promossi minn France Télévisions u tiffissa indikaturi kwantitattivi ġodda li għandhom jintlaħqu kull sena f'uħud mill-oqsma indikati fil-premessa 18.

II.3.3.   Ħolqien ta' servizzi awdjoviżivi innovattivi ġodda

(21)

L-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda ta' France Télévisions jipprevedu l-introduzzjoni ta' serje ta' servizzi innovattivi intiżi biex iseddqu l-offerta editorjali, bħat-tpoġġija online ta' servizzi ta' komunikazzjoni, ta' servizzi ta' midja awdjoviżiva fuq talba jew ta' kontenut addizzjonali li jseddaq il-programmi tagħha. Bl-istess mod, l-approvazzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi tipprevedi wkoll l-introduzzjoni ta' servizzi innovattivi, b'mod partikolari l-vidjo fuq talba b'xejn jew bi ħlas, it-televiżjoni mobbli personali, ix-xandir fuq l-Internet, l-applikazzjonijiet mobbli, WebTV reġjonali jew tematizzat.

II.3.4.   Kontroll estern tal-obbligi ta' servizz pubbliku, inkluża t-tnedija ta' servizzi ġodda

(22)

b'applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986, il-bord tad-diretturi ta' France Télévisions approva l-abbozz tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi ta' dik il-kumpanija u ddiskuta l-eżekuzzjoni annwali tiegħu, bir-riżultat ta' dik id-diskussjoni jkun pubbliku. Qabel l-iffirmar, il-kuntratti ta' objettivi u mezzi kif ukoll l-approvazzjonijiet ta' dawk il-kuntratti jintbagħtu lill-Kumitati inkarigati mill-affarijiet kulturali u l-finanzi tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat u lill-Kunsill Superjuri għall-Awjoviżiv. Il-Kumitati jistgħu jifformulaw opinjoni f'terminu ta' sitt ġimgħat.

(23)

Barra minn hekk, rapport annwali dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi ta' France Télévisions ġie ppreżentat mill-president tagħha quddiem il-Kumitati inkarigati mill-affarijiet kulturali u l-finanzi tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat. Fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tar-rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi tal-kumpanija quddiem il-Kumitati kompetenti tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat, il-president ta' France Télévisions jagħti wkoll rendikont tal-attività u l-ħidma tal-kunsill konsultattiv għall-programmi maħluqa fi ħdanu li huwa kompost minn telespettaturi, u li huwa inkarigat li jagħti opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-programmi.

(24)

Bl-istess mod, l-abbozz preliminari tal-ispeċifikazzjonijiet ta' France Télévisions stabbilit b'digriet kien is-suġġett ta' konsultazzjoni pubblika bejn l-10 u l-24 ta' Novembru 2008 fejn madwar ħmistax-il entità issottomettew kontribuzzjonijiet, li taw lok għal emendi tat-test inizjali, segwit minn parir tal-Kunsill Superjuri tal-Awdjoviżiv. Fir-rigward tal-kontroll estern tal-eżekuzzjoni tiegħu, l-Artikolu 48 tal-liġi tat-30 ta' Settembru 1986 jipprevedi li għandu jintbagħat rapport annwali mill-Kunsill Superjuri tal-Awdjoviżiv lill-Kumitati inkarigati mill-affarijiet kulturali fi ħdan l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat. Ir-rapport jintbagħat ukoll lill-Ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni.

(25)

Dawk il-Kumitati Parlamentari, bl-istess mod bħall-Kunsill Superjuri tal-Awdjoviżiv, jistgħu jisimgħu lil terzi. Fil-fatt, il-partijiet interessati jinstemgħu regolarment fi ħdanhom u jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet li huma ta' interess għas-servizz awdjoviżiv pubbliku.

II.4.   Kumpens finanzjarju għat-tnaqqis progressiv u eventwalment it-tneħħija tal-messaġġi pubbliċitarji

(26)

Sabiex l-ipprogrammar tax-xandir pubbliku jsir aktar liberu u inqas dipendenti fuq restrizzjonijiet kummerċjali, l-Artikolu 53, subparagrafu VI tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 kif emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni jistabbilixxi li l-messaġġi pubbliċitarji għandhom jitnaqqsu u eventwalment jitneħħew: ’Il-programmi mxandra bejn it-tmienja ta' billejl u s-sitta ta' filgħodu fuq is-servizzi nazzjonali televiżivi msemmija fis-subparagrafu I tal-Artikolu 44, bl-eċċezzjoni tal-programmi reġjonali u lokali tagħhom, m'għandhomx ikollhom messaġġi pubbliċitarji ħlief għal dawk għal prodotti jew servizzi ppreżentati taħt l-isem ġeneriku tagħhom. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-programmi mxandra minn dawk is-servizzi bejn is-sitta ta' filgħodu u t-tmienja ta' billejl sa minn meta jispiċċa x-xandir terrestri bi frekwenza hertz f'forma analogali tas-servizzi televiżivi msemmija fl-istess subparagrafu I għat-territorju metropolitan kollu. Dan ma japplikax għall-kampanji ta' interess ġenerali’.

(27)

Il-waqfien tax-xandir terrestri bi frekwenza hertz f'forma analogali tas-servizzi televiżivi hija prevista sa mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2011. Minbarra l-eċċezzjoni għall-pubbliċità ta' prodotti jew servizzi mingħajr trade mark, huma previsti derogi għax-xandir ta' messaġġi pubbliċitarji għad-dipartimenti u l-komunitajiet barranin jew ta' New Caledonia, fin-nuqqas tal-offerta ta' televiżjoni privata mxandra fuq frekwenza hertz terrestri b'mod ċar.

(28)

Kif jipprovdi l-Artikolu 53 tal-liġi nru 86-1067 kif emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni, it-tnaqqis u eventwalment it-tneħħija tal-messaġġi pubbliċitarji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-liġi jagħtu lok għal kumpens finanzjarju tal-Istat lil France Télévisions taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti minn kull liġi tal-finanzi. Għal dan il-għan, l-Istat Franċiż ħoloq programm ġdid, bit-titolu “Kontribut għall-finanzjament tas-servizz awdjoviżiv pubbliku”, fi ħdan il-missjoni “Midja” tal-baġit ġenerali tal-Istat. Fuq bażi purament indikattiva, l-awtoritajiet Franċiżi jikkalkulaw li l-parti tas-sussidju pubbliku li takkumpanja d-dħul mill-ħlas tal-kontribuzzjoni għall-awdjoviżiv pubbliku għandha tkun ta' madwar EUR 460 miljun fl-2010, EUR 500 miljun fl-2011 u EUR 650 miljun fl-2012.

(29)

Ir-Repubblika Franċiża tiddikjara li, għal kull sena, il-finanzjament pubbliku li ġej mis-sussidju baġitarju għandu jiġi stabbilit skont l-ispejjeż tat-twettiq tal-missjoni ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions u akkumulat mad-dħul mill-kontribuzzjoni għall-awdjoviżiv pubbliku, wara li jitnaqqas id-dħul kummerċjali li jkun hemm. f'dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-previżjoni tal-ispejjeż u d-dħul tas-servizz pubbliku ta' France Télévisions, stabbilita abbażi tal-pjan tan-negozju 2009-2012 u sinteżizzata hawn isfel:

Tabella 1

Previżjoni ta' Dħul u spejjeż ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions 2010-2012

(miljun EUR)

 

2010

2011

2012

 

Baġit

Baġ. Prev.

Baġ. Prev.

A/Riżorsi pubbliċi

[2 500 -3 000 ]

[2 500 -3 000 ]

[2 500 -3 000 ]

B/Dħul ieħor (pubbliċità, sponsorships eċċ.)

[300-600]

[300-600]

[300-600]

C/Spiża grossa tas-servizz pubbliku

[3 500 -3 000 ]

[3 500 -3 000 ]

[3 500 -3 000 ]

D/Spiża netta tas-servizz pubbliku (C + B)

[3 000 -2 500 ]

[3 000 -2 500 ]

[3 000 -2 500 ]

Differenza Spiża netta SP- Riżorsi Pubbliċi (D + A)

[– 50 – 50]

[– 50 – 50]

[– 50 – 50]

Sors: Kummenti minn Franza tal-15 ta' Jannar 2010

(30)

It-tabella hawn isfel turi previżjoni ta' defiċit li tikkorrispondi għall-ispiża netta mhux koperta għall-kontijiet tas-servizz pubbliku ta' France Télévision fl-2010 u fl-2011. Dan id-defiċit għandhu jiġi riassorbit parzjalment fl-2012, b'eċċess żgħir previst ta' EUR [30–50] miljun, jew [0-5] % tal-ispejjeż netti ta' servizz pubbliku. Dik il-previżjoni ta' eċċess għall-2012, jekk tiġi kkonfermata mill-fatti, li jippresupponi li d-dħul u l-ispejjeż jevolvu eżattament kif previst, tibqa' inferjuri għad-defiċit akkumulat previst għall-2010 u 2011. b'applikazzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi li jinsab għaddej, l-eċċessi mhux allokati għat-tnaqqis tal-bżonnijiet ta' riżorsi pubbliċi għandhom jiġu allokati bi prijorità għall-ispejjeż favur il-kreazzjoni awdjoviżiva. Peress li dak il-ħolqien normalment ikun destinat għall-ipprogrammar, l-eċċess li jista' jkun hemm b'hekk m'għandux jiffinanzja attivitajiet kummerċjali.

(31)

Għandu jiġi osservat li l-pjan tan-negozju 2009-2012 li jinsab fil-kapitolu V tal-approvazzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi li jinsab għaddej jissostitwixxi s-sezzjoni finanzjarja tal-kuntratt konkluż f'April 2007, meta jitqies il-qafas il-ġdid li ddaħħal bir-riforma u l-konsegwenzi finanzjarji tiegħu. Il-pjan tan-negozju jipprevedi tnaqqis tal-ispiża grossa globali ta' forniment tas-servizz pubbliku għall-perjodu 2010-2012, bi tnaqqis tal-ispejjeż operattivi meta mqabbla mal-kuntratt inizjali, tnaqqis tal-ispejjeż tax-xandir u l-isfruttament tas-sinerġiji li jirriżultaw mill-impriża komuni, u dan minkejja l-istabbiliment ta' elementi ġodda ta' spejjeż li jakkumpanjaw ir-riforma.

(32)

Fil-livell tad-dħul, ir-riżorsi pubbliċi previsti, għalkemm qegħdin jiżdiedu, ma jibbilanċjawx totalment il-kontijiet għall-perjodu 2010-2012 u, kif huwa indikat fit-tabella 1, jibqgħu inqas mill-ispejjeż grossi tas-servizz pubbliku, b'hekk il-bilanċ finanzjarju fil-projezzjonijiet jiddependi mid-dħul kummerċjali li jkun hemm kull sena. Għalhekk il-pjan tan-negozju jindika l-interess għall-impriża u għall-Istat li jilħqu bilanċ aktar malajr milli previst u jippreċiża bżonn ta' segwiment preċiż u regolari, fid-dawl ta' riskji pożittivi jew negattivi.

II.5.   Stabbiliment ta' limitu għar-riżorsi pubbliċi

(33)

L-Artikolu 44 tal-liġi nru 86-1067 emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni jippreċiża wkoll li “Ir-riżorsi pubbliċi allokati lill-organizzazzjonijiet tas-servizz awdjoviżiv pubbliku bħala kumpens għall-obbligi ta' servizz pubbliku fdati lilhom m'għandhomx jaqbżu l-ammont tal-ispejjeż tat-twettiq ta' dawk l-obbligi”. Dik id-dispożizzjoni tirriżulta mill-impenji mogħtija mir-Repubblika Franċiża li tniżżel espressament fil-liġi l-prinċipju li ma jingħatax kumpens żejjed għall-obbligi ta' servizz pubbliku fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ta' kumpatibbiltà tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2005 dwar l-użu tad-dħul mil-liċenzji (7).

