EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002E0210

Azzjoni Konġunta Tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 fuq il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea

ĠU L 70, 13.3.2002, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2002/210/oj

32002E0210



Official Journal L 070 , 13/03/2002 P. 0001 - 0006


Azzjoni Konġunta Tal-Kunsill

tal-11 ta’ Marzu 2002

fuq il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea

(2002/210/PESK)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari, l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1) Fit-18 ta’ Frar 2002, il-Kunsill ħabbar l-intenzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea biex tassigura, sa l-1 ta’ Jannar 2003, il-kontinwità tat-Task Force Internazzjonali tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti (IPTF) fil-Bosnja u Ħerżegovina (BiH).

(2) B’konformità ma’ l-għanijiet ġenerali ta’ l-Anness 11 tal-Ftehim ta’ Dayton/Pariġi, il-Missjoni tal-Pulizija mill-Unjoni Ewropea (EUPM) għandha tistabbilixxi arranġamenti sostenibbli għall-Pulizija taħt iż-żamma tal-BiH skond l-aqwa prattika Ewropea u internazzjonali, u hemmhekk tgħolli l-istandards preżenti tal-Pulizija fil-BiH. L-EUPM, fdata bl-awtorità meħtieġa biex tissorvelja, tiggwida u tispezzjona, għandha tikseb l-għanijiet tagħha sa l-aħħar ta’ l-2005.

(3) Fil-konklużjonijiet tagħha tat-18 Frar 2002 il-Kunsill iddeċieda wkoll li sabiex jiżgura kontinwità għall-IPTF tan-Nazzjonijiet Uniti, l-għan ta’ l-Unjoni għandu jkun metodu b’attivitajiet li jindirizzaw il-firxa kollha ta’ l-aspetti tas-Saltna tad-Dritt, inklużi programmi li jistabbilixxu istituzzjonijiet u attivitajiet ta’ pulizija li għandhom ikunu jappoġġjaw u jsaħħu lil xulxin. L-EUPM, appoġġjata mill-programmi li jistabbilixxu istituzzjonijiet mill-Komunità taħt ir-Regolamenti tal-CARDS, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ġenerali tal-paċi fil-Bosnja u Ħerżegovina kif ukoll biex tikseb il-politika ġenerali ta’ l-Unjoni fir-reġjun, b’mod notevoli l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(4) L-Unjoni għandha tkompli tikkordina man-Nazzjonijiet Uniti u tikkonsulta ma’ organizzazzjonijiet relevanti, b’mod partikulari n-NATO u l-OSCE.

(5) Wara l-aċċettazzjoni tal-Bord Diriġenti tal-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi tat-28 ta’ Frar 2002 ta’ l-offerta mill-Unjoni rigward l-EUPM, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1396 (2002) tal-5 ta’ Marzu 2002 li taċċetta b’akklamazzjoni l-intenzjoni ta’ l-Unjoni biex tiżgura l-kontinwità ta’ l-IPTF.

(6) Fl-4 ta’ Marzu 2002, l-awtoritajiet tal-Bosnja u Ħerżegovina stiednu lill-Unjoni biex tieħu r-responsabbiltà għall-kontinwità tal-missjoni tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti. Ikun jinħtieġ li jintlaħaq ftehim għal dan il-għan bejn l-awtoritajiet ta’ Bosnja u Ħerżegovina u l-Unjoni Ewropea.

(7) Sabiex jipprepara l-EUPM għandu jiġi stabbilit Tim ta’ l-Ippjanar.

(8) Fit-18 ta’ Frar 2002, il-Kunsill esprima r-rieda tiegħu li jaħtar ir-Rappreżentant Għoli li jmiss fil-BiH bħala r-Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE fil-BiH (EUSR).

(9) Il-Kumitat għall-Politika u Sigurtà għandu jeżerċita kontroll politiku ta’ u jipprovdi direzzjoni strateġika lill-EUPM u għandu jkun infurmat fuq bażi regolari fuq l-aspetti kollha tal-missjoni, inklużi l-laqgħat ta’ istruzzjonijiet mill-EUSR u l-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija kif meħtieġ.

