EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0856

Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 856/2010 tas- 27 ta’ Settembru 2010 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

ĠU L 254, 29.9.2010, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/856/oj

29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/5


REGOLAMENT IMPLIMENTATTIV TAL-KUNSILL (UE) Nru 856/2010

tas-27 ta’ Settembru 2010

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 9(4) u 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 2022/1995 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju (“AN”) li joriġinaw mir-Russja, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90. Wara aktar investigazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, li stabbiliet li d-dazju kien qed jiġi assorbit, il-miżuri ġew emendati mir-Regolament (KE) Nru 663/1998 (3). Wara talba għal skadenza u għal reviżjoni interim skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 658/2002 (4), impona dazju definittiv anti-dumping ta’ EUR 47,07 għal kull tunnellata fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġinaw mir-Russja. Fl-aħħarnett, saret reviżjoni interim tal-ambitu tal-prodott skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u, permezz tar-Regolament (KE) Nru 945/2005 (5), dazju definittiv anti-dumping li jvarja bejn EUR 41,42 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunellata kien impost fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi li joriġinaw mir-Russja b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91.

(2)

Wara talba għal skadenza u reviżjoni interim (“l-aħħar reviżjoni ta’ skadenza”) skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (6), impona dazju antidumping definittiv li jvarja bejn EUR 28,88 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunnellata għal ħames snin oħra.

(3)

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej li tannulla parzjalment ir-Regolament (KE) Nru 945/2005, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 989/2009 (7), emenda d-dazju antidumping definittiv f’dak li kien jikkonċerna JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/577/KE tal-4 ta’ Lulju 2008 (8), il-Kummissjoni aċċettat l-offerti ta’ impenn imressqa minn diversi produtturi, inkluż il-produtturi esportaturi Russi relatati Joint Stock Company Acron u Joint Stock Company Dorogobuzh (“Acron” Holding Company), b’konnessjoni mal-proċedura ta’ antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja u mill-Ukraina.

B.   PROĊEDURA PREŻENTI

1.   Talba għal reviżjoni

(5)

Talba għal reviżjoni interim parzjali (“ir-reviżjoni preżenti”) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku saret minn JSC Acron, JSC Dorogobuzh u l-kumpanija kummerċjali relatata tagħhom Agronova International Inc., membri ta’ “Acron” Holding Company (“l-applikant”). It-talba kienet limitata fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżura u b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ Agronova International Inc. fl-impenn tal-prezz ta’ JSC Acron u JSC Dorogobuzh.

(6)

L-applikant allega li ċ-ċirkostanzi li fihom ingħata l-impenn tal-prezz kienu tbiddlu, partikolarment li Agronova International Inc., kummerċjant ġdid stabbilit fl-Istati Uniti, kien inkorporat fil-kumpanija “Acron” Holding Company. L-applikant kompla jallega li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema.

2.   Bidu ta’ reviżjoni

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie ppreżentata mill-applikant u kkunsidrat li din kienet suffiċjenti biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni bdiet (9) reviżjoni tal-miżuri ta’ antidumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (“miżuri fis-seħħ”) limitati fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżuri, partikolarment l-effett potenzjali tal-inklużjoni ta’ Agronova International Inc. fl-impenn tal-prezz ta’ JSC Acron u JSC Dorogobuzh.

3.   Prodott Ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal fl-aħħar reviżjoni tal-iskadenza, jiġifieri fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li joriġina mir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91.

4.   Partijiet Ikkonċernati

(9)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż li jesporta u l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu. Il-partijiet kollha interessati li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw possibbiltà ta’ smigħ.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-applikant u rċeviet ir-risposti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għal dan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa. Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fuq il-post ta’ Agronova International Inc., Hallandale, USA (“Agronova”).

5.   Perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni

(11)

Il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni kopra l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2009 (“PIV”).

C.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

(12)

L-investigazzjoni kkonfermat li Agronova kienet kumpanija kummerċjali ġdida li tappartjeni għall-kumpanija “Acron” Holding company.