(34)

b'applikazzjoni tal-impenn imsemmi hawn fuq, l-Artikolu 2 tad-digriet nru 2007-958 tal-15 ta' Mejju 2007 dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku tal-komunikazzjoni awdjoviżiva (décret no 2007-958 du 15 mai 2007 relatif aux relations financières entre l'État et les organismes du secteur public de la communication audiovisuelle) jadotta fl-Artikolu 2 l-istess formulazzjoni bħall-Artikolu 53 tal-liġi tat-30 ta' Settembru 1986 billi jieħu f'kunsiderazzjoni “id-dħul dirett jew indirett li jirriżulta mill-missjoni ta' servizz pubbliku” u jippreċiża li l-ispiża tat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku hija stabbilita permezz ta' kontijiet separati. Id-digriet jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, l-obbligu għal France Télévisions u s-sussidjarji tagħha li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tas-suq għall-attivitajiet kummerċjali kollha tagħhom u l-formulazzjoni minn korp estern ta' rapport annwali dwar it-twettiq ta' dak l-obbligu, mibgħut lill-ministeru responsabbli, lill-Assemblea Nazzjonali u lis-Senat.

(35)

Il-Kummissjoni rċeviet u eżaminat rapporti dwar it-twettiq tal-Artikoli 2 u 3 tad-digriet dwar is-snin finanzjarji 2007 u 2008 (ir-rapporti fformulati abbażi tal-Artikolu 3 tad-digriet ġew iċċertifikati, għall-2007, mill-awdituri PriceWaterhouseCoopers u KPMG u, għall-2008, mill-Cabinet Rise) kif ukoll l-abbozz ta' rapport previst fl-Artikolu 2 għas-sena 2009.

II.6.   Taxxi ġodda previsti fir-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku

(36)

Il-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 ukoll emendat il-kodiċi tat-taxxa biex tintroduċi taxxi ġodda fuq il-pubbliċità u l-komunikazzjonijiet elettroniċi.

II.6.1.   Taxxa fuq il-messaġġi pubbliċitarji

(37)

Taħt it-titolu II tal-ewwel parti tal-ewwel ktieb tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa, issa hemm kapitolu VII f li jistabbilixxi taxxa dovuta minn kull editur ta' servizzi tat-televiżjoni stabbilit fi Franza. It-taxxa hija bbażata fuq l-ammont, mhux inkluża l-VAT, tas-somom imħallsa mir-riklamaturi, għax-xandir tal-messaġġi pubbliċitarji tagħhom, lid-debituri kkonċernati jew lil dawk li jirrekordjaw il-messaġġi pubbliċitarji, wara li jitnaqqsu s-somom imħallsa b'applikazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 302 a KC tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa, li titħallas mill-edituri jew id-distributuri tat-televiżjoni li jxandru xogħlijiet awdjoviżivi eliġibbli għal appoġġ miċ-Ċentru Nazzjonali taċ-Ċinematografija. Dawk is-somom huma soġġetti għal tnaqqis standard ta' 4 %. It-taxxa tiġi kkalkulata billi tiġi applikata rata ta' 3 % għall-frazzjoni tal-ammont tal-ħlasijiet annwali, mhux inkluża l-VAT, fuq kull servizz televiżiv, li jaqbeż EUR 11-il miljun.

(38)

Madankollu, għas-servizzi tat-televiżjoni minbarra dawk imxandra bi frekwenza hertz terrestri b'mod analogali, dik ir-rata hija ffissata għal 1,5 % fl-2009, 2 % fl-2010 u 2,5 % fl-2011. Fuq bażi tranżitorja, għal-liċenzji kollha, sas-sena tal-estinzjoni fil-metropoli tax-xandir bi frekwenza hertz terrestri b'mod analogali tas-servizzi tat-televiżjoni, it-taxxa hija llimitata għal 50 % taż-żieda tal-bażi tagħha kkonstatata għas-sena ċivili li abbażi tagħha t-taxxa hija dovuta f'relazzjoni mal-2008. Fi kwalunkwe każ, l-ammont ta' taxxa ma jistax ikun inqas minn 1,5 % tal-bażi. Madankollu, għall-edituri tas-servizzi tat-televiżjoni li l-udjenza tagħhom ta' kuljum barra minn Franza metropolitana tkun aktar minn 90 % tal-udjenza totali tagħhom, l-ammont li għandu jintuża għall-kalkolu tat-taxxa jitnaqqas bl-ammont tas-somom imħallsa għax-xandir ta' messaġġi pubbliċitarji destinati għas-suq Ewropew jew dinji, immultiplikat bil-parti fl-udjenza totali annwali tal-udjenza miksuba barra minn Franza metropolitana.

II.6.2.   Taxxa fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi

(39)

Taħt it-titolu II tal-ewwel parti tal-ewwel ktieb tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa issa hemm kapitolu VIIg li jimponi taxxa dovuta minn kull operatur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jipprovdi servizz fi Franza u li dwaru tkun saret dikjarazzjoni preliminari lill-Awtorità li tirregola l-komunikazzjonijiet elettroniċi. It-taxxa hija bbażata fuq l-ammont, mhux inkluża l-VAT, tal-abbonamenti u ta' somom oħrajn imħallsa mill-utenti bħala remunerazzjoni għas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li jipprovdu l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, waqt li jitnaqqsu mill-ammont l-allokazzjonijiet għad-diprezzamenti kkontabilizzati matul is-sena finanzjarja magħluqa abbażi tas-sena li matulha t-taxxa tkun saret dovuta, meta jkunu relatati mal-materjali u t-tagħmir akkwistati, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi, mill-operaturi, għall-bżonnijiet ta' infrastrutturi u ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi stabbiliti fit-territorju nazzjonali u li l-perjodu ta' diprezzament tagħhom ikun ta' mill-inqas ekwivalenti għal għaxar snin. It-taxxa hija kkalkulata billi tiġi applikata rata ta' 0,9 % għall-frazzjoni tal-bażi li taqbeż EUR 5 miljun.

III.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(40)

Fid-deċiżjoni tagħha ta' ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stmat li l-kumpens previst sa mill-2010 seta' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u li għandha tiġi eżaminata l-kumpatibbiltà tagħha mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, skont il-prinċipji u r-regoli ta' applikazzjoni previsti għas-servizzi pubbliċi tax-xandir.

(41)

Fir-rigward tal-eżistenza ta' attività ta' servizz pubbliku għal missjonijiet iddefiniti b'mod ċar minn att uffiċjali u soġġetta għal mekkaniżmi ta' kontroll xierqa, mingħajr ma qajmet ebda dubju, il-Kummissjoni kkonkludiet, bħal fid-deċiżjonijiet tagħha ta' Diċembru 2003,April 2005, Lulju 2008 u Settembru 2009, li l-missjonijiet ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions huma ddefiniti b'mod ċar f'atti uffiċjali maħruġa jew sottoskritti mill-Istat Franċiż, skont il-modalitajiet li jipprevdu kontroll indipendenti ta' France Télévisions.

(42)

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-proporzjonalità tal-kumpens finanzjarju previst meta mqabbel mal-ispiża netta tal-attività ta' servizz pubbliku, waqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni barra minn hekk l-effetti tal-għajnuna, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar żewġ kwistjonijiet, jiġifieri:

minn naħa waħda, riskju ta' kumpens żejjed għall-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku għas-sena 2012 u, probabbilment, għall-2010 u l-2011, waqt li, għal dawk is-snin, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni daqstant dettaljata daqs dik ipprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi għall-2009 u,

min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżistenza possibbli ta' rabta bejn id-dħul mit-taxxi fuq il-pubbliċità u l-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-għajnuna li għandha tingħata lil France Télévisions u, kemm-il darba dik ir-rabta tkun tista' tiġi stabbilita, fuq l-effetti negattivi tagħhom u l-kumpatibbiltà tagħhom mat-trattat, b'mod partikolari fil-kuntest ta' bilanċ kompetittiv tar-riforma tal-finanzjament ta' France Télévisions, li kien nieqes.

(43)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi għall-adozzjoni fit-2 ta' Lulju 2009 tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għas-servizzi pubbliċi tax-xandir tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (8) (iktar 'il quddiem il-“komunikazzjoni dwar ix-xandir”) applikabbli għall-għajnuna nnotifikata mill-pubblikazzjoni tagħha u stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi biex jieħdu f'kunsiderazzjoni dik il-komunikazzjoni riveduta fl-osservazzjonijiet tagħhom.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

(44)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, is-Société des auteurs et compositeurs dramatiques (SACD) ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-importanza tal-obbligi li għandha France Télévisions biex tappoġġa l-kreazzjoni awdjoviżiva patrimonjali. Dik l-importanza ġiet imsaħħa fit-tmiem tal-2008 permezz ta' ftehim interprofessjonali, li ser jiġi integrat f'kuntratt ta' objettivi fil-ġejjieni. Fl-2010, France Télévisions b'hekk trid tiddedika għall-kreazzjoni adwjoviżiva patrimonjali sehem ta' 19 % tal-fatturat inkluż fil-bażi taxxabbli tal-2009, sehem li jrid jiżdied għal 20 %, jew EUR 420 miljun fl-2012. Il-parti ekwivalenti ta' TF1 hija, min-naħa l-oħra, limitata għal 12,5 % u dawk ta' M6 u tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni diġitali terrestri ma jaqbżux il-11 % rispettivament. L-impenn favur iċ-ċinema b'hekk ser jiżdied b'aktar minn 1,2 % bħala rata medja annwali sal-2012. It-tneħħija tal-pubbliċità timxi id f'id ma' żieda fl-ispiża tal-iskeda ta' programmi fil-qasam ta' xogħlijiet ta' produzzjoni proprji u mhux importati, li juru impenn favur servizz pubbliku innovattiv u ta' kwalità.

(45)

Il-Federazzjoni Franċiża tat-Telekomunikazzjonijiet u tal-komunikazzjonijiet Elettroniċi (Fédération Française des Télécommunications et des Communications Électroniques - FFTCE), fl-osservazzjonijiet tagħha tat-30 ta' Ottubru 2009, li magħhom tingħaqad Iliad, li mhijiex membru tal-FFTCE, hija tal-fehma li t-tneħħija tal-pubbliċità kummerċjali ma tikkompetix, fiha nfisha, mal-missjoni ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions. Peress li l-pubbliċità mhijiex parti integrali minn dik il-missjoni, kull sussidju intiż unikament biex jikkumpensa nuqqas ta' qligħ mingħajr ma titqies ir-realtà tal-missjoni huwa, fih innifsu, għajnuna mill-Istat li jmur kontra l-Artikoli 106(2) u 107 tat-TFUE. Dak il-kumpens għandu jkopri l-ispejjeż proprji tas-servizz pubbliku, li għandu jiġi stabbilit permezz ta' kontijiet separati. L-ammont tas-sussidju jidher li huwa iffissat għas-snin li ġejjin fuq il-bażi ta' stima tat-telf tad-dħul kummerċjali li, f'suq deterjorat, joħloq distorsjoni serja tal-kompetizzjoni fil-konfront tax-xandara privati. Minkejja li l-fatturat totali minn pubbliċità ta' France Télévisions f'suq deterjorat bla dubju ma kienx ser jilħaq EUR 500 miljun, l-awtoritajiet Franċiżi intrabtu li jħallsu EUR 450 miljun fl-2009 bħala kumpens għas-sempliċi tneħħija tal-pubbliċità wara t-tmienja ta' billejl. Fil-ġejjieni, id-dħul mis-sussidju ser ikun ukoll ferm ogħla mid-dħul pubbliċitarju li kien ser jinkiseb fin-nuqqas tar-riforma.

