Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2422

    Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2422/oj

    24.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 341/14


    REGOLAMENT (UE, Euratom) 2015/2422 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta' Diċembru 2015

    li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 254 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (1),

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    B'konsegwenza tal-espansjoni progressiva tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sa minn meta nħolqot, l-għadd ta' kawżi li qed jitressqu quddiemha issa qed jiżdied b'mod kostanti.

    (2)

    Attwalment, it-tul ta' żmien tal-proċedimenti ma jidhirx li hu aċċettabbli mill-perspettiva tal-partijiet fil-kawża, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

    (3)

    Is-sitwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tinsab fiha għandha kawżi relatati, inter alia, maż-żieda kwantitattiva u tal-varjetà tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll mal-volum u l-kumplessità tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kompetizzjoni, tal-għajnuna mill-Istat u l-proprjetá intellettwali.

    (4)

    Il-possibilità li jiġu stabbiliti qrati kif previst fl-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ma ġietx applikata.

    (5)

    Konsegwentement, miżuri xierqa ta' natura organizzattiva, strutturali u proċedurali, inkluża, b'mod partikolari, żieda fl-għadd ta' Mħallfin, għandhom jittieħdu sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni. L-użu tal-possibilità prevista fit-Trattati li jiżdied l-għadd ta' Mħallfin tal-Qorti Ġenerali għandu jippermetti tnaqqis fi żmien qasir kemm tal-volum tal-kawżi pendenti kif ukoll tat-tul ta' żmien eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    (6)

    Meta wieħed iqis l- evoluzzjoni tal-volum ta' xogħol tal-Qorti Ġenerali, l-għadd ta' Mħallfin għandu jiġi ffissat għal 56 fi tmiem proċess fi tliet stadji, żewġ Imħallfin maħtura fuq proposta minn kull wieħed mill-Istati Membri, bil-fehim li fl-ebda mument ma jista' jkun hemm aktar minn żewġ Imħallfin li jippresjedu fil-Qorti Ġenerali maħtura fuq proposta mill-istess Stat Membru.

    (7)

    Il-kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-TFUE jqis, b'mod partikolari, l-indipendenza, l-imparzjalità, it-tagħrif espert u l-idoneità professjonali u personali tal-kandidati.

    (8)

    Sabiex jitnaqqas b'mod rapidu l-għadd kbir ta' kawżi pendenti, tnax-il Imħallef addizzjonali għandhom jieħdu l-kariga mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    (9)

    F'Settembru 2016, il-kompetenza fil-prim istanza f'kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea u s-seba' postijiet ta' Mħallfin fit- Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (“Tribunal għas-Servizz Pubbliku”) għandhom jiġu trasferiti għall-Qorti Ġenerali, abbażi tat-talba leġiżlattiva diġà mħabbra mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dik it-talba se tqis il-modalitajiet tat-trasferiment tas-seba' postijiet ta' Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inklużi l-persunal u r-riżorsi.

    (10)

    F'Settembru 2019, id-disa' Mħallfin li jifdal għandhom jieħdu l-kariga. Sabiex tiġi żgurata l-kosteffettività, dan ma għandux jinvolvi r-reklutaġġ ta' segretarji legali addizzjonali jew persunal ieħor ta' appoġġ. Miżuri ta' riorganizzazzjoni interna fl-istituzzjoni għandhom jiżguraw li jsir użu effiċjenti tar-riżorsi umani eżistenti, li għandhom ikunu ugwali għall-Imħallfin kollha, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti Ġenerali dwar l-organizzazzjoni interna tagħha.

    (11)

    Huwa ta' importanza kbira li jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi fil-Qorti Ġenerali. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, sostituzzjonijiet parzjali f'dik il-Qorti għandhom jiġu organizzati b'tali mod li l-gvernijiet tal-Istati Membri gradwalment jibdew jinnominaw żewġ Imħallfin għall-istess sostituzzjoni parzjali bl-għan li għaldaqstant jintgħażlu mara u raġel, ladarba l-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fit-Trattati jiġu rispettati.