1.   It-tħaddim tal-impenn

(13)

Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali għall-inklużjoni ta’ kumpanija kummerċjali fl-impenn preżenti kienu l-prattikabbiltà tal-kumpanija, jiġifieri l-effettività tal-monitoraġġ tagħha u partikolarment il-valutazzjoni tar-riskji ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ permezz ta’ kanali differenti ta’ bejgħ u/jew permezz ta’ prezzijiet ta’ diversi prodotti potenzjalment mibjugħa lill-istess klijenti.

1.1.   Riskju għoli ta’ kontrokumpens permezz ta’ kumpanija kummerċjali mhux iddikjarata

(14)

L-investigazzjoni wriet li Agronova kellha rabtiet qawwija interpersonali u operattivi ma’ tal-anqas kumpanija oħra mhux iddikjarata attiva fin-negozju u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti. Instab li kienu l-istess persuni li joperaw Agronova li fil-fatt kienu involuti wkoll fl-attivitajiet ta’ din il-kumpanija kummerċjali. B’mod partikolari, l-evidenza disponibbli wriet li ż-żewġ kumpaniji kellhom maniġer komuni u uffiċjal komuni matul il-parti l-kbira tal-PIV, fil-waqt li persuna oħra (li f’dak iż-żmien instab li kienet il-President tal-kumpanija kummerċjali msemmija), għalkemm mhux formalment impjegata minn Agronova, kienet fil-fatt qed twettaq il-kummerċ ta’ kuljum inkluż it-tmexxija waqt iż-żjara tal-verifika għan-nom ta’ Agronova fejn kienet ippreżentata bħala konsulent ta’ Agronova. Barra mir-rabtiet qawwija interpersonali, instab li ż-żewġ kumpaniji kienu qed joperaw mill-istess uffiċċju, jimpjegaw l-istess segretarja u jużaw l-istess kompjuters u tagħmir tal-uffiċċju matul il-parti l-kbira tal-PIV. Agronova ma kixfitx l-eżistenza u l-operazzjonijiet ta’ din il-kumpanija kummerċjali l-oħra, la fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, u lanqas matul iż-żjara ta’ verifika. It-talba tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni sabex tiċċara s-sitwazzjoni kienet sodisfatta biss in parti mill-applikant minħabba li din ma kixfitx, inter alia, min kien preċiżament il-proprjetarju tal-kumpanija kummerċjali u lanqas l-attivitajiet dettaljati tagħha. L-informazzjoni mogħtija għalhekk kienet meqjusa bħala insuffiċjenti.

(15)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpanija kummerċjali msemmija hawn fuq kienet relatata ma’ Agronova fis-sens tal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (l-“IPCCC”) (10) u kellha tkun irrappurtata fir-risposta għall-kwestjonarju mill-applikant. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-applikant skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku dwar l-intenzjoni tagħha li tibbaża dawn is-sejbiet fuq il-fatti disponibbli u stiednet lill-applikant biex jikkummenta fuqhom skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku.

(16)

L-applikant ikkuntesta li Agronova hija relatata mal-kumpanija kummerċjali msemmija hawn fuq jew ma’ kwalunkwe kumpanija oħra. Barra minn dan, fuq talba oħra tal-Kummissjoni, ma pprovda l-ebda informazzjoni dettaljata u li tista’ tkun verifikata dwar il-proprjetarju u l-attivitajiet tal-kumpanija kummerċjali msemmija fil-limitu ta’ żmien stabbilit.

(17)

Wara l-iżvelar tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu bbażati s-sejbiet fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-applikant kompla jirrifjuta kwalunkwe relazzjoni bejn Agronova u l-kumpanija kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 143 tal-IPCCC. Fir-rigward tar-rwoli preċiżi tal-persuni involuti fiż-żewġ kumpaniji, l-applikant ikkuntesta li ż-żewġ kumpaniji kellhom diretturi jew uffiċjali komuni. L-applikant saħansitra rtira l-informazzjoni li kien ta qabel, u ddikjara li din kienet ħażina jew mhux preċiża. L-informazzjoni l-ġdida mogħtija, madankollu, ma kinitx sostnuta b’biżżejjed evidenza. B’mod ġenerali, l-informazzjoni u l-evidenza mogħtija f’dan ir-rigward ma kinux ċari u f’ċertu postijiet kienu kontradittorji, u għalhekk b’mod ġenerali dawn tefgħu id-dubji fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni mogħtija.