(46)

Fir-rigward tal-missjoni ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, l-FFTCE tinnota li l-obbligi ddelegati lil France Télévisions bħala membru tal-Unjoni Ewropea tax-Xandir (European Broadcasting Union - EBU), mill-istatuti tagħha, kienu jeżistu qabel u japplikaw mingħajr dawk stipulati fil-liġi Franċiża. Ir-restrizzjonijiet, ta' natura vaga, imposti mil-liġi, mhumiex sostanzjalment differenti minn dawk li jirriżultaw mill-istatuti tal-EBU, li għalihom huma soġġetti wkoll TF1 u Canal + bħala membri, b'mod li sussidju ta' kumpens abbażi tal-liġi għandu jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

(47)

L-FTTCE tikkunsidra finalment li t-taxxa l-ġdida fuq il-fatturat tal-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li ddaħħlet mir-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku hija marbuta mal-finanzjament ta' France Télévisions. Minbarra l-konnessjoni ta' rabta affermata fid-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet, varjazzjonijiet fil-bażi taxxabbli tagħha u fir-rata tagħha jvarjaw l-ammont tas-sussidju. L-impożizzjoni ta' tali taxxa tmur kontra l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (9) peress li l-Istati Membri ma jistgħu jimponu ebda taxxa oħra fuq il-fatturat fil-konfront tal-operaturi ħlief għal dawk li huma previsti fiha.

(48)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, l-Assoċjazzjoni tal-istazzjonijiet privati hija tal-fehma li l-ġestjoni ħażina ta' France Télévisions, kif jirriżulta mid-diversi eżempji li ġew indikati mill-Qorti tal-Awdituri, taggrava l-effett ta' inflazzjoni kkonstatat fis-suq tal-produzzjoni tal-programmi u tax-xiri tad-drittijiet. Fin-nuqqas ta' kontabilità analitika, in-nuqqas ta' kontroll tal-ispejjeż joħloq inċertezzi dwar id-determinazzjoni tal-ispiża tal-missjonijiet ta' servizz pubbliku li għandhom jiġu ffinanzjati, b'riskju serju ta' kumpens żejjed. Hemm firxa sħiħa ta' indikazzjonijiet li juru li t-taxxa awdjoviżiva l-ġdida hija relatata ma' France Télévisions, u li l-uniku skop li din titħallas fil-baġit tal-Istat hu biex taħrab mill-kontroll tal-Kummissjoni. Dan iġiegħel lill-kompetituri ta' France Télévisions li jiffinanzjaw l-għajnuna, biex b'hekk tinħoloq distorsjoni li taggrava d-differenzjazzjoni insuffiċjenti bejn il-programmi tad-diversi stazzjonijiet storiċi.

(49)

Fil-kummenti tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, l-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU), tenfasizza n-natura neċessarjament prospettiva ta' kull stima pluriannwali tal-ispejjeż u tad-dħul tax-xandar pubbliku sottomessa minn Franza. Dawk l-estimi għandhom jassiguraw il-viżibbiltà finanzjarja fuq medda ta' żmien twil li għandu jkollu l-operatur sabiex jassigura l-kontinwità tas-servizz b'mod għal kollox indipendenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmi ex post li jassiguraw il-korrezzjoni ta' impreċiżjonijiet li jista' jkun hemm fil-previżjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tirrigwarda l-parametri tal-kalkolu ex ante u ta' dawk il-mekkaniżmi, mingħajr ma tirrestrinġi l-ammont effettiv tal-kumpens fil-futur permezz ta' validazzjoni biss tal-ammonti ta' spejjeż u dħul stmati, u fin-nuqqas ta' dan il-Kummissjoni għandha tiffissa u tikkontrolla l-ammonti annwali ta' skema ta' għajnuna, aktar mill-iskema nfisha. L-EBU tesprimi wkoll it-tħassib tagħha li l-Kummissjoni tipprova ssir taf l-ammont stmat tas-sinerġiji u l-gwadanji f'effiċjenza għas-snin li ġejjin, peress li l-effiċjenza li permezz tagħha servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jiġi mwettaq jaħrab mill-kontroll tal-Kummissjoni b'applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(50)

Fil-kummenti tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, l-Assoċjazzjoni tat-Televiżjoni Kummerċjali fl-Ewropa (Association of Commercial Television in Europe - ACT) tiddikjara li hija favur id-deċiżjoni tal-Repubblika Franċiża li tnaqqas sostanzjalment il-pubbliċità kummerċjali tax-xandar pubbliku tagħha. L-ACT tosserva li żewġ kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza Altmark (10) mhumiex sodisfatti f'din il-kawża, b'hekk il-kontribuzzjoni baġitarja prevista tikkostitwixxi għajnuna. Madankollu, l-ACT hija tal-fehma li jekk is-sistema ta' finanzjament tal-għajnuna minn taxxa imposta fuq id-dħul tal-pubbliċità tal-kompetituri titqies bħala konformi mad-dritt tal-unjoni, il-benefiċċji tal-irtirar mis-suq ikunu mnaqqsa ħafna waqt li tali sistema tista', f'ċertu rigward, tintroduċi aktar distorsjonijiet mis-sistemi doppji ta' finanzjament pubbliku u kummerċjali tradizzjonali.

(51)

L-ACT tikkunsidra li l-obbligi ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions ma ġewx immodifikati fundamentalment sa mill-1994 u jibqgħu simili għall-obbligi ta' xandara privati oħrajn. Bl-istess mod, l-estimi ta' kumpens għat-telf ta' dħul pubbliċitarju sal-2012 huma vagi u la jieħdu f'kunsiderazzjoni t-tnaqqis fl-ispejjeż ta' investimenti relatati, la t-tnaqqis possibbli tal-ispejjeż ta' programmar inqas soġġett għar-restrizzjonijiet tar-riklamaturi, u lanqas il-gwadann ta' sinerġiji mistennija. Il-mekkaniżmu ta' aġġustament tad-dħul pubbliċitarju u kummerċjali tal-ispejjeż previst fil-kuntratt ta' objettivi u mezzi għandu jiġi vverifikat, b'mod partikolari fir-rigward tal-varjabbiltà tad-dħul kummerċjali, mingħajr ma l-Kummissjoni għandha informazzjoni affidabbli biex tiddetermina l-ispejjeż effettivi tas-servizz ipprovdut u l-eżistenza tal-eventwalità ta' kumpens żejjed. Dik il-verifika għandha ssir mingħajr ma l-impriża għandha kontabilità analitika, kif indikat mill-Qorti tal-Awdituri.

(52)

Finalment, l-ACT tikkunsidra li l-għajnuna hija fil-fatt iffinanzjata mit-taxxi l-ġodda introdotti mir-riforma u li, għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-pubbliċità awdjoviżiva, din tintroduċi fi Franza mudell ta' finanzjament tas-servizz pubbliku mill-kompetituri li ġie abbandunat bnadi oħra. Il-mekkaniżmu ta' għajnuna jippreżerva r-riżorsi ta' France Télévisions waqt li huwa dejjem aktar ċar li r-riklamaturi mhux qegħdin jittrasferixxu d-domanda tagħhom totalment lejn l-istazzjonijiet kompetituri. Barra minn hekk, tali mekkaniżmu jsaħħaħ l-ostakli għad-dħul fis-suq Franċiż.

(53)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, France Télévisions tiddikjara li l-mekkaniżmu nnotifikat ma jagħtiha ebda vantaġġ ekonomiku fir-rigward tal-kompetituri tagħha peress li, għalkemm hija ngħatat protezzjoni mit-telf ta' dħul kummerċjali, dan huwa bħala kumpens għal restrizzjoni li l-Istat impona fuqha u li ebda operatur fis-suq ma ġarrab: il-waqfien tar-riklamar. Meta l-waqfien tal-messaġġi pubbliċitarji jidħol fis-seħħ, kull distorsjoni tal-kompetizzjoni f'dak is-suq ser tispiċċa, waqt li l-pressjoni fuq il-kompetituri għal sponsorships, meta titqies il-preżenza limitata tagħha, ukoll ser tkun nulla. Fir-rigward tax-xiri tal-hekk imsejħa drittijiet awdjoviżivi “primjum”, waqt li TF1 kisbet 96 mill-aħjar 100 udjenza u 18 mill-aħjar 20 udjenza fl-2008, France Télévisions ma kellha ebda kuntratt ta' esklużività mal-kumpaniji l-kbar Amerikani. Hija b'hekk trid tinvesti fil-kreazzjoni awjoviżiva b'rekwiżiti ta' kwalità inkumpatibbli mal-objettivi tal-udjenza tal-istazzjonijiet kummerċjali. Għall-bejgħ tal-programmi, hija tikkunsidra li għandha biss preżenza marġinali.

(54)

France Télévisions tikkunsidra barra minn hekk li, peress li l-ammont li ser jiġi allokat lilha jiddependi preliminarjament, preċiżament u oġġettivament kull sena mill-ispiża tal-missjonijiet tagħha, b'korrezzjoni ex post f'każ ta' differenza mill-ispejjeż reali, il-mekkaniżmu nnotifikat jissodisfa t-tieni kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza Altmark. Ir-raba' kundizzjoni meħtieġa minn dik il-ġurisprudenza hija wkoll sodisfatta peress li sinerġiji li ma setgħux jiġu sfruttati fil-passat ser jiġu sfruttati permezz tal-istabbiliment mill-ġdid tal-organizzazzjoni ġuridika u l-istatuti tagħha, peress li dik ir-raba' kundizzjoni ma teħtiġx li s-servizz għandu jiġi pprovdut bl-aktar livell baxx ta' spejjeż possibbli, iżda li l-ispejjeż jikkorrispondu mal-ispejjeż ta' impriża medja ġestita sew.

(55)

Skont France Télévisions, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' kumpatibbiltà mas-suq intern tal-mekkaniżmu nnotifikat, peress li dan huwa intiż li jibqa' jaħdem sew għal għadd ta' snin, l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku ma jistgħux ikunu magħrufa b'ċertezza suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista' teżerċita kontroll ex ante tan-nuqqas ta' kumpens żejjed. Waqt li l-estimi indikattivi pprovduti għall-2010 sal-2012 mhumiex inkumpatibbli mal-possibbiltà li jsir profitt raġonevoli jew li tiġi kkostitwita riżerva llimitata għal 10 % tal-ispejjeż annwali tas-servizz pubbliku, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li jistabbilixxu kontroll ex post jippermettu fi kwalunkwe każ li tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-finanzjament. Min-naħa l-oħra, peress li l-varjazzjoni tal-ispejjeż tal-iskeda tagħha tiddependi mill-għażliet editorjali tagħha, France Télévisions jidhrilha li hija kostretta biss li tħares l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti mil-liġi, fil-libertà li għandha r-Repubblika Franċiża li tiddefinixxi l-kontenut. Barra minn hekk, dawk l-obbligi jsarrfu wkoll fi ħtieġa ta' udjenza, li l-waqfien ta' messaġġi pubbliċitarji ma tnaqqasx. Għall-kuntrarju, għandu jiġi akkwistat numru akbar ta' programmi.

(56)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, Métropole Télévisions (M6) tikkunsidra li l-istrument ta' finanzjament previst jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 tat-TFUE, b'mod paritkolari peress li t-tieni u r-raba' kundizzjonijiet stipulati mill-ġurisprudenza Altmark mhumiex sodisfatti: kumpens ibbażat fuq stima ta' telf ta' dħul kummerċjali li min-natura tiegħu stess – kif ikkonfermat mill-fatti – ivarja, ma jistax jitqies li huwa bbażat fuq parametri ta' kalkolu oġġettivi u trasparenti tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-bażi tal-kalkolu mhijiex dik tal-ispejjeż ta' impriża medja fis-settur u ġestita sew, iżda dik tal-ispejjeż ta' France Télévisions, li għadd ta' indikazzjonijiet tagħhom juru li hija mmexxija b'mod ineffiċjenti, li b'hekk jgħabbi l-ispejjeż tas-servizz pubbliku li għandhom jintrefgħu minn kulħadd.