    (12)

    Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar is-sostituzzjoni parzjali ta' Mħallfin u Avukati Ġenerali li sseħħ kull tliet snin jiġu adattati f'dan is-sens.

    (13)

    Kif diġà ħabbret il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala segwitu għar-riforma tal-Qorti Ġenerali, hija se tippreżenta ċ-ċifri annwali tal-attività ġudizzjarja tagħha u, jekk ikun meħtieġ, tissuġġerixxi miżuri xierqa. Fit-tieni u t-tielet stadji tat-tkabbir tal-Qorti Ġenerali, se ssir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, jekk ikun meħtieġ, tista' twassal għal ċerti aġġustamenti, b'mod partikolari f'termini ta' nefqa amministrattiva tal-Qorti.

    (14)

    Il-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'dan qiegħed jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Meta, kull tliet snin, ikun hemm sostituzzjoni parzjali tal-Imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti nofs l-Imħallfin. Jekk l-għadd ta' Mħallfin ikun numru bil-fard, l-għadd ta' Mħallfin li jiġu sostitwiti għandu jkun alternat bejn in-numru li jmiss li jkun akbar minn nofs l-għadd ta' Mħallfin u n-numru li jmiss li jkun inqas minn nofs.

    L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll meta kull tliet snin jiġu sostitwiti parzjalment l-Avukati Ġenerali.”.

    (2)

    L-Artikolu 48 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 48

    Il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsisti minn:

    (a)

    40 Imħallef mill-25 ta' Diċembru 2015;

    (b)

    47 Imħallef mill-1 ta' Settembru 2016;

    (c)

    żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru mill-1 ta' Settembru 2019.”.

    Artikolu 2

    Il-mandat tal-Imħallfin addizzjonali tal-Qorti Ġenerali li għandhom jinħatru taħt l-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkun kif ġej:

    (a)

    Il-mandat ta' sitta mit-tnax-il Imħallef addizzjonali li għandhom jinħatru mill-25 ta' Diċembru 2015 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2016. Dawk is-sitt Imħallfin għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-gvernijiet ta' sitt Stati Membri jinnominaw żewġ Imħallfin għas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2016. Il-mandat tas-sitt Imħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2019;

    (b)

    Il-mandat ta' tlieta mis-seba' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2016 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2019. Dawk it-tliet Imħallfin għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-gvernijiet ta' tliet Stati Membri jinnominaw żewġ Imħallfin għas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2019. Il-mandat tal-erba' Mħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2022;

    (c)

    Il-mandat ta' erba' mid-disa' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2019 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2022. Dawk l-erba' Mħallfin għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-gvernijiet ta' erba' Stati Membri jinnominaw żewġ Imħallfin għas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2022. Il-mandat tal-ħames Imħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2025.

    Artikolu 3

    1.   Sas-26 ta' Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfassal rapport, bl-użu ta' konsulent estern, għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali.

    B'mod partikolari, dak ir-rapport għandu jiffoka fuq l-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali, il-ħtieġa u l-effikaċja taż-żieda għal 56 Imħallef, l-użu u l-effikaċja tar-riżorsi u l-istabbiliment ulterjuri ta' awli speċjalizzati u/jew tibdiliet strutturali oħrajn.

    Fejn ikun xieraq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tressaq talbiet leġiżlattivi sabiex temenda l-Istatut tagħha kif meħtieġ.

    2.   Sas-26 ta' Diċembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfassal rapport għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar tibdiliet possibbli fid-distribuzzjoni tal-kompetenza għas-sentenzi preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta xieraq, b'talbiet leġiżlattivi.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. SCHMIT


    (1)  L-Opinjoni tat-30 ta' Settembru 2011 (ĠU C 335, 16.11.2011, p. 20) u l-Opinjoni tat-12 ta' Novembru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-23 ta' Ġunju 2015 (ĠU C 239, 21.7.2015, p. 14). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2015.


    Top