(10) Waqt li japprezzaw il-kontribut importanti li taw Stati oħra lill-IPTF, Stati li mhumiex fl-Unjoni Ewropea huma mistiedna li jagħtu kontribut għall-EUPM fil-BiH. L-ewwel nett membri tan-NATO li mhumiex fl-Unjoni Ewropea u Stati oħra li huma kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni kif ukoll Stati Membri ta’ l-OSCE li mhumiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea, li preżentement qed jipprovdu staff lill-IPTF huma mistiedna jagħtu kontribut għall-EUPM.

(11) Fil-18 ta’ Frar 2002, il-Kunsill ftiehem l-iffinanzjar tal-EUPM kif stabbilit fl-Anness IV tal-konklużjonijiet tiegħu.

(12) L-Artikolu 14(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea jsejjaħ għall-indikazzjoni ta’ ammont finanzjarju ta’ riferenza għall-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni ta’ Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ ammonti li għandhom ikunu ffinanzjati mill-baġit tal-Komunità turi r-rieda ta’ l-awtorità leġislattiva u hija soġġetta għad-disponibbilità ta’ somom kommessi matul is-sena finanzjarja rispettiva,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1. L-Unjoni Ewropea b’dan tistabbilixxi Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (EUPM) sabiex tiżgura l-kontinwità tat-Task Force Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (IPTF) fil-Bosnja u Ħerżegovina (BiH) mill-1 ta’ Jannar 2003. Qabel dik id-data u sabiex tipprepara l-EUPM Tim ta’ l-Ippjanar għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2002 u għandu jkun fi stat operattiv sal-31 ta’ Diċembru 2002.

2. L-EUPM għandu jopera skond l-għanijiet u d-disposizzjonijiet l-oħra kif stipulati fid-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Anness hawnhekk.

Artikolu 2

Ippjanar

1. It-Tim ta’ l-Ippjanar għandu jkun magħmul minn Kap tal-Missjoni tal-Pulizija/Kap tat-Tim ta’ l-Ippjanar u l-istaff meħtieġ biex jittratta mal-funzjonijiet li jirriżultaw mill-bżonnijiet tal-missjoni.

2. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jfassal il-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS) bil-għajnuna tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija/Kap tat-Tim ta’ l-Ippjanar. It-Tim ta’ l-Ippjanar għandu bħala konsegwenza jfassal Pjan ta’ Operazzjonijiet (OPLAN) u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa biex iwettaq l-EUPM. Il-Kunsill għandu japprova l-CONOPS u l-OPLAN.

3. It-Tim ta’ l-Ippjanar għandu jaħdem b’koperazzjoni fil-qrib ma’ l-IPTF.

4. Mill-1 ta’ Jannar 2003, il-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija/Kap tat-Tim ta’ l-Ippjanar isir il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija kif stabbilit fl-Artikolu 4.

Artikolu 3

Strutturi

L-EUPM għandu fil-prinċipju jkun strutturat kif ġej:

(a) il-kwartier ġenerali ewlieni f’Sarajevo, kostitwit mill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija u l-istaff kif imfisser fl-OPLAN. Parti minn dan l-istaff għandu jikkonsisti f’għadd li jvarja ta’ Liaison Officers biex jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fuq l-art. Dawn l-uffiċjali għandhom jinħatru mill-Kap ta’ l-EUPM kif meħtieġ;

(b) total fil-bidu ta’ 24 unit ta’ sorveljanza stazzjonati flimkien fid-diversi strutturi tal-Pulizija f’Bosnja u Ħerżegovina f’livell medju-għoli, inklużi fi ħdan Entitajiet, Ċentri ta’ Sigurtà Pubblika, Kontradi, Aġenzija ta’ l-Istat għall-Protezzjoni tat-Tkixxif, Servizzi dwar il-Fruntieri ta’ l-Istat u fid-distrett ta’ Brcko

Artikolu 4

Kap tal-Missjoni/Kummissarju għall-Pulizija

1. Il-Kunsill, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni Barranija u Sigurtà (SG/HR), għandu jaħtar Kap tal-Missjoni/Kummissarju għall-Pulizija. Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju għall-Pulizija għandu jeżerċita l-kmand ta’ l-operazzjonijiet fuq l-EUPM u jassumi l-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-EUPM.

2. Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun ingaġġat fuq bażi kontrattwali.

3. L-uffiċjali kollha tal-Pulizija jibqgħu taħt il-kmand kollu ta’ l-awtorità nazzjonali adatta. Awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kmand ta’ l-Operat (OPCOM) lill-Kap tal-EUPM.

4. Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun responsabbli mill-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Rigward il-persunal sekondat, azzjoni dixxiplinarja għandha tkun eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta’ l-Unjoni relatata.

Artikolu 5

Staff

1. L-għadd u l-kompetenza ta’ l-istaff ta’ l-EUPM għandhom ikunu konsistenti ma’ l-għanijiet u l-istruttura stipulata fl-Artikolu 3 u fid-dikjarazzjoni tal-missjoni stipulati fl-Anness.

2. Uffiċjali tal-Pulizija għandhom ikunu sekondati mill-Istati Membri. L-anqas perjodu ta’ sekondament għandu jkun ta’ sena waħda. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma’ l-uffiċjali tal-Pulizija sekondati minnu, inklużi s-salarji, l-allowances u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar għall- u mill-BiH.

3. L-istaff internazzjonali ċivili u staff lokali għandhom ikunu ingaġġati fuq bażi kontrattwali mill-EUPM kif meħtieġ.

4. Istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri jew tal-Komunità jistgħu jissekondaw ukoll staff ċivili internazzjonali jekk ikun meħtieġ għal perjodu minimu ta’ sena. Kull istituzzjoni ta’ l-Istati Membri jew tal-Komunità għandha tħallas l-ispejjeż relatati għal kull wieħed mill-istaff sekondat magħha, inklużi s-salarji, allowances u spejjeż ta’ l-ivvjaġġar għall- u mill-BiH.

Artikolu 6

Pożizzjoni tar-Rappreżentant Speċjali fil-ġerarkija magħquda

Il-pożizzjoni tal-ġerarkija magħquda tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (EUSR), maħtur mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill, hija stipulata fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

Ġerarkija

L-istruttura ta’ l-EUPM bħala parti mill-kontinwità usa’ għas-Saltna tal-Liġi ta’ l-Unjoni fil-BiH għandu jkollha ġerarkija magħquda, bħala operazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ kriżi.

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relevanti tal-Ftehim ta’ Dayton/Pariġi u l-Annessi tiegħu:

- l-EUSR għandha tirrapporta lill-Kunsill permezz ta’ l-SG/HR,

- il-Kumitat għall-Politika u s-Sigurtà għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika,

- Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jmexxi l-EUPM u jassumi l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha,

- il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jirrapporta għand l-SG/HR permezz ta’ l-EUSR,

- l-SG/HR għandu jiggwida lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija permezz ta’ l-EUSR.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta’ Stati Terzi

1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni u l-qafas uniku istituzzjonali ta’ l-Unjoni, membri Ewropej tan-NATO mhux membri ta’ l-Unjoni Ewropea u Stati oħra li huma kandidati għall-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll Stati Membri ta’ l-OSCE mhux membri ta’ l-Unjoni Ewropea, li preżentement qegħdin jipprovdu staff lill-IPTF, huma mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPM fuq il-bażi li huma jħallsu l-ispiża li jibagħtu l-uffiċjali għall-Pulizija u/jew l-istaff ċivili internazzjonali sekondat minnhom, inklużi s-salarji, allowances u spejjeż ta’ l-ivvjaġġar għall- u mill-BiH, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż rikorrenti ta’ l-EUPM kif inhu xieraq.