(18)

Bħala eżempju, filwaqt li l-applikant oriġinarjament iddikjara li l-president ta’ Agronova kien ukoll il-maniġer tal-kumpanija kummerċjali inkwistjoni, din id-dikjarazzjoni wara ġiet ikkwalifikata bl-ispjegazzjoni li x-xogħlijiet imwettqa fil-kumpanija kummerċjali mill-president ta’ Agronova ma kienu jinkludu l-ebda funzjoni ta’ kontroll jew ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Bl-istess mod, filwaqt li l-evidenza mogħtija (il-kontijiet annwali) urew li persuna oħra kienet “uffiċjal” fiż-żewġ kumpaniji, wara ġie ddikjarat li l-funzjonijiet reali ta’ din il-persuna kienu dawk ta’ segretarju legali.

(19)

B’konklużjoni, l-applikant ma ppreżentax informazzjoni jew evidenza affidabbli biżżejjed li setgħu juru li r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti kienu definiti u mwettqa b’tali mod li setgħu jeskludu l-evidenza ta’ relazzjoni.

(20)

L-applikant ikkuntesta wkoll li l-kumpanija kummerċjali msemmija għandha tkun meqjusa bħala kumpanija kummerċjali minħabba li din kienet involuta prinċipalment fil-kummerċjalizzazzjoni aktar milli fil-bejgħ ta’ prodotti fertilizzanti. Madankollu, minbarra l-fatt li din id-dikjarazzjoni ma kienet sostnuta bl-ebda evidenza, il-kumpanija ddikjarat ukoll f’diversi okkażjonijiet li fil-fatt kienet involuta fil-bejgħ ta’ fertilizzanti bħala kummerċjant, imma biss għal kwantitajiet żgħar maħsuba għal swieq oħra barra mill-Ewropa. Għalhekk, il-kumpanija kellha tkun ikkunsidrata bħala kummerċjant u dan l-argument kellu jkun irrifjutat.

(21)

Il-Kummissjoni qieset li l-applikant fixkel l-investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku billi pprovda informazzjoni rilevanti biss gradwalment u meta din ġiet mitluba, u l-informazzjoni mogħtija f’bosta każijiet ġiet sussegwentement korretta, emendata jew ingħatat kontradizzjoni. F’dan ir-rigward, minħabba l-kooperazzjoni mhux sodisfaċenti ta’ Agronova, relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u l-kumpanija, li, bħala politika ġenerali, hija prekondizzjoni meħtieġa għall-aċċettazzjoni ta’ impenn, ma setgħatx tkun stabbilita.

(22)

Huwa mfakkar li fl-analiżi tar-riskju tal-kontrokumpens, l-għarfien ta’ kanali tal-bejgħ differenti u l-fluss tal-prodotti minn dawn il-kanali hija informazzjoni indispensabbli. Minħabba r-rabtiet mill-qrib ħafna interpersonali u operattivi bejn Agronova u l-kumpanija kummerċjali l-oħra, ġie konkluż li r-riskju ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ permezz ta’ kanali tal-bejgħ differenti kien għoli wisq u għalhekk Agronova m’għandhiex tkun inkluża f’dan l-impenn.