(57)

Fir-rigward tal-kumpatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, M6 tikkunsidra li l-istrument ta' finanzjament previst huwa illegali peress li joħloq strutturalment kumpens żejjed tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (11) teżiġi li Franza tagħmel imputazzjoni tal-obbligi u l-prodotti tas-servizz ta' interess ġenerali fuq il-bażi tal-prinċipji ta' kontabilità analitika applikati b'mod koerenti. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Awdituri, France Télévisions ma kellhiex tali strumenti ta' kontabilità. Ebda element oġġettiv ma jista' b'hekk iservi biex jiġi kkalkulat l-ammont tal-kumpens. Kumpens żejjed b'hekk huwa inevitabbli peress li s-sussidju huwa kkalkulat fuq il-bażi ta' dħul kummerċjali li mhuwiex relatat mal-missjoni ta' servizz pubbliku u li lanqas m'għandu jiġi kkunsidrat fl-ispejjeż tagħha. In-natura imprevedibbli tad-dħul mitluf u n-nuqqas ta' analiżi tal-ispejjeż b'hekk jagħmlu wkoll inevitabbli l-kumpens żejjed.

(58)

L-integrazzjoni fil-mekkaniżmu ta' finanzjament tat-taxxi ġodda taggrava l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq is-swieq tal-akkwist tad-drittijiet awdjoviżivi – fejn il-ġestjoni ħażina ta' France Télévisions, protetta mill-għajnuna pubblika, iżżid l-ispejjeż tal-kompetituri – u fuq l-attività ta' pubbliċità, li France Télévisions ser tittrasferixxi lejn l-isponsorship, mingħajr ma' M6, minħabba l-profil ta' udjenza differenti tagħha, tirkupra l-ispazju lliberat minn France Télévisions. f'dawn iċ-ċirkustanzi, finanzjament ex post biss jista' jkun ġustifikat. Il-mekkaniżmu b'hekk huwa strutturalment illegali fin-nuqqas li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kontroll ex post indipendenti li jiggarantixxu b'mod effettiv in-nuqqas ta' kumpens żejjed fuq il-bażi ta' ċifri reali, li l-implimentazzjoni tagħhom tkun ineffettiva fi Franza, skont M6.

(59)

Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Novembru 2009, Télévision Française 1 (TF 1), tpoġġi r-riforma tal-finanzjament ta' France Télévisions f'kuntest ta' bidliet strutturali li jaffettwaw is-suq pubbliċitarju, fejn l-Internet qed jesperjenza tkabbir b'saħħtu. It-televiżjoni tirrappreżenta biss madwar 11 % minn EUR 33 biljun ta' spejjeż ta' komunikazzjoni tar-riklamaturi, fl-2008. Bejn Jannar u Settembru 2009, il-fatturat mill-pubbliċità tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni terrestri diġitali żdied b'60 % kontra tnaqqis ta' 8 % għat-tliet stazzjonijiet privati storiċi li jittrasmettu fuq frekwenza hertz. Għas-sena 2008, l-imposti u t-taxxi mħallsa minn TF1 kienu jirrappreżentaw 60 % tal-qligħ tagħha. Skont TF1, peress li l-kuntratti ta' akkwist ta' drittijiet pluriannwali, l-inflazzjoni tal-prezzijiet u r-riġidità tal-ispejjeż fosthom dawk tal-iskeda li ġew assorbiti mill-obbligi regolamentari tal-produzzjoni u xandir ta' xogħlijiet Franċiżi kienu jirrappreżentaw 30 % tat-total, dawn naqqsu l-marġni ta' manuvrar tagħha. b'mod parallel, il-fatt li hija ġiet soġġetta għal taxxa ġdida awdjoviżiva saħħaħ id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq.

(60)

It-trasferiment potenzjali lejn TF1 tad-domanda tar-riklamaturi hija l-iskop iddikjarat tat-taxxa fuq il-pubbliċità awdjoviżiva. Mhux talli t-trasferiment mistenni ta' EUR 350 miljun ta' fatturat lejn it-tliet stazzjonijiet bi frekwenza hertz ma seħħx fl-2009, iżda dawn jiddikjaraw tnaqqis ta' EUR 450 miljun b'paragun mal-previżjonijiet. Barra minn hekk, il-grad ta' dan it-trasferiment huwa għal kollox limitat mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li, bi traspożizzjoni mid-dritt tal-unjoni, jillimitaw iż-żmien iddedikat għall-pubbliċità b'massimu ta' tnax-il minuta għal kull siegħa ta' xandir, kemm-il darba li medja ta' kuljum ta' sitt minuti fis-siegħa ma tinqabiżx.

(61)

TF1 tikkunsidra li t-taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fuq bażi doppja: peress li France Télévisions effettivament ma tkunx obbligata tħallas aktar wara t-30 ta' Novembru 2011 (data meta hija ser tkun obbligata twaqqaf il-messaġġi pubbliċitarji li s-somom imħallsa għalihom jikkostitwixxu l-bażi) u, fit-tieni lok, peress li France Télévisions ser tkun id-destinatarja tar-riżorsi miġbura b'dan il-mod peress li jirriżulta minn għadd kbir ta' dikjarazzjonijiet governattivi u parlamentari matul id-dibattiti dwar l-abbozz ta' liġi li dawn huma allokati għall-finanzjament tal-għajnuna. Indipendentement mil-legalità intrinsika tagħha, l-iskema ta' tassazzjoni li tiffinanzjaha għandha b'hekk tittieħed f'kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-għajnuna.

(62)

TF1 hija tal-fehma li hija sottomessa għal obbligi kumparabbli għal dawk li għandha France Télévisions, li għandha programmi ftit differenti minn tagħha. Anki jekk TF1 tilqa' b'mod favorevoli r-riformulazzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi u tal-ispeċifikazjonijiet wara r-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku, hija jidhrilha, waqt li tibbaża fuq l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri, li l-offerta ta' servizz pubbliku tax-xandir mhijiex individwalizzata b'mod suffiċjenti. Huwa b'hekk enfasizzat li, fl-ispeċifikazzjonijiet il-qodma, l-obbligi kwantitattivi ta' xandir jirrappreżentaw 10 % tal-iskedi tal-programmi.

(63)

Huwa daqstant insuffiċjenti l-kontroll tal-ispejjeż u tal-kwalità tal-ġestjoni ta' France Télévisions, li jikkawża li s-servizz pubbliku ma jiġix ipprovdut bl-inqas spiża għall-kollettività u joħloq riskju ta' kumpens żejjed. Il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll, f'dan ir-rigward, iż-żieda fil-qligħ mill-attivitajiet kummerċjali, is-sinerġiji li għandhom jirriżultaw wara l-2009 mill-ħolqien ta' impriża waħda France Télévisions u t-tnaqqis tal-pressjoni fuq l-ispejjeż tal-iskeda tal-programmi li jirriżulta minn inqas dipendenza fuq ir-riklamaturi.

V.   KUMMENTI TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA

(64)

Fl-osservazzjonijiet tagħha mibqgħuta fis-7 ta' Ottubru 2009 u li sussegwentement ġew ippreċiżati, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, ir-Repubblika Franċiża tirreferi b'mod paritkolari għad-dubji li esprimiet il-Kummissjoni, minn naħa waħda, dwar il-proporzjonalità tal-finanzjament pubbliku u r-riskju ta' kumpens żejjed u, min-naħa l-oħra dwar it-teħid f'kunsiderazzjoni tat-taxxi ġodda mdaħħla bir-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku għall-finijiet li tiġi evalwata l-kumpatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern.

V.1.   Proporzjonalità tal-finanzjament u kontroll ex post tar-riskju ta' kumpens żejjed

(65)

Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li l-miżura nnotifikata mhijiex kumpens għat-telf ta' dħul pubbliċitarju tal-grupp France Télévisions, għalkemm l-ammonti previsti mogħtija fuq bażi indikattiva jieħdu f'kunsiderazzjoni dak it-telf, iżda finanzjament intiż biex ikopri l-ispejjeż ta' eżekuzzjoni tal-missjoni ta' servizz pubbliku. Il-ħtiġijiet ta' finanzjament għandhom fil-fatt jiżviluppaw skont il-bidliet fl-ispejjeż tal-iskeda, il-varjazzjonijiet fid-dħul kummerċjali jew tal-mezzi tax-xandir.

(66)

Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li l-validazzjoni ex ante tan-nuqqas ta' riskju ta' kumpens żejjed għandha ssir mill-verifika tal-eżistenza ta' mekkaniżmi leġiżlattivi u regolamentari ta' kontroll, b'mod konformi mal-ġurisprudenza u l-prattika applikata mill-Kummissjoni, u mhux fir-rigward tal-ammonti indikattivi previsti tas-sussidju u l-ispejjeż indikati għall-futur. L-ammonti indikattivi jingħataw bħala eżempju, fid-dawl tal-pjan tan-negozju approvat mill-awtoritajiet ta' sorveljanza u France Télévisions. Il-metodu tal-kalkolu tas-sussidju mhuwiex ibbażat fuq l-istima tat-tnaqqis tad-dħul pubbliċitarju ta' France Télévisions. Il-kalkolu huwa bbażat fuq formola ġenerali bħal, għal kull sena, l-ammont ikkombinat tal-kontribuzzjoni għall-awdjoviżiv pubbliku u l-allokazzjoni baġitarja għandha tkun, b'rispett għall-impenji tar-Repubblika Franċiża u tal-mekkaniżmi ta' kontroll ex post stabbiliti b'mod leġiżlattiv u regolamentarju, proporzjonali mal-ispiża tal-missjoni ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions, imnaqqsa bid-dħul kummerċjali tagħha.

(67)

Barra minn hekk, fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi innovattivi ġodda msemmija fil-komunikazzjoni dwar ix-xandir, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li ċertu numru huwa diġà previst fl-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda ta' France Télévisions u l-kuntratt ta' objettivi u mezzi emendat, li kienu u ser ikunu soġġetti għall-kontrolli u l-konsultazzjonijiet preliminari u regolari deskritti hawn fuq. Għall-futur, Franza hija tal-fehma li t-tnedija ta' kull servizz ġdid importanti għandu jkun soġġett għal trattament fi ħdan kuntratt ta' objettivi u mezzi, li għalih japplikaw l-istess kontrolli.

(68)

Barra minn hekk, meta jitqies id-dħul fis-seħħ tal-komunikazzjoni dwar ix-xandir wara l-ftuħ ta' din il-proċedura, ir-Repubblika Franċiża timpenja ruħha li tipperfezzjona l-istrument tagħha ta' kontroll finanzjarju ex post biex tissodisfa r-regoli ppreċiżati mill-ġdid f'dik il-komunikazzjoni dwar mekkaniżmi ta' kontroll finanzjarju. Huwa b'hekk previst li jiġi emendat l-Artikolu 2 tad-Digriet nru 2007- 958 tal-15 ta' Mejju 2007. Din l-emenda hija maħsuba biex:

tiżgura li r-rapport dwar il-kontijiet separati – rekwiżit li jippermetti li jiġi żgurat il-kontroll tan-nuqqas ta' kumpens żejjed – ikun, fuq il-bażi tar-rapport previst fl-Artikolu 3, ikkontrollat minn korp estern li l-għażla tiegħu tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Ministru inkarigat mill-komunikazzjoni, jintbagħat lil dak il-Ministru kif ukoll lill-Assemblea Nazzjonali u lis-Senat, u jsir għas-spejjeż ta' France Télévisions;

tipperfezzjona l-mekkaniżmu funzjonali maħsub biex jiżgura l-irkupru effettiv tal-kumpens żejjed jew sussidji inkroċjati li jinsabu f'dawn il-kontijiet separati u li ma jkunux kumpatibbli mal-Artikolu 53 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 dwar il-libertà tal-komunikazzjoni kif ukoll mal-komunikazzjoni dwar ix-xandir tal-Kummissjoni.