2. Pajjiżi Terzi li qed jagħtu kontribut sinifikanti lill-EUPM għandu jkollhom l-istess drittijiet rigward l-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-operazzjoni bħall-iStati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjoni.

3. Arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati Terzi għandhom ikunu bla ħsara għall-ftehim skond l-Artikolu 24 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1. L-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta għandhom ikunu:

(a) 14-il miljun EUR għall-ispejjeż tal-bidu (inkluż it-tagħmir u t-Tim għall-Ippjanar) għall-2002, li għandu jkun iffinanzjat mill-baġit tal-Komunità;

(b) sa 38 miljun EUR għall-ispejjeż rikorrenti kull sena għas-snin 2003 sa 2005, maqsumin kif ġej:

(i) sa 17-il miljun EUR kuljum jiddependi fuq ir-rata ta’ kuljum stabbilita u miljun EUR għal spejjeż ta’ l-ivvjaġġar, li skond l-Artikolu 5(2) għandhom jitħallsu fuq bażi li "jibqgħu fejn jaqgħu";

(ii) L-20 miljun EUR li jkun baqa’ (11-il miljun EUR għall-ispejjeż kurrenti ta’ l-operazzjoni, 4 miljun EUR għall-istaff lokali, 5 miljun EUR għall-istaff ċivili internazzjonali) għandhom ikunu ffinanzjati b’mod komuni mill-baġit tal-Komunità.

Il-baġit finali għas-snin 2003 sa 2005 għandu jiddeċidih il-Kunsill fuq bażi ta’ kull sena.

2. Fil-każ illi l-iffinanzjar ta’ l-ispejjeż imsemmi fil-paragrafu 1(b)(ii) fuq il-bażi tal-baġit tal- Komunità ma jkunx biżżejjed, il-Kunsill għandu jiddeċidi, skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, kif għandu jkopri kull żbilanċ li jkun fadal, li għandu jikkonsisti fi spejjeż komuni.

3. Rigward in-nefqa ffinanzjata mill-baġit tal-Komunità, għandu japplika dan li ġej:

(a) l-ispiża għandha tiġi amministrata skond ir-regoli tal-Komunità u proċeduri applikabbli għall-baġit. L-akkwisti għandhom jidħlu għalihom skond il-proċeduri xierqa meħtieġa biex titwettaq l-EUPM, partikolarment rigward ir-restrizzjonijiet tal-ħin u biex jippermettu lil ċittadini ta’ Stati Terzi biex jibagħtu l-offerti għall-kuntratti;

(b) Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jirrapporta b’mod dettaljat lill-, u jkun sorveljat mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet li jkunu daħlu għalihom fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4. L-arranġamenti finanzjarji għandhom isegwu l-ħtiġiet ta’ l-operazzjoni ta’ l-EUPM, inkluża l-kompatibilità tat-tagħmir u l-interoperabilità tat-timijiet tagħha.

Artikolu 10

L-azzjoni tal-Komunità

1. Il-Kunsill jikkunsidra l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tidderieġi l-azzjonijiet tagħha lejn il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din l-Azzjoni Konġunta, fejn ikun xieraq, b’miżuri relevanti mal-Komunità.

2. Il-Kunsill jinnota wkoll li arranġamenti ta’ kordinazzjoni fi Brussell u Sarajevo huma meħtieġa.

Artikolu 11

L-istatus ta’ l-istaff ta’ l-EUPM

1. L-istatus ta’ l-istaff ta’ l-EUPM fil-BiH, inkluż fejn jidħlu l-privileġġi, immunitajiet u aktar garanziji meħtieġa għall-konklużjoni u l-funzjoni bla xkiel ta’ l-EUPM għandu jkun miftiehem skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2. L-istituzzjoni ta’ l-Istat jew tal-Komunità li jkunu ssekondaw membru ta’ l-istaff għandha tinżamm responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mas-sekondament, mill- jew dwar il-membru ta’ l-istaff. L-istituzzjoni ta’ l-Istat jew tal-Komunità fil-kwestjoni għandha tinżamm responsabbli biex tieħu azzjoni kontra s-sekondat.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u dewmien