(23)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li jkun hemm riskju ta’ kontrokumpens biss meta l-kumpaniji jkunu relatati permezz tal-ishma. L-ewwelnett, għandu jkun innutat li r-riskju ta’ kontrokumpens mhux limitat għal sitwazzjonijiet fejn kumpaniji huma relatati b’ishma, minħabba li hemm diversi metodi ta’ kontrokumpens. Għalhekk, f’dan il-każ partikolari u għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, ġie meqjus li hemm riskju għoli ta’ kontrokumpens anke jekk l-applikant u Agronova mhumiex relatati permezz tal-ishma. Barra minn dan, l-applikant ma wera l-ebda bażi legali jew fattwali jew ma ppreżenta l-ebda evidenza biex isostni d-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk, dan l-argument kellu jkun irrifjutat.

1.2.   Riskju konsiderevoli għal kontrokumpens permezz tal-prezzijiet ta’ prodotti differenti

(24)

L-impenn preżenti mhux biss ikopri n-nitrat tal-ammonju imma jimponi wkoll skema ta’ prezzijiet għal prodotti oħra kummerċjati mill-grupp biex ikun evitat ir-riskju ta’ kontrokumpens. L-applikant iddikjara fir-risposta tiegħu għall-kwestjonarju li kellu l-ħsieb li permezz ta’ Agronova jbiegħ, inter alia, prodotti li mhumiex inklużi f’din l-iskema ta’ prezzijiet u anke prodotti ta’ fertilizzant prodotti minn produtturi oħra, li jinstabu kemm fir-Russja u kif ukoll f’pajjiżi oħra. Għalhekk, ir-riskju ta’ kontrokumpens minħabba esportazzjonijiet ta’ prodotti differenti lill-istess klijenti kien meqjus bħala għoli.

(25)

Uħud mill-prodotti li Agronova kellha l-ħsieb li tbiegħ m’għandhomx prezz tas-suq ikkwotat li jista’ jservi bħala limitu għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Għaldaqstant, il-monitoraġġ tal-impenn ukoll ma jkunx prattiku.

(26)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-offerta tal-applikant li jħassar il-pjanijiet kummerċjali tiegħu relatati mat-taħlit u prodotti oħra fil-każ li l-Kummissjoni tqis li dan ikun neċessarju. F’dan ir-rigward, hu nnutat li l-Kummissjoni rċeviet dawk l-offerti emendati biss aktar tard matul il-proċedura. Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tibdil kontinwu tal-applikant tal-pjan kummerċjali tiegħu biex dan jakkomoda dak li hu kkunsidra li kienu l-aspettazzjonijiet tal-Kummissjoni tefgħa dubji fuq il-kredibbiltà tal-offerta tal-applikant. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset ukoll il-livell insuffiċjenti ta’ kooperazzjoni minn Agronova f’din l-investigazzjoni bħala impediment fit-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u Agronova. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta li tali impenn fil-fatt ser ikun rispettat.

(27)

Għalhekk ġie konkluż li l-inklużjoni ta’ Agronova fil-kanali tal-bejgħ ta’ “Acron” Holding Company iżid serjament ir-riskji ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ u dan jaffetwa t-tħaddim u l-monitoraġġ effettiv tal-impenn.

2.   In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula

(28)

Matul l-investigazzjoni, il-kumpanija “Acron” Holding Company stabbiliet kumpanija kummerċjali oħra, jiġifieri Agronova Europe AG (“Agronova Europe”) li din iddikjarat li se tkun responsabbli għall-parti l-kbira tal-kummerċ mal-klijenti Ewropej u għalhekk gradwalment tissostitwixxi lil Agronova. F’ċertu punt tal-proċedura, l-applikant talab li din il-kumpanija kummerċjali ġdida tiġi inkluża wkoll f’din ir-reviżjoni bil-ħsieb li ż-żewġ kumpaniji kummerċjali jiġu inklużi fl-impenn tal-prezz eżistenti jew, li bħala alternattiva, tinbeda reviżjoni ġdida biex tinkludi l-kummerċjant il-ġdid ukoll fil-kanali tal-bejgħ tal-impenn. Dan juri li ċ-ċirkostanzi mibdula li abbażi tagħhom intalbet din ir-reviżjoni mhumiex ta’ natura dejjiema.