(69)

Bl-istess mod, sabiex tiġi pperfezzjonata l-informazzjoni tal-Kummissjoni matul l-ewwel snin tar-riforma li saret mil-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009, l-awtoritajiet Franċiżi jimpenjaw ruħhom li jikkomunikaw lill-Kummissjoni, għas-snin 2010 sa 2013:

ir-rapporti stabbiliti skont l-Artikoli 2 u 3 tad-digriet imsemmi iktar 'il fuq, wara li ġew emendati, f'terminu massimu ta' sitt xhur wara l-laqgħat ġenerali li japprovaw il-kontijiet, inkluża l-informazzjoni dwar l-iżviluppi fl-ishma mis-suq tal-pubbliċità wara l-2007;

l-elementi pubbliċi ta' segwiment tal-eżekuzzjoni tal-missjonijiet ta' servizz pubbliku minn France Télévisions li huma l-bilanċ tal-istazzjonijiet stabbilit kull sena mill-Kunsill Superjuri tal-Awdjoviżiv (previst mill-Artikolu 18 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986) u r-rendikont tal-verifiki mill-Kumitati Parlamentari (Kumitati inkarigati mill-affarijiet kulturali u mill-finanzi tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat) tal-president ta' France Télévisions dwar l-eżekuzzjoni annwali tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi (kif jipprevedi l-Artikolu 53 tal-liġi msemmija iktar 'il fuq).

V.2.   Teħid f'kunsiderazzjoni ta' taxxi ġodda mdaħħla mir-riforma tal-awdjoviżiv pubbliku

(70)

Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li hija ma qisitx it-taxxi ġodda fuq il-pubbliċità u l-komunikazzjonijiet elettroniċi fin-notifika tagħha. Għalkemm iddaħħlu bl-istess strument leġiżlattiv li stabbilixxa r-riforma, dawk it-taxxi ma jidħlux fil-kamp tal-miżura nnotifikata.

(71)

Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi qabel ma ttieħed il-vot dwar il-liġi li ġew stabbiliti mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, li sussegwentement ġew ikkuntrarjati mid-dispożizzjonijiet ta' dik il-liġi, mhumiex biżżejjed biex tiġi kkonstatata rabta ta' konnessjoni suffiċjenti tat-taxxi mal-finanzjament tal-għajnuna taħt il-liġi tal-Unjoni. Fil-liġi Franċiża, dawk it-taxxi jinġabru favur il-baġit ġenerali tal-Istat, jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispejjeż pubbliċi kollha u jsegwu l-prinċipji ta' universalità u ta' unità baġitarja, li jappartjenu għall-blokk tal-kostituzzjonalità tal-finanzi pubbliċi. Skont l-Artikolu 36 tal-liġi organika tal-1 ta' Awwissu 2001 dwar il-liġijiet tal-finanzi, l-allokazzjoni, totali jew parzjali, ta' riżorsa stabbilita għall-profitt tal-Istat, lil persuna ġuridika, tista' tirriżulta biss minn dispożizzjoni espressa tal-liġi tal-finanzi li, f'dan il-każ, ma teżistix.

(72)

Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza barra minn hekk li m'hemm l-ebda proġett bil-għan li tiġi stabbilita rabta ta' konnessjoni bejn l-imsemmija taxxi u l-finanzjament ta' France Télévisions. Hija tippreċiża li, kieku kellha tiġi prevista modifika l-arkitettura tal-iskema, l-awtoritajiet Franċiżi jipproċedu biex jagħmlu notifika ġdida lill-Kummissjoni, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

VI.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

VI.1.   L-eżistenza ta' għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(73)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprovdi li: “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. Dawn il-kundizzjonijiet huma eżaminati hawn isfel.

VI.1.1.   Rizorsi tal-Istat

(74)

L-allokazzjonijiet baġitarji li huma s-suġġett ta' din in-notifika huma speċifikati kull sena fil-liġi tal-finanzi li tistabbilixxi l-baġit tal-Istat Franċiż. Dawn b'hekk huma miżuri mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.

VI.1.2.   Vantaġġ ekonomiku selettiv

(75)

Il-mekkaniżmu ta' sussidju baġitarju permezz ta' riżorsi pubbliċi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' France Télévisions huwa selettiv peress li France Télévisions hija l-unika benefiċjarja. Is-sussidju baġitarju annwali ta' funzjonament, li huwa maħsub b'mod partikolari sabiex l-impriża tkun tista' tkompli bl-attivitajiet tagħha, jipproteġiha mit-telf ta' dħul kummerċjali pubbliċitarju li sa dak iż-żmien kien jiffinanzja l-ispejjeż u l-investimenti tagħha. France Télévisions b'hekk tista' tistenna li jkollha sehem mill-udjenza li ma setax ikollha fin-nuqqas tal-allokazzjoni baġitarja. Għaldaqstant, hija tirċievi vantaġġ ekonomiku li hija ma setgħetx tikseb b'mod ieħor jew, jekk huwa l-każ, li jikkonsisti f'sussidju, f'kundizzjonijiet tas-suq differenti minn dawk li fihom joperaw il-kompetituri tagħha.

(76)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li r-Repubblika Franċiża ma fformulatx osservazzjonijiet li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tagħha fid-deċiżjoni ta' ftuħ li l-għotjiet previsti ma jissodisfawx kumulattivament il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza Altmark, u li b'hekk jipprovdu vantaġġ ekonomiku li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (12). Hija tinnota barra minn hekk li, mingħajr preġudizzju għall-iżviluppi ulterjuri fil-ġestjoni u r-riżultati ta' France Télévisions għas-snin li ġejjin, preżentament, ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri Franċiża dwar France Télévisions – li l-pubblikazzjoni tiegħu f'Ottubru 2009 saret wara d-deċiżjoni tal-ftuħ – jikkonferma l-argumentazzjoni tagħha li r-raba' kundizzjoni mhijiex sodisfatta.

(77)

Fil-qosor, jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li s-sussidji baġitarji li ngħataw biss lill-grupp France Télévisions permezz ta' riżorsi finanzjarji tal-Istat Franċiż jagħtu vantaġġ selettiv lil dik l-impriża.

VI.1.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(78)

France Télévisions hija attiva fil-qasam tal-produzzjoni u tax-xandir ta' programmi li hija tisfrutta kummerċjalment, b'mod partikolari billi xxandar riklami bi ħlas għal riklamaturi jew programmi sponsorjati fl-iskeda tal-programmi tagħha, billi tbiegħ id-drittijiet tax-xandir tagħha jew tixtri tali drittijiet. Dawk l-attivitajiet kummerċjali huma mwettqa f'kompetizzjoni ma' stazzjonijiet oħrajn bħal TF1, M6, Canal +, b'mod partikolari fi Franza, fejn, kif jenfasizzaw l-awtoritajiet Franċiżi, il-grupp France Télévisions jikkostitwixxi l-grupp awdjoviżiv ewlieni. Fl-2010, is-sehem ta' France Télévisions għandu jkun stabbilit għal madwar 10 %, biex b'hekk tibqa' t-tielet fornitriċi fis-suq Franċiż.

(79)

Sad-data tat-tneħħija tal-pubbliċità kummerċjali fit-tmiem tal-2011, France Télévisions ser tkompli tkun attiva, għalkemm b'limitazzjonijiet ta' slots fis-siegħa, fis-suq Franċiż tal-pubbliċità kummerċjali fuq it-televiżjoni, b'kompetizzjoni max-xandara l-oħrajn. Wara l-2011 ukoll, France Télévisions ser tkun tista' toffri s-servizzi tagħha lir-riklamaturi għar-riklamar ta' prodotti taħt l-isem ġeneriku tagħhom jew għall-isponsorjar ta' xandiriet, b'kompetizzjoni max-xandara l-oħrajn attivi fi Franza. Għalkemm il-kompetituri ta' France Télévisions ikunu gawdew għal kollox mill-irtirar kważi totali ta' France Télévisions mis-suq tal-pubbliċità li sar bir-riforma, xorta jibqa' l-fatt li France Télévisions ser tibqa' preżenti f'dak is-suq. Effettivament, bħala volumi u sehem mis-suq għall-kompetituri kostanti meta mqabbla mal-2007, fuq il-bażi tal-estimi tad-dħul mill-pubbliċità u sponsorships ta' France Télévisions mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi, France Télévisions ser jibqgħalha sehem mis-suq ta' 3,3 % fl-2012, kontra aktar minn madwar 50 % u 20 % għal TF1 u M6 rispettivament.

(80)

France Télévisions ser tkun tista' tistenna sehem mill-udjenza televiżiva li ma setgħetx tistenna fin-nuqqas tal-allokazzjoni baġitarja inkwistjoni, li b'hekk jista' jkollha effett fuq l-udjenza televiżiva tax-xandara l-oħrajn u, b'hekk, fuq l-attivitajiet kummerċjali ta' dawn tal-aħħar, b'mod li jkun hemm distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, France Télévisions tibqa' wkoll attiva fis-swieq tax-xiri u l-bejgħ tad-drittijiet awdjoviżivi, b'saħħa ta' negozjar permezz ta' dik l-għajnuna. L-investimenti fl-ipprogrammar li jippermettu l-għotjiet baġitarji b'hekk jaffettwaw il-mod kif France Télévisions tista' taġixxi bħala xerrejja jew bejjiegħa f'dawk is-swieq.

(81)

Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-għotjiet baġitarji lill-grupp France Télévisions biss permezz ta' riżorsi finanzjarji tal-Istat Franċiż, joħolqu distorsjoni jew, ta' mill-inqas, jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-isfruttar kummerċjali tax-xandir fi Franza u, sa ċertu grad, fi Stati Membri oħrajn fejn jixxandru l-programmi ta' France Télévisions.

(82)

Is-swieq tal-bejgħ u tax-xiri ta' programmi awdjoviżivi u ta' drittijiet ta' xandir li fihom France Télévisions hija attiva huma ta' dimensjoni internazzjonali, anki jekk l-akkwist isir b'limitazzjoni territorjali ġeneralment limitata għal Stat Membru. Barra minn hekk, il-programmi ta' France Télévisions li x-xandir tagħhom jista' jinżamm permezz ta' appoġġ statali jinqabdu fi Stati Membri oħrajn, fosthom il-Belġju u l-Lussemburgu. Finalment, France Télévisions ixxandar ukoll programmi permezz tal-Internet, li huma aċċessibbli wkoll lil hinn minn Franza.

(83)

f'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sussidji baġitarji previsti jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

VI.1.4.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

(84)

Fir-rigward ta' dak li ntqal hawn fuq, is-sussidji baġitarji li r-Repubblika Franċiża beħsiebha tħallas lil France Télévisions jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-kumpatibbiltà tagħha mas-suq intern.

VI.2.   Kumpatibbiltà fid-dawl tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE

(85)

L-Artikolu 106(2) tat-TFUE jipprovdi li “[k]ull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta' monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b'mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b' mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni”.

(86)

Fil-komunikazzjoni tagħha dwar ix-xandir, il-Kummissjoni tiddikjara l-prinċipji li magħhom hija tikkonforma fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikoli 107 u 106(2) tat-TFUE għall-finanzjament tal-korpi pubbliċi ta' xandir mill-Istat. f'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda ż-żewġ aspetti segwenti:

L-eżistenza ta' definizzjoni preċiża u ċara f'att uffiċjali tal-missjoni ta' servizz pubbliku, inkluż fil-forniment ta' servizzi ġodda importanti, u soġġett għal mekkaniżmi ta' kontrol effikaċi minn entità indipendenti tax-xandar;

In-natura proporzjonali u trasparenti tal-finanzjament pubbliku tal-kumpensi meħtieġa għal dik il-missjoni, mingħajr ma dawk il-kumpensi jaqbżu l-ammont tal-ispiża netta ġġenerata mill-missjoni ta' servizz pubbliku, li huwa wkoll soġġett għal kontrolli effikaċi.