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ meta tiġi adottata.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2005.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussell, fil-11 ta’ Marzu 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Piqué i Camps

--------------------------------------------------

ANNESS

DIKJARAZZJONI TAL-MISSJONI TAL-EUPM

Dan li ġej jagħti sommarju tad-Dikjarazzjoni tal-Missjoni għall-EUPM li tkompli l-IPTF tan-Nazzjonijiet Uniti bħala parti mill-appoġġ ġenerali ta’ l-Unjoni għas-settur tas-Saltna tad-Dritt fil-BiH.

I. Livell Politiku/Strateġiku

1. Id-dikjarazzjoni tal-missjoni ta’ l-EUPM tinkludi:

2. L-EUPM, appoġġata mill-programmi tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet, għandha, bħala parti minn metodu usa’ għas-saltna tad-dritt, taspira, b’konformità ma’ l-għanijiet ġenerali ta’ l-Anness 11 tal-Ftehim ta’ Dayton, li tistabbilixxi arranġamenti sostenibbli ta’ pulizija fil-pussess tal- BiH skond l-aqwa prattika Ewropea u internazzjonali, u b’hekk tgħolli l-istandards preżenti tal-Pulizija fil-BiH. Biex tagħmel dan, din l-EUPM ta’ tliet snin għandha tingħata l-awtorità meħtieġa u tikkonċentra fuq l-għanijiet li ġejjin:

- biex iżżomm, permezz ta’ kontinwità mal-kisbiet tal-missjoni ta’ l-IPTF, il-livelli eżistenti ta’ profiċjenza istituzzjonali u personali;

- biex ittejjeb, permezz ta’ sorveljar, iggwidar u spezzjonar, kapaċitajiet tat-tmexxija u ta’ tħaddim tal-Pulizija; għal dan il-għan, li tikkonċentra fuq id-delega tas-setgħa u prinċipji ta’ tmexxija bbażati fuq il-kwalità kif ukoll it-titjib tal-kapaċitajiet ta’ l-ippjanar ta’ ħidmiet ibbażati fuq analiżi;

- biex issaħħaħ il-professjonalità f’livell għoli fil-ministeri kif ukoll f’livelli ta’ uffiċjali anzjani tal-Pulizija permezz ta’ funzjonijiet konsultattivi u ta’ spezzjoni;

- u biex tissorvelja l-eżerċizzju ta’ kontroll politiku xieraq fuq il-pulizija.

3. Il-missjoni ma tinkludix setgħat eżekuttivi jew it-twaqqif ta’ kontinġent armat.

II. Għanijiet f’livell operazzjonali

4. L-EUPM, mogħtija l-awtorità meħtieġa biex tissorvelja, tiggwida u tispezzjona, u taħdem bħala parti integrali tal-metodu usa’ tas-saltna tad-dritt, għandha tilħaq l-għanijiet stipulati aktar qabel sa tmiem l-2005, billi tiżgura li s-servizzi ta’ pulizija fil-BiH:

- jaġixxu b’mod professjonali u skond il-leġislazzjoni u r-regolamenti relevanti;

- ikunu ħielsa minn indħil politiku, u jitmexxew minn persunal mhux politiku, kwalifikat u responsabbli;

- ikunu ta’ integrità, mgħallma u fornuti b’mezzi biex iwettqu dmirijiethom b’mod trasparenti u imparzjali;

- f’livell ta’ ministeri u uffiċjali anzjani tal-Pulizija jadottaw kultura professjonali bbażata fuq sistema interna ta’ tmexxija imparzjali, trasparenti u responsabbli inkluż l-eżerċizzju ta’ kontrolli interni u proċeduri dixxiplinarji ta’ l-ogħla livell;