(29)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi mibdula li abbażi tagħhom inbdiet din ir-reviżjoni kinux ta’ natura dejjiema, ma tkunx rilevanti fil-kuntest tar-reviżjoni interim preżenti limitata fl-ambitu tagħha għall-forma tal-miżuri. L-applikant iddikjara li tali analiżi tkun meħtieġa biss fil-każ li jkun verifikat dumping u/jew ħsara.

(30)

L-applikant iddikjara wkoll li m’għandux il-ħsieb li jibqa’ jbiegħ in-nitrat tal-ammonju mill-kanali tal-bejgħ ta’ Agronova Europe.

(31)

Fir-rigward tal-argument tal-applikant li analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi mibdula kinux ta’ natura dejjiema tkunx irrelevanti f’din ir-reviżjoni, l-applikant ma pprovda l-ebda raġuni legali li tkun tista’ ssostni din l-opinjoni. F’din ir-reviżjoni ġie kkunsidrat li l-istabbiltà tal-kanal(i) tal-bejgħ kien fattur importanti fid-deċiżjoni biex tkun aċċettata l-inklużjoni ta’ kummerċjant ġdid stabbilit f’impenn minħabba li ma’ kull kummerċjant ġdid inkluż f’impenn ta’ prezz jiżdied ir-riskju ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ. Dan irid ikun indirizzat ukoll permezz ta’ attivitajiet adegwati ta’ monitoraġġ. Għalhekk, ġie konkluż li n-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula fil-fatt kien fattur relevanti, u l-argument tal-applikant kellu jkun rifjutat.

(32)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-applikant li Agronova Europe ma kinitx se tintuża għal bejgħ ta’ nitrat tal-ammonju fis-suq tal-Unjoni Ewropea, din ingħatat fi stadju tard wisq tal-investigazzjoni (wara l-għeluq finali) u kkontradixxiet l-informazzjoni li kienet ingħatat preċedentement. Barra minn dan, l-applikant ma setax jagħti assigurazzjonijiet biżżejjed fir-rigward tar-rispett ta’ dan l-impenn. Il-Kummissjoni reġgħet ikkunsidrat li t-tibdil kontinwu mill-applikant tal-pjanijiet tal-kummerċ tiegħu biex jakkomodaw dak li hu kien jaħseb li kienu l-aspettazzjonijiet tal-Kummissjoni jitfgħu dubji fuq il-kredibbiltà tal-offerta tal-applikant. Kif indikat fil-premessa 26, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-aġir ta’ Agronova meta fixklet l-investigazzjoni bħala impediment għat-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-partijiet fl-impenn. Għaldaqstant, l-argument tal-applikant kellu jkun rifjutat.

D.   TMIEM TAR-REVIŻJONI

(33)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tat-tħaddim tal-impenn u n-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula, l-investigazzjoni għandha tiġi mitmuma mingħajr tibdil fl-impenn eżistenti tal-applikant.

E.   ŻVELAR

(34)

L-applikant u l-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li tintemm l-investigazzjoni. Il-partiijet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(35)

L-applikant iddikjara li d-drittijiet tiegħu ta’ difiża u ta’ smigħ ġust ġew imtellfa matul il-proċedura. L-applikant ingħata u fil-fatt uża diversi okkażjonijiet biex jippreżenta s-sottomissjonijiet u ngħata żmien suffiċjenti biex jipprovdi informazzjoni u evidenza matul il-proċedura. L-applikant ingħata wkoll il-possibilità li jitlob smigħ f’diversi okkażjonijiet. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward mhumiex ġustifikati.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 u li joriġinaw mir-Russja prodotti minn Joint Stock Company Acron u Joint Stock Company Dorogobuzh hija mitmuma mingħajr bidla għall-forma tal-miżura.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 198, 23.8.1995, p. 1.

(3)  ĠU L 93, 26.3.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 185, 12.7.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 278, 23.10.2009, p. 1.

(8)  ĠU L 185, 12.7.2008, p. 43.

(9)  ĠU C 152, 4.7.2009, p. 40.

(10)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


Top