VI.2.1.   Definizzjoni preċiża u ċara f'att uffiċjali tal-missjoni ta' servizz pubbliku, soġġett għal mekkaniżmi ta' kontroll effikaċi

(87)

Kif ġie ppreċiżat iktar 'il fuq, il-Kummissjoni ma esprimitx dubji fid-deċiżjoni tagħha ta' ftuħ tal-proċedura, għar-raġunijiet imsemmija fiha, la dwar l-adegwatezza tad-definizzjoni u tal-mandat tal-missjoni ta' servizz pubbliku li France Télévisions ingħatat minn atti uffiċjali, u lanqas dwar l-adegwatezza tal-kontrolli esterni li jsiru dwar il-mod kif France Télévisions twettaq l-obbligi assenjati lilha, kif deskritti iktar 'il fuq. Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-fehma li d-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 emendata (Artikoli 43-11, 44, 48 u 53) u tad-digrieti jew atti uffiċjali li jimplimentawha, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet (digriet nru 2009-796 tat-23 ta' Ġunju 2009) u l-kuntratt ta' objettivi u mezzi, kienu konformi mar-regoli li japplikaw l-Artikolu 106(2) tat-TFUE dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuniet għas-servizzi tax-xandir pubbliku ddikjarati fil-komunikazzjoni dwar ix-xandir.

(88)

Din il-konklużjoni kienet analoga għal dawk diġà dderivati dwar dan is-suġġett mill-Kummissjoni b'applikazzjoni tal-komunikazzjoni applikabbli, fid-deċiżjonijiet tagħha tal-2003 u tal-2005 għal France 2 u France 3 u, għal France Télévisions, mill-2008 u l-2009.

(89)

Huwa b'hekk fuq bażi superfluwa li għandhom jiġu eżaminati l-kummenti kollox ma' kollox ġenerużi ta' ċerti partijiet interessati li jaffermaw in-natura allegatament simili tal-iskemi tal-ipprogrammar taċ-ċinemas pubbliċi u tal-kompetituri, li huma kkuntrarjati fil-fatti mill-kummenti ta' partijiet oħrajn, u li mhumiex ta' tali natura li jimmodifikaw dik l-evalwazzjoni.

(90)

Il-liġi nru 86-1067 emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni tiddefinixxi b'mod wiesa', kwalitattiv, iżda preċiż l-obbligi ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions. Dan għandu jirrigwarda b'mod partikolari pubbliku wiesa' u jipproponi offerta diversifikata konformi mal-objettiv li jiġi żgurat, b'rispett tal-pluraliżmu, il-bżonnijiet demokratiċi, soċjali, ċiviċi u kulturali tas-soċjetà. Il-fatt li ċerti kompetituri jkunu obbligati, minħabba li jappartjenu għall-EBU, li jirrispettaw l-istatuti tagħha, kif tenfasizza l-FFTCE, ma jostakolawx l-eżistenza ta' obbligi speċifiċi ta' servizz pubbliku ppreċiżati fl-atti uffiċjali tar-Repubblika Franċiża li, għall-kuntrarju tal-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza għall-EBU, huma imposti biss fuq France Télévisions.

(91)

Barra minn hekk, safejn huwa meħtieġ, l-obbligi ta' France Télévisions huma ppreċiżati wkoll fl-ispeċifikazzjonijiet u fil-kuntratt ta' objettivi u mezzi flimkien ma' indikaturi preċiżi u kkwantifikati li għandhom jintlaħqu fl-iskeda tal-programmi tagħha, li mhumiex imposti fuq ix-xandara kompetituri. Il-mezzi pubbliċi allokati lil France Télévisions huma mogħtija bil-għan li jinkisbu l-objettivi u sabiex jitwettqu l-obbligi ta' servizz pubbliku ddefiniti b'mod leġiżlattiv u regolamentari fl-interess ġenerali, waqt li r-riżorsi privati allokati lix-xandara kompetituri huma mogħtija bi skop purament ta' qligħ. Bl-istess mod, l-eżistenza ta' limitazzjonijiet regolamentari jew li l-operaturi jassumu liberament fl-attività tagħhom ta' xandir ma timplikax l-eżistenza ta' offerta mhux differenzjata fil-fatti għax-xandara pubbliċi u privati. Dawk l-obbligi ta' servizz pubbliku li jirriżultaw mil-liġi, għall-kuntrarju ta' dawk li jirriżultaw mill-appartenenza għall-EBU, huma barra minn hekk soġġetti għal kontrolli esterni regolari, b'mod partikolari parlamentari, fir-rigward tat-twettiq tagħhom.

(92)

Barra minn hekk, l-SACD tenfasizza l-impenn akbar ta' France Télévisions favur il-kreazzjoni awdjoviżiva u ċinematografika oriġinali Franċiża meta mqabbla mal-kompetituri, li huma soġġetti għal obbligi ferm iżgħar. Ċertament, l-osservazzjonijiet tal-SACD la jistabbilixxu u lanqas juru r-raġunijiet għalfejn ix-xogħlijiet mhux Franċiżi importati, possibbilment minn Stati Membri oħrajn, huma ta' kwalità inferjuri għal dawk iffinanzjati minn France Télévisions. Iżda xorta jibqa' l-fatt li impenn vinkolanti favur il-kreazzjoni oriġinali, li huwa akbar f'termini assoluti u meta mqabbel mal-kompetituri, jikkontribwixxi u huwa direttament marbut mal-bżonnijiet soċjali u kulturali tas-soċjetà Franċiża li l-iskeda tal-programmi ta' France Télévisions hija obbligata tissodisfa minħabba l-obbligi tagħha ta' servizz ta' interess ġenerali.

(93)

Fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Franċiża, dik l-evalwazzjoni pożittiva dwar id-definizzjoni u l-kontroll tal-missjoni ta' servizz pubbliku ta' France Télévisions għandha tiġi estiża għall-mekkaniżmi applikabbli għat-tnedija ta' servizzi awdjoviżivi ġodda importanti, fis-sens tal-komunikazzjoni dwar ix-xandir li daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni ta' ftuħ ta' din il-proċedura. Dawk is-servizzi, li jestendu l-offerta ta' programmi mxandra għal pjattaformi u formats oħrajn, huma inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet u fil-kuntratti ta' objettivi u mezzi ta' France Télévisions li barra minn hekk jippreċiżaw u jikkonkretizzaw il-missjonijiet ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali previsti mil-liġi. Dawk id-dokumenti huma adottati minn digriet kif indikat iktar 'il fuq, b'mod li s-servizzi l-ġodda diġà previsti u dawk li jistgħu jinħolqu fil-futur huma soġġetti għall-istess proċeduri speċifiċi ta' konsultazzjoni ex ante u ta' kontroll annwali ex post tal-eżekuzzjoni bħall-imsemmija missjonijiet.

(94)

Fil-qosor, b'hekk jidher li d-definizzjoni tal-missjoni ta' servizz pubbliku ddelegata lil France Télévisions kif ukoll il-mekkaniżmi ta' kontroll relatati huma konformi mar-regoli u l-prinċipji stabbiliti fil-komunikazzjoni dwar ix-xandir, li huma inspirati mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni.

VI.2.2.   In-natura proporzjonata u trasparenti tal-finanzjament pubbliku

L-iffissar tal-ammont annwali tas-sussidju baġitarju

(95)

Il-mekkaniżmu ta' finanzjament innotifikat mir-Repubblika Franċiża, li minnu jagħmel parti s-sussidju annwali bħala kumpens għat-tnaqqis u eventwalment it-tneħħija totali tal-messaġġi pubbliċitarji, huwa maħsub li jkun permanenti u b'hekk jestendi lil hinn mid-data prevista mil-liġi għall-waqfien tal-messaġġi pubbliċitarji, f'Novembru 2011 skont il-fatti.

(96)

Il-finanzjament pubbliku annwali ser jinkludi l-allokazzjoni ta' parti mir-riżorsi tal-kontribuzzjoni għall-awdjoviżiv pubbliku, li qabel kienet tissejjaħ liċenzja, u s-sussidju annwali previst mil-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009. Flimkien mal-għajnuna eżistenti approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta' April 2005, li ma ġietx immodifikata mill-mekkaniżmu previst, b'hekk ser jiżdied sussidju baġitarju li l-ammont preċiż tiegħu ser jiġi ffissat kull sena fil-liġi tal-finanzi għas-sena finanzjarja relevanti. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li huma l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku previsti li ser jintużaw biex jiġi ddeterminat ex ante, qabel kull sena finanzjarja, l-ammont tas-sussidju annwali.

(97)

Barra minn hekk dan jirriżulta wkoll mill-estimi li ġew ipprovduti bħala eżempju mill-awtoritajiet Franċiżi b'risposta għad-dubji li esprimiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura. Il-Kummissjoni tinnota n-natura indikattiva li l-awtoritajiet Franċiżi jattribwixxu lill-previżjonijiet tal-pjan tan-negozju, u li huwa utli għall-impriża inkarigata b'missjoni ta' servizz pubbliku u qabel ma timpenja ruħha għal spejjeż pluriannwali għal dan il-għan li jkollha qafas finanzjarju previst mill-pjan tan-negozju inkluż fl-approvazzjoni tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi. Dan premess, ir-riżorsi pubbliċi totali indikattivi li jinsabu fih jibqgħu relatati ma', għalkemm inqas minn, l-ammonti tal-ispejjeż grossi ta' forniment ta' dak is-servizz previsti għall-perjodu mill-2010 sal-2012.

(98)

Meta titqies il-prevedibbiltà relattiva tal-ispejjeż grossi, li huma inqas volatili mid-dħul kummerċjali li jservi biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż netti, iċ-ċifri indikattivi tal-pjan tan-negozju jikkonfermaw a priori l-affermazzjoni tar-Repubblika Franċiża dwar in-natura determinanti tal-kriterju tal-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku għall-iffissar tal-ammont annwali tas-sussidju li jkun ser jingħata. b'hekk, l-obbligu ta' kumpens finanzjarju mill-Istat li ddaħħal mil-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 ser jikkostitwixxi l-fatt li jiġġenera s-sussidju baġitarju nnotifikat, mingħajr ma jikkundizzjona l-ammont, meta mqabbel ma' stima eventwali tat-telf ta' dħul pubbliċitarju minħabba t-tneħħija tal-messaġġi pubbliċitarji.

(99)

Tali approċċ jidher li huwa ġġustifikat oġġettivament. Effettivament, minħabba n-natura perpetwa tas-sussidju, l-iffissar tal-ammont tiegħu b'relazzjoni mad-dħul pubbliċitarju kieku l-messaġġi pubbliċitarji ma tneħħewx bil-liġi, pereżempju, billi jiġi ffissat l-ammont fil-livell tad-dħul qabel ma ġiet imħabbra r-riforma, aġġustat eventalwament skont l-iżviluppi fis-suq tal-pubbliċità televiżiva, isir dejjem aktar arbitrarju. Jekk l-ammont tas-sussidju jiġi kkalkulat b'dan il-mod b'relazzjoni ma' dħul preżunt, tnaqqis akbar tal-ispejjeż grossi tas-servizz pubbliku li jirriżulta, pereżempju, minn sinerġiji fil-futur minħabba l-istabbiliment ta' France Télévisions bħala impriża waħda, jista' joħloq riskju ta' kumpens żejjed minn riżorsi pubbliċi.

(100)

Il-metodu tal-kalkolu tas-sussidju annwali b'relazzjoni mal-ispiża tal-missjoni ta' servizz pubbliku, imnaqqas bl-ispejjeż netti kummerċjali li jifdal, huwa barra minn hekk koerenti mal-impenn tar-Repubblika Franċiża, li issa jinsab fl-Artikolu 44 tal-liġi nru 86-1067 emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni u fl-Artikolu 2 tad-digriet dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat Franċiż u l-korpi tas-settur pubbliku awdjoviżiv, kemm-il darba r-riżorsi pubbliċi allokati lil France Télévision ma jaqbżux l-ispiża netta tat-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku assenjati lil din tal-aħħar. Kif ifakkru l-awtoritajiet Franċiżi, dak l-impenn u d-dispożizzjonijiet msemmija hawn fuq huma totalment applikabbli għas-sussidju baġitarju nnotifikat u għall-mekkaniżmu ta' finanzjament pubbliku annwali li minnu issa ser jagħmel parti integrali.