- jiżguraw li l-prattiċi ta’ l-amministrazzjoni jitwettqu permezz ta’ policies imparzjali tal-persunal għar-reklutaġġ, taħriġ, speċjalizzazzjoni, promozzjoni, u dixxiplina;

- ikunu bbażati fuq struttura trasparenti li tikkunsidra l-kompożizzjoni multi etnika tas-soċjetà u li tkun tista’ tittratta b’mod sodisfaċenti ma’ kwistjonijiet relatati mal-ġeneru tas-sess;

- jamministraw b’mod effettiv persunal u riżorsi f’qafas istituzzjonali kif jippermetti finanzjarjament u kif jixraq;

- jagħmlu standard ir-reġistrazzjoni ta’ data u sistemi ta’ analiżi biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni għall-ippjanar operazzjonali u investigazzjonijiet, bil-għan li jippromwovu sistema ta’ statistika kriminali mal-BiH kollha;

- jiżviluppaw koperazzjoni għall-Pulizija fost il-forzi għall-Pulizija tal-BiH, inkluż f’livelli fost l-entitajiet u fost il-kontradi (twaqqif ta’ strutturi għall-kordinazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u li jġibu l-fiduċja);

- iwettqu investigazzjoni kriminali ta’ każijiet ta’ korruzzjoni irrispettivament mill-implikazzjonijiet politiċi;

- ikunu kapaċi jinvestigaw u jiġġieldu l-firxa kollha ta’ attivitajiet kriminali, inkluża l-kriminalità organizzata u terroriżmu b’kapaċità f’livell ta’ l-Istat li jifformaw parti effettiva ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, waqt li jikkoperaw mill-qrib mal-prosekuzzjoni u joperaw fi ħdan is-sistema ta’ ġustizzja kriminali riformata;

- jiżviluppaw, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Forza għall-Istabbilità Multinazzjonali (SFOR), skambju ta’ informazzjoni speċjalizzata b’appoġġ għall-kapaċità fuq livell statali u awtoritajiet xierqa oħra;

- ikunu kapaċi jirreaġixxu għal disordni pubblika skond standards ta’ pulizija moderni u mingħajr favoritiżmu politiku jew etniku;

- jidħlu f’koperazzjoni kostruttiva ma’ servizzi tal-Pulizija fi Stati ġirien (Stati SAP) u Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

III. Metodoloġija

5. Wieħed għandu jikkunsidra li l-effettività ta’ l-EUPM li ssegwi metodu ta’ tmexxija jiddependi direttament fuq il-professjonalità tal-persunal u l-kapaċità li jżommu l-kontinwità u tradizzjoni istituzzjonali. Għal dan il-għan, huwa rakkomandat b’mod enfatiku li persunal kwalifikat jintgħażel u jiġi sekondat għal ta’ l-anqas sena.

6. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija qabel sa l-aħħar ta’ l-2005, l-EUPM għandha:

- talloka flimkien membri internazzjonali ta’ pulizija ma’ Kmandanti tad-diversi Entitajiet, Ċentri għas-Sigurtà Pubblika (PSCs), il-Cantons, distrett ta’ Brcko, Aġenzija għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni ta’ l-Istat (SIPA) u Servizz tal-Fruntieri ta’ l-Istat (SBS) f’livelli medji u superjuri tal-Forza għall-Pulizija ta’ BiH;

- tkun kapaċi tneħħi mill-karigi uffiċjali li ma jkunux konformi, permezz ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissarju għall-Pulizija ta’ l-UE lir-Rappreżentant Għoli;

- tikkordina ma’ l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli biex tippromwovi aktar l-għanijiet ġenerali tal-Komunità fil-qasam tal-istat tad-dritt kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet oħra fil-komunità internazzjonali kif inhu xieraq;

- tikkopera ma’ l-iSFOR fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà pubblika inkluż biex tiżgura appoġġ ta’ l-iSFOR in extremis.

--------------------------------------------------

Top