(101)

Konsegwentement, il-metodu tal-kalkolu tas-sussidju annwali b'relazzjoni mal-ispiża netta tal-missjoni ta' servizz pubbliku – li b'hekk huwa mnaqqas bl-ispejjeż netti kummerċjali li jifdal – jidher li huwa proporzjonat fis-sens tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xandir.

(102)

f'dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet kuntrarji ta' ċerti partijiet terzi interessati mhumiex ta' tali natura li jinvalidaw dik il-konklużjoni:

il-kummenti tal-FFTCE li jallegaw li l-kumpens għan-nuqqas ta' qligħ ta' dħul pubbliċitarju, li ma jagħmlux parti mill-missjoni ta' servizz pubbliku, ma jaqax taħt il-finanzjament ta' dik il-missjoni, ma jistgħux jiġu aċċettati, u lanqas dawk ta' M6 dwar in-natura varjabbli u b'hekk impreċiża tal-estimi ta' telf ta' dħul kummerċjali; huwa skont l-ispejjeż netti ta' servizz pubbliku ta' France Télévision li l-ammont annwali tas-sussidju għandu jiġi ffissat ex ante, waqt li l-estimi tal-ammont ipprovduti mir-Repubblika Franċiża għall-2010, 2011 u 2012 huma purament indikattivi.

l-osservazzjonijiet ta' M6 li jaffermaw li l-allegat nuqqas ta' strumenti ta' kontabilità analitika fi ħdan France Télévisions kif stabbilit mill-Qorti tal-Awdituri Franċiża jagħti lok strutturalment għal kumpens żejjed inkwantu s-sussidju jkun ibbażat fuq elementi ta' spejjeż mhux oġġettivi, bl-istess mod bħall-osservazzjonijiet ta' TF1 dwar il-kumpens żejjed tal-ispejjeż mhux ikkontrollati jew amministrati b'mod ħażin, mhumiex fondati; fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Awdituri stabbilixxiet f'Ottubru 2009 in-nuqqas ta' strumenti ta' ġestjoni ta' kontroll li jintegraw fil-livell tal-grupp France Télévisions l-istrumenti ta' kontabilità analitika tal-kumpaniji sussidjarji u mhux in-nuqqas assolut ta' strumenti ta' kontabilità analitika tal-ġestjoni; għal kull kumpanija tal-grupp France Télévisions, teżisti kontabilità analitika.

Fit-tieni lok, l-eżami tal-kumpatibbiltà tal-kumpens mas-suq intern, għall-kuntrarju ta' dak dwar l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku għal France Télévisions, ma jirrigwardax l-ispejjeż li impriża medja u amministrata tajjeb fis-settur jista' jkollha biex tipprovdi s-servizz ta' interess ġenerali, iżda dawk li effettivament ser ikollha France Télévisions, inkluż b'hekk it-tnaqqis previst fil-futur; kif intwera iktar 'il fuq, l-ammont totali ta' riżorsi pubbliċi li għandu jitħallas lil France Télévisions ser ikun a priori inqas mill-ispejjeż biex jiġi pprovdut is-servizz pubbliku u ser jiġi ffissat b'mod sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, ladarba jitnaqqas id-dħul nett kummerċjali.

(103)

Dawn il-kummenti, li mhumiex fondati fir-rigward tal-iffissar ex ante tal-ammont ta' sussidju annwali, barra minn hekk ma jieħdux f'kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' kontroll ex post. Effettivament, kif ser jintwera iktar 'il quddiem, l-iffissar annwali ex ante fil-liġi tal-finanzi tal-ammont ta' sussidju għas-sena finanzjarja jsegwi mekkaniżmi ta' kontroll ex post u, jekk ikun il-każ, ta' rkupru.

Mekkaniżmi ta' kontroll finanzjarju

(104)

Il-komunikazzjoni dwar ix-xandir tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe kumpens żejjed, billi jipproċedu għal kontrolli regolari tal-użu tal-finanzjament pubbliku. L-effikaċja tal-kontroll kif ippreċiżat fil-komunikazzjoni għandha tirriżulta mit-twettiq tagħha f'intervalli regolari minn entità indipendenti, flimkien ma' mekkaniżmi biex jinkiseb ir-rimbors ta' kwalunkwe kumpens żejjed li seta' jkun ingħata jew il-ħlas korrett, fis-sena finanzjarja ta' wara, ta' riżervi li jista' jkun hemm li ma jaqbżux l-10 % tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku annwali, minn naħa waħda jew, min-naħa l-oħra, sussidji inkroċjati li jista' jkun hemm.

(105)

L-Artikolu 44 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 jippreċiża li “[i]r-riżorsi pubbliċi allokati għall-korpi tas-servizz awdjoviżiv pubbliku bħala kumpens għall-obbligi ta' servizz pubbliku li bihom ikunu ġew inkarigati ma għandhomx jaqbżu l-ammont tal-ispiża għat-twettiq ta' dawk l-obbligi”. Dik id-dispożizzjoni tirriżulta mill-impenji tar-Repubblika Franċiża li tniżżel espressament fil-liġi l-prinċipju li ma jingħatax kumpens żejjed għall-obbligi ta' servizz pubbliku stabbiliti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ta' kumpatibbiltà tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2005 dwar l-użu tad-dħul mil-liċenzji (13).

(106)

Id-digriet nru 2007-958 tal-15 ta' Mejju 2007 dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-korpi tas-settur pubbliku tal-komunikazzjoni awdjoviżiva jinkludi fl-Artikolu 2 tiegħu l-istess formulazzjoni bħall-Artikolu 53 tal-liġi tat-30 ta' Settembru 1986 billi jieħdu f'kunsiderazzjoni “id-dħul dirett jew indirett derivat mill-missjoni ta' servizz pubbliku” u jippreċiża li l-ispiża tal-missjoni ta' servizz pubbliku hija stabbilita permezz ta' kontijiet separati. Id-digriet jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, l-obbligu għal France Télévisions u s-sussidjarji tagħha li jirrispettaw il-kundizzjonijiet normali tas-suq għall-attivitajiet kummerċjali kollha tagħhom u l-formulazzjoni minn korp estern ta' rapport annwali dwar it-twettiq ta' dak l-obbligu, li għandu jintbagħat lill-ministeru responsabbli, lill-Assemblea Nazzjonali u lis-Senat. Din l-aħħar dispożizzjoni ssemmiet ukoll fl-impenji tar-Repubblika Franċiża li jinsabu fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2005, imsemmija fil-premessa 7.

(107)

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni ddeċidiet li kemm id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-prinċipju li ma jingħatax kumpens żejjed kif ukoll il-kontroll u l-verifika tal-kundizzjonijiet applikati minn France Télévision għall-attivitajiet kummerċjali tagħha jirrispondu perfettament għat-tħassib li esprimiet il-Kummissjoni matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-20 ta' April 2005 (14). In-natura adattata tal-kontrolli mwettqa ex post fir-rigward tal-ħarsien ta' dawk l-impenji ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti Ġenerali (15).

(108)

Il-Kummissjoni rċeviet u eżaminat rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tad-digriet fir-rigward tas-snin finanzjarji 2007 u 2008 (ir-rapporti li saru abbażi tal-Artikolu 3 tad-digriet kienu, għall-2007, iċċertifikati mill-awdituri PriceWaterhouseCoopers u KPMG u, għall-2008, mill-Cabinet Rise), kif ukoll l-abbozz tar-rapport previst fl-Artikolu 2 għas-sena 2009. Ir-rapporti disponibbli jikkonkludu li r-riżorsi pubbliċi allokati lill-grupp France Télévisions ma qabżux l-ispiża netta tat-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku li bihom ġie inkarigat u li France Télévisions irrispettat il-kundizzjonijiet normali tas-suq fl-attivitajiet kummerċjali kollha tagħha. Dan b'hekk jeskludi l-possibbiltà ta' sussidji inkroċjati bejn attivitajiet kummerċjali u attivitajiet ta' servizz pubbliku. Il-formulazzjoni tar-rapporti inkwistjoni turi barra minn hekk li huwa possibbli li jsiru kontijiet tal-ispejjeż u r-riżorsi tas-servizz pubbliku tad-diversi stazzjonijiet ta' France Télévisions bl-użu tal-istrumenti tal-kontabilità eżistenti, għall-kuntrarju ta' dak li jsostnu b'mod partikolari M6.

(109)

Il-proċeduri ta' kontroll ex post tar-riżorsi pubbliċi previsti fid-digriet nru 2007-958 japplikaw għas-sussidju baġitarju nnotifikat. Wara li ġie stabbilit il-kontroll, ir-riżorsi pubbliċi totali allokati lil France Télévisions kienu insuffiċjenti biex ikopru l-ispiża netta għat-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku, b'mod illi l-kwistjoni tal-possibbiltà ta' ħlas żejjed ma tqajmitx. Għall-previżjonijiet tal-ispejjeż u d-dħul fuq medda ta' żmien medju li jinsabu fil-pjan tan-negozju u li huma murija fit-tabella 1 iktar 'il quddem, jidher li huwa previst eċċess żgħir fl-2012 li, jekk jiġi kkonfermat u ma jkunx meħtieġ biex jiġu assorbiti d-defiċits previsti għas-snin 2010 u 2011, għandu normalment jitħallas bi prijorità għall-ispejjeż favur il-kreazzjoni awdjoviżiva.

(110)

Fi kwalunkwe każ, sabiex il-pjan eżistenti jiġi allinjat mal-preċiżjonijiet li ddaħħlu mill-ġdid fl-2009 mill-komunikazzjoni dwar ix-xandir, ir-Repubblika Franċiża timpenja ruħha li temenda l-Artikolu 2 tad-digriet nru 2007-958 tal-15 ta' Mejju 2007, b'mod li:

tiżgura li r-rapport annwali dwar il-kontijiet separati jkun, b'mod konformi mar-rapport previst fl-Artikolu 3, ikkontrollat minn korp estern li l-għażla tiegħu hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Ministru responsabbli mill-komunikazzjoni, jintbagħat lil dak il-Ministru kif ukoll lill-Assemblea Nazzjonali u lis-Senat, u jsir għall-ispejjeż ta' France Télévisions;

tipperfezzjona l-mekkaniżmu funzjonali tagħha sabiex jiġi żgurat l-irkupru effettiv ta' kumpensi żejda jew sussidji inkroċjati li jirriżultaw minn dawk il-kontijiet separati u li ma jkunux kumpatibbli mal-Artikolu 53 tal-liġi 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 dwar il-libertà tal-komunikazzjoni kif ukoll mal-komunikazzjoni dwar ix-xandir.

(111)

f'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-Repubblika Franċiża għandha fis-seħħ mekkaniżmi adattati biex tipproċedi għal kontrolli regolari u effikaċi tal-użu tal-finanzjament pubbliku, sabiex tipprevjeni kull kumpens żejjed jew sussidju inkroċjat, kif tipprevedi l-komunikazzjoni dwar ix-xandir.

(112)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, jidher li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni potenzjali dovuti għall-preżenza ta' France Télévisions fuq swieq kummerċjali fejn hija ser topera wara l-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma ser ikunu limitati. Dik il-preżenza ser tkun probabbilment ferm ristretta u r-riforma ser ikollha l-effett prevedibbli li tittrasferixxi, anki jekk biss parzjalment, id-domanda tal-pubbliċità fuq it-televiżjoni lejn il-kompetituri ta' France Télévisions.

(113)

Effettivament, kif jirriżulta minn ittra ppubblikata minn seba' stazzjonijiet tat-televiżjoni jew radju privati, it-twettiq tar-riforma sat-tmiem tagħha bit-tneħħija tal-messaġġi pubbliċitarji minn France Télévisions ser ikun ta' tali natura li: ’il-mezzi tax-xandir privati ser ikunu jistgħu jirpiljaw il-kapaċitajiet li jeħtieġu’, waqt li ż-żamma tal-messaġġi pubbliċitarji: “tagħti lok għal konsegwenzi negattivi għall-mezzi tax-xandir kollha Franċiżi u timmodifika sostanzjalment il-prospetti ekonomiċi [tal-] atturi …” (16).

(114)

Fi kliem ieħor, l-irtirar parzjali ta' France Télévisions u l-iffukar mill-ġdid fil-livell tal-istruttura tad-dħul tagħha – kummerċjali jew kumpens pubbliku – fuq ix-xandir ta' programmi li huma konformi mal-missjoni tagħha ta' interess ġenerali u mingħajr kontroparti finanzjarja diretta għall-pubbliku, inaqqsu r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni potenzjali fis-swieq kompetittivi fejn topera France Télévisions. Dak l-irtirar jiftaħ spazju li jista' jittieħed minn operaturi ġodda jew operaturi li preżentament għandhom preżenza dgħajfa fis-suq tal-pubbliċità, billi eventwalment joħloq kompetizzjoni aktar dinamika.

(115)

Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta u l-impenji mogħtija mir-Repubblika Franċiża, il-finanzjament pubbliku ser ikollu l-iskop li jippermetti lil France Télévisions li tkopri l-ispejjeż netti mġarrba biex taqdi l-obbligi li għandha, u dak il-finanzjament għandu jkun limitat għall-dawk l-ispejjeż u jibqa' soġġett għal kontrolli ex post li jissodisfaw il-kriterji tal-komunikazzjoni dwar ix-xandir applikabbli. Barra minn hekk, peress li France Télévisions ser tnaqqas il-preżenza tagħha fis-swieq kompetittivi, l-għajnuna prevista ma tagħtix lok għal riskju li jiġi affettwat l-iżvilupp tal-kummerċ b'mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni, biex b'hekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(116)

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża timpenja ruħha li tipprovdi lill-Kummissjoni b'rapport annwali sal-2013, id-data meta r-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku ser tkun twettqet, li għandu jippermetti li jiġu segwiti l-aspetti tal-implimentazzjoni tar-riforma l-aktar relevanti fir-rgward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri, il-kumpensi annwali u l-mekkaniżmi ta' kontroll ex post, il-kundizzjonijiet applikati minn France Télévisions għall-attivitajiet kummerċjali tagħha u l-iżviluppi fil-pożizzjoni tagħha f'dak is-suq kif ukoll it-twettiq annwali tal-kuntratt ta' objettivi u mezzi.

(117)

Fid-dawl tal-iskala tar-riforma, tal-innovazzjonijiet fir-rigward tal-finanzjament tal-missjoni ta' servizz ta' France Télévisions li hija tintroduċi, tal-konsegwenzi tagħha fuq l-evoluzzjoni tal-ispejjeż u d-dħul ta' France Télévisions u tal-ambjent ekonomiku inċert tas-swieq li jaffettwaw id-dħul kummerċjali ta' France Télévisions u tal-kompetituri tagħha, dak l-impenn huwa ta' tali natura li jippermetti lill-Kummissjoni li tivverifika u li ssegwi kemm jista' jkun mill-qrib l-implimentazzjoni tar-riforma, kif ukoll tal-impenji mogħtija mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest ta' din il-proċedura.

It-taxxi l-ġodda previsti mir-riforma tas-servizz awdjoviżiv pubbliku

(118)

Fid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-eżistenza ta' rabta ta' konnessjoni bejn id-dħul provenjenti mit-taxxi l-ġodda fuq il-pubbliċità u l-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-sussidju annwali li għandu jitħallas sa mill-2010 lil France Télévisions. Tali konnessjoni, jekk tista' tiġi stabbilita, ikollha l-konsegwenza li dawk it-taxxi jkollhom jitqiesu bħala li jifformaw parti integrali mill-għajnuna u jkunu soġġetti għall-eżami tal-kumpatibbiltà mas-suq intern ta' din tal-aħħar. Għalkemm l-eżistenza ta' tali konnessjoni setgħet tiġi eskluża għas-sena 2009, b'mod partikolari fid-dawl tad-data tad-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni tal-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar is-servizz awdjoviżiv pubbliku, baqa' dubju dwar il-futur, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet li saru mill-ogħla awtoritajiet Franċiżi.

(119)

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata mis-sentenza tat-22 ta' Diċembru 2008 fil-kawża preliminari Régie Networks (C-333/07) (punt 99), li “Sabiex taxxa tkun tista” tiġi kkunsidrata bħala parti integrali minn miżura ta' għajnuna, għandu jkun hemm rabta vinkolanti ta' allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jaffettwa direttament l-ammont ta' din u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq komuni' (17). Iż-żewġ kundizzjonijiet ta' applikabbiltà stabbiliti mill-Qorti, jiġifieri, ir-regolamentazzjoni nazzjonali pertinenti u l-influwenza diretta fuq l-ammont tal-għajnuna huma eżaminati iktar 'il quddiem.

(120)

Fil-liġi Franċiża, skont l-Artikolu 36 tal-liġi organika tal-1 ta' Awwissu 2001 dwar il-liġijiet tal-finanzi, il-ħlas lil persuna ġuridika oħra ta' riżorsa stabbilita għall-gwadann tal-Istat Franċiż jista' jirriżulta biss minn dispożizzjoni tal-liġi tal-finanzi. Il-liġi tal-finanzi b'hekk trid tipprovdi espressament li d-dħul mit-taxxi fuq il-pubbliċità u l-komunikazzjonijiet elettroniċi li ddaħħlu bil-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 għandu jiġi allokat totalment jew parzjalment għall-finanzjament ta' France Télévisions. Tali dispożizzjoni għadha ma ġietx adottata sal-lum. Għall-ġejjieni, ir-Repubblika Franċiża timpenja ruħha li tipproċedi, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, għal notifika ġdida lill-Kummissjoni ta' kull abbozz ta' emenda tal-istruttura tal-iskema. f'dawn iċ-ċirkustanzi, ma tistax tiġi stabbilita rabta ta' konnessjoni vinkolanti bejn l-għajnuna nnotifikata u t-taxxi l-ġodda permezz tal-liġi nazzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti.

(121)

Barra minn hekk, jidher li l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit l-ammont annwali tas-sussidju baġitarju, akkumulat għall-ammont previst ta' allokazzjoni tar-riżorsi tal-kontribuzzjoni għall-awdjoviżiv pubbliku, huwa dak tal-ammont tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta' servizz pubbliku assenjati lil France Télévisions u mhux dak tad-dħul derivat mit-taxxi l-ġodda. L-ispejjeż previsti tas-servizz pubbliku huma u ser ikunu soġġetti għal estimi ex ante fil-kuntratt ta' objettivi u mezzi b'applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni. Is-sussidju annwali previst fl-abbozz tal-liġi dwar il-finanzi għandu jiġi kkalibrat skont l-ispejjeż netti previsti u l-bilanċ bejn il-previżjonijiet u r-riżultati għandu jiġi kkonstatat u, jekk ikun meħtieġ, ikkoreġut ex post fil-kuntest tar-rapport previst għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 2 tad-digriet nru 2007-958 tal-15 ta' Mejju 2007 dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-korpi tas-settur pubbliku tal-komunikazzjoni awdjoviżiva. Peress li l-ispejjeż jintefqu indipendentement mir-riżorsi miġbura mit-taxxi, id-dħul mit-taxxi ma jistax jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna. Barra minn hekk jidher li r-rati tat-taxxi inizjalment previsti mill-gvern Franċiż ġew imnaqqsa fil-liġi finali vvutata mill-Parlament, mingħajr ma dan sarraf fi tnaqqis konkomitanti u proporzjonat tas-sussidju li għandu jitħallas għal France Télévisions.

(122)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, it-taxxi fuq il-pubbliċità u l-komunikazzjonijiet elettroniċi li ddaħħlu bil-liġi nru 2009-258 tal-5 ta' Marzu 2009 ma jagħmlux parti integrali mill-għajnuna u, konsegwentement, m'għandhomx jiġu integrati fl-eżami tal-kumpatibbiltà ta' din tal-aħħar mas-suq intern, għall-kuntrarju ta' dak li jippretendu ċerti partijiet terzi interessati, jiġifieri, l-ACT, l-FFTCE, l-Assoċjazzjoni ta' Stazzjonijiet Privati, M6 u TF1.

(123)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kumpatibbiltà tal-imsemmija taxxi u tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom bħala miżuri distinti mad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari, fir-rigward tat-taxxa dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, fir-rigward tal-kwistjonijiet eżaminati fil-kuntest tal-proċedura ta' ksur Nru 2009/5061, fir-rigward tad-Direttiva 2002/20/KE, jew tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (18).

(124)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Franza li teskludi l-imsemmija taxxi mill-kamp tan-notifika tagħha, li hija s-suġġett ta' din id-deċijoni.

VII.   KONKLUŻJONIJIET

(125)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sussidju baġitarju annwali favur France Télévisions implimentat kif indikat iktar 'il fuq jista' jiġi ddikjarat kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, skont il-prinċipji u r-regoli ta' applikazzjoni previsti għas-servizzi pubbliċi ta' xandir.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Franċiża għandha l-intenzjoni li timplimenta favur France Télévisions taħt il-forma ta' sussidju baġitarju annwali skont l-Artikolu 53, subparagrafu VI tal-liġi nru 86-1067 tat-30 ta' Settembru 1986 emendata dwar il-libertà tal-komunikazzjoni, hija kumpatibbli mas-suq intern b'mod konformi mal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-implimentazzjoni ta' dik l-għajnuna b'hekk hija awtorizzata.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 237 2.10.2009, p. 9.

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 1.

(3)  Deċiżjoni 2004/838/KE (ĠU L 361, 8.12.2004, p. 21-39).

(4)  Deċiżjoni C(2005) 1166 finali (ĠU C 235 30.9.2005).

(5)  Deċiżjoni C(2008) 3506 finali (ĠU C 242 23.9.2008).

(6)  Deċiżjoni 2009/C 237/06 (ĠU C 237 2.10.2009, p. 9).

(*)  Il-parenteżi kwadri […] jindikaw ċifri kunfidenzjali jew sigrieti tan-negozju ssostitwiti b'firxa ta' valuri.

(7)  Ara d-deċiżjoni C(2005) 1166 finali, punti 65 sa 72.

(8)  ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1.

(9)  ĠU L 108 24.4.2002, p. 21.

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, C-280/00, Altmark Trans, Ġabra I-7747, punti 88 sa 93.

(11)  ĠU L 318 17.11.2006, p. 17–25.

(12)  Ara d-deċiżjoni ta' ftuħ, punti 68 sa 75.

(13)  Ara d-deċiżjoni C(2005) 1166 finali, punti 65 sa 72.

(14)  Sentenza tal-11 ta' Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni (kawża T-354/05, Ġabra (2009) p. II-00471), punti 205 sa 209.

(15)  Ara f'dan is-sens is-sentenza tal-1 ta' Lulju 2010, M6 u TF1 vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda T-568/08 u T-573/08), b'mod partikolari l-punti 115 u dawk sussegwenti, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(16)  Ittra tal-Presidenti ta' TF1, M6, Canal +, Next Radio TV, NRJ, RTL u Locales TV lill-President tar-Repubblika, tal-21 ta' Ġunju 2010, disponibbli fl-24 ta' Ġunju 2010 fuq: http://www.latribune.fr/technos-medias/publicite/20100623trib0a00523461/france-televisions-les-medias-prives-insistent-pour-mettre-fin-a-la-publicite-.html.

(17)  Sentenza tat-22 ta' Diċembru 2008, Ġabra P. I-10807. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta' Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C-393/04 u C 41/05, Ġabra P. I-5293), punt 46.

(18)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33–50.


Top